Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0340

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-29 ta' April 2010.
The Queen, fuq talba ta' M et. vs Her Majesty’s Treasury.
Talba għal deċiżjoni preliminari: House of Lords - ir-Renju Unit.
Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet marbuta ma’ Oussama ben Laden, in-netwerk Al-Qaida u t-Taliban - Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi - Regolament (KE) Nru 881/2002 - Artikolu2(2) - Projbizzjoni li jitpoġġew fondi għad-dispożizzjoni tal-persuni mniżżla fl-Anness I ta’ dan ir-regolament - Portata - Benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mogħtija lill-konjuġi ta’ persuna mniżżla fl-imsemmi Anness I.
Kawża C-340/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:232

Kawża C-340/08

The Queen, fuq it-talba ta’:

M et

vs

Her Majesty’s Treasury

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-House of Lords)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi diretti kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Regolament (KE) Nru 881/2002 — Artikolu 2(2) — Projbizzjoni li jitpoġġew fondi għad-dispożizzjoni tal-persuni mniżżla fl-Anness I ta’ dan ir-regolament — Portata — Benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mogħtija lill-konjuġi ta’ persuna mniżżla fl-imsemmi Anness I”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Regolament Nru 881/2002 — Diverġenzi bejn il-varji verżjonijiet lingwistiċi

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 561/2003)

2.        Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban — Regolament Nru 881/2002

(Regolament tal-Kunsill Nru 881/2002, kif emendat bir-Regolament Nru 561/2003, Artikolu 2(2))

1.        F’każ ta’ diverġenzi bejn verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma element minnha.

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, kif emendat bir-Regolament Nru 561/2003, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li dan ir-regolament, skont il-premessa 4 tiegħu, huwa intiż sabiex jimplementa. Minbarra dan, test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, bħal dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, iktar partikolarment, mal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Issa, dan il-prinċipju jeħtieġ li leġiżlazzjoni li timponi miżuri restrittivi li għandhom importanza effettiva fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni nominati għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati, inkużi terzi, ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-miżuri tagħhom bħala konsegwenza.

(ara l-punti 44, 45, 64, 65)

2.        L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, kif emendat bir-Regolament Nru 561/2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mħallsa mill-Istat lill-konjuġi ta’ persuna nominata mill-kumitat maħluq skont il-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti  u mniżżla fl-Anness I tar-Regolament, kif emendat, għar-raġuni biss li din il-konjuġi tgħix ma’ din il-persuna nnominata u li hija ser tuża jew tista’ tagħmel użu minn parti minn dawn il-benefiċċji għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi li din il-persuna nnominata tikkonsma jew li minnhom hija wkoll tieħu benefiċċju.

Fil-fatt, il-konvertibbiltà ta’ dawn il-fondi f’mezzi li jistgħu jservu sabiex ikunu sostnuti attivitajiet terroristiċi tidher diffiċilment plawżibbli, speċjalment peress li l-benefiċċji huma ffissati f’livell intiż sabiex ikopri biss il-bżonnijiet strettament tal-għajxien tal-persuni kkonċernati.

(ara l-punti 61, 74 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ April 2010 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni − Miżuri restrittivi diretti kontra persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban − Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Regolament (KE) Nru 881/2002 − Artikolu 2(2) − Projbizzjoni li jitpoġġew fondi għad-dispożizzjoni tal-persuni mniżżla fl-Anness I ta’ dan ir-regolament – Portata − Benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mogħtija lill-konjuġi ta’ persuna mniżżla fl-imsemmi Anness I”

Fil-Kawża C‑340/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

M et,

vs

Her Majesty’s Treasury,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, C. W. A. Timmermans (Relatur), K. Schiemann u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M et, irrappreżentati minn B. Emerson, QC, kif ukoll minn S. Cox, barrister, u minn H. Miller u K. Ashton, solicitors,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn J. Swift, barrister,

–        għall-Gvern Estonjan, L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Boelaert u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afghanistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003, tas-27 ta’ Marzu 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 91, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 881/2002”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawżi bejn M et u Her Majesty’s Treasury (Teżor Pubbliku, iktar ’il quddiem it-“Treasury”) rigward deċiżjonijiet li permezz tagħhom din l-awtorità kkunsidrat li l-għoti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u ta’ assistenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, konjuġi ta’ persuni nominati mill-kumitat maħluq skont il-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1267 (1999) u mniżżla fl-Anness I tar-Regolament Nru 881/2002 [iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“persuna/i nominat(i)”, il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet” u l-“Kunsill tas-Sigurtà”], huwa pprojbit permezz tal-miżura restrittiva stabbilita fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà

3        Fis-16 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li tistabbilixxi l-miżuri applikabbli mill-Istati fil-konfront ta’ Usama bin Laden, ta’ membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u tat-Talibani u ta’ persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom oħrajn, li jirriżultaw inklużi fil-lista maħluqa f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet 1267(1999) u 1333 (2000) tal-istess Kunsill.

4        Skont il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002):

Il-Kunsill tas-Sigurtà “[j]iddeċiedi li l-Istati għandhom jadottaw il-miżuri li ġejjin iktar ’il quddiem fil-konfront ta’ Usama bin Laden, tal-membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom, li jirriżultaw inklużi fil-lista maħluqa skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000), li għandha tkun aġġornata regolarment mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet]:

a)      Jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn ta’ dawn il-persuni, gruppi, impriżi u entitajiet, inklużi l-fondi ġejjin minn proprjetà fil-pussess jew kontrollata, b’mod dirett jew indirett, minnhom stess jew minn persuni li jaġixxu għalihom jew fuq ordnijiet tagħhom, u jiġi żgurat li la dawk il-fondi u lanqas fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn ma jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni, miċ-ċittadini tagħhom jew minn kull persuna oħra li tkun tinsab fit-territorju tagħhom”

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2002) intiża li tiffaċilita l-osservanza tal-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

6        Il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002) jiddisponi li:

“[Il-Kunsill tas-Sigurtà] [j]iddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 2 ta’ [...] tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) ma japplikawx għall-fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħrajn li ġew individwati mill-Istat jew mill-Istati kompetenti li huma:

a)      Neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta’ oġġetti tal-ikel, kera jew ħlas lura ta’ self ipotekarju, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi; [...], bla ħsara li l-Istat jew l-Istati kompetenti jkunu nnotifikaw minn qabel lill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] li huma għandhom l-intenzjoni li jagħtu aċċess skont il-bżonn għal dawn il-fondi, assi jew riżorsi, skont il-bżonn, u bil-kundizzjoni li l-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] ma jiħux deċiżjoni li tmur kontra terminu ta’ tmienja u erbgħin siegħa mill-mument tan-notifika;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

7        Sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2002), fis-27 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK dwar miżuri restrittivi fil-konfront ta’ Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Talibani u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u jħassar il-Posizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 292).

8        Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 4 tiegħu, ir-Regolament Nru 881/2002 ġie adottat sabiex b’mod partikolari tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1390 (2002).

9        L-Artikolu 881/2002 jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin

1)      ‘fondi’ tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ekonomiċi ta’ kull tip […] ;

2)      ‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta’ kull tip, tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi imma li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi;

[…]”

10      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta’, jew fil-pusses ta’, persuna naturali jew ġuridika, [grupp] jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

.2.      L-ebda fond m’għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I.

3.      L-ebda riżors ekonomiku m’għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I, biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista’ tikseb fondi, merkanzija jew servizzi.”

11      Peress li qies li azzjoni tal-Komunità sabiex timplementa r-Riżoluzzjoni 1452 (2002) kienet neċessarja, il-Kunsill adotta, fis-27 ta’ Frar 2003, il-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK, li tikkonċerna l-eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi mposti mill-Posizzjoni Komuni 2002/402/PESK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 80).

12      Il-premessa 4 tar-Regolament Nru 561/2003 tippreċiża li, b’kunsiderazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità,

13      L-Artikolu 2a tar-Regolament Nru 881/2002, li hija dispożizzjoni mdaħħla permezz tar-Regolament Nru 561/2003, jinkludi l-paragrafu 4 li jipprovdi:

“1.      L-Artikolu 2 mhux se japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn:

a)      xi awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif imniżżla fl-Anness II, iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna naturali jew legali konċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:

i)      neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta' oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums ta’ l-assigurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi;

[…] u

b)      determinazzjoni bħal din ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet; u

(ċ)      i)     fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(i), […], il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien 48 siegħa min-notifikazzjoni; jew

[…]

2.      Kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-disposizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tindirizza t-talba tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ l-Istat Membru kif imniżżel fl-Anness II.

L-awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II għandha tinnotifika mill-ewwel bil-miktub kemm lill-persuna li għamlet it-talba, kif ukoll lil kull persuna, korp jew entita' magħrufa li huma direttament konċernati, jekk it-talba intlaqgħetx.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lil Stati Membri oħra jekk it-talba għal eċċezzjoni bħal din intlaqgħetx.

[…]”

14      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 881/2002 jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti meta jinkisru d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Sanzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

[…]

3.      Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli milli jibda proċeduri kontra kull persuna naturali jew ġuridika, grupp jew entità fil-ġurisdizzjoni tagħha, f’każijiet ta’ vjolazzjoni ta’ xi projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament minn kull persuna, grupp jew entità bħal din.”

15      It-Treasury huwa elenkat bħala awtorità kompetenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-Anness II tar-Regolament Nru 881/2002.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16      Id-digriet dwar Al-Qaida u t-Taliban (miżuri tan-Nazzjonijiet Uniti) tal-2002 [The Al-Qa’ ida and Taliban (United Nations Measures) Order 2002, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2002”] huwa intiż, skont il-preambolu tiegħu, li jagħti effett, b’mod partikolari, għar-Riżoluzzjonijiet 1390 (2002) u 1452 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà.

17      L-Artikolu 7 tad-digriet tal-2002, bl-isem “Fondi għad-dispożizzjoni ta’ Usama bin Laden u l-assoċjati tiegħu”, jgħid hekk:

“Kull min, ikun poġġa fondi għad-dispożizzjoni ta’ persuna mniżżla fil-lista jew ta’ persuna li taġixxi f’isem persuna mniżżla fil-lista, ħlief f’każ ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mit-Treasury skont dan l-artikolu, ikun ħati ta’ reat taħt dan id-digriet.”

18      L-Artikolu 20 tad-digriet tal-2002, intitolat “Pieni u proċeduri”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna ħatja ta’ reat skont l-Artikoli [...] 7 [...] tkun punibbli:

(a)      wara kundanna, wara li tkun ġiet akkużata, b’piena ta’ priġunerija li ma tistax taqbeż seba’ snin u/jew b’multa; jew

(b)      wara kundanna sommarja, b’piena ta’ priġunerija li ma tistax taqbeż sitt xhur u/jew b’multa li ma tistax taqbeż il-massimu previst bil-liġi.”

19      Mis-16 ta’ Novembru 2006, id-digriet tal-2002 ġie emendat bid-digriet fuq Al-Qaida u t-Taliban (miżuri tan-Nazzjonijiet Uniti) tal-2006 [The Al-Qa’ida and Taliban (United Nations Measures) Order 2006, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2006”].

20      Skont l-Artikolu 7 tad-digriet tal-2006, intitolat “Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuni nominati”:

“(1)      La l-persuna nnominata u lanqas persuna oħra ma tista’ timmanipola fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma ta’, fil-pussess ta’ jew miżmuma minn persuna indikata fil-paragrafu 2, ħlief f’każ ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 11.

(2)      Il-projbizzjoni tal-paragrafu 1 tapplika:

a)      għal kull persuna nominata,

b)      għal kull persuna li tappartjeni jew li hija kkontrollata, direttament jew indirettament, minn persuna nominata u

c)      għal kull persuna li taġixxi f’isem jew skont l-ordnijiet ta’ persuna nominata.

(3)      Kull min jikser il-projbizzjoni fil-paragrafu (1) jikkommetti reat.”

21      L-Artikolu 8 tad-digriet tal-2006, intitolat “Dispożizzjoni ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi lil persuni nominati” jipprovdi:

“1      Persuni ma jistgħux ipoġġu, direttament jew indirettament, fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’, jew għall-benefiċċju ta’ persuna indikata fl-Artikolu 7(2) mingħajr ma jiksbu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11.

(2)      Kull min jikser il-projbizzjoni fil-paragrafu (1) jikkommetti reat.

[…]”

22      L-Artikolu 11 tad-digriet tal-2006, bl-isem “Awtorizzazzjonijiet” jipprovdi

“(1)      It-Treasury jista’ jagħti awtorizzazzjoni biex jiġu eżentati l-atti speċifikati fiha mill-projbizzjonijiet fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1).

(2)      Awtorizzazzjoni tista’ tkun

(a)      ġenerali jew mogħtija lil kategorija ta’ persuni jew lil persuna partikolari;

(b)      suġġetta għal kundizzjonijiet;

(c)      għal perijodu determinat jew indeterminat.

(3)      It-Treasury jista’ jimmodifika jew jirrevoka l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe mument.

[…]

(6)      Kull min jaġixxi abbażi ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma jkun osserva l-kundizzjonijiet stabbilita fiha jikkommetti reat.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

23      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw diversi benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza, bħal sussidji addizzjonali, allowances ta’ sussistenza għad-diżabbiltà, allowances tal-familja, allowances għal akkomodazzjoni u tnaqqis mit-taxxa lokali mogħtija lil M et, rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma konjuġi ta’ persuni nominati u li jirrisjedu ma’ dawn il-persuni u mat-tfal tagħhom fir-Renju Unit.

24      Permezz tad-deċiżjonijiet, meħuda fix-xahar ta’ Lulju 2006 u validi għal perijodu indeterminat, it-Treasury kkunsidra li dawn il-ħlasijiet jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002.

25      Peress li s-somom inkwistjoni jistgħu jkunu ddestinati sabiex ikopru spejjeż bażi ta’ ħtiġiet tal-ħajja tad-dar li jagħmlu parti minnha l-persuni nominati, bħax-xiri ta’ ikel għall-ikliet flimkien, dawn huma, skont it-Treasury, indirettament disponibbli għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      It-Treasury ddeċieda li dawn il-ħlasijiet ma jistgħux, konsegwentement, iseħħu ħlief jekk jaqgħu taħt deroga skont l-Artikolu 2a tar-Regolament Nru 881/002 taħt il-forma ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Digriet tal-2002.

27      It-Treasury ta awtorizzazzjonijiet, flimkien ma’ diversi kundizzjonijiet, lil diversi awtoritajiet pubbliċi, li jippermettulhom li jkomplu jħallsu l-benefiċċji soċjali lil kull waħda mill-konjuġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      M et ikkontestaw dawn id-deċiżjonijiet, fejn sostnew li dawn il-ħlasijiet ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002.

29      Wara li ressqu l-każ tagħhom fl-ewwel istanza u fl-appell, M et ressqu l-kawżi prinċipali quddiem il-House of Lords.

30      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-obbligi li ġejjin huma imposti fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 7 tad-digriet tal-2002.

–        il-benefiċċji inkwistjoni għandhom jitħallsu f’kont bankarju, li minnu l-konjuġi kkonċernata tista’ tiġbed biss GBP 10 fi flus għal kull membru li jagħmel parti mill-ħajja tad-dar, u l-ħlasijiet l-oħra li jsiru minn dan il-kont għandhom isiru permezz ta’ karta ta’ debitu;

–        il-konjuġi kkonċernata għandha l-obbligu li titrażmetti kull xahar dikjarazzjoni lit-Treasury, li fiha l-ispejjeż kollha tagħha tax-xahar preċedenti jitniżżlu, flimkien mal-irċevuti relatati mal-oġġetti mixtrija u kopja tad-dikjarazzjonijiet bankarji stabbiliti kull xahar. Dawn l-irċevuti jistgħu jiġu kkontrollati mit-Treasury sabiex jiġi vverifikat li dan ix-xiri ma jeċċedix l-ispejjeż bażiċi, u

–        l-awtorizzazzjoni tirriżulta minn avviż li jwissi l-konjuġi kkonċernata fuq il-fatt li d-dispożizzjoni għall-benefiċċju lill-konjuġi tagħha, persuna nominata, ta’ flus, assi finanzjarji jew ta’ riżorsi ekonomiċi jikkostitwixxi reat.

31      Din il-qorti tqis li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 ma jirrikjedix mekkaniżmu daqshekk intrużiv u tressaq l-argumenti li ġejjin f’dan ir-rigward:

–        dan il-mekkaniżmu ma huwiex meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li jikkonsisti li jiġi prekluż li fondi ma jintużawx għal għanijiet terroristiċi. Huwa diffiċli li wieħed jifhem kif l-infiq ta’ ammonti għal spejjeż domestiċi kurrenti, bħax-xiri ta’ oġġetti tal-ikel, li minnhom persuna nominata tieħu vantaġġ permezz ta’ oġġetti, jista’ joħloq riskju kwalunkwe ta’ abbuż ta’ dawn l-ammonti għal għanijiet terroristiċi, meta l-ammonti tal-benefiċċji soċjali inkwistjoni kienu barra minn hekk ikkalkolati bir-reqqa sabiex ma jaqbżux il-bżonnijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji;

–        interpretazzjoni wiesgħa tal-kliem “għall-benefiċċju ta’” kif tinsab fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002, ma hijiex koerenti mal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament li jipprojbixxi d-disponibbiltà ta’ riżorsi ekonomiċi unikament meta din tippermetti lill-persuni nominati “[jiksbu] fondi, merkanzija jew servizzi”;

–        it-Treasury jinterpreta t-termini li jinsabu fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/002 bħala li jifissru “assenjati jew mogħtija għall-benefiċċju ta’”. Issa, fid-dawl tal-għan segwit minn dan ir-regolament, huwa iktar probabbli li l-awtur ta’ dan ir-regolament kien xtaq jagħti lil dawn it-termini s-sens ta’ fondi mogħtija għad-dispożizzjoni jew użati għall-benefiċċju ta’ persuna nominata bħala dik li tista’ tużahom għal għanijiet terroristiċi, u

–        l-interpretazzjoni mogħtija mit-Treasury tipproduċi riżultat disproporzjonat u abbużiv. Hija timplika li kull persuna li tagħti flus lil konjuġi ta’ persuna nominata, bħal min iħaddimha jew il-bank tagħha, għandha titlob awtorizzazzjoni għar-raġuni biss li din il-konjuġi tgħix ma’ persuna nominata u li xi parti mill-infiq tagħha tista’ tintuża għall-benefiċċju ta’ tali persuna. Minbarra dan, il-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni huma tali li l-konjuġi ma hijiex fil-pożizzjoni li tuża l-flus tagħha stess, indipendentement mill-ammont tad-dħul tagħha, mingħajr ma tagħti akkont lit-Treasury ta’ kull element tal-infiq tagħha. Dan jikkostitwixxi intrużjoni mhux normali fil-ħajja privata ta’ persuna li ma hijiex imniżżla fil-lista inkwistjoni.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja::

“L-Artikolu 2(2) tar-Regolament [...] Nru 881/2002 japplika għall-għoti mill-Istat ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza soċjali lill-konjuġi ta’ persuna nnominata [...] fuq il-bażi biss li l-konjuġi toqgħod mal-persuna nnominata u ser tuża jew tista’ tuża parti minn dawn il-flus sabiex tħallas għal oġġetti jew servizzi li din ta’ l-aħħar sejra tikkonsma jew tibbenefika minnhom?”

 Fuq id-domanda preliminari

33      Fil-kawżi prinċipali, il-Treasury sostna li japplika l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza inkwistjoni għall-konjuġi ta’ persuni nominati billi bbaża fuq it-test ta’ din id-dispożizzjoni fil-verżjoni tagħha fil-lingwa Ingliża, peress li din kienet ukoll il-lingwa ta’ proċedura ta’ din il-kawża.

34      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk id-domanda preliminari tistax tkun risposta billi ssir interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002, li jeħtieġ paragun mal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni.

35      Skont il-verżjoni Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni, “[l]-ebda fond m’għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju” (“[n]o funds shall be made available, directly or indirectly, to, or for the benefit of”) ta’ persuna nominata.

36      It-Treasury, bħall-qrati kollha li quddiemhom tressqu l-kawżi prinċipali fl-ewwel istanza u fl-appell kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, minn dan jiddeduċu li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/002 tkopri d-disponibbiltà indiretta ta’ fondi għall-benefiċċju ta’ persuna nominata.

37      Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll meta l-fondi huma mogħtija għad-dispożizzjoni ta’ persuna li ma hijiex persuna nominata, iżda din tal-aħħar tieħu benefiċċju indirettament minnhom. Issa, dan huwa l-każ fil-kawżi prinċipali peress li l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza inkwistjoni huma kkalkolati u mogħtija għall-benefiċċju tal-ħtiġiet tal-ħajja tad-dar, inkluża l-persuna nominata li tagħmel parti minn din id-dar.

38      F’dan ir-rigward, jekk id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 ikkunsidrata mit-Treasury tidher ukoll li tista’ tkun fondata fuq ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-veżjonijiet fil-lingwa Ungeriża, Olandiża, Finlandiża u Svediża, madankollu għandu jiġi kkonstatat li t-test ta’ din id-dispożizzjoni f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Franċiża, Portugiża u Rumena, huwa differenti.

39      Fil-fatt, minn dawn l-aħħar verżjonijiet lingwistiċi jidher li, minbarra d-disponibbiltà, direttament jew indirettament, ta’ fondi, huwa pprojbit ukoll li fondi jkunu “użati għall-benefiċċju ta’” persuna nominata.

40      F’dawn il-verżjonijet lingwistiċi, il-benefiċċju allegatament meħud minn persuna nominata huwa marbut mhux mad-disponibbiltà, iżda mal-użu ta’ fondi. Minbarra dan, f’dawn l-istess verżjonijiet lingwistiċi, il-kliem “direttament jew indirettament” jirrigwardaw id-disponibbiltà u mhux l-użu tal-fondi.

41      L-eżami b’mod iżolat, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar verżjonijiet lingwistiċi, ma jippermettix li jiġi sostnut li, billi taw għad-dispożzzjoni benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza lill-konjuġi ta’ persuni nominati, l-awtoritajiet inkwistjoni kienu minħabba dan il-fatt użaw dawn il-fondi “għall-benefiċċju” ta’ persuna nominata. Fil-fatt mhumiex dawn l-awtoritajiet, iżda l-konjuġi tal-persuni nominati li għalihom il-fondi inkwistjoni huma disponibbli li jużawhom sussegwentement sabiex jixtru oġġetti jew servizzi li huma jipprovdu bħala għajnuna f’oġġetti lill-persuni nominati sabiex ikopru l-ispejjeż bażiċi tal-ħtiġiet tal-ħajja tad-dar li tagħha dawn il-persuni jagħmlu parti.

42      Minbarra dan, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn ukoll, bħall-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u Taljana, ma jaqgħux taħt wieħed miż-żewġ grupppi fil-verżjonijiet lingwistiċi deskritti preċedentement, iżda jużaw terminoloġija li hija unikament tagħhom.

43      Għalhekk, dawn il-verżjonijiet jipprojbixxu, minbarra d-disponibbiltà, direttament jew indirettament, ta’ fondi lil persuna nominata, li fondi jistgħu “jibbenefikaw” (“zugute kommen”) lil tali persuna, jew li fondi jiġu “allokati għall-benefiċċju” (“stanziar[e] a […] vantaggio”) ta’ tali persuna.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għalhekk, f’każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma element minnha (ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Plato Plastik Robert Frank, C-341/01, Ġabra p. I-4883, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Minbarra dan, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 881/2002, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li dan ir-regolament, skont il-premessa 4 tiegħu, huwa intiż sabiex jimplementa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 297 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Skont il-paragrafu 2(a) tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), l-Istati għandhom “jiżguraw li la dawn il-fondi u lanqas fondi [li jappartjenu lil persuni, lil gruppi jew lil impriżi jew lil entitajiet assoċjanti mniżżla fil-lista sabbilita skont Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) u 1333 (2000)], assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ dawn il-persuni, miċ-ċittadini tagħhom jew minn kull persuna oħra li tkun tinsab fit-territorju tagħhom.

47      Għalkemm l-espressjoni “għal benefiċċju ta’” li tinsab fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża ta’ dan il-paragrafu 2(a) tidher li tindika li d-disponibbiltà ta’ assi finanzjarji jew ta’ riżorsi ekonomiċi hija pprojbita biss jekk dawn jistgħu jintużaw mill-persuni nominati għall-attivitajiet li huma relatati mat-terroriżmu, għandu madankollu jiġi kkonstatat li verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali oħrajn ta’ din id-dispożizzjoni ma jwasslux li ssir interpretazzjoni mhux ekwivoka f’dan is-sens fuq il-bażi ta’ dan it-test biss.

48      Fil-fatt, fil-verżjoni fil-lingwa Spanjola, din l-espressjoni ma tidhirx, peress li din il-verżjoni tindika biss li għandu jiġi pprojbit li assi jingħatw għad-dispożizzjoni “ta’ dawn il-persuni” (“de esas personas”). Il-verżjoni fil-lingwa Ingliża hija differenti wkoll peress li hija tipprovdi li huwa pprojbit li assi jkunu disponibbli “għall-benefiċċju ta’ tali persuni”) (“for such persons’ benefit”).

49      Fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi kemm tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 kif ukoll tal-paragrafu 2(a) tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) hekk ikkonstatati, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 għandu jiġi interpretat skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element u li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-għan tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002).

50      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 2(a) tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), il-paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni 1822 (2008), adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fit-30 ta’ Ġunju 2008, jipprovdi li dawn “japplikaw għar-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji ta’ kwalunkwe tip […] użati insostenn tan-netwerk ta’ Al-Qaida, Usama bin Laden u t-Taliban, kif ukoll il-persuni, il-gruppi, l-impriżi u l-impriżi li huma assoċjati magħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

51      Barra minn hekk, f’dokument ta’ informazzjoni tal-11 ta’ Settembru 2009, intitolat “Spjegazzjoni tat-termini li jikkonċernaw l-iffriżar tal-assi” disponibbli fuq is-sit tal-Internet mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, dan il-kumitat indika li “[l]-għan tal-iffriżar tal-assi huwa li jċaħħad lil persuni, gruppi, impriżi u entitajiet li isimhom huwa mniżżel fil-[lista stabbilita mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet]” minn mezzi sabiex isostnu t-terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52      F’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 881/2002, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan tiegħu huwa li jipprekludi lill-persuni nominati li jkollhom kwalunkwe riżors finanzjarju u ekonomiku, sabiex ikun prekluż il-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C-117/06, Ġabra p. I-8361, punt 63).

53      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-għan essenzjali u s-suġġett ta’ dan ir-regolament huwa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, b’mod partikolari li jkunu maqtugħa r-riżorsi finanzjarji tiegħu billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma assoċjati miegħu (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 169).

54      Minn dan jirriżulta li l-għan tas-sistema ta’ ffriżar tal-assi tal-persuni nominati, li tagħha tagħmel parti l-projbizzjoni ta’ disponibbiltà ta’ fondi stabbilita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002, huwa li jipprekludi li dawn il-persuni jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji, indipendentement min-natura tagħhom, li huma jistgħu jużaw sabiex isostnu attivitajiet terroristiċi.

55      Dan l-għan huwa barra minn hekk rifless fil-kwalifika li tinkludi d-definizzjoni li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 881/2002 tal-kunċett ta’ “riżorsi ekonomiċi” bħala “assi ta’ kull tip, [...] li mhumiex fondi imma li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi” kif ukoll il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament li jingħataw għad-dispożizzjoni ta’ persuni nominati riżorsi ekonomiċi “biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista’ tikseb fondi, merkanzija jew servizzi”.

56      Fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 881/2002, din il-kwalifika għandha tinftiehem fis-sens li l-miżura ta’ ffriżar tar-riżorsi ekonomiċi tapplika biss għal assi li jistgħu jinbidlu f’fondi, oġġetti jew servizzi li jistgħu jintużaw sabiex ikunu sostnuti attivitajiet terroristiċi.

57      Huwa veru li la d-definizzjoni tal-fondi li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 881/2002 u lanqas il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ disponibbiltà ta’ fondi prevista fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament ma jinkludu tali kwalifika. Madankollu, dan in-nuqqas huwa spjegat miċ-ċirkustanza li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi speċifikament għal fondi, li, jekk ikunu, direttament jew indiretament, mogħtija għad-dispożizzjoni ta’ persuna nominata, iwasslu, minnhom infushom, għal riskju ta’ abbuż sabiex ikunu sostnuti tali attivitajiet terroristiċi.

58      Issa, fil-kawżi prinċipali, l-interpretazzjoni mogħtija mit-Treasury lill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 ma hijiex fondata fuq xi riskju li l-fondi inkwistjoni jistgħu jiġu abbużati sabiex ikunu sostnuti attivitajiet terroristiċi.

59      Ma kienx ġie sostnut li l-konjuġi kkonċernati jitrażmettu mill-ġdid dawn il-fondi lil persuna nominata minflok ma jużawhom għall-ispejjeż bażiċi tal-ħtiġiet tal-ħajja tad-dar tagħhom. Tali abbuż ta’ fondi huwa barra minn hekk kopert mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament u jikkostitwixxi skont id-dritt nazzjonali applikabbli reat li jiġi punit b’pieni kriminali.

60      Ma huwiex ikkontestat li, fil-kawżi prinċipali, il-fondi inkwistjoni huma effettivament użati mill-konjuġi kkonċernati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali tal-ħtiġiet tal-ħajja tad-dar li tagħha jagħmlu parti l-persuni nominati.

61      Issa, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvertibbiltà ta’ dawn il-fondi f’mezzi li jistgħu jservu sabiex ikunu sostnuti attivitajiet terroristiċi tidher diffiċilment plawsibbli, speċjalment peress li l-benefiċċji inkwisjtoni fil-kawża prinċipali huma ffissati f’livell intiż sabiex ikopri biss il-bżonnijiet strettament tal-għajxien tal-persuni kkonċernati.

62      Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju f’oġġetti li persuna nominata jista’ jieħu indirettament minn allowances soċjali mħallsa lill-konjuġi tiegħu ma jistax jikkomprometti l-għan tar-Regolament Nru 881/2002 li, kif intqal fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, huwa li jipprekludi li l-persuni nominati jistgħu jkollhom aċċess għal riżorsi ekonomiċi jew finanzjarji ta’ kwalunkwe tip li huma jistgħu jużaw sabiex isostnu attivitajiet terroristiċi.

63      Konsegwentement, fid-dawl tad-diverġenzi kkonstatati fil-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002, din id-dispożizjzoni għandha, fid-dawl tal-għan tagħha, tiġi interpretata fis-sens li hija ma tapplikax għall-ħlas ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

64      Minbarra dan, għandu jitfakkar li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, iktar partikolarment, mal-prinċipju taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Issa, dan il-prinċipju jeħtieġ li leġiżlazzjoni bħar-Regolament Nru 881/2002 li timponi miżuri restrittivi li għandhom importanza effettiva fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni nominati (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 375) u li, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, tinkludi, fid-dritt nazzjonali, sanzjonijiet, f’dan il-każ ta’ natura penali, f’każ ta’ ksur ta’ dawn il-miżuri, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati, inkużi terzi bħal korpi ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-miżuri tagħhom bħala konsegwenza.

66      F’dan il-kuntest, interpretazzjoni li tmur kontra dik li tinsab fil-punt 63 ta’ din is-sentenza tirriskja li tati lok għal inċertezzi legali marbuta b’mod partikolari mas-sitwazzjonijiet trijangulari li fihom fondi jingħataw għad-dispożizzjoni, direttament jew indiretttament, mhux lil persuna nominata, iżda lil persuna oħra li magħha l-persuna nominata għandha rabtiet bejn wieħed u ieħor stretti u fejn din tal-aħħar tieħu indirettament benefiċċju minn dawn il-fondi.

67      Tali inċertezzi legali jidhru għaldaqstant inqas permessi peress li, f’tali sitwazzjonijiet tqum f’kull każ l-kwistjoni jekk il-benefiċċju speċifiku mogħti lil persuna nominata mill-persuna li lilha l-fondi ngħataw għad-dispoiżizzjoni jistax jaqa’ taħt miżuri restrittivi previsti fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 881/2002.

68      F’dan ir-rigward, jista’ jingħad ukoll li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju li tieħu persuna nominata, fil-forma ta’ għajnuna f’oġġetti, ta’ fondi mogħtija għad-dispożizzjoni tal-konjuġi tiegħu, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala riżorsa ekonomika għall-finijiet tal-punt 2 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 881/2002, perss li tali benefiċċju ma jistax jiġu użat mill-persuna nominata “biex jinkisbu fondi, merkanzija jew servizzi” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

69      Fil-fatt, hekk kif intqal fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax raġonevolament jiġi sostnut li dan il-benefiċċju jista’ jinbidel f’riżorsa ekonomika jew finanzjarja li l-persuna nominata tista’ tuża sabiex issostni attivitajiet terroristiċi.

70      Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li, jekk l-interpretazzjoni kienet saret li l-ħlas tal-allowances soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 881/2002, id-deroga prevista fl-Artikolu 2a ta’ dan ir-regolament, f’dan il-każ dik dwar l-ispejjeż bażiċi, issir superfluwa.

71      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-deroga għandha titħalla fil-każijiet kollha fejn fondi huma direttament jew indirettament mogħtija għad-dispożizzjoni ta’ persuna nominata u lil terz peress li, f’tali sitwazzjoni, il-persuna nominata tista’ tiddeċiedi d-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi, li jimplika riskju tal-abbuż tagħhom għall-finjiet ta’ terroriżmu.

72      Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi kkontestat li, jekk l-interpretazzjoni kienet saret li l-ħlas tal-allowances soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 881/2002, il-persuna nominata inkwistjoni hija ħielsa mill-obbligu li tieħu ħsieb hija stess tal-ispejjeż bażiċi tagħha, li jippermettilha għalhekk li tassenja għal għanijiet ta’ terroriżimu l-assi li hija tikseb permezz ta’ mezzi oħra.

73      Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk t-teħid dirett minn terz tal-ispejjeż bażiċi ta’ persuna nominata ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 881/2002, xorta jibqa’ l-fatt li l-iffriżar kif ukoll il-projbizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jibqgħu għal kollox applikabbli fir-rigward ta’ tali persuna bla ħsara, skont il-każ, ta’ deroga skont l-Artikolu 2a ta’ dan ir-regolament.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 881/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mħallsa mill-Istat lill-konjuġi ta’ persuna nominata għar-raġuni biss li din il-konjuġi tgħix ma’ din il-persuna nominata u li hija ser tuża jew tista’ tagħmel użu minn parti dawn il-benefiċċji għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi li din il-persuna nominata tikkonsma jew li minnhom hija wkoll tieħu benefiċċju.

 Fuq l-ispejjeż

75      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002, tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi il-friża fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban tal-Afganistan, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 561/2003, tas-27 ta’ Marzu 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza mħallsa mill-Istat lill-konjuġi ta’ persuna nominata mill-kumitat maħluq skont il-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1267 (1999) u mniżżla fl-Anness I tar-Regolament, kif emendat, għar-raġuni biss li din il-konjuġi tgħix ma’ din il-persuna nominata u li hija ser tuża jew tista’ tagħmel użu minn dawn il-benefiċċji għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi li din il-persuna nominata tikkonsma jew li minnhom hija wkoll tieħu benefiċċju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top