EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0439

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta' Diċembru 2010.
Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers (VEBIC) VZW.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Beroep te Brussel - il-Belġju.
Politika tal-kompetizzjoni - Proċeduri nazzjonali - Intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji - Awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ natura mħallta li għandha natura ġudizzjarja u amministrattiva - Appell mid-deċiżjoni ta’ tali awtorità - Regolament (KE) Nru 1/2003.
Kawża C-439/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12471

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:739

Kawża C-439/08

Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers (VEBIC) VZW

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel)

“Politika tal-kompetizzjoni — Proċedura nazzjonali — Intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji — Awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ natura mħallta li għandha natura ġudizzjarja u amministrattiva — Appell mid-deċiżjoni ta’ tali awtorità — Regolament (KE) Nru 1/2003”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tad-domandi magħmula — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Applikazzjoni — Kompetenzi tal-Istati membri — Ħatra tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil tali awtoritajiet jipparteċipaw, bħala konvenuti, fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjonijiet tagħhom quddiem qorti tal-appell — Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 35)

1.        Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r‑responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li d‑domandi magħmula mill‑qrati nazzjonali jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d‑domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil‑verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża, jew inkella li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex l‑elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad‑domandi li jkunu tressqu quddiemha.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, il-fatt li l-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv fuq il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi applikat biss id-dritt nazzjonali tal‑kompetizzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni huwiex ukoll applikabbli, ma jikkostitwixxi ebda ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rinvju tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, ikun inkoerenti li, għall-ammissibbiltà ta’ rinviju preliminari, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi definittivament fuq kwistjoni li, direttament jew indirettament, tikkostitwixxi s-suġġett tar-rinviju tagħha.

Barra minn hekk, fid-dawl tas-separazzjoni tal‑funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali tagħmel il‑konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ liġi kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għas-sistema legali tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċeduri quddiem din tal-aħħar.

(ara l-punti 41, 42, 45-47)

2.        L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix l-opportunità lil awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tipparteċipa, bħala konvenuta, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur. Il-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tingħatax id-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ parti fil-kawża u, b’hekk, ma titħalliex tiddefendi d-deċiżjoni li hija adottat fl-interess ġenerali joħloq riskju li l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tkun totalment “maqbuda” mill-motivi u l-argumenti żviluppati mill-impriża jew impriżi appellanti. Issa, f’qasam bħal dak tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni u tal-impożizzjoni ta’ multi, li jinvolvi evalwazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi kumplessi, l-eżistenza stess ta’ tali riskju tista’ tikkomprometti l‑eżerċizzju tal-obbligu partikolari li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom, skont ir-Regolament Nru 1/2003, li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li ssostitwew l-Artikoli 81 u 82 iċċitati iktar ’il fuq.

Huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom iqisu l-ħtieġa u l‑utilità tal-intervent tagħhom fid-dawl tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ preżenza sistematika tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali f’tali proċeduri ġudizzjarji jikkomprometti l-effett utli tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, biex jaħtru l-korp jew il-korpi li jaqgħu taħt l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom l‑opportunità jipparteċipaw, bħala konvenuti, fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur, filwaqt li jiġu ggarantiti r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(ara l-punti 58, 64 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Politika tal-kompetizzjoni – Proċedura nazzjonali – Intervent tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-proċeduri ġudizzjarji – Awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ta’ natura mħallta li għandha natura ġudizzjarja u amministrattiva – Appell mid-deċiżjoni ta’ tali awtorità – Regolament (KE) Nru 1/2003”

Fil-Kawża C‑439/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2008, fil-proċedura

Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers (VEBIC) VZW,

fil-preżenza ta’:

Raad voor de Mededinging,

Minister van Economie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn. V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J.-J. Kasel u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet sottomessi:

–        għall-Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers (VEBIC) VZW, minn P. Engels, J. Troch u B. van Hulst, advocaten,

–        għar-Raad voor de Mededinging, minn W. Devroe, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz kif ukoll minn K. Zawisza u A. Kramarczyk, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5, 15(3) u 35(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Vlaamse federatie van verenigingen van Brood- en Banketbakkers, Ijsbereiders en Chocoladebewerkers VZW (konfederazzjoni Fjamminga li tiġbor flimkien l‑assoċjazzjonijiet tal-furnara u pastiċċiera, tal-persuni li jagħmlu l-ġelat u taċ‑ċikkulatiera, iktar ’il quddiem il-“VEBIC”), intiża sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li biha r-Raad voor de Mededinging (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tal‑Kompetizzjoni”) ikkonstata l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet bejn furnara artiġjanali, u impona multa fuq il-VEBIC.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessa 5 tar-Regolament tistipola kif ġej:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet kompettitivi tal-Komunità u biex fl‑istess ħin tirrispetta d-dritt fundamentali tad-difiża, dan ir-Regolament għandu jirregola l-piż tal-provi taħt l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat. Għandhom jkunu l‑awtoritajiet li jallegaw ksur ta’ l-Artikolu 81(1) u l-Artikolu 82 tat-Trattat li jipprovaw l-eżistenza tal-istandard legali meħtieġ. […]”

4        Il-premessa 6 tar-Regolament tipprovdi:

“Sabiex jiżgura li l-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunitàà huma applikati b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikun assoċjati aktar mil-qrib ma l-applikazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, għandhom is-saħħa li japplikaw il-liġijiet tal-Komunità.”

5        Il-premessa 8 tar-Regolament tgħid:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità u il‑funżjoni propja tal-mekkaniżmi tal-koperazzjoni li jinsabu fir-Regolament, huwa neċċessarju l-obligu ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li huma ukoll japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat billi huma japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompettitività lil ftehim u prattiki li jistgħu jaffetwaw il‑kummerċ bejn l-Istati Membri. […]”

6        Skont il-premessa 21 tar-Regolament:

“Konsistenza fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tirrikjedi ukoll li l‑arranġamenti jkunu satbbiliti għal koperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dan hu rilevanti għal qrati kollha ta’ l-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, sew jekk dawn il-liġijiet qed jiġu applikati għal libeli bejn partijiet privati, jagixxi bħala infurzatur publiku jew bħala reviżjoni tal-qrati. B’mod partikolari, qrati nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li jistaqsu għall‑informazzjoni lill-Kummissjoni jew għall-opinjoni fuq il-punti konċernati tal-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità. Il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment lill-qrati msejjħa biex japplikaw l-Artikolu 81 u l-Artikolu 82 tat-Trattat. […]”

7        Skont it-tieni sentenza tal-premessa 34 tar-Regolament:

“[…] Bi qbil mal-priċipji tas-susidji [sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif stipulata mil-Artikolu 5 tat-Trattat, dan ir-Regolament ma jmurx l’hinn min dak li hu neċessarju sabiex tilħaq il-għan, li hu li tħalli ir-regoli tal-kompetizzjoni tal‑Komunità li jiġu applikati b’mod effettiv.”

8        L-ewwel u t-tieni sentenzi tal-premessa 35 jipprovdu kif ġej:

“Sabiex jintlaħaq l-infurzar propju tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità, L-Istati Membri għandhom jinominaw u jagħtu poteri lil awtoritajiet li japplikaw l‑Artikoli 81 u 82 tat-Trattat bħala infurzar publiku. Huma għandhom ikunu kapaċi li jinominaw l-amministrazzjoni kif ukoll l-awtorità ġudizzjarja għandhom jagħmlu l-funzjonijiet varji mogħtija lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni f’dan ir‑Regolament.”

9        Bit-titolu “L-oneru tal-Prova”, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament tipprovdi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l‑Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur.”

10      L-Artikolu 5 tar-Regolament, intitolat “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” jipprovdi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu 81u 82 tat-Trattat f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d‑deċiżjonijiet li ġejjin:

- jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

- jordnaw miżuri ntermedjarji,

- jaċċettaw rbit,

- jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

11      Bit-titolu “Koperazzjoni bejn qrati nazzjonali”, l-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 15(3) tar-Regolament jipprovdi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jaggixxu fuq l-inizjativa proprju tagħhom, jistgħu jagħtu l-osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru tagħhom fuq kwistjonijiet li jirrelataw ma l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat. Bil-permess tal-qorti partikolari, jistgħu jagħtu ukoll l-osservazzjonijiet b’mod orali lil qrati nazzjonali ta’ l-Istat Membru. Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ l-Artikolu 81 u l-Artikolu 82 tat-Trattat jirrikjedi hekk, il-Kummissjoni, tagixxi fuq l-iniżjattiva proprja tagħha, tista tagħti osservazzjonijiet bil-miktub lil qrati ta’ Stati Membri. Bil-permess tal-qorti partikolari, hi tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.”

12      Bit-titolu “Deskrizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, l‑Artikolu 35(1) u (2) tar-Regolament jipprovdi kif ġej:

“1. l-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat b’tali mod li id‑disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill-awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.

2. Meta l-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Komunità tkun fdata lill‑amministrazzjoni nazzjonali u l-awtorità ġudizzjarja, l-Istati Membri jistgħu jallokaw poteri u funzjonijiet differenti lill-awtoritajiet nazzjonali differenti, sew amministrattivi u sew ġudizzjarji.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13      Il-Loi sur la protection de la concurrence économique (Liġi dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ekonomika), fil-verżjoni tagħha kkoordinata bid-Digriet Irjali tal‑15 ta’ Settembru 2006 (Moniteur belge tad-29 ta’ Settembru 2006, p. 50613, iktar ’il quddiem il-“LPCE”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2006, tiddefinixxi l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni skont kif ġej fl-Artikolu 1 tagħha:

“4º Awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni: il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u d‑Dipartiment tal-Kompetizzjoni fi ħdan id-Dipartiment Pubbliku Federali tal‑Ekonomija, SMEs, Persuni li jaħdmu għal rashom u Enerġija, kull wieħed jaġixxi skont il-kompetenzi ddefiniti f’din il-liġi.

L-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni hija l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, imsemmija fl‑Artikolu 35 tar-Regolament [….]”

14      L-Artikolu 2(1) tal-LPCE jipprovdi:

“Huma pprojbiti, mingħajr ma hija meħtieġa deċiżjoni preliminari f’dan is-sens, il-ftehim kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiċi miftiehma kollha li għandhom l-għan jew l-effett li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tiġi evalwata fis-suq Belġjan ikkonċernat jew f’parti sostanzjali minnu u b’mod partikolari dawk li jikkonsistu:

1.      fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjonijiet;

[…]”

15      L-Artikolu 11 tal-LPCE jistabbilixxi:

“§1 Qed jiġi stabbilit Kunsill tal-Kompetizzjoni. Dan il-kunsill huwa qorti amministrattiva li għandha l-kompetenza tieħu deċiżjonijiet u l-poteri l-oħrajn mogħtija lilha minn din il-liġi.

§2 Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni huwa kompost minn:

1º      l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill;

2º      l-Awditorat;

3º      ir-Reġistru.

[…]”

16      L-Artikolu 12(1) tal-LPCE jindika:

“L-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill hija komposta minn tnax-il kunsillier.

[…]”

17      L-Artikolu 20 tal-LPCE jispeċifika:

“Kull awla tal-Kunsill u l-President jew il-kunsillier li huwa jiddelega f’każ ta’ miżuri proviżorji għandhom jiddeċiedu permezz ta’ deċiżjoni mmotivata dwar kull każ mressaq quddiemhom, wara li jkunu semgħu l-motivi mressqa mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll, fuq talba tagħhom, lil dawk li eventwalment ressqu l-ilment, jew lir-rappreżentant legali li huma jagħżlu.”

18      L-Artikolu 25 tal-LPCE jistabbilixxi fi ħdan il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Awditorat, kompost minn mhux inqas minn sitt membri u minn mhux iktar minn għaxar membri, li jinkludu l-Awditur Ġenerali u l-Awdituri jew l-Assistenti Awdituri.

19      L-Artikolu 29 tal-LPCE jiddikjara:

Ҥ1 L-Awdituri huma inkarigati:

1º      li jirċievu l-ilmenti u t-talbiet għal miżuri proviżorji relatati ma’ prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kif ukoll in-notifiki ta’ konċentrazzjonijiet;

2º      li jmexxu u jorganizzaw l-investigazzjoni u li jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni;

3º      li jagħtu lill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Kompetizzjoni l-ordnijiet ta’ inkarigu […];

4º      li jirredieġu u jippreżentaw ir-rapport immotivat lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni;

5º      li jikklassifikaw l-ilmenti u t-talbiet għal miżuri proviżorji;

[…]

§2 […] Bla ħsara għall-Artikolu 27, l-Awdituri la jistgħu jitolbu u lanqas jaċċettaw xi struzzjoni dwar it-trattament tal-każijiet imressqa skont l-Artikolu 44, §1, jew dwar il-pożizzjonijiet li huma jadottaw fil-laqgħat tal-Awditorat li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-politika dwar l‑implementazzjoni tal-liġi u l-iffissar tal-ordni tat-trattament tal-każijiet.

§3 Meta l-Awditorat jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 44, § 1, l‑uffiċċjal li jmexxi d-Dipartiment tal-Kompetizzjoni għandu jinnomina, bi qbil mal-Awditur Ġenerali, l-uffiċjali ta’ dak id-dipartiment, li għandhom jagħmlu parti mill-grupp inkarigat mill-investigazzjoni.

L-uffiċċjali li jiġu assenjati għal grupp ta’ investigazzjoni jistgħu jirċievu istruzzjonijiet biss mill-Awditur li jmexxi dik l-investigazzjoni.

[…]”

20      Skont l-Artikolu 34 tal-LPCE, id-Dipartiment tal-Kompetizzjoni huwa inkarigat, b’mod partikolari, mir-riċerka u l-eżami tal-prattiki msemmija fil-Kapitolu II, taħt l-awtorità tal-Awditorat.

21      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(4) tal-LPCE:

“Meta l-Awditorat ikun tal-fehma li l-ilment jew it-talba jew, jekk ikun il-każ, investigazzjoni ex officio, hija fondata, l-Awditur għandu jippreżenta, f’isem l‑Awditorat, rapport immotivat lill-awla tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Dan ir‑rapport għandu jinkludi r-rapport tal-investigazzjoni, l-ilmenti u proposta ta’ deċiżjoni; dan għandu jkun akkumpanjat mill-fajl tal-investigazzjoni u inventarju tad-dokumenti li jkunu jinsabu fih. L-inventarju għandu jiddetermina l‑kunfidenzjalità tad-dokumenti fir-rigward ta’ kull waħda mill-partijiet li jkollha aċċess għall-fajl.”

22      L-Artikolu 75 tal-LPCE jistabbilixxi:

“Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni u tal-President tiegħu kif ukoll id‑deċiżjonijiet taċiti ta’ ammissibbiltà ta’ konċentrazzjonijiet minħabba li jkunu skadew it-termini previsti fl-Artikoli 58 u 59 jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, ħlief meta l-Kunsill tal-Kompetizzjoni jiddeċiedi b’applikazzjoni tal-Artikolu 79.

Il-Qorti tal-Appell tiddeċiedi b’setgħa ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa dwar il-prattiċi restrittivi preżunti u, jekk ikun il-każ, dwar is-sanzjonijiet imposti kif ukoll dwar l‑ammissibbilta tal-konċentrazzjonijiet. Il-Qorti tal-Appell tista’ tikkunsidra l‑iżviluppi li jkunu seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill.

Il-Qorti tal-Appell tista’ timponi multi u penali skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-Taqsima 8 tal-Kapitolu IV.”

23      L-Artikolu 76(1) u (2) tal-LPCE jipprovdi:

“§1 Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jirrinvija l‑każ lill-Awditur ma jistgħux ikunu suġġetti għal appell separat.

§2 L-appelli previsti fl-Artikolu 75 jistgħu jiġu ppreżentati mill-partijiet inkwistjoni quddiem il-Kunsill [tal-Kompetizzjoni], mill-persuna li ressqet l-ilment, kif ukoll minn kull persuna li tiġġustifika li għandha interess skont l-Artikolu 48 §2, jew l-Artikolu 57 §2, u li tkun talbet lill-Kunsill [tal-Kompetizzjoni] biex tinstema’. L-appell jista’ jiġi ppreżentat ukoll mill-Ministru mingħajr ma għandu għalfejn jiġġustifika interess u mingħajr ma kien irrappreżentat quddiem il-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

[…]

Il-Qorti tista’ titlob lill-Awditorat fi ħdan il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jipproċedi għal investigazzjoni u jikkomunikalha r-rapport tiegħu. […]

Il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell għandha tiffissa t-terminu li fih il-partijiet għandhom jikkomunikaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u jippreżentawhom fir-Reġistru.

Il-Ministru jista’ jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub fir-Reġistru tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell u jikkonsulta l-proċess fir-Reġistru mingħajr ma joħorġu. Il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell għandha tiffissa t-termini għas-sottomissjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Dawn jiġu mgħarrfa lill-partijiet mir-Reġistru.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Il-VEBIC ġiet ikkostitwita bil-għan li tirrappreżenta l-interessi tas-soċji tagħha u tal-membri msieħba magħha. Il-membri tal-VEBIC huma l-assoċjazzjonijiet professjonali provinċjali tar-reġjun ta’ Vlaanderen ikkostitwiti f’assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru.

25      L-assoċjazzjonijiet lokali tal-furnara li magħhom kull furnar jista’ jissieħeb huma membri ta’ assoċjazzjoni professjonali provinċjali. Dawn il-gruppi lokali jinkludu biss furnara artiġjanali, peress li l-interessi tal-furnara industrijali huma difiżi mill‑Federatie van Grote Bakkerijen in België (Federazzjoni tal-furnara l-kbar Belġjani).

26      Wara l-liberalizzazzjoni tal-prezz tal-ħobż fil-Belġju fl-1 ta’ Lulju 2004, il‑Minister van Economie fis-7 ta’ Lulju 2004, indirizza ittra lill-Kunsill tal‑Kompetizzjoni fejn talbu jinvestiga l-eżistenza ta’ ftehim eventwali dwar il‑prezzijiet bejn assoċjazzjonijiet tal-furnara u l-furnara.

27      Wara diversi miżuri struttorji, fit-8 ta’ Ġunju 2007, l-Awditur Ġenerali bagħat lill‑President tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni r-rapport tiegħu li kien jinkludi l‑ilmenti u l-fajl tal-investigazzjoni, li ġie indirizzat lill-VEBIC.

28      L-Awditorat ikkonkluda li l-VEBIC kienet kisret l-Artikolu 2(1) tal-LPCE billi ppubblikat u xerrdet il-prezz ta’ referenza għall-ħobż kif ukoll billi kkomunikat l‑istruttura tal-prezz lill-membri tagħha.

29      Ir-rapport tal-Awditorat kien isemmi li d-deċiżjonijiet tal-federazzjonijiet tal‑furnara ma kellhomx effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għaldaqstant ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ma kinux applikabbli għall-prattiċi eżaminati.

30      L-ilmenti li jinsabu fl-imsemmi rapport jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

–        Billi stabbiliet u xerrdet prezz ta’ referenza li jirrifletti ż-żieda fil-prezz tal‑ispiża u li jista’ jiġi applikat b’mod volontarju mill-furnara, il-VEBIC ixxerred indirettament prezz ta’ referenza fost il-furnara. Il-prezz ta’ referenza huwa applikat fuq l-aħħar prezz irregolat tal-ħobż li kien identiku għal kull furnar. Jekk dan il-prezz ta’ referenza huwa applikat mill-furnara fuq l-uniku u l-istess ammont bażiku, kull furnar jikseb l-istess prezz ta’ bejgħ. Dan jikser l-Artikolu 2(1) tal-LPCE.

–        Il-VEBIC issemmi valuri konkreti espressi f’perċentwali għal kull fattur tal‑ispejjeż u dan għall-ħames parametri.

31      L-Awditur Ġenerali ppropona lill-awla tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni li tipprojbixxi l-prattika kkontestata taħt piena ta’ penali. Huwa ppropona wkoll li tiġi imposta multa filwaqt li jiġu kkunsidrati ċirkustanzi aggravanti, b’mod partikolari l-fatt li l-VEBIC kienet taf dwar in-natura illegali tal-ftehim dwar il-prezzijiet u ma kinitx użat il-possibbiltà li tissottometti lill-awtorità tal-kompetizzjoni l-metodu għall‑kalkolu tal-prezzijiet.

32      Fit-13 ta’ Awwissu 2007, il-VEBIC issottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub fuq ir-rapport tal-Awditorat, fejn ikkontestat il-konklużjonijiet tiegħu fuq il-mertu u ressqet motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji proċedurali u, b’mod partikolari, tad-drittijiet tad-difiża.

33      B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2008, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni minn naħa kkonstata li, bejn l-1 ta’ Lulju 2004 u t-8 ta’ Ġunju 2007, il-VEBIC kienet wettqet ksur tal-Artikolu 2 tal-LPCE u eżiġa li dan il-ksur jintemm, u min-naħa l-oħra, imponilha multa ta’ EUR 29 121.

34      Fit-22 ta’ Frar 2008, il-VEBIC ippreżentat rikors għal annullament kontra l‑imsemmija deċiżjoni permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Hof van beroep te Brussel.

35      L-imsemmija qorti tirrileva li d-dispożizzjonjiet tal-LPCE ma jippermettux lill‑Awditorat, li huwa l-korp tal-prosekuzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal‑Kompetizzjoni, jipparteċipa fil-proċeduri quddiemha.

36      Fil-fatt, skont l-Artikoli 75 u 76 tal-LPCE, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, li minnu jifforma parti l-Awditorat, ma għandux l-opportunità jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni meħuda minnu. Il‑Ministru Federali responsabbli għall-Ekonomija biss għandu din l-opportunità.

37      Peress li l-Ministru kkonċernat ma użax l-opportunità li jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub, l-unika parti li pparteċipat fil-proċeduri ta’ appell hija VEBIC, li aġixxiet bħala rikorrenti.

38      Id-dispożizzjonijiet legali dwar il-proċeduri quddiem il-hof van beroep te Brussel u l-interpretazzjoni tagħhom fil-Belġju jqajjmu, skont din il-qorti, kwistjonijiet relatati mal-konformità ta’ dawn il-proċeduri mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal‑effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli fl-Unjoni Ewropea u mad‑drittijiet fundamentali tad-difiża, minħabba li ebda dispożizzjoni ma tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-proċeduri ta’ appell sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess ekonomiku ġenerali.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel, qabel ma ddeċidiet fuq l‑appell ippreżentat quddiemha, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikoli 2, 15(3) u 35(1) tar-[Regolament] għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom direttament [f’dawn id-dispożizzjonijiet] il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-motivi ssollevati f’rikors [appell] kontra d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll li huma stess jistgħu jippreżentaw motivi, b’mod li din il‑possibbiltà ma tistax tiġi rtirata minn Stat Membru?

2)      Dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l‑applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex jiġi protett l‑interess ġenerali tirrikjedi li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ sorveljanza, maħtura bħala awtoritajiet tal-kompetizzjoni, ma jkollhomx biss il-possibbiltà iżda wkoll l-obbligu li jieħdu sehem fi proċeduri ta’ rikors [appell] kontra d‑deċiżjonijiet tagħhom billi jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt ssollevati?

3)      Jekk ir-risposta għad-domandi 1 u 2 tkun affermattiva, dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet interni dwar il-parteċipazzjoni tal-awtorità tal‑kompetizzjoni għall-proċeduri quddiem l-istanza tar-rikors [tal-appell] u, fil-każ fejn jiġu maħtura awtortajiet differenti, l-awtorità kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament tkun ukoll dik li tipparteċipa fil-proċedura ta’ rikors [appell] kontra d-deċiżjoni tagħha?

4)      Ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun differenti fil-każ fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni taġixxi, skont il-liġi interna, bħala qorti u/jew fil-każ fejn id-deċiżjoni finali tittieħed wara investigazzjoni mwettqa minn entità, li tagħmel parti minn din il-qorti, inkarigata biex tistabbilixxi l-ilmenti u tressaq abbozz ta’ deċiżjoni?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

40      Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-VEBIC qajjmet l‑inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l‑interpretazzjoni mitluba tar-Regolament jew, b’mod iktar ġenerali, tad-dritt tal‑Unjoni, hija irrelevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. F’dan il-każ, ma hemm ebda rabta bejnu u bejn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li, hekk kif irrileva l-Kunsill tal-Kompetizzjoni matul l-investigazzjonijiet tiegħu, il‑prattika tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, għaldaqstant, id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni biss għandu japplika. Barra minn hekk, skont din tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv dwar il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi applikat biss id-dritt nazzjoni tal-kompetizzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni huwiex ukoll applikabbli. Għalhekk ġiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda ipotetika, li hija irrilevanti għall-kawża pendenti quddiem il-qorti tar‑rinviju.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali, li quddiemhom tressqet il-kawża u li għandhom jassumu r‑responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 16, u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 28).

42      Peress li d‑domandi magħmula mill‑qrati nazzjonali jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d‑domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil‑verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża, jew inkella li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex l‑elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad‑domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, Ġabra p. I‑1, punt 89, u Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

43      Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

44      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Hof van beroep te Brussel għandha ġurisdizzjoni sħiħa u setgħa ta’ riforma fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal‑Kompetizzjoni. B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, il-premessa li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-prattiki eżaminati ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l‑Istati Membri u li, f’dan il-każ, ir-regoli interni tal-kompetizzjoni biss huma applikabbli, tista’ tiġi kontradetta b’punti ta’ fatt li huma intiżi sabiex jippruvaw li dawn il-prattiki li jmorru kontra l-kompetizzjoni għandhom effett mhux biss ġewwa ż-żona ġeografika li fiha jseħħu dawn il-prattiki, iżda wkoll fir-rigward tal‑imsemmija skambji bejn Stati Membri. Din il-qorti tqis għaldaqstant li l‑prattiki inkwistjoni jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101 TFUE.

45      Barra minn hekk, il-fatt li l-qorti tar-rinviju għadha ma ddeċidietx b’mod definittiv fuq il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi applikat biss id-dritt nazzjonali tal‑kompetizzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni huwiex ukoll applikabbli, ma jikkostitwixxi ebda ostakolu għall-ammissibbiltà tar-rinvju tagħha għal deċiżjoni preliminari.

46      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 42 tal-konklużjonjijiet tiegħu, minn naħa, ikun inkoerenti li, għall-ammissibbiltà ta’ rinviju preliminari, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi definittivament fuq kwistjoni li, direttament jew indirettament, tikkostitwixxi s-suġġett tar-rinviju tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jippreżumu neċessarjament l-applikabbiltà tar-Regolament.

47      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tas-separazzjoni tal‑funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali tagħmel il‑konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ liġi kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għas-sistema legali Komunitarja jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċeduri quddiem din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C 42/07, Ġabra p. I-7633, punt 41).

48      Jirriżulta minn dak li jippreċedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

49      Peress li l-erba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma konnessi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

50      F’dan il-każ, dawn id-domandi huma mqajjma fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Belġjan. Skont il-qorti tar-rinviju, id‑diffikultà tinsab fil-fatt li, fil-proċeduri quddiemha, tipparteċipa biss ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas ta’ konvenut.

51      Skont il-qorti tar-rinviju, sitwazzjoni li fiha ebda rappreżentant ta’ awtorità tal‑kompetizzjoni, jew ebda rappreżentant tal-interess pubbliku tal-kompetizzjoni, ma jipparteċipa fil-proċeduri mressqa quddiem qorti kontra d-deċiżjoni tal‑awtorità tal-kompetizzjoni, tqajjem kwistjonijiet dwar il-konformità tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 2, 15(3) u 35(1) tar-Regolament.

52      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhiex id-dritt, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet tar-regolament, tipparteċipa, bħala konvenuta, fi proċeduri ġudizzjarji dwar deċiżjoni li hija l-awtur tagħha.

53      Qabel kollox hemm lok li jiġi rrilevat li d-dritt tal-awtoritatjiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li jipparteċipaw fi proċeduri dwar appell mid-deċiżjonijiet tagħhom stess billi jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li għandha parti f’dawn il‑proċeduri ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikoli 2 u 15(3) tar-Regolament.

54      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi li l-prova ta’ ksur tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE taqa’ fuq “l-awtorità li qed tallega xi ksur” mingħajr ma din id-dispożizzjoni ma tagħti xi dritt proċedurali lil tali awtorità.

55      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament, li jawtorizza lil awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tissottometti osservazzonijiet bil-miktub lill-qrati tal-Istat Membru tagħha dwar l‑applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u, bl-awtorizzazzjoni tal-qorti inkwistjoni, tissottometti osservazzjonjiet orali ma jikkonċernax il-parteċipazzjoni ta’ tali awtorità fil-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali bħala konvenuta.

56      Għandu wkoll jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE b’tali mod li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma effettivament imħarsa. L‑awtoritajiet hekk maħtura għandhom, skontu, jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-imsemmija artikoli fl-interess ġenerali (ara l-premessi 5, 6, 8, 34 u 35 tar‑Regolament).

57      Anki jekk l-Artikolu 35(1) tar-Regolament iħalli f’idejn is-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru l-kompitu li tirregola l-metodi proċedurali tal-appelli quddiem qorti mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni hekk maħtura, tali metodi ma għandhomx imorru kontra l-għan ta’ dan ir-regolament, li huwa li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE mill‑imsemmija awtoritajiet.

58      F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 fil-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tingħatax id-drittijiet bħala parti fil-kawża u, b’hekk, ma titħalliex tiddefendi d-deċiżjoni li hija adottat fl-interess ġenerali joħloq riskju li l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża tkun totalment “maqbuda” mill-motivi u l-argumenti żviluppati mill-impriża jew impriżi appellanti. Issa, f’qasam bħal dak tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni u tal-impożizzjoni ta’ multi, li jinvolvi evalwazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi kumplessi, l-eżistenza stess ta’ tali riskju tista’ tikkomprometti l‑eżerċizzju tal-obbligu partikolari li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali għandhom, skont dan ir-regolament, li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal‑Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

59      Minn dan jirriżulta li l-obbligu li awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali għandha li tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jeżiġi li din ikollha l-opportunità tipparteċipa, bħala konvenuta, fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità l-awtur.

60      Huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom iqisu l-ħtieġa u l-utilità tal‑intervent tagħhom fid-dawl tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni.

61      Madankollu, hekk kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat, in-nuqqas ta’ preżenza kważi sistematika tal-imsemmija awtoritajiet huwa tali li jikkomprometti l-effett utli tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

62      Skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament, qrati jistgħu jidhru fost l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni maħtura mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 35(2), meta l‑applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni tkun fdata lil awtoritajiet ammistrattivi u ġudizzjarji nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jallokaw poteri u funzjonijiet differenti lil dawn l-awtoritajiet nazzjonali differenti, sew amministrattivi u sew ġudizzjarji.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l‑Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, biex jaħtru l-korp jew il-korpi li jaqgħu taħt l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom l-opportunità jipparteċipaw, bħala konvenuti, fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur, filwaqt li jiġu ggarantiti r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

64      Abbażi ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 35 tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix l-opportunità lil awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tipparteċipa, bħala konvenuta, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur. Huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom iqisu l-ħtieġa u l-utilità tal-intervent tagħhom fid-dawl tal‑applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, in‑nuqqas ta’ preżenza sistematika tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali f’tali proċeduri ġudizzjarji jikkomprometti l-effett utli tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, biex jaħtru l-korp jew il-korpi li jaqgħu taħt l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom l‑opportunità jipparteċipaw, bħala konvenuti, fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur, filwaqt li jiġu ggarantiti r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħtix l-opportunità lil awtorità tal‑kompetizzjoni nazzjonali tipparteċipa, bħala konvenuta, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur. Huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom iqisu l-ħtieġa u l‑utilità tal-intervent tagħhom fid-dawl tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, in-nuqqas ta’ preżenza sistematika tal-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali f’tali proċeduri ġudizzjarji jikkomprometti l-effett utli tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, biex jaħtru l-korp jew il-korpi li jaqgħu taħt l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li għandhom l‑opportunità jipparteċipaw, bħala konvenuti, fi proċeduri quddiem qorti nazzjonali mressqa kontra d-deċiżjoni li tagħha din l-awtorità hija l-awtur, filwaqt li jiġu ggarantiti r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top