Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0382

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta' Jannar 2011.
    Michael Neukirchinger vs Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich - l-Awstrija.
    rasport bl-ajru - Liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera - Artikolu 12 KE - Kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ uffiċċju rreġistrat - Miżuri amministrattivi.
    Kawża C-382/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:27

    Kawża C-382/08

    Michael Neukirchinger

    vs

    Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich)

    “Trasport bl-ajru — Liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera — Artikolu 12 KE — Kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ uffiċċju rreġistrat — Sanzjonijiet amministrattivi”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Kunċett — Trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri bil-mongolfjera

    (Artikoli 12 KE, 49 KE, 51(1) KE u 80(2) KE)

    2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza — Projbizzjoni

    (Artikolu 12 KE)

    3.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza — Projbizzjoni

    (Artikolu 12 KE)

    1.        It-trasport bl-ajru kummerjċali ta’ passiġġieri bil-mongolfjera jaqa’ taħt il-qasam tat-trasport u, b’mod partikolari, taħt dak tat-traffiku bl-ajru, imsemmi fl-Artikolu 80(2) KE.

    Għalkemm, skont l-Artikolu 80(2) KE, it-trasport marittimu u bl-ajru huwa, sakemm il-leġiżlatur Komunitarju ma jiddeċidix mod ieħor, eżenti mir-regoli tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat, dwar il-politika komuni tat-trasport, xorta jibqa’, bl-istess mod bħat-tipi l-oħra ta’ trasport, suġġett għar-regoli ġenerali tat-Trattat. Madankollu, sa fejn jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont l-Artikolu 51(1) KE, l-Artikolu 49 KE ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru. Kuntrarjament, it-trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri bil-mongolfjera jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk huwa suġġett għal regola ġenerali ta’ dan tal-aħħar bħall-Artikolu 12 KE. Fil-fatt, il-leġiżlatur Komunitarju adotta diversi miżuri abbażi tal-Artikolu 80(2) KE li jistgħu jikkonċernaw tali trasport bl-ajru. Fir-rigward tar-Regolament Nru 2407/92, dwar liċenzjar ta’ air carriers, mill-ewwel żewġ premessi jirriżulta li l-għan imfittex mill-Kunsill, meta adotta l-imsemmi regolament, kien li jistabbilixxi, sal-31 ta’ Diċembru 1992, politika tat-trasport bl-ajru sabiex jiġi stabbilit progressivament is-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital. Issa, dan l-għan wiesa’ jkopri wkoll a priori trasport bl-ajru kummerċjali tal-passiġġieri bil-mongolfjera.

    (ara l-punti 19, 21-23, 26, 27, 29)

    2.        L-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru u taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-liġi, teżiġi li persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkollha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali fil-mongolfjera, għandu jkollha residenza jew uffiċċju rreġistrat fl-ewwel Stat Membru.

    Fil-fatt, minn naħa, il-kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq ir-residenza jwassal fil-fatt għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, peress li hemm riskju li dan ikun prinċipalment għall-ħsara taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, peress li dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq il-lokalità tal-uffiċċju rreġistrat, dan, bħala prinċipju, jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

    (ara l-punti 34, 37, 44 u d-dispożittiv)

    3.        L-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru u taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-liġi, tobbliga lil persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li għandha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali fil-mongolfjera, tikseb liċenzja ġdida mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatatilha fit-tieni Stat Membru.

    Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tintroduċi kriterju ta’ distinzjoni li jwassal għall-istess riżultat bħal kriterju bbażat fuq iċ-ċittadinanza, peress li l-obbligu impost minn din il-leġiżlazzjoni jikkonċerna, prinċipalment, ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

    Ċertament, l-interess tal-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni ttrasportati u l-interess tas-sigurtà tat-traffiku bl-ajru jikkostitwixxu mingħajr ebda dubju għanijiet leġittimi. Madankollu, il-fatt li Stat Membru jobbliga persuna li tikseb liċenzja ġdida, mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatat fi Stat Membru ieħor, ma huwiex proporzjonat mal-għanijiet leġittimi intiżi. Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ, fiż-żewġ Stati Membri, tal-liċenzji ta’ trasport, huma, essenzjalment, l-istess, għandu jiġi kkunsidrat li l-interessi leġittimi ċċitati iktar ’il fuq diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni meta ngħatat l-ewwel liċenzja fl-Istat Membru l-ieħor.

    (ara l-punti 38, 39, 42, 44 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    25 ta’ Jannar 2011 (*)

    “Trasport bl-ajru – Liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera – Artikolu 12 KE – Kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ uffiċċju rreġistrat – Sanzjonijiet amministrattivi”

    Fil-Kawża C‑382/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

    Michael Neukirchinger

    vs

    Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, E. Levits, L. Bay Larsen (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal M. Neukirchinger, minnu stess,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u G. Eberhard, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u M. Szpunar, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    –        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE et seq.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Neukirchinger u Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen (amministrazzjoni tal-canton ta’ Grieskirchen), dwar deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni li timponi fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali multa amministrattiva għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3        L-ewwel tliet premessi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol.  2, p. 3) jipprovdu:

    “[...] hu importanti li tiġi stabbilita politika dwar kull trasport bl-ajru għas-suq intern fuq kull perjodu li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1992 kif provdut fl-Artikolu 8a tat-Trattat;

    [...] is-suq intern għandu jkun fih żona mingħajr fruntieri interni li fiha ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital hi żgurata;

    [...] l-applikazzjoni fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu provduti servizzi, teħtieġ li tieħu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak is-settur.”

    4        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2407/92:

    “1.      Dan ir-Regolament jirreferi għal ħtiġiet għall-għoti u manutenzjoni ta’ liċenzji ta’ ħidma minn Stati Membri għar-rigward ta’ air carriers stabbiliti ġewwa l-Komunità.

    2.      It-tagħbija bl-ajru ta’ passiġġieri, ittri u/jew merkanzija, li ssir minn ajruplani mhux power driven u/jew ajruplani ultra-light power driven, kif ukoll titjiriet lokali li ma jinkludux tagħbija bejn ajruporti differenti, mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament. Għar-rigward ta’ dawn l-operazzjonijiet, għandha tapplika liġi nazzjonali li tirregola liċenzji ta’ ħidma, jekk ikun hemm, u liġi tal-Komunità u nazzjonali dwar iċ-ċertifikat ta’ l-operatur bl-ajru (AOC).”

    5        Ir-Regolament Nru 2407/92 tħassar bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, p. 3). Skont l-Artikolu 28 tiegħu, intitolat “Dħul fis-seħħ”, dan l-aħħar regolament daħal fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li kien il-31 ta’ Ottubru 2008.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6        Il-liġi tat-2 ta’ Diċembru 1957 dwar it-trasport bl-ajru (Luftfahrtgesetz, BGBl. 253/1957), hekk kif emendata bil-liġi ppubblikata fis-26 ta’ Ġunju 2008 [BGBl. I, 83/2008 (iktar ’il quddiem “LFG”)], tipprovdi, fl-Artikolu 11(1) tagħha:

    “L-inġenji tal-ajru huma vetturi adattati għat-trasport bl-ajru ta’ persuni jew ta’ oġġetti (pereżempju: ajruplani, glajders, paramuturi u deltaplani, ornitopetri, elikotteri, ġiroplani u paraxuts), jew vetturi eħfef mill-arja (pereżempju: zeppelini u mongolfjeri).”

    7        L-Artikolu 102(1) tal-LFG jistabilixxi:

    “L-impriżi li, permezz ta’ inġenji tal-ajru mingħajr mutur jew inġenji tal-ajru bil-mutur ultra ħfief, li jixtiequ jittrasportaw, fit-traffiku bl-ajru kummerċjali, passiġġieri, posta u/jew merkanzija jew jeffettwaw unikament titjiriet ċirkulari mingħajr attività ta’ trasport bejn diversi mitjar, għandhom jitolbu lill-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija, jew lill-awtorità kompetenti awtorizzata tagħmel dan taħt l-Artikolu 140b, liċenzja tat-trasport fis-sens tal-Artikoli 104 et seq kif ukoll liċenzja fis-sens tal-Artikolu 108.”

    8        L-Artikolu 104 tal-LFG jipprovdi:

    “1.      It-talba għall-għoti ta’ liċenzja ta’ trasport għandha tindika b’mod konvinċenti l-mezzi finanzjarji disponibbli għall-fondazzjoni u l-operazzjoni tal-impriża.

    2.      It-talba għandha ssemmi fost l-oħrajn:

    a)      l-isem u l-kunjom (isem tal-kumpannija), indirizz (uffiċċju rreġistrat) u lokalità tal-operazzjoni tal-impriża,

    b)      l-isem u l-kunjom, indirizz u ċittadinanza tal-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentaw il-kumpannija,

    c)      l-attivitajiet intiżi, pereżempju: titjiriet ċirkulari,

    d)      […]

    e)      is-settur ta’ titjiria previst, jiġifieri t-territorju fejn l-impriża għandha tiżvolġi l-attività tagħha,

    f)      in-numru u t-tip ta’ inġenji tal-ajru previsti,

    g)      l-organizzazzjoni prevista tal-impriża.

    […]”

    9        L-Artikolu 106 tal-LFG jipprovdi:

    “1.      Il-liċenzja ta’ trasport għandha tingħata meta

    a)      l-applikant ikun ċittadin ta’ waħda mill-partijiet għall-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 2, p. 3)], jirresjedi fl-Awstrija, u għandu l-kwalitajiet ta’ affidabbiltà u ta’ kompetenza neċessarji,

    b)      tiġi ggarantita s-sigurtà tal-operazzjoni u tiġi stabbilita l-kapaċità finanzjarja tal-impriża, u meta

    c)      l-assigurazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 164 jew fir-Regolament (KE) Nru 785/2004 jiġu kuntrattati.

    2.      Jekk l-imprenditur ma huwiex persuna fiżika, l-impriża għandha jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Awstrija u l-essenzjali tal-kapital azzjonarju għandu jkun miżmum minn ċittadini ta’ waħda mill-partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.”

    10      Skont l-Artikolu 108 tal-LFG:

    “1.      L-operazzjoni ta’ impriża ta’ trasport bl-ajru hija awtorizzata biss taħt kopertura ta’ liċenzja mogħtija, fuq it-talba tat-titulari tal-liċenzja ta’ trasport, mill-Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija, jew mill-awtorità kompetenti skont awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 140b (liċenzja operattiva).

    2.      L-operazzjoni għandha tiġi awtorizzata meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liċenzja ta’ trasport jiġu sodisfatti u meta tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku. Il-liċenzja għandha tingħata bil-miktub, taħt piena ta’ nullità.”

    11      Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 169(1) tal-LFG, għandha tiġi imposta sanzjoni pekunjarja ta’ ammont minimu ta’ EUR 3 630 fil-każ ta’ trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri mingħajr il-liċenzji previsti fl-Artikolu 102 tal-imsemmija liġi.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva ta’ natura penali tat-22 ta’ Jannar 2008, imponiet fuq M. Neukirchinger multa ta’ EUR 3 630 konvertibbli f’181 jum ta’ detenzjoni f’każ li ma titħallasx.

    13      Il-persuna kkonċernata ġiet akkużata li, fid-19 ta’ Ġunju 2007, għamlet trasport kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri f’mongolfjera li telqet minn għalqa li tinsab fil-lokalità ta’ Wiex, f’Kallha, fil-Land Oberösterreich, mingħajr ma kellha liċenzja ta’ trasport u lanqas liċenzja operattiva sabiex tagħmel dan, kuntrarjament għal dak li huwa previst rispettivament fl-Artikoli 104 et seq kif ukoll 108 tal-LFG.

    14      M. Neukirchinger, li għandu liċenzja operattiva ta’ trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bil-mongolfjera, maħruġa fil-Ġermanja, ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni amministrattiva quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna, b’mod partikolari, li l-moviment liberu jippermetti lil imprenditur ta’ titjiriet bl-ajru, titulari ta’ liċenzja fil-Ġermanja, li jeżerċita l-attività tiegħu fl-Awstrija.

    15      Fid-dawl tal-fatt li M. Neukirchinger mar provviżorjament fi Stat Membru ieħor fl-okkażjoni ta’ provvista ta’ servizz, il-fatti fil-kawża prinċipali jaqgħu, skont il-qorti tar-rinviju, a priori, taħt id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    16      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li M. Neukirchinger kien ingħata, mil-Landeshauptmann (gvernatur) tal-Land Oberösterreich, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità ajronawtika kompetenti fl-ewwel lok għall-qasam tal-attivitajiet ikkonċernati, awtorizzazzjoni ġenerali ta’ titjir, fis-sens tal-Artikolu 9 tal-LFG, valida matul is-sena 2008 fuq it-territorju kollu tal-imsemmi Land. Il-ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni jimplika wkoll ir-rikonoxximent minn din l-awtorità tal-validità tal-liċenzja mogħtija lil M. Neukirchinger fil-Ġermanja.

    17      Peress li s-soluzzjoni tal-kawża li għandha quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 et seq, l-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      L-Artikoli 49 [KE] et seq għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li persuna stabbilita fi Stat Membru ieħor u li għandha fl-imsemmi Stat liċenzja maħruġa skont is-sistema legali ta’ dan l-Istat sabiex isiru titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera (fil-Ġermanja), sabiex topera titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera fl-Awstrija, għandu jkollha l-uffiċċju rreġistrat jew ir-residenza f’dan l-aħħar Stat (Artikolu 106 [tal- LFG])?

    2)      L-Artikoli 49 [KE] et seq għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li min għandu liċenzja sabiex jopera titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera, u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u awtorizzat skont is-sistema legali ta’ dan tal-aħħar, għandu jikseb liċenzja oħra sabiex jopera titjiriet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, għalkemm ir-rekwiżiti ta’ din il-liċenzja ġdida huma essenzjalment identiċi għal dawk previsti għal-liċenzja diġà maħruġa fl-Istat ta’ oriġini, iżda bil-kundizzjoni addizzjonali li l-applikant għandu jkollu l-uffiċċju rreġistrat jew ir-residenza fl-Istati Membru fejn ser isiru t-titjiriet (f’dan il-każ, fl-Awstrija)?

    3)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 102, 104 u 106, meqjusin flimkien, tal-[LFG] jiksru l-Artikolu 49 [KE] meta l-persuna li għandha liċenzja u li hija stabbilita fil-Ġermanja tkun suġġetta għal [sanzjonijiet] amministrattivi minħabba li użat il-liċenzja tagħha fl-Awstrija u konsegwentement tiġi miċħuda aċċess għas-suq, u sa fejn, skont l-Artikolu 106(1) tal-[LFG], ma tistax tinkiseb din il-liċenzja, u lanqas liċenzja sabiex tibda topera jekk ma jinħoloqx uffiċċju rreġistrat separat u/jew residenza fl-Awstrija u mingħajr ma tiġi rreġistrata mill-ġdid il-mongolfjera fl-Awstrija li diġà ġiet irreġistrata fil-Ġermanja?”

    18      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ April 2010, reġgħet infetħet mill-ġdid il-proċedura orali u l-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar il-kwistjoni ta’ liema hija, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) KE, ir-regola tad-dritt primarju jew tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li tista’, skont il-każ, tapplika għal-libertà li jiġi pprovdut servizz li jikkonsisti fit-trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passaġġieri bil-mongolfjera.

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet preliminari

    19      Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-qasam tat-trasport u, b’mod aktar partikolari, ta’ dak tat-traffiku bl-ajru, imsemmi fl-Artikolu 80(2) KE.

    20      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja fit-Trattat KE, il-kunċett ta’ traffiku bl-ajru fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni għandu jinftiehem li jkopri wkoll trasport li l-qorti tar-rinviju tikkwalifika bħala trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri f’mongolfjera. Barra minn hekk, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Konvenzjoni dwar l-avjazzjoni ċivili internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944, tinkludi wkoll il-mongolfjeri fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    21      Għalkemm, skont l-Artikolu 80(2) KE, it-trasport marittimu u bl-ajru huwa, sakemm il-leġiżlatur Komunitarju ma jiddeċidix mod ieħor, eżenti mir-regoli tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat, dwar il-politika komuni tat-trasport, xorta jibqa’ suġġett għar-regoli ġenerali tat-Trattat (sentenzi tal-4 April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, Ġabra p. 359, punt 32, kif ukoll tat-30 ta’ April 1986, Asjes et, 209/84 sa 213/84, Ġabra p. 1425, punt 45).

    22      Madankollu, sa fejn jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont l-Artikolu 51(1) KE, l-Artikolu 49 KE ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries (France), C-49/89, Ġabra p. 4441, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, magħrufa bħala “sema miftuħ”, C‑467/98, Ġabra p. I‑9519, punt 123).

    23      Fir-rigward ta’ trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri bil-mongolfjera, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrelevat li l-leġiżlatur Komunitarju adotta diversi miżuri abbażi tal-Artikolu 80(2) KE li, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, jistgħu jikkonċernaw din il-forma ta’ traffiku bl-ajru. Dan jgħodd, fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, għar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2002, dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 30) kif ukoll għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, tas-16 ta’ Diċembru 1991, dwar l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 348), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1900/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 377, p. 176).

    24      Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-liċenzji tat-trasportaturi bl-ajru, l-Artikolu 84(2) tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 84(2) tat-Trattat KE, li hu stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 80(2) KE] ġie implementat permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 2407/92, li kien applikabbli fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali.

    25      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2407/92, il-Kunsill eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament il-liċenzji tat-trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari jekk it-trasport bl-ajru isir b’inġenji tal-ajru mingħajr mutur, inkluż, għaldaqstant, b’mongolfjeri. Fir-rigward tat-trasport ta’ din in-natura, il-Kunsill espliċitament ippreċiża, fl-imsemmija dispożizzjoni, li dan it-trasport jaqa’ unikament taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dak li jikkonċerna liċenzji operattivi u taħt il-leġiżlazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna ċ-ċertifikat ta’ trasport bl-ajru.

    26      Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel żewġ premessi tar-Regolament Nru 2407/92, l-għan imfittex mill-Kunsill, meta adotta l-imsemmi regolament, kien li jistabbilixxi, sal-31 ta’ Diċembru 1992, politika tat-trasport bl-ajru sabiex jiġi stabbilit progressivament is-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital. L-obbligu għall-Komunità li tistabbilixxi, sa din id-data, is-suq intern, inkluż fil-qasam tat-trasport, kien previst fl-Artikolu 8A tat-Trattat KEE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 7 A tat-Trattat KE, li hu stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 14 KE).

    27      Issa, dan l-għan wiesa’ jkopri wkoll a priori trasport bl-ajru kummerċjali tal-passiġġieri bil-mongolfjera, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    28      Għalhekk, għalkemm l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2407/92 hija dovuta manifestament għall-fatt li l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tat-trasport bl-ajru ma jiġġustifikawx li trasport bl-ajru kummerċjali tal-passiġġieri bil-mongolfjera, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun suġġett għar-regoli previsti mill-imsemmi regolament, dan madankollu ma jfissirx li, permezz ta’ din l-esklużjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien ippreveda li jeskludi kompletament tali mezz ta’ trasport mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

    29      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li trasport bl-ajru kummerċjali ta’ passiġġieri bil-mongolfjera, bħal dak fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE u għalhekk huwa suġġett għal regola ġenerali ta’ dan tal-aħħar bħall-Artikolu 12 KE.

    30      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li d-domandi li saru jiġu eżaminati fil-perspettiva tal-Artikolu 12 KE, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski, C‑40/05, Ġabra p. I‑99, punt 33, u tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, punt 37).

     Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

    31      Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li, għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru u taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-liġi

    –        teżiġi li persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkollha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali fil-mongolfjera, għandu jkollha residenza jew uffiċċju rreġistrat fl-ewwel Stat Membru, u

    –        tobbliga lil din l-istess persuna tikseb liċenzja ġdida mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatatilha fit-tieni Stat Membru.

    32      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli ta’ trattament ugwali bejn ċittadini u dawk li ma humiex ċittadini jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari abbażi taċ-ċittadinanza, jew fuq fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33      Fl-ewwel lok, sa fejn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi l-eżistenza ta’ residenza jew ta’ uffiċċju rreġistrat f’dan l-istess Stat Membru sabiex ikunu jistgħu jiġu organizzati titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru, tali leġiżlazzjoni tintroduċi kriterju ta’ distinzjoni li huwa bbażat, għall-persuni fiżiċi, fuq il-lokalità tar-residenza tagħhom u, għall-kumpanniji, fuq il-lokalità tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom.

    34      Fir-rigward, minn naħa, tal-kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq ir-residenza, dan iwassal fil-fatt għall-istess riżultat bħal diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, peress li hemm riskju li dan ikun prinċipalment għall-ħsara taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, peress li dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C‑224/97, Ġabra p. I‑2517, punt 14; tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 14, u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 53).

    35      Tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonata għall-għan leġittimu tad-dritt nazzjonali (sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36      Madankollu, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali ġustifikazzjoni teżisti fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    37      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kriterju ta’ distinzjoni bbażat fuq il-lokalità tal-uffiċċju rreġistrat, dan, bħala prinċipju, jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

    38      Fit-tieni lok, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, tobbliga persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkollha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera, tikseb fl-ewwel Stat Membru liċenzja ġdida, mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk tal-liċenzja li diġà ngħatatilha fit-tieni Stat Membru. B’hekk, tali leġiżlazzjoni tintroduċi kriterju ta’ distinzjoni li jwassal fil-fatt għall-istess riżultat bħal kriterju bbażat fuq iċ-ċittadinanza.

    39      Fil-fatt, billi tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-liċenzja maħruġa fit-tieni Stat Membru, tali leġiżlazzjoni timponi fuq il-persuna kkonċernata, jekk din trid torganizza titjiriet kummerċjali bil-mongolfjera fuq it-territorju tal-ewwel Stat Membri, l-obbligu li għal darba oħra terġa’ ssir il-proċedura neċessarja sabiex tinkiseb liċenzja. Issa, l-obbligu impost minn dan l-Istat Membru jikkonċerna, fil-prattika, prinċipalment ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

    40      Il-Gvern Awstrijak isostni li l-obbligu li tinkiseb liċenzja mill-awtoritajiet Awstrijaċi huwa ġġustifikat mill-interess tal-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-persuni ttrasportati u mill-interess tas-sigurtà tat-traffiku bl-ajru. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-konstatazzjoni li saret mill-qorti tar-rinviju li tgħid li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja mogħtija fil-Ġermanja lil M. Neukirchinger, minn naħa, u dawk meħtieġa fl-Awstrija, min-naħa l-oħra, huma, essenzjalment, l-istess.

    41      Fir-rigward tal-imsemmija konstatazzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taqa’ fih id-domanda preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punt 35). Għalhekk ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar evalwazzjoni bħal dik li saret mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tax-xebh bejn il-liġi taż-żewġ Stati Membri kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    42      F’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-interessi li jirreferi għalihom il-Gvern Awstrijak, dawn jikkostitwixxu mingħajr ebda dubju għanijiet leġittimi. Madankollu, il-fatt li Stat Membru jobbliga lil persuna bħal M. Neukirchinger tikseb liċenzja ġdida, mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatat fi Stat Membru ieħor, ma huwiex, kif ġustament josservaw il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, proporzjonat mal-għanijiet leġittimi intiżi. Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ, fiż-żewġ Stati Membri, tal-liċenzji ta’ trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, essenzjalment, l-istess, għandu jiġi kkunsidrat li l-interessi li jirreferi għalihom il-Gvern Awstrijak diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni meta ngħatat l-ewwel liċenzja fil-Ġermanja.

    43      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, fil-verità, diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, aċċentwata bis-sanzjonijiet amministrattivi imposti f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali leġiżlazzjoni.

    44      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi li saru għandha tkun li l-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru u taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-liġi,

    –        teżiġi li persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkollha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali fil-mongolfjera, għandu jkollha residenza jew uffiċċju rreġistrat fl-ewwel Stat Membru, u

    –        tobbliga lil din l-istess persuna tikseb liċenzja ġdida mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatatilha fit-tieni Stat Membru.

     Fuq l-ispejjeż

    45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet bil-mongolfjera f’dan l-Istat Membru u taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-liġi,

    –        teżiġi li persuna residenti jew stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkollha f’dan it-tieni Stat Membru liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ titjiriet kummerċjali fil-mongolfjera, għandu jkollha residenza jew uffiċċju rreġistrat fl-ewwel Stat Membru, u

    –        tobbliga lil din l-istess persuna tikseb liċenzja ġdida mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-għoti huma, essenzjalment, l-istess bħal dawk għal-liċenzja li diġà ngħatatilha fit-tieni Stat Membru.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top