This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0438
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 22 October 2009. # Commission of the European Communities v Portuguese Republic. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Freedom of establishment - Directive 96/96/EC - National legislation - Restrictive conditions for access to the activity of vehicle inspection - Article 45 EC - Activities connected with the exercise of official authority - Road safety - Proportionality. # Case C-438/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Ottubru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà ta’ stabbiliment - Direttiva 96/96/KE - Leġizlazzjoni nazzjonali - Kundizzjonijiet ta’ aċċess restrittivi għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi - Artikolu 45 KE - Attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika - Sigurtà fit-toroq - Proporzjonalità.
Kawża C-438/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Ottubru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà ta’ stabbiliment - Direttiva 96/96/KE - Leġizlazzjoni nazzjonali - Kundizzjonijiet ta’ aċċess restrittivi għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi - Artikolu 45 KE - Attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika - Sigurtà fit-toroq - Proporzjonalità.
Kawża C-438/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-10219
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:651
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
22 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà ta’ stabbiliment — Direttiva 96/96/KE — Leġizlazzjoni nazzjonali — Kundizzjonijiet għal aċċess restrittivi għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi — Artikolu 45 KE — Attivitajiet konnessi mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Sigurtà fit-toroq — Proporzjonalità”
Fil-Kawża C-438/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2008,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u M. Teles Romão, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u A. Pereira de Miranda, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti,
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi timponi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ korpi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw fil-Portugall l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, b’mod partikolari permezz tar-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, tar-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100000, tal-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u tal-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 43 KE. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 |
It-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU 1997, L 46, p. 1) tiddisponi: “[…]il-miżuri Komunitarji previsti f’din id-Direttiva huma necessarji biex tkun akkwistata l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet tal-kondizzjoni tal-vetturi għas-sewqan, biex tkun ipprevenuta d-distorzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-hauliers tat-triq u jkun garantit l-eżami kif suppost u l-manutenzjoni tal-vetturi; […]” |
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/96 jipprevedi: “F'kull Stat Membru, il-vetturi bil-mutur irreġistrati f'dak l-Istat u l-karrijiet u s-semikarrijiet tagħhom għandhom jgħaddu minn testijiet perjodiċi tal-kondizzjoni tajba għas-sewqan skond din id-Direttiva […]” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “It-testijiet tal-kondizzjoni tajba għas-sewqan previsti f'din id-Direttiva għandhom jitwettqu mill-Istat, jew minn korp pubbliku mogħti x-xogħol mill-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti maħtura u direttament immexxija mill-Istat, inklużi korpi privati awtorizzati kif dovut. B'mod partikolari, meta stabbilimenti maħtura bħala ċentri ta' testing tal-vetturi jistgħu ukoll iwettqu tiswijiet fuq vetturi bil-mutur, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jassiguraw l-objettività u l-kwalità għolja tat-testing tal-vettura.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Digriet-Liġi Nru 550/99, tal-15 ta’ Diċembru 1999, dwar l-attività ta’ testijiet tal-kundizzjoni tal-vetturi bil-mutur għas-sewqan (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi”): “1. L-awtorizzazzjoni għall-attività ta’ testijiet tal-vetturi tingħata b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Intern, fuq proposta mid-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku, lil persuni ġuridiċi, nazzjonali jew barranin, sakemm, f’dan l-aħħar każ, dawn ikunu stabbiliti regolarment fit-territorju nazzjonali. 2. Id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku jista’ jissottometti l-proposta prevista fil-paragrafu preċedenti biss jekk l-interess pubbliku għat-twettiq tat-testijiet jiġġustifika l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni.” |
6 |
Peress li d-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku ma baqax jeżisti matul dan il-perijodu, il-kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-testijiet tal-vetturi ġew assenjati lill-Istitut Pubbliku għall-Mobilità u t-Trasport tal-Art. |
7 |
L-Artikolu 6 tad-Digriet-Liġi jiddisponi: “1. L-entitajiet li jippreżentaw studju li juri l-vijabbiltà u li jiġġustifika r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-ftuħ u l-ġestjoni t-tajba taċ-ċentri tat-testijiet huma meqjusa bħala li għandhom il-kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji neċessarji. 2. Il-portata u l-istruttura tal-istudju, kif ukoll l-indikaturi tal-kapaċità finanzjarja previsti fil-paragrafu preċedenti huma definiti permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Intern.” |
8 |
Abbażi tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi Digriet-Liġi, ġie stabbilit id-Digriet Nru 1165/2000, tad-9 ta’ Diċembru 2000, li japprova r-regolament tas-sejħa għal offerti pubblika għat-twaqqif ta’ ċentri tat-testijiet tal-vetturi (iktar ’il quddiem id-“Digriet”), li l-paragrafu 1 tiegħu jiddisponi: “L-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività ta’ testijiet ta’ vetturi jiddependi fuq il-verifika tal-kapaċità teknika, ekonomika u finanzjarja prevista fl-Artikoli 4 u 6 tad-Digriet-Liġi Nru 550/99 tal-15 ta’ Diċembru 1999, abbażi tal-preżentazzjoni mill-interessat, tad-dokumenti li ġejjin: […]
|
9 |
L-Artikolu 7 tad-Digriet-Liġi jipprevedi: “Mhumiex awtorizzati sabiex jeżerċitaw l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi l-entitajiet li jinsabu f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
Il-proċedura prekontenzjuża
10 |
Peress li kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-attività tal-testijiet ta’ vetturi tqajjem kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 43 KE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE u bagħtet lir-Repubblika Portugiża ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005. |
11 |
Wara li kisbet estensjoni tat-terminu għar-risposta sat-18 ta’ Frar 2006, ir-Repubblika Portugiża rrispondiet permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2006. Peress li baqgħet tal-fehma, wara din ir-risposta, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkonforma mal-Artikolu 43 KE, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru li biha stiednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mill-jum li fiha rċevieha. |
12 |
L-ewwel nett, ir-Repubblika Portugiża rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2007, fejn indikat li abbozz ta’ test leġiżlattiv li jemenda d-Digriet-Liġi kien ġiet fformulat sabiex jitneħħew id-dispożizzjonijiet kkritikati. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, hija ddikjarat li l-imsemmija proċedura ta’ reviżjoni kellha tintemm qabel l-aħħar ta’ Jannar 2008, imbagħad, f’ittra tad-19 ta’ Mejju 2008, li din kienet qed tiġi ffinalizzata. Peress li ma setgħetx tikkonkludi li l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun konformi mal-Artikolu 43 KE ittieħdu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
13 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-klawżola ta’ eċċezzjoni li hemm fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, invokata mir-Repubblika Portugiża sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha mal-Artikolu 43 KE mhijiex applikabbli f’dan il-każ. |
14 |
Minn naħa, l-eċċezzjoni bbażata fuq l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tista’ tiġi invokata biss fir-rigward ta’ miżuri diskriminatorji, filwaqt li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni tapplika kemm għall-entitajiet nazzjonali kif ukoll bħala entitajiet barranin. Min-naħa l-oħra, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u l-applikazzjoni tagħha limitata għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. |
15 |
Issa, ir-Repubblika Portugiża kienet kkonfermat fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni li t-testijiet ta’ vetturi kienu attivitajiet ekonomiċi u li r-responsabbilità tal-istabbilimenti ta’ testijiet għall-ħsarat ikkawżati matul jew wara test kienet taqa’ taħt id-dritt privat. Il-ħruġ ta’ rapport ta’ test jew ta’ tikketta sabiex tiġi esposta ma jikkostitwixxix prova tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Il-fatt li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet għal nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fuq t-testijiet ta’ vetturi lanqas ma jista’ jkun rilevanti. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet tal-pulizija jew dawk ġudizzjarji, peress li l-impriżi ta’ testijiet m’għandhom l-ebda setgħa ta’ impożizzjoni. |
16 |
Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għall-ksib tal-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċita l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li hija inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE. Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit, kif previst fl-Artikolu 3(2) tad-Digriet-Liġi, li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet il-ġodda għandhom ikunu fl-interess pubbliku, jissuġġetta l-persuni ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw din l-attività fil-Portugall għas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tkun iġġustifikata, sistema ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. |
17 |
Il-kriterju tal-interess pubbliku, barra minn hekk, ma jistax ikun iġġustifikat minn motivi ta’ protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq, peress li l-Kummissjoni f’dan ir-rigward speċifikat li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità mhijiex sodisfatta. Fil-fatt, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-funzjonament ta’ ċentri ta’ testijiet, is-sistema nazzjonali inkwistjoni mhijiex adegwata sabiex tiżgura l-kisba ta’ dan l-għan. Barra minn hekk, l-għoti tal-awtorizzazzjoni skont il-kriterju inċert tal-interess pubbliku jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tas-sigurtà fit-toroq. |
18 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 6(1) tad-Digriet-Liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 1(e) tad-Digriet, ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100000 jipprekludi, skont is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-171/02, Ġabra p. I-5645, punt 54), operatur Komunitarju li għandu kapital baxx milli jistabbilixxi ruħu fit-territorju Portugiż. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-argumenti tar-Repubblika Portugiża li dan ir-rekwiżit huwa maħsub biex jiżgura s-solvibbiltà finanzjarja ta’ entitajiet awtorizzati ma humiex validi. Fil-fatt hemm mezzi inqas restrittivi għall-protezzjoni tal-kredituri, bħalma huma l-kostituzzjoni ta’ garanzija jew sottoskrizzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
19 |
Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 7(a) tad-Digriet-Liġi, li jillimita l-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni tal-impriżi ta’ testijiet ta’ vetturi għal din l-attività biss, lanqas m’hu kompatibbli mal-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, l-operaturi li jipprovdu legalment servizzi oħra fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom huma mġegħla, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-Portugall, li jibdlu l-għan tal-impriża li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll l-istruttura interna tagħhom. L-għan tas-sigurtà fit-toroq ma jistax jiġi invokat, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni mhijiex adegwata sabiex jintlaħaq dan l-għan u li l-kwalità tat-testijiet tista’ tiġi żgurata permezz ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan li jiġu minimizzati t-testijiet frawdolenti, il-Kummissjoni tosserva li n-natura frawdolenti tat-testijiet ma tistax tiġi sempliċement preżunta fil-każ ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet relatati u li r-riskju ta’ dawn it-testijiet ma jeżistix fil-każ ta’ attivitajiet mhux relatati mat-testijiet ta’ vetturi. Barra minn hekk, jistgħu jittieħdu miżuri inqas restrittivi. |
20 |
Il-Kummissjoni ssostni, fir-raba’ lok, li r-regoli ta’ inkompatibbiltà imposti fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi ta’ stabbilimenti ta’ testijiet ta’ vetturi, skont l-Artikolu 7(b) tad-Digriet-Liġi, jista’ jkollhom effetti restrittivi simili peress li jobbligaw lill-operaturi diġà legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jwettqu attivitajiet oħra, li jbiddlu l-istruttura interna tagħhom, li jisseparaw mis-soċji jew li ma jkomplux bl-attivitajiet inkompatibbli. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, tali regoli mhumiex proporzjonati mal-għanijiet invokati ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ objettività tat-testijiet u ta’ prevenzjoni tal-frodi. Hemm soluzzjonijiet inqas restrittivi, bħall-obbligu li jiġu ttestjati minn impriża oħra l-vetturi marbuta ma’ attivitajiet relatati tas-soċji, tal-maniġers u tad-diretturi tal-kumpannija, u, min-naħa l-oħra, bħall-obbligu li jsiru, wara test negattiv, it-tiswijiet minn istituzzjoni indipendenti, il-projbizzjoni ta’ testijiet fuq il-vetturi tal-maniġers jew tal-persunal tiegħu u tal-qraba tiegħu, l-issuġġettar ta’ stabbilimenti ta’ kontrolli sistematiċi jew ukoll it-twaqqif ta’ sistema ta’ sanzjonijiet ċivili jew kriminali. |
21 |
Ir-Repubblika Portugiża tafferma li jidher inkontestabbli li l-attività ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi taqa’ taħt l-interess ġenerali ta’ sigurtà fit-toroq. Hija ssostni li, minn naħa, din l-attività tikkostiwixxi kompetenza proprja tal-Istat, għalkemm dan tal-aħħar jista’ jirrikorri għall-kollaborazzjoni ta’ korpi privati, kif ikkonfernat mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96. Id-delega lil dawn il-korpi madankollu f’ebda każ ma tikkostiwixxi privatizzazzjoni materjali ta’ din il-missjoni li hija proprja tal-Istat. Hija l-ħtieġa ta’ kontroll speċifiku mill-Istat fuq l-operaturi privati awtorizzati jeżerċitaw din l-attività permezz ta’ delega li tiġġustifika l-adozzjoni tal-kriterji kkontestati. |
22 |
Min-naħa l-oħra, dawn il-korpi privati b’delega jwettqu atti ta’ eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Jeżistu fit-teorija żewġ possibbiltajiet ta’ implementazzjoni tal-attività inkwistjoni. Jew l-att preparatorju ta’ testijiet għandu jsir minn korpi privati u segwit minn ċertifikazzjoni mill-awtorità pubblika, jew t-testijiet u ċ-ċertifikazzjoni jkunu fdati fil-korp privat, taħt il-kontroll tal-awtorità uffiċjali. Fis-sistema Portugiża, il-proċedura ta’ testijiet, li għandha funzjoni purament preparatorju, tikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni jew le tal-konformità tal-vetturi mal-istandards applikabbli, mingħajr ebda intervent tal-awtorità pubblika amministrattiva. Dawn id-deċiżjonijiet huma, minħabba l-effetti tagħhom fuq id-drittijiet ġuridiċi tas-sid tal-vettura, assoċjati mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. |
23 |
Għalhekk, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi hija direttament relatata mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. B’hekk, anki jkun possibbli li jkun hemm każ ta’ inkompatibbiltà tar-regoli inkwistjoni mal-Artikolu 43 KE, dawn ikunu ġġustifikati taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. |
24 |
F’kull każ, ir-Repubblika Portugiża ssostni li hija bdiet proċedura ta’ reviżjoni tad-Digriet-Liġi, intiża essenzjalment sabiex tissostitwixxi s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel b’sistema ta’ konċessjonijiet mogħtija abbażi ta’ kompetizzjoni. Bl-adozzjoni u l-promulgazzjoni ta’ dan it-test il-ġdid, previsti inizjalment għat-tmiem tal-ewwel trimestru tal-2009, imbagħad għax-xahar ta’ Lulju 2009 skont il-kontroreplika, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni imposti mid-Digriet-Liġi u r-restrizzjonijiet eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment jispiċċaw. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni
25 |
Il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment lir-Repubblika Portugiża talli timponi fuq l-operaturi privati, li jixtiequ jeżerċitaw fit-territorju tagħha l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, regoli ta’ aċċess inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE. |
26 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 96/96 għandha l-għan, skont it-tlieta u tletin premessa tagħha, li tinkiseb armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vetturi, b’mod partikolari, kif iddikjarat fl-Artikolu 1(2) fid-determinazzjoni tal-kategoriji ta’ vetturi li għandhom jiġu ttestjati għall-kundizzjoni tajba għas-sewqan, il-frekwenza ta’ dawn it-testijiet u l-oġġetti li għandhom jiġu ttestjati. Din id-direttiva madankollu m’għandha l-ebda dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-aċċess għall-attivitajiet ta’ testijiet ta’ vetturi. |
27 |
Għalkemm, f’settur li mhuwiex kompletament armonizzat fuq il-livell Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu, bħala regola, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is-settur, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom billi jirrispettaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-393/05, Ġabra p. I-10195, punt 29, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, Ġabra p. I-10239, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ tqum il-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 43 KE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi ċerti kundizzjonijiet għall-ksib tal-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, ir-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100000, il-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u l-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d diretturi tagħhom. |
29 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et, C-79/01, Ġabra p. I-8923, punt 26; tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 30). |
30 |
Issa, anki jekk ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża japplikaw b’mod identiku kemm għall-operaturi stabbiliti fil-Portugall kif ukoll għal dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra, dawn jistgħu jwasslu sabiex jipprekludu l-operaturi li ma jissodisfawx il-kriterji definiti fihom milli jistabbilixxu ruħom fil-Portugall sabiex jeżerċitaw attività ta’ testijiet ta’ vetturi. B’mod partikolari, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-kriterju ta’ interess pubbliku, li għalih huwa suġġett l-għoti tal-awtorizzazzjoni amministrattiva inkwistjoni, jista’ jwitti t-triq għal użu arbitrarju tas-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet kompetenti, billi jippermettilhom li jirrifjutaw din l-awtorizzazzjoni lil ċerti operaturi interessati, għalkemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni. |
31 |
Għalhekk, il-kundizzjonijiet kkontestati ta’ aċċess għall-attività ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vetturi imposti mil-leġiżlazzjoni Portugiża jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. |
Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE
32 |
Ir-Repubblika Portugiża li ma tikkontestax fid-dettall in-natura restrittiva tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, issostni li l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi hija attività li taqa’ “fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 45 KE, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE. Il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward li din hija attività ekonomika li ma tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li l-Artikolu 45 KE japplika biss għal miżuri ta’ natura diskriminatorja. |
33 |
Rigward dan l-aħħar argument, madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE fih mhux biss projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni iżda wkoll projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kollha li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment. Peress li l-Artikolu 45 KE fih klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 43 KE, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax għalhekk tkun ristretta biss għall-miżuri diskriminatorji. B’hekk, dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’. |
34 |
Għall-kuntrarju, għandu jiġi mfakkar li, bħala deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 45 KE għandu jingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tiegħu għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 7; tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 34, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 45). |
35 |
Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-evalwazzjoni tal-eċċezzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment previsti fl-Artikolu 45 KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura Komunitarju tal-limiti stabbiliti minn dan l-artikolu għall-eċċezzjonijiet għal din l-imsemmija libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 50, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8). |
36 |
B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deroga prevista f’dan l-artikolu għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara s-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 8, u tal-31 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-283/99, Ġabra p. I-4363, punt 20), u dan jeskludi li jiġu kkunsidrati bħala “parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika” fis-sens tal-imsemmija dergoa, il-funzjonijiet sempliċiment anċillari u preparatorji fir-rigward ta’ entità li teżerċita effettivament l-awtorità pubblika billi tagħti d-deċiżjoni finali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 36, u l-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38). |
37 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat iktar id-distinzjoni bejn attivitajiet ta’ korpi privati li jikkostitwixxu sempliċi funzjonijiet preparatorji u dawk li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika billi kkonstatat li, anki meta l-korpi privati jeżerċitaw il-prerogattivi tas-setgħa pubblika billi jiġbdu l-konsegwenzi mit-testijiet li jagħmlu, l-Artikolu 45 KE ma jistax jiġi invokat meta l-leġiżlazzjoni applikabbli tkun tipprevedi qafas legali għal dawn il-korpi privati mill-awtorità pubblika kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 41 u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 43). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt kkonstatat li korpi privati li jeżerċitaw l-attività tagħhom taħt is-superviżjoni attiva tal-awtorità pubblika kompetenti li hi responsabbli, fl-aħħar nett, għall-ispezzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-imsemmija korpi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 45 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 42, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 44). |
38 |
Skont l-indikazzjonijiet li hemm fir-rikors u fir-risposta, it-twettiq ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi fil-Portugall jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ stabbiliment pubbliku, l-Istitut Pubbliku għall-Mobilità u t-Trasport tal-Art, li madankollu jista’ jirrikorri għal korpi privati sabiex jimplementaw dawn it-testijiet. Id-deċiżjoni li tiċċertifika jew le l-konformità teknika tal-vetturi hija meħuda mill-korp privat ta’ testijiet ta’ vetturi mingħajr ebda intervent tal-awtorità pubblika amministrattiva. |
39 |
B’hekk kif jirriżulta barra minn hekk mir-risposta, l-attività ta’ stabbilimenti ta’ testijiet ta’ vetturi tinqasam f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, din l-attività tikkonsisti fit-twettiq ta’ żjarat tekniċi, jiġifieri biex tiġi vverifikata l-konformità ta’ vetturi ttestjati mal-istandards tekniċi applikabbli u sabiex jiġi redatt rapport fuq din iż-żjara li jagħti d-dettalji tat-testijiet magħmula u tar-riżultati miksuba. Fit-tieni fażi, din l-attività tinkludi ċ-ċertifikazzjoni tat-testijiet magħmula billi titwaħħal tikketta fuq il-vettura, jew, għall-kuntrarju, bir-rifjut ta’ tali ċertifikazzjoni. |
40 |
Ix- xogħlijiet li jaqgħu fl-ewwel fażi huma esklużivament ta’ natura teknika, u għalhekk, minħabba n-natura tagħhom stess, huma estranji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-3/88, Ġabra p. 4035, punt 13). Min-naħa l-oħra, t-tieni fażi, li għandha x’taqsam maċ-ċertifikazzjoni tat-testijiet dwar jekk il-vetturi humiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan, tinkludi l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika, meta jinġibdu l-konsegwenzi ġuridiċi miż-żjara teknika. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li jiġi ċċertifikat jew le t-testijiet dwar jekk il-vetturi humiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan, tikkostata biss, essenzjalment, ir-riżultati taż-żjara teknika u, minn naħa, hija nieqsa mill-awtonomija deċiżjonali neċessarja għall-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika u, min-naħa l-oħra, meħuda fil-kuntest ta’ sorveljanza Statali diretta. |
42 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96 li meta l-Istat Membru jafda l-ġestjoni ta’ stabbilimenti ta’ testijiet dwar jekk vettura hijiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan lil korpi privati, huwa madankollu jkompli jeżerċita sorveljanza diretta fuq dawn il-korpi. |
43 |
Fil-fatt huwa l-Istat Membru, skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, li għandu jaħtar l-stabbiliment kompetenti, li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni u li żżommhom taħt sorveljanza diretta. Skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu, li ssemmi l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi bejn l-attività ta’ testijiet u dik ta’ tiswija tal-vetturi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw l-oġġettività u l-kwalità għolja tat-testing. Jirriżulta mill-użu tal-frażi “b’mod partikolari” li d-Direttiva 96/96 hija intiża għat-twettiq strett mill-Istat ta’ dawn iż-żewġ għanijiet kwalitattivi konkreti, jiġifieri l-oġġettività u l-kwalità għolja tat-testijiet fuq il-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi, fil-każ fejn ikun hemm kunflitt ta’ interessi, iżda, a fortiori, ukoll, fl-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ sorveljanza tagħha tal-istabbilimenti privati ta’ testijiet ta’ vetturi fuq il-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vetturi deskritta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96 ikollhom qafas legali. |
44 |
Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Portugiża, il-korpi privati ta’ testijiet ta’ vetturi m’għandhomx, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, setgħa ta’ koerċività, peress li s-sanzjonijiet fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar it-testijiet ta’ vetturi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-pulizija u ta’ dawk ġudizzjarji. |
45 |
Konsegwentement, l-attivitajiet ta’ korpi privati ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vetturi inkwistjoni f’dan il-każ ma jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 45 KE. Għalhekk huwa neċeessarju li jiġi eżaminat jekk is-sistema ta’ aċċess għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi implementata mir-Repubblika Portugiża għandhiex tiġi ġġustifikata. |
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni
46 |
Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dan il-każ, jeħtieġ ukoll li hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-158/03, punt 35; tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-518/06, Ġabra p. I-3491, punt 72, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-531/06, Ġabra p. I-4103, punt 49). |
47 |
F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-54/05, Ġabra p. I-2473, punt 39, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummisjoni vs L-Olanda, C-297/05, Ġabra p. I-7467, punt 76). |
48 |
F’dan il-każ, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Portugiża fil-proċedura prekontenzjuża tirrigwarda l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq, li tikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, u tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 60). |
49 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża ma ddefendietx ruħha mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-punt fil-proċedura kontenzjuża, u ma wriet la l-ħtieġa u lanqas il-proporzjonalità, fir-rigward tal-għan segwit, tal-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq. |
50 |
Ir-Repubblika Portugiża tindika wkoll li hija bdiet proċedura ta’ reviżjoni tad-Digriet-Liġi, li għandha titlesta f’Lulju 2009, sabiex jiġi ddefinit mill-ġdid il-kuntest tekniku u ġuridiku tal-attività ta’ testijiet u sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mis-sistema fis-seħħ. |
51 |
Madankollu, għand jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-emendi introdotti fil-liġi nazzjonali huma irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li dawn ma ġewx implementati qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-173/94, Ġabra p. I-3265, punt 16, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-66/06, punt 91). Ir-Repubblika Portugiża ma tistax għalhekk tinvoka emendi leġiżlattivi li jsiru wara din id-data. |
52 |
Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat. |
53 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ korpi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw fil-Portugall l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, jiġifieri permezz tar-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, tar-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100000, tal-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u tal-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 43 KE. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.