EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0373

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Frar 2010.
Hoesch Metals and Alloys GmbH vs Hauptzollamt Aachen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikolu 24 - Oriġini mhux preferenzjali tal-prodotti - Proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini - Blokok tas-silikon li ġej miċ-Ċina - Separazzjoni, titħin u purifikazzjoni tal-blokok kif ukoll iffiltrar u tisfif tal-kristalli skont id-daqs tagħhom u l-ippakkjar tagħhom fl-Indja - Dumping - Validità tar-Regolament Nru 398/2004.
Kawża C-373/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:68

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Frar 2010 ( *1 )

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 24 — Oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija — Ipproċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini — Blokok tas-silikon li joriġinaw miċ-Ċina — Separazzjoni, titħin u purifikazzjoni tal-blokok kif ukoll iffiltrar u tgħarbil tal-kristalli skont id-daqs tagħhom u l-ippakkjar tagħhom fl-Indja — Dumping — Validità tar-Regolament (KE) Nru 398/2004”

Fil-Kawża C-373/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Hoesch Metals and Alloys GmbH

vs

Hauptzollamt Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u Ó. Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hoesch Metals and Alloys GmbH, minn H. Bleier, Rechtsanwalt,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. M. Berrisch u G. Wolf, Rechtsanwälte

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal, H. van Vliet u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) u l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 398/2004, tat-2 ta’ Marzu 2004, li timponi dazju definit kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tas-silikon li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hoesch Metals and Alloys GmbH (iktar ’il quddiem “Hoesch”) u l-Hauptzollamt Aachen (l-awtorità doganali ta’ Aix-la-Chapelle) dwar l-oriġini mhux preferenzjali tas-silikon li ġej miċ-Ċina u li fl-Indja twettqu fuqu operazzjonijiet differenti ta’ trattament.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini

3

Il-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini (WTO-GATT 1994), mehmuż mal-att finali ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), huwa intiż li jarmonizza r-regoli tal-oriġini u jistabbilixxi, matul perijodu ta’ tranżizzjoni, programm ta’ xogħol ta’ armonizzazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità

4

L-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi:

“Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura”.

5

L-Artikoli 35 sa 40 kif ukoll l-Annessi 10 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), jippreċiżaw, għal ċerti prodotti, il-bidla jew ix-xogħol li jagħti l-oriġini lill-prodotti skont l-Artikoli 24 tal-Kodiċi Doganali. Il-metal silikon mhuwiex inkluż fil-prodotti msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

6

L-intestatura 2804 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 2, p. 382), emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem in-“NM”), jistabbilixxi s-segwenti:

“2804

Idroġenu, gass rari u elementi oħra mhux tal-metall:

[…]

Silikon

28046100

— —

li jkollu piż tal-inqas 99.99% ta’ silikon

28046900

— —

oħra

[…]”

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-miżuri antidumping

7

Id-dispożizzjonijiet dwar l-iffissar tad-dazji antidumping mill-Komunità Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 150, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

8

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

“Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija Komunitarja, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija Komunitarja jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

9

L-Artikolu 5 tal-istess regolament jirregola l-bidu tal-proċeduri ta’ investigazzjoni maħsuba sabiex jistabbilixxu l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kwalunkwe dumping allegat f’ilment.

10

L-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. Fejn ikunu jseħħu dazji provviżorji, għandha tiġi sottomessa proposta għal azzjoni definittiva mhux aktar tard minn xhar qabel ma jiskadu dawn id-dazji. L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġni jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja.”

11

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku:

“[…]

2.   Miżura definittiva kontra l-bejgħ taħt il-prezz [id-dumping] għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.

Reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri kienu x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Probabbiltà bħal din tista’, per eżempju, tiġi indikata b’evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz u ħsara kontinwa jew evidenza li t-tneħħija tal-ħsara hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi ta’ l-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li kienu jindikaw il-probabbilità ta’ aktar bejgħ taħt il-prezz b’dannu.

[…]

5.   Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Ir-reviżjonijiet li jitwettqu skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jitwettqu malajr u normalment għandhom jintemmu fi 12-il xahar mill-bidu tar-reviżjoni. […]

6.   […] Fejn garantit permezz ta’ reviżjoni, il-miżuri għandhom jiġu rrevokati jew miżmuma skond il-paragrafu 2, jew irrevokati, miżmuma jew emendati skond il-paragrafi 3 u 4, mill-istituzzjoni Komunitarja reponsabbli għall-introduzzjoni tagħhom.

[…]”

12

Bir-Regolament (KEE) Nru 2200/90, tas-27 ta’ Lulju 1990, il-Kunsill (ĠU L 198, p. 57) stabbilixxa għal ewwel darba dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-metal silikon li ġejjin miċ-Ċina. Wara n-notifika tal-iskadenza tal-miżuri adottati bir-Regolament Nru 2200/90, li dehru matul ix-xahar ta’ Frar 1995, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba ta’ reviżjoni magħmula minn provi ta’ dumping li s-suġġett tagħhom kien il-prodott inkwistjoni; dawn il-provi tqisu li kienu biżżejjed sabiex tinbeda investigazzjoni. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2496/97, tal-11 ta’ Diċembru 1997 (ĠU L 345, p 1), li jistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-metal silikon li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

13

Il-premessa 24 tar-Regolament Nru 2496/97 tistabbilixxi:

“[…]

Il-marġni tad-dumping, stabbilit f’perċentwali tal-prezz tal-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità, huwa ta’ 68.1%.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 1(2) tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, huwa ta’ 49%.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Wara li f’Marzu 2002 ġiet ippubblikata n-notifika tal-iskadenza pendenti tal-miżuri antidumping, tressqet quddiem il-Kummissjoni talba ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Fit-tmiem ta’ din ir-reviżjoni, il-Kunsill iddeċieda, billi adotta r-Regolament Nru 398/2004, li jżomm il-miżuri stabbiliti mir-Regolament Nru 2496/97.

16

Il-premessa 27 tar-Regolament Nru 398/2004 tistabbilixxi:

“Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġin tad-dumping kien stabbilit abbażi tal-paragun tal-valur medju normali skond il-piż mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni medju skond il-piż, kif msemmi iktar il-fuq. Dan il-paragun wera li d-dumping jeżisti. Il-marġin tad-dumping, mfisser bħala persentaġġ tal-prezz cif fil-frontiera tal-Komunitá bħala dazju mhux imħallas, kien ta’ importanza, jiġifieri 12,5%, għalkemm dan kien ħafna iktar baxx mil-livell stabbiliti fl-investigazzjoni preċedenti.”

17

It-tabella 6 tal-preambolu ta’ dan ir-regolament, dwar il-volum tal-bejgħ tas-silikon tal-industrija Komunitarja fil-Komunità, hija s-segwenti:

“1998

1999

2000

2001

PI

Tunnellati metriċi

86 718

114 587

133 568

128 219

136 421

Indiċi

100

132

154

148

157

Tendenza tal-Y/Y

 

+32%

+17%

- 7%

+ 6%”

18

Il-premessa 51 tal-istess Regolament Nru 398/2004 tistabbilixxi:

“Il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja lill-klijenti fil-Komunitá li ma humiex konnessi żdied b’57% bejn l-1998 u l-PI.”

19

It-tabella 8 tal-preambolu tal-imsemmi regolament, li tesponi s-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja fis-suq tas-silikon, tindika:

“1998

1999

2000

2001

PI

Persentaġġ tas-suq

29,8%

35,2%

34,3%

34,3%

36,7%

Indiċi

100

118

115

115

123”

20

Skont il-premessa 54 tar-Regolament Nru 398/2004:

“Is-sehem fis-suq li għandha l-industrija tal-Komunitá żdied fl-1998 b’29,8% għal 36,7% fil-PI skond Iż-żidea fil-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ dovut minħabba faċilitá ġdida miftuħa fil-Komunitá. Bejn l-1998 u l-1999 saret żieda kbira (+ 5,4% tas-suq) permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ faċilitá ġdida ta’ l-UE fil-manifattura. Bejn l-2001 u l-PI seħħet żieda ftit iżgħar seħħet (+ 2,4 punti ta’ persentaġġ).”

21

Il-premessi 71 sa 74 ta’ dan ir-regolament jinqraw kif ġej:

“(71)

Kif ġie spjegat u mur iktar il-fuq, mill-1998 sa l-2000 l-industrija Komunitarja kienet kapaċi tuża it-34% tat-tkabbir tas-suq u ż-żieda sinifikanti tal-volum tal-bejgħ u tas-sehem fis-suq, għall-ġid tagħha. Minn hemm ’l quddiem, madanakollu, il-volum tal-bejgħ u s-sehem fis-suq staġna u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja (Prezzijiet, profittabilitá, likwiditá ta’ flus) marret għal agħar.

(72)

Ħarsa iktar mil-qrib turi li l-iżviluppi posittivi prinċipali għal-industrija Komunitarja seħħu bejn l-1998 u l-2000. Mill-2000 il-quddiem, ma ġie nnotat l-ebda żvilupp.

(73)

iżviluppi li saru bejn l-1998 u l-2000 jistgħu jkunu attribwiti għad-deċiżjonijiet meħudha mill-industrija Komunitarja l-industrija fl-1998 sabiex tinvesti f’iktar faċilitajiet għall-produzjoni fil-Komunità. Bejn l-1998 u l-2000 il-kapaċitá tal-produzzjoni ta’ l-UE żdiede b’ 26% minn 125000 tunnellata metrika għal 158000 tunnellata metrika. Dawn id-deċiżjonijiet ġew meħudha bħala azzjoni għall-miżuri ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjoni tas-silikon miċ-Ċina, li skond kif imsemmi fil-premess 1, kellhom jiġu estiżi fl-1997. […]. Għalhekk jidher illi l-industrija Komunitarja kienet kapaċi tagħmel użu mill-miżuri ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjoni tas-silikon miċ-Ċina għal-aħjar tagħha. Is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja marret lura bejn l-2000 u l-PI, partikolarment il-prezzijiet li niżlu għal EUR 46 għal kull tunnellata metrika, il-profittabilità niżlet b’7,1 punti ta’ persentaġġ, il-likwiditá tal-flus niżlet b’59%, u l-investimenti naqsu b’55%. L-PI wassal sabiex l-industrija Komunitarja tkun f’sitwazzjoni ta’ telf. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa kkunsidrat li matul l-PI l-industrija Komunitarja sabet ruħha f’posizzjoni fraġli u vulnerabili.

[…]

(74)

L-volum ta’ l-importazzjoni ta’ prodotti miċ-Ċina mibjugħa taħt il-prezz żdied konsiderevolment matul il-perjodu msemmi u x’aktarx kieku l-miżuri kontra d-dumping ma kienux fis-seħħ volum ikbar tal-prodott imsemmi kien jiġi fis-suq tal-Komunità bi prezz baxx ħafna iktar mill-bqija tal-prezzijiet fl-industrija Komunitarja. Fid-dawl tad-dazju ta’ kontra d-dumping fis-seħħ, id-differenza fil-prezzijiet bejn l-prodott importati u dak prodott fl-industrija Komunitarja tista tkun ta’ iktar minn 35% jekk il-miżuri kienu jitħallew jiskadu.”

22

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 398/2004:

“1.   Dazju definittiv kontra d-dumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjoni tas-silikon li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM code 28046900 li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju definittiv ta’ kontra d-dumping li tapplika għal-prezz nett ħieles mill-fruntiera kommunitarja, qabel id-dazju se jkun 49%.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Fil-15 ta’ Ġunju u fit-12 ta’ Awwissu 2004, Hoesch iddikjarat mal-Hauptzollamt Duisburg (il-Ġermanja), il-metal silikon taħt is-subintestatura 28046900 tan-NM sabiex ipoġġih għaċ-ċirkolazzjoni libera. Ir-rikorrenti kienet importat dan il-prodott mill-Indja u ddikjarat dan il-pajjiż bħala l-pajjiż tal-oriġini.

24

Madankollu, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-metal silikon inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġej miċ-Ċina u kien ġie kkonsenjat, fil-forma ta’ blokok ta’ żewġ metri bi tlieta, lill-kumpannija Metplast stabbilita fl-Indja. Din il-kumpannija, imbagħad, wettqet diversi operazzjonijiet fuq dawn il-blokok, fis-sens li huma ġew isseparati, mitħuna u ppurifikati. Il-kristalli li rriżultaw mit-titħin ġew iffiltrati, imkejla skont id-daqs tagħhom, u, fl-aħħar nett, imqiegħda f’pakketti. Il-purifikazzjoni tas-silikon twettqet permezz tal-eliminazzjoni, parzjlament b’mod manwali u parzjalment b’mod mekkaniku, tar-residwu solidu mhux mixtieq preżenti fil-kristalli tas-silikon li jirriżulta mit-titħin tal-blokok. Sussegwentament, il-ħadid li jinsab fis-silikon tneħħa permezz ta’ trattament manjetiku. Wara li twettqu l-operazzjonijiet kollha mill-imsemmija kumpannija, il-grad ta’ purità tal-metal silikon ogħla għal iktar minn 98.5%; skont Hoesch, dan il-grad kien meħtieġ sabiex il-metal silikon ikun jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-liga tal-aluminju. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-grad tal-purità tas-silikon qabel ma ġie importat miċ-Ċina ma kienx magħruf.

25

Wara li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wettaq l-investigazzjonijiet, il-Hauptzollamt Aachen qieset li l-metal silikon inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx is-suġġett ta’ proċessar jew ta’ xogħol sostanzjali fl-Indja u li, għalhekk, ma setax jitqies li kien ġej minn dan il-pajjiż. Għaldaqstant, hija qieset li dan il-prodott kellu jitqies li ġej miċ-Ċina. B’żewġ avviżi ta’ taxxa bid-data tas-6 ta’ Ġunju 2007, din l-awtorità talbet, abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 398/2004, lil Hoesch sabiex hija tiġbor a posteriori d-dazji antidumping għall-ammont ta’ EUR 99974.74.

26

Bir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf, Hoesch talbet l-annullament tal-imsemmija avviżi, u sostniet li s-silikon inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġarrab, fl-Indja, proċessar jew xogħol sostanzjali, u li, għalhekk, għandu jitqies li ġej minn dan il-pajjiż. Skont din il-kumpannija, it-titħin tal-blokok tas-silikon kien wassal għall-ipproċessar ta’ dawn il-blokok fi kristall u l-purifikazzjoni tagħhom, ħaġa li kienet teħtieġ xogħol kunsiderevoli, kienet ippermettiet li jiżdied il-grad ta’ purità tas-silikon. Barra minn hekk, Hoesch teċepixxi l-invalidità tar-Regolament Nru 398/2004.

27

Il-qorti tar-rinviju tqies illi r-riżultat tar-rikors jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk it-trattament imwettaq fl-Indja jikkostitwixix proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, f’liema każ il-metal silikon ma jkunx suġġett għad-dazji antidumping. F’każ ta’ risposta fin-negattiv, hija tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 398/2004 huwiex validu.

28

Hija tqies illi l-kawża ma tirrigwardax il-punt dwar il-portata li jistgħu jkollhom ir-regoli msejħa “tal-lista”, imħejjija mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-għan li tippreċiża l-kunċetti mniżżla fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali u li jinsabu fuq is-sit tal-internet tagħha.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 24 tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-separazzjoni, il-purifikazzjoni u t-titħin tal-blokok tal-metall tas-silikon kif ukoll l-iffiltrar, it-tisfif u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silikon wara t-titħin jikkostitwixxu proċessar jew xogħol kostituttiv tal-oriġinal?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: ir-Regolament [Nru 398/2004] huwa validu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

30

L-ewwel nett, Hoesch tqies li l-oriġini mhux preferenzjali tal-metal silikon għandha tiġi esklużivament stabbilita abbażi tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali u li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, b’mod illi l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li tikkostitwixxi proċessar jew xogħol sostanzjali li jikkonferixxi l-oriġini mhux preferenzjali lill-imsemmi prodott.

31

Skont din il-kumpannija, l-operazzjonijiet imwettqa fl-Indja fuq is-silikon importat miċ-Ċina għandhom jitqiesu bħala proċessar sostanzjali tiegħu, inkwantu l-kunċett ta’ proċessar sostanzjali jista’, f’din il-kawża, jitqies bħala bidla fil-materjali bażiċi sal-punt li huma jiksbu karatteristiċi oħra. Fil-fatt, fit-tmiem tal-operazzjoni ta’ titħin, il-blokok tas-silikon kienu tilfu l-forma inizjali tagħhom. Hoesch tinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha, l-aħħar proċessar ta’ prodott huwa “sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, biss jekk il-prodott li jirriżulta minnu jkollu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifika li dan ma kellux qabel tali proċessar (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Jannar 1977, Gesellschaft für Überseehandel, 49/76, Ġabra p. 41, punt 6). Fil-kawża prinċipali, l-operazzjoni ta’ purifikazzjoni kienet twassal għall-eliminazzjoni tal-impuritajiet ikkontenuti fil-blokok tas-silikon, bidlet l-għan tas-silikon u ppermettiet b’hekk l-użu tiegħu għal-liga tal-aluminju.

32

It-tieni nett, Hoesch issostni li r-rekwiżit tal-bidla fis-subintestatura tariffarja stabbilita mir-regoli tal-lista, bil-kontra għad-diversi regoli tal-oriġini ta’ prodotti, mhijiex imniżżla fost il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, il-bidla fl-intestatura tariffarja ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 24. Barra minn hekk, peress illi r-regoli tal-lista u n-noti introduttivi tal-Kapitolu 28 tal-imsemmi regoli (iktar ’il quddiem in- “noti introduttivi”) ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u kienu disponibbli biss fuq l-internet u bl-Ingliż, dawn ma għandhom l-ebda natura vinkolanti. Madankollu, Hoesch hija tal-fehma, f’każ li kien hemm lok li huma jiġu invokati, li n-noti introduttivi jikkonfermaw l-oriġini mhux preferenzjali tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-imsemmija noti introduttivi jirriżulta li l-operazzjonijiet ta’ purifikazzjoni u ta’ titħin tas-silikon jistgħu jikkostitwixxu, taħt ċerti kundizzjonijiet, proċessar jew xogħol sostanzjali li jikkonferixxulu l-oriġini. Dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-kawża prinċipali.

33

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li r-regoli tal-lista u n-noti introduttivi għandhom jitqiesu sabiex jiġu żgurati, b’mod partikolari, l-uniformità tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u l-konformità tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-obbligi tal-Komunità fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fil-fatt dawn ir-regoli jitfgħu dawl fuq ir-riżultati provviżorji tan-negozjati fil-kuntest tax-xogħol ta’ armonizzazzjoni fi ħdan il-Kumitat dwar ir-regoli tal-oriġini ta’ din l-organizzazzjoni stabbiliti bil-ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini.

34

Barra minn hekk, l-użu, fir-regoli tal-lista, tal-kriterju tal-bidla fis-subintestatura tariffarja, kriterju li skonthu l-prodott ikkonċernat għandu jitqies li ġarrab l-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali biss meta s-subintestatura tiegħu tinbidel, huwa, fil-fehma tal-Kummissjoni, iġġustifikat mill-perspettiva teknika, sa fejn, fil-kawża prinċipali, dan il-kriterju jqies l-operazzjonijiet meħtieġa għall-produzzjoni tal-metal silikon kif ukoll l-għanijiet tal-produzzjoni tiegħu. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni tas-silikon fis-subintestatura 280461 jew 280469 tan-NM tistrieħ fuq il-grad ta’ purità tiegħu, jiġifieri, rispettivament, għall-ewwel subintestatura, grad daqs jew iktar minn 99.9% u, għat-tieni, grad inqas minn 99.9%, u tikkorrispondi wkoll mhux biss għall-użu li jsir minnu, iżda wkoll għax-xogħol meħtieġ għall-produzzjoni ta’ dan il-prodott. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kawża prinċipali, ma tistax issir distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott bażiku, jiġifieri s-silikon fil-forma ta’ blokok tal-metall, u l-kristalli tal-metal silikon miksub wara s-separazzjoni, imbagħad l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar, għaliex dawn l-operazzjonijiet bl-ebda mod ma jbiddlu l-proprjetajiet jew il-kompożizzjoni tal-metal silikon, li jibqa’ silikon metallurġiku li l-għan tiegħu huwa limitat għall-produzzjoni tal-liga tal-aluminju.

35

Madankollu, billi tibbaża ruħha fuq in-noti introduttivi Nri 3 u 4, il-Kummissjoni tqies li l-purifikazzjoni u t-titħin tas-silikon jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, u minkejja n-nuqqas ta’ bidla fl-intestatura tarrifarja, jikkostitwixxu proċessar jew xogħol sostanzjali li jikkonferixxi l-oriġini, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-purifikazzjoni tirrappreżenta stadju fil-produzzjoni li matulhu mill-inqas 80% tal-impuritajiet eżistenti jiġu eliminati jew li wara t-tmiem tiegħu jinkiseb livell ta’ purità li jippermetti użu speċifiku tal-prodott eżistenti, jew, min-naħa l-oħra, li t-titħin jikkorrispondi għal tnaqqis intenzjonali tas-silikon li jwassal għal riżultat partikolari. Issa, il-Kummissjoni tinnota li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-eliminazzjoni ta’ mill-inqas 80% tal-impuritajiet ma ġietx ippruvata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-kristalli tas-silikon miksuba ġew iffiltrati, li jfisser li qabel l-iffiltrar huma kienu ta’ daqs differenti. B’hekk, m’hemmx lok li jitqies li seħħ tnaqqis intenzjonali u kkontrollat tal-blokok tas-silikon.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, is-separazzjoni, it-titħin u l-purifikazzjoni tal-blokok tal-metal silikon kif ukoll l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silkon li jirriżulta mit-titħin jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali.

37

Mill-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li, meta fil-produzzjoni ta’ prodott hemm involuti diversi pajjiżi, il-merkanzija titqies li ġejja mill-pajjiż li fih seħħ l-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali, operazzjoni ekonomikament iġġustifikata, mwettqa minn impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-produzzjoni ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-produzzjoni.

38

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ oriġini tal-merkanzija (ĠU L 148, p. 1), dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali iżda li hija fformulata bl-istess kliem, jirriżulta li l-kriterju deċiżiv huwa dak tal-aħħar proċessar jew xogħol sostanzjali (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C-26/88, Ġabra p. 4253, punt 15 u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C-372/06, Ġabra p. I-11223, punt 32).

39

Fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regoli tal-lista, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2009, HEKO Industrieerzeugnisse (C-260/08, Ġabra p. I-11571, punti 20 u 21) li, għalkemm ir-regoli tal-lista mfassla mill-Kummissjoni jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit l-oriġini mhux preferenzjali tal-prodotti, dawn ir-regoli mhumiex vinkolanti. Minħabba dan, il-kontenut ta’ dawn ir-regoli għandu jkun skont ir-regoli tal-oriġini, kif imsemmija fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, u m’għandux ibiddel il-portata tagħhom. Din l-evalwazzjoni tiswa wkoll għan-noti introduttivi.

40

Bl-istess mod, jekk l-atti rilevanti tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ftehim adottat fil-kuntest tad-WTO, xorta jibqa’ l-fatt li l-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini, attwalment jistabbilixxi biss, programm ta’ xogħol ta’ armonizzazzjoni matul perijodu ta’ żmien tranżitorju. Dan il-ftehim ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni sħiħa, peress li l-membri tad-WTO għandhom marġni ta’ diskrezzjoni dwar kif jadattaw ir-regoli tal-oriġini tagħhom (sentenza HEKO Industrieerzeugnisse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

41

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 24 tal-Kodiċi Doganali, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jirrikorru kemm għan-noti introduttivi u kemm għar-regoli tal-lista, sakemm dan ma jwassalx għal tibdil ta’ dan l-Artikolu (ara sentenza HEKO Industrieerzeugnisse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

42

Fuq il-kwistjoni dwar ir-rilevanza tal-kriterju ta’ bidla fis-subintestatura tariffarja, kriterju li jirriżulta mir-regoli tal-lista, sabiex jiġi stabbilit jekk l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà ddeċidiet li mhuwiex biżżejjed li l-kriterji li jiddefinixxu l-oriġini tal-prodotti jiġu mfittxija fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti pproċessati, peress li t-tariffa doganali komuni tfasslet skont rekwiżiti speċifiċi u mhux skont l-iffissar tal-oriġini tal-prodotti (ara s-sentenzi Gesellschaft für Überseehandel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5, tat-23 ta’ Marzu 1983, Cousin et, 162/82, Ġabra p. 1101, punt 16, kif ukoll HEKO Industrieerzeugnisse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm huwa minnu li l-bidla tal-intestatura tariffarja ta’ prodott, bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ proċessar, tikkostitwixxi indikazzjoni tan-natura sostanzjali tal-ipproċessar jew tax-xogħol tagħha, jibqa’ il-fatt li proċessar jew xogħol jista’ ikun ta’ natura sostanzjali anki mingħajr tali bidla tal-intestatura (sentenza HEKO Industrieerzeugnisse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). Din l-evalwazzjoni tgħodd ukoll għall-bidla fis-subinterstatura tariffarja.

44

Isegwi li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, sabiex jiġi stabbilit jekk l-operazzjonijiet tal-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonferixxux l-oriġini hemm bżonn li jitqiesu kriterji differenti minn dawk ibbażati fuq bidla fis-subintestatura tariffarja.

45

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iffissar tal-oriġini tal-prodotti għandha tkun ibbażata fuq distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott bażiku u l-prodott ipproċessat, essenzjalment minħabba l-kwalitajiet materjali speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gesellschaft für Überseehandel, punt 5, Cousin et, punt 16, kif ukoll HEKO Industrieerzeugnisse, punt 29).

46

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-aħħar proċessar jew xogħol mhuwiex “sostanzjali”, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, ħlief jekk il-prodott li jirriżulta minnu jkollu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi tiegħu li ma kellux qabel dan l-ipproċessar jew ix-xogħol. Operazzjonijiet li jaffettwaw il-preżentazzjoni ta’ prodott għall-użu tiegħu iżda li ma jwasslux għal bidla kwalitattiva sinjifikattiva tal-proprjetajiet tiegħu ma jistgħux jiddeterminaw l-oriġini tal-imsemmi prodott (ara sentenzi Gesellschaft für Überseehandel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 6, tat-23 ta’ Frar 1984, Zentrag, 93/83, Ġabra p. 1095, punt 13, u HEKO Industrieerzeugnisse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

47

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ prodott li ma jwasslux għal bidla sinjifikattiva fil-proprjetajiet u l-kompożizzjoni tiegħu, għax huma jikkonsistu biss fi qsim jew bidla fil-preżentazzjoni tiegħu, ma jikkostitwixxux, min-naħa l-oħra, bidla kwalitattiva sostanzjali biżżejjed li tista’ titqies li waslet għal produzzjoni ta’ prodott ġdid, jew li tikkostitwixxi stadju importanti fil-produzzjoni tal-imsemmi prodott (ara, f’dan is-sens, sentenza Zentrag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

48

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-għażla tal-klassifikazzjoni tas-silikon fis-subintestaturi tarrifarji 280461 jew 280469 tan-NM tistrieħ fuq il-grad ta’ purità tas-silikon, jiġifieri, rispettivament, għall-ewwel subintestatura, grad daqs jew ogħla minn 99.9%, u, għat-tieni, grad inqas minn 99.9%. Skont il-Kummissjoni, hemm lok li jitqies illi differenza tali tikkorrispondi kemm għad-differenza fl-użu tas-silikon kif ukoll għax-xogħol meħtieġ għall-produzzjoni tiegħu.

49

F’dan il-każ, l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tas-silikon twettaq fl-Indja u jinkludi s-separazzjoni, it-titħin, il-purifikazzjoni, l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar tiegħu. L-ewwel nett, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tas-separazzjoni, tal-iffiltrar u tal-ippakkjar, dawn l-operazzjoniet bl-ebda mod ma jibdlu l-proprjetajiet jew il-kompożizzjoni, għaliex huwa jibqa’, wara dawn l-operazzjonijiet tal-ipproċessar, silikon metallurġiku li jservi, skont data li mhijiex ikkontestata inkluża f’dan il-proċess, għall-produzzjoni tal-liga mal-aluminju.

50

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn naħa, it-titħin tal-prodott bażiku f’gradi ta’ finezza differenti ma jistax jitqies bħala proċessar jew xogħol sostanzjali tiegħu, meta l-effett uniku tiegħu huwa li jbiddel il-konsistenza ta’ dan il-prodott u l-preżentazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-użu ulterjuri tiegħu, iżda li ma jwassalx għal bidla sinjifikattiva fil-kwalità tal-prodott bażiku. Min-naħa l-oħra, il-verifika tal-kwalità permezz tas-separazzjoni, operazzjoni li għaliha l-prodott mitħun huwa suġġett, u l-ippakkjar tiegħu, jissodisfaw biss ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott u ma jaffettwawx il-proprjetajiet sostanzjali tiegħu (ara, f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-oriġini tal-kaseina mhux maħduma, sentenza Gesellschaft für Überseehandel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7).

51

B’hekk jidher li s-separazzjoni tal-blokok tal-metal silikon minn naħa, u, l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristali tas-silikon li jirriżultaw mit-titħin tiegħu, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jitqiesu bħala operazzjonijiet li jistgħu jikkonferixxu l-oriġini lill-metal silikon.

52

It-tieni nett, fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-purifikazzjoni u tat-titħin ta’ prodott, jirriżulta min-noti introduttivi li dawn iż-żewġ operazzjonijiet jistgħu jikkonferixxu l-oriġini ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ dawn l-operazzjonijiet, u dan anki fin-nuqqas ta’ bidla fis-subintestatura tariffarja tiegħu. Skont il-kliem tan-nota introduttiva Nru 3, dan japplika għall-purifikazzjoni jekk din titwettaq fi stadju tal-produzzjoni tal-prodott li matulu jiġu eliminati tal-inqas 80% tal-impuritajiet eżistenti. Skont il-kliem tan-nota introduttiva Nru 4, dan japplika wkoll għat-titħin meta dan jikkorrispondi għat-tnaqqis volontarju u kkontrollat, differenti mis-sempliċi tkissir, tal-prodott speċifiku li għandu karatteristiċi fiżiċi jew kimiċi differenti mill-materjali bażiċi.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji li jirriżultaw min-noti introduttivi Nri 3 u 4 jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidla sinjifikattiva fil-kwalità tal-proprjetajiet tas-silikon, id-distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott bażiku u l-prodott ipproċessat u kif ukoll l-għan tas-silikon. B’hekk huma jsegwu l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 45 sa 47 ta’ din is-sentenza. Peress illi l-imsemmija kriterji ma jbiddlux il-portata tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, l-użu tagħhom fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huwa ġġustifikat.

54

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kriterji stabbiliti min-noti introduttivi Nri 3 u 4 ma ġewx issodisfatti fil-kawża prinċipali, għax la ġie ppruvat li l-operazzjoni ta’ purifikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet eliminat 80% tal-impuritajiet eżistenti u lanqas huwa possibbli li jiġi kkonstatat li t-titħin inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondi għal tnaqqsi volontarju u kkontrollat tal-blokok tas-silikon f’partiċelli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-operazzjonijet tal-purifikazzjoni u tat-titħin tas-silikon, kif twettqu fl-Indja, ma jikkostitwixxux proċessar jew xogħol sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, li jippermetti li l-prodott miksub jitqies bħala li ġej mill-Istat li fih twettqu dawn l-operazzjonijiet.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li s-separazzjoni, it-titħin u l-purifikazzjoni tal-blokok tas-silikon u kif ukoll l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silikon li jirriżultaw mit-titħin, bħal dak imwettaq fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali.

Fuq it-tieni domanda

56

Fl-ipoteżi li l-metal silikon inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqies li ġej miċ-Ċina, il-qorti tar-rinviju, permezz tat-tieni domanda tagħha, tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament Nru 398/2004. B’mod speċifiku, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, minn naħa, il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu fuq premessa żbaljata meta stabbilixxa l-eżistenza ta’ ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja u, min-naħa l-oħra, jekk iż-żamma tar-rata ta’ dazju antidumping ta’ 49% permezz tar-Regolament Nru 398/2004 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

Osservazzjonijiet preliminari

57

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qieset, u dan jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, li hemm il-ħtieġa li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss dwar l-istħarriġ tal-validità tar-Regolament Nru 398/2004 fir-rigward tal-eżistenza tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja u taż-żamma ta’ rata ta’ dazju antidumping permezz ta’ dan ir-regolament.

58

Hoesch tqies li r-Regolament Nru 398/2004 huwa invalidu minħabba, minn naħa, żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ġiet stabbilita r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina u l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja u kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-iskadenza tat-terminu proċedurali għal reviżjoni tal-miżuri antidumping.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre desarreaux francophones u germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 18).

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tiġi estiża l-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 398/02004 fir-rigward tal-motivi mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, sentenza Ordre des barreaux francophones u germanophone et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 19).

61

It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-iffissar tal-eżistenza ta’ ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja jippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti adottati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi Ikea Wholesale, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2008, AGST Draht- und Biegetechnik, C-398/05, Ġabra p. I-1057, punt 34).

63

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li ssir evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 398/2004.

Fuq il-fatt li tiġi stabbilita l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja

64

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dubji tagħha dwar il-validità tar-Regolament Nru 398/2004 ġejjin mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill (T-107/04, Ġabra p. II-669) li permezz tagħha hija annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2229/2003, tat-22 ta’ Diċembru 2003, li jimponi dazju definittiv kontra l-fqigħ tas-suq u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importi tas-siliku li joriġinaw fir-Russja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 48, p. 173) minħabba, b’mod partikolari, li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa l-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li r-regolament annullat minn din is-sentenza jirrigwarda l-istess perijodi ta’ investigazzjoni u ta’ referenza bħal dawk relatati mar-Regolament Nru 398/2004 u li l-iżvilupp ekonomiku tas-suq Komunitarju tas-silikon huwa identiku għal dawn iż-żewġ regolamenti, b’mod illi r-Regolament Nru 398/2004 għandu jiġi annullat għall-istess raġunijiet.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li hemm punt essenzjali li jagħmel dawn iż-żewġ regolamenti differenti. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 2229/2003 stabbilixxa għall-ewwel darba dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-metal silikon li ġej mir-Russja u ġie adottat fit-tmiem tal-ewwel investigazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kunsill, permezz tal-imsemmija esportazzjonijiet, kellu jistabbilixxi l-eżistenza tal-ħsara kkawżata lill-industrija Komunitarja. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 398/2004 iżomm l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li ġejjin miċ-Ċina, miżuri li ilhom fis-seħħ mis-sena 1990, u li ġew adottati wara li saret ir-reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li proċedura ta’ reviżjoni hija, bħala regola, oġġettivament differenti minn dik tal-investigazzjoni inizjali, li hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Il-Ġermanja) vs Il-Kunsill, C-422/02 P, Ġabra p. I-791, punt 49).

66

Fil-fatt, id-differenza oġġettiva li teżisti bejn dawn iż-żewġ proċeduri tinsab fil-fatt li l-importazzjonijiet suġġetti għal proċedura ta’ reviżjoni huma dawk li diġà kienu s-suġġett tal-iffissar ta’ miżuri antidumping definittivi u li, dwarhom, bħala regola, kienu tressqu biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit li r-revoka ta’ dawn il-miżuri probabbilment tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara. Min-naħa l-oħra, meta importazzjonijiet ikunu suġġetti għal investigazzjoni inizjali, l-għan tagħha huwa preċiżament li tiddetermina l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ kull dumping allegat, anki jekk il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni jippreżumi l-eżistenza ta’ provi biżżejjed li jiġġustifikaw l-ftuħ ta’ proċedura tali (sentenza Europe Chemi-Con (Il-Ġermanja) vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

67

Mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li ż-żamma tal-miżuri antidumping lil hinn mid-data li fihom huma normalment jiskadu hija possibbli biss meta jiġi stabbilit, waqt reviżjoni, li l-iskadenza tal-miżuri “jiffavorixxu l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara”. Isegwi li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-eżistenza tal-ħsara fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 2229/2003 huma, fihom infushom, bla rilevanza għall-evalwazzjoni tal-validità tar-Regolament Nru 398/2004.

68

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, it-tieni sentenza tal-premessa 71 tar-Regolament Nru 398/2004, li skontha l-volum tal-bejgħ u s-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja “staġna” wara s-sena 2000, u min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet dwar il-volum tal-bejgħ u s-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja, li jinsabu fit-Tabelli 6 u 8 tal-preambolu tal-imsemmi regolament.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-bidu nett li mill-imsemmija Tabella 6 jirriżulta li, bejn is-sena 1998 u s-sena 2000, il-bejgħ tas-silikon tal-industrija Komunitarja żdied b’54%, filwaqt li, bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, dan il-bejgħ irreġistra żieda progressiva ta’ madwar 2.1%. Barra minn hekk, it-Tabella 8 ta’ dan ir-regolament tindika li s-sehem fis-suq miżmum mill-industrija Komunitarja għadda minn 29.8% għal 34.3% bejn is-sena 1998 u s-sena 2000 u minn 34.3% għal 36.7% bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni.

70

Minn dan jirriżulta li għalkemm huwa minnu li l-volum tal-bejgħ tas-silikon u s-sehem fis-suq tal-industrija Komunitarja żdiedu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl ta’ żieda sinjifikattiva tal-volum tal-bejgħ bejn is-sena 1998 u s-sena 2000, jiġifieri 54%, l-industrija Komunitarja waqfet tiżviluppa wara s-sena 2000 u b’hekk tista’ titqies bħala staġnata. Għaldaqstant, ma hemmx kontradizzjoni bejn, minn naħa, it-Tabelli 6 u 8 tal-preambolu tar-Regolament Nru 398/2004 u, min-naħa l-oħra, il-premessa 71 tal-imsemmi regolament.

71

Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li jirriżulta mill-premessa 72 tar-Regolament Nru 398/2004, li l-kontenut tagħha mhuwiex ikkontestat, li, wara s-sena 2000, ma ġie osservat l-ebda titjib notevoli fl-iżvilupp tal-industrija Komunitarja. Bl-istess mod, il-premessa 73 ta’ dan ir-regolament, li mhija lanqas ikkontestata, tipprovdi li, bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja marret lura u saret partikolarment delikata u vulnerabbli matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

72

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2496/97, ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-importazzjonijiet tal-metal silikon li ġej miċ-Ċina, qabel id-dazju, kien ta’ 49%. Għaldaqstant, huwa plawsibbli li s-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi tas-silikon kien inqas sinjifikattiv milli kieku kien ikun fin-nuqqas tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping. F’dan il-kuntest, inkwantu jirriżulta mill-premessa 74 tar-Regolament Nru 398/2004, liema kontenut tagħha mhuwiex ikkontestat, li l-volum ta’ importazzjonijiet li ġej miċ-Ċina suġġetti għal dumping żdied sostanzjalment matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni, u li huwa probabbli li mingħajr il-miżuri antidumping fis-seħħ dak iż-żmien, volumi nettament ogħla mill-prodott ikkonċernat kienu jitqiegħdu għal bejgħ fis-suq tal-Komunità bi prezzijiet baxxi ħafna, inqas mill-prezzijiet tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill ikkonkluda ġustament li kien hemm riskju għoli għall-industrija Komunitarja f’każ ta’ importazzjonijiet Ċiniżi tas-silikon fl-assenza ta’ impożizzjoni ta’ dazji antidumping.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li f’każ li l-miżuri antidumping jiġu rrevokati, ikun hemm il-possibbiltà li l-ħsara terġa’ tidher mill-ġdid.

Fuq iż-żamma tar-rata tad-dazju antidumping

74

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iż-żamma tar-rata tad-dazju antidumping ta’ 49% permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 398/2004, hijiex kompatibbli mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, minkejja l-fatt li l-marġni tad-dumping, li, skont il-premessa 24 tar-Regolament Nru 2496/97, kien ta’ 68.1%, ma kienx iktar minn 12.5% skont il-premessa 27 tar-Regolament Nru 398/2004.

75

F’dan ir-rigward, Hoesch issostni li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li japplika wkoll għal reviżjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 11(5) tal-imsemmi regolament, huwa pprojbit li tiġi stabbilita rata ta’ dwana ogħla mill-marġni antidumping.

76

Hemm lok li jiġi rrilevat, kif indikat ukoll fil-punti 66 u 67 ta’ din is-sentenza, li fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-miżuri antidumping li waslu biex jiskadu, imwettqa taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet Komunitarji għandhom biss jistabbilixxu jekk l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri jiffavorixxux il-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, f’liema każ għandhom jinżammu l-imsemmija miżuri. Jekk dan mhux il-każ, il-miżuri antidumping għandhom jiġu rrevokati. Dan il-fatt huwa kkonfermat mid-diċitura tal-Artikolu 11(6) tal-imsemmi regolament, li skonthu, jekk ir-reviżjonijiet jiġġustifikawhom, il-miżuri għandhom jiġu rrevokati jew jinżammu abbażi tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, filwaqt li mill-imsemmi paragrafu 6 jirriżulta li l-miżuri mhux biss jistgħu jiġu rrevokati u jinżammu, iżda wkoll jiġu emendati abbażi tal-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi artikolu. Għaldaqstant, reviżjoni tal-miżuri li waslu biex jiskadu ma tistax twassal għal bidla fil-miżuri fis-seħħ.

77

Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, tistabbilixxi rekwiżit li skonthu l-ammont tad-dazju antidumping “ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-dumping] stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara lill-industrija Komunitarja”. Issa, fid-dawl tal-ekonomija ġenerali u l-għanijiet tas-sistema deskritta b’dan l-artikolu, dan ma għandux bħala għan li jiġi applikat għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet Komunitarji jistgħu biss, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-miżuri antidumping mwettqa taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, iżommu jew jirrevokaw l-imsemmija miżuri.

78

F’dan il-każ, l-awtoritajiet Komunitarji kkonkludew, fit-tmiem ta’ din ir-reviżjoni, li l-iskadenza tal-miżuri antidumping kienet probabbilment ser twassal għar-rikorrenza tal-ħsara. Għaldaqstant, il-Kunsill ġustament, u skont l-Artikolu 11(2) u (6) tar-Regolament bażiku, iddeċieda li jżomm ir-rata ta’ dazju antidumping ta’ 49%.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-evalwazzjoni tagħha ma żvelat l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 398/2004.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-separazzjoni, it-titħin u l-purifikazzjoni tal-blokok tas-silikon kif ukoll l-iffiltrar, it-tgħarbil u l-ippakkjar sussegwenti tal-kristalli tas-silikon li jirriżultaw mit-titħin, kif magħmul fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxux proċessar jew xogħol li jikkonferixxi l-oriġini fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

 

2)

L-evalwazzjoni tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma żvelat l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 398/2004, li timponi dazju definit kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tas-silikon li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top