Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0260

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-10 ta' Diċembru 2009.
    Bundesfinanzdirektion West vs HEKO Industrieerzeugnisse GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikolu 24 - Oriġini mhux preferenzjali tal-oġġetti - Kunċett ta’ ‘proċessar [jew xogħol] sostanzjali’ - Kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja - Kejbils tal-azzar immanifatturati fil-Korea ta’ Fuq minn wajer bis-swiegli tal-azzar li joriġina miċ-Ċina.
    Kawża C-260/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11571

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:768

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    10 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

    “Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 24 — Oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija — Kunċett ta’ ‘proċessar jew xogħol sostanzjali’ — Kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja — Kejbils tal-azzar immanifatturati fil-Korea ta’ Fuq minn wajers bis-swiegli tal-azzar li joriġina miċ-Ċina”

    Fil-Kawża C-260/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura

    Bundesfinanzdirektion West

    vs

    HEKO Industrieerzeugnisse GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal HEKO Industrieerzeugnisse GmbH, minn T. Lieber, avukat,

    għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos u I. Bakopoulos kif ukoll minn M. Tassopoulou, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tal-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 7312 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesfinanzdirektion West (iktar ’il quddiem il-“Bundesfinanzdirektion”) kontra HEKO Industrieerzeugnisse GmbH (iktar ’il quddiem “HEKO”), dwar id-determinazzjoni tal-oriġini mhux preferenzjali ta’ kejbils tal-azzar immanifatturati fil-Korea ta’ Fuq minn wajers bis-swiegli li joriġina miċ-Ċina.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini

    3

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, b’mod partikolari, il-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini (WTO-GATT 1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 231), anness mal-att finali ffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994. Dan il-ftehim huwa intiż sabiex jarmonizza r-regoli tal-oriġini u jistabbilixxi, matul perijodu ta’ tranżizzjoni, programm ta’ xogħol ta’ armonizzazzjoni.

    4

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Id-Dixxiplini Matul il-Perjodu taż-Żmien tat-Transizzjoni” jipprovdi:

    “Sakemm jitlesta l-programm tax-xogħol ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ l-oriġini ddikjarat fil-parti IV, il-Membri għandhom jiżguraw li:

    a)

    meta joħorġu modi dwar [jieħdu deċiżjonijiet amministrattivi ta’] applikazzjoni ġenerali, il-ħtiġiet li jridu jitwettqu jkunu ddefiniti biċ-ċar. B’mod partikolari:

    i)

    fil-każijiet meta jiġi applikat il-kriterju tal-bidla tal-klassifika tat-tariffi, din ir-regola ta’ l-oriġini, u kull eċċezzjoni għar-regola, iridu jispeċifikaw b’mod ċar is-subintestaturi jew l-intestaturi ġewwa n-nomeklatura tat-tariffi li jiġu indirizzati bir-regola;

    […]”

    Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja

    5

    L-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “Merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar proċessar [jew xogħol] sostanzjali, ekonomikament ġustifikat jew ħidma f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.”

    6

    Il-Kapitolu 1, intitolat “Oriġini mhux-preferenzjali”, tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”, jinkludi l-Artikoli 35 sa 40.

    7

    Skont l-Artikolu 35 tar-regolament ta’ implementazzjoni:

    “Dan il-kapitolu jistabbilixxi, għal tessuti w oġġetti tat-tessuti li jaqgħu taħt is-Sezzjoni XI tan-[NM], u għal ċerti prodotti li ma humiex tessuti u oġġetti tat-tessuti, ix-xogħol jew proċessar li għandu jkun meqjus bħala li jissodisfa il-kriterji estabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi [Doganali] u li jikkonferixxu lill-prodotti kkonċernati l-oriġini fil-pajjiż li fiħ twettqu.

    […]”

    8

    L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ prodotti riżultati li huma elenkati fl-Anness 11, ix-xogħol u l-ipproċessar imsemmija fil-kolonna 3 ta’ l-Anness għandhom jiġu meqjusa bħala proċess jew operazzjoni [xogħol jew ipproċessar] li jikkonferixxi l-oriġini taħt l-Artikolu 24 tal-Kodiċi [Doganali].

    […]”

    9

    L-intestatura 7312 tan-NM, jiġifieri “[w]ajer[s] bis-swiegli, ħbula, kejbils, ċineg immaljati, bragi u bħalhom, ta’ ħadid jew azzar, mhux iżolat għall-elettriku”, ma kinitx riprodotta fl-Anness 11 tar-regolament ta’ implementazzjoni.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    Matul ix-xahar ta’ Mejju 2005, HEKO talbet, mingħand il- Bundesfinanzdirektion, informazzjoni li torbot dwar l-oriġini (iktar ’il quddiem l-“ITO”) għal tipi differenti ta’ kejbils tal-azzar li jaqgħu taħt l-intestatura 7312 tan-NM, immanufatturati fil-Korea ta’ Fuq, minn wajers bis-swiegli li joriġina miċ-Ċina, li jaqgħu ukoll taħt l-intestatura 7312 tan-NM.

    11

    Mill-proċess jirriżulta li sabiex dawn il-kejbils jiġu mmanifatturati, wajers bis-swiegli kkostitwiti minn diversi wajers jinbaram fuq magni tal-kejbils, minn impriża mgħammra għal dak l-iskop fil-Korea ta’ Fuq. Skont l-użu li għalih huma intiżi, il-kejbils tal-azzar huma wkoll maqtugħin f’biċċiet, marbuta flimkien, ippressati, mimlija, iċċattjati, mibrumin flimkien u/jew miksija, ġewwa din l-impriża.

    12

    Fil-11 ta’ Jannar 2006, il-Bundesfinanzdirektion ħareġ ħames ITOs li abbażi tagħhom, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija indikata bħala l-pajjiż tal-oriġini tal-kejbils tal-azzar, minħabba li, fin-nuqqas ta’ bidla tal-intestatura tariffarja, il-kejbil (cabling) tal-wajers bis-swiegli li jwassal għall-manifattura ta’ kejbils tal-azzar, magħmul fil-Korea ta’ Fuq, ma jikkostitwixxiex ipproċessar jew xogħol sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali.

    13

    Sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu, il-Bundesfinanzdirektion ibbaża ruħu fuq ir-regoli msejħa “ta’ elenkar” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ elenkar”), li huma mfassla mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-għan li jiġu ppreċiżati l-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali u anki disponibbli fuq is-sit internet tagħha. Minn dawn l-imsemmija regoli jirriżulta li l-merkanzija tal-intestatura 7312 tan-NM ma tistax titqies bħala li sar l-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali fuqha, ħlief meta jkun hemm tibdil fl-intestatura tariffarja.

    14

    HEKO ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet tal-Bundesfinanzdirektion quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf. Permezz ta’ sentenza mogħtija f’Mejju 2007, din il-qorti annullat l-ITOs ikkontestati u ordnat lill-Bundesfinanzdirektion joħroġ ITOs li fihom ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea kellha tkun indikata bħala l-pajjiż tal-oriġini tal-kejbils tal-azzar. Skont l-imsemmija qorti, ir-regoli ta’ elenkar ma humiex fil-fatt, konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma jikkostitwixxux att legali Komunitarju vinkolanti.

    15

    Il-Bundesfinanzdirektion ippreżenta rikors ta’ “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, filwaqt li enfasizza li, anki jekk ir-regoli ta’ elenkar ma għandhomx effetti legali, madankollu huma jipproponu, sa ċertu punt, interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesfinanzhof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Ix-xogħol jew ipproċessar sostanzjali li jattribwixxi l-oriġini mhux preferenzjali ta’ oġġetti [merkanzija] li jaqgħu [taqa’] taħt l-intestatura 7312 tan-[NM] huwa biss dawk li għandu bħala effett li jikklassifika l-prodott wara x-xogħol jew l-ipproċessar taħt intestatura oħra tal-imsemmija Nomenklatura?”

    Fuq id-domanda preliminari

    17

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “proċessar jew xogħol sostanzjali” li jinsab fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali għandhux jiġi interpretat fis-sens li, għall-merkanzija kklassifikata fl-intestatura 7312 tan-NM, huwa biss l-ipproċessar jew xogħol li għandu l-effett li jikklassifika l-prodott li jirriżulta minnu taħt intestatura oħra tan-NM li jaqa’ taħt dan il-kunċett.

    18

    Preliminarjament, fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regoli ta’ elenkar b’mod ġenerali, HEKO tqis li peress li dawn ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma għandhom ebda natura vinkolanti u ma jistgħux jorbtu l-qrati tal-Istati Membri.

    19

    Lanqas il-Kummissjoni ma tattribwixxi effetti vinkolanti lil dawn ir-regoli ta’ elenkar li, skont din tal-aħħar, il-kontenut tagħhom ġie miftiehem mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja mal-obbligi tal-Komunità Ewropea fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fil-fatt, ir-regoli ta’ elenkar jipprovdu kriterji konkreti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini li, meta jittieħdu deċiżjonjiet amministrattivi ta’ applikazzjoni ġenerali, il-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti, għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-regoli ta’ elenkar imfassla mill-Kummissjoni jikkontribwixxu sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija, dawn ir-regoli ma humiex legalment vinkolanti.

    21

    Minħabba dan, il-kontenut ta’ dawn ir-regoli għandu jkun konformi mar-regoli tal-oriġini, kif imsemmija fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, u ma għandux ibiddel il-portata tagħhom (ara, b’analoġija, għal dak li jikkonċerna n-noti ta’ spjega tan-NM, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Algemene Scheeps Agentuur Dordrecht, C-311/04, Ġabra. p. I-609, punt 28, u tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C-376/07, Ġabra p. I-1167, punt 48).

    22

    Għandu jingħad ukoll li, jekk l-atti rilevanti tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ftehim adottati fil-kuntest tad-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 47, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra. p. I-10989, punt 55), xorta jibqa’ l-fatt li l-Ftehim dwar ir-regoli tal-oriġini, attwalment jistabbilixxi biss, programm ta’ xogħol ta’ armonizzazzjoni matul perijodu ta’ żmien ta’ tranżizzjoni. Dan il-ftehim ma jikkostitwixxix armonizzazzjoni sħiħa, peress li l-membri tad-WTO għandhom marġni ta’ diskrezzjoni dwar kif jadattaw ir-regoli tal-oriġini tagħhom. F’dan ir-rigward, mir-rapport tal-Bord tad-WTO maħruġ fl-20 ta’ Ġunju 2003, (l-Istati Uniti) — Regoli tal-oriġini li jikkonċernaw it-tessuti u l-ħwejjeġ (DS243), punti 6.23 u 6.24, jirriżulta li l-membri tad-WTO huma liberi li jiddeterminaw il-kriterji li jattribwixxu l-oriġini, li jbiddlu dawn il-kriterji matul iż-żmien, jew li japplikaw ċerti kriterji differenti għal prodotti differenti.

    23

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-qrati tal-Istati Membri jistgħu jużaw il-kriterji li jirriżultaw mir-regoli ta’ elenkar waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, sakemm din ma twassalx għal bidla f’dan l-artikolu.

    24

    Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċessar jew xogħol sostanzjali” li jinsab fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 7312 tan-NM, HEKO tenfasizza li l-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja li tirriżulta mir-regoli ta’ elenkar, mhuwiex konformi ma’ dan l-artikolu, minħabba li dan tal-aħħar mhuwiex ibbażat fuq distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott ta’ bażi u l-prodott ipproċessat, essenzjalment minħabba l-kwalitajiet materjali speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti.

    25

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, għall-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura tariffarja 7312 tan-NM, l-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali li jattribwixxi l-oriġini, jimplika li jkun hemm bidla tal-intestatura tariffarja. Il-kriterju bbażat fuq il-bidla tal-intesatura tariffarja jippermetti, minn naħa, li jiġi applikat b’mod uniformi, l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali fit-territorju doganali tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fażijiet tekniċi tal-ipproċessar jew tax-xogħol fil-manifattura tal-kejbils. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li l-ipproċessar tal-wajers bis-swiegli f’kejbils tal-azzar, ma jwassalx għal bidla kwalitattiva ċara tal-prodott ta’ bażi u jikkostitwixxi biss operazzjoni ta’ assemblaġġ li ma tatribbwixxix l-oriġini lil din il-merkanzija. Min-naħa l-oħra, il-manifattura ta’ kejbils minn wajers tal-azzar twassal għal bidla tal-intestatura tariffarja u konsegwentement, tattribwixxi oriġini ieħor lil din il-merkanzija.

    26

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    27

    Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li, meta l-produzzjoni ta’ merkanzija tinvolvi iktar minn pajjiż wieħed, għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew xogħol sostanzjali, ekonomikament iġġustifikat, magħmul f’impriża mgħammra għal dak l-iskop u li tirriżulta fil-manifattura ta’ prodott ġdid jew li tirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura.

    28

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 802/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar id-definizzjoni komuni tal-kunċett tal-oriġini ta’ merkanzija (ĠU L 148, p. 1), li hija dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali iżda li hija fformulata bi kliem identiku, jirriżulta li l-aħħar ipproċessar jew xogħol mhuwiex “sostanzjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk il-prodott li jirriżulta minnu jkollu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi tiegħu li ma kellux qabel dan l-ipproċessar jew xogħol. Operazzjonijiet li jaffettwaw il-preżentazzjoni ta’ prodott għall-użu tiegħu iżda li ma jwasslux għal bidla kwalitattiva sinjifikattiva tal-proprjetajiet tiegħu, ma jistgħux jiddeterminaw l-oriġini tal-imsemmi prodott (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1977, Gesellschaft für Überseehandel, 49/76, Ġabra. p. 41, punt 6, u tat-23 ta’ Frar 1984, Zentrag, 93/83, Ġabra p. 1095, punt 13).

    29

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma huwiex biżżejjed li jiġu mfittxija l-kriterji li jiddefinixxu l-oriġini tal-merkanzija fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti pproċessati, peress li t-tariffa doganali komuni tfasslet għal raġunijiet speċifiċi u mhux sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tal-prodotti. Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-oriġini tal-merkanzija għandha tkun ibbażata fuq distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott ta’ bażi u l-prodott ipproċessat, essenzjalment minħabba l-kwalitajiet materjali speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti (ara s-sentenzi Gesellschaft für Überseehandel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 1983, Cousin et., 162/82, Ġabra p. 1101, punt 16).

    30

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni jekk operazzjoni tal-assemblaġġ ta’ diversi elementi tikkostitwixxix ipproċessar jew xogħol sostanzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm sitwazzjonijiet fejn l-eżami fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ natura teknika jista’ ma jkunx konklużiv għad-determinazzjoni tal-oriġini ta’ merkanzija u li hemm lok, f’dawn il-każijiet, li sussidjarjament, jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Brother International, C-26/88, Ġabra p. 4253, punt 20; tat-8 ta’ Marzu 2007, Thomson u Vestel France, C-447/05 u C-448/05, Ġabra p. I-2049, punt 27, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores, C-372/06, Ġabra p. I-11223, punt 37).

    31

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzju rrikonoxxiet il-validità tal-użu ta’ kriterju ċar u oġġettiv, bħal dak tal-valur miżjud, li għal merkanzija b’kompożizzjoni kumplessa, jippermetti li jiġi ddefinit f’hiex jikkonsisti l-ipproċessar sostanzjali li jattribwixxi l-oriġini tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Thomson u Vestel France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

    32

    F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta’ kriterju wieħed, jiġifieri dak tal-bidla tal-intestatura tariffarja sabiex jiġi ddeterminat l-oriġini tal- merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 7312 tan-NM, hijiex konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza u tippermettix li jiġi stabbilit, fi kwalunkwe każ, jekk il-manifattura tal-kejbils tal-azzar minn wajers bis-swiegli, tikkostitwixxix ipproċessar jew xogħol sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja mhuwiex ibbażat la fuq distinzjoni oġġettiva u reali bejn il-prodott ta’ bażi, jiġifieri l-wajers bis-swiegli, u l-prodott ipproċessat, jiġifieri l-kejbils tal-azzar, u lanqas fuq il-kwalitajiet materjali speċifiċi ta’ kull wieħed minn dawn il-prodotti, u ma jieħux inkunsiderazzjoni l-ipproċessar speċifiku li jirriżulta fil-manifattura tal-prodott ipproċessat.

    34

    Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, sabiex jiġu ċċarati l-kunċetti astratti ta’ ipproċessar u xogħol speċifiku, ma kienx kompatibbli mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 802/68 li l-Kummissjoni tuża sistema li fiha, il-bidla ta’ intestatura tariffarja ta’ merkanzija sservi bħala regola ta’ bażi, li hija stess kienet supplimentata u korretta minn listi addizzjonali li jieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-ipproċessar jew xogħol speċifiku (ara s-sentenza, Cousin et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

    35

    Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-bidla tal-intestatura tariffarja ta’ oġġett, bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ ipproċessar, tikkostitwixxi indikazzjoni tan-natura sostanzjali tal-ipproċessar jew tax-xogħol tiegħu, dan ma jfissirx li pproċessar jew xogħol ma jistax ikun ta’ natura sostanzjali anki mingħajr tali bidla tal-intestatura. Kif il-Kummissjoni nnifisha tammetti, il-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja pprovdut mir-regoli ta’ elenkar, ikopri parti kbira ta’ sitwazzjonijiet, iżda ma jippermettix li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-ipproċessar jew xogħol tal-merkanzija huwa sostanzjali. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet pprovduti fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali humiex sodisfatti.

    36

    Minn dan isegwi li matul l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċessar jew xogħol sostanzjali” li jinsab fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, għall-merkanzija li taqa’ taħt l-intestatura 7312 tan-NM, l-użu esklużiv tal-kriterju tal-bidla tal-intestatura tariffarja, mingħajr ebda indikazzjoni rigward l-ipproċessar jew xogħol speċifiku li għaddiet minnu din il-merkanzija, jista’ jillimita l-portata tal-imsemmi artikolu.

    37

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, għal dak li jikkonċerna l-merkanzija kklassifikata taħt l-intestatura 7312 tan-NM, l-ipproċessar jew xogħol sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, jista’ jkopri mhux biss dak li jwassal għall-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija li għaddiet minn operazzjoni ta’ ipproċessar jew xogħol taħt intestatura oħra tan-NM, iżda wkoll dak li, fin-nuqqas ta’ tali bidla tal-intestatura, iwassal għall-ħolqien ta’ oġġett li għandu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi tiegħu li dan l-oġġett ma kellux qabel l-imsemmija operazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    38

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Għal dak li jikkonċerna l-merkanzija kklassifikata taħt l-intestatura 7312 tan-Nomenklatura Magħquda, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, l-ipproċessar jew xogħol sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jista’ jkopri mhux biss dak li jwassal għall-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija li għaddiet minn operazzjoni ta’ ipproċessar jew xogħol taħt intestatura oħra tan-Nomenklatura Magħquda, iżda wkoll dak li, fin-nuqqas ta’ tali bidla tal-intestatura, iwassal għall-ħolqien ta’ oġġett li għandu proprjetajiet u kompożizzjoni speċifiċi tiegħu li dan l-oġġett ma kellux qabel l-imsemmija operazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top