Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0430

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-14 ta'Jannar 2010.
    Terex Equipment Ltd (C-430/08), FG Wilson (Engineering) Ltd u Caterpillar EPG Ltd (C-431/08) vs The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Value Added Tax and Duties Tribunal, Edinburgh u Value Added Tax and Duties Tribunal, Northern Ireland - ir-Renju Unit.
    Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikoli 78 u 203 - Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Artikolu 865 - Proċedura tal-ipproċessar tad-dħul - Kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat - Meta jiġi inkors dejn doganali - Reviżjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana.
    Każijiet Magħquda C-430/08 u C-431/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:15

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    14 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

    “Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 78 u 203 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 865 — Proċedura tal-ipproċessar attiv — Kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat — Tnissil ta’ dejn doganali — Reviżjoni tad-dikjarazzjoni tad-dwana”

    Fil-Kawżi magħquda C-430/08 u C-431/08,

    li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Edinburgh (ir-Renju Unit) u mill-VAT and Duties Tribunal, Northern Ireland (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Settembru 2008, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2008, fil-proċeduri

    Terex Equipment Ltd (C-430/08),

    FG Wilson (Engineering) Ltd (C-431/08),

    Caterpillar EPG Ltd (C-431/08)

    vs

    Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Terex Equipment Ltd, minn J. White, barrister,

    għal FG Wilson (Engineering) Ltd u Carterpillar EPG Ltd, minn G. Salmond, solicitor, u R. Cordara, QC,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn S. Moore, barrister,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Bouyon u R. Lyal, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 78, 203, 204 u 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali” kif ukoll tal-Artikolu 865 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad-29 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 212, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”).

    2

    Dawn it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ kawżi bejn Terex Equipment Ltd (iktar ’il quddiem “Terex”) u FG Wilson (Engineering) Ltd (iktar ’il quddiem “Wilson”) u Caterpillar EPG Ltd (iktar ’il quddiem “Caterpillar”) kontra l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, dwar il-konsegwenza tal-użu, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali li kienu suġġetti għal proċedura tal-ipproċessar attiv, ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat, li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 4(7), (8) u (13) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    7)

    Merkanzija tal-Komunità tfisser merkanzija:

    […]

    impurtata minn pajjiżi jew territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-Komunità li nħelsu għal ċirkolazzjoni libera,

    […]

    8)

    Merkanzija mhux tal-Komunità tfisser merkanzija minbarra dik li ssir referenza għaliha fis-subparagrafu 7.

     

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 163 u 164, merkanzija tal-Komunità għandha titlef dan l-istatus tagħha meta effettivament titneħħa mit-territorju doganali tal-Komunità;

    […]

    13)

    mill-awtoritajiet doganali tfisser azzjoni meħuda b’mod ġenerali minn dawk l-awtoritajiet bil-għan li jiżguraw illi r-regoli doganali u, fejn xieraq, dispożizzjonijiet oħra applikabbli għal merkanzija soġġetta għal sorveljanza doganali jiġu osservati”.

    4

    L-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi jistipula:

    “1.   Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

    2.   Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.”

    5

    L-Artikolu 59(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Merkanzija tal-Komunità dikjarata għal proċedura ta’ esportazzjoni, proċessar tal-ħruġ [passiv], ġarr jew magażinaġġ doganali għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza doganali mill-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali sa dak il-ħin li tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata.”

    6

    Skont l-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi:

    “1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

    2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. […]

    3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

    7

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, “[ħ]elsien għal ċirkolazzjoni libera jagħti lil merkanzija mhux tal-Komunità l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Komunità”.

    8

    L-Artikolu 161(5) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni għandha tiġi preżentata fl-uffiċċju doganali responsabbli għas-sorveljanza tal-post fejn l-esportatur huwa stabbilit jew fejn il-merkanziji ġew ippakkjati jew mgħobbija għall-ġarr fuq vapur. Derogi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat.”

    9

    L-Artikolu 182(3) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “[…] Fejn merkanziji mqiegħda taħt proċedura ekonomika doganali waqt li jkunu fuq it-territorju doganali tal-Komunità jkunu intiżi għall-esportazzjoni mill-ġdid, għandha tiġi preżentata dikjarazzjoni doganali fit-tifsira ta’ l-Artikoli 59 sa 78. F’dawk il-każijiet, l-Artikoli 161(4) u (5) għandhom japplikaw.

    […]”

    10

    L-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.”

    11

    L-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    a)

    tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

    […]

    f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.

    2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni bis-saħħa ta’ l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata.

    […]”

    12

    L-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “1.   […]

    Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jintbagħtu sakemm jiġi stabbilit li meta kienu ddaħħlu fil-kontijiet l-ammont ta’ dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur tal-Artikolu 220(2).

    Ebda ħlas lura jew maħfra m’għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas jew daħla fil-kontijiet ta’ ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta’ azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

    2.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

    Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b’riżultat ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ forza maġġuri.

    Fejn l-awtoritajiet doganali stess jiskopru matul dan il-perjodu li sitwazzjoni jew oħra deskritta fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 jeżistu, għandhom iħallsu lura jew jibagħtu l-flus fuq inizjattiva tagħhom stess.”

    13

    L-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

    “Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali għall-merkanzija in kwestjoni, jew xi att ieħor li jkollu l-istess effett legali, u l-preżentazzjoni ta’ dokument għal kontrofirma minn awtoritajiet kompetenti, għandu jkun meqjus bħala tneħħija illegali tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali fis-sens ta’ l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi, meta dawn l-atti jkollhom l-effett li falzament jagħtu lill-merkanzija status doganali ta’ merkanzija Komunitarja.

    Madanakollu, fil-każ ta’ kumpaniji ta’ l-ajru awtorizzati biex jużaw kull proċedura ta’ vjaġġ simplifikata bl-użu ta’ manifest elettrokniku, l-oġġetti m’għandhomx jiġi kkunsidrati li tneħħew mis-superviżjoni doganali jekk, fuq l-inizjattiva jew f’isem il-persuna kkonċernata, jiġu ttrattati skond l-istat tagħha bħala oġġetti mhux tal-Komunità qabel ma l-awtoritajiet doganali jsibu l-eżistenza ta’ kull sitwazzjoni rregolari u jekk l-atteġġament tal-persuna konċernata ma jissuġġerixxix xi tbagħbis qarrieqi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-Kawża C-430/08

    14

    Terex hija impriża li timmanifattura l-gafef. Hija timporta diversi oġġetti li huma integrati f’dan il-makkinarju. L-oġġetti importati huma suġġetti għal sospensjoni ta’ dazji doganali skont il-proċedura tal-ipproċessar attiv definita fl-Artikoli 114 sa 129 tal-Kodiċi Doganali. Dan il-makkinarju huwa mibjugħ lil xerrejja fil-Komunità u barra mill-Komunità.

    15

    Meta din il-merkanzija tiġi esportata mill-ġdid skont il-kundizzjonijiet relatati mal-proċedura tal-ipproċessar attiv, ma jkun dovut l-ebda dazju.

    16

    Bejn Jannar 2000 u Lulju 2002, aġenti fid-dwana li kienu qed jaġixxu għan-nom ta’ Terex jew tax-xerrejja, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni użaw il-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00, li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja, minflok il-kodiċi 31 51, li jirrigwarda l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija li tkunu suġġetta għal sospensjoni ta’ dazji.

    17

    Dak iż-żmien, l-awtoritajiet doganali kkunsidraw li dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni mill-ġdid taħt kodiċi żbaljat kellhom l-effett li jagħtu, b’mod skorrett, l-istatus doganali ta’ merkanzija Komunitarja lill-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li wassal għal dejn doganali, skont l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Fi kwalunkwe każ, ġie inkors dejn doganali skont l-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, peress li ma kienet saret l-ebda notifika minn qabel dwar l-esportazzjoni mill-ġdid tal-makkinarju, li hija obbligatorja taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv.

    18

    Terex ippruvat tirrevedi d-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, sabiex tirregola s-sitwazzjoni. L-awtoritajiet doganali rrifjutaw li dawn id-dikjarazzjonjiet jiġu riveduti għar-raġuni li, l-ewwel nett, it-talba ta’ Terex kienet intiża sabiex tibdel il-proċedura doganali applikabbli u, it-tieni nett, li s-sitwazzjoni ma setgħet tiġi regolarizzata għaliex kien impossibbli li tiġi ppreżentata notifika minn qabel dwar l-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali retroattivament.

    19

    Barra minn hekk, Terex talbet ir-remissjoni tad-dejn doganali skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. L-awtoritajiet doganali rrifjutaw it-talba tagħha minħabba li Terex kienet uriet “traskuraġni ovvja” li kienet teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    20

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali ma jwassalx sabiex jiġi inkors dejn doganali fil-kawża prinċipali. Il-merkanzija esportata minn Terex ma akkwistatx l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja skont l-Artikolu 4(7) tal-Kodiċi Doganali sempliċement għaliex, fid-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, intuża l-kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat, jiġifieri l-kodiċi 10 00. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jista’, fil-kawża prinċipali, iwassal sabiex jiġi inkors dejn doganali u li dan la jiġi eliminat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni u lanqas preskritt. Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali għal din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din id-dispożizzjoni tippermetta li s-sitwazzjoni tiġi regolarizzata, minkejja l-fatt li l-Artikolu 182(3) tal-Kodiċi Doganali jitlob notifika minn qabel dwar l-esportazzjoni mill-ġdid tal-merkanzija.

    21

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li Terex ma għandhiex tiġi kkritikata għal traskuraġni ovvja skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. F’dan ir-rigward, hija tqis li l-aġir tal-awtoritajiet doganali kkontribwixxa, matul il-perijodu kkonċernat, għall-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi lil-VAT and Duties Tribunal, Edinburgh issospenda l-proċeduri u għamel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-Kodiċi Doganali, u b’mod partikolari l-Artikolu 78 tiegħu, jippermetti r-reviżjoni tad-dikjarazzjoni sabiex issir korrezzjoni fil-kodiċi ta’ proċedura doganali u, jekk dan huwa l-każ, l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit huma mitluba jemendaw id-dikjarazzjoni u jirregolarizzaw is-sitwazzjoni?

    2)

    Fiċ-ċirkustanzi kif imqassra fil-punti 3 sa 21 tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tneħħiet mis-sorveljanza doganali b’mod illegali fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni?

    3)

    Jekk dan huwa l-każ, kien minħabba f’din it-tneħħija, li ġie inkors dejn doganali taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali?

    4)

    Anki jekk ma ġiex inkors dejn doganali taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, kien inkors dejn doganali taħt l-Artikolu 204 tal-istess Kodiċi Doganali fid-dawl

    a)

    tal-konstatazzjonijiet dwar “traskuraġni ovvja” fil-punti 34 sa 43 tad-deċiżjoni tar-rinviju u

    b)

    tal-kwistjoni jekk l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit naqsux milli jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali minħabba li ma kkomunikawx id-dejn doganali taħt l-Artikolu 204 fit-terminu previst?

    5)

    Peress li:

    a)

    ma jista’ jkun hemm ebda regolarizzazzjoni taħt l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali,

    b)

    kien hemm dejn doganali, u

    ċ)

    kien hemm sitwazzjoni speċjali kif ikkontemplata fl-Artikolu 899 tar-Regolament ta’ implementazzjoni,

    seta’, it-Tribunal, jikkonkludi li ma kienx hemm traskuraġni ovvja b’tali mod li għandu jkun hemm remissjoni tad-dejn doganali taħt l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali?”

    Il-Kawża C-431/08

    23

    Wilson u Caterpillar jimmanifatturaw settijiet ta’ ġeneraturi. Huma jimportaw kompenenti li huma integrati f’dawn is-settijiet, flimkien ma’ oġġetti oħra ta’ oriġini Komunitarja. L-oġġetti importati huma miżmuma taħt sospensjoni ta’ dazji skont il-proċedura tal-ipproċessar attiv. Is-settijiet ta’ ġeneraturi jinbiegħu l-iktar lil xerrejja barra mill-Komunità.

    24

    Minn Ottubru 2002 sa Frar 2005, l-aġenti fid-dwana li kienu qed jaġixxu għan-nom ta’ Wilson u Caterpillar jew għan-nom tax-xerrejja, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użaw il-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00, li japplika għall-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja, minflok il-kodiċi 31 51, li jindika l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija li tkun suġġetta għal sospensjoni ta’ dazji.

    25

    Fil-21 ta’ Frar 2005, Wilson u Caterpillar informaw lill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit li kienu użaw kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat, li wassal għad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet li joħorġu avviż ta’ taxxa a posteriori.

    26

    Bħal fil-każ ta’ Terex, l-awtoritajiet doganali kkunsidraw li l-użu ta’ kodiċi żbaljat wassal għall-obbligu li jitħallsu dazji fuq il-merkanzija li kienet is-suġġett tas-sospensjoni, li s-sitwazzjoni ma setgħetx tiġi regolarizzata skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali u li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex tingħata remissjoni tad-dazji skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    27

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn dejjem kienet “merkanzija mhux tal-Komunità” fis-sens tal-Artikolu 4(8) tal-Kodiċi Doganali, u li l-użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat ma setax iqiegħdha taħt sistema ta’ esportazzjoni, sistema esklużivament riżervata għall-merkanzija Komunitarja. Għaldaqstant, is-sempliċi użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat ma għandux jagħti l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja lil dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jippresupponi l-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    28

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħet dejjem taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali skont l-Artikolu 4(13) tal-Kodiċi Doganali, minkejja li l-użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat seta’ jostakola l-proċeduri ta’ kontroll tal-imsemmija awtoritajiet. L-interpretazzjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Artikoli 203 tal-Kodiċi Doganali u 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni timplika li dawn jimponu sanzjoni għall-użu ta’ kodiċi żbaljat, li, skont il-qorti tar-rinviju, hija interpretazzjoni li tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju.

    29

    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li s-sitwazzjoni tista’ tiġi regolarizzata skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi Artikolu.

    30

    Finalment, il-qorti tar-rinviju, wara li eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiemha, tikkonkludi li Wilson u Caterpillar ma għandhomx jiġu kkritikati għal “traskuraġni ovvja” skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq il-kumplessità tar-regoli applikabbli u fuq il-fatt li l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit ma osservawx l-obbligu tagħhom li javżaw lill-operaturi ekonomiċi dwar l-implikazzjonijiet tal-użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali żbaljat.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, Northern Ireland issospenda l-proċeduri u għamel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Fiċ-ċirkustanzi kif imqassra fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-merkanzija f’din il-kawża ġiet imneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali skont it-tifsira tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, permezz tal-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni?

    2)

    Jekk dan huwa il-każ, kien minħabba f’din it-tneħħija li ġie inkors dejn doganali taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali?

    3)

    Jekk ir-risposti għad-domandi 1 u 2 huma fl-affermattiv, il-Kodiċi Doganali u b’mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu, jippermetti reviżjoni tad-dikjarazzjoni sabiex ikun korrett il-kodiċi ta’ proċedura doganali u jekk iva, l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit huma mitluba jemendaw id-dikjarazzjoni u jirregolarizzaw is-sitwazzjoni?

    4)

    Jekk ma jistax ikun hemm regolarizzazzjoni taħt l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali u fid-dawl tal-fatt li ġie inkors dejn doganali taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali u tal-fatt li ma huwiex ikkontestat li kien hemm sitwazzjoni speċjali kif prevista mill-Artikolu 899 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fiċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tar-rinviju, kien possibbli għat-Tribunal jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda negliġenza ovvja preżenti, b’tali mod li d-dejn doganali jkollu jitħallas lura taħt l-Artikolu 239 tal-Kodiċi u t-talba għad-dejn doganali tiġi rtirata? B’mod partikolari, sabiex jiġi kkunsidrat jekk kienx hemm negliġenza ovvja min-naħa tal-operatur ekonomiku ikkonċernat, l-awtoritajiet kompetenti huma intitolati jieħdu kont tal-fatt li n-nuqqas tal-awtorità fiskali mid-dover tagħha ta’ diliġenza u ġestjoni kkontribwixxa għall-iżbalji li wasslu għad-dejn doganali?”

    32

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2008, il-Kawżi C-430/08 u C-431/08 ġew magħquda flimkien għal finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C-430/08 kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C-431/08

    33

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-użu, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni, tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 applikabbli għall-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv, għandux jiġi kkunsidrat bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali u twassal, skont l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, sabiex jiġi inkors dejn doganali.

    34

    Skont l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġi inkors dejn doganali fuq l-importazzjoni meta jkun hemm it-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni.

    35

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett tat-tneħħija mis-sorveljanza doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew omissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtorità doganali kompetenti jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li twettaq il-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel, C-66/99, Ġabra p. I-873, punt 47, Liberexim, C-371/99, Ġabra p. I-6227, punt 55, tat-12 ta’ Frar 2004, Hamann International, C-337/01, Ġabra p. I-1791, punt 31 u tad-29 ta’ April 2004, British American Tobacco, C-222/01, Ġabra p. I-4683, punt 47).

    36

    Peress li dan il-kunċett ma kienx definit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni fih eżempji ta’ atti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tneħħija mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali (ara s-sentenza D. Wandel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    37

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala tneħħija ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, id-dikjarazzjoni doganali ta’ din il-merkanzija jew xi att ieħor li jkollu l-istess effetti legali, meta dawn l-atti jkollhom l-effett li falzament jagħtu lill-merkanzija status doganali ta’ merkanzija Komunitarja.

    38

    F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju, Terex kif ukoll Wilson u Caterpillar iqisu li l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 applikabbli għall-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv ma biddilx l-istatus doganali tal-merkanzija kkonċernata, li xorta kellha tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala merkanzija mhux tal-Komunità. Fil-fatt, ma ġewx rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera, li skont l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, kien jagħtihom l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma huwiex biżżejjed li l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 ikun ħoloq biss l-impressjoni falza li kienet merkanzija Komunitarja.

    39

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

    40

    Fil-fatt, l-Artikolu 865 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirreferi għal sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjonijiet jagħtu lill-merkanzija l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja li kieku ma kienx ikollha, b’tali mod li merkanzija mhux tal-Komunità ma taqax taħt is-sorveljanza doganali li l-Kodiċi Doganali, u b’mod partikolari, l-Artikolu 37 tiegħu, jissuġġettahom għaliha.

    41

    F’dan ir-rigward, għandhom jiġu enfasizzati l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura tal-ipproċessar attiv u r-rwol li għandu b’mod iktar partikolari, f’dan il-kuntest, l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali korrett, sabiex jiġi evalwat jekk l-użu ta’ kodiċi li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja jaffettwax jew le l-kapaċitajiet ta’ kontroll tal-awtoritajiet doganali.

    42

    Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li, kif tirrileva l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-proċedura tal-ipproċessar attiv, proċedura li twassal għas-sospensjoni tad-dazji, hija miżura eċċezzjonali maħsuba sabiex tiffaċilita ċerti attivitajiet ekonomiċi. Peress li din il-proċedura fiha riskji evidenti għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali u l-ġbir tad-dazji, il-benefiċjarji tagħha huma obbligati jirrispettaw b’mod strett l-obbligi li jirriżultaw minnha. Bl-istess mod, għandha tingħata interpretazzjoni stretta tal-konsegwenzi fil-konfront tagħhom f’każ li ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom.

    43

    L-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 182(3) tal-Kodiċi Doganali li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali li ssemmi l-kodiċi ta’ proċedura dognali korrett li jindika li kien hemm esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija li kienet suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv, għandu importanza partikolari għas-sorveljanza doganali fil-kuntest ta’ din il-proċedura doganali.

    44

    Fil-fatt, l-użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali li jindika l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija li hija suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv għandu l-għan li jiżgura sorveljanza effettiva mill-awtoritajiet doganali u li jawtorizzahom sabiex jidentifikaw, abbażi biss tad-dikjarazzjoni doganali, l-istatus tal-merkanzija kkonċernata, mingħajr il-bżonn li jirrikorru għal eżamijiet jew għal konstatazzjonijiet ulterjuri. Dan il-għan huwa daqstant importanti peress li l-merkanzija introdotta fit-territorju doganali Komunitarju tibqa’ biss taħt sorveljanza doganali, skont l-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali, sakemm tiġi esportata mill-ġdid.

    45

    Għaldaqstant, l-użu ta’ kodiċi ta’ proċedura doganali li jindika l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija suġġetta għal proċedura tal-ipproċessar attiv huwa intiż sabiex jippermetti lill-awtoritajiet doganali jiddeċiedu, f’qasir żmien, sabiex jagħmlu kontroll doganali skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri jivverfikaw jekk il-merkanzija esportata mill-ġdid tikkorrispondix effettivament għall-merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv.

    46

    Konsegwentement, l-użu tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali, falzament ta lill-merkanzija kkonċernata l-istatus ta’ merkanzija Komunitarja u b’hekk affettwa l-kapaċità tal-awtoritajiet doganali li jagħmlu kontrolli skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni, tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 applikabbli għall-esportazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija li hija suġġett tal-proċedura tal-ipproċessar attiv għandha tiġi kklassifikata bħala “tneħħija” tal-imsemmija merkanzija mis-sorveljanza doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    48

    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna, l-eventwali nuqqas, matul il-perijodu kkonċernat, ta’ kontroll mill-awtoritajiet doganali, tali fatt ma għandux jikkostitwixxi fattur li jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, sabiex ikun hemm tneħħija mis-sorveljanza doganali, huwa biżżejjed li l-merkanzija effettivament titneħħa mill-possibbiltà ta’ eventwali kontrolli, indipendentement mill-fatt jekk tali kontrolli effettivament sarux mill-awtorità kompetenti (ara s-sentenza British American Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    49

    Finalment, l-argument li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali tagħti b’mod żbaljat lil dan l-artikolu n-natura ta’ sanzjoni sproporzjonata, ma għandux jiġi aċċettat.

    50

    Fil-fatt, l-ewwel nett, kif ġie mfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-benefiċjarji tal-proċedura tal-ipproċessar attiv huma obbligati li jirrispettaw b’mod strett l-obbligi imposti fuqhom taħt din il-proċedura. It-tieni nett, peress li l-merkanzija inkwistjoni kienet esportata bħala merkanzija Komunitarja, din tista’ eventwalment tiġi importata mill-ġdid fil-Komunità bħala merkanzija miġjuba lura skont l-Artikolu 185 tal-Kodiċi Doganali mingħajr ma jkunu dovuti dazji fuq l-importazzjoni.

    51

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi fil-Kawża C-430/08 kif ukoll għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawża C-431/08 għandha tkun li l-użu, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni inkwistjoni fil-kawża principali, tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 relatat mal-merkanzija li hija suġġetta għal sospensjoni ta’ dazji skont il-proċedura tal-ipproċessar attiv iwassal, skont l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 865, tar-Regolament ta’ implementazzjoni, sabiex jiġi inkors dejn doganali.

    52

    Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C-430/08.

    Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-430/08 u t-tielet domanda fil-Kawża C-431/08

    53

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jippermettix li jiġu riveduti d-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni sabiex jiġi kkorreġut kodiċi ta’ proċedura doganali indikat, u jekk, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet doganali humiex mitluba jirrevedu l-imsemmija dikjarazzjonijiet u jirregolarizzaw is-sitwazzjonijiet.

    54

    F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju jindikaw li l-awtoritajiet doganali rrifjutaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) minħabba li, l-ewwel nett, fil-kawżi prinċipali, ma kienx hemm bżonn ta’ korrezzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni, imma ta’ bidla fil-proċedura doganali, u t-tieni nett, fin-nuqqas ta’ notifika minn qabel kif mitluba mill-Artikolu 182(3) tal-Kodiċi Doganali, is-sitwazzjonijiet ma setgħux jiġu regolarizzati.

    55

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostnu l-qrati tar-rinviju u Wilson u Caterpillar, “il-proċedura ta’ dwana involuta” kif stipulat fl-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, kienet il-proċedura tal-ipproċessar attiv, applikata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-użu żbaljat tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00.

    56

    Bl-istess mod, għandu jiġi rrifjutat l-argument li l-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali ma għandux jirrimedja għan-nuqqas ta’ notifika minn qabel mitluba mill-Artikolu 182(3) tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra l-loġika ta’ dan l-artikolu li jagħmel il-proċedura doganali konsistenti mas-sitwazzjoni reali. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 78(3) ma jagħmilx distinzjoni bejn żbalji u ommissjonijiet li jkunu jistgħu jiġu kkorreġuti u oħrajn li ma jistgħux jiġu kkorreġuti. It-termini “informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa” għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru fl-istess ħin żbalji jew omissjonijiet materjali u żbalji ta’ interpretazzjoni tal-liġi applikabbli (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C-468/03, Ġabra p. I-8937, punt 63).

    57

    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-argument sottomess mill-awtoritajiet doganali u mill-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tagħhom, is-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċpali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali u jistgħu, bħala regola, jerġgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ din id-dispożizzjoni.

    58

    L-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li-awtoritajiet doganali “jistgħu”, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jirrevedu d-dikjarazzjoni, jiġifieri jerġgħu jeżaminawha. Meta d-dikjarant jitlob reviżjoni, it-talba tiegħu għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali, ta’ lanqas sabiex ikun magħruf jekk hemmx bżonn li ssir tali reviżjoni (sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 46). Din id-dispożizzjoni tissuġġetta t-talba għal reviżjoni magħmula mid-dikjarant għal evalwazzjoni mill-awtoritajiet doganali f’dak li jirrigwarda l-prinċipju kif ukoll ir-riżultat (ara s-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

    59

    Fil-kuntest ta’ din l-ewwel evalwazzjoni, l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jikkontrollaw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet li hemm fid-dikjarazzjoni li għandha tiġi riveduta u tat-talba għal reviżjoni (sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    60

    Jekk reviżjoni, bħala regola, tidher possibbli, l-awtoritajiet doganali, fl-aħħar tal-evalwazzjoni tagħhom u salv il-possibiltà ta’ rikors quddiem il-qorti, għandhom jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, inkella jgħaddu għar-reviżjoni mitluba (ara s-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

    61

    F’dan l-aħħar każ, l-awtoritajiet doganali jeżaminaw mill-ġdid id-dikjarazzjoni u jevalwaw jekk l-allegazzjonijiet tad-dikjarant humiex fondati, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata (sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

    62

    Jekk ir-reviżjoni turi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali kkonċernata ġew applikati fuq il-bażi ta’ elementi ineżatti u inkompleti, u li l-għanijiet tal-proċedura tal-ipproċessar attiv ma ġewx mhedda, b’mod partikolari li l-merkanzija li hija suġġett tal-imsemmija proċedura doganali effettivament ġiet esportata mill-ġdid, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni billi jikkunsidraw l-informazzjoni ġdida li għandhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    63

    Meta fl-aħħar jidher li d-dazji fuq l-importazzjoni ma kinux legalment dovuti fil-mument meta ddaħħlu fil-kontijiet, il-miżura neċessarja sabiex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni ma tistax tkun ħlief ir-remissjoni tal-ammont żejjed li tħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    64

    Din ir-remissjoni ssir, skont l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-kundizzjonijet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti, jiġifieri, b’mod partikolari, li ma kienx hemm manuvri mid-dikjarant, u li ġie rispettat it-terminu, ġeneralment ta’ tliet snin, previst għall-preżentata tat-talba għal remissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    65

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C-430/08 u għat-tielet domanda fil-Kawża C-431/08 għandha tkun li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jippermetti li tiġi riveduta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ merkanzija sabiex jiġi kkorreġut il-kodiċi ta’ proċedura doganali li jkun ingħatalha mid-dikjarant u li l-awtoritajiet doganali huma mitluba, l-ewwel nett, jeżaminaw jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali kkonċernata ġewx applikati abbażi ta’ elementi ineżatti jew inkompleti u jekk l-għanijiet tal-proċedura tal-ipproċessar attiv ma ġewx mhedda, b’mod partikolari li l-merkanzija suġġetta għall-imsemmija proċedura doganali effettivament ġiet esportata mill-ġdid u, it-tieni nett, jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.

    66

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal dawn id-domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C-430/08 u għar-raba’ domanda fil-Kawża C-431/08.

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-użu, fid-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-kodiċi ta’ proċedura doganali 10 00 li jindika l-esportazzjoni ta’ merkanzija Komunitarja minflok il-kodiċi 31 51 relatat mal-merkanzija li hija suġġetta għal sospensjoni ta’ dazji skont il-proċedura tal-ipproċessar attiv iwassal, skont l-Artikolu 203(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 865, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad-29 ta’ Lulju 1998, sabiex jiġi inkors dejn doganali.

     

    2)

    L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2913/02 jippermetti li tiġi riveduta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni ta’ merkanzija sabiex jiġi kkorreġut il-kodiċi ta’ proċedura doganali li jkun ingħatalha mid-dikjarant u li l-awtoritajiet doganali huma mitluba, l-ewwel nett, jeżaminaw jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali kkonċernata ġewx applikati abbażi ta’ elementi ineżatti jew inkompleti u jekk l-għanijiet tal-proċedura tal-ipproċessar attiv ma ġewx mhedda, b’mod partikolari li l-merkanzija suġġetta għall-imsemmija proċedura doganali effettivament ġiet esportata mill-ġdid u, it-tieni nett, jieħdu, jekk ikun il-każ, il-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top