EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0407

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-1 ta' Lulju 2010.
Knauf Gips KG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Akkordji - Folji tal-ġibs - Aċċess għall-fajl - Provi inkriminanti u provi li jiskaġunaw - Kunċett ta’ ‘impriża’ - Unità ekonomika - Kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-unità ekonomika - Argument imqajjem għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja.
Kawża C-407/08 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-06375

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:389

Kawża C-407/08 P

Knauf Gips KG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Akkordji — Folji tal-ġibs — Aċċess għall-fajl — Provi inkriminanti u provi li jiskaġunaw — Kunċett ta’ ‘impriża’ — Unità ekonomika — Kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-unità ekonomika — Argument imqajjem għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

2.        Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Livell ta’ preċiżjoni meħtieġ tal-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

3.        Kompetizzjoni — Akkordji — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Eżistenza li tista’ tiġi dedotta minn ġabra ta’ indizji konkordanti — Kumpannija parent li ma għandhiex 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja — Fatt li ma jeskludix l-eżistenza ta’ unità ekonomika

(Artikolu 101(1) TFUE)

4.        Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Prova tal-ksur — Oneru tal-prova

(Artikolu 81(1) KE)

5.        Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Impriża destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma kkontestatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi inklużi fiha matul il-proċedura amministrattiva — Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja — Ksur tal-prinċipji fundamentali ta’ legalità u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikoli 101 TFUE, 102 TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 52(1))

6.        Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni – Grupp ta’ kumpanniji li jinkludi diversi persuni ġuridiċi fil-quċċata tiegħu

(Artikolu 81 KE)

1.        Bħala korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika, f’proċedura amministrattiva fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Madankollu, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li din l-oġġezzjoni setgħet biss tiġi pprovata permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. B’mod partikolari, hija għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kienx jiġi kkunsidrat bħala prova kontriha. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn hija kienet tkun tista’ tinvoka elementi li ma jikkorrispondux mad-deduzzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 13, 22, 23)

2.        Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, hemm bżonn li l-Kummissjoni tikkunsidra provi serji, preċiżi u konkordanti. Madankollu, kull prova prodotta minn din tal-aħħar ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element ta’ ksur. Huwa biżżejjed li l-ġabra ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt li l-ebda element differenti tal-ksur inkwistjoni ma jikkostitwixxi, meta kkunsidrat separatament, akkordju jew prattika miftiehma, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, tali konklużjoni ma tipprekludix li l-imsemmija elementi, meqjusa globalment, jitqiesu li huma t-tali akkordju jew it-tali prattika miftiehma.

Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u f’akkordji antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħal minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rrikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew akkordju antikompetittivi jkollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 47-49)

3.        Id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi. Il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li biha tiġi ffinanzjata. Meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Għalhekk, l-eżistenza ta’ unità ekonomika tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ elementi konkordanti, anki jekk l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tat-tali unità.

Il-fatt li jipprovdi li kumpannija parent ma għandhiex 100 % tal-kapital ta’ sussidjarja ma jeskludix l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika fis-sens tad-dritt tal kompetizzjoni.

(ara l-punti 64, 65, 82)

4.        Il-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tipproduċi l-prova ta’ dan u hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-difiża huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità għandha għalhekk tirrikorri għal provi oħra. Għalhekk, minkejja li l-oneru legali tal-prova jaqa’ jew fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-fatti li l-parti tinvoka jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie ssodisfatt.

(ara l-punt 80)

5.        Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontestahom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, għalkemm ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rimedju ġudizzjarju, dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tistabbilixxi espressament dan, din il-limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali tal-legalità u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, id-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal qorti imparzjali huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-trattati. Skont l-Artikolu 52(1) ta’ din il-karta, il-limitazzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi.

(ara l-punti 89-91)

6.        Fil-kuntest ta’ proċedura għal ksur tad-dispożizzjonijiet legali dwar il-kompetizzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi eżistenti bejnha u l-kumpannija tal-istess grupp li tqieset li hija responsabbli għall-aġir tal-imsemmi grupp, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti.

Fil-każ ta’ grupp ta’ kumpanniji li fil-quċċata tiegħu hemm diversi persuni ġuridiċi, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta tqis lil waħda minn dawn il-kumpanniji biss bħala responsabbli għall-azzjoni tal-kumpanniji ta’ dan il-grupp, li flimkien jikkostitwixxu unità ekonomika. Fil-fatt, il-fatt li ma hemmx persuna ġuridika waħda bħala kap tal-grupp Knauf ma jipprekludix li kumpannija tkun responsabbli għall-azzjoni ta’ dan il-grupp. L-istruttura ġuridika ta’ grupp ta’ kumpanniji li ma għandhiex persuna ġuridika bħala l-kap ta’ dan il-grupp ma hijiex determinanti meta din l-istruttura ma tirriflettix il-funzjonament effettiv u l-organizzazzjoni reali tal-imsemmi grupp. B’mod partikulari, in-nuqqas ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ subordinanza bejn iż-żewġ kumpanniji fil-quċċata tal-grupp ma jqigħedx inkwistjoni l-konklużjoni li waħda minn dawn il-kumpanniji għandha titqies bħala responsabbli għall-aġir tal-grupp, ladarba, fil-verità, it-tieni kumpannija ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq inkwistjoni.

(ara l-punti 95, 98-100, 107-109)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Appell – Akkordji – Folji tal-ġibs – Aċċess għall-fajl – Provi inkriminanti u provi li jiskaġunaw – Kunċett ta’ ‘impriża’ – Unità ekonomika – Kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-unità ekonomika – Argument imqajjem għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑407/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2008

Knauf Gips KG, li kienet Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, stabbilita f’Iphofen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u S. Thomas, avukati,

appellanti

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Knauf Gips KG li kienet Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG (iktar ’il quddiem “Knauf” jew l-“appellanti”), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T‑52/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, skont proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE kontra BPB plc, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ COMP/E-1/37.152 – Folji tal-ġibs) (ĠU 2005, L 166, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-Ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81(1)] jew l-Artikolu [82] tat-Trattat

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali pprovdiet sinteżi tal-fatti li wasslu għall-kawża mressqa quddiemha fit-termini li ġejjin:

“1      Ir-rikorrenti, Knauf […], tipproduċi u tikkummerċjalizza materjali għall-kostruzzjoni abbażi ta’ ġibs.

2      Ir-rikorrenti hija soċjetà in akkomandita skont id-dritt Ġermaniż. L-azzjonijiet huma kollha miżmuma mill-21 membru tal-familja Knauf kif ukoll kumpannija li għandha l-ishma ta’ erba’ azzjonisti oħra. L-azzjonisti amministraturi li huma personalment responsabbli huma B u C.

3      Abbażi ta’ informazzjoni li rċeviet, fil-25 ta’ Novembru 1998 il-Kummissjoni wettqet verifika fuq il-post għand tmien impriżi li joperaw fil-qasam tal-folji tal-ġibs, fosthom ir-rikorrenti u impriżi oħra tal-Grupp Kanuf. Fl-1 ta’ Lulju 1999, hija kompliet l-investigazzjonijiet tagħha fl-istabbilimenti ta’ żewġ impriżi oħra.

4      Wara, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 […], lid-diversi impriżi kkonċernati. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar id-dokumenti miksuba fil-bini ta’ dawn l-impriżi matul il-verifika ta’ Novembru 1998 u Lulju 1999. Knauf wieġbithom fl-14 ta’ Settembru 1999.

5      Fit-18 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva f’din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kemm kontra l-impriżi BPB plc [iktar ’il quddiem ‘BPB’], Knauf, Société Lafarge SA (iktar ’il quddiem ‘Lafarge’), Etex SA u Gyproc Benelux NV (iktar ’il quddiem ‘Gyproc’) [iktar ’il quddiem id-‘dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet’]. L-impriżi kkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u ngħataw aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni taħt forma ta’ kopja fuq CD-ROM li ntbagħtitilhom fis-17 ta’ Mejju 2001.

6      Ir-rikorrenti rrispondiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’ittra fis-6 ta’ Lulju 2001.

7      Saru seduti fis-17 ta’ Lulju 2001. BPB u Gyproc ippreżentaw parti mill-espożizzjoni tagħhom in camera.

8      B’ittra tal-10 ta’ Awwissu 2001, l-Uffiċjal tas-Smigħ bagħat verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti ta’ BPB u ta’ Gyproc lir-rikorrenti.

9      B’ittra tal-20 ta’ Awwissu 2001, ir-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għall-atti kollha tal-proċess miżjuda wara li ntbagħat is-CD ROM, u b’mod partikolari, ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-impriżi l-oħra kkonċernati mill-proċedura amministrattiva.

10      Fis-7 ta’ Settembru 2001, l-Uffiċjal tas-Smigħ bagħat lir-rikorrenti tliet dokumenti supplimentari li Lafarge kienet bagħtet lill-Kummissjoni wara s-seduta tas-17 ta’ Lulju 2001.

11      Fil-11 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti tal-20 ta’ Awwissu 2001 intiża li tikseb aċċess għal dokumenti oħra tal-atti tal-proċess.

12      Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-Uffiċjal tas-Smigħ adotta r-rapport tiegħu.

13      Fis-27 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata].

14      Il-dispożittiv tad-deċiżjoni [kkontestata] jiddikjara:

‘L-Ewwel Artikolu

BPB […], il-grupp Knauf, […] Lafarge […] u Gyproc […] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-folji tal-ġibs.

It-tul tal-ksur kien is-segwenti:

a)      BPB […]: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

b)      [il-grupp] Knauf: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

ċ)      […] Lafarge […]: mill-31 ta’ Awwissu 1992, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998

d)      Gyproc […]: mis-6 ta’ Ġunju 1996, l-iktar tard, sal-25 ta’ Novembru 1998;

[…]

Artikolu 3

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, il-multi segwenti huma imposti fuq l-impriżi segwenti:

a)      BPB […] : EUR 138.6 miljun

b)       […] Knauf […] : EUR 85.8 miljun;

ċ) […] Lafarge […] : EUR 249.6 miljun;

d)      Gyproc […] : EUR 4.32 miljun;

[…]’

15      Il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni [kkontestata], li l-impriżi inkwistjoni ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu li seħħ permezz tal-aġir segwenti, li jikkostitwixxu akkordji jew prattiki miftiehma:

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf iltaqgħu f’Londra (ir-Renju Unit) fl-1992 [iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Londra”] u wrew ix-xewqa komuni li jistabbilizzaw is-swieq tal-folji tal-ġibs fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Benelux;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf introduċew, mill-1992, sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, li ssieħbu magħhom Lafarge u wara Gyproc, fir-rigward tal-volumi tal-bejgħ tagħhom fis-swieq tal-Ġermanja, tar-Renju Unit, ta’ Franza u tal-Benelux;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf u ta’ Lafarge kemm-il darba informaw lil xulxin, b’mod reċiproku, minn qabel dwar żiediet fil-prezzijiet fis-suq tar-Renju Unit;

–        sabiex jaffrontaw żviluppi partikolari fis-suq Ġermaniż, ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc iltaqgħu f’Versailles (Franza) fl-1996, fi Brussell (il-Belġju) fl-1997 u f’Den Haag (l-Olanda) fl-1998, bil-għan li jaqsmu bejniethom jew, għall-inqas, li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż;

–        ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc kemm-il darba informaw lil xulxin, b’mod reċiproku, u ftehmu fuq l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż bejn l-1996 u l-1998.

16      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-‘linji gwida’).

17      Għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi, iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur li min-natura tiegħu stess kien gravi ħafna, peress li l-prattiki inkwistjoni kellhom l-għan li jwaqqfu l-ġlieda tal-prezzijiet u li jistabilizzaw is-suq permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-prattiki inkwistjoni kellhom impatt fis-suq, peress li l-impriżi kkonċernati kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-offerta ta’ folji tal-ġibs u peress li d-diversi forom tal-akkordju ġew implementati f’suq ikkonċentrat u oligopolistiku ħafna. Fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien kopra l-erba’ swieq prinċipali fi ħdan il-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza u l-Benelux.

18      Peress li qieset, wara dan, li kienet teżisti disparità kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat, u għalhekk ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fis-swieq ikkonċernati, matul l-aħħar sena kompluta tal-ksur. Abbażi ta’ dan, l-ammont bażiku tal-multi ġie stabbilit fl-ammonti ta’ EUR 80 miljun għal BPB, ta’ EUR 52 miljun għal Knauf u għal Lafarge, u ta’ EUR 8 miljun għal Gyproc.

19      Sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriżi, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Lafarge ġie miżjud b’100 %, u sar EUR 104 miljun.

20      Wara, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, l-ammont bażiku ġie miżjud b’65 % għal BPB u għal Knauf, b’60 % għal Lafarge u b’20 % għal Gyproc, peress li l-Kummissjoni kkwalifikat il-perijodu tal-ksur bħala twil ħafna fil-każ ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ BPB u bħala medju fil-każ ta’ Gyproc.

21      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq BPB u fuq Lafarge ġew miżjuda f’50 % minħabba r-reċidiva.

22      Wara dan, il-Kummissjoni naqqset b’25 % l-multa imposta fuq Gyproc minħabba ċirkustanzi attenwanti, dovuti għall-fatt li hija kienet element destabilizzanti li kien jikkontribwixxi sabiex jillimita l-effetti tal-akkordju fis-suq Ġermaniż u li hija ma kinitx topera fis-suq tar-Renju Unit.

23      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi bi 30 % għal BPB u b’40 % għal Gyproc, b’applikazzjoni tat-Taqsima D(2) tal-avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, […]). Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multi imposti kien ta’ EUR 138.6 miljun għal BPB, ta’ EUR 85.8 miljun għal Knauf, ta’ EUR 249.6 miljun għal Lafarge u ta’ EUR 4.32 miljun għal Gyproc”.

 Is-sentenza appellata

4        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2003, Knauf ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, hija talbet lill-Qorti Ġenerali tnaqqas il-multa imposta fuqha.

5        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

6        Permezz tal-appell tagħha, Knauf titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas b’mod adegwat, għal ammont li madankollu ma jkunx inqas minn EUR 54.51 miljun, il-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7        Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

8        Insostenn tal-appell tagħha, Knauf tinvoka tliet aggravji bbażati fuq, l-ewwel nett, ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni nett, ksur tal-Artikolu 81 KE, u, it-tielet nett, ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

9        Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet distinti li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, dwar ir-rifjut ta’ aċċess għal provi inkriminanti

–       L-argumenti tal-partijiet

10      Knauf essenzjalment tikkontesta l-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali illegalment kienet naqset mill-obbligu tagħha li teżamina l-konsegwenzi tar-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għal ċerti provi inkriminanti. Skont l-appellanti, hekk kif hija kienet identifikat il-provi inkriminanti li ma ġewx ikkomunikati u l-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata esklużivament fuq dawn il-provi, l-ebda indikazzjoni supplimentari ma hija meħtieġa sabiex jiġi konkluż, kieku dawn il-provi ġew miċħuda, li l-partijiet korrispondenti tal-imsemmija deċiżjoni kienu jkunu differenti. Peress li dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-element materjali tal-ksur fl-intier tiegħu, ir-riżultat li kienet tasal għalih din id-deċiżjoni kien ikun differenti.

11      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva, għaliex din tikkritika argument komplut, kif jirriżulta wkoll mill-punt 63 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, hija ssostni li Knauf ma wrietx li r-riżultat li waslet għalih din id-deċiżjoni kien ikun differenti li kieku l-appellanti kellha aċċess għad-dokumenti inkriminanti li ma ġewx ikkomunikati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

12      Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li, ħlief għal ftit eżempji iktar speċifiċi, l-appellanti sempliċement elenkat il-kunsiderazzjonijet tad-deċiżjoni kkontestata li fihom hemm imsemmija d-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat u kkonkludiet li t-tali elenku ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa l-obbligu stabbilit mill-ġurisprudenza li jgħid li l-appellanti għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni kien ikun differenti li kieku d-dokumenti inkwistjoni kienu ġew miċħuda bħala provi inkriminanti. Konsegwentement, kif ġie indikat fil-punt 50 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali pproċediet b’eżami tal-allegat ksur tal-aċċess għal dokumenti bħala prova li jinkludu elementi inkriminanti biss fid-dawl tal-ilmenti espressament imqajma mill-appellanti.

13      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li din l-oġġezzjoni setgħet biss tiġi pprovata permezz ta’ riferiment għall-imsemmi dokument. Jekk jeżistu dokumenti ta’ prova oħra li l-partijiet kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jsostnu b’mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma taffettwax il-fondatezza tal-oġġezzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kienx jiġi kkunsidrat bħala prova kontriha (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004 Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 71 sa 73).

14      Issa, is-sempliċi elenkar tal-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li jsemmu d-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat ma huwiex ta’ natura li juri, waħdu, li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dawn id-dokumenti ġew miċħuda bħala prova inkriminanti.

15      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar ir-rifjut ta’ aċċess għal provi li jiskaġunaw

–       L-argumenti tal-partijiet

16      L-ewwel nett, Knauf tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli pprovdiet sinteżi żbaljata, fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata, tal-argument tagħha dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li jagħtiha aċċess għal ċerti provi li jiskaġunaw.

17      It-tieni nett, Knauf tqis li, fil-punti 70 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod ineżatt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-provi li jiskaġunaw. Għalhekk, l-appellanti ma hijiex obbligata turi li, kieku hija kellha aċċess għar-risposti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ipprovduti mill-impriżi l-oħra kkonċernati, id-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li hija kienet tuża dawn id-dokumenti fid-difiża tagħha. Issa, il-Qorti Ġenerali kienet eżaminat jekk il-provi li jiskaġunaw invokati mill-appellanti setgħux ikollhom konsegwenzi fuq ir-riżultat tal-imsemmija deċiżjoni.

18      It-tielet nett, Knauf tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li r-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex prova li tiskaġuna. Hija ssostni li, skont il-prinċipji ġenerali fil-qasam tal-provi, id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi l-oħra kkonċernati jikkostitwixxu provi. Barra minn hekk, il-fatt li l-appellanti qajmet, matul il-proċedura amministrattiva, l-istess argumenti ma jbiddilx in-natura tal-imsemmija dikjarazzjonijiet.

19      Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tqis ċerti partijiet tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet invokat bħala provi li jiskaġunaw li ma ġewx ikkomunikati.

20      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam u li ma żnaturatx l-argument tal-appellanti.

21      Din l-istituzzjoni ssostni wkoll li Knauf sempliċement reġgħet ressqet l-argumenti li hija kienet diġà invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, biex b’hekk tipprova tikseb eżami mill-ġdid tal-ilmenti tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, fatt li jirrendi t-tieni parti tal-ewwel aggravju inammissibbli. Għaldaqstant, l-appellanti ma wrietx kif il-provi mhux żvelati inkwistjoni setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22      Bħala korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, skont ġurisprudenza stabbilita, l-impriża għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar seta’ jinfluwenza, bi ħsara għal din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw fid-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tużhom matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tista’ tinvoka elementi li ma jikkorrispondux mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’liema mod li jkun, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-aġir li tiegħu hija ġiet ikkritikata, u, għalhekk, il-livell tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 u 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Isegwi li l-appellanti mhux biss għandha tistabbilixxi li hija ma kellhiex aċċess għal ċerti provi li jiskaġunaw, iżda wkoll li hija setgħet tużhom fid-difiża tagħha.

25      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 72 sa 77 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma wrietx li hija setgħet tuża dokumenti mhux żvelati inkwistjoni fid-difiża tagħha, peress li, matul il-proċedura amministrattiva, hija qajmet l-istess argument bħal dak li jinsab fl-imsemmi dokumenti u li dan kien ġie miċħud mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Hija fuq din il-bażi li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fil-punt 78 tal-istess sentenza, li, anki kieku l-appellanti setgħet tuża dawn id-dokumenti waqt il-proċedura amministrattiva, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni ma setgħux ikunu influwenzati minn dawn id-dokumenti.

26      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti mhux qed tqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jgħidu li din tal-aħħar ma wrietx li hija setgħet tuża fid-difiża tagħha d-dokumenti li ma ġewx żvelati lilha matul il-proċedura amministrattiva.

27      Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt, kif issostni l-appellanti, li d-dokumenti inkwistjoni jikkostitwixxu provi li jiskaġunaw, din il-konstatazzjoni ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

28      Bl-istess mod, għalkemm huwa veru, kif issostni l-appellanti, li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 tas-sentenza preżenti billi ddeċidiet li l-informazzjoni li hemm fid-dokument li jiskaġuna li ma ġiex ikkomunikat, jiġifieri l-punt 4.2.1 tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma setgħetx tbiddel ir-“riżultat finali” tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-iżball ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata peress li l-appellanti ma pprovatx li hija setgħet tuża din l-informazzjoni fid-difiża tagħha fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat diġà dawn l-argumenti fl-imsemmija deċiżjoni.

29      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

30      L-ilment imressaq minn Knauf fl-ewwel istanza li huwa bbażat fuq l-allegat żnaturament tal-argumenti peress li kienu ġew imqassra b’mod żbaljat fil-punt 65 tas-sentenza appellata, ma għandux jintlaqa’.

31      Fil-fatt, meta jiġi allegat żnaturament tal-argumenti proprji tagħha, l-appellanti għandha, skont l-Artikolu 256 TFUE, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Issa, l-appellanti ma identifikatx b’mod preċiż liema mill-argumenti tagħha kienu ġew żnaturati fis-sentenza appellata.

32      Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti ma tikkritikax lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tirrispondi għall-motivi tagħha u t-talbiet tal-ewwel istanza, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali pprovdietx sintenżi żbaljata tal-argument tal-appellanti ma għandha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża preżenti.

33      L-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas mill-Qorti Ġenerali li tqis ċerti partijiet tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari l-punti 4.1.16 u 4.2.3 ta’ din ir-risposta, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

34      Fir-rigward tal-punt 4.1.16 tal-imsemmija risposta, għandu jiġi rrilevat li l-kontribuzzjoni prinċipali tagħha tinsab fid-dikjarazzjoni li tgħid li “[i]l-kompetizzjoni baqgħet intensiva fid-diversi swieq Ewropej” minkejja l-“allegat impenn” li ngħata fil-laqgħa ta’ Londra. Issa, il-kwistjoni dwar il-kontinwità tal-kompetizzjoni kienet ġiet eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 u 75 tas-sentenza appellata.

35      Fir-rigward tal-punt 4.2.3 tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan jindika li l-figuri skambjati bejn din il-kumpannija u l-kompetituri tagħha ma kinux inklużi fil-proċess ta’ ppjanar ta’ BPB. Madankollu, meta eżaminat, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjonijiet dwar l-għan ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll l-allegat fatt li D, id-direttur ta’ Gyproc u Kap Eżekuttiv ta’ BPB, biss kien jaf dwar dan l-iskambju, il-Qorti Ġenerali impliċitament irrispondiet għall-argument tal-appellanti.

36      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda.

37      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju invokat minn Knauf insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

38      Knauf issostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm ksur tal-Artikolu 81(1) KE, billi bbażat ruħha, fil-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata, fuq konstatazzjonijiet misluta minn provi inkriminanti li ma ġewx żvelati. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma segwietx id-dikjarazzjoni tagħha stess, li tinsab fil-punt 63 tal-istess sentenza, li tgħid li hija ma qisietx l-imsemmija elementi inkriminanti fl-eżami tagħha dwar il-mertu tal-kawża.

39      Barra minn hekk, l-appellanti tqis li, anki jekk jiġu kkunsidrati l-provi inkriminanti li ma ġewx żvelati, l-ebda mill-ħames elementi tal-ksur li tiegħu hija ħatja, jiġifieri l-laqgħa ta’ Londra fl-1992, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit mill-1992 sal-1998, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iż-żieda fil-prezz fir-Renju Unit matul l-istess perijodu, il-ftehim dwar l-ishma tas-suq fil-Ġermanja (laqgħat ta’ Versailles, ta’ Brussell u ta’ Den Haag) minn Ġunju 1996 u l-ftehim dwar iż-żieda fil-prezz fil-Ġermanja mill-1996, ma jissodisfaw il-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) tal-KE.

40      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli fl-intier tiegħu għaliex jikkonċerna biss konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali.

41      Barra minn hekk, hija ssostni li Knauf ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li fuqu d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata. Issa, l-eżistenza ta’ prattika jew ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn numru ta’ koinċidenzi u indizji oħra li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment li jgħid li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, sabiex tikkonkludi li hemm ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, fuq konstatazzjonijiet misluta minn provi inkriminanti mhux żvelati, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti tirreferi biss b’mod sommarju għall-punti 140 sa 298 tas-sentenza appellata, mingħajr ma tindika b’mod preċiż il-provi inkriminanti mhux żvelati li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat l-argument tagħha.

43      Issa, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 34; tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il‑Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 68, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 121).

44      Konsegwentement, dan l-ilment huwa inammissibbli.

45      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment dwar in-natura tal-ksur ta’ kull wieħed mill-ħames elementi tal-aġir attribwiti lill-appellanti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 306 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “l-akkordji u l-prattiki miftiehma kollha f’din il-kawża jifformaw parti minn numru ta’ azzjonijiet min-naħa tal-impriżi inkwistjoni li għandhom għan ekonomiku wieħed, jiġifieri r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u jikkostitwixxu d-diversi manifestazzjonijiet ta’ akkordju kumpless u kontinwu li l-għan u l-effett tiegħu kienu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Minħabba l-fatt li l-akkordji u l-prattiki miftiehma li ssemmew iktar ’il fuq, mingħajr interruzzjoni mill-1992 sal-1998, taw sura sostantiva lix-xewqa komuni tal-partijiet li jistabbilizzaw, u b’hekk jirrestrinġu l-kompetizzjoni, għall-inqas fis-swieq tal-folji tal-ġibs Ġermaniżi, Franċiżi, tar-Renju Unit u tal-Benelux, il-Kummissjoni tikkaratterizza l-ksur bħala uniku, kumpless u kontinwu”. Fil-punt 321 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilmenti tal-appellanti li huma diretti kontra l-klassifikazzjoni tal-akkordju bħala ksur uniku u kontinwu.

46      Knauf ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, iżda sempliċement tiddikjara li l-ebda mill-elementi kostituttivi tal-ksur attribwit lilha ma jsostni ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, hemm bżonn li l-Kummissjoni tikkunsidra provi serji, preċiżi u konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 127). Madankollu, kull prova prodotta minn din tal-aħħar ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element ta’ ksur. Huwa biżżejjed li l-ġabra ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

48      Għalhekk, anki jekk jiġi preżunt, kif issostni l-appellanti, li l-ebda element differenti tal-ksur inkwistjoni ma jikkostitwixxi, meta kkunsidrat separatament, akkordju jew prattika miftiehma, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, tali konklużjoni ma tipprekludix li l-imsemmija elementi, meqjusa globalment, jitqiesu li huma akkordju jew prattika miftehma.

49      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, peress li l-projbizzjoni mill-parteċipazzjoni fi prattiki u f’akkordji antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li jinkorri min jikser din il-projbizzjoni huma magħrufa, huwa komuni li l-attivitajiet li jinvolvu dawn il-prattiki u dawn l-akkordji jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d-dokumentazzjoni relatata titnaqqas kemm jista’ jkun. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħal minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’biċċiet u mifruxin, b’mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rrikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew akkordju antikompetittivi jkollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

50      Konsegwentement, dan l-ilment huwa infondat.

51      Għalhekk, it-tieni aggravju invokat minn Knauf insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq it-tielet aggravju tal-appell, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 81 KE

 L-argumenti tal-partijiet

52      Preliminarjament, Knauf issostni li mid-diċitura tal-punt 348 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kinitx oġġettiva u imparzjali iżda, kuntrarjament, stabbiliet minn qabel li għandha timponi multa għall-atti mwettqa minn Gebrüder Knauf Verwaltungsgesellschaft KG (iktar ’il quddiem “GKV”) u s-sussidjarji tagħha, filwaqt li l-konstatazzjoni li tgħid li dawn tal-aħħar ibbenefikaw mill-ksur inkwistjoni ma hija bl-ebda mod motivata.

53      L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 billi kkonkludiet li hemm unità ekonomika bejnha u l-impriżi l-oħra miżmuma mill-familja Knauf (iktar ’il quddiem il-“grupp Knauf”), kif ukoll billi attribwitilha r-responsabbiltà tal-aġir tagħhom.

54      Knauf tikkritika l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li hemm unità ekonomika bejn Knauf, GKV u s-sussidjarji tagħha. B’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925), ma hijiex applikabbli f’din il-każwa għaliex l-appellanti la hija dominanti u lanqas ma tiddomina l-kumpanniji l-oħra. Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni (T‑66/99, Ġabra p. II-5515), li għaliha tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punti 350, 351 u 355 tas-sentenza appellata, lanqas ma hija applikabbli peress li din is-sentenza tirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ aġent kummerċjali. L-istess japplika għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (T‑9/99, Ġabra p. II‑1487), sa fejn l-eżistenza ta’ unità ekonomika hija bbażata, f’din is-sentenza, fuq iż-żamma, mill-istess persuna bħala azzjonist, tal-ishma kollha tad-diversi kumpanniji, filwaqt li, f’din il-kawża, l-appellanti u GKV huma l-proprjetà ta’ 22 persuna li kull waħda minnhom għandha sehem minoritarju.

55      L-eżistenza ta’ unità ekonomika lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-fatt li n-numru ta’ azzjonisti li jagħmlu parti mill-familja Knauf jeżerċitaw kontroll komuni fuq l-appellanti u l-kumpanniji l-oħra tal-grupp bl-istess isem, peress li dan il-kontroll komuni huwa eskluż meta jkun hemm bdil fil-maġġoranza jew meta l-maġġoranzi varjabbli huma possibbli fost l-azzjonisti. Il-kuntratt tal-familja tad-9 ta’ Diċembru 1994 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt tal-familja”), imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 349 tas-sentenza appellata, ma jissuġġettax il-kumpanniji kkonċernati għal kontroll komuni. F’dan ir-rigward, Knauf tqis li s-sentenza appellata tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenza tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑193/99 P, Ġabra p. I‑11005), li fiha hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju taż-żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna jew lill-istess familja ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji.

56      Barra minn hekk, il-fatt li l-istess żewġ azzjonisti kienu l-amministraturi tal-kumpanniji kollha tal-grupp Knauf u li rrappreżentawhom matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur ma huwiex rilevanti. L-istess japplika għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ dan il-grupp, għall-komunikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għall-fatt li l-parti l-kbira tad-dokumenti misjuba matul il-verifika nkitbu fuq karta li kellha l-intestatura ta’ Knauf bid-dettalji tagħha, u għall-kwalità ta’ interlokutriċi ta’ din tal-aħħar matul il-proċedura amministrattiva.

57      Fir-rigward tal-imputazzjoni lill-appellanti tar-responsabbiltà tal-aġir tal-kumpanniji tal-grupp Knauf, hija tikkritika l-punt 356 tas-sentenza appellata, billi ssostni li l-fatt li hija l-unika kumpannija li ma hijiex amministrata minn GKV ma jispjegax ir-raġuni għaliex il-multa ma ġietx imposta fuq din tal-aħħar iżda biss fuqha.

58      Knauf issostni li hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, id-dikjarazzjoni, li tinsab fil-punt 357 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija tikkoordina l-attivitajiet operattivi tal-grupp Knauf fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, dik li tinsab fil-punt 337 tal-imsemmija sentenza, li tipprovdi li “ma hemmx entità legali waħda li, fil-pożizzjoni ta’ tmexxija [tal-grupp Knauf], tista’, bħala l-korp inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-grupp, tiġi kkunsidrata bħala responsabbli mill-ksur li twettaq mid-diversi kumpanniji li jikkostitwixxuh”.

59      Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkritika l-punti 359 u 360 tas-sentenza appellata, li jgħidu li hija setgħet tikkontesta, matul il-proċedura amministrattiva, il-konklużjoni li tgħid li hija tikkostitwixxi unità ekonomika mal-kumpanniji l-oħra tal-grupp Knauf, taħt piena li mbagħad ma tkunx tista’ ssostni dan quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fehma tagħha, din il-konklużjoni tikser il-prinċipju ta’ in dubio pro reo.

60      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mqajma mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet aggravju invokat insostenn tal-appell billi ssostni li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika ma jinkludu l-ebda żball ta’ liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment bbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ oġġettività u imparzjalità tal-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li hija kkonstatat, fil-punt 348 tas-sentenza appellata, li s-sussidjarji ta’ GKV bbenefikaw mill-ksur inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ appell, tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mibgħuta lill-Qorti Ġenerali ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni legali suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Peress li l-appellanti ma tallegax żnaturament tal-provi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tasal għall-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 348 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-sussidjarji ta’ GKV ibbenefikaw mill-ksur inkwistjoni, l-ilment tagħha huwa, fil-verità, intiż li jikseb evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-provi, fatt li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

63      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi rrilevat li Knauf tikkontesta kemm il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li GKV u s-sussidjarji tagħha, minn naħa, u l-appellanti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu unità ekonomika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll il-konklużjoni li tgħid li din tal-aħħar hija l-kumpannija responsabbli mill-azzjoni tal-grupp Knauf.

64      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi u li l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod li biha tiġi ffinanzjata. Il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għalhekk, l-eżistenza ta’ unità ekonomika tista’ tiġi dedotta minn ġabra ta’ indizji konkordanti, anki jekk l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tat-tali unità.

66      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li hemm unità ekonomika fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi. Għalhekk, fil-punt 344 tas-sentenza appellata, hemm ikkonstatat, l-ewwel nett, li l-azzjonisti tal-appellanti kif ukoll tal-erba’ kumpanniji l-oħra miżmuma mill-familja Knauf, b’mod partikolari dawk ta’ GKV, huma l-istess, jiġifieri 21 persuna fiżika membri tal-imsemmija familja u kumpannija li tiġbor fi ħdanha wkoll erba’ membri oħra ta’ din il-familja.

67      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 345 tas-sentenza appellata, li ż-żewġ azzjonisti amministraturi ta’ Knauf, jiġifieri B u C, huma wkoll azzjonisti amministraturi tal-kumpanniji kollha tal-grupp Knauf.

68      It-tielet nett, billi kkonstatat, fil-punt 347 tas-sentenza appellata, li GKV hija l-proprjetarjà ta’ ishma f’diversi kumpanniji attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs u kkontrollati mill-familja Knauf, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 348 tal-imsemmija sentenza, li din l-istess kumpannija hija biss holding, bla ħaddiema, li tmexxi l-kumpanniji b’ishma li hija għandha għat-22 azzjonist li huma l-proprjetarji tagħha u li tiddependi mit-tmexxija u mill-uffiċċji tal-appellanti.

69      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 349 tas-sentenza appellata, il-kuntratt tal-familja, li l-Artikolu 1(2) tiegħu jistabbilixxi li l-għan tal-kuntratt huwa li jiżgura tmexxija u amministrazzjoni unika għall-kumpanniji tal-grupp Knauf. Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-istess artikolu, l-għan tal-imsemmi kuntratt huwa wkoll li jiggarantixxi, minn naħa, l-eżerċizzju uniku u konċentrat tad-drittijiet tal-kumpanniji kollha tal-grupp u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar it-tmexxija, l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni u l-forma ġuridika tal-kumpannija b’mod li azzjonist wieħed jew numru żgħir minnhom ma jkunux jistgħu jwaqqfu dawn id-deċiżjonijiet. Fin-numru żgħir tal-imsemmija kumpanniji jissemmew b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt, Knauf u GKV.

70      Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li dħul mill-bejgħ kollu li l-appellanti skambjat fil-kuntest tal-ksur inkwistjoni jirrigwarda l-kumpanniji kollha tal-grupp Knauf attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs u li mill-ebda att ma jirriżulta li B u C ma rrappreżentaw dan il-grupp fil-kuntest tal-azzjonijiet differenti tal-ksur.

71      Fl-aħħar nett, mill-punt 347 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti, minn jeddha, u mingħajr ma ntalbet tagħmel dan mill-Kummissjoni, bagħtitilha, fit-tweġiba tagħha tad-19 ta’ Settembru 2002 għat-talba għal informazzjoni magħmula skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, id-dħul mill-bejgħ kollu tal-grupp Knauf.

72      Hija fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, fil-punt 350 tas-sentenza appellata, li l-kumpanniji proprjetà tal-familja Knauf jikkostitwixxu entità ekonomika unika.

73      Fir-rigward taċ-ċirkustanza, espressament invokata minn Knauf, li tgħid li kemm hija kif ukoll GKV huma miżmuma minn 22 azzjonist, li l-ebda wieħed minnhom ma għandu maġġoranza tal-ishma jew tal-voti, fatt li jirrendi possibbli li jiġu fformati maġġoranzi varjabbli fi ħdan il-kumpanniji differenti tal-grupp Knauf, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-fatt li dawn il-kumpanniji kollha huma miżmuma mill-istess 22 azzjonist, li barra minn hekk huma membri tal-familja Knauf, biss fid-dawl ta’ element wieħed ta’ natura li juri l-eżistenza ta’ unità ekonomika. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu fformati maġġoranzi varjabbli fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji ma jeskludiex waħdu l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika.

74      Kuntrarjament għal dak li ssostni Knauf, il-Qorti Ġenerali lanqas ma applikat b’mod żbaljat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Aristrain vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi fatt li l-kapital azzjonarju taż-żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna jew lill-istess familja ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatt li l-kumpanniji tal-grupp Knauf huma miżmuma mill-istess familja sabiex tikkonkludi li hemm unità ekonomika.

75      Knauf tikkontesta wkoll ir-rilevanza tal-kuntratt tal-familja li l-Qorti Ġenerali tirreferi għalih fil-punt 349 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, dan il-kuntratt huwa intiż biss li jippermetti li, fil-futur, li l-ishma li jikkostitwixxu l-kapital tal-kumpanniji tal-grupp Knauf jibqgħu fil-pussess tal-membri tal-familja Knauf. Barra minn hekk, l-għan tiegħu huwa li jwaqqaf li l-kumpanniji jiġu ddominati minn ċerti azzjonisti jew gruppi ta’ azzjonisti.

76      Anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmi kuntratt tal-familja jsegwi effettivament l-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti ma tikkontestax li l-għan ta’ dan il-kuntratt, espressament stabbilit fl-Artikolu 1(2) tiegħu, huwa “li jiżgura tmexxija u amministrazzjoni unika tal-kumpanniji Knauf”.

77      Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-fatt li B u C huma l-amministraturi tal-kumpanniji kollha tal-grupp Knauf huwa irrilevanti fir-rigward tal-eżistenza ta’ unità ekonomika peress li dan il-fatt ma jeskludix il-possibbiltà li d-diversi kumpanniji ta’ dan il-grupp ikunu awtonomi skont id-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-fatt li l-imsemmija kumpanniji huma amministrati minn dawn l-istess żewġ azzjonisti jippermetti effettivament li tiġi żgurata t-tmexxija u l-amministrazzjoni unika tagħhom fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-kuntratt tal-familja.

78      Fir-rigward tal-iskambju tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kollha tal-grupp ta’ Knauf attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs fil-kuntest tal-ksur inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, dan il-fatt jikkostitwixxi prova supplimentari li tindika li dawn il-kumpanniji kienu jaġixxu, tal-inqas matul il-ksur, bħala unità ekonomika li kellha interess komuni.

79      L-allegazzjoni li tgħid li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ in dubio pro reo billi kkunsidrat, fil-punt 346 tas-sentenza appellata, li mill-ebda att ma jirriżulta li B u C ma rrappreżentawx il-grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur, ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, fl-imsemmi punt 346, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li l-provi prodotti quddiemha jindikaw li B u C kellhom rwol ta’ rappreżentanti ta’ dan il-grupp fil-kuntest tal-ksur u li ma ġie prodott l-ebda att li jistabbilixxi li dan ma huwiex il-każ.

80      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tipproduċi l-prova ta’ dan u li hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-difiża huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità għandha għalhekk tirrikorri għal provi oħra. Għalhekk, minkejja li l-oneru legali tal-prova jaqa’ jew fuq il-Kummissjoni jew fuq l-impriża jew assoċjazzjoni kkonċernata, il-fatti li tinvoka parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova jkun ġie ssodisfatt (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 79).

81      Knauf issostni wkoll li ċerti sentenzi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom sabiex taqta’ s-sentenza appellata ma humiex rilevanti.

82      Fir-rigward tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma rreferietx għaliha sabiex tikkonkludi li hemm unità ekonomika. Barra minn hekk, il-fatt li fil-kawża preżenti l-kumpannija parent ma hijiex il-proprjetarja 100 % tas-sussidjarja, kuntrarjament għall-fatti tal-kawża li wasslu għall-imsemmija sentenza, ma jeskludix l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

83      Fir-rigward tas-sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali ċċitatha biss bħala riferiment insostenn tal-kunsiderazzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali fil-qasam tal-kompetizzjoni, mingħajr ma għamlet ebda analoġija bejn iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża li wasslu għall-imsemmija sentenza u dawk tal-kawża preżenti.

84      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 350, 351 u 355 tas-sentenza appellata, billi rriferiet għal ġurisprudenza stabbilita, li l-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni għandu jinftiehem li jfisser unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-akkordju inkwistjoni anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li t-tali entità ekonomika tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja b’elementi personali, tanġibbli u mhux tanġibbli li jsegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, peress li hija organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ ksur stabbilit mill-Artikolu 81(1) KE. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li, meta grupp ta’ kumpanniji jikkostitwixxu waħda u l-istess kumpannija, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-imsemmija impriża u timponi multa fuq il-kumpannija responsabbli għall-azzjonijiet tal-grupp fil-kuntest tal-ksur.

85      L-istess japplika għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li mill-punt 343 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali tirreferi għal din is-sentenza biss bħala eżempju sabiex turi r-rilevanza, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, ta’ ċerti elementi fattwali, bħalma huma, b’mod partikolari, il-fatt li l-istess persuna tokkupa pożizzjoni importanti fi ħdan l-organi tat-tmexxija tal-kumpanniji tal-grupp kif ukoll il-fatt li din il-persuna tirrappreżenta, matul il-laqgħat tal-bord tad-diretturi, id-diversi kumpanniji u li lil dawn tal-aħħar ingħatalhom kwota waħda biss fil-kuntest tal-akkordju.

86      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kumpanniji li jappartjenu lill-familja Knauf jikkostitwixxu unità ekonomika.

87      Fir-rigward tar-rwol tal-appellanti fi ħdan il-grupp Knauf, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 358 tas-sentenza appellata, li hija ppreżentat ruħha, matul il-proċedura amministrattiva, bħala l-unika interlokutriċi tal-Kummissjoni u fl-ebda mument matul l-imsemmija proċedura ma kkontestat din il-kwalità. Fil-punt 359 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm deher li l-Kummissjoni qieset, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ksur kien jirrigwarda l-grupp kollu Knauf u li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni, l-appellanti ma setgħetx tinjora l-fatt li hija setgħet tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, hija xorta waħda wieġbet lil din tal-aħħar mingħajr ma qiegħdet inkwistjoni r-rwol tagħha ta’ kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-imsemmi grupp fil-kuntest tal-ksur.

88      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 360 tas-sentenza appellata, li, f’tali sitwazzjoni, l-appellanti għandha tirreaġixxi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li mbagħad ma tkunx tista’ tirreaġixxi, billi turi li, minkejja l-elementi miżmuma mill-Kummissjoni, hija ma titqies li hija responsabbli għall-ksur imwettaq mill-kumpanniji tal-Grupp Knauf.

89      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat, kif ġustament issostni l-appellanti, li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jimponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontesthom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja.

90      Fil-fatt, għalkemm ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rimedju ġudizzjarju, dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

91      Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tistabbilixxi espressament dan, din il-limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali tal-legalità u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għall-qorti imparzjali huwa ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandu l-istess valur ġuridiku bħat-trattati. Skont l-Artikolu 52(1) ta’ din il-karta, il-limitazzjonijiet kollha fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi.

92      Konsegwentement, billi ddeċidiet li Knauf kellha tirreaġixxi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma tkunx tista’ tirreaġixxi quddiem il-qrati tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

93      Għaldaqstant, minn naħa, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 362 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti kienet il-kumpannija responsabbli għall-azzjoni tal-grupp Knauf fil-kuntest tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

94      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, din tal-aħħar għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ allura hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

95      Fir-rigward tar-rwol tal-appellanti fi ħdan il-grupp Knauf, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni peress li qisitha l-unika responsabbli għall-azzjoni tal-kumpanniji ta’ dan il-grupp, fejn, kif ġie kkonstatat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, dawn kollha jikkostitwixxu unità ekonomika.

96      Mill-organigramma pprovduta mill-appellanti bi tweġiba għal mistoqsija miktuba tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li, fl-2001, matul is-summit tal-imsemmi grupp kien hemm tliet kumpanniji, jiġifieri l-appellanti, GKV u Knauf Fiber Glass GmbH. Din tal-aħħar, li ċ-ċentru tal-attivitajiet tagħha jinsab fl-Istati Uniti, ma kinitx madankollu attiva fis-suq tal-folji tal-ġibs.

97      Din l-istess organigramma turi li GKV hija, direttament jew indirettament, il-proprjetarja ta’ numru ta’ kumpanniji li ħafna minnhom huma attivi fl-imsemmi suq.

98      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx timputa r-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni lil Knauf u mhux lil GKV.

99      Dan ikun il-każ li kieku din tal-aħħar ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq inkwistjoni.

100    Sabiex jiġi evalwat jekk kumpannija tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi eżistenti bejnha u l-kumpannija tal-istess grupp li tqieset li hija responsabbli għall-aġir tal-imsemmi grupp, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

101    F’din il-kawża, l-ewwel nett, huwa paċifiku li GKV hija biss holding, bla ħaddiema, li tmexxi l-kumpanniji b’ishma li hija għandha f’isem it-22 azzjonist li huma l-proprjetarji tagħha, ħaġa li Knauf ma tikkritikax.

102    It-tieni nett, mill-punt 497 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li GKV tiddependi fuq Knauf kemm għall-uffiċċji kif ukoll għall-ħaddiema, tal-inqas parzjalment, u din il-konstatazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-appellanti.

103    It-tielet nett, huwa paċifiku li Knauf hija l-unika kumpannija tal-grupp Knauf attiva fis-suq inkwistjoni li ma hijiex amministrata minn GKV.

104    Ir-raba’ nett, il-parti l-kbira tad-dokumenti tal-grupp Knauf meħuda mill-Kummissjoni matul il-verifika inkitbu fuq karta b’intestatura tal-appellanti u tinkludi d-dettalji tagħha. Anki jekk jiġi preżunt li din il-kumpannija tista’ ssostni, kif fil-fatt tagħmel fil-kuntest tal-appell tagħha, li dawn id-dokumenti ġew iffotokopjati bi żball jew intagħżlu intenzjonalment mill-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli għall-verifika, jibqa’ xorta l-fatt li hija ma pproduċiet l-ebda element li jista’ jsostni dan l-argument.

105    Il-ħames nett, skont l-organigramma msemmija fil-punt 96 tas-sentenza preżenti, fost il-kumpanniji tal-grupp Knauf attivi fis-suq tal-folji tal-ġibs, l-appellanti hija l-kumpannija li d-dħul mill-bejgħ tagħha huwa bil-bosta l-iktar sinjifikattiv. Dan il-fatt jindika li din tal-aħħar għandha rwol sinjifikattiv fi ħdan dan il-grupp, tal-inqas fir-rigward ta’ dan is-suq.

106    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-verità, GKV ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fl-imsemmi suq, iżda tiddependi f’dan ir-rigward minn Knauf.

107    Kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, il-fatt li ma hemmx persuna ġuridika waħda bħala kap tal-grupp Knauf ma jipprekludix lill-appellanti milli tkun responsabbli għall-azzjoni ta’ dan il-grupp.

108    Fil-fatt, l-istruttura ġuridika ta’ grupp ta’ kumpanniji li ma għandhiex persuna ġuridika bħala l-kap ta’ dan il-grupp ma huwiex determinanti meta din l-istruttura ma tirriflettix il-funzjonament effettiv u l-organizzazzjoni reali tal-imsemmi grupp.

109    Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ subordinanza bejn l-appellanti u GKV ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li tgħid li l-ewwel minn dawn iż-żewġ kumpanniji għandha tkun responsabbli għall-aġir tal-grupp Knauf, peress li huwa paċifiku li, fil-verità, GKV ma tiddeterminax b’mod awtonimu l-aġir tagħha fis-suq tal-folji tal-ġibs.

110    Isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-appellanti għandha titqies li hija responsabbli għall-aġir kollu tal-grupp Knauf.

111    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors ippreżentat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

113    Skont l-Artikolu 69(2) tal-imsemmi regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dan tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

114    F’din il-kawża, peress li Knauf u l-Kummissjoni tilfu parti mit-talbiet tagħhom fil-kuntest tal-appell, għandu jiġi deċiż li huma jbatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-istanza preżenti.

115    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Knauf ġie miċħud, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, inkwantu jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mal-proċedura quddiem l-ewwel istanza, għandu jiġi kkonfermat.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T‑52/03) hija annullata sa fejn hija timputa lil Knauf Gips KG ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq mill-kumpanniji li jikkostitwixxu l-grupp Knauf.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Ir-rikors ta’ Knauf Gips KG intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, skont il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE, kontra BPB plc, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ COMP/E-1/37.152 – Folji tal-ġibs) huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-istanza preżenti u Knauf Gips KG għandha tbati l-ispejjeż kollha marbuta mal-ewwel istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top