Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0414

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-25 ta' Marzu 2010.
    Sviluppo Italia Basilicata SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) - Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja - Sussidju ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn favur l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju - Data limitu għall-implementazzjoni tal-investimenti - Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.
    Kawża C-414/08 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:165

    Kawża C-414/08 P

    Sviluppo Italia Basilicata SpA

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja — Sussidju ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn favur l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju — Data limitu għat-twettiq tal-investimenti — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Koeżjoni ekonomika u soċjali — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja

    (Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikoli 24 sa 26)

    2.        Koeżjoni ekonomika u soċjali — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja

    (Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikoli 24 sa 26)

    3.        Appell — Aggravji — Prova prodotta għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell — Inammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 42(2) u 118; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1))

    4.        Koeżjoni ekonomika u soċjali — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali — Deċiżjoni ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja

    (Regolament tal-Kunsill Nru 4253/88, Artikolu 24)

    1.        L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-għajnuniet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna Komunitarja ma tiġġustifika la parti u lanqas it-totalità tal-għajnuna finanzjarja li ġiet allokata lilha, hija għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ u titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. L-Artikoli 25 u 26 tal-istess regolament jistabbilixxu regoli ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija għajnuna, li għandhom isiru fil-kuntest ta’ sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari l-imsemmi Artikolu 24, ma jipprovdux li l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja jew l-intermedjarji responsabbli għall-ġestjoni tas-sussidju globali għandhom jinstemgħu matul l-eżami mill-Kummissjoni tal-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna sabiex issir modifika eventwali tal-ammont ta’ din l-għajnuna.

    B’hekk, għalkemm huwa minnu li, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, għandhom jiġu applikati r-regoli ta’ proċedura anki jekk ma humiex espressament previsti mil-leġiżlatur meta huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji fundamentali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat minn intermedjarju responsabbli mill-ġestjoni ta’ sussidju globali sabiex jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari mill-imsemmija Artikoli 25 u 26, dritt għal smigħ matul l-eżami mill-Kummissjoni tal-legalità tal-għajnuna Komunitarja inkwistjoni.

    Għalhekk, fi proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mogħtija favur sussidju globali għall-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) li joperaw f’ċerti reġjuni ta’ Stat Membru u li huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4253/88 dwar is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-implementazzjoni tagħha, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jinstemgħu l-SMEs ikkonċernati u lanqas, a fortiori, l-entità intermedjarja responsabbli għall-ġestjoni tas-sussidju globali.

    (ara l-punti 85-87, 89)

    2.        Ma jirriżulta mkien mis-sistema prevista mir-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-għajnuniet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta oġġezzjonijiet matul proċedura ta’ sorveljanza qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar tnaqqis, sospensjoni jew waqfien tal-għajnuna.

    Il-benefiċjarji tal-għajnuna u, fil-każ ta’ sussidju globali, l-intermedjarji huma l-uniċi responsabbli għall-miżura inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, f’ċertu każijiet, naqset milli tindika irregolaritajiet waqt l-implementazzjoni ta’ din l-azzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jeskludi jew jillimita tali responsabbiltà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk il-Kummissjoni ma għandhiex tillimita ruħha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ta’ sorveljanza, li teżerċita biss funzjoni ta’ sostenn għall-implementazzjoni tal-għajnuna Komunitarja imma għandha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sħubija sottostanti għas-sistema stabbilita mill-imsemmi Regolament Nru 4253/88, tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta tiskopri irregolaritajiet imwettqa mill-impriżi kkonċernati, il-fatt li ma għamlitx hekk f’każ partikolari ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    (ara l-punti 101-103)

    3.        Ikun hemm żnaturament tal-provi meta, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir użu minn provi ġodda, l-evalwazzjoni ta’ dawk eżistenti tkun tidher manifestament żbaljata. Issa, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li ġew diskussi quddiemha. Li parti tiġi awtorizzata tipproduċi għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja prova li ma kinitx ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li l-parti tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iktar wiesgħa minn dik li kienet tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din għandha tistabbilixxi l-miżuri istruttorji li hija tqis neċessarji. Issa, hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu li tista’ tistabbilixxi n-neċessità li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni li jkollha fil-kawża li tressqet quddiemha u li għandha tevalwa l-provi, ħlief fil-każ ta’ żnaturament manifest tal-imsemmija provi. Għalhekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma talbitx li jiddaħħal dokument fil-proċess ma jikkostitwixxix, fin-nuqqas ta’ talba għal produzzjoni mill-parti kkonċernata, ksur tar-regoli tal-proċedura.

    (ara l-punti 114, 118, 119)

    4.        L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-għajnuniet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja meta l-miżura tkun ġiet implementata b’mod irregolari u ma tiġġustifikax l-allokazzjoni tat-totalità ta’ din l-għajnuna. Fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 24, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata titlob il-ħlas lura tal-għajnuna finanzjarja kollha, imma tista’ tiddeċiedi li tiffissa parti minnha li għandha titħallas lura lilha. Madankollu hija għandha teżerċita din is-setgħa fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li s-sussidji li hija titlob il-ħlas lura tagħhom ma jkunux sproporzjonati mal-irregolaritajiet imwettqa.

    Il-fatt li l-implementazzjoni irregolari tal-miżura, dovuta għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu bħala data tal-waqfien tal-għajnuna Komunitarja, hija l-konsegwenza ta’ interpretazzjoni żbaljata tar-regoli applikabbli u mhux ta’ frodi bi ħsara għall-Komunità ma jiġġustifikax, waħdu, li l-ammont tat-tnaqqis tal-għajnuna għandu jkun inqas sostanzjali minn dak deċiż mill-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm il-frodi tiġġustifika ż-żieda fit-tnaqqis li għandu jsir mill-ammont tal-għajnuna mogħtija inizjalment, in-nuqqas ta’ frodi ma jikkostitwixxix raġuni tali li tiġġustifika ż-żamma ta’ sussidji li ma humiex użati skont ir-regoli applikabbli.

    (ara l-punti 128, 129, 132-134)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    4 ta’ Marzu 2010 (*)

    “Appell – Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) – Tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja – Sussidju ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn favur l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Data limitu għat-twettiq tal-investimenti – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni”

    Fil-Kawża C-414/08 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2008,

    Sviluppo Italia Basilicata SpA, stabbilita f’Potenza (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, R. Sciaudone u A. Neri, avukati,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, assistit minn A. Dal Ferro, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. Toader (Relatur), C.W.A. Timmermans, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Bl-appell tagħha, Sviluppo Italia Basilicata SpA titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-8 ta’ Lulju 2008, Sviluppo Italia Basilicata vs Il‑Kummissjoni (T‑176/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1706, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għas-sussidju globali għall-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ sostenn għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fir-reġjun ta’ Basilicata, fl-Italja, fil-kuntest tal-qafas Komunitarju ta’ sostenn għall-għajnuna strutturali fir-reġjuni tal-Italja skont l-Objettiv 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni subiti minnha minħabba din id-deċiżjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

     Ir-Regolament bażiku

    2        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2052/88”), jipprovdi li, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu l-għanijiet ġenerali msemmija fl-Artikoli 158 KE u 160 KE, il-fondi strutturali għandhom jgħinu biex jitwettqu ħames għanijiet primarji. L-ewwel wieħed fosthom, (iktar ’il quddiem l-“Objettiv 1”) jikkonsisti fil-“promozzjoni tal-iżvilupp u l-aġġustament strutturali tar-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp”. Ir-Reġjun ta’ Basilicata jagħmel parti mir-reġjuni kkonċernati mill-Objettiv 1, skont l-Anness I ta’ dan ir-regolament.

    3        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2052/88 jelenka l-forom possibbli ta’ għajnuna finanzjarja tal-fondi strutturali. Fosthom, il-paragrafu 2(ċ) jsemmi l-possibbiltà li l-għajnuna tieħu l-forma ta’ “sussidji globali”, ġestiti ġeneralment minn intermedjarju, magħżul mill-Istat Membru bi ftehim mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li għandu jiżgura t-tqassim tas-sussidji f’għotjiet individwali mogħtija lill-benefiċjarji finali.

    4        Ir-regoli ta’ proċedura rilevanti għall-għajnuna finanzjarja huma stabbiliti b’żewġ regolamenti: ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-għajnuniet tal-Fondi Strutturali differenti minn naħa waħda, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”), u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4254/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 374, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2083/93, tal-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4254/88”).

    5        L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4254/88 jipprovdi li l-modalitajiet ta’ użu tas-sussidji globali għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim li jiġi konkluż bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, bejn il-Kummissjoni u l-intermedjarju, liema ftehim għandu jippreċiża, partikolarment, it-tipi ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kriterji tal-għażla tal-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet u r-rati tal-għajnuna mill-FEŻR kif ukoll il-modalitajiet ta’ sorveljanza tal-użu tas-sussidji globali.

    6        Taħt it-titolu “Tnaqqis, sospensjoni u kanċellament tal-għajnuna”, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.      Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew ta’ miżura jkun jidher li ma jiġġustifikax l-għajnuna finanzjarja, kollha jew parti minnha, mogħtija lilu, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, billi titlob b’mod partikolari lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu għall-implementazzjoni tal-azzjoni, biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit.

    2.      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew il-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta’ xi irregolarità jew ta’ bdil sostanzjali li jaffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7        L-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88 jistabbilixxu r-regoli ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-għajnuna finanzjarja. B’mod partikolari, l-Artikolu 25(1) u (3) jipprovdi:

    “1.      Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, fil-kuntest tas-sħubija, għandhom jiżguraw sorveljanza effettiva tal-implementazzjoni tal-għajnuna mill-Fondi fil-kuntest tal-qafas Komunitarju ta’ sostenn u tal-azzjonijiet speċifiċi (programmi, eċċ). Din is-sorveljanza għandha tiġi żgurata permezz ta’ rapporti stabbiliti skont proċeduri deċiżi bi qbil komuni, stħarriġ permezz ta’ sondaġġi u permezz ta’ kumitati mwaqqfa għal dan l-iskop.

    […]

    3.      Il-kumitati ta’ sorveljanza għandhom jitwaqqfu, fil-kuntest tas-sħubija, bi qbil bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, il-BEI jistgħu jaħtru rappreżentanti fi ħdan dawn il-kumitati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom regoli li japplikaw għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni

    8        Fid-29 ta’ Lulju 1994, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 94/629/KE dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju ta’ sostenn għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Italja kkonċernati mill-Objettiv 1, jiġifieri Abruzzo, Basilicata, Calabria, Campania, Molise, Puglia, Sardegna u Sicilia (ĠU L 250, p. 21), għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999.

    9        Fit-23 ta’ April 1997, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 97/322/KE li temenda d-deċiżjonijiet li japprovaw l-oqfsa Komunitarji ta’ sostenn, tad-dokumenti uniċi ta’ programmazzjoni u tal-programmi ta’ inizjattiva Komunitarja, adottati fir-rigward tal-Italja (ĠU L 146, p. 11). Din id-deċiżjoni stabbilixxiet ir-regoli dwar l-infiq eliġibbli taħt id-diversi għajnuniet Komunitarji fl-Italja. L-anness ta’ din id-deċiżjoni jinkludi l-Iskeda Nru 19 (iktar ’il quddiem “Skeda Nru 19”) dwar l-eliġibbiltà tal-infiq fil-kuntest tal-fondi strutturali għat-tranżazzjonijiet ta’ inġinerija finanzjarja li tikkonsisti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju (iktar ’il quddiem il-“FKR”).

    10      Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kofinanzjament tat-tranżazzjonijiet ta’ inġinerija finanzjarja stabbiliti fl-Iskeda Nru 19 jipprovdu b’mod partikolari:

    “ii)      il-Komunità tikkofinanzja l-kontribuzzjoni pubblika għall-kapital azzjonarju tal-fondi; hija ma tipparteċipax fil-ġestjoni tal-fondi u lanqas ma tikkontribwixxi għall-infiq tal-ġestjoni tagħhom. Huma biss l-Istati Membri u s-sieħba tagħhom kemm privati jew pubbliċi, u mhux il-Kummissjoni, li jikkostitwixxu l-parteċipanti/azzjonarji ta’ dawn il-fondi;

    [...]

    vii)      il-modalitajiet ta’ funzjonament ta’ dawn il-fondi għandhom ikunu xierqa għad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni finanzjarja tal-għajnuna, partikolarment għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ impenn u ta’ nfiq inkors kif ukoll il-waqfien tal-għajnuna;

    viii) il-FKR għandhom jgħinu lil impriżi li huma finanzjarjament u ekonomikament vijabbli. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-FKR, l-Iskeda Nru 19 tipprovdi, fil-parti B tagħha bit-titolu “Modalitajiet ta’ funzjonament tal-FKR”:

    “2.      L-għajnuna tal-FKR tikkonsisti fl-akkwist ta’ ishma, jiġifieri inter alia: l-akkwist ta’ kapital azzjonarju fl-impriżi megħjuna, self (anki jekk equity loans), bonds (anki jekk konvertibbli), eċċ. […]

    [...]

    8.      Matul il-perijodu tal-għajnuna Komunitarja, id-dħul mill-FKR (partikolarment id-dividendi eventwali, qligħ kapitali u l-interessi fuq l-investimenti) għandhom jiżdiedu mal-fondi u jintużaw biex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ ishma kif ukoll l-infiq tal-ġestjoni fil-limiti stabbiliti [fl-istess skeda].

    […]

    10.      L-attività tal-FKR għandha tiġi ppreżentata f’rapport li għandu jiġi ppreżentat kull sena kalendarja lill-Kummissjoni wara li l-Kumitat ta’ Sorveljanza jkun ta l-opinjoni tiegħu. Dan ir-rapport għandu jkun fih karta tal-bilanċ u analiżi tad-dħul u t-telf tal-FKR, dettalji tal-infiq ta’ ġestjoni inkors, analiżi tal-pagamenti li jkunu saru [lill]-fondi, lista dettaljata tal-akkwisti ta’ ishma li jkunu saru (investimenti li jkunu saru, self li jkun ittieħed, eċċ, għal kull impriża u kull settur, b’osservanza tal-prinċipji tal-kunfidenzjalità), u l-problemi li jiltaqgħu magħhom u s-soluzzjonijiet eventwalment proposti jew adottati.

    11.      Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom dritt li jikkontrollaw l-attivitajiet tal-FKR, inkluż id-dritt li jagħmlu jew li jaraw li jsiru verifiki fl-impriżi li fihom il-FKR jkunu akkwistaw jew jakkwistaw sehem.

    […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12      Il-parti Ċ tal-Iskeda Nru 19 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “impenn ġuridiku u finanzjarju” bħala l-“att legali ta’ ħolqien jew żieda tal-kapital inizjali ta’ FKR”. L-“infiq effettiv inkors” huwa ddefinit f’din l-istess parti bħala l-“ħlas fi flus tal-kapital azzjonarju mħallas tal-FKR mill-parteċipanti (kapital imħallas), meta mqabbel strettament mar-rapporti ta’ eżekuzzjoni li jsemmu l-akkwist ta’ ishma li jservu bħala prova tal-progress tajjeb tal-miżura”.

    13      Il-parti D tal-Iskeda Nru 19 tipprovdi, taħt it-titolu “Waqfien tal-għajnuna”:

    “1.      Il-FKR għandhom ikunu stabbiliti għal perijodu xieraq, kompatibbli mal-għanijiet tiegħu. Il-perijodu minimu ta’ FKR huwa dak tal-forma ta’ għajnuna.

    2.      Mal-waqfien tal-għajnuna Komunitarja (wara l-aħħar data għall-ħlasijiet), il-pożizzjoni netta finanzjarja tal-FKR għandha tiġi stabbilita billi jsir paragun bejn l-użu tal-kapital totali mħallas u s-somma totali tal-għajnuna fl-impriżi matul dan il-perijodu.

    –        Jekk jiġi kkonstatat li s-somma riżultanti mit-total tal-għajnuna lill-impriżi matul il-perijodu tkopri tal-inqas 100 % mill-kapital imħallas (ogħla minnu jew daqsu), hemmhekk jitqies li l-miżura ġiet eżegwita kollha kemm hi.

    […]

    –        Jekk minkejja s-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, fil-mument tal-waqfien, is-somma totali tal-għajnuna lill-impriżi matul il-perijodu tkun inqas mill-kapital totali mħallas, l-ammont korrispondenti għall-eċċess jitnaqqas mill-bilanċ finali mħallas lill-Istat Membru mill-Komunità fir-rigward tal-forma ta’ għajnuna kkonċernata.

    3.      Wara l-ħlas tal-bilanċ finali tal-forma ta’ għajnuna, il-Kummissjoni ma għandhiex tintervjeni iktar fl-implementazzjoni jew fis-sorveljanza tal-azzjoni […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    I –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    14      Skont ir-Regolament Nru 2052/88, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 94/629 tagħha, approvat il-kuntest ġuridiku Komunitarju applikabbli għall-għajnuna favur ir-reġjuni Taljani kkonċernati mill-Objettiv 1, li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, ir-Reġjun ta’ Basilicata, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999.

    15      Bil-għan li jippromwovi l-iżvilupp tal-SMEs stabbiliti fir-Reġjun ta’ Basilicata, il-Gvern Taljan ippreżenta lill-Kummissjoni, fl-24 ta’ Frar 1998, talba għal għajnuna finanzjarja fil-forma ta’ sussidju globali. Il-miżura Nru 2, imsemmija f’din it-talba, kienet tipprovdi għall-ħolqien ta’ FKR, li joriġinaw mill-FEŻR u mis-settur privat, biex tingħata għajnuna finanzjarja (ishma fil-kapital azzjonarju, equity loans u bonds konvertibbli) favur impriżi stabbiliti f’dan ir-reġjun jew li għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk.

    16      Bid-Deċiżjoni C (1999) 314 tagħha, tat-2 ta’ Marzu 1999, dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għal sussidju globali intiż biex jiġu implementati miżuri ta’ sostenn finanzjarju favur impriżi żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fir-Reġjun ta’ Basilicata, mogħtija taħt il-qafas Komunitarju ta’ sostenn għall-għajnuna strutturali tal-Objettiv Nru 1 fl-Italja, il-Kummissjoni approvat l-għoti tal-għajnuna mitluba mill-awtoritajiet Taljani (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni għall-għoti tal-għajnuna”).

    17      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni għall-għoti ta’ għajnuna jipprovdi li “l-“għajnuna Komunitarja tirrigwarda l-infiq marbut mal-operazzjonijiet stabbiliti mis-sussidju globali li, fi ħdan l-Istat Membru, ikun is-suġġett ta’ impenji ġuridikament vinkolanti, u li għalih ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa jkunu ntalbu speċifikament mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999”. Id-data-limitu għall-kontabbiltà tal-infiq marbut ma’ dawn l-azzjonijiet kienet stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2001.

    18      Il-proġett ta’ sussidju globali mibgħut lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Taljani għall-ksib tal-għajnuna ġie anness mad-deċiżjoni għall-għoti tagħha (iktar ’il quddiem, il-“proġett ta’ sussidju globali”) u jifforma parti integrali minn din id-deċiżjoni. Dan il-proġett jipprovdi li l-miżura ta’ għajnuna kellha tiġi implementata fi tliet fażijiet, imsejħa rispettivament “ta’ promozzjoni”, “ta’ ħolqien” u “ta’ ġestjoni” tal-FKR (punt 5.2.2 tal-proġett ta’ sussidju globali). Huwa jindika wkoll, fil-punt 5.2.5 tiegħu, li l-fondi kienu ta’ EUR 9.7 miljuni li minnhom EUR 4.7 miljuni kienu ġejjin mill-FEŻR, u li, skont l-Iskeda Nru 19, b’“impenn” kellu jinftiehem “l-att ġuridiku tal-ħolqien tal-kapital tal-fondi” u bil-kelma “infiq” “il-ħlas fi flus tal-kapital azzjonarju tal-FKR imħallas mill-parteċipanti”. Fl-aħħar nett, l-imsemmi proġett jipprovdi li l-impenji kellhom jiġu konklużi “sal-31 ta’ Diċembru 1999” (punt 5.2.6 tal-istess proġett) u li l-FKR kellhom tul ta’ żmien ta’ għaxar snin mill-ħolqien tagħhom.

    19      Il-modalitajiet tal-għoti tal-għajnuna globali ġew iddefiniti permezz ta’ ftehim, konkluż fit-22 ta’ Lulju 1999, bejn il-Kummissjoni u ċ-Centro europeo di impresa e innovazione Systema BIC Basilicata, li oriġinarjament kien l-intermedjarju tas-sussidju globali, magħżul għall-ġestjoni tal-għajnuna globali u li mbagħad ħadet postu l-appellanti (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”). Dan il-ftehim jipprovdi, fl-Artikolu 9 tiegħu, għat-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Sorveljanza, kompost minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mill-intermedjarju.

    20      L-Artikolu 9(2) u (3) tal-Ftehim jipprovdi:

    “2.      Kemm matul l-applikazzjoni tagħhom kif ukoll warajha, il-miżuri implementati taħt dan il-ftehim huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u l-evalwazzjoni, previsti mir-Regolament (KEE) Nru 4253/88 u ppreċiżati fil-[qafas Komunitarju ta’ sostenn].

    3.      L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 issir taħt ir-responsabbiltà tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-għajnuna globali. L-intermedjarju għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumitat l-informazzjoni kollha meħtieġa għas-sorveljanza u għall-evalwazzjoni.”

    21      L-Artikolu 13(2) u (4) tal-Ftehim jipprovdi:

    “2.      […] il-ħlas tal-bilanċ finali għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    –        il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni, mir-Reġjun ta’ Basilicata, ta’ talba għall-ħlas, debitament iċċertifikata [mill-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi], fi żmien sitt xhur mit-twettiq effettiv tal-azzjoni inkwistjoni;

    […]

    4.      L-impenji ta’ nfiq favur inizjattivi benefiċjarji tal-għajnuna mis-sussidju globali (deċiżjoni dwar l-allokazzjoni, konklużjoni ta’ kuntratti għall-attivitajiet esterni) għandhom jittieħdu mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1999. Il-ħlasijiet magħmula mill-intermedjarju biex jimplementa s-sussidju globali għandhom isiru mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001 u l-preżentazzjoni tal-kontijiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-infiq inkors mill-intermedjarju għall-implementazzjoni ta’ dan is-sussidju għandha ssir mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2002.”

    22      L-Artikolu 16(5) tal-Ftehim jipprovdi:

    “Jekk l-intermedjarju jonqos milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu stabbiliti mill-Ftehim jew iwettqu b’mod mhux xieraq, il-Kummissjoni – bi ftehim mar-Reġjun ta’ Basilicata – tista’ tintimah, permezz ta’ ittra rreġistrata, sabiex iwettaq l-obbligu inkwistjoni. Jekk dan l-obbligu ma jitwettaqx fi żmien xahar minn meta ssir din in-notifika, il-Kummissjoni, bi ftehim mar-Reġjun ta’ Basilicata, tista’, irrispettivament mill-konsegwenzi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Ftehim, tħassar il-Ftehim mingħajr ebda formalità oħra.”

    23      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 18 tal-Ftehim jistabbilixxi li dan jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2002.

     Il-ħolqien u l-implementazzjoni tal-FKR

    24      Il-FKR nħolqu fis-16 ta’ Diċembru 1999, b’kapital ta’ EUR 9.7 miljun, li minnhom EUR 4.7 miljun kienu ffinanzjati mill-FEŻR u EUR 5 miljun kienu ġejjin minn investituri privati. Il-ħlasijiet tal-ishma saru fl-intier tagħhom bejn ix-xahar ta’ Frar 2000 u x-xahar ta’ Diċembru 2001.

    25      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2003, ir-Reġjun ta’ Basilicata bagħat lill-Ministeru Taljan tal-Ekonomija u tal-Finanzi d-dikjarazzjoni finali tal-infiq u t-talba għal ħlas ippreżentati mill-appellanti. Fl-20 ta’ Marzu 2003, l-imsemmi ministeru bagħat dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni.

    26      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Taljani u lill-appellanti li hija qieset li, skont il-parti D tal-Iskeda Nru 19, parti mill-għajnuna mogħtija inizjalment ma kinitx iġġustifikata peress li ma kinitx ġiet investita fl-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001.

    27      Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha, peress li parti mill-għajnuna tal-FEŻR ma kinitx intużat għall-akkwist ta’ ishma fl-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, hija naqset l-ammont tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tas-sussidju globali fir-Reġjun ta’ Basilicata b’EUR 4 554 108.91 u talbet l-irkupru tas-somma ta’ EUR 3 434 108.91.

    28      Fil-punti 9, 10, 18 u 19, hija rreferiet għall-kontestazzjonijiet magħmula bil-miktub mill-korp intermedjarju waqt is-seduta li nżammet fis-27 ta’ Ottubru 2005. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-punt 22 tad-deċiżjoni enfasizzat, b’mod partikolari, li:

    “F’dak li jirrigwarda l-problema tal-ineliġibbiltà tal-infiq [...] il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna f’fondi ta’ kapital ta’ riskju hija suġġetta għal “kundizzjoni ta’ utilità” u għal riżultati pożittivi effettivi għall-impriżi, kundizzjoni li, f’dan il-każ, ma ġietx sodisfatta peress li, fl-aħħar data stabbilita għall-ħlas tal-proġett (il-31 ta’ Diċembru 2001), ġew allokati inqas minn 3 % tal-kontribuzzjoni tal-Fondi (jiġifieri EUR 9 700 000, li minnhom EUR 4 700 000 huwa responsabbli għalihom il-FEŻR) għall-ksib ta’ ishma fl-impriżi. Fi kliem iktar preċiż, l-għanijiet tal-FEŻR, li huma ta’ finanzjament ta’ investimenti produttivi li jippermettu li jinżammu jew li jinħolqu impjiegi li jdumu matul iż-żmien u li jsostnu l-attività tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju permezz tat-titjib tal-possibbiltajiet tagħhom ta’ aċċess għas-suq ta’ kapital, permezz tal-għoti ta’ garanziji u bl-akkwist ta’ ishma, ma jistgħux jitqiesu bħala effettivament milħuqa sempliċement bil-ħlas bi flus tal-ishma tal-kapital għall-ħolqien tal-Fondi”.

     Is-sentenza appellata

    29      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2006, l-appellanti ressqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għad-danni.

     Fuq ir-rikors għal annullament

    30      Fir-risposta tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, billi sostniet li l-appellanti, inkwantu la kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-benefiċjarja tas-sussidju mogħti taħt l-għajnuna finanzjarja tal-FEŻR, ma kinitx direttament ikkonċernata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    31      Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq dan il-motiv ta’ inammissibbiltà billi kkunsidrat li t-talba kienet fi kwalunkwe każ infondata.

    32      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, l-appellanti invokat sitt motivi, li minnhom se tissemma biss il-parti rilevanti fir-rigward ta’ din l-istanza.

    33      Bil-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Iskeda Nru 19, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “infiq effettiv inkors” li jinsab fil-parti Ċ tal-imsemmija skeda. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-distinzjoni li tinsab f’din l-iskeda bejn il-kunċetti ta’ “infiq” u ta’ “impenji” u għalhekk ikkonkludiet li l-“infiq effettiv inkors” li kellu jsir qabel id-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2001 kien l-ishma tal-FKR fl-SMEs. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmija parti, mill-punt 5.2.5 tal-proġett ta’ sussidju globali, mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna u mill-Artikolu 13(4) tal-Ftehim jirriżulta b’mod ċar li l-“infiq effettiv inkors” huwa l-“impenji”, jiġifieri l-ħlas fi flus favur il-FKR u li, għaldaqstant, huma biss dawn il-ħlasijiet li kellhom isiru qabel id-data limitu msemmija iktar ’il fuq.

    34      Barra minn hekk, l-appellanti sostniet li l-perijodu li għalih ingħatat l-għajnuna Komunitarja kellu jikkoinċidi ma’ dak tal-Fondi li l-eżistenza tagħhom ġiet fi tmiemha fis-16 ta’ Diċembru 2009. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li kien ikun diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li dawn il-fondi jakkwistaw ishma fl-SMEs għal ammont ugwali għal dak tal-kapital tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2001.

    35      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv billi kkunsidrat, fil-punti 42 sa 59 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkunsidrat bħala data tal-waqfien tal-għajnuna Komunitarja l-31 ta’ Diċembru 2001. Hija osservat li mill-Iskeda Nru 19, u b’mod partikolari mill-parti D tagħha, jirriżulta li l-perijodu li għalih ingħatat din l-għajnuna ma jikkoinċidix ma’ dak tal-FKR, peress li dan seta’ jkompli wara l-waqfien tal-għajnuna. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li mill-parti Ċ tal-istess skeda jirriżulta li l-“infiq effettiv inkors”, li kellu jsir qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, huwa magħmul mhux biss minn dak li jikkorrispondi għall-ħolqien inizjali tal-FKR, imma wkoll mill-“ishma akkwistati” minn dawn tal-aħħar. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata, skont il-Qorti Ġenerali, mill-punt 5.2.5 tal-proġett ta’ sussidju globali, li jirrepeti d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija parti Ċ kif ukoll mill-Ftehim, li jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2002, peress li tali data ma setgħetx tiġi stabbilita qabel dik tal-waqfien tal-għajnuna Komunitarja.

    36      Bil-motiv tagħha bbażat fuq nuqqas ta’ loġika, fuq inadegwatezza kif ukoll fuq in-nuqqas tal-kundizzjonijiet legali u fattwali li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti kkritikat lill-Kummissjoni talli bbażat din id-deċiżjoni fuq l-allegat ksur, invokat fil-punt 22 tagħha, ta’ “kundizzjoni ta’ utilità tal-għajnuna” li ma tidher la fid-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna u lanqas fil-proġett ta’ sussidju globali. Hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ din il-kundizzjoni, jekk jingħad li huwa stabbilit, ma jistax jikkostitwixxi irregolarità li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88.

    37      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 66 sa 75 tas-sentenza appellata, li mill-ittri li ntbagħtu bejn il-partijiet matul il-proċeduri amministrattivi kif ukoll mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta biċ-ċar li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-parti D tal-Iskeda Nru 19 u li l-motivi l-oħrajn imsemmija fl-imsemmija deċiżjoni jservu biss sabiex jiddefendu l-interpretazzjoni tagħha ta’ din il-parti. Barra minn hekk, hija fakkret li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4254/88 jipprovdi li l-FEŻR huwa intiż sabiex jiffinanzja investimenti produttivi. Għalhekk, l-għajnuna ta’ dan tal-aħħar għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għanijiet tagħhom, li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala effettivament milħuqa bis-sempliċi ħlas fi flus tal-ishma tal-kapital għall-ħolqien tal-FKR.

    38      Bil-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura, u b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni ma setgħetx tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament mingħajr ma tkun qajmet, matul l-implementazzjoni tal-għajnuna, b’mod partikolari fil-laqgħat tal-kumitat ta’ sorveljanza tal-14 ta’ Ġunju u tal-10 ta’ Diċembru 2001, oġġezzjonijiet fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din.

    39      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88, il-Qorti Ġenerali osservat b’mod partikolari, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li dawn l-artikoli ma jipprovdu l-ebda regola ta’ proċedura li tissuġġetta d-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas jew twaqqaf għajnuna finanzjarja għall-kundizzjoni li tkun qajmet dubji fir-rigward tal-implementazzjoni xierqa tal-proġett qabel il-waqfien tal-għajnuna.

    40      Hija żiedet, fl-istess punt 79, li, anki jekk jingħad li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu japplikaw regoli ta’ proċedura li ma humiex espressament previsti mil-leġiżlatur sabiex jissodisfaw prinċipji fundamentali, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il‑Kummissjoni C‑462/98 P, Ġabra p. I‑7183), l-appellanti ma ssostnix, f’dan il-każ, li r-regola ta’ proċedura li hija tinvoka, u li tista’ tiġi dedotta mill-obbligi ta’ sorveljanza li għandha l-Kummissjoni, hija neċessarja sabiex tiggarantixxi d-drittijiet ta’ difiża tagħha.

    41      Bil-motivi tagħha bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni nisslet fiha aspettattivi leġittimi li l-proġett kien se jitwettaq, minħabba l-approvazzjoni, b’mod partikolari, fi ħdan il-kumitat ta’ sorveljanza, tal-għajnuna mogħtija u tal-proposta tal-proġett ta’ sussidju globali. Hija sostniet li, filwaqt li r-rapporti trimestrali kollha mibgħuta lil dan il-kumitat kienu juru b’mod ċar li, fit-30 ta’ Ġunju 2001, ma kienet saret l-ebda tranżazzjoni finanzjarja, l-imsemmi kumitat qatt ma qajjem oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

    42      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 89 sa 92 tas-sentenza appellata, li l-fatti invokati mill-appellanti ma kinux ta’ natura li jnisslu fiha aspettattivi leġittimi, peress li l-assigurazzjonijiet speċifiċi, mhux kundizzjonati u konkordanti invokati minn din tal-aħħar, anki jekk kienu pprovati, kienu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli u, b’mod partikolari, l-Iskeda Nru 19.

    43      Fl-aħħar nett, l -appellanti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċpiju ta’ proporzjonalità peress li ma llimitatx ruħha li twaqqaf il-ħlas tal-ammonti li kienu għadhom ma tħallsux, imma talbet ukoll l-irkupru tas-somom li kienu diġà ġew allokati.

    44      F’dan ir-rigward, fil-punt 93 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet li kellhom isiru mill-fatt li, fil-31 ta’ Diċembru 2001, parti mill-kapital imħallas lill-FKR ma kinitx ġiet investita f’SMEs. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni (C‑84/96, Ġabra p. I‑6547, punti 22, 23 u 47), u żiedet li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi fatti invokati mill-appellanti jwassal mhux biss sabiex jiġi aċċettat il-ksur tar-regoli li jinsabu fl-Iskeda Nru 19, iżda huwa wkoll tali li jippermettilha tikseb vantaġġ mill-interpretazzjoni żbaljata tagħha.

     Fuq ir-rikors għad-danni

    45      Insostenn tat-talba tagħha għad-danni, l-appellanti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni applikabbli, ikkawżatilha danni. Sabiex tevalwa dawn id-danni hija tibbaża ruħha kemm fuq l-allegati danni ekonomiċi li huma ugwali għas-somma li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirkupra, miżjuda b’dik li din l-istituzzjoni ddeċidiet li ma tħallasx u tat-telf ta’ profitt, kif ukoll fuq id-danni morali li jirriżultaw mill-ħsara għar-reputazzjoni tagħha bħala impriża, minħabba l-fatt li din kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn ma setgħetx twettaq l-obbligi tagħha.

    46      Barra minn hekk l-appellanti sostniet li, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata bl-ebda illegalità, il-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tħallas id-danni li sarulha minħabba n-natura anormali u speċjali ta’ dawn id-danni.

    47      Fil-punti 112 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżami tal-motivi invokati mill-appellanti insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma kien wera l-eżistenza ta’ l-ebda illegalità li tivvizzjaha u li, għalhekk, il-kundizzjonijiet previsti għar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni għal att illegali ma humiex sodifsatti. Barra minn hekk hija kkonstatat li n-natura anormali u speċjali tad-danni subiti allegatament mill-appellanti ma ġietx stabbilita peress li l-allegata ommissjoni tal-kontroll u tal-verifika li ġiet akkużata biha l-Kummissjoni ma waqqafx lill-appellanti milli tevita d-dannu li hija tallega. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll it-talba għad-danni minħabba att legali.

     L-appell

    48      B’dan l-appell, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –      tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fuq il-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li tipprovdilha l-Qorti tal-Ġustizzja; u

    –        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

    49      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –      tiċħad l-appell, u

    –        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-ewwel istanza.

    50      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tmien aggravji li permezz tagħhom hija tikkontesta l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u żewġ aggravji fir-rigward tal-evalwazzjoni li għamlet dwar it-talba tagħha għad-danni.

     Fuq il-parti tas-sentenza appellata dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament

    51      Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tirrepeti, preliminarjament, l-argument tagħha mqajjem fl-ewwel istanza fir-rigward tal-inammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tenfasizza b’mod partikolari li peress li l-appellanti ma kinitx id-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, li kienet indirizzata lir-Repubblika Taljana, hija ma hijiex direttament ikkonċernata minnha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fi kwalunkwe każ, hija tiddikjara li, sa fejn, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li tikkunsidra li ma hemmx lok li tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà eċċepita minn parti, imma li tilqa’ t-talbiet ta’ din il-parti fil-mertu, ma tistax tiġi kkontestata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 50 u 51), hija ma għandhiex l-intenzjoni li titlob l-annullament tas-sentenza appellata inkwantu hija ma ddeċidietx dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fl-ewwel istanza.

    52      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, peress li argumenti bħal dawn ma humiex intiżi sabiex jikkontestaw id-dispożittiv tas-sentenza appellata, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineffettivi u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala tali.

     Fuq il-parti tas-sentenza appellata dwar il-fondatezza tat-talba għal annullament

     Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq id-“distorsjoni tar-rikors ippreżentat mill-appellanti”

    –       L-argumenti tal-partijiet

    53      Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, billi eżaminat il-motivi invokati insostenn tar-rikors għal annullament tagħha f’ordni differenti minn dak li ġie segwit fir-rikors promotur, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, qalbet is-sekwenza loġika tal-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni insostenn tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ħolqot distorsjoni fis-sens u fil-portata ġenerali tar-rikors tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-punt ċentrali tal-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni jikkonsisti fin-nuqqas ta’ osservanza tad-data limitu stabbilita sabiex isir l-infiq eliġibbli, filwaqt li l-Kummissjoni kienet talbet espressament, fil-punt 22 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li l-għajnuna finanzjarja tal-FKR tiġi suġġetta, sabiex tkun eliġibbli, għal “kundizzjoni ta’ utilità”. Issa, bl-ewwel motiv tagħha, l-appellanti kkontestat preċiżament il-legalità ta’ tali kundizzjoni mingħajr ma rċeviet tweġiba mingħand il-Qorti Ġenerali.

    54      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-affermazzjonijiet huma żbaljati. Minn naħa hija tenfasizza li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tar-riferiment għall-kundizzjoni ta’ utilità u, min-naħa l-oħra, li l-ordni tal-evalwazzjoni li segwiet il-Qorti Ġenerali jidher loġiku, aċċettabbli u konkordanti mar-raġunament żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Iskeda Nru 19, filwaqt li l-“kundizzjoni ta’ utilità” hija invokata fl-imsemmija deċiżjoni mhux bħala bażi legali ta’ din, imma bħala kunċett li jispjega l-loġika wara r-regoli ta’ funzjonament tal-FKR u tipprovdi ċ-ċavetta għall-interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    55      B’dan l-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta essenzjalment l-ordni loġiku ta’ kif sar ir-raġunament segwiet mill-Qorti Ġenerali fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, ordni bħal dan biddel is-sens u l-portata kemm tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tar-rikors.

    56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li sentenza ta’ qorti li tagħti deċiżjoni dwar il-mertu li teżamina l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha, ma tistax, minnha nfisha, tibdel il-portata ta’ din id-deċiżjoni meta hija teżamina dawn l-elementi skont ordni differenti minn dak li ġie segwit fl-imsemmija motivazzjoni. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kull żnaturament jew evalwazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-elementi fattwali u ġuridiċi tal-att ikkontestat, analiżi sistematika ta’ dawn l-elementi skont ordni differenti minn dak li ġie segwit f’dan l-att ma tistax, bil-kontra ta’ dak li tallega l-appellanti, tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

    57      Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegata distorsjoni tas-sens u tal-portata tar-rikors, għandu jiġi ossevat li, fl-eżami tal-motivi ta’ rikors, il-qorti mitluba tiddeċiedi ma hijiex obbligata, fir-raġunament tagħha, li ssegwi l-ordni li fih dawn il-motivi ġew esposti mill-awtur ta’ dan ir-rikors.

    58      Issa, inkwantu, b’dan l-aggravju, l-appellanti ma tistabbilixxi l-eżistenza tal-ebda difett ta’ natura li jivvizzja l-motivazzjoni tas-sentenza appellata, dan ma jistax jintlaqa’.

    59      Konsegwentement, l-ewwel aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Iskeda Nru 19

    –       L-argumenti tal-partijiet

    60      Skont l-appellanti, fl-evalwazzjoni tagħha dwar il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tal-Iskeda Nru 19, il-Qorti Ġenerali mhux biss ikkompletat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostitwiet ruħha flok il-Kummissjoni, imma wkoll interpretat b’mod żbaljat l-imsemmija skeda. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt tat definizzjoni ineżatta tal-“infiq effettiv inkors”, billi inkludiet fih kemm l-infiq relattiv għall-ħolqien tal-FKR kif ukoll dak li jikkorrispondi għall-akkwist tal-ishma mill-FKR fl-SMEs u b’hekk ikkonkludiet b’mod żbaljat li dawn l-ishma kellhom jiġu akkwistati sal-31 ta’ Diċembru 2001.

    61      Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq ambigwità. Fil-fatt, l-akkwist ta’ ishma fl-SMEs ma huwiex marbut direttament mal-implementazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, imma mal-effetti operattivi tagħha. Għalhekk, id-destinatarji ta’ din l-għajnuna ma humiex l-SMEs, imma biss il-FKR. Għalhekk, l-imsemmija data kellha tapplika biss għall-ħlasijiet intiżi għall-ħolqien tal-FKR.

    62      F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li, fl-ebda wieħed mill-atti ta’ riferiment, ma hija indikata d-data tal-31 ta’ Diċembru 2001 bħala t-terminu tal-perijodu li fih kellu jsir l-infiq kollu. B’mod partikolari, il-proġett ta’ sussidju globali li jirrigwarda l-Miżura 2 jirreferi għall-imsemmija data bħala dik li tikkostitwixxi l-iskadenza għall-“infiq” li jikkonsisti fi trasferiment ta’ flus lejn il-FKR u mhux għall-investimenti fl-SMEs. L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tapplika din id-data għal dawn l-investimenti, lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq il-Ftehim, u b’mod partikolari fuq l-Artikolu 13(4) tiegħu, li hija dispożizzjoni ġenerali applikabbli għall-miżuri kollha previsti mill-proġett ta’ sussidju globali u mhux biss għall-Miżura 2, li hija inkwistjoni f’din il-kawża.

    63      Barra minn hekk, l-appellanti tosserva li kien ikun diffiċili, jew saħansitra impossibbli, li tingħata għajnuna lill-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, peress li l-FKR nħolqu b’mod sħiħ biss f’din id-data.

    64      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tal-appellanti. F’dak li jikkonċerna l-oġġezzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet il-motivi tagħha flok dawk tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li l-affermazzjonijiet ta’ din fis-sentenza appellata bl-ebda mod ma huma kuntrarji għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni, peress li l-Kummissjoni nfisha dejjem ikkunsidrat l-“infiq effettiv inkors” bħala korrispondenti għall-investimenti li saru fl-SMEs.

    65      Hija tosserva, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-proġett ta’ sussidju globali, li l-għanijiet tal-Miżura 2 ma jistgħux ikunu limitati għall-ħolqien tal-FKR, kif issostni l-appellanti, imma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-“fażi operattiva” ta’ din il-miżura, li tirrigwarda l-akkwist ta’ ishma fl-SMEs. Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Iskeda Nru 19, hija tqis li, kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali, id-definizzjoni tal-“infiq effettiv inkors” inkluż f’din l-iskeda torbot espressament il-kunċett ta’ nfiq fil-kuntest tal-KFR ma’ dak tal-għajnuna effettiva ta’ inġinerija finanzjarja favur impriżi destinatarji tal-kofinanzjament tal-FEŻR. Konsegwentement, id-data limitu tal-31 ta’ Diċembru 2001 tista’ tirreferi biss għall-investimenti li saru f’dawn l-impriżi.

    66      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq id-diffikultajiet oġġettivi li nstabu fit-twettiq tal-investimenti qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni tenfasizza li, kif osservat ukoll il-Qorti Ġenerali, il-proġett ta’ sussidju globali kien jipprovdi, fil-punt 5.2.2 tiegħu, l-ewwel fażi ta’ introduzzjoni tal-għajnuna Komunitarja li tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-impriżi potenzjalment ikkonċernati mill-FKR. Għalhekk, ma kienx diffiċli li tiġi osservata d-data stabbilita għall-implementazzjoni effettiva tal-investimenti, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2001.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67      Skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament Nru 2052/88, fost il-forom ta’ għajnuna tal-fondi strutturali hemm is-“sussidji globali” li huma “ġestiti ġeneralment minn intermedjarju, magħżul mill-Istat Membru bi ftehim mal-Kummissjoni, li għandu jiżgura t-tqassim tas-sussidji f’għotjiet individwali mogħtija lill-benefiċjarji finali”.

    68      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna sussidju globali mogħti permezz tal-ħolqien ta’ FKR. Skont l-Iskeda Nru 19, il-fondi strutturali jikkofinanzjaw FKR li fihom jipparteċipaw ukoll sieħba nazzjonali u li, skont ir-regola ġenerali, fil-punt (ii) tal-Iskeda Nru 19, ma humiex amministrati mill-Kummissjoni imma minn entità nazzjonali, li għandha l-funzjoni ta’ intermedjarju għat-tqassim tas-sussidju globali. Il-FKR, ifformati flimkien mall-ħlasijiet kemm nazzjonali kif ukoll tal-FEŻR, jgħinu impriżi vijabbli fil-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni finanzjarja tal-għajnuna Komunitarja, skont ir-regola ġenerali, fil-punti (vii) u (viii) tal-imsemmija skeda.

    69      F’dan ir-rigward, il-parti Ċ tal-Iskeda Nru 19 issemmi l-kunċetti ta’ “impenn” u ta’ “infiq effettiv inkors”, li jikkonsistu rispettivament fl-“att legali ta’ ħolqien jew żieda tal-kapital inizjali ta’ FKR” u fl-infiq “ikkostitwit mill-ħlas fi flus tal-kapital azzjonarju mħallas tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mill-parteċipanti (kapital imħallas), meta mqabbel strettament mar-rapporti ta’ eżekuzzjoni li jsemmu l-akkwist ta’ ishma li jservu bħala prova tal-progress tajjeb tal-miżura”. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 2 tal-parti D tal-imsemmija skeda jipprovdi li, “[m]al-waqfien tal-għajnuna Komunitarja [...], il-pożizzjoni netta finanzjarja tal-FKR għandha tiġi stabbilita billi jsir paragun bejn l-użu tal-kapital totali mħallas u s-somma totali tal-għajnuna fl-impriżi matul dan il-perijodu”. Għalhekk jekk, fid-data tal-waqfien, dawn il-fondi ma jkunx investew it-totalità tal-kapital tagħhom fl-SMEs, il-miżura ta’ għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata li ġiet eżegwita kollha kemm hi.

    70      Issa, fid-dawl tar-relazzjoni stretta stabbilita fil-parti Ċ tal-Iskeda Nru 19 bejn il-ħlas fi flus tal-ishma tal-kapital azzjonarju tal-FKR mill-parteċipanti, minn naħa, u r-rapporti ta’ eżekuzzjoni li jsemmu l-ishma li ġew akkwistati fl-SMEs li jikkostitwixxu l-ġustifikazzjoni tal-prova dwar il-progress tal-miżura, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet, ġustament, ikkunsidrat bħala data tal-waqfien tal-għajnuna Komunitarja l-31 ta’ Diċembru 2001.

    71      F’dak li jikkonċerna l-oġġezzjoni tal-appellanti dwar l-interpretazzjoni żbaljata tal-Ftehim, minn dak li jippreċedi jirriżulta wkoll, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li r-riferiment għall-“ħlasijiet magħmula mill-intermedjarju” li għandhom isiru qabel it-terminu tal-waqfien tal-għajnuna, li jinsab fl-Artikolu 13(4) tal-istess Ftehim, għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż għall-ishma fl-SMEs, fis-sens tal-parti B tal-Iskeda Nru 19.

    72      Interpretazzjoni bħal din, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, ma hijiex f’kunflitt mar-regoli dwar il-miżura ta’ għajnuna li jinsabu fil-proġett ta’ sussidju globali. Fil-fatt, kif ġustament osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-imsemmi proġett jirrepeti fil-punt 5.2.5 tiegħu d-definizzjonijiet ta’ impenn u ta’ infiq, li jinsabu fil-punt Ċ tal-Iskeda Nru 19. Għalhekk, dan l-istess proġett ma jippermettix li jkun hemm data oħra ta’ waqfien tal-għajnuna Komunitarja għajr dik tal-31 ta’ Diċembru 2001.

    73      F’dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ riferiment, fil-proġett ta’ sussidju globali, għall-ishma fl-SMEs bħala nfiq tal-FKR, għandu jiġi ossevat, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li dan il-proġett jirriproduċi d-definizzjonijiet li jinsabu fil-parti Ċ tal-Iskeda Nru 19 u jipprovdi li dawn l-ishma għandhom ikunu speċifikati fir-rapporti ta’ eżekuzzjoni.

    74      Barra minn hekk, fir-rigward tad-diffikultajiet materjali invokati mill-appellanti f’dak li jikkonċerna l-akkwist ta’ ishma fl-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, għandu jiġi osservat li, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat ġustament li l-punt 5.2.2. tal-proġett ta’ sussidju globali kien ippreveda fażi ta’ “promozzjoni tal-fondi”, qabel l-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna Komunitarja, li matulha l-awtoritajiet nazzjonali setgħu effettivament jidentifikaw l-impriżi potenzjalment ikkonċernati mill-FKR u jagħmlu evalwazzjoni preliminari ta’ dawn, sabiex jiġu previsti l-impenji qabel il-31 ta’ Diċembru 2001 u jsiru l-ħlasijiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2001. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, l-intermedjarju kien ġie informat bit-termini ta’ waqfien tal-għajnuna mal-firma tal-Ftehim, li saret fit-22 ta’ Lulju 1999.

    75      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivi tagħha flok dawk tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat fi kwalunkwe każ li, f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-osservazzjonijiet imressqa mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva, enfasizzat b’mod partikolari li l-eliġibbiltà tal-infiq kienet suġġetta għall-kundizzjoni li s-somom mogħtija jiġu użati għal investimenti fl-SMEs li jinsabu fir-Reġjun ta’ Basilicata. Barra minn hekk hija rreferiet espressament għall-parti D tal-Iskeda Nru 19. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi fattwali u legali li huma msemmija fiha sabiex teżamina l-legalità tal-att.

    76      Għalhekk, it-tieni aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

     Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-“kundizzjoni ta’ utilità”

    –       L-argumenti tal-partijiet

    77      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tal-“kundizzjoni ta’ utilità” tal-għajnuna Komunitarja. Hija ddeduċiet din il-kundizzjoni mir-regoli dwar it-terminu sabiex isir il-ħlas lill-KFR, meta l-ebda waħda minn dawn ir-regoli dwar it-terminu ma ssemmi tali kundizzjoni ta’ eliġibbiltà tal-infiq. Issa, fid-dawl tal-fatt li, skont il-ġurisprudenza dwar il-fondi strutturali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑349/06, T‑371/06, T‑14/07, T‑15/07 u T‑332/07, Ġabra p. II‑2181), il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tat-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja ma jistax jasal sal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jmorru kontra l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata l-illegalità tad-deċiżjoni kkonstestata.

    78      Il-Kummissjoni tammetti li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-espressjoni “kundizzjoni ta’ utilità” ma kinitx tidher fid-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sussidju globali. Madankollu hija tosserva li din il-qorti rreferiet għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 4254/88, bħala dispożizzjoni ta’ natura ġenerali u programmatika fil-qasam tal-għajnuna tal-FEŻR, u li minn dan hija ddeduċiet li l-għanijiet ta’ dawn il-fondi jistgħu jiġu kkunsidrati li ntlaħqu biss jekk l-għajnuna ssir favur l-impriżi intiżi mill-għotja. B’hekk, kundizzjoni bħal din tikkostitwixxi mhux biss il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, imma pjuttost prinċipju ta’ gwida u bażi loġika tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-imsemmi proġett.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra li l-funzjoni tal-espressjoni “kundizzjoni ta’ utilità”, li tinsab fil-punt 22 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, kienet li tevoka l-prinċipji li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet kollha fuq l-għoti ta’ sussidju globali bħal dak inkwistjoni. Fil-fatt, kif ġie affermat fil-punti 67 sa 73 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari mir-Regolament Nru 2052/88, mill-Iskeda Nru 19 u mill-programm ta’ għajnuna globali jirriżulta li sussidju globali mogħti minħabba l-ħolqien ta’ FKR għandu jiġi kkunsidrat li ngħata jekk l-għajnuna Komunitarja tasal għand l-impriżi destinatarji, f’dan il-każ l-SMEs stabbiliti fir-Reġjun ta’ Basilicata. Hija din il-kundizzjoni li tqiegħdet fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-imsemmija espressjoni.

    80      Il-fatt li din l-espressjoni ma tinsabx b’mod espliċitu fl-atti dwar l-għajnuna globali inkwistjoni huwa irrilevanti fid-dawl tal-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    81      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li l-inklużjoni tar-riferiment għall-“kundizzjoni ta’ utilità” ma jżidx kundizzjoni ġdida ma’ dawk stabbiliti mir-regoli applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni, peress li l-Kummissjoni kienet illimitat ruħha li tapplikahom.

    82      Għalhekk, it-tielet aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi rrifjutat bħala infondat.

     Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-prinċipji dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif jirriżultaw mis-sentenza Medicurso vs Il‑Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq

    –       L-argumenti tal-partijiet

    83      Skont l-appellanti, billi, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88, hija interpretat b’mod żbaljat is-sentenza Mediocurso vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li, fil-proċeduri kollha kontra persuna, għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha anki fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali llimitat il-possibbiltà li tiġi applikata tali regola biss għall-każ fejn tkun invokata bħala regola neċessarja sabiex tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża. B’hekk hija segwiet interpretazzjoni kuntrarja għal dik li jagħtu l-qrati tal-Unjoni li ma jissuġġettaw l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal ebda kundizzjoni, u, dwar dan il-punt, l-appellanti tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑287/02, Ġabra p. I‑5093, punt 37, u tat-8 ta’ Marzu 2007, Gerlach C‑44/06, Ġabra p. I‑2071, punt 38, kif ukoll tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2007, Nuova Gela Sviluppo vs Il‑Kummissjoni (T‑65/04, punt 53).

    84      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi peress li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjonijiet tal-prinċipju ta’ ġurisprudenza stabbilit fis-sentenza Mediocurso vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma humiex sodisfatti, peress li l-proċedura ma tistax twassal sabiex att jikkawża preġudizzju lill-appellanti.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    85      L-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi li, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna Komunitarja ma tiġġustifika la parti u lanqas it-totalità tal-għajnuna finanzjarja li ġiet allokata lilha, hija għandha tagħmel eżami xieraq tal-każ u titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet magħżula minnu sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. L-Artikoli 25 u 26 tal-istess regolament jistabbilixxu regoli ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija għajnuna, li għandhom isiru fil-kuntest ta’ sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    86      Kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali, dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari l-imsemmi Artikolu 24, ma jipprovdux li l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja jew l-intermedjarji responsabbli għall-ġestjoni tas-sussidju globali, bħall-appellanti, għandhom jinstemgħu matul l-eżami mill-Kummissjoni tal-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna sabiex issir modifika eventwali tal-ammont tal-għajnuna.

    87      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata mill-appellanti, b’mod partikolari s-sentenza Mediocurso vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, għandhom jiġu applikati r-regoli ta’ proċedura anki jekk ma humiex espressament previsti mil-leġiżlatur meta huma indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji fundamentali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, ġustament, eskludiet li l-appellanti tista’ tinvoka tali prinċipju sabiex tiddeduċi mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod partikolari mill-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88, dritt li tinstema’ matul l-eżami mill-Kummissjoni tal-legalità tal-għajnuna inkwistjoni.

    88      Fil-fatt, l-Istat Membru li jinstema’, skont l-imsemmi Artikolu 24, huwa l-uniku destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata għaliex huwa għandu jagħti lura lill-Kummissjoni s-somom korrispondenti għat-tnaqqis eventwali tas-sussidju, peress li din id-deċiżjoni ma tobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw is-somom mingħand l-impriżi benefiċjarji kkonċernati.

    89      Għalhekk, fi proċedura bħal dik li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li jinstemgħu l-SMEs ikkonċernati u lanqas, a fortiori, l-entità intermedjarja responsabbli għall-ġestjoni ta’ sussidju globali.

    90      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u b’mod partikolari mill-punti 10, 18 u 19 tal-motivi tagħha, li l-appellanti kellha wkoll l-opportunità li tinstema’ mill-Kummissjoni u li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub.

    91      Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju invokat mill-applikanti insostenn tal-appell tagħha huwa infondat.

     Fuq il-ħames aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88 dwar l-obbligi ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ tal-Kummissjoni

    –       L-argumenti tal-partijiet

    92      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn hija ddeċidiet b’mod żbaljat li dawn l-artikoli ma jobbligawx lill-Kummissjoni, f’każ ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li tqajjem oġġezzjonijiet matul il-fażi ta’ implementazzjoni tagħha u, b’mod partikolari, waqt laqgħat tal-kumitat ta’ sorveljanza. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali mhux biss ikkonstatat b’mod żbaljat li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jipprekludi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjonijiet ta’ tnaqqis jew ta’ waqfien tal-għajnuna finanzjarja, imma wkoll ħeġġet lil din tal-aħħar biex ma tapplikax is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ kontroll prevista mill-imsemmija artikoli.

    93      Il-Kummissjoni tenfasizza li, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, waqt il-fażi ta’ implementazzjoni tal-għajnuna, il-kompitu tagħha ma huwiex li tidentifika u tissanzjona l-irregolaritajiet mwettqa matul din l-implementazzjoni, imma li tipparteċipa, flimkien mal-Istati Membri, fit-tqegħid fis-seħħ ta’ sorveljanza effikaċi permezz tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament u li jsiru l-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tal-istess regolament. L-identifikazzjoni tal-irregolaritajiet u l-adozzjoni tal-aġġustamenti finanzjarji neċessarji jaqgħu taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24 tal-istess regolament.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    94      L-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdu, rispettivament, għal proċedura ta’ sorveljanza tal-implementazzjoni tal-għajnuna finanzjarja u għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-azzjonijiet mibdija mill-Komunità.

    95      Skont l-imsemmi Artikolu 25, fil-proċedura ta’ sorveljanza, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali jaġixxu flimkien fil-kuntest ta’ sħubija li ssir permezz ta’ kumitati ta’ sorveljanza. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(1), “[d]in is-sorveljanza għandha tiġi żgurata permezz ta’ rapporti stabbiliti skont proċeduri deċiżi bi qbil komuni, stħarriġ permezz ta’ sondaġġi u permezz ta’ kumitati mwaqqfa għal dan l-iskop” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    96      Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 4253/88, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, għandha tagħmel evalwazzjoni ex ante u ex post tal-azzjonijiet b’għan strutturali, intiżi b’mod partikolari għall-istabbiliment ta’ oqfsa Komunitarji ta’ sostenn.

    97      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata, li minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata tqajjem oġġezzjonijiet jew dubji, b’mod partikolari fi ħdan il-kumitat ta’ sorveljanza, qabel ma tnaqqas għajnuna finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

    98      Tali evalwazzjoni ma hija vvizzjata bl-ebda żball ta’ liġi.

    99      Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 24 ma jissuġġettax it-tnaqqis, is-sospensjoni jew il-waqfien ta’ għajnuna għall-preżentazzjoni minn qabel ta’ oġġezzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ sorveljanza tal-implementazzjoni tal-għajnuna.

    100    Bl-istess mod, l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 4253/88, dwar is-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-implementazzjoni tal-għajnuna, ma joħolqux relazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-Kummissjoni waqt din l-implementazzjoni u s-setgħa ta’ din tal-aħħar li tiddeċiedi dwar it-tnaqqis, is-sospensjoni jew il-waqfien tal-għajnuna.

    101    Minn dan isegwi li ma jirriżulta mkien mis-sistema prevista mill-imsemmi regolament li hemm obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta fil-kumitat ta’ sorveljanza oġġezzjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar tnaqqis, sospensjoni jew waqfien tal-għajnuna.

    102    Barra minn hekk, huma biss il-benefiċjarji tal-għajnuna u, fil-każ ta’ sussidju globali, l-intermedjarji, li huma responsabbli għall-azzjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni, f’ċertu każijiet, naqset milli tindika irregolaritajiet waqt l-implementazzjoni ta’ din l-azzjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jeskludi jew jillimita tali responsabbiltà. Fil-fatt, l-interpretazzjoni proposta mill-appellanti għandha l-effett, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 140 tal-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari li tneħħi r-responsabbiltà kollha minn fuq l-intermedjarju għall-irregolaritajiet li ma ġewx indikati mill-Kummissjoni matul l-implementazzjoni tal-miżura li hija s-suġġett tal-għajnuna finanzjarja. Din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mal-għan tal-leġiżlazzjoni fil-qasam, li huwa li tiggarantixxi r-rispett effettiv tal-għoti ta’ din l-għajnuna mill-impriżi kkonċernati.

    103    F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din ma għandhiex tillimita ruħha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha ta’ sorveljanza, li teżerċita biss funzjoni ta’ sostenn għall-implementazzjoni tal-għajnuna imma għandha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sħubija sottostanti għas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 4253/88, tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta tiskopri irregolaritajiet imwettqa mill-impriżi kkonċernati, il-fatt li ma għamlitx hekk ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

    104    Konsegwentement, minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ħames aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha huwa infondat.

     Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

    –       L-argumenti tal-partijiet

    105    L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet bi żball li l-Kummissjoni ma nisslet l-ebda aspettattiva leġittima fl-appellanti fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-għajnuna Komunitarja. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-allegati garanziji tal-Kummissjoni, anki jekk jiġi aċċettat li huma pprovati, kienu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna finanzjarja inkwistjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-data ta’ waqfien ta’ din l-għajnuna. Il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod partikolari fuq evalwazzjoni żbaljata kemm tal-kontenut tal-proġett ta’ sussidju globali kif ukoll tal-benefiċjarji tiegħu.

    106    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tillimita ruħha li ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna inkwistjoni u d-data tal-waqfien tagħha ma humiex ivvizzjati b’ineżattezza. Hija tenfasizza wkoll li hija qatt ma tat lill-appellanti garanziji speċifiċi, mhux kundizzjonati u konkordanti, imma li hija dejjem sostniet li l-infiq eliġibbli għall-finanzjament kien biss l-investimenti fl-SMEs li saru qabel il-31 ta’ Diċembru 2001.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    107    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka l-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li l-istituzzjoni tkun tat garanziji preċiżi b’mod li jnisslu aspettattivi leġittimi f’dak li jkunu ngħatawlu l-garanziji u li dawn il-garanziji huma konformi man-normi applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Claudine Hamptaux, C‑207/99 P, Ġabra p. I‑9485, punt 47).

    108    Issa, l-aggravju invokat mill-appellanti huwa bbażat fuq argumenti li, kif jirriżulta mill-punti 67 sa 73 ta’ din is-sentenza, huma infondati. Fil-fatt, kuntarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li mil-leġiżlazzjoni applikabbli jirriżulta li d-destinatarji tas-sussidju ma kinux l-appellanti, imma l-SMEs stabbiliti fir-Reġjun ta’ Basilicata u li, skont id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, għall-proġett ta’ sussidju globali u għall-Ftehim, it-terminu li fih kellhom isiru l-investimenti fl-SMEs kien stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2001.

    109    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punt 90 tas-sentenza tagħha, li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti lill-appellanti garanziji li jippermettu lil din tal-aħħar tikkunsidra data tal-waqfien tal-għajnuna differenti minn dik stabbilita mir-regoli applikabbli għaliha, peress li l-imsemmija garanziji kienu jkunu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet applikabbli.

    110    Għalhekk, is-sitt aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha huwa infondat.

     Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi u fuq ksur tal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-oneru tal-prova

    –       L-argumenti tal-partijiet

    111    B’dan l-aggravju, li jikkonċerna l-punt 91 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li hija invokat, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, il-fatt li mir-rapporti semestrali ppreżentati lill-kumitat ta’ sorveljanza jirriżulta b’mod ċar li, matul il-proċedura ta’ ħolqien tal-FKR, il-Kummissjoni kienet informata b’mod sħiħ bl-istat tal-progress tal-miżura ta’ sostenn, li hija kienet tapprova l-azzjoni tal-korp intermedjarju u kienet taqbel mal-interpretazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-miżura. Minkejja l-fatt li tali affermazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, din iddeċidiet li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet provi f’dan ir-rigward. B’mod partikolari la pproduċiet ir-rapporti semestrali li juru li, fit-30 ta’ Ġunju 2001, l-ebda tranżazzjoni finanzjarja ma kienet seħħet u lanqas ir-rapport dwar l-aġġornament tal-21 ta’ Novembru 2001. Fin-nuqqas ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi jekk l-allegazzjonijiet tal-appellanti kinux veri. Min-naħa l-oħra, din tal-aħħar issostni li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra l-allegazzjonijiet tagħha bħala stabbiliti jew inkella, jekk l-imsemmija dokumenti kienu effettivament meqjusa bħala indispensabbli għall-iskopijiet tas-sentenza, kellha titlob lill-appellanti sabiex tipproduċihom.

    112    Il-Kummissjoni tqis li dan is-seba’ aggravju huwa ineffettiv peress li l-Qorti Ġenerali bbażat iċ-ċaħda tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fuq motivi differenti minn dawk dwar l-evalwazzjoni tal-imsemmija dokumenti. Hija ssostni, fuq il-mertu, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li hija ma setgħetx tiddeċiedi, minħabba nuqqas ta’ provi, dwar jekk il-kumitat ta’ sorveljanza kienx ġie informat bil-fatt li l-għajnuna favur SMEs ma kinitx ingħatat qabel il-31 ta’ Diċembru 2001. Id-dokumenti prodotti fl-ewwel istanza effettivament ma fihomx elementi ċari dwar dan is-suġġett. Konsegwentement, fir-rigward tal-pożizzjonijiet diverġenti tal-Kummissjoni u tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod korrett li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar dan il-punt.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    113    Insostenn tas-seba’ aggravju tagħha, ibbażat fuq l-iżnaturament tal-provi u fuq ksur tal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-oneru tal-prova, l-appellanti pproduċiet erba’ dokumenti ġodda.

    114    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-motivi li ġew diskussi quddiemha (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, IPK-München vs Il‑Kummissjoni, C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Li parti tiġi awtorizzata tipproduċi għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja prova li ma kinitx ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali jfisser li l-parti tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, kawża iktar wiesgħa minn dik li kienet tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 95).

    115    Għalhekk, il-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti mill-appellanti ma tistax tiġi aċċettata.

    116    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li huwa ċertament minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju jirrigwarda evalwazzjoni preliminari tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-punti 88 sa 92 tas-sentenza appellata, din ċaħdet il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi bbażat ruħha fuq elementi differenti minn dawk dedotti mid-dokumenti li l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni tagħhom li saret mill-Qorti Ġenerali.

    117    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, f’rikors għal annullament, il-parti li tikkontesta l-legalità ta’ att għandha l-oneru li tipproduċi provi ta’ natura li jsostnu l-allegazzjonijiet tagħha.

    118    Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din għandha tistabbilixxi l-miżuri istruttorji li hija tqis neċessarji. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu li tista’ tistabbilixxi n-neċessità li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni li jkollha fil-kawża li tressqet quddiemha u li għandha tevalwa l-provi, ħlief fil-każ ta’ żnaturament manifest tal-imsemmija provi (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 2005, Euroagri vs Il‑Kummissjoni, C‑153/04 P, punti 61 u 62). Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma talbitx li ddaħħal dokument fil-proċess ma jikkostitwixxix, fin-nuqqas ta’ talba għal produzzjoni mill-parti kkonċernata, ksur tar-regoli tal-proċedura.

    119    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jkun hemm żnaturament tal-provi meta, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir użu minn provi ġodda, l-evalwazzjoni ta’ dawk eżistenti tkun tidher manifestament żbaljata (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05, Ġabra p. I‑439, punt 37, u, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punt 60).

    120    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, minħabba l-fatt li ma kinux ġew prodotti la r-rapporti semestrali mibgħuta lill-kumitat ta’ sorveljanza u lanqas ir-rapport dwar l-aġġornament tal-21 ta’ Novembru 2001 imsemmi fil-minuti ta’ dan il-kumitat tal-10 ta’ Diċembru 2001, ma kinitx f’pożizzjoni li teżamina jekk dan kienx ġie informat bil-fatt li t-totalità tal-kapital tal-FKR ma setgħetx tiġi investita fl-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001.

    121    F’dan ir-rigward, mill-punt 5 tal-imsemmija minuti jirriżulta li, fl-10 ta’ Diċembru 2001, il-kumitat ta’ sorveljanza esprima l-“approvazzjoni [tiegħu] fir-rigward tal-użu komplet tar-riżorsi allokati permezz tal-proġett u tal-osservanza tad-dati limitu għall-korp intermedjarju” u li kkunsidra r-rapport dwar l-aġġornament tal-21 ta’ Novembru 2001 f’dak li jikkonċerna l-ħolqien tal-FKR.

    122    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet id-dokumentazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit li din kienet għarrfet lill-kumitat ta’ sorveljanza bil-fatt li t-totalità tal-kapital mħallas ma kienx ġie investit fl-SMEs qabel il-31 ta’ Diċembru 2001, ma setgħetx tikkonstata li l-Kummissjoni kienet effettivament ikkunsidrat l-istat ta’ progress tal-implementazzjoni tal-għajnuna.

    123    Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala żbaljata peress li, fin-nuqqas tal-elementi li abbażi tagħhom il-kumitat ta’ sorveljanza seta’ jesprimi l-qbil tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata li l-Kummissjoni kienet approvat il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-miżura tal-għajnuna inkwistjoni.

    124    Minn dan isegwi li s-seba’ aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-provi u fuq ksur tal-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-oneru tal-prova, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkunsidrat bħala infondat.

     Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tal-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-każijiet ta’ tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja

    –       L-argumenti tal-partijiet

    125    Bit-tmien aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-evalwazzjoni, li tinsab b’mod partikolari fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li, minħabba li l-investimenti fl-SMEs ma ġewx ikkompletati, il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-għajnuna mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatti invokati mill-appellanti fir-rigward tan-natura moderata tal-ksur imwettaq. L-appellanti tosserva li din is-sentenza tikkonċerna deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88 u mhux fuq l-Artikolu 24 tiegħu. Dan l-aħħar artikolu ma fih l-ebda riferiment għal sistema “awtomatika” ta’ rkupru li ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑306/00, Ġabra p. II‑5705, punti 135 sa 149), il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-benefiċjarji, b’mod partikolari tal-fatt li ma aġixxewx b’mod frawdolenti, sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis li għandu jsir mill-ammont tal-għajnuna mogħti inizjalment.

    126    Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li, f’każ li ma tiġix osservata waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna Komunitarja, bħal dik dwar it-terminu tal-perijodu li fih għandhom jiġu implementati l-infiq eliġibbli, it-tnaqqis li jsir mill-Kummissjoni huwa sempliċi rettifika finanzjarja, indipendenti minn kull kunsiderazzjoni oħra ta’ ħtija jew ta’ tentattiv ta’ frodi min-naħa tal-benefiċjarji. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kisritx il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja mogħti inizjalment.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    127    Fil-punt 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-fatt li, fil-31 ta’ Diċembru 2001, parti mill-kapital imħallas fil-FKR ma kinitx ġiet investita fl-SMEs. F’dan ir-rigward, fil-punti 22, 23 u 47 hija rreferiet għas-sentenza Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

    128    Kif ġie osservat mill-appellanti, din l-aħħar sentenza tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 4254/88, li tintroduċi dispożizzjoni tranżitorja, li tistabbilixxi skadenza u li tistabbilixxi l-irkupru tal-fondi li ma ntużawx. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, li jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja meta l-miżura tkun ġiet implementata b’mod irregolari u ma tiġġustifikax l-allokazzjoni tat-totalità ta’ din l-għajnuna. Fost l-irregolaritajiet ta’ implementazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 24, għandu jiġi inkluż ukoll in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-waqfien tal-għajnuna Komunitarja.

    129    Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 208 tal-konklużjonijiet tagħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 24, ma hijiex obbligata titlob il-ħlas lura tal-għajnuna finanzjarja kollha, imma tista’ tiddeċiedi li tiffissa parti minnha li għandha titħallas lura lilha. Madankollu hija għandha teżerċita din is-setgħa fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li s-sussidji li hija titlob il-ħlas lura tagħhom ma jkunux sproporzjonati meta jkunu pparagunati mal-irregolaritajiet imwettqa (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il‑Kummissjoni, C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731, punt 140).

    130    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hija żbaljata.

    131    Għaldaqstant, żball ta’ liġi bħal dan ma jistax iwassal, f’dan il-każ, għall-annullament tas-sentenza appellata peress li l-appellanti ma ressqitx, quddiem il-qorti li għandha tiddeċiedi, element li seta’ jippermettilha li tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija tirrigwarda t-tnaqqis tal-kważi-totalità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija inizjalment, ma tiħux inkunsiderazzjoni elementi li jistgħu jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-ammont ta’ tnaqqis deċiż mill-Kummissjoni.

    132    Insostenn tal-aggravju tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-appellanti ssostni li n-nuqqas ta’ investimenti fl-SMEs mill-FKR huwa l-konsegwenza ta’ interpretazzjoni żbaljata tar-regoli applikabbli u mhux ta’ frodi bi ħsara għall-Komunità.

    133    Tali fatt ma jiġġustifikax, minnu nnifsu, li l-ammont tat-tnaqqis tal-għajnuna għandu jkun inqas sostanzjali minn dak deċiż mill-Kummissjoni.

    134    Fil-fatt, għalkemm il-frodi tiġġustifika ż-żieda fit-tnaqqis li għandu jsir mill-ammont tal-għajnuna mogħtija inizjalment, in-nuqqas ta’ frodi ma jikkostitwixxix raġuni tali li tiġġustifika ż-żamma ta’ sussidji li ma humiex użati skont ir-regoli applikabbli.

    135    Konsegwentement, l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud peress li l-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu kkunsidrat ġustament li ċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti ma jiġġustifikawx it-tnaqqis tal-ammont mnaqqas mill-għajnuna li sar mill-Kummissjoni.

     Fuq il-parti tas-sentenza appellata dwar it-talba għad- danni

     Fuq l-aggravju bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq żball ta’ liġi

    –       L-argumenti tal-partijiet

    136    L-appellanti ssostni li, bħala tweġiba għat-talba għad-danni tagħha bbażata fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li ssostni li, peress li hija ma kinitx ikkonstatat din l-illegalità, ma kinitx ġiet sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt ta’ kumpens għad-danni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet l-oħrajn dwar il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u lanqas ma mmotivat iċ-ċaħda tat-talba dwar id-danni morali. Lanqas ma ddeċidiet dwar l-argumenti tal-appellanti dwar ir-responsabbiltà għal att leċitu li jirriżulta b’mod partikolari mill-aġir tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ sorveljanza, li kkawżalha danni anormali u speċjali.

    137    Il-Kummissjoni ssostni li, wara li kkonstatat in-nuqqas ta’ waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa biex tinstab ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kellha perfettament raġun ma tkomplix teżamina ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħrajn. Barra minn hekk, hija tosserva li l-argument tal-appellanti dwar ir-responsabbiltà għal att leċitu huwa bbażat, fil-fatt, fuq allegata illegalità tal-aġir tal-istituzzjoni u għalhekk għandu jiġi miċħud. Minbarra dan, sa fejn il-korp intermedjarju kien jaf it-tliet kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna tal-FEŻR, huwa ma kienx espost għal riskju ekonomiku anormali, ogħla minn dak li normalment huwa inerenti għall-FKR fil-kuntest tas-sussidji globali.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    138    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fis-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġusitzzja, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet Komunitarji, ir-realità tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 11, u tad-29 ta’ April 2004, Bouma u Beusmans vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑162/01 P, Ġabra p. I‑4509, punt 43).

    139    F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-talba għad-danni minħabba aġir illegali mressqa mill-appellanti, għandu jiġi osservat li din eskludiet, ġustament u b’motivazzjoni suffiċjenti, li l-Kummissjoni tista’ tirrendi lill-Komunità responsabbli minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata peress li din id-deċiżjoni ma hija vvizzjata bl-ebda illegalità u li, għaldaqstant, waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għal din ir-responsabbiltà ma teżistix.

    140    Fl-ewwel istanza, l-appellanti invokat ukoll responsabbiltà assoluta tal-Unjoni, billi sostniet li sofriet danni minħabba l-fatt li matul il-proċedura ta’ sorveljanza din ma kienet għamlet l-ebda kontroll jew verifika tal-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

    141    Madankollu, mingħajr ma hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea tinstab responsabbli għad-danni kkawżati minn att legali f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad, mingħajr żball ta’ liġi, dan il-motiv peress li d-danni materjali u morali invokati mill-appellanti ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, natura anormali u speċjali. Fil-fatt, it-telf ekonomiku eventwali, jekk jingħad li jeżisti, kif ukoll l-allegat dannu għar-reputazzjoni ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxu l-konsegwenzi li kull operatur informat jista’ jistenna minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni għat-tnaqqis tal-ammont mogħti inizjalment, adottata abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

    142    Konsegwentement, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn teskludi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi u dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    143    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

     Fuq l-ispejjeż

    144    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Sviluppo Italia Basilicata SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top