This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CN0054
Case C-54/08: Action brought on 12 February 2008 — Commission of the European Communities v Federal Republic of Germany
Kawża C-54/08: Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja
Kawża C-54/08: Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja
ĠU C 107, 26.4.2008, p. 16–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
26.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 107/16 |
Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja
(Kawża C-54/08)
(2008/C 107/24)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: H. Støvlbæk u G. Braun, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
— |
tikkonstata li, billi l-Artikolu 5 tal-Bundesnotarordnung (liġi federali dwar in-nutara), jeżiġi n-nazzjonalità Ġermaniża għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikoli 43 u 45 KE; |
— |
tikkonstata li, billi ma ttrasponietx id-Direttiva 89/48/KE (jew id-Direttiva 2005/36/KE) fir-rigward tal-professjoni ta' nutar, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret din id-Direttiva kif ukoll l-Artikoli 43 u 45 KE; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali fil-forma ta' restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment. Hija tindika li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 45 KE, il-kapitolu dwar id-dritt ta' stabbiliment ma japplikax għall-attivitajiet li fi Stat Membru huma marbuta, b'mod permanenti jew temporanju, ma' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika.
Skond il-Bundesnotarordnung (liġi federali dwar in-nutara), fil-Ġermanja ċittadini Ġermaniżi biss jistgħu jsiru nutara. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li dawn id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u li huma jiksru l-libertà ta' stabbiliment taċ-ċittadini oħra ta' Stati Membri oħra billi jostakolawhom milli jeżerċitaw il-professjoni ta' nutar.
Skond il-Kummissjoni, l-attivitajiet ta' nutar ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45 KE, b'tali mod li l-libertà ta' stabbiliment tapplika għall-professjoni ta' nutar.
Il-Kummissjoni tqis li, sabiex twieġeb għall-kwistjoni dwar x'inhi l-“awtorità pubblika” fis-sens ta' l-Artikolu 45 KE, jeħtieġ, minn naħa, li tirreferi għall-interpretazzjoni eżistenti fuq livell nazzjonali. L-attivitajiet li, fi Stat Membru, ma jaqgħux taħt l-awtorità pubblika ma jistgħux jkunu s-suġġett ta' l-eċċezzjoni fuq imsemmija, anki jekk dawn l-istess attivitajiet jaqgħu taħt l-awtorità pubblika fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, minn naħa, għall-interpretazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 45 KE, għandhom jiġu ddeterminati l-kunċett u l-portata ta' l-awtorità pubblika mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju u li l-importanza tagħha għandha tiġi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja b'mod awtonomu u uniformi. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż u l-qrati Ġermaniżi jikkunsidraw li l-attivitajiet ta' nutara, fil-prinċipju, huma parti mill-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika ma jfissirx li dan huwa biżżejjed sabiex dawn l-attivitajiet jiġu esklużi mil-libertà ta' stabbiliment permezz ta' l-evalwazzjoni iktar stretta skond id-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b'mod strett bħala eċċezzjoni għal-libertà fundamentali.
Il-Kummissjoni tippreċiża li, fl-istadju attwali ta' l-integrazzjoni, huwa partikolarment diffiċli li tinstab ġustifikazzjoni għar-rekwiżit tan-nazzjonalità fir-rigward ta' l-attivitajiet tan-nutara. L-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet, anki jekk din taqa' taħt l-awtorità pubblika, ma tippresupponi rabta partikolari ma' l-Istat, hekk kif huwa l-każ għan-nazzjonalità. Għaldaqstant, l-ebda attività minn dawn ma għandha mnejn, permezz ta' kompetenzi sovrani u l-użu ta' mezzi Statali, toħloq kunflitti ma' ċittadini.
Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-attivitajiet elenkati mir-Reubblika Federali tal-Ġermanja għall-ġustifikazzjoni tar-rekwiżit tan-nazzjonalità — l-awtentifikazzjoni ta' atti ġuridiċi u ta' konvenzjonijiet, il-valur probatorju ta' dawn id-dokumenti, l-iffisar tal-klawżola ta' eżekuzzjoni, il-pariri legali marbuta ma' l-awtentikazzjoni — mhumiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 45 KE. Il-Kummissjoni tqis li jekk dawn effettivament jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika, jagħmlu dan biss b'mod indirett. Barra minn dan, il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika m'għandux jiġi mfixkel ma' attivitajiet ta' interess pubbliku. Il-karattru pubbliku ma jirriżultax sistematikament mill-awtorità pubblika; l-attivitajiet li jirrigwardaw l-interess ġenerali u mhux l-interess tal-persuna ma jirreferux neċessarjament għat-trasferiment ta' l-awtorità pubblika. Il-Kummissjoni ssostni li billi l-eżerċizzju effettiv ta' l-awtorità pubblika jista' jkompli jiġi rriżervat għaċ-ċittadini tiegħu, l-eżerċizzju ta' attività stabbilita fl-interess ġenerali, bħal ma jista' jkun il-każ fil-kuntest ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bħala miżura preventiva, jista' wkoll jiġi ggarantit bl-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet u ta' kontrolli partikolari fir-rigward ta' l-aċċess għall-professjoni u ta' obbligi professjonali.
Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-ebda attività, ikkunsidrata separatament jew globalment, li jwettqu n-nutara fil-Ġermanja, ma tirrappreżenta parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika fis-sens tal-ġurisprudenza.