Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0433

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-3 ta' Diċembru 2009.
    Yaesu Europe BV vs Bundeszentralamt für Steuern.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Tmien Direttiva tal-VAT - Arranġamenti għar-rifużjoni tal-VAT lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż - Anness A - Applikazzjoni għal rifużjoni - Kunċett ta’ ‘firma’ li jinsab fl-imsemmija applikazzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-firma tal-persuna taxxabbli stess jew tar-rappreżentant legali tagħha, bl-esklużjoni tal-firma ta’ rappreżentant awtorizzat.
    Kawża C-433/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11487

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:750

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    3 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

    “Tmien Direttiva tal-VAT — Arranġamenti għar-rimbors tal-VAT lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż — Anness A — Applikazzjoni għal rimbors — Kunċett ta’ ‘firma’ li jinsab fl-imsemmija applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-firma tal-persuna taxxabbli stess jew tar-rappreżentant legali tagħha, bl-esklużjoni tal-firma ta’ rappreżentant awtorizzat”

    Fil-Kawża C-433/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Awwissu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Ottubru 2008, fil-proċedura

    Yaesu Europe BV

    vs

    Bundeszentralamt für Steuern,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Yaesu Europe BV, minn B. Burgmaier, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness A tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill Nru 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79, iktar ’il quddiem it-“Tmien Direttiva”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Yaesu Europe BV (iktar ’il quddiem “Yaesu Europa”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Bundeszentralamt für Steuern (Uffiċċju Federali Ċentrali tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il-“Bundeszentralamt”), dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, ta’ applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa minn din il-kumpannija fil-Ġermanja.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    It-tielet sal-ħames premessi tat-Tmien Direttiva huma fformulati kif ġej:

    “Filwaqt li diskrepanzi bejn l-arranġamenti fis-seħħ preżentament fi Stati Membri, li f’ċerti każijiet joħolqu nuqqas fin-negozju u tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għandhom ikunu eliminati;

    Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ regoli tal-Komunità f’dan il-qasam timmarka progress lejn il-liberalizazzjoni effettiva tal-moviment ta’ persuni, oġġetti, u servizzi, b’hekk tgħin sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika jitlesta;

    Filwaqt li tali regoli ma għandhomx iwasslu sabiex persuni taxxabbli jkunu trattati b’mod differenti skond l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jkunu stabbiliti”.

    4

    L-Artikolu 3(a) tat-Tmien Direttiva jipprovdi:

    “Sabiex tikkwalifika għal rifużjoni, kull persuna taxxabbli kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 li ma tissuplixxix la merkanzija u l-anqas servizzi maħsuba li jkunu pprovduti fit-territorju tal-pajjiż għandha:

    a)

    tgħaddi lill-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 9 applikazzjoni li tkun magħmula fuq l-abbozz fl-Anness A, [u] tehmeż fatturi oriġinali jew dokumenti ta’ importazzjoni [oriġinali]. Stati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-applikanti nota spjegatorja li għandha f’kull każ ikun fiha l-informazzjoni minima preskritta fl-Anness Ċ”

    5

    L-Artikolu 6 tat-Tmien Direttiva jistabbilixxi:

    “Stati Membri jistgħu ma jimponux [ma jistgħux jimponu] fuq persuni taxxabbli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 kwalunkwe obbligu, barra minn dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 u 4, barra mill-obbligu li tkun ipprovduta, f’każijiet speċifiċi, l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikun stabbilit jekk l-applikazzjoni għal rifużjoni tkunx iġġustifikata.”

    6

    Fl-aħħar linja tiegħu, il-mudell tal-applikazzjoni għal rifużjoni tal-VAT li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva jsemmi, barra l-post fejn qiegħda tiġi redatta l-applikazzjoni u d-data ta’ din l-applikazzjoni, “firma”, mingħajr ebda indikazzjoni oħra.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7

    L-Artikolu 18(9) tal-Liġi tal-2005 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 2005, BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), kien ifformulat kif ġej:

    “[…] L-applikazzjoni għal rimbors għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jinħoloq id-dritt għar-rimbors. L-imprenditur innifsu għandu jikkalkola r-rimbors u jiġġustifika l-ammonti tat-taxxa tal-input billi jippreżenta l-oriġinal tal-fatturi u taċ-ċertifikati ta’ importazzjoni. L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tkun iffirmata mill-imprenditur stess. […]”

    8

    L-Artikolu 79(1) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (Abgabenordnung, iktar ’il quddiem l-“AO”), intitolat “Kapaċità ta’ azzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari, fil-punt 3 tal-istess Artikolu 79(1), li l-persuni ġuridiċi, gruppi jew patrimonji, permezz tar-rappreżentanti legali tagħhom jew tar-rappreżentanti ad hoc tagħhom, għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ta’ proċedura.

    9

    L-Artikolu 150(3) tal-AO, li jirregola l-forma u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, jipprovdi:

    “Jekk il-liġijiet tat-taxxa jirrikjedu li l-persuna taxxabbli għandha tiffirma d-dikjarazzjoni tat-taxxa hija stess, il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat hija permessa biss jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ tiffirma minħabba l-istat fiżiku jew mentali tagħha, jew minħabba assenza fit-tul. Il-firma tagħha stess tista’ tiġi rikjesta a posteriori meta r-raġuni għall-impediment tispiċċa.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Fit-30 ta’ Ġunju 2006, Yaesu Europe ippreżentat applikazzjoni għar-rimbors tal-VAT imħallsa bħala taxxa tal-input fil-Ġermanja għall-perijodu minn Jannar sa Diċembru tas-sena 2005. Din l-applikazzjoni saret permezz tal-formola uffiċjali prevista għal dan il-għan fl-imsemmi Stat Membru u li fiha jinsabu, fil-parti li għandha n-numru 9, il-kliem “firma tiegħek stess u timbru tal-kumpannija”.

    11

    F’ittra li takkumpanja l-imsemmija applikazzjoni, l-avukati ta’ Yaesu Europe, li huma stabbiliti fil-Ġermanja u li jissemmew ukoll fuq din il-formola bħala r-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija għan-notifiki, indikaw li huma kienu ffirmaw din l-applikazzjoni għan-nom tal-klijenti tagħhom. F’dan ir-rigward, ġiet mehmuża ma’ din l-ittra “prokura għall-proċedura ta’ rimbors tat-taxxa tal-input”, magħmula mir-rappreżentant legali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet tawtorizza lill-imsemmija avukati sabiex jirrappreżentaw legalment lil din tal-aħħar fil-proċeduri kollha ta’ rifużjoni tal-VAT.

    12

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2006, il-Bundeszentralamt ċaħad l-applikazzjoni għal rimbors magħmula minn Yaesu Europe, minħabba li ma kinitx ġiet iffirmata mill-persuna taxxabbli stess, bi ksur tal-Artikolu 18(9) tal-UStG.

    13

    Wara lment li ma kellux suċċess, Yaesu Europe ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht. Din tal-aħħar qablet mal-pożizzjoni tal-Bundeszentralamt u ddeċidiet li l-Artikolu 18(9) tal-UStG ma jiksirx l-Artikoli 3 u 6 tat-Tmien Direttiva u li l-“firma” prevista fil-mudell li hemm fl-Anness A ta’ din id-direttiva kellha tiġi interpretata bħala li hija neċessarjament il-firma tal-persuna taxxabbli stess, u dan peress li fi kwalunkwe każ it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 jagħti lil-leġiżlatur Ġermaniż awtonomija ta’ eżekuzzjoni f’dan ir-rigward.

    14

    Yaesu Europe ippreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesfinanzhof, fejn sostniet, essenzjalment, li l-Finanzgericht interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “firma” li jissemma fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva u tinvoka, f’dan ir-rigward, l-eżempju ta’ diversi Stati Membri li espressament jawtorizzaw l-iffirmar tal-applikazzjoni għal rimbors minn rappreżentant awtorizzat. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fil-Komunità Ewropea.

    15

    Il-Bundesfinanzhof, wara li warrbet l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-punt 3 tal-Artikolu 79(1) u tal-Artikolu 150(3) tal-AO u wara li kkunsidrat li kien għad fadal dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 18(9) tal-UStG mad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ ‘firma’ fil-mudell fl-Anness A tat-Tmien Direttiva […] li jintuża sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] ta’ taxxa [tal-VAT] skont l-Artikolu 3(a) tad-direttiva, huwa kunċett Komunitarju li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

     

    Il-kunċett ta’ ‘firma’ għandu jinftiehem li jfisser li l-applikazzjoni għal rifużjoni [rimbors] għandha bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess jew, f’każ ta’ persuna ġuridika, mir-rappreżentant legali tagħha, jew hija biżżejjed il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat (pereżempju, rappreżentant fiskali jew impjegat tal-persuna taxxabbli)?”

    Fuq id-domandi preliminari

    16

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “firma” tal-applikazzjoni għal rimbors tal-VAT imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva jikkostitwixxix kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġu interpretat b’mod uniformi u, jekk dan ikun il-każ, jekk dan il-kunċett għandux jinftiehem fis-sens li tali applikazzjoni għal rimbors għandha bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess jew jekk huwiex suffiċjenti li din l-applikazzjoni tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat.

    17

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li t-Tmien Direttiva ma fiha ebda definizzjoni tal-imsemmi kunċett ta’ “firma” u li hija ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati it-tifsira u l-portata ta’ dan l-istess kunċett.

    18

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju tal-ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punt 11; tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 27).

    19

    Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fir-rigward tat-Tmien Direttiva, fid-dawl kemm tat-titolu tagħha kif ukoll tat-termini tat-tielet u l-ħames premessi tagħha.

    20

    Fil-fatt, mit-tielet u l-ħames premessi tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din hija intiża li tarmonizza l-arranġamenti għar-rimbors tal-VAT imħallsa fi Stat Membru minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor billi jiġu eliminati diskrepanzi bejn id-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak iż-żmien fl-Istati Membri u billi jiġi żgurat li l-persuni taxxabbli ma jingħatawx trattament differenti skont l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

    21

    L-għan tat-Tmien Direttiva b’hekk huwa li jkunu armonizzati l-arranġamenti għad-dritt għar-rimbors tal-VAT kif tirriżulta mill-Artikolu 17(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p, 23) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Monte Dei Paschi Di Siena, C-136/99, Ġabra p. I-6109, punt 20, u tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, Ġabra p. I-2425, punt 26).

    22

    Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva tipprovdi espressament, fl-Anness A tagħha, mudell stabbilit minn qabel tal-applikazzjoni għal rifużjoni tal-VAT, intiż speċifikament sabiex jiġu armonizzati l-arranġamenti tal-proċedura dwar din l-applikazzjoni fir-rigward tat-taxxa mħallsa fi Stat Membru minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Issa, l-imsemmi għan ta’ armonizzazzjoni jista’ jintlaħaq biss jekk il-kunċetti li għalihom jirreferi dan il-mudell ikollhom l-istess tifsira fl-Istati Membri kollha.

    23

    Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “firma” imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li t-tifsira u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti interpretazzjoni awtonoma u uniformi fis-sistema ġuridika Komunitarja.

    24

    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C-34/05, Ġabra p. I-1687, punt 25, u tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg, C-466/07, Ġabra p. I-803, punt 37).

    25

    Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni stess tal-Anness A tat-Tmien Direttiva ma fiha ebda indikazzjoni dwar il-kunċett ta’ “firma” msemmi f’dan l-anness. Fil-fatt, dan l-anness kull ma jagħmel huwa li jirrikjedi sempliċement “firma” u ma jispeċifika bl-ebda mod li din għandha jkollha xi karatteristiċi partikolari, bħall-karatteristika li l-firma trid tkun tal-persuna taxxabbli stess, għall-kuntrarju ta’ espressjonijiet oħra li hemm fl-imsemmi anness, bħall-isem jew in-natura tal-attività, li huma espressament akkumpanjati mit-termini “ta’ l-applikant”.

    26

    It-tieni nett, mill-Artikolu 3(a) tat-Tmien Direttiva jirriżulta li l-persuna taxxabbli għandha tippreżenta applikazzjoni għal rimbors tal-VAT konformi mal-mudell li hemm fl-imsemmi anness. Mill-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva jirriżulta wkoll li l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-persuni taxxabbli, minbarra l-obbligi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, ebda obbligu ieħor ħlief li jipprovdu, f’każijiet speċjali, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evalwat il-mertu tal-applikazzjoni ta’ rifużjoni. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “firma” imsemmi f’dan il-mudell, dan l-Artikolu 6 jipprekludi li persuna taxxabbli tkun suġġetta għal rekwiżiti oħra barra dawk preskritti f’dan il-mudell, bħar-rekwiżit li l-firma tkun magħmula mill-persuna taxxabbli stess.

    27

    Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni kuntestwali hija kkorroborata mill-għan ta’ armonizzazzjoni tat-Tmien Direttiva, kif jirriżulta mill-punti 19 sa 22 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-għan segwit minn din id-direttiva, meta tipprovdi espressament, fl-Anness A tagħha, mudell stabbilit minn qabel ta’ applikazzjoni għal rimbors tal-VAT, jista’ jinkiseb biss jekk il-kunċetti li jinsabu f’dan il-mudell ikollhom tifsira u portata identiċi fl-Istati Membri kollha u ma jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti speċifikament previsti minn dan tal-aħħar. Jekk Stat Membru jitħalla jimponi fuq persuna taxxabbli rekwiżiti oħra barra dawk previsti minn dan il-mudell, bħar-rekwiżit li l-firma tkun magħmula minn din il-persuna taxxabbli stess, tkun qiegħda tiġi stabbilita formalità li hija inkonsistenti mal-imsemmi għan.

    28

    Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li għalkemm, kuntrarjament għat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta’ Novembru 1986, fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus [mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ] — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 129), it-Tmien Direttiva ma tipprovdix espressament il-possibbiltà li jinħatar rappreżentant awtorizzat, xorta jibqa’ l-fatt li din id-direttiva tal-aħħar ma teskludix dan, hekk li applikazzjoni għal rimbors tal-VAT konformi mal-mudell li jinsab fl-Anness A ta’ din l-istess direttiva tista’ tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat.

    29

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-kunċett ta’ “firma” tal-applikazzjoni għal rimbors tal-VAT imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fis-sens li tali applikazzjoni għal rifużjoni ma għandhiex bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess, iżda, f’dan ir-rigward, il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat tista’ tkun suffiċjenti.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċett ta’ “firma” tal-applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmi fil-mudell li jinsab fl-Anness A tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill Nru 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż, jikkostitwixxi kunċett tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fis-sens li tali applikazzjoni għal rimbors ma għandhiex bilfors tiġi ffirmata mill-persuna taxxabbli stess, iżda, f’dan ir-rigward, il-firma ta’ rappreżentant awtorizzat tista’ tkun suffiċjenti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top