This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0277
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 September 2009. # Francisco Vicente Pereda v Madrid Movilidad SA. # Reference for a preliminary ruling: Juzgado de lo Social nº 23 de Madrid - Spain. # Directive 2003/88/EC - Organisation of working time - Entitlement to paid annual leave - Sick leave - Annual leave coinciding with sick leave - Entitlement to take annual leave at another time. # Case C-277/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
Francisco Vicente Pereda vs Madrid Movilidad SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 23 de Madrid - Spanja.
Direttiva 2003/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Dritt għal-leave annwali mħallas - Leave tal-mard - Leave annwali li jaħbat fl-istess żmien ma’ leave tal-mard - Dritt li l-leave annwali jittieħed f’perijodu ieħor.
Kawża C-277/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Settembru 2009.
Francisco Vicente Pereda vs Madrid Movilidad SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 23 de Madrid - Spanja.
Direttiva 2003/88/KE - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Dritt għal-leave annwali mħallas - Leave tal-mard - Leave annwali li jaħbat fl-istess żmien ma’ leave tal-mard - Dritt li l-leave annwali jittieħed f’perijodu ieħor.
Kawża C-277/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08405
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:542
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Dritt għal-leave annwali mħallas — Leave tal-mard — Leave annwali li jaħbat fl-istess żmien ma’ leave tal-mard — Dritt li l-leave annwali jittieħed f’perijodu ieħor”
Fil-Kawża C-277/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 23 ta’ Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura
Francisco Vicente Pereda
vs
Madrid Movilidad SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President tal-Awla, M. Ilešič, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal F. Vicente Pereda, minn E. Dominguez Tejeda, avukat, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Peral u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Vicente Pereda u l-kumpannija li timpjegah, Madrid Movilidad SA, fir-rigward tat-talba ta’ F. Vicente Pereda sabiex jieħu l-leave annwali tiegħu fi ġranet differenti mill-perijodu stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża, perijodu li matulu kien bil-leave tal-mard. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi kif ġej: “Għan u skop 1. Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. 2. Din id-Diretiva tapplika għal:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jistipula kif ġej: “Leave annwali 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. 2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” |
5 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga mhija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. |
6 |
Skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/88, din daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004. Hija kkodifikat u ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197). |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 |
Fid-dritt Spanjol, id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom huma rregolati mill-Istatut tal-Ħaddiema (Ley del Estatuto de los Trabajadores), li t-test rivedut tiegħu ġie approvat mid-digriet irjali leġiżlattiv 1/1995 (Real Decreto Legislativo 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), kif emendat bil-liġi organika 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611, iktar ’il quddiem l-“istatut”). |
8 |
L-Artikolu 38 tal-istatut jistipula: “1. Il-perijodu ta’ leave annwali mħallas, li ma jistax jiġi sostitwit b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, huwa dak li jkun ġie miftiehem permezz ta’ ftehim kollettiv jew kuntratt individwali. Dan il-perijodu f’ebda każ ma jista’ jkun iqsar minn tletin ġurnata kalendarja. 2. Il-perijodu jew il-perijodi meta jista’ jittieħed il-leave għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn l-imprenditur u l-ħaddiem, skont kif ipprovdut, jekk ikun il-każ, fil-ftehim kollettivi dwar l-ippjanar annwali tal-leave. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-qorti kompetenti għandha tistabbilixxi d-data li fiha għandu jittieħed il-leave, u d-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi appellata. Il-proċedura għandha tkun waħda mgħaġġla u għandha tingħata prijorità. 3. Il-kalendarju tal-leave għandu jitfassal f’kull impriża. Il-ħaddiem għandu jsir jaf bid-dati li jikkonċernawh għall-inqas xahrejn qabel il-bidu tal-leave. Meta l-perijodu tal-leave stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża msemmi fis-subparagrafu preċedenti jaħbat fl-istess żmien ma’ perijodu ta’ inkapaċità temporanja minħabba tqala, ħlas jew irdigħ, jew mal-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ impjieg previst fl-Artikolu 48(4) ta’ din il-liġi, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt tieħu l-leave tagħha fi żmien differenti mill-perijodu tal-inkapaċità temporanja jew minn perijodu ieħor ta’ leave, li tkun intitolata għalih skont din id-dispożizzjoni, wara li jkun għadda l-perijodu ta’ sospensjoni, anki jekk is-sena kalendarja korrispondenti tkun diġà għaddiet.” |
9 |
L-Artikolu 17 tal-ftehim kollettiv ta’ Madrid Movilidad SA (BOCM, 18 ta’ Ottubru 2006, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”) jiddisponi: “17.1. Tul ta’ żmien Il-perijodu ta’ leave annwali mħallas, li ma jistax jiġi sostitwit b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, huwa ta’ tnejn u għoxrin ġurnata tax-xogħol (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) jew, jekk ikun il-każ, il-proporzjon korrispondenti jekk it-tul tal-impjieg ma jkoprix is-sena sħiħa. Dawn il-ġranet ta’ leave ma jistgħux jiżdiedu ma’ dawk għal raġunijiet personali. L-istess proporzjon japplika għall-membri tal-persunal li jieqfu jaħdmu, għal kwalunkwe raġuni, matul is-sena u l-ġranet għandhom jiżdiedu jew jitnaqqsu mill-perijodu ta’ leave li jkun ittieħed, jekk ikun il-każ, meta ssir il-likwidazzjoni korrispondenti. 17.2. Perijodu ta’ leave Dan il-perijodu huwa inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru, u ħdax-il ġurnata tax-xogħol ta’ leave għandhom bilfors jittieħdu bejn l-1 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru, bil-kundizzjoni li, matul dan il-perijodu, għall-inqas 50% tal-persunal ikun qed jaħdem. Il-leave li jittieħed bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju u bejn il-15 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru jittieħed fuq bażi volontarja mill-persuni li jkunu talbuh xahar qabel u jista’ jittieħed minn mhux aktar minn 10% tal-grupp professjonali tagħhom.
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
F. Vicente Pereda, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, jaħdem bħala xufier speċjalizzat għal Madrid Movilidad SA, impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fit-tneħħija ta’ vetturi li jkunu pparkjati ħażin fit-triq, u titħallas billi tiġbor it-taxxi u l-levies għall-parkeġġ korrispondenti. |
11 |
Skont il-kalendarju tal-leave annwali tal-persunal ta’ din l-impriża għas-sena 2007, imfassal skont il-ftehim kollettiv għas-snin 2006 sa 2009 u l-proposta dwar il-leave ppreżentata mill-kumitat tal-impriża, F. Vicente Pereda ġie assenjat il-perijodu ta’ leave bejn is-16 ta’ Lulju u l-14 ta’ Awwissu 2007. |
12 |
Wara inċident tax-xogħol li seħħ fit-3 ta’ Lulju 2007, F. Vicente Pereda kien inkapaċi jaħdem sat-13 ta’ Awwissu 2007, b’mod li l-perijodu ta’ leave annwali li gawda għas-sena 2007 mingħajr ma kien fl-istess ħin bil-leave tal-mard kien limitat għall-14 u l-15 ta’ Awwissu 2007. |
13 |
Fid-19 ta’ Settembru 2007, huwa talab lil min jimpjegah sabiex jingħatalu, minħabba l-leave tal-mard tiegħu matul il-perijodu tal-leave annwali li inizjalment kien ġie assenjat lilu, perijodu ġdid ta’ leave annwali mħallas għas-sena 2007, mill-15 ta’ Novembru sal-15 ta’ Diċembru 2007. |
14 |
Madrid Movilidad SA ċaħdet din it-talba mingħajr ma tat spjegazzjoni. |
15 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 23 ta’ Madrid. Din għandha xi dubji dwar jekk id-deċiżjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali hijiex riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li tinjora l-kunċett innifsu ta’ leave annwali mħallas kif jirriżulta mid-dritt Komunitarju. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Nru 23 ta’ Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li meta l-perijodu ta’ leave stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża jaħbat fl-istess żmien ma’ inkapaċità temporanja minħabba inċident tax-xogħol li seħħ qabel id-data prevista għall-bidu tiegħu, il-ħaddiem milqut, ladarba ċċertifikat li jista’ jirritorna lura għax-xogħol, għandu dritt li jieħu l-leave f’dati differenti minn dawk stabbiliti qabel, irrispettivament minn jekk kinitx għaddiet jew le s-sena kalendarja li għaliha jikkorrispondu?” |
Fuq id-domanda preliminari
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali jew ftehim kollettivi li jipprovdu li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul il-perijodu tal-leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża li magħha huwa impjegat ma għandux dritt, wara li jfieq, igawdi l-leave annwali tiegħu f’perijodu differenti minn dak inizjalment stabbilit, jekk ikun hemm bżonn f’perijodu differenti mill-perijodu ta’ riferiment korrispondenti. |
18 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li d-direttiva ma tippermetti ebda deroga minnha, kull ħaddiem igawdi minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Dan id-dritt għal-leave annwali għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari u li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss fil-limiti stipulati espressament mid-Direttiva 2003/88 stess (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C-342/01, Ġabra p. I-2605, punt 29, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C-131/04 u C-257/04, Ġabra p. I-2531, punt 48). |
19 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti espressament minn din id-direttiva li tinkludi anki t-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar tal-perijodu ta’ riferiment, sakemm, madankollu, il-ħaddiem li tilef id-dritt għal-leave annwali mħallas tiegħu kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt. B’hekk, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jiġix estint mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ riferiment stabbilit mid-dritt nazzjonali meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ riferiment kollu jew parti minnu u ma kellux effettivament il-possibbiltà li jeżerċita l-imsemmi dritt (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C-350/06 u 520/06, Ġabra p. I-179, punti 43 u 55). |
20 |
Fil-fatt, sabiex is-sigurtà u s-saħħa tiegħu jiġu protetti b’mod effettiv, il-ħaddiem għandu normalment ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, billi huwa biss fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg tkun ġiet itterminata li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jippermetti li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi sostitwit b’pagament ta’ benefiċċju (ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 93/104, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punt 44, u Merino Gómez, punt 30). |
21 |
Huwa paċifiku, barra minn hekk, li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji. Dan l-għan huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard. Dan tal-aħħar jingħata lill-ħaddiem sabiex hu jkun jista’ jfiq minn marda (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). |
22 |
Mis-suespost, u b’mod partikolari mill-imsemmi għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, jirriżulta li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit minn qabel għandu d-dritt, fuq talba tiegħu u sabiex ikun jista’ jibbenefika effettivament mil-leave annwali tiegħu, jieħu dan il-leave fi żmien differenti minn dak li jaħbat mal-perijodu ta’ leave tal-mard. L-iffissar ta’ dan il-perijodu l-ġdid ta’ leave annwali, li jikkorrispondi mat-tul tal-perijodu meta l-leave annwali stabbilit inizjalment u l-leave tal-mard ħabtu fl-istess żmien, huwa suġġett għar-regoli u l-proċeduri tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-iffissar tal-leave tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-interessi differenti inkwistjoni, b’mod partikolari raġunijiet imperattivi marbutin mal-interessi tal-impriża. |
23 |
F’każ li tali interessi jipprekludu li t-talba tal-ħaddiem dwar il-perijodu l-ġdid ta’ leave annwali tintlaqa’, il-persuna li timpjega għandha tagħti lill-ħaddiem perijodu ieħor ta’ leave annwali propost minnu li jkun kompatibbli mal-imsemmija interessi, mingħajr ma jiġi eskluż a priori li l-imsemmi perijodu jkun jinsab f’perijodu differenti minn dak ta’ riferiment għal-leave annwali inkwistjoni. |
24 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-effett pożittiv ta’ dan il-leave annwali mħallas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem jinħass b’mod sħiħ jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena kurrenti, l-importanza ta’ dan iż-żmien ta’ mistrieħ f’dan ir-rigward ma tintilifx jekk jittieħed matul perijodu sussegwenti (ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-124/05, Ġabra p. I-3423, punt 30, kif ukoll Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). |
25 |
Konsegwentement, għalkemm id-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jippermettu lil ħaddiem bil-leave tal-mard jieħu leave annwali mħallas matul tali perijodu (sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31), mill-punt 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta dan il-ħaddiem ma jkunx jixtieq jieħu leave annwali matul dan il-perijou ta’ leave tal-mard, il-leave annwali għandu jingħatalu matul perijodu differenti. |
26 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali jew ftehim kollettivi li jipprovdu li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul il-perijodu tal-leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża li magħha huwa impjegat ma għandux dritt, wara li jfieq, igawdi l-leave annwali tiegħu f’perijodu differenti minn dak inizjalment stabbilit, jekk ikun hemm bżonn f’perijodu differenti mill-perijodu ta’ riferiment korrispondenti. |
Fuq l-ispejjeż
27 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali jew ftehim kollettivi li jipprovdu li ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul il-perijodu tal-leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża li magħha huwa impjegat ma għandux dritt, wara li jfieq, igawdi l-leave annwali tiegħu f’perijodu differenti minn dak inizjalment stabbilit, jekk ikun hemm bżonn f’perijodu differenti mill-perijodu ta’ riferiment korrispondenti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.