EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0499

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Ottubru 2010.
Ingeniørforeningen i Danmark vs Region Syddanmark.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Vestre Landsret - id-Danimarka.
Direttiva 2000/78/KE - Trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Nuqqas ta’ ħlas tal-kumpens għal tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija.
Kawża C-499/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09343

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:600

Kawża C-499/08

Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal Ole Andersen

vs

Region Syddanmark

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret)

“Direttiva 2000/78/KE — Trattament ugwali fl-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Nuqqas ta’ ħlas tal-allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa minn mill-persuna li kienet tipjegahom skont skema ta’ pensjoni li fiha huma ssieħbu qabel ma kellhom l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefikaw minn kumpens speċjali għal tkeċċija intiż li jiffavorixxi r-reintegrazzjoni professjonali ta’ ħaddiema li jkollhom anzjanità ta’ iktar minn tnax-il sena fl-impriża.

Fil-fatt, din l-esklużjoni hija bbażata fuq l-idea li l-impjegati jitilqu s-suq tax-xogħol ladarba jkunu eliġibbli għal pensjoni tax-xjuħija mħallsa minn mill-persuna li kienet timpjegahom u jkunu ssieħbu f’din l-iskema ta’ pensjoni qabel l-età ta’ 50 sena. Minħabba din l-evalwazzjoni marbuta mal-età, ħaddiem li, minkejja li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ pensjoni mħallsa minn min kien iħaddmu, ikun jixtieq jirrinunzja temporanjament għal dan il-benefiċċju sabiex ikompli bil-karriera professjonali tiegħu, ma jkunx jista’ jirċievi l-kumpens speċjali għal tkeċċija, minkejja li dan huwa intiż għal protezzjoni tiegħu. Għalhekk, bil-għan leġittimu li jiġi evitat li dan il-kumpens ikun ta’ benefiċċju għal persuni li ma jkunux qed ifittxu impjieg ġdid iżda jkunu ser jieħdu dħul alternattiv fl-għamla ta’ pensjoni tax-xjuħija maħruġa minn skema professjonali, il-miżura inkwistjoni twassal sabiex teskludi minn dan il-kumpens ħaddiema mkeċċija li jkunu jridu jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u dan biss minħabba l-fatt li dawn ikunu jistgħu, minħabba b’mod partikolari l-età tagħhom, jieħdu din il-pensjoni.

Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni ma tippermettix, fir-rigward ta’ kategorija sħiħa ta’ ħaddiema ddefinita skont il-kriterju tal-età, li dawn il-ħaddiema jirrinunzjaw temporanjament għall-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija mingħand min kien iħaddimhom sabiex jingħataw il-kumpens speċjali għal tkeċċija, intiż li jgħinhom isibu impjieg. Għalhekk, din il-miżura tista’ tobbliga lil dawn il-ħaddiema jaċċettaw pensjoni tax-xjuħija ta’ ammont iżgħar meta mqabbla ma’ dak li huma jistgħu jiksbu kemm-il darba jibqgħu attivi sa età iktar avvanzata, b’mod li jkollhom telf ta’ dħul sinjifikattiv fuq medda ta’ żmien twil.

(ara l-punti 44, 46, 49 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Trattament ugwali fl-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Nuqqas ta’ ħlas tal-allowance ta’ tkeċċija lill-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija”

Fil-Kawża C-499/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Ingeniørforeningen i Danmark, li taġixxi għal Ole Andersen,

vs

Region Syddanmark,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borġ Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għall-Ingeniørforeningen i Danmark, li taġixxi għal O. Andersen, minn K. Schioldann, avukat,

–        għar-Region Syddanmark, minn M. Ulrich, avukat,

–        għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn G. Iván, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. B. Rasmussen, J. Enegren u S. Schønberg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ingeniørforeningen i Danmark u r-Region Syddanmark dwar it-tkeċċija ta’ O. Andersen.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan “li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[...]”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)       il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

(b)       l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta’ gwida professjonali, formazzjoni professjonali, formazzjoni u riformazzjoni professjonali iktar avvanzata, inkluż taħriġ ta’ xogħol prattiku;

(ċ)       il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

(d)       is-sħubija ma’, u l-involviment, f’organizzazzjoni ta’ ħaddiema jew ta’ min iħaddem jew f’kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jeżerċitaw professjoni partikulari, inklużi l-benefiċċji li huma pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet.”

7        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il-liġi dwar l-impjegati [lov om retsforholdet mellem arbejdsgivere og funktionærer (funktionærloven)] tinkludi fl-Artikolu 2a tagħha, id-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-kumpens speċjali għal tkeċċija:

“1.      Fil-każ ta’ tkeċċija ta’ impjegat, li jkun ilu fl-impjieg mal-istess impriża b’mod kontinwat għal 12, 15 jew 18-il sena, il-persuna li timpjega trid tħallsu somma, fil-mument tat-tmiem tal-impjieg, li tkun ekwivalenti għal paga ta’ xahar, xahrejn, jew tliet xhur rispettivament.

2.      Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 1 ma tapplikax jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impjegat jirċievi xi benefiċċju soċjali.

3.      L-allowance ta’ tkeċċija ma titħallasx jekk, fil-mument tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg, l-impjegat jirċievi mingħand il-persuna li timpjegah pensjoni tax-xjuħija u jekk l-impjegat ikun daħal fis-sistema tal-pensjoni inkwistjoni qabel ma jagħlaq ħamsin sena.

[…]”

9        Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont ġurisprudenza nazzjonali paċifika, id-dritt għall-kumpens speċjali għal tkeċċija jintemm hekk kif skema privata tal-irtirar li għaliha l-persuna li timpjega tkun ikkontribwixxiet tippermetti l-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija fil-mument tat-tluq, u dan anki jekk l-impjegat ma jkunx jixtieq jeżerċita dan id-dritt għall-irtirar. Dan huwa l-każ anki jekk l-ammont tal-pensjoni jkun iżgħar fid-dawl tal-antiċipazzjoni tad-data tal-irtirar.

10      Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tal-Liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li temenda l-liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (lov om ændring af lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m. v.).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fl-1 ta’ Jannar 1979, O. Andersen ġie impjegat mis-Sønderjyllands Amtsråd, li sar ir-Region Syddanmark (reġjun tad-Danimarka ta’ Isfel).

12      Fit-22 ta’ Jannar 2006, ir-Region Syddanmark innotifika lil O. Andersen bid-deċiżjoni tiegħu li jwaqqfu mix-xogħol fi tmiem ta’ avviż li kellu jiskadi fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2006. Wara proċedura ta’ arbitraġġ, din it-tkeċċija ġiet iddikjarata abbużiva.

13      Fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu mar-Region Syddanmark, O. Andersen, li kellu 63 sena, ma għażilx li jsostni d-drittijiet tiegħu tal-irtirar iżda għażel li jirreġistra mal-korpi kompetenti bħala applikant għax-xogħol.

14      Fit-2 ta’ Ottubru 2006, O. Andersen talab mingħand min kien iħaddmu l-ħlas tal-kumpens speċjali għal tkeċċija li jikkorrispondi għal tliet xhur paga, filwaqt li sostna l-fatt li huwa kellu iktar minn tmintax-il sena servizz.

15      Fl-14 ta’ Ottubru 2006, ir-Region Syddanmark ċaħad din it-talba fuq il-bażi tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, peress li O. Andersen seta’ jibbenefika minn pensjoni ffinanzjata mill-persuna li kienet timpjegah.

16      Għalhekk, l-Ingeniørforeningen i Danmark, sindakat li jaġixxi għal O. Andersen, ressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Vestre Landsret. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati jikkostitwixxi miżura diskriminatorja fil-konfront tal-ħaddiema li jkollhom iktar minn 60 sena, b’mod inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, u dan huwa kkontestat mir-Region Syddanmark.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-projbizzjoni minn diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi ta’ età li tinsab fl-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi Stat Membru milli jżomm fis-seħħ sitwazzjoni ġuridika fejn min iħaddem, wara li jitkeċċa ħaddiem impjegat li kien jaħdem mal-istess kumpannija għal 12, 15 jew 18-il sena, għandu, malli jiġi tterminat l-impjieg tal-ħaddiem impjegat, iħallas ammont ekwivalenti għal xahar, xahrejn jew tliet xhur paga rispettivament, iżda li dan il-benefiċċju m’għandux jitħallas meta l-ħaddiem impjegat, meta jintemm il-kuntratt, huwa intitolat li jirċievi pensjoni tax-xjuħija minn skema ta’ pensjoni li għaliha jkun ikkontribwixxa min iħaddem?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2007/78 u, fil-każ li dan huwa l-każ, jekk hija tikkostitwixxix trattament differenti bbażat fuq l-età li tista’, fejn applikabbli, tiġi kkunsidrata li hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.

19      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi enfasizzat li kemm mit-titolu u l-preambolu kif ukoll mill-kontenut u l-għan ta’ din id-direttiva jirriżulta li hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiżgura lil kull persuna trattament ugwali “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi kull persuna tingħata protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq xi waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża l-età.

20      B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din tapplika, fl-ambitu tal-kompetenzi konferiti lill-Unjoni, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi”, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

21      Bl-esklużjoni ġenerali, mill-benefiċċju tal-kumpens speċjali għal tkeċċija, ta’ kategorija sħiħa ta’ ħaddiema, l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati jaffettwa għalhekk il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ dawn il-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Għalhekk, din tal-aħħar tapplika għal sitwazzjoni bħalma hija dik li wasslet għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

23      Fil-każ ineżami, l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati għandu l-effett li jċaħħad lil ċerti ħaddiema mid-dritt għall-kumpens speċjali għal tkeċċija u dan biss minħabba li dawn jistgħu jibbenefikaw, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, minn pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegahom skont skema tal-irtirar li fiha huma ssieħbu qabel ma laħqu l-età ta’ 50 sena. Issa, mill-proċess jirriżulta li l-għoti tal-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija huwa suġġett għal kundizzjoni tal-età minima li, fil-każ ta’ O. Andersen, hija ffissata permezz ta’ ftehim kollettiv għal 60 sena. Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq kriterju li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-età tal-impjegati.

24      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi trattament differenti bbażat direttament fuq il-kriterju tal-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

25      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78.

26      F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni ladarba dan ikun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

27      Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura leġittima tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kumpens speċjali għal tkeċċija għandu l-għan, kif il-qorti tar-rinviju tindika meta tirreferi għar-raġunijiet tal-abbozz tal-liġi dwar l-impjegati, li jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn impjieg ġdid tal-iktar ħaddiema anzjani li jkollhom anzjanità kbira mal-istess persuna li timpjegahom. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-leġiżlatur ried jirrestrinġi l-benefiċċju ta’ dan il-kumpens għall-ħaddiema li, fid-data tat-tkeċċija tagħhom, ma jingħatawx il-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija, ix-xogħol preparatorju ta’ din il-miżura leġiżlattiva, iċċitat mill-qorti tar-rinviju, juri li din il-limitazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li ġeneralment il-persuni li jingħataw il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar jiddeċiedu li jitilqu s-suq tax-xogħol.

28      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Daniż enfasizza li l-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati tiżgura, b’mod sempliċi u razzjonali, li l-persuna li timpjega ma tħallasx lill-impjegati mkeċċija li jkollhom anzjanità kbira kumpens doppju li ma jservi ebda għan fil-qasam tal-politika tal-impjieg.

29      L-iskop tal-protezzjoni tal-ħaddiema li jkollhom anzjanità sinjifikattiva fl-impriża u tal-għajnuna għar-reintegrazzjoni professjonali tagħhom jaqa’ fil-kategorija tal-għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

30      Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn l-għanijiet jistgħu jiġġustifikaw, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, trattamenti differenti marbuta, b’mod partikolari, mal-“istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali […] [tal-]impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, […] [għall-]ħaddiema ta’ età […] sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom”.

31      Konsegwentement, għanijiet bħalma huma dawk imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali”, kif previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, trattament differenti bbażat fuq l-età.

32      Għandu jiġi vverifikat ukoll, skont it-termini stess tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-mezzi implementati sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu humiex “approprjati u neċessarji”. Fil-każ ineżami, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-impjieg imfittxija mil-leġiżlatur mingħajr madankollu ma jkun hemm theddida eċċessiva kontra l-interessi leġittimi tal-ħaddiema li, minħabba din id-dispożizzjoni, jiġu mċaħħda minn dan il-kumpens peress li dawn ikunu eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija li għaliha l-persuna li kienet timpjegahom ikkontribwixxiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I-8531, punt 73).

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 63, u Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikollu l-effett li jneħħi s-sinjifikat tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C-388/07, Ġabra p. I-1569, punt 51).

34      Issa, ma jidhirx li l-limitazzjoni tal-kumpens speċjali għal tkeċċija għall-ħaddiema li ma jkunux iridu, fil-mument tat-tkeċċija tagħhom, jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija li għaliha l-persuna li timpjegathom tkun ikkontribwixxiet hija irraġonevoli fid-dawl tal-iskop imfittex mil-leġiżlatur, li huwa dak li jipprovdi iktar protezzjoni lill-ħaddiema li jkollhom tranżizzjoni lejn impjieg ġdid iktar delikata minħabba l-anzjanità tagħhom fl-impriża. L-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati tippermetti wkoll li jkun hemm limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ abbuż li jikkonsisti fil-fatt li ħaddiem li jkun ser jirtira jibbenefika minn kumpens intiż għas-sostenn tiegħu matul it-tfittxija għal impjieg ġdid.

35      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li ma jidhirx li dispożizzjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati hija manifestament inadegwata sabiex tilħaq l-għan leġittimu tal-politika tal-impjieg imfittex mil-leġiżlatur.

36      Għandu jiġi vverifikat ukoll jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur.

37      F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Daniż, jirriżulta li l-leġiżlatur, fl-eżerċizzju tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, fittex li jilħaq bilanċ bejn interessi leġittimi iżda kunfliġġenti.

38      Skont din l-informazzjoni, il-leġiżlatur żamm bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema li, minħabba l-anzjanità tagħhom fl-impriża, ikunu ġeneralment fost l-ikbar fl-età, u dik tal-ħaddiema iżgħar, li ma jistgħux jitolbu l-benefiċċju tal-kumpens speċjali għal tkeċċija. Ix-xogħlijiet preparatorji tal-Liġi Nru 1417, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li permezz tagħha saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, iċċitati mill-qorti tar-rinviju, juru, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kumpens speċjali għal tkeċċija, inkwantu huwa strument ta’ protezzjoni sostnut minn kategorija ta’ ħaddiema ddefiniti b’riferiment għall-anzjanità tas-servizz tagħhom, jikkostitwixxi forma ta’ trattament differenti bi ħsara għall-ħaddiema iktar żgħażagħ. Għalhekk, il-Gvern Daniż josserva li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kumpens speċjali għal tkeċċija prevista fl-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati tippermetti li miżura ta’ protezzjoni soċjali, li ma hijiex intiża li tapplika għall-iktar ħaddiema żgħażagħ, ma tiġix estiża lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

39      Barra minn hekk, l-imsemmi gvern espona li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tibbilanċja l-protezzjoni tal-ħaddiema u l-interessi tal-persuna li timpjega. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tiżgura, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u n-neċessità tal-ġlieda kontra l-abbużi, li l-kumpens speċjali għal tkeċċija jingħata biss lill-persuni li għalihom dan huwa intiż, jiġifieri dawk li jkollhom il-ħsieb li jibqgħu attivi, li iżda, minħabba l-età tagħhom, ġeneralment jiltaqgħu ma’ iktar diffikultajiet sabiex isibu impjieg ġdid. Din il-miżura tippermetti wkoll li jiġi evitat li l-persuna li timpjega jkollha tħallas il-kumpens speċjali għal tkeċċija lil persuni li, barra minn hekk, tkun ser tħallashom pensjoni tal-irtirar b’effett mit-tkeċċija tagħhom.

40      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, sa fejn jeskludi mill-benefiċċju tal-kumpens speċjali għal tkeċċija lill-ħaddiema li jkunu ser jieħdu, fil-mument tat-tkeċċija tagħhom, pensjoni tax-xjuħija mingħand il-persuna li kienet timpjegahom, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitlaħqu l-għanijiet li huwa jfittex li jaqdi.

41      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tippermettix li tingħata risposta kompleta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, hija speċifikat li din id-dispożizzjoni tqis lill-persuni li jkunu fil-fatt ser jirċievu pensjoni tax-xjuħija mingħand il-persuna li kienet timpjegahom bl-istess mod bħal dawk li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ din il-pensjoni.

42      Ċertament, il-leġiżlatur Daniż intervjena sabiex jevita li esklużjoni bħal din tkun ta’ theddida eċċessiva għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema. Fil-fatt, sa mill-1996, l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati jipprevedi li l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-kumpens speċjali għal tkeċċija ma hijiex applikabbli għall-ħaddiema li ssieħbu fl-iskema ta’ pensjoni tax-xjuħija tal-persuna li timpjegahom wara li kienu laħqu l-età ta’ 50 sena. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti li dan il-kumpens jingħata lil ħaddiema li, minkejja li jingħataw il-benefiċċju ta’ pensjoni, ma jkollhomx sħubija suffiċjentement twila fl-iskema professjonali tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu pensjoni ta’ ammont li jista’ jiżguralhom dħul alternattiv raġonevoli.

43      Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati għandu l-effett li jeskludi mill-benefiċċju tal-kumpens speċjali għal tkeċċija lill-ħaddiema kollha li jkunu eliġibbli, fil-mument tat-tkeċċija tagħhom, għal pensjoni tax-xjuħija mingħand il-persuna li kienet timpjegahom u li jkunu ssieħbu f’din l-iskema tal-irtirar qabel l-età ta’ 50 sena. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk esklużjoni bħal din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

44      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Daniż jirriżulta li din l-esklużjoni hija bbażata fuq l-idea li, bħala regola ġenerali, l-impjegati jitilqu s-suq tax-xogħol ladarba jkunu eliġibbli għal pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegahom u jkunu ssieħbu f’din l-iskema ta’ pensjoni qabel l-età ta’ 50 sena. Minħabba din l-evalwazzjoni marbuta mal-età, ħaddiem li, minkejja li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju ta’ pensjoni mħallsa mill-persuna li kienet timpjegah, ikun jixtieq jirrinunzja temporanjament għal dan il-benefiċċju sabiex ikompli bil-karriera professjonali tiegħu, ma jkunx jista’ jirċievi l-kumpens speċjali għal tkeċċija, minkejja li dan huwa intiż għal protezzjoni tiegħu. Għalhekk, bil-għan leġittimu li jiġi evitat li dan il-kumpens ikun ta’ benefiċċju għal persuni li ma jkunux qed ifittxu impjieg ġdid iżda jkunu ser jieħdu dħul alternattiv fl-għamla ta’ pensjoni tax-xjuħija maħruġa minn skema professjonali, il-miżura inkwistjoni twassal sabiex teskludi minn dan il-kumpens ħaddiema mkeċċija li jkunu jridu jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u dan biss minħabba l-fatt li dawn ikunu jistgħu, minħabba partikolarment l-età tagħhom, jieħdu din il-pensjoni.

45      Din il-miżura tirrendi iktar diffiċli, għall-ħaddiema li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija, l-eżerċizzju ulterjuri tad-dritt tagħhom li jaħdmu, peress li, f’sitwazzjoni ta’ transizzjoni lejn impjieg ġdid, huma ma jibbenefikawx, bil-kontra tal-ħaddiema l-oħra li jkollhom anzjanità ekwivalenti, mill-kumpens speċjali għal tkeċċija.

46      Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix, fir-rigward ta’ kategorija sħiħa ta’ ħaddiema ddefinita skont il-kriterju tal-età, li dawn il-ħaddiema jirrinunzjaw temporanjament għall-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija mingħand il-persuna li kienet timpjegahom sabiex jingħataw il-kumpens speċjali għal tkeċċija, intiż sabiex jgħinhom isibu impjieg. Għalhekk, din il-miżura tista’ tobbliga lil dawn il-ħaddiema jaċċettaw pensjoni tax-xjuħija ta’ ammont iżgħar meta mqabbel ma’ dak li huma jistgħu jiksbu kemm-il darba jibqgħu attivi sa età iktar avvanzata, b’mod li jkollhom telf ta’ dħul sinjifikattiv fuq medda ta’ żmien twil.

47      Minn dan isegwi li, billi ma jippermettix il-ħlas tal-kumpens speċjali għal tkeċċija lil ħaddiem li, minkejja li jkun eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegah, jagħżel, madankollu, li jirrinunzja temporanjament għall-benefiċċju ta’ pensjoni bħal din sabiex ikompli l-karriera professjonali tiegħu, l-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati għandu l-effett li joħloq theddida eċċessiva għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħal din u għalhekk imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika soċjali mfittxija minn din id-dispożizzjoni.

48      Għalhekk, it-trattament differenti li jirriżulta mill-Artikolu 2a(3) tal-liġi dwar l-impjegati, ma jistax jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

49      Konsegwentement, għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegahom skont skema ta’ pensjoni li fiha huma ssieħbu qabel ma kellhom l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefikaw minn kumpens speċjali għal tkeċċija intiż sabiex jiffavorixxi r-reintegrazzjoni professjonali ta’ ħaddiema li jkollhom anzjanità ta’ iktar minn tnax-il sena fl-impriża.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-ħaddiema eliġibbli għall-benefiċċju ta’ pensjoni tax-xjuħija mħallsa mill-persuna li kienet timpjegahom skont skema ta’ pensjoni li fiha huma ssieħbu qabel ma kellhom l-età ta’ 50 sena ma jistgħux, minħabba dan il-fatt biss, jibbenefikaw minn kumpens speċjali għal tkeċċija intiż sabiex jiffavorixxi r-riintegrazzjoni professjonali ta’ ħaddiema li jkollhom anzjanità ta’ iktar minn tnax-il sena fl-impriża.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top