Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0047

    Kawża C-47/08: Rikors ippreżentat fil- 11 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

    ĠU C 128, 24.5.2008, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 128/18


    Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Belġju

    (Kawża C-47/08)

    (2008/C 128/30)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J.-P. Keppenne u H. Støovlbæk, aġenti)

    Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

    Talbiet

    tikkonstata li, bl-impożizzjoni ta' kundizzjoni ta' nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar u bin-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48/KEE (1) għall-attività ta' nutar, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE, partikolarment l-Artikoli 43 KE u 45 KE, u taħt id-Direttiva 89/48/KEE dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin;

    tikkundanna lir-Renju tal-Belgju għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni fl-ewwel lok tikkritika lill-konvenut li, bl-impożizzjoni ta' kundizzjoni ta' nazzjonalità għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar u għall-eżerċizzju tagħha, ħoloq preġudizzju sproporzjonat għal-libertà ta' l-istabbiliment prevista fl-Artikolu 43 KE. Huwa minnu li l-Artikolu 45 KE jeżenta mill-applikazzjoni tal-kapitolu dwar id-dritt ta' stabbiliment l-attivitajiet li jaqgħu, b'mod dirett u speċifiku, fl-ambitu ta' l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika. Madankollu, skond il-Kummissjoni, id-dmirijiet li n-nutara għandhom skond il-liġi Belġjana jirrapreżentaw grad ta' parteċipazzjoni f'dan l-eżerċizzju li huwa tant baxx li ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-artikolu u lanqas ma jistgħu jiġġustifikaw tali ostakolu għal-libertà ta' l-istabbiliment. Dawn id-dmirijiet, fil-fatt, ma jagħtux lin-nutara poteri ta' ordnijiet mandatorji u l-leġiżlatur nazzjonali seta' jimponi miżuri inqas restrittivi minn kundizzjoni ta' nazzjonalità, bħal, per eżempju, li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stretti ta' aċċess għall-professjoni, għal rekwiżiti professjonali partikolari u/jew għal kontroll speċifiku.

    Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika wkoll lill-konvenut li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu meta naqas milli jittrasponi d-Direttiva 89/48/KEE f'dak li jirrigwarda l-professjoni ta' nutar. In kwantu din hija professjoni rregolata, id-Direttiva hija fil-fatt kompletament applikabbli għaliha u l-livell għoli ta' kwalifikazzjoni meħtieġ min-nutara jista' faċilment jiġi żgurat permezz ta' test ta' kapaċità jew żmien ta' adattament.


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' diplomi ta' edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' mill-inqas tliet snin (ĠU 1989, L 19, p. 16).


    Top