EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0325

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Marzu 2010.
Olympique Lyonnais SASP vs Olivier Bernard u Newcastle UFC.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Artikolu 39 KE - Moviment liberu tal-ħaddiema - Restrizzjoni - Plejers tal-futbol professjonali - Obbligu li l-ewwel kuntratt bħala plejer professjonali jiġi ffirmat mal-klabb li jkun ta t-taħriġ - Plejer ordnat iħallas kumpens għad-danni minħabba ksur ta’ dan l-obbligu - Ġustifikazzjoni - Għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ.
Kawża C-325/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:143

Kawża C-325/08

Olympique Lyonnais SASP

vs

Olivier Bernard

u

Newcastle UFC

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Artikolu 39 KE — Moviment liberu tal-ħaddiema — Restrizzjoni — Plejers professjonali tal-futbol — Obbligu li l-ewwel kuntratt bħala plejer professjonali jiġi ffirmat mal-klabb li jkun ta t-taħriġ — Plejer ordnat iħallas kumpens għad-danni minħabba ksur ta’ dan l-obbligu — Ġustifikazzjoni — Għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikolu 45 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema

(Artikolu 45 TFUE)

1.        L-Artikolu 45 TFUE ma jirregolax biss l‑azzjoni tal‑awtoritajiet pubbliċi, iżda jkopri wkoll id‑dispożizzjonijiet ta’ natura oħra li jkunu intiżi li jirregolaw, b’mod kollettiv, l‑impjieg. F’dan id-dawl, Karta tal-futbol professjonali tal-federazzjoni nazzjonali tal-futbol taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu sa fejn din il-karta jkollha n-natura ta’ ftehim kollettiv nazzjonali.

(ara l-punti 30, 32)

2.        L‑Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix sistema li, sabiex jintlaħaq l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ tal‑plejers żgħażagħ, tiggarantixxi li l‑klabb li jħarreġ jirċievi kumpens fil‑każ li plejer żagħżugħ jiffirma, meta jtemm it‑taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, sakemm din is‑sistema tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan.

Huwa minnu li tali sistema tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema żgurata fi ħdan l-Unjoni permezz tal-Artikolu 45 TFUE peress li tista’ tiddiswadi lill-plejer milli jeżerċita d‑dritt tiegħu għal moviment liberu u tagħmel l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt inqas attraenti, minkejja li ma twaqqafx formalment lil dan il-plejer milli jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, tali sistema hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tista’ tiġi ġustifikata minħabba l-għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ sa fejn il-perspettiva li jirċievu kumpens għal taħriġ hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill-klabbs tal-futbol ifittxu plejers li jkollhom talent u li tiżgura t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, l‑ispejjeż marbuta mat‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ huma kkumpensati biss parzjalment mill‑profitti li l‑klabb li jħarreġ jista’ jikseb, matul il‑perijodu ta’ taħriġ, minn dawn il‑plejers. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑klabbs li jħarrġu jistgħu jkunu skoraġġuti milli jinvestu fit‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ jekk ma jkunux jistgħu jiksbu r-rimbors tas‑somom li jkunu nefqu f’dan ir‑rigward fil‑każ li plejer jikkonkludi, meta jtemm it‑taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ieħor. Dan japplika, b’mod partikolari, fil‑każ tal‑klabbs żgħar li joffru taħriġ u li l‑investimenti magħmula minnhom fuq livell lokali fir‑reklutaġġ u fit‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ għandhom importanza kunsiderevoli għat‑twettiq tal‑funzjoni soċjali u edukattiva tal‑isport.

Madankollu, tali sistema għandha tkun effettivament adegwata sabiex jintlaħaq l‑għan imsemmi u għandha tkun proporzjonata meta mqabbla ma’ dan l‑għan, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑ispejjeż tal‑klabbs sabiex iħarrġu kemm plejers li eventwalment isiru plejers professjonali u kemm dawk li qatt ma jsiru plejers professjonali. F’dan id-dawl, sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan ma hijiex meħtieġa sistema fejn plejer “espoir” li jiffirma, meta jtemm il‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi kkundannat iħallas kumpens għad‑danni li l-ammont tiegħu jkun ikkalkolat mingħajr konnessjoni mal‑ispejjeż veri tat‑taħriġ.

(ara l-punti 35-37, 41, 43-45, 49, 50 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Marzu 2010 (*)

“Artikolu 39 KE – Moviment liberu tal‑ħaddiema – Restrizzjoni – Plejers professjonali tal‑futbol – Obbligu li l‑ewwel kuntratt bħala plejer professjonali jiġi ffirmat mal‑klabb li jkun ta t-taħriġ – Plejer ordnat iħallas kumpens għad‑danni minħabba ksur ta’ dan l‑obbligu – Ġustifikazzjoni – Għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ”

Fil‑Kawża C-325/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2008, fil‑proċedura

Olympique Lyonnais SASP

vs

Olivier Bernard,

Newcastle UFC,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, P. Kūris, E. Juhász, A. Borg Barthet u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑5 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Olympique Lyonnais SASP, minn J.‑J. Gatineau, avukat,

–        għal Newcastle UFC, mis‑Société Civile Professionnelle Celice‑Blancpain‑Soltner, avukati,

–        għall‑Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Czubinski, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall‑Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern tar‑Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn D. J. Rhee, barrister,

–        għall‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, minn M. Van Hoof u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑16 ta’ Lulju 2009,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 39 KE.

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Olympique Lyonnais SASP (iktar ’il quddiem “Olympique Lyonnais”) u, min‑naħa l‑oħra, O. Bernard, plejer professjonali tal‑futbol, u Newcastle UFC, klabb stabbilit taħt id‑dritt Ingliż, dwar il‑ħlas minn dawn tal‑aħħar ta’ kumpens għad‑danni minħabba li O. Bernard unilaterlament kiser l‑impenji tiegħu taħt l‑Artikolu 23 taċ‑Charte du football professionnel (Karta tal‑futbol professjonali) għall‑istaġun 1997‑1998 tal‑Fédération française de football (Federazzjoni Franċiża tal‑futbol) (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).

 Il‑kuntest ġuridiku

 Id‑dritt nazzjonali

3        Fid‑data ta’ meta seħħew il‑fatti fil‑kawża prinċipali, l‑impjieg ta’ plejers tal‑futbol fi Franza kien irregolat mill‑Karta, li kellha n-natura ta’ ftehim kollettiv. Il‑Kapitolu IV tat‑Titolu III tagħha kien jikkonċerna kategorija ta’ plejers imsejħa “joueurs espoir”, jiġifieri plejers promettenti bejn l‑etajiet ta’ 16 u 22 sena li kienu impjegati, b’kuntratt għal perijodu determinat, bħala plejers li qed jirċievu taħriġ minn klabb professjonali.

4        Il‑Karta kienet tobbliga lill‑plejer “espoir” jiffirma, wara li jtemm it‑taħriġ tiegħu u jekk il‑klabb li jkun ħarrġu jeżiġi dan, l‑ewwel kuntratt tiegħu bħala plejer professjonali ma’ dan il‑klabb. F’dan ir‑rigward, l‑Artikolu 23 tal‑Karta, fil‑verżjoni applikabbli għall‑fatti fil‑kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“[…]

Meta jiskadi l‑kuntratt b’mod normali [tal‑plejer ‘espoir’], il‑klabb huwa mbagħad intitolat li jitlob lill‑parti l‑oħra tiffirma kuntratt bħala plejer professjonali.

[…]”

5        Il‑Karta ma kinitx tirregola l‑kumpens tal‑klabb li ta t-taħriġ fil‑każ li, meta jtemm it‑taħriġ tiegħu, il‑plejer jirrifjuta li jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ dan il‑klabb.

6        Madankollu, f’każ bħal dan, il‑klabb li jkun ħarreġ lill‑plejer kellu l‑possibbiltà jippreżenta rikors kontra l‑plejer “espoir”, abbażi tal‑Artikolu L. 122‑3‑8 tal‑code du travail (Kodiċi tax‑xogħol Franċiż) għal ksur tal‑impenji kuntrattwali li jirriżultaw mill‑Artikolu 23 tal‑Karta, intiż sabiex dan il‑plejer jiġi kkundannat jikkumpensah għad‑danni. Dan l‑Artikolu L. 122‑3‑8, fil‑verżjoni tiegħu applikabbli għall‑fatti fil‑kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Fin‑nuqqas ta’ ftehim bejn il‑partijiet, il‑kuntratt għal perijodu determinat ma jistax jitwaqqaf qabel l‑iskadenza tat‑terminu tiegħu ħlief fil‑każ ta’ nuqqas serju jew ta’ forza maġġuri.

[…]

In‑nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet mill‑impjegat jintitola lil min iħaddem għad‑danni, f’ammont li jikkorrispondi għad‑dannu mġarrab.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

7        Matul l‑1997, O. Bernard ikkonkluda kuntratt bħala plejer “espoir” ma’ Olympique Lyonnais għal tliet staġuni b’effett mill‑1 ta’ Lulju ta’ dik is‑sena.

8        Qabel l‑iskadenza ta’ dan il‑kuntratt, Olympique Lyonnais offrew lil O. Bernard kuntratt bħala plejer professjonali għal sena, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2000.

9        O. Bernard irrifjuta li jiffirma dan il‑kuntratt u kkonkluda, f’Awwissu 2000, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ Newcastle UFC.

10      Kif saru jafu b’dan il‑kuntratt, Olympique Lyonnais fittxew lil O. Bernard quddiem il‑conseil de prud’hommes de Lyon (Tribunal tax‑xogħol ta’ Lyon) u talbu li O. Bernard u Newcastle UFC jiġu kkundannati in solidum għall‑ħlas ta’ kumpens għad‑danni. Is‑somma mitluba kienet tammonta għal EUR 53 357.16, jiġifieri, skont id‑deċiżjoni tar‑rinviju, ammont ekwivalenti għar‑remunerazzjoni li O. Bernard kien jirċievi f’sena li kieku kien iffirma l‑kuntratt propost minn Olympique Lyonnais.

11      Il‑conseil de prud’hommes de Lyon ikkunsidra li O. Bernard kien ittermina l‑kuntratt tiegħu unilateralment u kkundannah, in solidum ma’ Newcastle UFC, iħallas lil Olympique Lyonnais kumpens għad‑danni f’ammont ta’ EUR 22 867.35.

12      Il‑cour d’appell de Lyon (Qorti ta’ appell ta’ Lyon) ħassret din id‑deċiżjoni. Hija essenzjalment ikkunsidrat li l‑obbligu ta’ plejer li, meta jtemm it‑taħriġ tiegħu, jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali mal‑klabb li jkun ħarrġu kien jimplika wkoll il‑projbizzjoni korrispondenti li twaqqaf lil dan il‑plejer milli jiffirma tali kuntratt ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, ħaġa din li kienet tammonta għal ksur tal‑Artikolu 39 KE.

13      Olympique Lyonnais appellaw mis‑sentenza mogħtija mill‑cour d’appel de Lyon.

14      Il‑Cour de cassation (Qorti li tisma’ appelli fil‑kassazzjoni) ikkunsidrat li, għalkemm l‑Artikolu 23 tal‑Karta ma kienx jipprojbixxi b’mod formali lil plejer żagħżugħ milli jikkonkludi kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, din id‑dispożizzjoni kellha l‑effett li twaqqfu jew li tiddiswadih milli jiffirma tali kuntratt sa fejn il‑ksur ta’ din id‑dispożizzjoni seta’ jimplika kundanna għall‑ħlas ta’ kumpens għad‑danni.

15      Il‑Cour de cassation tenfasizza li t‑tilwima fil‑kawża prinċipali tqajjem problema ta’ interpretazzjoni tal‑Artikolu 39 KE peress li tqajjem il‑kwistjoni ta’ jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata minħabba l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ fil‑futbol professjonali, għan li jirriżulta mis‑sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921).

16      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)       Il‑prinċipju tal‑moviment liberu tal‑ħaddiema stabbilit fl‑[Artikolu 39 KE] jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha plejer promettenti żgħir li jiffirma, wara l‑perijodu tiegħu ta’ taħriġ, kuntratt ta’ plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ta’ l‑Unjoni Ewropea, jista’ jiġi mġiegħel iħallas kumpens għal danni?

2)       Fil‑każ ta’ risposta fl‑affermattiv, il‑ħtieġa li jiġu mħeġġa r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers professjonali li jkunu għadhom żgħar tikkostitwixxi għan leġittimu jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni bħal din?”

 Fuq id‑domandi preliminari

17      Permezz tad‑domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk sistema li tipprovdi li plejer “espoir” jista’ jiġi ordnat iħallas kumpens għad‑danni jekk jiffirma, mat‑tmiem tal‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor u mhux mal‑klabb li jkun ħarrġu tikkostitwixxix restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 45 TFUE u, jekk ikun il‑każ, jekk din ir‑restrizzjoni hijiex ġustifikata mill‑ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ.

 L‑osservazzjonijiet ippreżentati lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

18      Skont Olympique Lyonnais, l‑Artikolu 23 tal‑Karta ma huwiex ostakolu għall‑moviment liberu effettiv tal‑plejer “espoir” peress li dan tal‑aħħar jista’, suġġett biss għall‑kundizzjoni li jħallas kumpens lill‑klabb l‑antik tiegħu, jiffirma b’mod liberu kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor.

19      Newcastle UFC, il‑Gvern Franċiż, il‑Gvern Taljan, il‑Gvern Olandiż u l‑Gvern tar‑Renju Unit, kif ukoll il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej, isostnu, għall‑kuntrarju, li sistema bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema li, bħala prinċipju, hija pprojbita.

20      Fl‑eventwalità li jiġi deċiż li l‑Artikolu 23 tal‑Karta jikkostitwixxi ostakolu għall‑moviment liberu tal‑plejer “espoir”, Olympique Lyonnais tqis, abbażi tas‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, li din id‑dispożizzjoni hija ġustifikata minħabba l‑ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ sa fejn l‑uniku għan tagħha huwa li tippermetti lill‑klabb li jkun ħarreġ lill‑plejer jirkupra l‑ispejjeż tiegħu marbuta mat‑taħriġ.

21      Mill‑banda l‑oħra, Newcastle UFC isostni li s‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, kienet assimilat, b’mod ċar, kull “kumpens għal taħriġ” ma’ restrizzjoni inkompatibbli mal‑prinċipju ta’ moviment liberu tal‑ħaddiema peress li r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ ma jikkostitwixxux raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura tali li jiġġustifikaw tali restrizzjoni. Barra minn hekk, Newcastle UFC isostni li, taħt is‑sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id‑danni jiġu ddeterminati skont kriterji arbitrarji li ma jkunux magħrufa minn qabel.

22      Il‑Gvern Franċiż, il‑Gvern Taljan, il‑Gvern Olandiż u l‑Gvern tar‑Renju Unit, kif ukoll il‑Kummissjoni, isostnu li l‑fatt li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers tal‑futbol żgħażagħ jikkostitwixxi, skont is‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, għan leġittimu.

23      Madankollu, il‑Gvern Franċiż isostni li, taħt is‑sistema inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, id‑danni li l‑klabb li jkun ħarreġ lill‑plejer seta’ jitlob kienu kkalkolati b’konnessjoni mad‑dannu mġarrab mill‑klabb u mhux b’konnessjoni mal‑ispejjeż tat‑taħriġ li jkun għamel il‑klabb. Skont dan il‑gvern, kif ukoll skont il‑Gvern tar‑Renju Unit, tali sistema ma tissodisfax ir‑rekwiżiti ta’ proporzjonalità.

24      Il‑Gvern Taljan iqis li sistema ta’ kumpens tista’ titqies li hija miżura proporzjonata sabiex jintlaħaq l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ, bil‑kundizzjoni iżda li l‑kumpens ikun iddeterminat fuq il‑bażi ta’ kriterji ddefiniti sewwa u jkun ikkalkolat abbażi tal‑ispejjeż li jkun daħal għalihom il‑klabb li jkun ta t‑taħriġ. Dan il‑gvern jenfasizza li l‑possibbiltà li jintalab “kumpens għal taħriġ” hija ta’ importanza partikolari speċifikament għall‑klabbs żgħar li jkollhom struttura u baġit limitati.

25      Il‑Gvern Franċiż, il‑Gvern Taljan u l‑Gvern tar‑Renju Unit, kif ukoll il‑Kummissjoni, jirreferu, barra minn hekk, għar‑regoli dwar l‑istatus u t‑trasferiment ta’ plejers tal‑Fédération internationale de football association (FIFA), li daħlu fis‑seħħ matul is‑sena 2001, jiġifieri wara li seħħew il‑fatti inkwistjoni fil‑kawża prinċipali. Dawn ir‑regoli jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il‑kalkolu tal‑“kumpens għal taħriġ” li japplikaw għas‑sitwazzjonijiet fejn plejer, meta jispiċċa t‑taħriġ ma’ klabb ta’ Stat Membru, jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor. Skont il‑Gvern Franċiż, il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Kummissjoni, dawn id‑dispożizzjonijiet huma konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

26      B’mod iktar ġenerali, il‑Gvern Olandiż josserva li jeżistu raġunijiet ta’ interess ġenerali, marbuta ma’ għanijiet ta’ taħriġ, li jistgħu jiġġustifikaw leġiżlazzjoni li tipprovdi li persuna li timpjega li tkun tat taħriġ lil impjegat għandha d‑dritt tobbliga lil dan l‑impjegat jibqa’ fis‑servizz tagħha jew, fil‑każ li jitlaq mis‑servizz tagħha, titolbu kumpens għad‑danni. Dan il‑gvern jikkunsidra li, sabiex ikun proporzjonat, il‑kumpens għad‑danni għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l‑ammont li għandu jitħallas jiġi kkalkolat abbażi tal‑ispejjeż magħmula mill‑persuna li timpjega b’konnessjoni mat‑taħriġ tal-plejer u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni sakemm u għal kemm żmien il‑persuna li timpjega setgħet ibbenefikat minn dan it‑taħriġ.

 Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

 Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema

27      Għandu jitfakkar, l‑ewwel nett, li, fid‑dawl tal‑għanijiet tal‑Unjoni, l‑eżerċizzju tal‑isports jaqa’ taħt id‑dritt tal‑Unjoni sa fejn jikkostitwixxi attività ekonomika (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991, punt 22).

28      Huwa għalhekk li, meta attività sportiva jkollha n‑natura ta’ attività mħallsa jew ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas, li huwa l‑każ tal‑attività ta’ sportivi semiprofessjonali jew professjonali, din l‑attività sportiva taqa’, b’mod iktar partikolari, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikoli 45 TFUE et seq jew tal‑Artikoli 56 TFUE et seq (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Meca‑Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il‑każ, huwa paċifiku li l‑attività mħallsa ta’ O. Bernard taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE.

30      It‑tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑Artikolu 45 TFUE ma jirregolax biss l‑azzjoni tal‑awtoritajiet pubbliċi iżda jkopri wkoll id‑dispożizzjonijiet ta’ natura oħra li jkunu intiżi li jirregolaw, b’mod kollettiv, l‑impjieg (ara s‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

31      Peress li l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol fid‑diversi Stati Membru huma rregolati xi drabi permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja u xi drabi permezz ta’ ftehim kollettiv jew ta’ atti oħra konklużi jew adottati minn persuni privati, limitazzjoni tal‑projbizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 45 TFUE għall‑atti tal‑awtorità pubblika twassal għar‑riskju li jinħolqu inugwaljanzi fir‑rigward tal‑applikazzjoni ta’ dan l-artikolu (ara s‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

32      F’dan il‑każ, mit‑talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l‑Karta għandha n‑natura ta’ ftehim kollettiv nazzjonali, b’tali mod li taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE.

33      Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tikkostitwixxix restrizzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 45 TFUE, għandu jitfakkar li d‑dispożizzjonijiet kollha tat‑Trattat FUE dwar il‑moviment liberu tal‑persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ‑ċittadini tal‑Istati Membri, l‑eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit‑territorju tal‑Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ‑ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit‑territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94; tas‑17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 25, u tal‑11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 31).

34      Dispożizzjonijiet nazzjonali li jfixklu jew jiddiswadu ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill‑Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d‑dritt tiegħu għal moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakoli għal din il‑libertà anki jekk japplikaw indipendentement miċ‑ċittadinanza tal‑ħaddiema kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi msemmija iktar ’il fuq, Bosman, punt 96; Kranemann, punt 26, u ITC, punt 33).

35      Għandu jiġi kkonstatat li sistema bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tipprovdi li plejer “espoir”, meta jtemm il‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu, huwa obbligat jikkonkludi l‑ewwel kuntratt tiegħu bħala plejer professjonali mal‑klabb li jkun ħarrġu, għaliex inkella jkollu jħallas kumpens għad‑danni, tista’ tiddiswadi lil dan il‑plejer milli jeżerċita d‑dritt tiegħu għal moviment liberu.

36      Minkejja li huwa minnu li, kif osservaw Olympique Lyonnais, tali sistema ma twaqqafx formalment lil dan il‑plejer milli jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, din is‑sistema tagħmel l‑eżerċizzju ta’ dan id‑dritt inqas attraenti.

37      Għaldaqstant, is‑sistema msemmija tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema li fi ħdan l-Unjoni hija ggarantita taħt l-Artikolu 45 TFUE.

 Fuq il‑ġustifikazzjoni tar‑restrizzjoni għall‑moviment liberu tal‑ħaddiema

38      Miżura li tostakola l‑moviment liberu tal‑ħaddiema tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat‑Trattat u jekk tkun ġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll, f’każ simili, li l‑applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l‑għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32, kif ukoll is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bosman punt 104, Kranemann, punt 33, u ITC, punt 37).

39      Fir‑rigward tal‑isport professjonali, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha l‑opportunità tikkonstata li, fid‑dawl tal‑importanza soċjali kunsiderevoli tal‑attività sportiva u, b’mod iktar partikolari, tal‑futbol, fl‑Unjoni, l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ għandu jiġi rikonoxxut bħala leġittimu (ara s‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106).

40      Sabiex jiġi eżaminat jekk sistema li tillimita d‑dritt għall‑moviment liberu ta’ dawn il‑plejers hijiex adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif osservat l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 30 u 47 tal‑konklużjonijiet tagħha, il‑karatteristiċi speċifiċi tal‑isport b’mod ġenerali u tal‑futbol b’mod partikolari, kif ukoll il‑funzjoni soċjali u edukattiva tagħhom. Ir‑rilevanza ta’ dawn l‑elementi hija, barra minn hekk, imsaħħa mill‑fatt li huma inklużi fit‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 165(1) TFUE.

41      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi aċċettat li, kif il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet, il‑perspettiva li jirċievu kumpens għal taħriġ hija ta’ natura li tinkoraġġixxi lill‑klabbs tal‑futbol ifittxu plejers li jkollhom talent u li tiżgura t‑taħriġ tal‑plejers żgħażagħ (ara s‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108).

42      Fil‑fatt, il‑profitt mill‑investimenti magħmula mill‑klabbs li jħarrġu f’dan ir‑rigward huwa kkaratterizzat min‑natura aleatorja tiegħu peress li dawn il‑klabbs jagħmlu spejjeż fir-rigward tal‑plejers żgħażagħ kollha li jirreklutaw u jħarrġu, f’ċerti każijiet, għal diversi snin, filwaqt li jkunu biss uħud minn dawn il‑plejers li eventwalment, meta jtemmu t‑taħriġ tagħhom, jagħżlu karriera professjonali mal‑klabb li jkun ħarriġhom jew ma’ klabb ieħor (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

43      Bara minn hekk, bħala regola ġenerali, l‑ispejjeż marbuta mat‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ huma kkumpensati biss parzjalment mill‑profitti li l‑klabb li jħarreġ jista’ jikseb, matul il‑perijodu ta’ taħriġ, minn dawn il‑plejers.

44      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑klabbs li jħarrġu jistgħu jkunu skoraġġuti milli jinvestu fit‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ jekk ma jkunux jistgħu jiksbu r-rimbors tas‑somom li jkunu nefqu f’dan ir‑rigward fil‑każ li plejer jikkonkludi, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ieħor. Dan japplika, b’mod partikolari, fil‑każ tal‑klabbs żgħar li joffru taħriġ u li l‑investimenti magħmula minnhom fuq livell lokali fir‑reklutaġġ u fit‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ għandhom importanza kunsiderevoli għat‑twettiq tal‑funzjoni soċjali u edukattiva tal‑isport.

45      Minn dan isegwi li sistema li tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens għal taħriġ fil‑każ li plejer żagħżugħ jiffirma, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb differenti minn dak li jkun ħarrġu hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tista’ tiġi ġustifikata minħabba l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ. Madankollu, tali sistema għandha tkun effettivament adegwata sabiex jintlaħaq l‑għan imsemmi u għandha tkun proporzjonata meta mqabbla ma’ dan l‑għan, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑ispejjeż tal‑klabbs sabiex iħarrġu kemm plejers li eventwalment isiru plejers professjonali u kemm dawk li qatt ma jsiru plejers professjonali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

46      Fir‑rigward ta’ sistema bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, mill‑punti 4 u 6 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li din ma kinitx ikkaratterizzata mill‑ħlas lill‑klabb li jħarreġ ta’ kumpens għal taħriġ iżda mill‑ħlas ta’ kumpens għad‑danni li l‑plejer ikkonċernat ikun jista’ jiġi kkundannat jagħmel minħabba ksur tal‑impenji kuntrattwali tiegħu u li l‑ammont tiegħu kien indipendenti mill‑ispejjeż veri li l‑klabb imsemmi jkun nefaq fir‑rigward tat‑taħriġ.

47      Fil‑fatt, kif espona l‑Gvern Franċiż, skont l‑Artikolu L. 122‑3‑8 tal‑Kodiċi tax‑xogħol Franċiż, dawn id‑danni ma kinux ikkalkolati fid‑dawl tal‑ispejjeż li l‑klabb li jħarreġ ikun nefaq fir‑rigward tat‑taħriġ iżda kienu kkalkolati fid‑dawl tad‑dannu kollu mġarrab minn dan il‑klabb. Barra minn hekk, kif osservaw Newcastle UFC, l‑ammont ta’ dan id‑dannu kien stabbilit fuq il‑bażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq kriterji li ma kinux speċifikati bil‑quddiem.

48      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑perspettiva li klabb jirċievi kumpens għal tali danni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ kif ukoll sabiex jiġu ffinanzjati dawn l‑attivitajiet.

49      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir‑risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix sistema li, sabiex jintlaħaq l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ tal‑plejers żgħażagħ, tiggarantixxi li l‑klabb li jħarreġ jirċievi kumpens fil‑każ li plejer żagħżugħ jiffirma, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, sakemm din is‑sistema tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan.

50      Sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan ma hijiex meħtieġa sistema, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, fejn plejer “espoir” li jiffirma, meta jtemm il‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi kkundannat iħallas kumpens għad‑danni li l-ammont tiegħu jkun ikkalkolat mingħajr konnessjoni mal‑ispejjeż veri tat‑taħriġ.

 Fuq l‑ispejjeż

51      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni ta’ l‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix sistema li, sabiex jintlaħaq l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ tal‑plejers żgħażagħ, tiggarantixxi li l‑klabb li jħarreġ jirċievi kumpens fil‑każ li plejer żagħżugħ jiffirma, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, sakemm din is‑sistema tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l‑għan.

Sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l‑għan ma hijiex meħtieġa sistema, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, fejn plejer “espoir” li jiffirma, meta jtemm il‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi kkundannat iħallas kumpens għad‑danni li l-ammont tiegħu jkun ikkalkolat mingħajr konnessjoni mal‑ispejjeż veri tat‑taħriġ.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top