Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0389

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-6 ta' Ottubru 2010.
    Base NV et. vs Ministerraad.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Grondwettelijk Hof - il-Belġju.
    Telekomunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/21/KE (direttiva ‘qafas’) - Artikoli 2(g), 3 u 4 - Awtorità regolatorja nazzjonali - Leġiżlatur nazzjonali li jaġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali - Direttiva 2002/22/KE (direttiva ‘servizz universali’) - Netwerks u servizzi - Artikolu 12 - Kalkolu tal-ispiża tal-obbligi ta’ servizz universali - Komponent soċjali tas-servizz universali - Artikolu 13 - Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali - Determinazzjoni tal-piż inġust.
    Kawża C-389/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09073

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:584

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    6 ta’ Ottubru 2010 (*)

    “Telekomunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE (direttiva ‘qafas’) – Artikoli 2(g), 3 u 4 – Awtorità regolatorja nazzjonali – Leġiżlatur nazzjonali li jaġixxi bħala awtorità regolatorja nazzjonali – Direttiva 2002/22/KE (direttiva ‘servizz universali’) – Netwerks u servizzi – Artikolu 12 – Kalkolu tal-ispiża tal-obbligi ta’ servizz universali – Komponent soċjali tas-servizz universali – Artikolu 13 – Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali – Determinazzjoni tal-piż inġust”

    Fil-Kawża C-389/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura

    Base NV et

    vs

    Ministerraad,

    Fil-preżenza ta’:

    Belgacom NV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President ta’ Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Base NV et, minn D. Arts u T. De Cordier, avukati,

    –        għal Belgacom SA, minn F. Vandendriessche u H. Viaene, avukati,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, bħala aġent, assistita minn S. Depré, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. van Vliet u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat-22 ta’ Ġunju 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Base NV et (iktar ’il quddiem “Base et”) fir-rigward tal-Artikoli 173(3) u (4), 200, 202 u 203 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007 li tirrigwarda diversi dispożizzjonijiet (IV) (Moniteur belge tat-8 ta’ Mejju 2007, p. 25103, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-25 ta’ April 2007”), li emendat il-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kommunikazzjonijiet elettroniċi (Moniteur belge tal-20 ta’ Ġunju 2005, p. 28070, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005”), li b’mod partikolari tiffissa l‑kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit il-kumpens tal-piżijiet imsejħa “inġusti” minħabba l-obbligi ta’ servizz universali li għandhom l‑operaturi li joffru servizz tat-telefon pubbliku.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-liġi tal-Unjoni

     Id-direttiva qafas

    3        Skont il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“direttiva qafas”):

    “Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l‑Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ l-indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l‑obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri jew tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is‑sistema tas-sidien tal-proprjetà preskritta fl-Artikolu 295 [KE]. L‑awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu fil-pussess tar‑riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta’ impjegati, kapaċità, u mezzi finanzjarji, għat-twettieq tax-xogħol tagħhom.”

    4        L-Artikolu 2(g) tad-direttiva qafas jiddefinixxi l-“awtorità nazzjonali regolatorja” bħala “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid‑Direttivi Speċifiċi”.

    5        Skont l-Artikolu 3 tad-direttiva qafas, intitolat “Awtoritajiet nazzjonali regolatorji”:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull wieħed mix-xogħlijiet assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f’din id-Direttiva u fid‑Direttiva Speċifiċi jitwettaq minn korp kompetenti.

    2.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l‑awtoritajiet nazzjonali regolatorji billi jassiguraw li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, apparat jew servizzi. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew jikkontrollaw intrapriżi li jipprovdu networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal‑funzjoni regolatorja mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew kontroll.

    3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jeżerċitaw is-setgħat tagħhom imparzjalment u trasparentement.

    […]”

    6        Skont l-Artikolu 4(1) tad-direttiva qafas:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ l‑awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ appell li jkun indipendenti mill‑partijiet involuti. Dan il-korp, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l‑ħila adattata disponibbli biex tippermettilu li jwettaq il‑funzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jingħata kont debitu tagħhom u li jkun hemm mekkaniżmu effettiv ta’ appell. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità għandha tibqa’ sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix xort’oħra.”

     Id-Direttiva 2002/22

    7        Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 2002/22 tipprovdi illi “[l]-assigurazzjoni ta’ servizz universali (jiġifieri, l-forniment ta’ sett minimu definit ta’ servizzi lill-utenti finali bi prezz li jista’ jintlaħaq) jista’ jinvolvi l‑forniment ta’ xi servizzi lil xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. Iżda, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi maħtura biex jfornu servizzi bħal dawk f’dawk iċ-ċirkostanzi m’għandux jirriżulta f’distorsjoni ta’ kompetizzjoni, sakemm l-impriżi maħtura jiġu kompensati għall-ispiża netta speċifika nvoluta u sakemm il-piż ta’ l-ispiża netta jiġi rkuprat b’mod newtrali kompetittiv.”

    8        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Disponibilità ta’ servizz universali”:

    “1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-servizzi stipulati f’dan il-Kapitolu jintgħamlu disponibbli skond il-kwalità speċifikata lill-utenti kollha fit-territorju tagħhom, independentement mill-lok ġeografiku, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista’ jintlaħaq.

    2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il‑prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in‑non‑diskriminazzjoni u l‑proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.”

    9        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/22 intitolat “Ħatra ta’ impriżi” jipprovdi:

    “1.      L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l‑forniment ta’ servizz universali […]

    2.       Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f’parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta’ servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta’ ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta’ ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b’mod effiċjenti fl-ispiża u jista’ jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.”

    10      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu”, jipprovdi:

    “1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l‑evoluzzjoni u l‑livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl‑Artikoli 4, 5, 6 u 7 bħala li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u provduti mill-impriżi maħtura, b’mod partikolari b’relazzjoni mal‑prezzijiet u d-dħul tal-konsumaturi nazzjonali.

    2.       L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu li l‑impriżi maħtura jfornu għażliet ta' tariffi jew pakketti lill‑konsumaturi li jitilqu minn dawk provduti taħt kondizzjonijiet normali kummerċjali, b’mod partikolari biex jiġi assigurat li dak bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali ma jiġux prevenuti milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon.

    [...]”

    11      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Stima ta’ l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz universali” jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

    “Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

    Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:

    a)      jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta’ xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

    b)      jagħmlu użu ta’ l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).”

    12      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22, intitolat “Iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali”:

    “1.      Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu tal-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li impriża hija suġġetta għal piż inġust, l‑Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

    a)      li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

    b)      jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il‑fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    […]”

    13      It-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 tispjega l-mod kif l‑ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kkalkulata bil-mod li ġej:

    “[…]

    L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsidraw il-mezzi kollha biex jassiguraw inċentivi adatti għall-impriżi (maħtura jew le) biex ifornu obbligi ta’ servizz universali b’effiċjenza fl-ispiża. Fit‑twettieq ta’ eżerċizzju ta’ kalkolu, l‑ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta’ servizz universali. Dan japplika sew jekk in-network fi Stat Membru partikolari jkun żviluppa kollu kemm hu jew jekk ikun għadu jkun qiegħed jiżviluppa u jespandi. Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta l-ispejjeż li x’impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta’ servizz universali. Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta għandu jistma l-benefiċċji, nklużi benefiċċji ntanġibbli, għall-operatur ta’ servizz universali.

    […]”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    14      L-Artikolu 74 tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif emendata bil-liġi tal‑25 ta’ April 2007 huwa fformulat kif ġej:

    “Il-komponent soċjali tas-servizz universali għandu jikkonsisti fil‑forniment, mill-operaturi kollha li joffri servizz pubbliku tat-telefon lill-konsumaturi, ta’ kundizzjonijiet tariffarji speċjali lil ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji.

    Il-kategoriji ta’ benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tariffarji msemmija fl‑ewwel paragrafu, kif ukoll il-proċeduri intiżi sabiex jinkisbu l‑imsemmija kundizzjonijiet tariffarji huma ddefiniti fl-Anness.

    Kull sena, l-Istitut [Belġjan għas-servizzi postali u t‑telekomunikazzjonijiet, (iktar ’il quddiem l-“Istitut”)] għandu jippreżenta lill-Ministru rapport fuq is-sehem relattiv tal-operaturi fin‑numru totali tal-abbonati soċjali, meta mqabbla mas-sehem tagħhom tas-suq ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-telefonija pubblika

    Għandu jinħoloq fond għas-servizz universali fil-qasam tat-tariffi soċjali sabiex jiġu kkumpensati l-fornituri ta’ tariffi soċjali li jkunu għamlu talba, f’dan is-sens, lill-Istitut. Dan il-fond għandu jkollu personalità ġuridika u jkun amministrat mill-Istitut.

    Ir-Re għandu jiddetermina, permezz ta’ digriet diskuss fil-Kunsill tal‑Ministri, u wara li l-Istitut jagħti l-opinjoni tiegħu, il-modalitajiet tal‑funzjonament ta’ dan il‑mekkaniżmu.

    Fil-każ li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti mill-operatur huwa inqas min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad‑dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l‑operatur għandu jħallas din id‑differenza.

    Fil-każ li n-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti mill-operatur huwa ikbar min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad‑dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l‑operatur għandu jirċievi kumpens fl-ammont ta’ din id-differenza.

    Il-kumpensi msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom jitħallsu immedjatament. Il-kumpens effettiv, li jsir permezz tal-fond, għandu jitwettaq immedjatament kif il-fond jibda jopera u, l-iktar tard, matul is-sena ta’ wara d‑dħul fis-seħħ ta’ dan l-Artikolu.

    L-Istitut għandu jikkalkola, skont il-metodu ddefinit fl-Anness, l-ispiża netta tat-tariffi soċjali għall-operaturi kollha li jkunu għamlu talba, f’dan is-sens, lill-Istitut.

    L-Istitut jista’ jiddetermina l-modalitajiet tal-kalkolu tal-ispejjeż u l‑kumpensi sal-limiti stabbiliti mil-liġi preżenti u mill-Anness tagħha.”

    15      L-Artikolu 45a tal-Anness tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, introdott bl‑Artikolu 200 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007, jiddefinixxi l-metodu li għandu jintuża għall-kalkolu tal-ispiża netta tat-tariffi soċjali. L‑imsemmi Artikolu 45a jipprovdi li:

    “L-ispiża netta tat-tariffi soċjali tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul li kieku jkollu l-fornitur ta’ tariffi soċjali f’kundizzjonijiet kummerċjali normali u dak li hu jdaħħal wara li jsir it‑tnaqqis, previst fil-liġi preżenti, favur il-benefiċjarju tat-tariffi soċjali.

    Waqt l-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-liġi, il-kumpens li l‑fornitur storiku ta’ tariffi soċjali jirċievi skont il-każ, għandu jitnaqqas b’perċentwali ffissata mill-Istitut.

    Il-perċentwali msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi ffissata abbażi tal-benefiċċju indirett. L-Istitut għandu jibbaża ruħu fuq il‑kalkoli mwettaq minnu diġà meta ffissa l-ispejjeż netti tal-fornitur storiku tat-tariffi soċjali.”

    16      Skont l-Artikolu 202 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007:

    “Fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 74 tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 […], il-kelmiet ‘Il-kumpensi msemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom jitħallsu immedjatament’ għandhom jiġu interpretati kif ġej:

    Matul il-preparazzjoni tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005 […], fid-dawl tar‑rekwiżiti previsti fid-Direttiva 2002/22 u wara talba f’dan is-sens min-naħa tal-fornitur storiku tas-servizz universali u wara l-iffissar tal‑ispiża netta tas-servizz universali mill-Istitut, il-leġiżlatur, bħala awtorità regolatorja nazzjonali, għamel evalwazzjoni tan-natura irraġonevoli tal-piż. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur qies, bħalma barra minn hekk ġie kkonstatat mill-Kunsill tal-Istat, li sa fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji indiretti kollha, inkluż il-benefiċċju intanġibbli li jista’ jiġi ġġenerat minn dak il-forniment, kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li dan il‑kalkolu juri hija, fil-fatt, piż irraġonevoli.”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17      Base et huma impriżi li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jistgħu joffru s-servizz universali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.

    18      Fis-6 ta’ Novembru 2007, huma ppreżentaw rikors quddiem il‑Grondwettelijk Hof (qorti Kostituzzjonali) għall-annullament tal‑Artikoli 173(3) u (4), 200, 202 u 203 tal-liġi tal-25 ta’ April 2007. Huma sostnew li dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu r-regoli għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-piż li jirriżulta mill-obbligi ta’ servizz universali, b’mod partikolari mill-offerta ta’ tariffi soċjali, huma kuntrarji għall-prinċipju kostituzzjonali ta’ nondiskriminazzjoni. Fil‑fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ipoġġu lil Belgacom NV, li kienet toffri s-servizz universali waħidha qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi tat‑13 ta’ Ġunju 2005, f’sitwazzjoni vantaġġjuża meta mqabbla ma’ dik ta’ Base et, peress illi l-leġiżlatur ikkunsidra, bħala regola, illi l-offerta ta’ servizz universali kienet tikkostitwixxi “piż inġust” għal Belgacom NV filwaqt li għalihom, l-eżistenza ta’ tali piż kellha tiġi kkonstatata u setgħet tiġi riveduta fil-futur mill-Istitut. Huma sostnew ukoll illi, sabiex tiġi stabbilita l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali ta’ Belgacom NV, il-leġiżlatur ibbaża ruħu fuq ċifri ta’ kontabbiltà tal‑2001, filwaqt li fil-konfront tar-rikorrenti, l-Istitut kien ser juża ċifri attwali.

    19      Billi qieset illi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22 kienet neċessarja sabiex tiddeċiedi r-rikors li minnu kienet adita, il‑Grondwettelijk Hof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L‑Artikolu 12 tad‑Direttiva 2002/22 [...] jista’ jiġi interpretat fis‑sens li jippermetti lil‑leġiżlatur kompetenti ta’ Stat Membru, meta jaġixxi fil‑kwalità ta’ awtorità regolatorja nazzjonali, li jikkonstata, b’mod ġenerali u abbażi ta’ stima tal‑ispejjeż netti tal‑fornitur tas‑servizz universali, li preċedentement kien l‑uniku fornitur [ta’ dan is-servizz], li l‑forniment tas‑servizz universali jista’ jirrappreżenta piż inġust fir‑rigward tal‑impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali?”

     Fuq id-domanda preliminari

    20      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat illi d-domanda mressqa tkopri żewġ aspetti. L-ewwel nett, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tad‑Direttiva 2002/22, inkwantu jagħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-kompitu li jevalwaw jekk il-forniment tas-servizz universali jistax jirrapreżenta piż inġust għall-impriżi magħżula għal dan il-għan, jipprekludix illi din l-evalwazzjoni ssir, fuq il-livell formali, mil‑leġiżlatur nazzjonali. It-tieni nett, hija tistaqsi jekk l-imsemmi Artikolu 12 jipprekludix illi din l-evalwazzjoni ssir, fuq il-livell sostantiv, b’mod ġenerali għall-impriżi kollha u b’riferiment għall‑ispejjeż netti tal-fornitur esklussiv tas-servizz universali li qabel kien il‑fornitur storiku.

    21      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina dawn iż-żewġ aspetti tad‑domanda b’mod separat.

     F’dak li jirrigwarda l-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali bħala awtorità regolatorja nazzjonali

    22      L-Artikolu 2(g) tad-direttiva qafas jiddefinixxi l-awtorità regolatorja nazzjonali bħala l-korp jew korpi fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-direttiva jew fid-direttivi speċifiċi. Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2002/22, din id-definizzjoni hija applikabbli għall-finijiet tagħha peress illi hija waħda mid-direttivi speċifiċi msemmija fl‑Artikolu 2(g) tad‑direttiva qafas.

    23      La d-direttiva qafas u lanqas id-Direttiva 2002/22 ma jispeċifikaw il‑korpi tal-Istati Membri li lilhom dawn tal-aħħar għandhom jagħtu d‑doveri regolatorji mogħtija lill-imsemmija awtorità.

    24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar illi mill-Artikolu 249 KE jirriżulta illi l-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, għandhom l‑obbligu illi jiżguraw effett sħiħ ta’ din, waqt li jiddisponu minn marġni diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-mezzi (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑216/05, Ġabra p. I‑10787, punt 26).

    25      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar ukoll illi l-libertà tal-għażla tal‑metodi u tal-mezzi intiżi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ direttiva ma taffetwax l‑obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandu li jadotta kull miżura neċessarja sabiex jiżgura l‑effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’mod konformi mal-għan imfittex mid-direttiva (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April  2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 40).

    26      Anki jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tal‑awtoritajiet regolatorji tagħhom skont l-Artikolu 2(g) tad-direttiva qafas, din l‑awtonomija tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod konformi mal‑għanijiet u l-obbligi definiti f’din id-direttiva (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones, C‑82/07, Ġabra p. I-1265, punt 24).

    27      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jagħti lil-leġiżlatur nazzjonali d‑doveri li jaqgħu fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bis-saħħa tad‑direttiva qafas jew tad-Direttiva 2002/22 ħlief jekk il-korp leġiżlattiv, fl-eżerċizzju ta’ dawn id‑doveri, jissodisfa r-rekwiżiti ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni li għalihom l‑imsemmija direttivi jissuġġettaw lil dawn l-awtoritajiet.

    28      F’dan ir-rigward, mill-ħdax-il premessa tad-direttiva qafas jirriżulta li skont il‑prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali regolatorji bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet, u li dawn għandhom ikunu fil-pussess tar-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan‑numru ta’ impjegati, kapaċità u mezzi finanzjarji, għat-twettiq tax‑xogħol tagħhom.

    29      Huwa b’dan il-mod li, skont l-Artikolu 3 tad-direttiva qafas, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li kull wieħed mid‑doveri assenjati lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jitwettaq minn korp kompetenti, jiggarantixxu l‑indipendenza ta’ dawn l‑awtoritajiet billi jiżguraw li jkunu legalment distinti minn u funzjonalment indipendenti mill-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u jiżguraw li l-imsemmija awtoritajiet jeżerċitaw is-setgħat tagħhom imparzjalment u u b’mod trasparenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, id‑deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu appellabli quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.

    30      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat illi d-Direttiva 2002/22 ma tipprekludix, bħala regola, hija stess, illi l-leġiżlatur nazzjonali jintervjeni fil-kwalità ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tad‑direttiva qafas sakemm, fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, huwa jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza stipulati mill-imsemmija direttivi u li d‑deċiżjonijiet illi huwa jieħu fil-kuntest ta’ din il-funzjoni jistgħu jiġu appellati quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.

    31      Hija l-Grondwettelijk Hof li għandha tivverifika jekk il-leġiżlatur Belġjan, meta intervjena fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħal awtorità regolatorja nazzjonali, għandux jiġi kkunsidrat bħala awtorità regolatorja nazzjonali li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti mid-direttiva qafas u mid-Direttiva 2002/22.

     F’dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-evalwazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali tan-natura inġusta tal-piż li jista’ jirrapreżenta l-forniment tas-servizz universali

    32      Għandu jitfakkar illi d-Direttiva 2002/22 hija intiża sabiex toħloq qafas regolatorju armonizzat li jiggarantixxi, fil-qasam tas-servizzi tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi, il-forniment ta’ servizz universali, jiġifieri, ta’ sett minimu ta’ servizzi speċifiċi lill-utenti finali kollha bi prezz li jista’ jintlaħaq. Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id‑direttiva, wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tiġi żgurata d‑disponibbiltà, mal-Komunità Ewropea kollha, ta’ servizzi ta’ kwalità tajba aċċessibbli għall-pubbliku bis-saħħa ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi (sentenza tad-19 ta’ Ġunu 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-220/07, Ġabra p. I-95, punt 28).

    33      Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-approċċ l-iktar effiċjenti u adattat biex jiżguraw l-implementazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ oġġettività, ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, u għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    34      Kif stipulat fir-raba’ premessa tad-Direttiva 2002/22, il-fatt li jiġi ggarantit servizz universali jista’ jinvolvi l-forniment ta’ xi servizzi lil xi utenti finali bi prezzijiet li jitbiegħdu minn dawk li jirriżultaw mill‑kundizzjonijiet normali tas-suq. Huwa għalhekk illi l-leġiżlatur Komunitarju pprovda, kif jirriżulta mit-tmintax-il premessa tal-istess direttiva, li l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-iffinanzjar tal-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b’telf jew bi spiża netta li tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet normali ta’ ġestjoni kummerċjali.

    35      Għalhekk, b’konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tad‑Direttiva 2002/22, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, meta jqisu li l‑forniment ta’ servizz universali, kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 ta’ din id‑direttiva, jista’ jirrappreżenta piż inġust fuq l-impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ dan il‑forniment.

    36      Għandu jiġi kkonstatat illi, jekk id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) u l-Anness IV tad-Direttiva 2002/22 jistabbilixxu r‑regoli li bihom għandha tiġi kkalkolata l-ispiża netta tal-forniment tas‑servizz universali meta l‑awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu qiesu li dan jirrapreżenta piż inġust, la mill-imsemmi Artikolu 12(1) u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ din id‑direttiva ma jirriżulta li l‑leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb jiffissa hu stess il-kundizzjonijiet li taħthom l-imsemmija awtoritajiet għandhom jikkunsidraw, minn qabel, li l-imsemmi forniment jista’ jirrapreżenta tali piż inġust.

    37      Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tad‑Direttiva 2002/22 jirriżulta li huwa biss fuq il-bażi tal-kalkolu tal‑ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali, kif imsemmi fl‑Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jikkonstataw illi impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizz universali hija effettivament suġġetta għal piż inġust, u li għalhekk l‑Istati Membri għandhom, fuq talba ta’ din l-impriża, jiddeċiedu li jadottaw modalitajiet ta’ kumpens minħabba din l-ispiża.

    38      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, minkejja li, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22, għandu jitfakkar illi tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-punti kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li minnha hija adita, indipendentement mill-fatt jekk din il-qorti għamlitx riferiment għaliha fid-domanda tagħha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C‑251/06, Ġabra p. I‑9689, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

    39      Għalhekk, fid-dawl tat-termini tal-argumenti mressqa quddiem il‑Grondwettelijk Hof fil-kuntest tar-rikors li minnu hija adita, għandu jiġi eżaminat jekk l‑Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 jipprekludix il‑modalitajiet li bihom leġiżlatur nazzjonali bħal-leġiżlatur Belġjan, waqt li aġixxa bħala awtorità regolatorja nazzjonali, ikkonstata li l‑forniment tas-servizz universali kien jikkostitwixxi piż inġust.

    40      F’din il-perspettiva għandu jiġi rrilevat illi skont id-dispożizzjonijiet tal‑inċiż (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2002/22 kif ukoll l-Anness IV tal-imsemmija direttiva, il-kalkolu tal-ispiża netta għandu jsir għal kull impriża maħtura sabiex tipprovdi s-servizz universali.

    41      Barra minn hekk, peress illi l-konstatazzjoni li l-forniment tas-servizz universali jirrapreżenta piż inġust għal waħda jew iktar minn dawn l‑impriżi hija l-premessa meħtieġa sabiex l-Istati Membri jimplementaw mekkaniżmi ta’ kumpens minħabba l-ispejjeż sostnuti minn din jew minn dawn l-impriżi, għandu jiġi stabbilit xi jfisser “piż inġust”, peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit fid-Direttiva 2002/22.

    42      F’dan ir-rigward, mill-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 2002/22 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jorbot l‑mekkaniżmi ta’ kumpens tal-ispejjeż netti li l-forniment tas-servizz universali jista’ jikkawża għal impriża mal-eżistenza ta’ piż eċċessiv fi ħdan din l-impriża. F’dan il-kuntest, peress li kkunsidra illi l-ispiża netta tas-servizz universali mhux neċessarjament tirrapreżenta piż eċċessiv għall-impriżi kollha involuti, huwa kellu l-intenzjoni jeskludi li kull spiża ta’ forniment tas-servizz universali awtomatikament tirriżulta fi dritt għal kumpens. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-piż inġust li l-awtorità regolatorja għandha tikkonstata l-eżistenza tiegħu qabel jingħata kumpens huwa l-piż li, għal kull impriża kkonċernata, huwa eċċessiv fir-rigward tal-kapaċità tagħha li ssostni tali piż, fid-dawl tal‑karatterisitiċi kollha tagħha, b’mod partikolari tal-livell tat-tagħmir tagħha, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha kif ukoll is‑sehem tagħha fis-suq.

    43      Jekk, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni f’dan ir-rigward fid‑Direttiva 2002/22, hija l‑awtorità regolatorja nazzjonali li għandha tispeċifika b’mod ġenerali u impersonali l-kriterji li bihom jiġu stabbiliti livelli li lil hinn minnhom, fid-dawl tal-karatteristiċi msemmija fil-punt preċedenti, piż jista’ jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv, jibqa’ l-fatt illi l‑imsemmija awtorità ma tistax tikkonstata li l-piż tal-forniment tas‑servizz universali ma huwiex ġustifikat, skont l-applikazzjoni tal‑Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ħlief wara li tipproċedi b’eżami partikolari tas-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata fid-dawl ta’ dawn il-kriterji.

    44      Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata li waħda jew iktar mill-impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali huma suġġetti għal piż inġust u jekk din jew dawn l-impriżi jitolbu li jiġu kkumpensati għalih, huwa l-Istat Membru li għandu jimplementa l-mekkaniżmi neċessarji għal dan il-għan skont l‑Artikolu 13(1)(a) tad‑Direttiva 2002/22, li minnu jirriżulta, barra minn hekk li dan il‑kumpens għandu jkun skont l-ispejjeż netti kif ikkalkolati bl‑applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva.

    45      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta illi l-Istati Membri, ma għandhomx, mingħajr ma jinterpretaw ħażin l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/22, jikkonstataw illi l-forniment tas‑servizz universali jikkostitwixxi effettivament piż inġust mingħajr qabel ma jikkalkolaw l-ispiża netta li din tirrapreżenta għal kull impriża li għandha l-inkarigu ta’ dan il‑forniment, u lanqas jevalwaw jekk din l‑ispiża tikkostitwixxix piż eċċessiv fuq l-imsemmija impriża. Barra minn hekk, huma ma jistgħux jadottaw sistema ta’ kumpens fejn il‑kumpens ma jkunx marbut mal-imsemmija spiża netta.

    46      Mill-Artikolu 74 tal-liġi tat-13 ta’ Ġunju 2005, kif interpretat mil-liġi tal-25 ta’ April 2007, jirriżulta illi, sabiex jiġi konkluż illi l-forniment tal-komponent soċjali tas-servizz universali jirrapreżenta piż inġust, il‑leġiżlatur Belġjan qies illi, sa fejn jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil‑kalkolu tal-ispiża netta ta’ dan is-servizz, il‑benefiċċji indiretti kollha, inkluż il-benefiċċju intanġibbli, li jista’ jiġi ġġenerat minn dak il-forniment, “kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li dan il-kalkolu juri hija […] piż irraġonevoli”. Mill-imsemmi Artikolu 74 jirriżulta li l-imsemmi leġiżlatur iddeċieda illi, jekk in-numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti mill‑operatur huwa ikbar min-numru ta’ tnaqqis tariffarju li jikkorrispondi għas-sehem tiegħu tad-dħul mill-bejgħ globali tas-suq tat-telefonija pubblika, dan l-operatur għandu jirċievi kumpens fl‑ammont ta’ din id-differenza.

    47      Sabiex iddeċieda b’dan il-mod, fl-2005, dwar in-natura inġusta tal-piż li jirrapreżenta l-forniment ta’ tariffi soċjali minħabba s-servizz universali, il‑leġiżlatur Belġjan ibbaża ruħu fuq parir mogħti fl-2002 mill-Istitut dwar l‑ispejjeż sostnuti mill-operatur storiku – Belgacom NV – skont estimi għas-sena 2003.

    48      Kif jirriżulta mill-konstatazzjoni fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, ma hemm xejn li jipprekludi illi awtorità regolatorja nazzjonali, peress illi l‑liġi issa tobbliga lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kollha sabiex jipproponu tariffi soċjali, milli tikkunsidra, abbażi tal-informazzjoni bħal dik hawn fuq imsemmija, illi l-ispiża tal-forniment tas-servizz universali “tista’” tirrapreżenta piż inġust, skont l‑Artikolu 12 tad‑Direttiva 2002/22.

    49      Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet li bihom jiġi stabbilit il-piż inġust li jagħti lok għal dritt ta’ kumpens stipulati b’liġi bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jidhrux li huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fl‑Artikolu 13 tad-Direttiva  2002/22.

    50      Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi tikkunsidra illi kull sitwazzjoni ta’ żbilanċ li l‑kalkolu tal-ispiża netta juri hija “piż irraġonevoli”, awtorità regolatorja nazzjonali, bħall-leġiżlatur Belġjan fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l‑ewwel nett tagħti dritt ta’ kumpens lill-operaturi li l-ispejjeż netti sostnuti minħabba l-obbligi ta’ servizz universali illi huma suġġetti għalihom ma jirrapreżentawx bħala tali piż eċċessiv, minkejja illi minn dak li jirriżulta minn dak li ntqal fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jekk sitwazzjoni ta’ żbilanċ hija piż, din ma hijiex neċessarjament piż eċċessiv għal kull operatur.

    51      Fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tan-natura eċċessiva tal-piż marbut mal‑forniment tas-servizz universali tirrikjedi eżami partikolari kull darba tal-ispiża netta li dan il‑forniment jirrapreżenta għal kull operatur ikkonċernat u tal-karatterisitiċi kollha tiegħu, b’mod partikolari tal-livell tat-tagħmir tiegħu, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tiegħu kif ukoll is-sehem tiegħu fis-suq, kif jirriżulta mill-punti 40 u 42  ta’ din is‑sentenza. Madankollu, mill-provi fil-proċess sottomess quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżulta bl-ebda mod illi f’din il-kawża l‑leġiżlatur kien ikkunsidra dawn il-karatteristiċi kollha meta kkonkluda illi l‑forniment tas-servizz universali kien jirrapreżenta piż inġust.

    52      Fit-tielet lok, billi tistipula illi kull spiża dovuta minħabba l-fatt li n‑numru ta’ tnaqqis tariffarju mogħti minn operatur huwa ikbar proporzjonalment mis-sehem tiegħu fis-suq għandha tiġi awtomatikament ikkumpensata, liġi bħal dik tat-13 ta’ Ġunju 2005 tistabbilixxi mekkaniżmu li jwassal għal kumpens mingħajr rabta mal‑ispiża netta tal-forniment tas-servizz universali kif għandu jiġi kkalkolat skont ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

    53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad‑domanda magħmula għandha tkun illi:

    –        id-Direttiva 2002/22 ma tipprekludix, bħala regola, hija stess, illi l-leġiżlatur nazzjonali jintervjeni fil-kwalità ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tad-direttiva qafas sakemm, fl‑eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, huwa jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza stipulati mill-imsemmija direttivi u li d-deċiżjonijiet illi huwa jieħu fil-kuntest ta’ din il-funzjoni jistgħu jiġu appellati quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati, ħaġa li għandha tiġi vverfikata mill-Grondwettelijk Hof;

    –        l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22 ma jipprekludix illi l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata b’mod ġenerali u abbażi tal‑kalkolu tal-ispejjeż netti tal-fornitur tas-servizz universali, li preċedentement kien l-uniku fornitur ta’ dan is-servizz, li l‑forniment tal-imsemmi servizz jista’ jirrappreżenta piż inġust fir‑rigward tal-impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, u

    –        l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 jipprekludi illi l-imsemmija awtorità tikkonstata bl-istess mod u abbażi tal-istess kalkolu illi dawn l‑impriżi huma effettivament suġġetti għal piż inġust minħabba dan il-forniment, mingħajr ma tkun għamlet eżami partikolari tas-sitwazzjoni ta’ kull waħda minnhom.

     Fuq l-ispejjeż

    54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal‑utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) ma tipprekludix, bħala regola, hija stess, illi l‑leġiżlatur nazzjonali jintervjeni fil-kwalità ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tad-direttiva qafas sakemm, fl‑eżerċizzju ta’ din il‑funzjoni, huwa jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kompetenza, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza stipulati mill-imsemmija direttivi u li d-deċiżjonijiet illi huwa jieħu fil‑kuntest ta’ din il-funzjoni jistgħu jiġu appellati quddiem korp indipendenti mill-partijiet ikkonċernati, ħaġa li għandha tiġi vverfikata mill-Grondwettelijk Hof.

    2)      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/22 ma jipprekludix illi l‑awtorità regolatorja nazzjonali tikkonstata b’mod ġenerali u abbażi tal-kalkolu tal-ispejjeż netti tal-fornitur tas-servizz universali, li preċedentement kien l-uniku fornitur ta’ dan is‑servizz, li l-forniment tal-imsemmi servizz jista’ jirrappreżenta piż inġust fir-rigward tal-impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali.

    3)      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/22 jipprekludi illi l‑imsemmija awtorità tikkonstata bl-istess mod u abbażi tal‑istess kalkolu illi dawn l‑impriżi huma effettivament suġġetti għal piż inġust minħabba dan il‑forniment, mingħajr ma tkun għamlet eżami partikolari tas-sitwazzjoni ta’ kull waħda minnhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top