Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0508

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-28 ta' Ottubru 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' Malta.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu - Regolament (KEE) Nru 3577/92 - Artikoli 1 u 4 - Servizzi ta’ kabotaġġ fi ħdan Stat Membru - Obbligu li kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu konklużi fuq bażi mhux diskriminatorja - Konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, ta’ kuntratt esklużiv qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni.
    Kawża C-508/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10589

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:643

    Kawża C-508/08

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika ta’ Malta

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu — Regolament (KEE) Nru 3577/92 — Artikoli 1 u 4 — Servizzi ta’ kabotaġġ fi ħdan Stat Membru — Obbligu li kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu konklużi fuq bażi mhux diskriminatorja — Konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, ta’ kuntratt esklużiv qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Emenda fil-mori tal-kawża — Projbizzjoni

    2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Rikors intiż li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu minħabba aġir li jippreċedi d-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni — Regolament Nru 3577/92 — Iffirmar ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku għal servizz ta’ kabotaġġ marittimu mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel

    (Regolament tal-Kunsill Nru 3577/92, Artikoli 1 u 4)

    1.        Mill‑Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u mill‑ġurisprudenza relatata ma’ din id‑dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s‑suġġett tal‑kawża u għandu jagħti sunt tal‑motivi, u li din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Dan ifisser li l‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem mit‑test tar‑rikors stess u li t‑talbiet tar‑rikors għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment.

    Meta mit-test tal-opinjoni motivata u kif ukoll mit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li n-nuqqas, allegat minn din tal-aħħar, tal-Istat Membru inkwistjoni li jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt ir‑Regolament Nru 3577/92, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), joħroġ mill-fatt li dan l-Istat Membru ffirma, qabel id-data tal-adeżjoni tiegħu, kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ kabotaġġ marittimu mingħajr ma qabel saret sejħa għal offerti, l-allegazzjoni, fir-replika u matul is-seduta, li l-Istat Membru msemmi ma kienx konformi mal‑obbligi tiegħu taħt dan ir‑regolament b’effett mid-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, ma tikkorrispondix mat‑talbiet tar‑rikors. Għaldaqstant, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi dwar tali allegazzjoni, wara li tkun eżaminat il‑fondatezza tagħha, hija tkun qiegħda tiddeċiedi ultra petita.

    (ara l-punti 12, 15-19)

    2.        Rikors li s-suġġett tiegħu jkun il-konstatazzjoni li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolament Nru 3577/92, li japplika l- prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu), minħabba li ffirma, fis-16 ta’ April 2004, kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ kabotaġġ marittimu mingħajr ma saret minn qabel sejħa għal offerti, jista’ jintlaqa’ biss jekk ir-regolament imsemmi kien xorta waħda jimponi, qabel id-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru msmemi, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004, l-osservanza ta’ ċerti obbligi fuq dan l-Istat. Tali obbligi jimplikaw, b’mod partikolari, li l‑Istati huma obbligati jastjenu, matul il‑perijodu li jippreċedi l‑applikabbiltà fir‑rigward tagħhom tar-Regolament Nru 3577/92, milli jikkonkludu kuntratt ta’ servizz pubbliku b’tali mod li ma kienx ikun konformi mal‑Artikoli 1 u 4 ta’ dan ir‑regolament.

    Peress li l-Kummissjoni b’ebda mod ma bbażat il-motivi mressqa insostenn tar-rikors tagħha fuq l-eventwali eżistenza ta’ tali obbligi, ir-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jintlaqa’.

    (ara l-punti 20-22)







    SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

    28 ta’ Ottubru 2010 (*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu – Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Artikoli 1 u 4 – Servizzi ta’ kabotaġġ fi ħdan Stat Membru – Obbligu li kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu konklużi fuq bażi mhux diskriminatorja – Konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, ta’ kuntratt esklużiv qabel id‑data tal‑adeżjoni ta’ Stat Membru mal‑Unjoni”

    Fil‑Kawża C‑508/08,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fl‑20 ta’ Novembru 2008,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina u K. Simonsson, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil‑Lussemburgu,

    rikorrenti,

    vs

    Ir‑Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn S. Camilleri kif ukoll minn L. Spiteri u A. Fenech, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑11 ta’ Mejju 2010,

    wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Lulju 2010,

    tagħti l‑preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar‑rikors tagħha, il‑Kummissjoni tal‑Unjoni Ewropea qiegħda titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizja tikkonstata li, billi ffirmat, mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, kuntratt esklużiv ta’ servizz pubbliku mal‑kumpannija Gozo Channel Co. Ltd (iktar ’il quddiem “GCCL”), fis‑16 ta’ April 2004, ir‑Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas‑7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l‑prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat‑trasport marittimu fi ħdan l‑Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), u b’mod partikolari taħt l‑Artikoli 1 u 4 tiegħu.

     Il‑kuntest ġuridiku

     L‑Att ta’ Adeżjoni

    2        L‑Artikolu 2 tal‑Att li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni”) jipprovdi:

    “Mid‑data ta’ l‑adeżjoni, id‑disposizzjonjiet tat‑Trattati originali u l‑atti adottati mill‑istituzzjonijiet u l‑Bank Centrali Ewropew qabel l‑adeżjoni ghandhom jorbtu l‑Istati Membri l‑ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l‑Istati Membri bil‑kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it‑Trattati u f’dan l‑Att”.

     Ir‑Regolament Nru 3577/92

    3        Skont l‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament Nru 3577/92:

    “Sa mill‑1 ta’ Jannar 1993, il‑libertà li jiġu pprovduti s‑servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika [għandha tapplika] għal proprjetarji ta’ vapuri tal‑Komunità li jkollhom il‑vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l‑bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il‑vapuri jkunu konformi mal‑kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l‑Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir‑Reġistru jkun approvat mill‑Kunsill.”

    4        L‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi:

    “Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall‑għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer.

    Kull meta Stat Membru jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar‑rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal‑Komunità.”

     Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑proċedura prekontenzjuża

    5        Fil‑kuntest tan‑negozjati dwar l‑adeżjoni tar‑Repubblika ta’ Malta mal‑Unjoni Ewropea, din tal‑aħħar adottat, fis‑26 ta’ Ottubru 2001, Pożizzjoni Komuni (Konferenza dwar l‑Adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Malta – doc. 20766/01 CONF‑M 80/01) dwar il‑Kapitolu li jikkonċerna l‑politika tat‑trasport. Skont din il‑pożizzjoni komuni, “l‑UE tirrimarka li Malta għandha l‑intenzjoni tikkonkludi kuntratti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kemm ma’ Sea Malta Co. Ltd kif ukoll ma’ [GCCL] għal perijodu ta’ ħames snin kull wieħed, qabel it‑30 ta’ Ġunju 2002, u li fl‑iskadenza ta’ dawn il‑kuntratti ser japplikaw proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkonformità mal‑acquis rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    6        Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2005, ir‑Repubblika ta’ Malta, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni li saritilha mill‑Kummissjoni, ikkonfermat li żewġ kuntratti esklużivi ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li jkopru l‑provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu bejn il‑gżejjer ta’ Malta u Għawdex kienu ġew konklużi, fis‑16 ta’ April 2004, mill‑Gvern ma’ GCCL u Sea Malta Co. Ltd, għal perijodu ta’ sitt snin kull wieħed.

    7        Il‑Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tiftaħ il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 226 KE. Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑10 ta’ April 2006, din l‑istituzzjoni indikat li dawn il‑kuntratti, li kienu ġew konklużi mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, ma kinux konformi mad‑dritt Komunitarju sa fejn, minn naħa, ma kinux ġew konklużi fil-kuntest ta’ proċedura mhux diskriminatorja u, min‑naħa l‑oħra, la kienet intweriet in‑neċessità u lanqas il‑proporzjonalità tagħhom.

    8        Fit‑12 ta’ Ġunju 2006, ir‑Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l‑ittra ta’ intimazzjoni.

    9        Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it‑tweġiba, il‑Kummissjoni, fil‑15 ta’ Diċembru 2006, ħarġet opinjoni motivata fejn sostniet li billi ffirmat, mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, kuntratt esklużiv ma’ GCCL fis‑16 ta’ April 2004 sabiex jiġi żgurat is‑servizz ta’ trasport marittimu bejn il‑gżejjer ta’ Malta u Għawdex, ir‑Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament Nru 3577/92, b’mod partikolari taħt l‑Artikoli 1 u 4 tiegħu. Hija stiednet lil dan l‑Istat Membru jieħu l‑miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mid‑data tan‑notifika tagħha.

    10      Ir‑Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l‑opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2008, fejn informat lill‑Kummissjoni li kienu nbdew il‑preparazzjonijiet sabiex issir sejħa għal offerti fir‑rigward tas‑servizzi ta’ trasport marittimu bejn il‑gżejjer ta’ Malta u Għawdex, liema sejħa għal offerti kellha tiġi implementata mhux iktar tard minn Ottubru tas‑sena 2008.

    11      Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l‑Kummissjoni ppreżentat dan ir‑rikors.

     Fuq ir‑rikors

    12      Insostenn tar‑rikors tagħha, il‑Kummissjoni ssostni li mit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(1) tar‑Regolament Nru 3577/92 jirriżulta li l‑konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ kabotaġġ marittimu għandha tkun ippreċeduta minn proċedura ta’ sejħa għal offerti li tkun saret b’mod mhux diskriminatorju u b’mod miftuħ fuq livell Komunitarju, filwaqt li l‑kuntratt konkluż fis‑16 ta’ April 2004 bejn il‑Gvern Malti u GCCL ma kienx irriżulta minn tali proċedura.

    13      Minn naħa l‑oħra, mis‑sentenza tal‑20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, Ġabra p. I‑1271) jirriżulta li kuntratt ta’ servizz pubbliku jkun konformi mar‑rekwiżiti tar‑Regolament Nru 3577/92 biss jekk tkun tista’ tiġi pprovata ħtieġa reali ta’ servizz pubbliku. Madankollu, fir‑rigward tal‑kuntratt konkluż ma’ GCCL, ir‑Repubblika ta’ Malta ma pprovat b’mod suffiċjenti la tali ħtieġa u lanqas in‑neċessità u l‑proporzjonalità ta’ kuntratt esklużiv.

    14      Ir‑Repubblika ta’ Malta, bħala l‑eċċezzjoni prinċipali tagħha, issostni li r‑Regolament Nru 3577/92 ma huwiex applikabbli għal dan il‑kuntratt peress li dan il‑kuntratt ġie konkluż qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, id‑data tal‑adeżjoni tagħha mal‑Unjoni.

    15      Fir‑replika tagħha, il‑Kummissjoni ma tikkontestax li dan ir‑regolament ma kienx japplika għar‑Repubblika ta’ Malta fid‑data meta ġie ffirmat il‑kuntratt kontenzjuż, jiġifieri fis‑16 ta’ April 2004. Madankollu, hija ssostni li kien preċiżament mill‑1 ta’ Mejju 2004 li, fir‑rigward ta’ dan il‑kuntratt, dan l‑Istat Membru ma kienx konformi mal‑obbligi tiegħu taħt ir‑regolament imsemmi. Matul is‑seduta l‑Kummissjoni reġgħet ippreċiżat li dan in‑nuqqas ta’ konformità joħroġ mill‑fatt li l‑kuntratt imsemmi nżamm fis‑seħħ wara d‑data tal‑adeżjoni tar‑Repubblika ta’ Malta mal‑Unjoni.

    16      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li mill‑Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u mill‑ġurisprudenza relatata ma’ din id‑dispożizzjoni jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s‑suġġett tal‑kawża u għandu jagħti sunt tal‑motivi, u li din l‑indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut jipprepara d‑difiża tiegħu u lill‑Qorti tal‑Ġustizzja teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Dan ifisser li l‑punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jista’ jinftiehem mit‑test tar‑rikors stess u li t‑talbiet tar‑rikors għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara s‑sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 103, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I-5267, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    17      F’dan il‑każ, kemm mit‑test tal‑opinjoni motivata u kif ukoll mit‑talbiet tar‑rikors tal‑Kummissjoni jirriżulta b’mod inekwivoku li n‑nuqqas, allegat minn din tal‑aħħar, tar‑Repubblika ta’ Malta li twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament Nru 3577/92 joħroġ mill‑fatt li din iffirmat, fis‑16 ta’ April 2004, il‑kuntratt kontenzjuż.

    18      Minn dan isegwi li l‑allegazzjoni li r‑Repubblika ta’ Malta ma kinitx konformi mal‑obbligi tagħha taħt dan ir‑regolament mill‑1 ta’ Mejju 2004 ma tikkorrispondix mat‑talbiet tar‑rikors.

    19      Għaldaqstant, jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi dwar tali allegazzjoni, wara li tkun eżaminat il‑fondatezza tagħha, hija tkun qiegħda tiddeċiedi ultra petita.

    20      Fir‑rigward tas‑suġġett tan‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif indikat fir‑rikors tal‑Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, skont l‑Artikolu 2 tal‑Att ta’ Adeżjoni, ir‑Regolament Nru 3577/92 ma kienx japplika għar‑Repubblika ta’ Malta, kif tammetti l‑Kummissjoni, qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, id‑data tal‑adeżjoni ta’ dan l‑Istat mal‑Unjoni (ara, b’analoġija, is‑sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Hadadi, C‑168/08, Ġabra p. I‑6871, punt 26).

    21      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kif indikat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 57 tal‑konklużjonijiet tagħha, ir‑rikors tal‑Kummissjoni jista’ jintlaqa’ biss jekk ir‑Regolament Nru 3577/92 kien xorta waħda jimponi, qabel din id‑data, li r‑Repubblika ta’ Malta tosserva ċerti obbligi. Fil‑kuntest ta’ din il‑kawża, tali obbligi jimplikaw, b’mod partikolari, li l‑Istati huma obbligati jastjenu, matul il‑perijodu li jippreċedi l‑applikabbiltà fir‑rigward tagħhom tar-Regolament Nru 3577/92, milli jikkonkludu kuntratt ta’ servizz pubbliku b’tali mod li ma kienx ikun konformi mal‑Artikoli 1 u 4 ta’ dan ir‑regolament.

    22      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l‑Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat il‑motivi mressqa insostenn tar‑rikors tagħha fuq l‑eventwali eżistenza ta’ tali obbligi. Għall‑kuntrarju, anzi, kif ġie indikat fil‑punt 15 ta’ din is‑sentenza, hija ppreċiżat, kemm fir‑replika tagħha u kif ukoll waqt is‑seduta, li kien b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2004, id‑data tad‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 3577/92 fir‑rigward tar‑Repubblika ta’ Malta minħabba l‑adeżjoni tagħha mal‑Unjoni, li dan l‑Istat Membru ma kienx, fil‑fehma tal‑Kummissjoni, konformi mal‑obbligi tiegħu taħt dan ir‑regolament.

    23      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, u mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l‑eċċezzjonijiet l‑oħra ppreżentati sussidjarjament mir‑Repubblika ta’ Malta, għandu jiġi miċħud ir‑rikors tal‑Kummissjoni.

     Fuq l‑ispejjeż

    24      Skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitluba mir‑Repubblika ta’ Malta.

    Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

    2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall‑ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal‑kawża: il‑Malti.

    Top