Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0204

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Lulju 2009.
Peter Rehder vs Air Baltic Corporation.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Regolament (KE) Nru 44/2001 - It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1)(a) - Konvenzjoni ta’ Montreal - Artikolu 33(1) - Trasport bl-ajru - Talbiet għal kumpens minn passiġġieri kontra kumpanniji tal-ajru f’każ ta’ titjiriet ikkanċellati - Post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz - Ġurisdizzjoni f’każ ta’ trasport bl-ajru minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor minn kumpannija tal-ajru stabbilita fi Stat Membru terzi.
Kawża C-204/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06073

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:439

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1)(a) — Konvenzjoni ta’ Montreal — Artikolu 33(1) — Trasport bl-ajru — Talbiet għal kumpens minn passiġġieri kontra kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet ikkanċellati — Post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz — Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ trasport bl-ajru minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor minn kumpannija tal-ajru stabbilita fi Stat Membru terz”

Fil-Kawża C-204/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Peter Rehder

vs

Air Baltic Corporation,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Rehder, minn J. Kummer, Rechtsanwalt,

għal Air Baltic Corporation, minn G.-S. Hök, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Latvjan, minn E. Eihmane u U. Dreimanis, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Rehder u Air Baltic Corporation (iktar ’il quddiem “Air Baltic”) wara li t-titjira, li huwa bbukkja ma’ din il-kumpannija biex imur minn München (il-Ġermanja) għal Vilnjus (il-Litwanja), ġiet ikkanċellata.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Ir-Regolament Nru 44/2001 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2002 u, skont l-Artikolu 68(1) tiegħu, huwa jissostitwixxi l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata ulterjorment (ĠU 1998, C 27, p.1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

4

Il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li “[i]l-Komunità poġġiet quddiemha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, li fiha jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ persuni. Sabiex tiġi stabbilita ftit ftit din iż-żona, il-Komunità trid tadotta, fost affarijiet oħra, il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili meħtieġa għall-operat tajjeb tas-suq intern”.

5

Skont it-tieni sentenza tal-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001, “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenz[j]ali”.

6

L-ewwel sentenza tal-premessa 11 tal-imsemmi regolament tipprovdi “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti”.

7

Il-premessa 12 tal-istess regolament tipprovdi “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

8

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 44/2001, jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, li jikkonsisti fl-Artikoli 2 sa 31.

9

L-Artikolu 2(1) tal-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-imsemmi Kapitolu II, bit-Titolu “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

10

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, li jinsab fl-istess Sezzjoni 1, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

11

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a)”.

12

L-Artikolu 60(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni naturali jew ġuridika jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)

is-sede statutorja, jew

b)

iċ-ċentru amministrattiv, jew

c)

il-post prinċipali tan-negozju”.

13

L-Artikolu 71(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwari [fiha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi”.

14

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306), jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kumpens għal passiġġieri fil-kuntest tat-trasport internazzjonali bl-ajru f’każ li titjira tiġi kkanċellata. L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, imsejjaħ “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba […] huma informati bil-kanċellazzjoni

[…]”

15

L-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, bit-Titolu “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

16

Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens”.

Il-Konvenzjoni ta’ Montréal

17

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491), u daħlet fis-seħħ, għal dak li jirrigwarda l-Komunità, fit-28 ta’ Ġunju 2004. L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, bit-Titolu “Dewmien”, jipprovdi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. […]”

18

L-Artikolu 33(1) tal-Konvezjoni ta’ Montréal, bit-Titolu “Qorti li għandha l-Ġurisdizzjoni”, jipprovdi s-segwenti:

“Azzjoni għad-danni għandha tinġieb, skond l-għażla ta’ l-attur, fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Partijiet, jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tat-trasportatur jew tal-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew fejn għandu post tan-negozju li permezz tiegħu sar il-kuntratt jew quddiem il-qorti fil-post tad-destinazzjoni”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

P. Rehder, residenti f’München, ibbukkja ma’ Air Baltic, li għandha s-sede tagħha f’Riga (il-Litwanja), titjira minn München għal Vilnjus. Id-distanza bejn München u Vilnjus hija ta’ ftit inqas minn 1500 kilometru. Madwar 30 minuta qabel it-tluq previst minn München, il-passiġġieri ġew informati li t-titjira tagħhom kienet ġiet ikkanċellata. Wara li Air Baltic biddlet il-buking tiegħu, ir-rikorrent qabad titjira għal Vilnjus via Kopenħagen u wasal fil-post ta’ destinazzjoni iktar minn 6 sigħat wara l-ħin li suppost kellu jasal fih kieku qabad it-titjira inizjalment ibbukkjata.

20

Permezz ta’ talba mressqa quddiem l-Amtsgericht Erding, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab l-ajruport ta’ München, P. Rehder talab li Air Baltic tiġi kkundannata tagħtih kumpens għall-ammont ta’ EUR 250 skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. Peress li kkunsidrat li s-servizzi tat-trasport bl-ajru huma pprovduti fil-post tat-tluq tal-ajruplan, li jimplika li l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa l-ajruport tat-tluq, li f’din il-kawża huwa München, l-Amtsgericht Erding iddikjarat li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba għal kumpens ta’ P. Rehder.

21

Peress li l-Oberlandesgericht München qieset li s-servizzi tat-trasport bl-ajru huma pprovduti fil-post tas-sede tal-kumpannija li tipprovdi t-titjira, hija annullat, wara l-appell ippreżentat minn Air Baltic, id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. P. Rehder appella fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza tal-qorti tal-appell quddiem il-Bundesgerichtshof.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kwistjoni dwar jekk l-Amtsgericht Erding għandhiex ġurisdizzjoni f’din il-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Hija tosserva li, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-istess dispożizzjoni, li tikkonċerna l-bejgħ ta’ oġġetti, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox iddeċidiet li din ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali tistabbilixxi l-post tal-kunsinna bħala l-kriterju ta’ rabta awtonoma, li għandu jiġi applikat fil-konfront tal-kawżi kollha bbażati fuq l-istess kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti, u mhux biss fil-konfront ta’ dawk ibbażati fuq l-obbligu ta’ kunsinna stess (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C-386/05, Ġabra p. I-3699, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet li l-imsemmija regola tapplika wkoll meta jkun hemm diversi postijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti u li, f’dan il-każ, il-post ta’ eżekuzzjoni għandu jinftiehem bħala l-post li għandu r-rabta l-iktar stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni; din ir-rabta l-iktar stretta tirriżulta, bħala regola ġenerali, fil-post tal-kunsinna prinċipali, li għandha tiġi stabbilita skont kriterji ekonomiċi (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar nett qieset li fin-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna prinċipali, kull wieħed mill-postijiet tal-kunsinna għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tal-kawża u li, f’każ bħal dan, ir-rikorrent jista’ jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna tal-għażla tiegħu (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

23

Madankollu, il-Bundesgerichtshof tenfasizza li barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja espressament indikat, fil-punt 16 tas-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kunsiderazzjonijiet tagħha huma limitati biss għall-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stat Membru wieħed u ma jaffettwawx ir-risposta li għandha tingħata fil-każ ta’ numru ta’ postijiet ta’ kunsinna fi Stati Membri differenti.

24

Il-Bundesgerichtshof għalhekk tistaqsi, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdu li r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni għandhom jiġu unifikati u jiġu reżi prevedibbli kif ukoll li jiġi stabbilit post uniku ta’ eżekuzzjoni li huwa, bħala regola, dak li għandu l-iktar rabta stretta bejn l-ilment u l-qorti li għandha ġuridizzjoni, jekk ikunx aħjar li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat bl-istess manjera u jekk bħala regola, il-ġurisdizzjoni f’kawżi li jirrigwardaw l-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport internazzjonali bl-ajru għandhiex tiġi kkonċentrata f’post ta’ eżekuzzjoni wieħed, minkejja l-fatt li, fil-kuntest ta’ kuntratt bħal dan, mhuwiex faċli li jiġi stabbilit b’mod ċar il-post fejn il-parti l-kbira tas-servizzi jkunu ġew ipprovduti.

25

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzija d-domandi preliminari segwenti:

“1)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament [Nru 44/2001], għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok, anki fil-każ ta’ vjaġġi bl-ajru minn Stat Membru tal-Komunità għal Stat Membru ieħor tal-Komunità, li jiġi kkunsidrat li jeżisti post ta’ eżekuzzjoni wieħed għas-servizzi kollha li jirriżultaw mill-kuntratt u li dan jinstab fil-post tas-servizz prinċipali li għandu jiġi ddeterminat skont kriterji ekonomiċi?

2)

Jekk għandu jiġi ddeterminat post ta’ eżekuzzjoni wieħed: liema huma l-kriterji rilevanti għal tali determinazzjoni; il-post ta’ eżekuzzjoni wieħed għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, skont il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tal-ajruplan?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Qabel mad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jiġu eżaminati, hemm lok, preliminarjament, li jiġi osservat li ċerti osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qajmu l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal sabiex tiġi stabbilita l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

27

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li d-dritt li qed jinvoka r-rikorrent f’din il-kawża, li huwa mnissel mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, jikkostitwixxi, wara li titjira tiġi kkanċellata, dritt għal kumpens tal-passiġġier uniformi u fil-forma ta’ somma f’daqqa, u li dan id-dritt huwa indipendenti mill-kumpens għad-danni fil-kuntest tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punti 43 sa 46). B’hekk id-drittijiet ibbażati rispettivament fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004 u tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jaqgħu taħt oqsfa leġiżlattivi differenti.

28

Minn dan isegwi li, minħabba li t-talba fil-kawża prinċipali tressqet biss abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, hija għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 44/2001.

29

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex hija tippreċiża kif il-kliem “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,” li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ talba għal kumpens ibbażata fuq ir-Regolament Nru 261/2004.

30

Fil-verità, permezz ta’ dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab jekk, fil-każ ta’ forniment ta’ servizzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hemmx lok li tingħata lill-imsemmi kliem l-istess interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-ewwel inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni fis-sentenza tagħha Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti fi ħdan l-istess Stat Membru.

31

Fil-punt 18 tas-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex twieġeb għad-domandi magħmula, ibbażat ruħha fuq l-oriġini, l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament Nru 44/2001.

32

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret illi r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji kuntrattwali prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li tikkompleta r-regola li l-ġurisdizzjoni ġeneralment hija bbażata fuq il-post tad-domiċilju tal-konvenut, tissodisfa l-għan ta’ prossimità u hija mmotivata mill-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li tintalab tisma’ l-kawża (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

33

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, f’dak li jirrigwarda l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti, li r-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b), b’mod awtonomu dawn il-kriterji ta’ rabta, sabiex isaħħaħ l-għanijiet tal-unifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati u tal-prevedibbiltà. B’hekk, f’każijiet bħal dawn, il-post ta’ kunsinna tal-oġġetti huwa stabbilit bħala l-kriterju awtonomu tar-rabta, li għandu japplika għat-tabliet kollha li huma bbażati fuq l-istess kuntratt ta’ bejgħ (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 sa 26).

34

Fid-dawl tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 tapplika wkoll fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti fl-istess Stat Membru, bil-kundizzjoni li qorti waħda għandha jkollha ġurisdizzjoni li tisma’ t-talbiet kollha bbażati fuq il-kuntratt (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 38).

35

Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ kunsinna ta’ oġġetti fl-istess Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-post li jiżgura r-rabta l-iktar stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni huwa dak tal-kunsinna prinċipali, li għandha tiġi stabbilita skont kriterji ekonomiċi, u li, fin-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna prinċipali, kull wieħed mill-postijiet tal-kunsinna għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tal-kawża u li, f’każ bħal dan, ir-rikorrent jista jħarrek lill-konvenut quddiem il-qorti tal-post tal-kunsinna tal-għażla tiegħu (sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 42).

36

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha sabiex tasal għall-interpretazzjoni li tat fis-sentenza Color Drack, iċċitata iktar ’il fuq, huma applikabbli wkoll f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, inklużi l-każijiet meta din il-provvista ma sseħħx fi Stat Membru wieħed. Fil-fatt, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi previsti fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom l-istess oriġini, isegwu l-istess għan u jokkupaw l-istess post fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.

37

Ma jistax jiġi applikat, fil-konfront tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, li jridu jinkisbu permezz tal-konċentrazzjoni tal-ġurisdizzjoni fil-post tal-provvista tas-servizzi, abbażi tal-kuntratt inkwistjoni, u permezz tal-fatt li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni waħda għall-ilmenti kollha bbażati fuq dan il-kuntratt, approċċ differenti fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista tas-servizzi inkwistjoni fi Stati Membri differenti. Fil-fatt, din id-differenza, barra l-fatt li ma għandha l-ebda bażi fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, tmur kontra l-għan aħħari tiegħu, li, permezz tal-unifikazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja kif ukoll l-operat tajjeb tas-suq intern fi ħdan il-Komunità (ara l-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 44/2001).

38

Għaldaqstant, għandu jinstab ukoll, fil-każ ta’ diversi postijiet ta’ provvista ta’ servizzi fi Stati Membri differenti, il-post fejn hemm l-iktar rabta stretta bejn il-kuntratt inkwistjoni u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari dak fejn, skont dak il-kuntratt, il-provvista prinċipali tas-servizzi għandha ssir.

39

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-post tas-sede jew il-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija tal-ajru kkonċernata ma għandux ir-rabta stretta meħtieġa mal-kuntratt. Fil-fatt, l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet magħmula minn dan il-post, bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvista ta’ ajruplan u ta’ ekwipaġġ xierqa, jikkostitwixxu miżuri loġistiċi u preparatorji sabiex jiġi eżegwit kuntratt ta’ trasport bl-ajru u mhux servizzi fejn il-provvista hija marbuta mal-kontenut fih innifsu tal-kuntratt. Dan japplika wkoll għall-post fejn il-kuntratt ta’ trasport bl-ajru ġie konkluż u għall-post fejn il-biljett ġie kkunsinnat.

40

Is-servizzi li l-provvista tagħhom jikkorrispondu għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri huma, fil-fatt, ir-reġistrazzjoni u l-imbarkazzjoni ta’ passiġġieri u l-fatt li dawn tal-aħħar jintlaqgħu abbord tal-ajruplan fil-post tat-tlugħ previst fil-kuntratt tat-trasport inkwistjoni, it-tluq tal-ajruplan fil-ħin previst, it-trasport tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom mill-post tat-tluq għall-post tal-wasla, il-ħarsien tal-passiġġieri matul il-vjaġġ, u fl-aħħar nett, il-wasla tagħhom, taħt il-kundizzjonijiet ta’ sigurtà, fil-post tal-inżul u fil-ħin previst f’dan il-kuntratt. Taħt din il-perspettiva, il-postijiet eventwali ta’ stop-over tal-ajruplan lanqas ma jirrappreżentaw ir-rabta meħtieġa mal-kontenut essenzjali tas-servizzi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt.

41

Issa, l-uniċi postijiet li jirrappreżentaw rabta diretta mal-imsemmija servizzi, ipprovduti fl-eżekuzzjoni tal-obbligi marbuta mas-suġġett tal-kuntratt, huma dawk tat-tluq u tal-wasla tal-ajruplan, fejn “il-post tat-tluq u tal-wasla” għandhom jinfthiemu bħala dawk previsti fil-kuntratt tat-trasport inkwistjoni konkluż ma’ kumpannija waħda tal-ajru li hija t-trasportatriċi effettiva.

42

F’dan ir-rigward għandu madankollu jiġi osservat li, b’differenza minn kunsinni ta’ oġġetti f’żewġ postijiet differenti, li jikkostitwixxu operazzjonijiet distinti u kwantifikabbli sabiex tiġi stabbilita l-kunsinna prinċipali skont kriterji ekonomiċi, it-trasport bl-ajru jikkostitwixxi, minħabba n-natura tiegħu stess, servizzi pprovduti b’mod indiviżibbli u magħquda mill-post tat-tluq sal-post tal-wasla tal-ajruplan, b’mod illi f’dawn il-każijiet mhuwiex possibbli li tkun distinta, skont kriterji ekonomiċi, parti speċifika tas-servizz li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali, li huwa pprovdut f’post preċiż.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm il-post tat-tluq kif ukoll il-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, fuq l-istess livell, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru.

44

Kull wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet għandu rabta suffiċjenti ta’ prossimità mal-elementi materjali tal-kawża, u għaldaqstant, jiżgura r-rabta stretta, meħtieġa mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, bejn il-kuntratt u l-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrent f’kawża għal kumpens imressqa abbażi tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jħarrek, skont l-għażla tiegħu, lill-konvenut quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab wieħed mill-imsemmija żewġ postijiet abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

45

Din il-fakultà ta’ għażla mogħtija lir-rikorrenti, barra illi tirrispetta l-kriterju ta’ prossimità, tissodisfa wkoll ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sa fejn hija tippermetti sew lir-rikorrent u kemm lill-konvenut li jiddentifika faċilment il-qrati li jistgħu jisimgħu l-kawża. Barra minn hekk, peress illi l-possibbiltà tal-għażla għar-rikorrent hija limitata, fil-kuntest tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għal żewġ qrati possibbli, hija tissodisfa l-għan taċ-ċertezza legali. Għandu jiġi mfakkar ukoll illi r-rikorrent dejjem għandu l-possibbiltà li jiftaħ kawża quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, kif previst fl-Artikolu 2(1) tal-istess regolament, jiġifieri, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 60(1) tal-istess regolament, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha t-trasportatur bl-ajru għandu s-sede tiegħu, iċ-ċentru amministrattiv tiegħu jew il-post prinċipali tan-negozju tiegħu, u dan huwa konformi mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal.

46

Barra minn hekk, din il-fakultà ta’ għażla favur ir-rikorrent, anki fil-każ ta’ qrati li jinsabu fi Stati Membri differenti, hija rikonoxxuta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali f’kwistjonijiet ta’ delitti u kważi-delitti, prevista fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li hija riprodotta wkoll fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, magħrufa bħala “Mines de potasse d’Alsace”, 21/76, Ġabra p. 1735, punti 24 u 25, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C-168/02, Ġabra p. I-6009, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, magħmul abbażi ta’ kuntratt konkluż ma’ kumpannija waħda tal-ajru li hija t-trasportatriċi effettiva, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport u fuq ir-Regolament Nru 261/2004 hija dik, skont l-għażla tar-rikorrent, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tat-tluq jew tal-wasla tal-ajruplan, kif dawn il-postijiet ikunu ġew miftiehma fl-imsemmi kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bl-ajru ta’ persuni minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, magħmul abbażi ta’ kuntratt konkluż ma’ kumpannija waħda tal-ajru li hija t-trasportatriċi effettiva, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ t-talba għal kumpens ibbażata fuq dan il-kuntratt ta’ trasport u fuq ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 hija dik, skont l-għażla tar-rikorrent, li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab il-post tat-tluq jew tal-wasla tal-ajruplan, kif dawn il-postijiet ikunu ġew miftiehma fl-imsemmi kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top