This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CN0053
Case C-53/08: Action brought on 12 February 2008 — Commission of the European Communities v Republic of Austria
Kawża C-53/08: Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Awstrija
Kawża C-53/08: Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Awstrija
ĠU C 107, 26.4.2008, p. 15–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
26.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 107/15 |
Rikors ippreżentat fi 12 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Awstrija
(Kawża C-53/08)
(2008/C 107/23)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Braun u H. Støvlbæk, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija
Talbiet
— |
tikkonstata li, billi l-Artikolu 6(1) tan-Notariatsordnung (regoli notarili), jeżiġi n-nazzjonalità Awstrijaka għall-aċċess tal-professjoni ta' nutar, ir-Repubblika ta' l-Awstrija kisret l-Artikoli 43 u 45 KE; |
— |
tikkonstata li, billi ma ttrasponietx id-Direttiva 89/48/KE (jew id-Direttiva 2005/36/KE) fir-rigward tal-professjoni ta' nutar, ir-Repubblika ta' l-Awstrija kisret din id-direttiva kif ukoll l-Artikoli 43 u 45 KE; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali fil-forma ta' restrizzjoni għal-libertà ta' stabbiliment. Hija tindika li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 45 KE, il-kapitolu dwar id-dritt ta' stabbiliment ma tapplikax għall-attivitajiet li fi Stat Membru jaqgħu, anke inċidentalment, fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika.
Skond in-Notariatsordnung (regoli notarili), fl-Awstrija ċittadini Awstrijaċi biss jistgħu jsiru nutara. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li dawn id-dispożizzjonijiet in kwistjoni jikkostitwixxu diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u li jiksru l-libertà ta' stabbiliment ta' ċittadini oħra ta' l-Istati Membri billi jostakolawhom milli jeżerċitaw il-professjoni ta' nutar.
Skond il-Kummissjoni, l-attivitajiet ta' nutar ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45 KE, b'mod illi l-libertà ta' stabbiliment japplika għall-professjoni ta' nutar.
Il-Kummissjoni tqis li, sabiex twieġeb għal-kwistjoni li ssir taf x'inhi l-“awtorità pubblika” fis-sens ta' l-Artikolu 45 KE, jeħtieġ, minn naħa, li tirreferi għall-interpretazzjoni eżistenti fuq livell nazzjonali. L-attivitajiet li, fi Stat Membru, ma jaqgħux taħt l-awtorità pubblika ma jistgħux jkunu suġġetti ta' l-eċċezzjoni fuq imsemmija, anki jekk dawn l-istess attivitajiet jaqgħu taħt l-awtorità pubblika di Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, minn naħa, għall-interpretazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 45 KE, għandu jiġi ddeterminat il-kunċett u l-portata ta' l-awtorità pubblika mill-punt tad-dritt Komunitarju u li l-importanza tiegħu għandha tiġi interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja b'mod awtonomu u uniformi. Għall-Kummissjoni, il-fatt li l-leġiżlatur Awstrijaku u l-qrati Awstrijaċi jikkunsidraw li l-attivitajiet ta' nutara, fil-prinċipju, jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika ma jfissirx li dan huwa biżżejjed sabiex dawn l-attivitajiet jiġu esklużi mil-libertà ta' stabbiliment permezz ta' l-evalwazzjoni iktar stretta skond id-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b'mod strett billi huwa eċċezzjoni għal-libertà fundamentali.
Il-Kummissjoni tippreċiża li, fl-istadju attwali ta' l-integrazzjoni, huwa partikolarment diffiċli li ssib ġustifikazzjoni għall-kundizzjoni tan-nazzjonalità fir-rigward ta' l-attivitajiet tan-nutara. L-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet, anki jekk din taqa' taħt l-awtorità pubblika, ma tippreżupponi rabta partikolari ma' l-Istat, hekk kif huwa l-każ għan-nazzjonalità. Għaldaqstant, l-ebda attività minn dawn ma tirriskja, permezz ta' kompetenzi sovrani u l-użu ta' mezzi statali, li toħloq kunflitti ma' ċittadini.
Għall-Kummissjoni, l-attivitajiet elenkati mir-Reubblika Awstrijaka għall-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni tan-nazzjonalità — l-awtentifikazzjoni ta' atti ġuridiċi u ta' konvenzjonijiet, l-iffissar tal-klawżola eżekutriċi, il-pariri legali kif ukoll l-attività ta' “Gerichtskommissar” (nutar maħtur mill-qorti sabiex jipproċedi għal ċerti atti ta' proċedura) — mhumiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 45 KE. Għall-Kummissjoni, jekk dawn effettivament jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika, jagħmlu dan biss b'mod indirett. Barra minn dan, il-Kummissjoni tippreċiża li l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika m'għandux jiġi konfuż ma' attivitajiet ta' interess pubbliku. In-natura pubblika ma tirriżultax sistematikament mill-awtorità pubblika; l-attivitajiet li jirrigwardaw l-interess ġenerali u mhux l-interess tal-persuna mhux bilfors jirreferu għat-trasferiment ta' l-awtorità pubblika. Għall-Kummissjoni, billi l-eżerċizzju effettiv ta' l-awtorità pubblika jista' jibqa' jiġi rriżervat għaċ-ċittadini tiegħu, l-eżerċizzju ta' attività stabbilita fl-interess ġenerali, bħal din, tista' bħala eżempju tkun il-każ fil-kuntest ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bħala miżura preventiva, tista' wkoll tiġi ggarantita bl-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet u ta' kontrolli partikolari fir-rigward ta' l-aċċess għall-professjoni u ta' obbligi professjonali.
Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-ebda attività, ikkunsidrata separatament jew globalment, li jwettqu n-nutara fl-Awstrija, ma tirrapreżenta parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika fis-sens tal-ġurisprudenza.