EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0292

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
German Graphics Graphische Maschinen GmbH vs Alice van der Schee.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Falliment - Applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru li fih jinfetħu l-proċedimenti - Riserva ta’ titolu - Sitwazzjoni tal-assi.
Kawża C-292/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08421

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:544

Kawża C-292/08

German Graphics Graphische Maschinen GmbH

vs

Alice van der Schee, bħala stralċjarja ta’ Holland Binding BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Falliment — Applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru fejn tinfetaħ il‑proċedura — Riżerva tat-titolu — Post fejn jinsabu l-beni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet – Deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Nru 1346/2000

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 25(1) u (2) u Nru 44/2001)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Oqsma esklużi – Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi – Portata

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikoli 4(2)(b), u 7(1), u Nru 44/2001, Artikolu 1(2)(b))

1.        L-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini “basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli” ifissru li, qabel ma jista’ jiġi deċiż li jiġu applikati r-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għas-sentenzi li mhumiex dawk previsti mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sentenzi ma jinsabux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 44/2001.

Tali verifika tirriżulta neċessarja meta mhuwiex eskluż li, fost is-sentenzi previsti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jinsabu wkoll sentenzi li lanqas ma jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 25(2) jirriżulta li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għal sentenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li din is-sentenza tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament. Minn dan isegwi li, jekk is-sentenza kkonċernata ma tirrigwardax materji ċivili jew kummerċjali, jew jekk esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, prevista fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, hija applikabbli, l-imsemmi regolament ma jistax japplika.

(ara l-punti 17,18, 20 u d-dispożittiv 1)

2.        L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan l-aħħar regolament, fis-sens li din ma tapplikax għal azzjoni ta’ bejjiegħ eżerċitata taħt klawżola ta’ riżerva tat-titolu kontra xerrej f’sitwazzjoni ta’ falliment, meta l-beni li huwa s-suġġett ta’ tali klawżola jinsab fl-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment fiż-żmien tal-ftuħ ta’ din il-proċedura kontra l-imsemmi xerrej.

Fil-fatt, l-intensità tar-rabta bejn tali azzjoni ġudizzjarja u l-proċedura ta’ falliment hija determinanti sabiex jiġi deċiż jekk l-eċċezzjoni inkwistjoni għandhiex tapplika. Issa, peress li, din kienet biss intiża sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-klawżola tar-riżerva tat-titolu, din ir-rabta la tidher suffiċjentement diretta u lanqas suffiċjentement stretta sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, tali azzjoni tikkostitwixxi azzjoni awtonoma, li mhijiex ibbażata fuq id-dritt tal-proċeduri ta’ falliment u li la teħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ta’ dan it-tip u lanqas l-intervent ta’ stralċjarju. Il-fatt biss li l-istralċjarju huwa parti mill-kontroversja ma jidhirx biżżejjed sabiex tali proċedura titqies bħala proċedura li tirriżulta direttament mill-falliment u li tidħol strettament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ta’ beni.

(ara l-punti 29-33, 38 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Settembru 2009 (*)

“Falliment – Applikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru fejn tinfetaħ il‑proċedura – Riżerva tat-titolu – Post fejn jinsabu l-beni”

Fil-Kawża C‑292/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

German Graphics Graphische Maschinen GmbH

vs

Alice van der Schee, bħala stralċjarja ta’ Holland Binding BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla (Relatur), M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker u A. Henshaw, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud‑Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2)(b), 7(1) u 25(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), u tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn German Graphics Graphische Maschinen GmbH (iktar ’il quddiem “German Graphics”) u A. van der Schee, bħala stralċjarja ta’ Holland Binding BV (iktar ’il quddiem “Holland Binding”) dwar l-eżekuzzjoni ta’ digriet mogħti minn qorti Ġermaniża.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għand[hom] jkoll[hom] l-ġurisdizzjoni biex jif[tħu] il-proċedimenti [proċedura] ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

4        L-Artikolu 4(1) u (2)(b) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti [proċedura] ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-“Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti”.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għand[ha] [t]iddetermina b’ mod partikolari:

[…]

b)      l-assi li jiffurmaw parti mill-propjetà u t-trattament ta’ l-assi meħtieġa minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment”.

5        L-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament:

“Il-ftuħ ta’ proċedimenti [proċedura] ta’ falliment kontra xerrej ta’ xi assi m’għandux jaffettwa d-drittijiet tal-bejjiegħ ibbażati fuq riżerva ta’ titolu meta fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti l-assi jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat fejn jinfetħu l-proċedimenti.”

6        L-Artikolu 25(1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti [proċedura] huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 52, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968] dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali [(ĠU 1972, L 299, p. 32)], kif emendata bil-Konvenzjoni tal-Adeżjoni ta’ din il-Konvenzjoni [iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”].

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni [kawtelatorji] meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

2.      L-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli.”

7        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament 44/2001 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. L-imsemmi regolament japplika f’materji ċivili u kummerċjali u ma jkoprix materji fiskali, doganali jew amministrattivi.

8        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[…]

b)       falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

[...]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        German Graphics, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, ikkonkludiet, bħala bejjiegħa, kuntratt ta’ bejgħ ta’ magni ma’ Holland Binging, kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, li kien fih klawżola ta’ riżerva tat-titolu favur tagħha.

10      Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Novembru 2006, ir-Rechtbank Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjarat lil Holland Binding fi stat ta’ falliment u ħatret stralċjarju.

11      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2006, il-Landgericht Braunschweig (il-Ġermanja) laqgħet t-talba mressqa minn German Graphics sabiex jiġu adottati miżuri kawtelatorji għal dak li jikkonċerna numru ta’ magni sitwati fil-postijiet ta’ Holland Binding, fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-imsemmija klawżola ta’ riżerva tat-titolu.

12      Fit-18 ta’ Diċembru 2006, il-voorzieningenrechter te Utrecht (Imħallef għal miżuri provviżorji ta’ Utrecht) iddikjara eżekutorju d-digriet tal-Landgericht Braunschweig. Insegwitu, A. van der Schee, bħala stralċjarja ta’ Holland Binding, ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank Utrecht, li, b’deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2007, irrevokat l-imsemmi digriet. German Graphics ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tar-Rechtbank Utrecht quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

13      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Ġunju 2008, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 25(2) tar-Regolament [Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem tiegħu “basta illi dik il-Konvenzjoni [jiġifieri r-Regolament Nru 44/2001] tkun applikabbli” ifisser li, qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huma applikabbli għas-sentenzi li mhumiex fost dawk li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Nru 1346/2000], għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk, skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, sentenzi bħal dawn jaqgħux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament?

2)      L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 1346/2000], għandu jiġi interpretat fis-sens li mill-fatt li assi li fir-rigward tagħhom tkun tapplika riżerva ta’ [tat-] titlu jkunu jinsabu, fiż-żmien ta’ meta jinfetħu l-proċedimenti [proċedura] ta’ fallament kontra x-xerrej, fl-Istat Membru li fih jinfetħu l-imsemmija proċedimenti għandu bħala konsegwenza li talba tal-bejjiegħ ibbażata fuq dik ir-riżerva ta’ [tat-] titlu, bħal dik ta’ German Graphics, għandha tiġi kkunsidrata bħala talba relatata mal-istat ta’ falliment, skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, u li għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament?

3)      Il-fatt li l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju huwa ddeterminati skont il-liġi tal-Istat li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ falliment skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament [Nru 1346/2000], jaffettwa r-risposta għat-tieni domanda?”

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk qabel ma jista’ jiġi konkluż li sentenza għandha tiġi rrikonoxxuta fis-sens tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, hijiex il-qorti responsabbli mill-eżekuzzjoni li għandha tivverifika jekk l-imsemmija sentenza titħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

15      Ir-rikonoxximent tas-sentenzi relatati mal-proċeduri ta’ falliment huwa rregolat mill-Artikoli 16 sa 26 tar-Regolament Nru 1346/2000. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari, għandu bħala għan ir-rikonoxximent u l-karattru eżekutorju tas-sentenzi apparti minn dawk li jikkonċernaw direttament il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.

16      L-ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 25(1) jipprevedi, minn naħa, “Sentenzi […] li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq” ta’ tali proċedura, u, min-naħa l-oħra, fit-tieni u fit-tielet subparagrafi tiegħu, jipprevedi dawk “li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti [proċedura] ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom” kif ukoll is-sentenzi relatati ma’ ċerti miżuri kawtelatorji, u, fl-Artikolu 25(2), “sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu […], basta illi dik il-Konvenzjoni [jiġifieri l-Konvenzjoni tal-Brussell] tkun applikabbli”.

17      Konsegwentement, is-sentenzi previsti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament 1346/2000 mhumiex sentenzi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li, fosthom, hemm ukoll sentenzi li la jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 u lanqas f’dak tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 25(2) jirriżulta li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 għal sentenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li din is-sentenza titħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

18      Minn dan isegwi li, jekk is-sentenza kkonċernata ma tirrigwardax materji ċivili jew kummerċjali, jew jekk esklużjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, prevista fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, hija applikabbli, l-imsemmi regolament ma jistax japplika.

19      Insegwitu, il-qorti responsabbli mill-eżekuzzjoni għandha, qabel ma tiddeċiedi li tirrikonoxxi sentenza li ma titħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 1346/2000, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 44/2001, tivverifika jekk is- sentenza inkwistjoni titħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

20      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini “basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli” ifissru li, qabel ma jista’ jiġi deċiż li jiġu applikati r-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001 għas-sentenzi li mhumiex dawk previsti mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sentenzi ma jinsabux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

21      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment kontra xerrej u sakemm il-beni li huwa s-suġġett ta’ klawżola ta’ riżerva tat-titolu jinsab fl-Istat Membru fejn tinfetaħ din il-proċedura, it-talba magħmula mill-bejjiegħ kontra l-imsemmi xerrej u bbażata fuq din il-klawżola hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

22      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok li jsir riferiment għall-premessi tar-Regolament Nru 44/2001. Skont it-tieni waħda minn dawn il-premessi, ċerti differenzi bejn ir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent tas-sentenzi jrendu iktar diffiċli l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Skont is-seba’ premessa ta’ dan ir-regolament, huwa importanti li jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan tal-aħħar l-essenzjali tal-materja ċivili u kummerċjali. Il-ħmistax-il premessa tal-imsemmi regolament tenfasizza l-ħtieġa, għall-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, li jiġi evitat li sentenzi irrikonċiljabbli ma jingħatawx f’żewġ Stati Membri.

23      Dawn il-kunsiderazzjonijiet juru l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jżomm interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament 44/2001, u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar.

24      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-ewwel sentenza tas-sitt premessa tar-Regolament Nru 1346/2000, li tgħid li dan tal-aħħar għandu, skont il-prinċipju ta’ proporzonalità, jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisprudenza għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment u t-teħid ta’ sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedura ta’ falliment u li huma konnessi magħhom strettament.

25      Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament ma jistax jingħata interpretazzjoni wiesgħa.

26      Filwaqt li dan ġie ppreċiżat, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li azzjoni hija marbuta ma’ proċedura ta’ falliment fil-każ fejn din tirriżulta direttament mill‑falliment u tkun konnessa strettament mal-proċedura ta’ stralċ tal-beni jew ta’ amministrazzjoni mill-qorti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 1979, Gourdain, 133/78, Ġabra p. 733, punt 4). Għaldaqstant, azzjoni li jkollha tali karatteristiċi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C‑339/07, Ġabra p. I‑767), punt 19).

27      Sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Brussell, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 jistgħu jiġu meqjusa bħala ekwivalenti. Barra minn hekk, mid-dsatax-il premessa jirriżulta li l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-imsemmi regolament, għandha tiġi żgurata (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et, C‑167/08, Ġabra p. I‑3477, punt 20).

28      Issa, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 1(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandu l-istess pożizzjoni u jaqdi l-istess funzjoni bħall-punt 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati f’termini identiċi (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri, C‑111/08, Ġabra p. I‑5655, punt 23).

29      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, għalhekk hija l-intensità tar-rabta li hemm fis-sens tal‑ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Gourdain, iċċitata iktar ’il fuq, eżistenti bejn azzjoni ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-proċedura ta’ falliment li hija determinati sabiex jiġi deċiż jekk l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhiex tiġi applikata.

30      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-rabta la tidher suffiċjentement diretta u lanqas suffiċjentement stretta sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

31      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li German Graphics, rikorrenti fil-proċedura miftuħa quddiem il-Landgericht Braunschweig, talbet ir-restituzzjoni tal-beni li tagħhom hija kienet il-proprjetarja u li din il-qorti kellha biss tikkjarifika l-kwistjoni tal-proprjetà ta’ ċerti magni sitwati fil-postijiet ta’ Holland Binding, fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-risposta għal din il-kwistjoni ta’ dritt hija indipendenti mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment. L-azzjoni mibdija minn German Graphics kienet biss intiża sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-klawżola tar-riżerva tat-titolu konkluża favur din l-aħħar kumpannija.

32      F’termini oħra, l-azzjoni li tirrigwarda l-imemmija kawżola ta’ riżerva tat-titolu tikkostitwixxi azzjoni awtonoma, li mhijiex ibbażata fuq id-dritt tal-proċeduri ta’ falliment u li la teħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ta’ dan it-tip u lanqas l-intervent ta’ stralċjarju.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt biss li l-istralċjarju huwa parti mill-kontroversja ma jidhirx biżżejjed sabiex il-proċedura miftuħa quddiem il-Landgericht Braunschweig titqies bħala proċedura li tirriżulta direttament mill-falliment u li tidħol strettament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stralċ ta’ beni.

34      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li azzjoni bħal dik miftuħa quddiem il-qorti Ġermaniża ma tinsabx barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

35      Il-qorti tar-rinviju ssaqsi mandankollu dwar jekk l-Artikoli 7(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistax ikollu influwenza fuq il-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom rabta ma’ proċedura ta’ falliment. Issa, din id-dispożizzjoni hija limitata għal preċiżjoni li “l-ftuħ ta’ proċedimenti [proċedura] ta’ falliment kontra xerrej ta’ xi assi m’għandux jaffettwa d-drittijiet tal-bejjiegħ ibbażati fuq riżerva ta’ [tat-] titolu meta fil-waqt tal-ftuħ tal-proċedimenti l-assi jkunu jinstabu fit-territorju ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat fejn jinfetħu l-proċedimenti”. F’termini oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi biss regola sostantiva intiża sabiex il-bejjiegħ jiġi protett fir-rigward tal-beni li jinsabu barra l-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment.

36      Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali, l-imsemmi Artikolu 7(1) mhuwiex applikabbli meta l-beni ta’ German Graphics ikunu jinsabu, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri fit-territorju tal-Istat Membru fejn tinfetaħ din il-proċedura.

37      Għal dak li jikkonċerna l-effett li jista’ jkollu l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament 1346/2001 fuq ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi biss regola intiża sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ liġijiet billi jiġi previst li l-liġi tal-Istat fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment hija applikabbli sabiex jiġi ddeterminat “l-assi li jiffurmaw parti mill-proprjetà u t-trattament ta’ l-assi meħtieġa minn jew li jmissu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti [proċedura] ta’ falliment”. Din id-dispożizzjoni ma taffettwa b’ebda mod il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi hija li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan l-aħħar regolament, fis-sens li din ma tapplikax għal azzjoni ta’ bejjiegħ eżerċitata taħt klawżola ta’ riżerva tat-titolu kontra xerrej f’sitwazzjoni ta’ falliment, meta l-beni li huma s-suġġett ta’ tali klawżola jinsabu fl-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment fiż-żmien tal-ftuħ ta’ din il-proċedura kontra l-imsemmi xerrej.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-termini “basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli” ifissru li, qabel ma jista’ jiġi deċiż li jiġu applikati r-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għas-sentenzi li mhumiex dawk previsti mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sentenzi ma jinsabux barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 44/2001.

2)      L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan l-aħħar regolament, fis-sens li din ma tapplikax għal azzjoni ta’ bejjiegħ eżerċitata taħt klawżola ta’ riżerva tat-titolu kontra xerrej f’sitwazzjoni ta’ falliment, meta l-beni li huma s-suġġett ta’ tali klawżola jinsabu fl-Istat Membru fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment fiż-żmien tal-ftuħ ta’ din il-proċedura kontra l-imsemmi xerrej.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top