EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0543

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-11 ta' Novembru 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 56 KE u 43 KE - Moviment liberu tal-kapital - Azzjonijiet preferenzjali (‛golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż f’EDP - Energias de Portugal - Restrizzjonijiet fuq ix-xiri ta’ holdings u parteċipazzjoni fit-tmexxija ta’ kumpannija privatizzata.
Kawża C-543/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11241

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:669

Kawża C-543/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 56 KE u 43 KE — Moviment liberu tal-kapital — Azzjonijiet preferenzjali (‛golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż f’EDP — Energias de Portugal — Restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ holdings u intervent fit-tmexxija ta’ kumpannija privatizzata”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża

(Artikolu 258 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji

(Artikoli 56(1) KE, 58 KE u 86(2) KE)

1.        Parti ma tistax, fil-mori tal-kawża, tibdel is-suġġett tal-kawża nnifsu u l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi kollha ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li huma bbażati fuqhom dawn l-ilmenti. Madankollu, il-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tkun spjegat fir-replika tagħha f’iktar dettall ilment li kienet diġà invokat b’mod ġenerali fir-rikors, billi tirreferi permezz ta’ argument addizzjonali intiż li juri l-fondatezza tal-ilment tagħha, għal dritt ieħor li jibbenefika minnu Stat f’kumpannija privatizzata, ma jbiddilx is-suġġett tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u għaldaqstant ma għandu l-ebda impatt fuq il-portata tal-kawża.

(ara l-punti 20, 21, 23)

2.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE, Stat Membru li jżomm, f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, drittijiet speċjali previsti favur dan l-Istat u entitajiet pubbliċi oħrajn, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, u li jirrigwardaw l-eżenzjoni mil-limitu ta’ voti ta’ 5 % ipprovdut għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-voti mill-azzjonisti l-oħrajn, għad-dritt li jinħatar amministratur tal-kumpannija, fil-każ fejn l-Istat ikun ivvota kontra l-proposta li tkun kisbet il-maġġoranza tal-voti matul l-elezzjoni tal-amministraturi ta’ din il-kumpanija, u għad-dritt ta’ veto fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti dwar:

- l-emendi għall-istatuti, inklużi ż-żieda fil-kapital, il-fużjoni, id-diviżjoni u l-istralċ,

- il-konklużjoni ta’ kuntratti minn membri ta’ gruppi u ta’ sussidjarji,

- l-eleminazzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt preferenzjali tal-azzjonisti fiż-żieda fil-kapital.

Fil-fatt, id-dritt ta’ veto, sa fejn jagħti lil dan l-Istat influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-kumpannija li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tal-holding li għandu f’din il-kumpannija, jista’ jiskoraġġixxi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħrajn milli jagħmlu investimenti diretti f’din tal-aħħar, inkwantu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-valur tal-holding tagħhom. Bl-istess mod, id-dritt ta’ veto inkwistjoni jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-investiment tal-portafoll fil-kumpannija, sa fejn il-possibbiltà ta’ rifjut tal-Istat ikkonċernat li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-korpi ta’ din il-kumpannija bħala li tissodisfa l-interess tagħha tista’, fil-fatt, ikollha effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-imsemmija kumpannija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet.

Fir-rigward tal-limitazzjoni għal limitu ta’ 5 % tal-eżerċizzju mill-azzjonisti kollha tad-drittijiet ta’ vot inerenti fl-azzjonjiet ordinarji li għandhom, bl-eċċezzjoni tal-Istat ikonċernat li ma huwiex suġġett għal din il-limitazzjoni, id-drittijiet ta’ vot marbuta mal-azzjonijiet jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi prinċipali tal-azzjonist sabiex jipparteċipa b’mod attiv fit-tmexxija ta’ impriża jew fil-kontroll tagħha. Konsegwentement, kull miżura intiża li tostakola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittjiet jew li tissuġġettahom għal kwalunkwe kundizzjonijiet, tista’ tiskoraġġixxi lil investituri minn Stati Membri oħrajn, milli jakkwistaw holdings fl-impriżi kkonċernati u tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Barra minn hekk, il-limiti ta’ voti huma strumenti li jistgħu jillimitaw il-possibbiltà tal-investituri diretti li jipparteċipaw fil-kumpannija bl-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti ma’ dawn, li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, li jnaqqsu l-interess tal-akkwist ta’ holding fil-kapital ta’ kumpannija.

Għal dak li jikkonċerna d-dritt li jinħatar amministratur, dan id-dritt jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwantu tali dritt speċifiku jikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji pprovdut għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li din il-possibbiltà tista’ tingħata mil-liġi bħala dritt ta’ minoranza kkwalifikata, f’dan il-każ, din għandha tkun aċċessibbli għall-azzjonisti kollha u ma għandhiex tkun riżervata esklużivament għall-Istat. Fil-fatt, billi jillimita l-possibbiltà ta’ azzjonisti oħrajn, minbarra l-Istat, milli jipparteċipaw fil-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, id-dritt li jinħatar amministratur, jista’ jiskoraġġixxi lill-investituri diretti minn Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, huwa minnu li l-ħtiega li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru kkonċernat f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu tista’ tikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika skont l-Artikolu 58 KE. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Sakemm Stat Membru jinvoka l-motiv dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, mingħajr ma jippreċiża r-raġunijiet eżatti għalfejn huwa jqis li kull wieħed mid-drittijiet speċjali kkontestati, individwali jew kollha flimkien, jippermettu li tiġi evitata tali theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà, ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, l-inċertezza maħluqa mill-fatt li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li jagħti ż-żamma ta’ azzjonijiet preferenzjali fil-kapital azzjonarju tal-kumpanija lill-Istat ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-moviment liberu tal-kapital peress li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, għal dak li jikkonċerna l-użu għal tali drittijiet, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali li dan ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 86(2) KE ma japplikax għad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq, u għaldaqstant ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika dawn id-dispożizzjonijiet peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital stabbiliti fit-Trattat. Fil-fatt, l-Artikolu 86(2) KE, moqri flimkien mal-Arikolu 86(1), jippermetti li jiġi ġġustifikat li Stat Membru jagħti lil impriża inkarigata mit-tmexxija ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, drittijiet speċjali jew esklużivi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ingħatat ikun jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sakemm dan l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. Madankollu, dan ma huwiex l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil Stat Membru drittjiet speċjali f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

(ara l-punti 56-58, 62-64, 84, 85, 87, 90, 92-97 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 56 KE u 43 KE – Moviment liberu tal-kapital – Azzjonijiet preferenzjali (‛golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż f’EDP – Energias de Portugal – Restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ holdings u intervent fit-tmexxija ta’ kumpannija privatizzata”

Fil-Kawża C‑543/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 226KE, imressaq fl-4 ta’ Diċembru 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun u P. Guerra e Andrade kif ukoll minn M. Teles Romão, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, assistit minn C. Botelho Moniz u P. Gouveia e Melo, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet drittijiet speċjali favur l-Istat Portugiż f’EDP – Energias de Portugal (iktar ’il quddiem “EDP”), mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 KE u 43 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

2        L-Artikolu 13(2) tal-Liġi Nru 11/90, li tirrigwarda liġi qafas dwar il-privatizzazzjonijiet (Lei Nru 11/90, Lei Quadro das Privatizaçoes), tal-5 ta’ April 1990 (Diário da República I, serje‑A, Nru 80, tal-5 ta’ April 1990, iktar ’il quddiem il-“LQP”) jipprovdi li:

“Fil-privatizzazzjoni mill-ġdid imwettqa permezz ta’ proċedura pubblika għal offerti, offerta fuq is-suq finanzjarju jew sottoskrizzjoni pubblika, l-ebda entità, fiżika jew ġuridika, ma tista’ takkwista jew tissottoskrivi iktar minn perċentwali fiss tal-kapital li għandu jiġi pprivatizzat mill-ġdid, liema perċentwali huwa stabbilit ukoll fit-test imsemmi fl-Artikolu 4(1) taħt piena, skont kif ser ikun previst, ta’ bejgħ obbligatorju tal-azzjonijiet li jeċċedu dan il-limitu, ta’ telf tad-dritt għal vot mogħti minn dawn l-azzjonijiet jew anki ta’ nullità.”

3        F’dan ir-rigward, id-Digrieti-Liġijiet ta’ implementazzjoni dwar il-privatizzazzjoni mill-ġdid ta’ EDP, b’mod partikolari, id-Digrieti-Liġijiet Nru 78-A/97, tas-7 ta’ April 1997, li japprovaw l-ewwel fażi tal-proċess tal-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ EDP – Électricité du Portugal SA (Diário da República I, serje‑A Nru 81, tas-7 ta’ Aprtil 1997), Nru 94-C/98, tas-17 ta’ April 1998, li japprova t-tielet fażi tal-proċess tal-privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ EDP – Électricité du Portugal SA (Diário da República I, serje‑A, Nru 90, tas-17 ta’ April 1998), u Nru 141/2000, tal-15 ta’ Lulju 2000, li japprova r-raba’ fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital soċjali ta’ EDP – Électricité du Portugal SA (Diário da República I, serje‑A, Nru 162, tal-15 ta’ Lulju 2000), fl-Artikolu 9(1) rispettiv tagħhom jipprovdu:

“L-ebda entità fiżika jew ġuridika ma tista’ takkwista, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet previsti fid-Digriet-Liġi preżenti, azzjonijiet li jirrappreżentaw proporzjon mill-kapital azzjonarju ta’ EDP ikbar minn 5 %, u proposti għal akkwisti li jeċċedu tali perċentwali, għandhom jitnaqqsu għal dan il-limitu.”

4        Skont l-Artikolu 384(2) tal-Kodiċi tal-kumpanniji kummerċjali Portugiż (iktar ’il quddiem il-“KKK”), l-istatuti ta’ dawn il-kumpanniji jistgħu:

“a)      jipprovdu li ċertu numru ta’ azzjonijiet jikkorrispondu għal vot wieħed, sa kemm l-azzjonijiet kollha maħruġa mill-kumpannija jittieħdu inkunsiderazzjoni u jkun hemm mill-inqas vot wieħed għal kull EUR 1 000 tal-kapital.

b)      jipprovdu li l-voti li jeċċedu tali numru ma għandhomx jitqiesu, jekk ikunu eżerċitati minn azzjonist wieħed, f’ismu personali jew ukoll bħala rappreżentant ta’ azzjonist ieħor.”

5        L-Artikolu 384(3) jipprovdi li:

“Il-limitu tan-numru ta’ voti permess fl-Artikolu 384(2)(b) jista’ jiġi stabbilit għall-azzjonijiet kollha jew għal azzjonijiet ta’ kategorija waħda jew iktar biss, iżda mhux għal azzjonisti speċifiċi.”

6        L-Artikolu 15(3) tal-LQP jipprovdi għall-possibbiltà li jinħolqu azzjonijiet preferenzjali fit-termini li ġejjin:

“L-att imsemmi fl-Artikolu 4(1) [li japprova l-istatuti tal-impriża li għandha tiġi pprivatizzata jew li għandha tiġi ttrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata] jista’ jipprovdi wkoll, b’mod eċċezzjonali, meta raġunijiet ta’ interess nazzjonali jeżiġu dan, għall-eżistenza ta’ azzjonijiet preferenzjali intiżi sabiex jibqgħu proprjetà tal-Istat u li, indipendentement min-numru tagħhom, jagħtuh dritt ta’ veto fuq l-emendi għall-istatuti u riżoluzzjonijiet oħra li jirrigwardaw qasam speċifiku, debitament iddefiniti fl-istatuti.”

7        L-Artikolu 13(1) tad-Digriet-Liġi Nru 141/2000 jipprovdi, fir-rigward tas-setgħat speċjali tal-Istat, li:

“Sakemm l-Istat ikun azzjonist fil-kumpannija, indipendentement min-numru ta’ azzjonijiet li jkollu u mill-fatt dwar jekk ikunx azzjonist b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entitajiet pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Liġi Nru 71/88, tal-24 ta’ Mejju 1988, ir-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali elenkati hawn taħt għandhom jiġu biss ikkunsidrati bħala adottati jekk jiksbu l-vot mill-Istat:

a)      riżoluzzjonijiet dwar l-emendi għall-istatuti, inklużi ż-żieda fil-kapital, il-fużjoni, id-diviżjoni u l-istralċ;

b)      riżoluzzjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti minn membri ta’ gruppi u ta’ sussidjarji;

c)      riżoluzzjonijiet dwar l-eleminazzjoni jew il-limitazzjoni tad-dritt preferenzjali tal-azzjonisti fiż-żieda fil-kapital.”

8        L-Artikolu 15(1) tal-LQP jipprovdi li:

“B’mod eċċezzjonali, u meta raġunijiet ta’ interess nazzjonali jeżiġu dan, l-att dwar l-adozzjoni tal-istatuti tal-impriża li għandha tiġi privatizzata mill-ġdid jista’, sabiex jissalvagwardja l-interess ġenerali, jipprovdi li r-riżoluzzjonijiet li jirrigwardaw oqsma speċifiċi għandhom ikunu rikonoxxuti minn amministratur maħtur mill-Istat.”

9        L-Artikolu 13(2) u (3) tad-Digriet-Liġi Nru 141/2000 jipprovdi, għal dak li jikkonċerna s-setgħat speċjali tal-Istat, li:

“2.      Sa kemm ikun azzjonist tal-kumpannija, fis-sens tal-Artikolu 13(1), l-Istat, jekk jivvota kontra l-proposta li tkun kisbet il-maġġoranza tal-voti matul l-elezzjoni tal-amministraturi, jerġa’ jgawdi mid-dritt li jaħtar amministratur, li awtomatikament jissostitwixxi lill-persuna li tkun irċeviet l-inqas voti fuq il-lista tal-maġġoranza jew, fil-każ tal-istess numru ta’ voti, lill-persuna li tkun tinsab fl-aħħar pożizzjoni fuq l-istess lista.

3.      Id-dritt mogħti lill-Istat mill-Artikolu 13(2) għandu jipprevali fuq id-drittijiet simili mogħtija lill azzjonisti minoritarji mill-Artikolu 392 tal-[KKK].”

10      L-Artikolu 10 tad-Digriet-Liġi Nru 218-A/2004, tal-25 ta’ Ottubru 2004, li japprova l-ħames fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ EDP – Électricité du Portugal SA (Diário da República I, serje‑A, Nru 251, tal-25 ta’ Ottubru 2004), u l-Artikolu 6 tad-Digriet-liġi Nru 209‑A/2005, tat-2 ta’ Diċembru 2005, li japprova s-sitt fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ EDP – Énergies du Portugal SA (Diário da República I, serje‑A, Nru 231, tat-2 ta’ Diċembru 2005), żammew fis-seħħ, b’mod espliċitu, id-drittijiet speċjali tal-Istat Portugiż.

 L-istatuti ta’ EDP

11      L-Artikolu 4(4) tal-istatuti ta’ EDP jipprovdi li:

“L-azzjonijiet tal-kategorija B huma l-azzjonijiet li għandhom jiġu pprivatizzati mill-ġdid u l-uniku privileġġ tagħhom huwa l-fatt li l-azzjonisti li huma l-proprjetarji tagħhom jew li jirrappreżentawhom, ma humiex koperti mil-limitu ta’ numru ta’ voti pprovdut fl-Artikolu 14(3) et seq., relatati mal-istess azzjonijiet.”

12      L-Artikolu 14(2) u (3) tal-imsemmija statuti jipprovdu li:

“2.      Kull azzjoni tagħti dritt għal vot.

3.      Il-voti li jaqgħu taħt il-kategorija A, eżerċitati minn azzjonist, f’ismu stess jew bħala rappreżentant ta’ azzjonist ieħor, li jeċċedu l-5 % tat-total tal-voti li jikkorrispondu għall-kapital azzjonarju, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.”

13      L-Artikolu 17(2) jipprovdi kif ġej:

“L-adozzjoni ta’ pjan strateġiku tal-kumpannija u t-twettiq, mill-kumpannija jew minn kumpanniji ddominati minn EDP, tat-tranżazzjonijiet elenkati hawn taħt, għandhom jiksbu l-approvazzjoni mill-bord ta’ sorveljanza:

a)      akkwist u trasferiment ta’ beni, ta’ drittijiet jew ta’ ishma ta’ valur ekonomiku sinjifikattiv;

b)      użu ta’ finanzjament ta’ valur sinjifikattiv;

c)      ftuħ jew għeluq ta’ stabbilimenti jew ta’ partijiet kbar ta’ stabbilimenti, u estensjonijiet jew tnaqqis kbir tal-attività;

d)      negozju jew tranżazzjonijiet oħrajn ta’ valur ekonomiku jew strateġiku sinjifikattiv;

e)      l-istabbiliment jew iċ-ċessjoni ta’ sħubiji strateġiċi jew ta’ għamliet oħrajn ta’ kooperazzjoni fit-tul;

f)      proġetti ta’ diviżjoni, ta’ fużjoni jew ta’ transformazzjoni;

g)      emendi għall-istatuti, inkluż it-tibdil tal-uffiċċju rreġistrat jew iż-żieda fil-kapital, meta jsiru fuq l-inizjattiva tal-bord eżekuttiv tat-tmexxija.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

14      Sa mill-bidu tas-snin disgħin, is-settur tal-elettriku Portugiż għadda minn proċess kbir ta’ ristrutturar. F’dan il-kuntest, EDP, li ġiet stabbilita fl-1976 bħala impriża pubblika permezz tad-Digriet-Liġi Nru 502/76, tat-30 ta’ Ġunju 1976 (Diário da República I, serje‑A, Nru 151, tat-30 ta’ Ġunju 1976), inbidlet f’kumpannija b’responsabbiltà limitata fl-1991. Sussegwentement, l-Istat Portugiż ipprivatizza mill-ġdid lil din l-impriża skont proċess li ġie implementat f’diversi fażijiet. Skont ir-Repubblika Portugiża, attwalment l-Istat għandu 25.73 % tal-kapital azzjonarju ta’ EDP pemezz ta’ Parpública – Participações Públicas SGPS SA u ta’ Caixa Geral de Depósitos SA.

15      EDP hija l-konċessjonarja prinċipali għad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Portugal, kif ukoll l-impriża li taġixxi bħala l-fornitriċi tal-aħħar, u hija wkoll preżenti fuq is-settur tad-distribuzzjoni u tal-provvista ta’ gass naturali fir-reġjun ta’ Grand Porto, permezz tas-sussidjarja tagħha EDP Gás SA.

16      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża li permezz tagħha akkużatha li kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE minħabba li l-Istat u azzjonisti pubbliċi oħrajn kellhom azzjonijiet preferenzjali mogħnija bi drittijiet speċjali fil-kapital ta’ EDP, b’mod partikolari, id-dritt ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ din il-kumpannija u d-dritt li jaħtru amministratur, fil-każ fejn l-Istat ikun ivvota kontra l-proposta li tkun kisbet il-maġġoranza tal-voti matul l-elezzjoni tal-amministraturi, kif ukoll l-eżenzjoni tal-Istat mil-limitu ta’ voti ta’ 5 % ipprovdut għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-voti.

17      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tat-18 ta’ Diċembru 2006 tar-Repubblika Portugiża, fid-29 ta’ Lulju 2007, il‑Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn tenniet it-termini tal-intimazzjoni u fejn stiednet lil dan l‑Istat Membru jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mill‑ġurnata li fiha jirċievi din l‑opinjoni.

18      L-awtoritajiet Portugiżi rrispondew għall-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2007. Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors preżenti.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

19      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rikors huwa parzjalment inammissabbli sa fejn, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni invokat argument legali ġdid li jsostni li l-amministratur imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Digriet-liġi Nru 141/2000 għandu s-setgħa li jikkonferma r-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali ta’ EDP, skont l-Artikolu 15 tal-LQP, u dan jammonta għal preżentazzjoni ta’ lment ġdid, f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ dan l-Istat li jwettaq obbligu, liema lment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li parti ma tistax, fil-mori tal-kawża, tibdel is-suġġett tal-kawża nnifsu u li l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fir-rigward tat-talbiet li jinsabu fir-rikors promotur (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3; tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑256/98, Ġabra p. I-2487, punt 31, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03, Ġabra p. I‑3969, punt 61).

21      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li, fir-rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 258 TFUE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni kif ukoll, minn tal-inqas fil-qosor, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li huma bbażati fuqhom dawn l-ilmenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p.  I‑2187, punt 17; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, Ġabra p. I-4843, punt 71).

22      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talbiet tar-rikors promotur, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija kienet qiegħda takkuża lir-Repubblika Portugiża li l-Istat Portugiż u azzjonisti pubbliċi oħrajn kellhom azzjonijiet preferenzali mogħnija bi drittijiet speċjali fil-kapital azzjonarju ta’ EDP, jiġifieri d-dritt ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-kumpannija, id-dritt li jaħtru amministratur fil-każ fejn l-Istat ikun ivvota kontra l-proposta li tkun kisbet il-maġġoranza tal-voti matul l-elezzjoni tal-amministraturi, kif ukoll l-eżenzjoni mil-limitu ta’ voti ta’ 5 % ipprovdut għal dak li jikkonċerna l-għoti tal-voti. Billi invokat ukoll l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 56 KE, li r-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha magħhom, il-Kummissjoni għalhekk iddefinixxiet, b’termini preċiżi biżżejjed, is-suġġett tal-kawża.

23      Huwa veru li kien fir-replika tagħha biss li l-Kummissjoni bbażat ruħha għall-ewwel darba fuq l-Artikolu 15(1) tal-LQP u d-dritt ipprovdut f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ma qisitx, fir-replika tagħha, li l-Istat Portugiż kellu setgħa speċjali ġdida, iżda hija rreferiet, permezz ta’ argument addizzjonali intiż li juri l-fondatezza tal-ilment tagħha, għal dritt ieħor li kellu dan l-Istat. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni spjegat f’iktar dettall ilmenti li kienet diġà invokat b’mod ġenerali fir-rikors, ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, u għalhekk ma għandu l-ebda impatt fuq il-portata tal-kawża (ara, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑185/00, Ġabra p. I‑14189, punti 84 sa 87, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

24      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Portugiża, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

25      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali fil-kapital azzjonarju ta’ EDP ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji, u għaldaqstant, jikkostitwixxi miżura tal-Istat li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikoli 56 KE u  43(1) KE.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet speċjali marbuta ta’ tali azzjonijiet għandhom jitqiesu bħala azzjonijiet imwettqa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u mhux bħala atti ta’ natura privata. Fil-fatt, id-dritt ta’ veto u d-dritt li jinħatar amministratur huma pprovduti mil-liġi u japplikaw direttament. Indipendentement min-numru ta’ azzjonijiet li għandu, sew jekk b’mod dirett jew indirett, l-Istat Portugiż jista’ jeżerċita l-imsemmija drittijiet speċjali li jipprevalu fuq id-drittijiet speċjali tal-azzjonisti minoritarji. Għal dak li jirrigwarda l-limitu ta’ voti, in-natura ta’ miżura tal-Istat, skont il-Kummissjoni, tirriżulta mill-fatt li l-Istat, minn naħa, daħħal fl-istatuti ta’ EDP id-dispożizzjoni li ffisat il-limitu ta’ voti għal kull azzjonist filwaqt li eżenta lilu nnifsu, u min-naħa l-oħra, stabbilixxa sussegwentement u permezz ta’ liġi, id-dritt speċifiku ta’ veto li huwa intiż għar-riżoluzzjonijiet li jirrigwardaw l-emendi għall-imsemmija statuti.

27      Fir-rigward tar-restrizzjonjiet ipprojbiti mill-Artikoli 56 KE u 43 KE, il‑Kummissjoni tqis, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ veto, li dan jirrestrinġi u jillimita d-dritt tal-azzjonisti li jipparteċipaw b’mod effettiv fit-tmexxija u l-kontroll ta’ EDP, pro rata għall-valur tal-azzjonijiet li jkollhom, filwaqt li jċaħħad lil dawn tal-aħħar mis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi ta’ tmexxija u li jiddeċiedu dwar tibdiliet fis-sidien tal-impriża. Barra minn hekk, dan id-dritt jirrestrinġi wkoll il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment inkwantu huwa possibbli li jsiru investimenti bl-intenzjoni li jitwettqu investimenti finanzjarji u li jkun tali li jiskoraġġixxi lil investituri minn Stati Membri oħrajn sabiex jagħmlu investimenti bħal dawn.

28      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt ta’ veto inerenti fl-azzjonijiet preferenzjali tal-Istat Portugiż jista’ jitqies bħala sistema ta’ awtorizzazzjoni u għaldaqstant bħala sistema li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment. Il-LQP ma tinkludi ebda kriterju dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ veto, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li tali sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u magħrufin minn qabel mill-impriżi kkonċernati.

29      Fir-rigward tad-dritt tal-Istat li jaħtar amministratur, il-Kummissjoni tqis li dan jikkostitwixxi wkoll restrizzjoni li tmur kontra l-Artikoli 56 KE u 43 KE, sa fejn huwa jirrappreżenta ostakolu għall-investiment dirett, peress li dan id-dritt speċifiku jidderoga mid-dritt komuni tal-kumpanniji, peress li huwa previst biss għall-benefiċċju tal-azzjonisti pubbliċi minn leġiżlazzjoni nazzjonali. L-argument tar-Repubblika Portugiża li, skont interpretazzjoni aġġornata tal-KKK, id-dritt tal-Istat li jaħtar amministratur ma għandux jinftiehem bħala tali, fl-aħħar mill-aħħar, iżda bħala d-dritt li jaħtar membru tal-bord ġenerali u ta’ sorveljanza (iktar ’il quddiem il-“BĠS”), u għaldaqstant sorveljant, huwa miċħud mill-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ dan is-suġġett, din tal-aħħar tinvoka l-Artikolu 17(2) tal-istatut ta’ EDP, li jgħid li d-deċiżjonijiet strateġiċi importanti u l-emendi għal dawn l-istatuti huma, fi kwalunkwe każ, suġġetti għall-approvazzjoni minn qabel mill-BĠS.

30      Fir-rigward tal-limitu ta’ voti li għandhom l-azzjonisti ordinarji għal 5 % tal-kapital azzjonarju ta’ EDP, limitu li ma japplikax għall-azzjonijiet preferenzjali tal-Istat Portugiż, il-Kummissjoni tqis li tali regola tirrestrinġi l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija ta’ impriża jew fil-kontroll tagħha u tista’ tiskoraġġixxi l-investituri minn Stati Membri oħrajn milli jakkwistaw holding fl-impriża kkonċernata.

31      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollu billi, l-ewwel nett, issostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE, peress li la għandhom l-effett u lanqas l-għan li jikkostitwixxu ostakolu dirett u sostanzjali għad-dħul tal-investituri diretti jew ta’ investituri tal-portafoll fil-kapital azzjonarju ta’ EDP. Fil-fatt, id-drittijiet speċjali li jibbenifika minnhom l-Istat Portugiż la jikkundizzjonaw direttament u lanqas sostanzjalment l-aċċess tal-investiment f’din il-kumpannija u għaldaqstant, la għandhom l-effett li jiskoraġġixxu l-investiment tal-portafoll u lanqas l-investimenti diretti magħmula minn investituri jew minn impriżi, sew jekk nazzjonali u sew jekk barranin. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni ma tippreżenta ebda analiżi tal-effetti ta’ tali drittijiet speċjali fuq id-deċiżjonijiet tal-investituri stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u fuq l-inċentivi intiżi għalihom, din l-istituzzjoni għaldaqstant ma pproduċietx il-prova li hija obbligata tipproduċi skont l-Arikolu 226 KE.

32      Sussegwentement, l-awtoritajiet Portugiżi jqisu li l-portata tal-kunċett ta’ “miżura restrittiva” għall-moviment liberu tal-kapital u għad-dritt ta’ stabbiliment għandha tiġi ppreċiżata inkwantu l-miżuri nazzjonali applikati b’mod distint għall-investituri nazzjonali u għall-investituri ta’ Stati Membri oħrajn jistgħu jikkostitwixxu biss miżuri restrittivi taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE jekk jikkundizzjonaw direttament jew sostanzjalment l-aċċess tal-investituri għas-suq. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “restrizzjoni” għall-moviment liberu tal-kapital u għad-dritt ta’ stabbiliment fid-dawl tas-sentenza, tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097), dwar ir-regoli dettaljati ta’ bejgħ li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

33      Għal dak li jirrigwarda n-natura ta’ miżura tal-Istat tal-limitu ta’ voti ta’ 5 %, li hija dispożizzjoni li tinsab fl-istatuti ta’ EDP, ir-Repubblika Portugiża ssostni li din ma hijiex miżura tal-Istat iżda att ta’ dritt privat li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.

34      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni dwar id-dritt ta’ veto, li tgħid li dan id-dritt speċjali jikkostitwixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tirrestrinġi u tillimita d-dritt tal-azzjonisti milli jintervjenu b’mod effettiv fit-tmexxija u l-kontroll tal-kumpannija pro rata għall-valur tal-azzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, jew milli jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi ta’ tmexxija. Id-dispożizzjonjiet nazzjonali inkwistjoni jagħtu biss lill-Istat Portugiż, fl-osservanza stretta tal-interess pubbliku tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-pajjiż, id-dritt ta’ veto fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali li jemendaw b’mod fundamentali l-istruttura ta’ EDP u li għal din ir-raġuni jikkompromettu l-imsemmija sigurtà. Għaldaqstant, dan id-dritt ma jċaħħadx lill-azzjonisti mis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi ta’ tmexxija.

35      Fir-rigward tad-dritt tal-Istat Portugiż li jinnomina amministratur, ir-Repubblika Portugiża tenfasizza l-fatt li, wara reviżjoni tal-KKK fl-2006, dan id-dritt għandu jinftiehem bħala l-possibbiltà li jinnomina membru tal-BĠS, u mhux bħalma tikkunsidra l-Kummissjoni b’mod żbaljat. Fir-realtà, peress li l-Istat jingħata biss rappreżentant uniku u vot wieħed fil-korp kolleġjali ta’ sorveljanza bħall-BĠS, huwa għalhekk ma jibbenefikax minn influwenza deċiżiva fil-korp ta’ amministrazzjoni ta’ EDP u għaldaqstant ma jillimitax il-parteċipazzjoni effettiva ta’ azzjonisti oħrajn fit-tmexxija jew fil-kontroll ta’ din il-kumpannija. Fi kwalunkwe każ, skont dan l-Istat Membru, dan id-dritt ma jista’ jkollu ebda impatt fuq l-interess tal-impriżi nazzjonali jew stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jakkwistaw holdings finanzjarji jew ikkwalifikati fil-kapital azzjonarju ta’ EDP.

36      Bħala risposta għall-argumenti ppreżentati fir-risposta tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ssostni, billi tirreferi għas-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑463/00, Ġabra p. I‑4581), li l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex meħtieġa.

37      Barra minn hekk, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Portugiża tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża preżenti, għandhom jiġu analizzati esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 43 KE u mhux tal-Artikolu 56 KE. Billi tirreferi għas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑326/07, Ġabra p. I‑2291), hija tqis li d-drittijiet speċjali li jibbenifika minnhom l-Istat jistgħu jikkonċernaw biss l-azzjonisti li għandhom parti mill-kapital azzjonarju ta’ EDP, li tagħtihom influwenza ċerta fuq it-tmexxija tal-kumpannija. Fl-ipoteżi li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jkollhom effett restrittiv fuq il-moviment liberu tal-kapital, liema ipoteżi hija kkontestata minn dan l-Istat Membru, dan tal-aħħar isostni li dan l-effett huwa ipotetiku kif ukoll rari ħafna u li, fi kwalunkwe każ, dan ikun biss konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikax eżami awtonomu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 56 KE.

38      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni li billi l-Kummissjoni ma għamlet ebda analiżi tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mill-Istat Portugiż fuq il-bażi tal-Artikolu 86(2) KE hija naqset, b’mod serju, milli twettaq l-obbligu tagħha fir-rigward tal-oneru tal-prova taħt l-Artikoli 226 KE u 86(2) KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 56 KE u 43 KE

39      Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat għandu jiġi eżaminat kemm fid-dawl tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll tal-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Portugiża tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża preżenti għandhom jiġu analizzati esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 43 KE u mhux fid-dawl tal-Artikolu 56 KE.

40      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra minn dawn il-libertajiet fundamentali, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C‑157/05, Ġabra p. I‑4051, punt 22, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

41      Jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma, minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ holding li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

42      Jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari, l-investimenti diretti jiġifieri l-investimenti ta’ kwalunkwe tip imwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-kumpannija li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Dan l-għan jippresupponi li l-azzjonijiet miżmuma mill-azzjonist f’kumpannija jagħtuh il-possibbiltà li jipparteċipa b’mod effettiv fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I‑8995, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

43      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk il-holdings li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mill-kobor tal-holding li azzjonist ikollu f’kumpannija, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

44      Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaffettwaw l-azzjonisti kif ukoll l-investituri potenzjali kollha u mhux biss l-azzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq it-tmexxija u l-kontroll ta’ EDP. Għaldaqstant, hemm lok li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiġu eżaminati mill-angolu tal-Artikoli 56 KE u 43 KE.

–       Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżulta mill-Artikolu 56 KE

45      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali, r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I-9141, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

46      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fit-Trattat KE, fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu [67] tat-Trattat [artikolu li ġie abrogat bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jikkostitwixxu moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, b’mod partikolari, l-investimenti msejħa “diretti”, jiġifieri, l-investimenti taħt forma ta’ holding f’impriża permezz ta’ żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u l-kontroll tagħha, kif ukoll l-investimenti msejħa “tal-portafoll”, jiġifieri l-investimenti taħt forma ta’ akkwist ta’ titoli fis-suq tal-kapitali li jsir bl-unika intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li ssir influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 18, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 49).

47      Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, miżuri nazzjonali li jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw l-akkwist ta’ azzjonijiet fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu l-investituri minn Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara s-sentenzi, tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 45; tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I-4781, punt 40; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I-4641, punti 47 u 49; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑174/04, Ġabra p. I-4933, punti 30 u 31, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

48      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta, għal dak li jikkonċerna l-limitu ta’ voti ta’ 5 %, in-natura ta’ miżura nazzjonali tal-Artikolu 14(3) tal-istatuti ta’ EDP, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, billi tinvoka n-natura privata ta’ dawn l-istatuti. Konsegwentement, skont l-awtoritajiet Portugiżi, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix miżura tal-Istat u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.

49      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-KKK jillimita ruħu sabiex jaċċetta l-possibbiltà li jiġi pprovdut limitu ta’ voti għal azzjonijiet f’ċertu kategorija fil-memorandum tal-assoċjazzjoni ta’ EDP u li huwa preċiżament bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-istatuti ta’ din il-kumpannija, meħuda skont din il-leġiżlazzjoni, li dawn l-azzjonijiet ġew introdotti u attribwiti lill-Istat Portugiż.

50      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-proċess, l-imsemmija dispożizzjoni tal-istatuti ta’ EDP ġiet adottata qabel ma tlestiet l-ewwel fażi tal-privatizzazzjoni ta’ EDP, jiġifieri fi żmien meta l-Istat Portugiż kellu l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar. Wara l-iffissar tal-imsemmi limitu ta’ voti u f’mument meta dan l-Istat kien wasal f’punt fejn kellu parti ħafna iżgħar minn dan il-kapital, huwa stabbilixxa, permezz tal-Artikolu 15(3) tal-LQP, dritt speċifiku ta’ veto favorih stess li jista’ jiġi eżerċitat, b’mod partikolari, fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet li jemendaw l-istatuti ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant, il-klawżola dwar il-limitu ta’ voti, ipprovduta fl-Artikolu 14(3) tal-imsemmija statuti, ma tistax iktar tiġi annullata mill-azzjonisti mingħajr il-kunsens tal-Istat.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li hija r-Repubblika Portugiża stess li, minn naħa, premezz tal-leġiżlatur tagħha, awtorizzat il-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali fil-kapital azzjonarju ta’ EDP u, min-naħa l-oħra, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika iddeċidiet, skont l-Artikolu 15(3) tal-LQP, li tintroduċi azzjonijiet preferenzjali fl-imsemmi kapital, li tagħtihom lill-Istat u li tiddefinixxi d-drittijiet speċjali li jġibu magħhom.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ħolqien tal-imsemmija azzjonijiet preferenzjali ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji inkwantu dawn l-azzjonijiet preferenzjali, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-KKK, huma intiżi sabiex jibqgħu l-proprjetà tal-Istat u għalhekk ma jistgħux jiġu ttrasferiti.

53      Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-limitu ta’ voti ta’ 5 % favur l-Istat Portugiż għandu jitqies bħala imputabbli lill-Istat u, konsegwentement, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) KE.

54      Fir-rigward tan-natura restrittiva taż-żamma ta’ azzjonijiet preferenzjali mogħnija bi drittijiet speċjali tal-Istat Portugiż fil-kapital azzjonarju ta’ EDP, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u parzjalment, flimkien mal-istatuti tal-imsemmija kumpannija, għandu jiġi kkonstatat li tali azzjonijiet jistgħu jiskoraġġixxu lill-operaturi ta’ Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital ta’ din tal-aħħar.

55      Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna d-dritt ta’ veto, mill-Artikolu 13(1) tad-Digriet‑Liġi Nru 141/2000 jirriżulta li l-approvazzjoni ta’ numru kunsiderevoli ta’ riżoluzzjonijiet importanti li jikkonċernaw EDP hija suġġett għall-kunsens tal-Istat Portugiż. F’dan ir-rgiward, għandu jiġi ppreċiżat li l-vot favur ta’ dan tal-aħħar huwa partikolarment meħtieġ għal kull riżoluzzjoni li temenda l-istatuti ta’ EDP, b’tali mod li l-influwenza tal-Istat Portugiż fuq din il-kumpannija ma tista’ titnaqqas biss jekk dan l-Istat stess jagħti l-kunsens tiegħu għal dan.

56      Għaldaqstant, l-imsemmi dritt ta’ veto, sa fejn jagħti lil dan l-Istat influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll ta’ EDP li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tal-holding li għandu f’din il-kumpannija, jista’ jiskoraġġixxi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħrajn milli jagħmlu investimenti diretti f’din tal-aħħar, inkwantu ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-valur tal-holding tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 50 sa 52 u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 60).

57      Bl-istess mod, id-dritt ta’ veto jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-investiment tal-portafoll f’EDP, sa fejn il-possibbiltà ta’ rifjut tal-Istat Portugiż li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-korpi ta’ din il-kumpannija bħala li tissodisfa l-interess tagħha tista’, fil-fatt, ikollha effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-imsemmija kumpannija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, punt 27, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 61).

58      Fir-rigward tal-limitazzjoni għal limitu ta’ 5 % tal-eżerċizzju mill-azzjonisti kollha tad-drittijiet ta’ vot inerenti fl-azzjonjiet ordinarji li għandhom, bl-eċċezzjoni tal-Istat Portugiż li ma huwiex suġġett għal din il-limitazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet ta’ vot marbuta mal-azzjonijiet jikkostitwixxu wieħed mill-mezzi prinċipali tal-azzjonist sabiex jipparteċipa b’mod attiv fit-tmexxija ta’ impriża jew fil-kontroll tagħha. Konsegwentement, kull miżura intiża sabiex tostakola l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittjiet jew li tissuġġettahom għal kwalunkwe kundizzjonijiet, tista’ tiskoraġġixxi lil investituri minn Stati Membri oħrajn, milli jakkwistaw holdings fl-impriżi kkonċernati u tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenza, tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 24). Barra minn hekk, il-limiti ta’ voti huma strumenti li jistgħu jillimitaw il-possibbiltà tal-investituri diretti li jipparteċipaw fil-kumpannija bl-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti ma’ dawn, li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, li jnaqqsu l-interess tal-akkwist ta’ holding fil-kapital ta’ kumpannija (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

59      Għal dak li jikkonċerna d-dritt li jinħatar amministratur, ir-Repubblika Portugiża ssostni qabel kollox li skont interpretazzjoni aġġornata tal‑KKK, l-imsemmi dritt li huwa pprovdut fl-Artikoli 15(1) tal-LQP u fl-Artikolu 13(2) u (3) tad-Digriet‑Liġi Nru 141/2000, għandu jinftiehem bħala l-possibbiltà li jinħatar membru tal-BĠS u għaldaqstant, sorveljant. Il-Kummissjoni topponi din l-interpretazzjoni.

60      L-argument tar-Repubblika Portugiża ma jistax jintlaqa’. Anki fl-ipoteżi li tali interpretazzjoni “aġġornata” hija korretta, dan l-Istat Membru xorta madankollu ma pproduċiex prova ta’ din l-interpretazzjoni li hija kkontestata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, minn naħa, hija ma ssib ebda bażi fl-ifformular tat-testi msemmija fil-punt preċedenti. Għaldaqstant, kemm l-Artikolu 15(1) tal-LQP kif ukoll l-Artikolu 13(2) u (3) tad‑Digriet-liġi Nru 141/2000 jipprovdu, b’mod espliċitu, għall-ħatra ta’ amministratur u mhux ta’ sorveljant. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru ma weriex għal liema raġunijiet l-emendi għal ċerti regoli tal-KKK li jirregola d-dritt tal-kumpanniji kummerċjali Portugiżi għandhom bilfors il-konsegwenza li l-possibbiltà li jinħata “amministratur”, provduta mill-imsemmija dispożizzjonijiet, għandha tinftiehem bħal dik li jinħatar “sorveljant”, peress li dawn jirreferu għal privatizzazzjonijiet, b’mod partikolari, fis-settur tal-enerġija u għaldaqstant jaqgħu fid-dritt pubbliku, mingħajr ma t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġie emendat b’mod espliċitu.

61      Barra minn hekk, il-fatt li l-BĠS ma huwiex korp ta’ deċiżjoni iżda korp ta’ kontroll, ma huwiex tali li jimmina l-pożizzjoni u l-influwenza tal-atturi pubbliċi kkonċernati. Fil-fatt, għalkemm id-dritt tal-kumpanniji Portugiż jagħti lil dan il-korp il-missjoni li jikkontrolla t-tmexxija tal-kumpannija, huwa jagħti kompetenzi importanti lil dan l-korp, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din il-missjoni. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-approvazzjoni tal-BĠS hija neċessarja, skont l-Artikolu 17(2) tal-istatuti ta’ EDP, għal ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet, fejn fosthom, minbarra l-akkwist u t-trasferiment ta’ beni, ta’ drittijiet jew ta’ ishma b’valur ekonomiku sinjifikattiv, jinsabu b’mod partikolari, il-ftuħ jew l-għeluq ta’ stabbilimenti jew ta’ partijiet kbar ta’ stabbilimenti, it-twaqqif jew iċ-ċessjoni ta’ sħubijiet strateġiċi jew ta’ għamliet oħra ta’ kooperazzjoni fit-tul, id-diviżjoni, il-fużjoni jew it-trasformazzjoni tal-kumpannija l-emendi għall-istatuti ta’ din tal-aħħar, inkluż it-tibdil tal-uffiċċju rreġistrat jew iż-żieda fil-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq. punt 65).

62      Wara li ppreċiżat dan, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt li jinħatar amministratur jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwantu tali dritt speċifiku jikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji pprovdut għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). Għalkemm huwa minnu li din il-possibbiltà tista’ tingħata mil-liġi bħala dritt ta’ minoranza kkwalifikata, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, din għandha tkun aċċessibbli għall-azzjonisti kollha u ma għandhiex tkun riżervata esklużivament għall-Istat.

63      Fil-fatt, billi jillimita l-possibbiltà ta’ azzjonisti oħrajn, minbarra l-Istat Portugiż, milli jipparteċipaw fil-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, id-dritt li jinħatar amministratur ipprovdut fl-Artikoli 15(1) tal-LQP u 13(2) u (3) tad‑Digriet-Liġi Nru 141/2000, jista’ jiskoraġġixxi lill-investituri diretti minn Stati Membri oħrajn milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

64      Minn dan isegwi li d-dritt ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet tal-laqgħa ġenerali ta’ EDP, l-eżenzjoni mil-limitu ta’ 5 % favur l-Istat Protugiż u d-dritt li jaħtar amministratur fil-każ fejn l-Istat ikun ivvota kontra l-proposta li tkun kisbet il-maġġoranza tal-voti matul l-elezzjoni tal-amministraturi, jikkostitwixxu restrizzjonjiet għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

65      Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi mminata bl-argumenti invokati mir-Repubblika Portugiża u bbażati fuq l-applikabbiltà għall-każ inkwistjoni tal-Artikolu 295 KE kif ukoll tal-allegata loġika abbażi tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex analogi għal-leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw il-metodi ta’ bejgħ li, fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 28 KE.

67      Fil-fatt, skont l-imsemmija sentenza, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għal prodotti li joriġinaw fi Stati Membri oħrajn li jillimitaw jew jipprojbixxu, fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ċerti metodi ta’ bejgħ, ma hijiex tali li tfixkel il-kummerċ bejn l-Istati Membri, sa kemm, fl-ewwel lok, ikunu japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju nazzjonali u, fit-tieni lok, li jaffettwaw bl-istess mod, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħrajn. Ir-raġuni għal dan hija li din ma hijiex ta’ natura li tipprojbixxi l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jew li tfixklu iktar milli tfixkel l-aċċess għall-prodotti nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I-1141, punt 37).

68      Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li r-restrizzjonijiet inkwistjoni japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li ma humiex residenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni tax-xerrej ta’ holding bħala tali u għalhekk huma ta’ natura li jiskoraġġixxu l-investituri ta’ Stati Membri oħrajn milli jagħmlu tali investimenti u, għaldaqstant, li jikkundizzjonaw l-aċċess għas-suq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitatata, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 67).

69      Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital ma tistax tiġi mminata bl-argument tar-Repubblika Portugiża li d-drittijiet speċjali kkontestati la għandhom ebda effett fuq l-inestimenti diretti u lanqas fuq l-investimenti tal-portafoll f’EDP peress li l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar jinsabu fost dawk li huma l-iktar mixtrija fil-Borża ta’ Lisbona, fejn numru kbir tagħhom jinsabu għand investituri barranin.

70      Bħalma ssemma fil-punti 56 u 58 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, sa fejn joħolqu strumenti li jistgħu jillimitaw il-possibbiltà li investituri jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju ta’ EDP bl-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha, li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll ta’ din il-kumpannija, inaqqsu l-interess fl-akkwist ta’ holding f’dan il-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

71      Din il-konstatazzjoni ma tiġix affettwata bil-preżenza ta’ ċertu numru ta’ investituri diretti fost l-azzjonisti ta’ EDP. Fil-fatt, dan il-fatt ma huwiex tali li, minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, jikkontradixxi l-fatt li investituri diretti minn Stati Membri oħrajn, attwali jew potenzjali, li setgħu ġew skoraġġuti milli jakkwistaw holding fil-kapital ta’ din il-kumpannija sabiex jipparteċipaw fiha bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha, li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, filwaqt li kellhom id-dritt li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital u mill-protezzjoni li dan jistabbilixxi favurihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma, mill-Istat Portugiż, ta’ azzjonijiet preferenzjali flimkien mad-drittijiet speċjali li tali azzjonijiet jagħtu lill-proprjetarju tagħhom, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

73      Il-Kummissjoni tqis li restrizzjonijiet bħal dawk stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jistgħu jkunu ġġustifikati minn ebda għan ta’ interess ġenerali invokat mir-Repubblika Portugiża u li, fi kwalunkwe każ, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

74      Fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni tenfasizza li tali sigurtà ma taqax fil-qafas tas-sigurtà pubblika fis-sens tat-Trattat, bħalma jallega dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li, bil-kontra ta’ dak li teħtieġ il-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, il-punti 71 u 72 tas‑sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, l-imsemmi Stat ma weriex l-eżistenza ta’ “theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà”, li tista’ tiġġustifika d-drittijiet inkwistjoni għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubbliku.

75      Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża setgħet tirreaġixxi għal kull theddida reali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tas-sistema ta’ kontroll li taqa’ taħt id-dritt amministrattiv tagħha u mhux permezz ta’ drittijiet speċjali mogħtija fil-kapital azzjonarju ta’ EDP, marbuta ma’ azzjonijiet preferenzjali u, għaldaqstant mingħajr ma tostakola l-moviment liberu tal-kapital u lanqas id-dritt ta’ stabbiliment.

76      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-attivitajiet ta’ EDP li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku. Hija tqis li l-provvista tal-enerġija elettrika u tal-gass huma servizzi ta’ interess ġenerali iżda ma humiex servizz pubbliku. Għal dak li jikkonċerna tali servizzi ta’ interess ġenerali, l-Istat għandu r-responsabbiltà li jagħti garanziji, jiġifieri li dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn korpi privati. Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ EDP, jiġifieri dawk tad-distribuzzjoni u ta’ fornitriċi tal-aħħar, dawn huma koperti mir-responsabbiltà tal-Istat, li l-istrument essenzjali tagħha hija l-garanzija tal-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ kontroll tiegħu tal-provvista tal-enerġija u mhux it-teħid ta’ holdings speċifiċi mill-Istat fil-kumpanniji kkonċernati.

77      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali inkwistjoni ma huwa suġġett għal ebda kriterju oġġettiv u preċiż li jidderiġi l-applikazzjoni tas-sistema maħluqa, ħlief għal dak intiż sabiex tali drittijiet jintużaw biss meta jkunu meħtieġa għal raġunijiet ta’ interess ġenerali. Issa, anki fl-ipoteżi li l-għanijiet invokati mir-Repubblika Portugiża huma leġittimi, setgħa daqshekk diskrezzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

78      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrifjuta r-raġunament tar-Repubblika Portugiża għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 86(2) KE billi ssostni li din tinjora l-qafas li tinsab fih din id-dispożizzjoni.

79      Ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li, anki fl-ipoteżi li d-drittijiet speċjali li l-Istat għandu fil-kapital azzjonarju ta’ EDP jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertajiet invokati mill-Kummissjoni, tali restrizzjonijiet huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi jirreferi għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra p. 2727), dan l-Istat Membru jenfasizza li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-pajjiż li tikkostitwixxi interess ta’ sigurtà pubblika. Huwa ġustament jinvoka wkoll il-fatt li d-drittijiet speċjali li għandu l-Istat Portugiż jirrigwardaw attivitajiet suġġetti għal obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku u, għaldaqstant huma, fi kwalunkwe każ, iġġustifikati skont l-Artikoli 58(1)(b) KE u 46(1) KE.

80      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tippreċiża li, sa fejn fl-istat attwali tiegħu, id-dritt tal-Unjoni Ewropea la jinkludi regoli u lanqas miżuri li jiggarantixxu biżżejjed is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Istati Membri, hija għad għandha s-setgħa kif ukoll il-kompitu korrispondenti, li huwa impost fuqha kemm mid-dritt nazzjonali kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni, li tieħu l-miżuri nazzjonali xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ dan l-interess fundamentali għas-soċjetà, fl-osservanza tar-regoli tat-Trattat, kif jirriżulta mis-sentenza Campus Oil et, iċċitata iktar ’il fuq.

81      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni li dawn id-drittjiet speċjali huma strumenti xierqa sabiex jipproteġu s-sigurtà tas-settur tal-enerġija fil-Portugall, li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma jeżistux mezzi oħra inqas vinkolanti li jippermettu li jopponu l-adozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet tal-korpi ta’ tmexxija ta’ kumpannija bħalma hija EDP li jistgħu jkollom effett fuq ir-regolarità, is-sigurtà u l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija.

82      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Portugiża, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma neċessarji sabiex jippermettu lil EDP tiżgura l-missjonijiet ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali li ġew fdati lilha mill-Istat Portugiż skont l-Artikolu 86(2) KE. Jekk jiġi aċċettat li dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra l-Artikoli 43 KE u 56 KE, l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli tikkostitwixxi ostaklu għall-missjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 86(2) KE fdata lil EDP. Fi kwalunkwe każ, iż-żamma fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu drittijiet speċjali lill-Istat Portugiż la għandha effett fuq il-kummerċ fl-Unjoni u lanqas fuq l-interess ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreċiża l-interessi tal-Unjoni li, fid-dawl tagħhom għandu jiġi evalwat l-impatt eventwali fuq il-kummerċ li jista’ jirriżulta mill-eżistenza tad-drittijiet li jibbenifika minnhom l-Istat Portugiż f’EDP, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tissodisfax l-oneru tal-provi li għandha taħt l-Artikolu 226 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ġġustifikati permezz tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa kemm ikunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan tagħhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 69).

84      Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, ma jistax jinċaħad li l-għan invokat mir-Repubblika Portugiża li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ dan l-Istat Membru f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu tista’ tikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tal-14 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 38, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 72) u tiġġustifika, possibbilment, ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. L-importanza li jagħtu l-Istati Membri u l-Unjoni lill-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tidher, barra minn hekk, b’mod partikolari fid-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55).

85      Madankollu, huwa paċifiku li r-rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

86      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni li tali theddida, fid-dawl tal-importanza kruċjali tal-enerġija fil-forma tal-elettriku u tal-gass naturali għall-ekonomiji u s-soċjetajiet kollha kontemporanji, ma għandhiex tkun waħda immedjata. Fid-dawl tal-kompitu ta’ Stat Membru li jiggarantixxi s-sigurtà ta’ provvista regolari u kontinwa ta’ elettriku u ta’ gass naturali, huwa leġittimu li dan l-Istat jikseb il-mezzi neċessarji sabiex jiggarantixxi l-interess fundamentali tas-sigurtà tal-provvista anki jekk ma teżisti ebda theddida imminenti. F’dan ir-rigward, peress li r-riskju ta’ theddid serju għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ma tistax tiġi eskluża, u peress li tali theddid iseħħ, per natura, minnufih u fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa imprevedibbli, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu l-obbligu jiżgura li jiġu implementati strumenti xierqa li jippermettu li tittieħed azzjoni minnufih u b’mod effettiv, sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà kontinwa ta’ din il-provvista.

87      Dan l-argument ma huwiex kompletament infondat. Madankollu, peress li r-Repubblika Portugiża llimitat ruħha li tinvoka l-motiv dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet eżatti għalfejn hija tqis li kull wieħed mid-drittijiet speċjali kkontestati, individwali jew kollha flimkien, jippermettu li tiġi evitata tali theddida għal interess fundamentali tas-soċjetà, f’dan il-każ ma jistax ikun hemm ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika.

88      Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Portugiża, li d-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, ma jiggarantixxix biżżejjed is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri, dak li jġiegħelha tieħu l-miżuri nazzjonali xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ dan l-interess fundamentali għas-soċjetà ma huwiex rilevanti.

89      Anki jekk jiġi aċċettat li, skont ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, jeżisti obbligu għal Stat Membru li jiggarantixxi l-provvista tal-enerġija fit-territorju nazzjonali tiegħu, kif tallega r-Repubblika Portugiża, l-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata kwalunkwe miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali.

90      Barra minn hekk, fir-rigward tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li jagħti ż-żamma ta’ azzjonijiet preferenzjali fil-kapital azzjonarju ta’ EDP lill-Istat Portugiż ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, u dan kuntrarjament għal dak li jafferma l-Istat Membru konvenut.

91      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 15(3) tal-LQP jipprovdi li l-ħolqien ta’ azzjonijiet preferenzjali fil-kapital azzjonarju ta’ EDP, li jagħti drittijiet speċjali lill-Istat Portugiż, huwa suġġett għall-kundizzjoni, li hija fformulata b’mod pjuttost ġenerali u impreċiż, li raġunijiet ta’ interess ġenerali jeħtieġu dan, madankollu xorta għandu jiġi kkonstatat li la din il-liġi u lanqas l-istatuti ta’ EDP ma jistabbilixxu kriterji fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi fejn l-imsemmija drittijiet speċjali jistgħu jiġu eżerċitati (ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). L-istess konstatazzjoni tapplika għall-imsemmi Artikolu 15(1) tal-LQP, peress li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ħatra ta’ amministratur mill-Istat Portugiż għal kundizzjoni, ifformulata wkoll b’mod pjuttost ġenerali u impreċiż, ibbażata fuq is-salvagwardja tal-interess ġenerali.

92      Għaldaqstant, tali inċertezza tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-moviment liberu tal-kapital peress li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, għal dak li jikkonċerna l-użu għal tali drittijiet, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali, li dan ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

93      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 86(2) KE, għandu jiġi rrilevat li, moqrija flimkien mal-Arikolu 86(1), din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi ġġustifikat li Stat Membru jagħti lill-impriża inkarigata mit-tmexxija ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, drittijiet speċjali jew esklużivi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ingħatat ikun jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sakemm dan l-iżvilupp tal-kummerċ ma jsirx b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 52, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C‑220/06, Ġabra. p. I-12175, punt 78, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 44).

94      F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex l-għan tad-dispożizzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa kontra r-Repubblika Portugiża.

95      Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmija proċedura la tirrigwarda l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew eslużivi lil EDP u lanqas il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar bħala servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda tikkonċerna l-legalità tal-għoti, lill-Istat Portugiż, bħala azzjonista ta’ din il-kumpannija, ta’ drittjiet speċjali fllimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali miżmuma minn dan tal-aħħar fil-kapital azzjonarju ta’ EDP.

96      Minn dan isegwi li l-Artikolu 86(2) KE ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik ineżami, u għaldaqstant ma jistax jiġi invokat mir-Repubblika Portugiża sabiex jiġġustitika dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital stabbiliti fit-Trattat.

97      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm f’EDP drittijiet speċjali bħal dawk provduti f’dan il-każ mil-LQP, id-Digriet‑Liġi Nru 141/2000 u fl-istatuti tal-imsemmija kumpannija favur l-Istat Protugiż u entitajiet pubbliċi oħrajn, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali miżmuma minn dan l-Istat Membru fil-kapital azzjonarju tal-imsemmija kumpannija, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE

98      Il-Kummissjoni titlob ukoll li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li r-Repubblika Portugiża għandha taħt l-Artikolu 43 KE minħabba li l-għoti ta’ drittijiet speċjali lill-Istat Portugiż, flimkien mal-azzjonijiet preferenzjali li huma miżmuma minn dan tal-aħħar, jista’ jostakola lill-azzjonisti l-oħra milli jeżerċitaw influwenza reali fuq id-deċiżjonijiet ta’ EDP u għaldaqstant, milli jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha.

99      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jimplikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, tali restrizzjonijiet huma l-konsegwenza diretta tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital eżaminati fil-punti 45 sa 72 tas-sentenza preżenti, li ma jistgħux jiġu separati minnhom. Għaldaqstant, peress li diġà ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 56(1) KE, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija miżuri jiġu eżaminati b’mod separat fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tat-13 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 86; Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, punt 43 u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 80).

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żżomm drittijiet speċjali f’EDP – Energias de Portugal, bħal dawk ipprovduti f’dan il-każ mil-Liġi Nru 11/90 li tirrigwarda liġi qafas dwar il-privatizzazzjonijiet (Lei n° 11/90, Lei Quadro das Privatizações), tal‑5 ta’ April 1990, mid-Digriet‑Liġi Nru 141/2000, tal-15 ta’ Lulju 2000, li japprova r-raba’ fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni mill-ġdid tal-kapital azzjonarju ta’ EDP – Électricité du Portugal SA, u mill-istatuti tal-imsemmija kumpannija favur l-Istat Portugiż u entitajiet pubbliċi oħrajn, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet preferenzjali (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju tal-imsemmija kumpannija, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top