Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0195

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Lulju 2008.
    Inga Rinau.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Lietuvos Aukščiausiasis Teismas - il-Litwanja.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta' sentenzi - Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Talba għal nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza ta' ritorn ta' minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor - Proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza.
    Kawża C-195/08 PPU.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:406

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    11 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor — Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari”

    Fil-Kawża C-195/08 PPU,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura mibdija minn

    Inga Rinau,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    Komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistraturi: C. Strömholm, Amministratur, u A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,

    wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-21 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2008, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bi proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

    wara li rat id-deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2008 tat-Tielet Awla li tilqa’ din it-talba,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Inga Rinau, minn G. Balčiūnas u G. Kaminskas, advokatai,

    għal Michael Rinau, minn D. Foigt, advokatė,

    għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Mackevičienė, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. During, bħala aġent,

    għall-Gvern Latvjan, minn E. Balode-Buraka u E. Eihmane, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. ten Dam, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. Jenkinson, bħala aġent, assistita minn C. Howard, QC, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    wara li semgħet l-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn I. Rinau u M. Rinau dwar ir-ritorn fil-Ġermanja tat-tifla tagħhom Luisa, miżmuma fit-Litwanja minn I. Rinau.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980

    3

    L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Aja, tal-25 ta’ Ottubru 1980, fuq l-aspetti ċivili fis-sekwestru internazzjonali tal-minuri (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-AJA”), jipprovdi:

    “Ir-rimozzjoni jew ir-ritenzjoni ta’ minuri għandhom jitqiesu bħala illeċiti:

    a)

    dan ikun bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja, vestiti f’persuna, istituzzjoni jew enti oħra, kemm singolarment, kif ukoll konġuntement, taħt il-liġi ta’ l-Istat fejn il-minuri kien soltu joqgħod minnufih qabel ir-rimozzjoni jew ritenzjoni, u

    b)

    fil-waqt tar-rimozzjoni jew tar-ritenzjoni dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għar-rimozzjoni jew għar-ritenzjoni.

    Id-drittijiet ta’ kustodja imsemmija fis-subparagrafu (a) hawn aktar qabel jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skond il-liġi ta’ dak l-Istat.”

    4

    Skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980:

    “Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skond l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid-data tar-rimozzjoni jew ritenzjoni illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-minuri biex dan isir minnufih.

    L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, ukoll meta il-proċedimenti jkunu inbdew wara li jkun għalaq il-perjodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu ta’ qabel, għandha tordna wkoll ir-ritorn tal-minuri kemm-il darba ma jiġix pruvat li l-minuri jkun issa adatta ruħu fl-ambjent ġdid tiegħu.

    Meta l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest ikollha

    għaliex tissuspetta li l-minuri jkun ittieħed fi Stat ieħor, din tista’ twaqqaf il-proċedimenti jew tiċħad l-applikazzjoni għar-ritorn tal-minuri.”

    5

    L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-AJA tal-1980 jipprovdi:

    “Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta’ l-Istat rikjest m’hiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, istituzzjoni jew enti oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li:

    a)

    il-pesuna, istituzzjoni jew enti oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kienux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għar-rimozzjoni jew ritenzjoni tal-minuri;

    b)

    jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

    L-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tista’ wkoll tirrifjuta li tordna rritorn tal-minuri jekk issib li l-minuri joġġezzjona għar-ritron tiegħu u jkun laħaq età u livell ta’ maturità li jkun tajjeb li wieħed jagħti każ tal-fehmiet tiegħu.

    Meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi msemmija f’dan l-Artiklu, l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi għandhom iqisu l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-isfond soċjali tal-minuri kif provduta mill-Awtorità ċentrali jew minn xi awtorità kompetenti oħra tal-post fejn ikun soltu joqgħod il-minuri.”

    6

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti.

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    7

    Is-sbatax-il premessa tar-Regolament tispeċifika:

    “F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza [deċiżjoni] tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.”

    8

    Il-wieħed u għoxrin premessa tar-Regolament tipprovdi:

    “Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.”

    9

    L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    4)

    il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

    5)

    il-kliem ‘l-oriġini ta’ l-Istati Membri’ għandhom ifissru l-Istat Membru fejn is-sentenza li għandha tiġi nfurzata ġiet maħruġa;

    6)

    il-kliem ‘l-Istati Membru ta’ l-infurzar’ għandu jfisser l-Istat Membru fejn qed tipprova tiġi nfurzata s-sentenza;

    7)

    il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

    8)

    il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

    […]

    11)

    il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

    a)

    hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

    u

    b)

    iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

    10

    L-Artikolu 8 tar-Regolament jipprovdi:

    “1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

    11

    L-Artikolu 10 tar-Regolament jipprovdi:

    “F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor […]”

    12

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament:

    “1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 […] ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

    2.   Meta jiġu applikati l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, għandu jiġi assigurat li l-minuri għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li tinstema’ x-xhieda tagħhom waqt il-proċedimenti sakemm dan ma jidhirx li dan ma jkunx xieraq minħabba l-età ta’ l-minuri jew il-livell ta’ maturità tagħhom.

    3.   Qorti li fiha hemm applikazzjoni għar-ritorn ta’ l-minuri kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha taġixxi bil-ħeffa fil-proċedimenti dwar l-applikazzjoni, billi tuża l-aktar proċedimenti ħfief fix-xogħol li huma disponibbli fil-liġi nazzjonali.

    Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, il-qorti għandha, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibli, taqta’ is-sentenza tagħha sa mhux aktar tard minn sitt gimgħat wara li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

    4.   Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.

    5.   Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri sakemm il-persuna li talbet ir-ritorn ta’ l-minuri tkun ingħatat l-opportunità li tinstema’.

    6.   Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

    7.   Kemm-il darba l-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġew diġa fil-pussess ta’ wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

    8.   Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi assigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

    13

    Il-Kapitolu III tar-Regolament, intitolat “Ir-rikonoxximent u l-infurzar” jinkludi l-Artikoli 21 sa 52 tiegħu. It-taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu III, intitolata “L-infurzabilità ta’ ċerti sentenzi dwar id-drittijiet ta’ l-aċċess u ċerti sentenzi li jeħtieġu r-ritorn ta’ l-minuri”, tinkludi l-Artikoli 40 sa 45 tal-istess regolament.

    14

    L-Artikolu 21(1) u (3) tar-Regolament jipprovdi:

    “1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

    […]

    3.   Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika [tippreżenta rikors] għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.”

    15

    L-Artikolu 23 tar-Regolament jipprovdi:

    “Sentenza [deċiżjoni] dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

    a)

    Jekk l-imsemmi jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri;

    […]”

    16

    Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament:

    “Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

    17

    L-Artikolu 28(1) tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.”

    18

    L-Artikolu 31 tar-Regolament jipprovdi:

    “1.   Il-qorti li tkun saritilha l-applikazzjoni [skond id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva] għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien. La l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri m’għandhom, f’dan l-istadju ta’ l-proċedimenti, ikunu ntitulati jagħmlu xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

    2.   L-applikazzjoni tista’ tiġi rifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 22, 23 u 24.

    3.   Taħt l-ebda ċirkustanzi m’għandha sentenza titħalla tiġi riveduta nkwantu għas-sustanza tagħha.”

    19

    L-Artikolu 40 tar-Regolament jipprevedi:

    “1.   Din it-taqsima għandha tapplika għal:

    […]

    b)

    ir-ritorn ta’ l-minuri bħala konsegwenza ta’ sentenza mogħtija skond l-Artikolu 11(8).

    2.   Id-disposizzjonijiet ta’ din it-taqsima m’għandhomx iċaħħdu lil min għandu r-responsabbilità ta’ l-ġenituri milli jfittex ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza skond id-disposizzjonijiet fit-Taqsima 1 u 2 ta’ dan il-Kapitolu.”

    20

    Skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, intitolat “Ir-ritorn tal-minuri”:

    “1.   Ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l-infurzar mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2.

    Anke jekk il-liġi nazzjonali ma tipprovdiex għall-infurzabilità b’operat ta’ l-liġi, minkejja kwalunkwe appell, ta’ xi sentenza li teħtieġ ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 11(b)(8), il-qorti ta’ l-oriġini tista’ tiddikjara s-sentenza bħala nfurzabbli.

    2.   L-Imħallef ta’ l-oriġini li qata’ s-sentenza msemmija fl-Artikolu 40(1)(b) għandu joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 biss jekk:

    a)

    il-minuri ingħata l-opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu;

    b)

    partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

    c)

    il-qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza r-raġunijiet għal u x-xhieda wara ta’ l-ordni maħruġa skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980.

    Fil-każ li l-qorti jew kwalsijasi awtorità oħra tadotta miżuri biex tassigura l-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tagħhom fl-Istat abitwali tar-residenza, iċ-certifikat għandu jinkludi fih id-dettalji dwar l-imsemmija miżuri.

    L-Imħallef ta’ l-oriġini għandu fuq mozzjoni tiegħu jew tagħha stess joħrog dak iċ-ċertifikat billi juża l-forma standard li tinstab fl-Anness IV (iċ-ċertifikat dwar ir-ritorn ta’ l-minuri).

    Iċ-ċertifikat għandu jiġi finalizzat fl-ilsien tas-sentenza.”

    21

    L-Artikolu 43 tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini għandha ssir applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat.

    2.   M’għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat skond l-Artikoli 41(1) or 42(1).”

    22

    Skont l-Artikolu 44 tar-Regolament, “[i]ċ-ċertifikat għandu jkollu effett biss fil-limiti ta’ l-infurzabilità tas-sentenza.”

    23

    L-Artikolu 60 tar-Regolament jipprovdi:

    “Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

    […]

    e)

    il-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-25 ta’ Ottubru ta’ l-1980 […].”

    24

    L-Artikolu 68 tar-Regolament jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ qrati u l-proċedimenti għad-danni msemmija fl-Artikoli 21, 29, 33 and 34 u kull emendi għalihom.

    Il-Kummissjoni għandha taġġorna din l-informazzjoni u għandha tpoġġiha għad-disposizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u kull mod ieħor xieraq.”

    25

    Mill-informazzjoni relatata mal-qrati u mal-proċedimenti għad-danni nnotifikati skont l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 2201/2003 (ĠU 2005, C 40, p. 2) jirriżulta li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 68 tiegħu, ir-Repubblika tal-Litwanja informat il-Kummissjoni li r-rikorsi previsti fl-Artikoli 21 u 29 ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-appell previst fl-Artikolu 33 tiegħu ġew ippreżentati quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell), u li d-deċiżjoni mogħtija fl-appell, prevista fl-Artikolu 34 tal-istess regolament, tista’ tiġi kkontestata biss minn appell fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (qorti suprema).

    26

    Mill-imsemmija informazzjoni jirriżulta li rikors għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika tal-Litwanja, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament, għandu jiġi ppreżentat quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas.

    27

    Skont l-Artikolu 72 tiegħu, ir-Regolament japplika essenzjalment mill-1 ta’ Marzu 2005. Ir-Regolament mhuwiex applikabbli għar-Renju tad-Danimarka.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    28

    I. Rinau, ta’ nazzjonalità Litwana u M. Rinau, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, iżżewġu fis-27 ta’ Lulju 2003 u kienu jirrisjedu f’Bergfelde (il-Ġermanja). It-tifla tagħhom, Luisa, twieled fil-11 ta’ Jannar 2005. Matul ix-xahar ta’ Marzu tas-sena 2005, il-konjuġi Rinau bdew jgħixu separatament u Luisa baqgħet ma’ ommha. Kien f’dan iż-żmien, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, li nbdiet proċedura ta’ divorzu quddiem l-Amtsgericht Oranienburg (il-Ġermanja).

    29

    Fil-21 ta’ Lulju 2006, I. Rinau, wara li kisbet il-permess minn għand M. Rinau sabiex toħroġ mit-territorju Ġermaniż bit-tifla tagħhom għal ġimgħatejn vakanzi, daħlet ma’ din tal-aħħar, u tifel minn żwieġ preċedenti, fil-Litwanja, fejn baqgħet s’issa.

    30

    Fl-14 ta’ Awwissu 2006, l-Amtsgericht Oranienburg tat il-kustodja ta’ Luisa temporanjament lil missierha. Fil-11 ta’ Ottubru 2006, il-Brandenburgisches Oberlandesgericht (il-Ġermanja) ċaħdet l-appell ta’ I. Rinau u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg.

    31

    Fit-30 ta’ Ottubru 2006, M. Rinau talab lill-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda) (il-Litwanja) sabiex jikseb ir-ritorn tat-tifla tiegħu fil-Ġermanja, billi invoka l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u r-Regolament. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006, din il-qorti ċaħdet din it-talba.

    32

    Skont informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, l-imsemmija deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006 intbagħtet lill-awtorità ċentrali Ġermaniża mill-avukat ta’ M. Rinau, u din l-awtorità informat hi stess b’dan lill-Amtsgericht Oranienburg. Wara din il-komunikazzjoni, l-awtorità ċentrali Litwana bagħtet traduzzjoni bil-Ġermaniż tal-imsemmija deċiżjoni.

    33

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007, il-Lietuvos apeliacinis teismas biddel id-deċiżjoni tal-Klaipėdos apygardos teismas u ordna r-ritorn tat-tifla fil-Ġermanja.

    34

    Matul ix-xahar ta’ April 2007, il-Klaipėdos apygardos teismas ħareġ digriet ta’ sospensjoni tal-infurzar tad-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-15 ta’ Marzu 2007. Din l-aħħar qorti annullat l-imsemmi digriet permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2007. Hekk kif ġie speċifikat matul is-seduta, l-infurzar tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 kien ġie sospiż diversi drabi.

    35

    I. Rinau, fl-4 ta’ Ġunju 2007, u l-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja fit-13 ta’ Ġunju 2007, talbu lill-Klaipėdos apygardos teismas tiftaħ mill-ġdid il-kawża billi invokaw ċirkustanzi ġodda u l-interess tat-tifla fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Fid-19 ta’ Ġunju 2007, din il-qorti ċaħdet dawn it-talbiet minħabba li hi ma kellhiex il-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq dan, ħaġa li kellhom il-qrati Ġermaniżi. Peress li I. Rinau ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-Lietuvos apeliacinis teismas ikkonfermaha permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2007. Dawn l-aħħar żewġ deċiżjonijiet ġew annullati mill-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas b’sentenza tas-7 ta’ Jannar 2008, li rrinvijat l-imsemmija talbiet lill-Klaipėdos apygardos teismas.

    36

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2008, il-Klaipėdos apygardos teismas ċaħdet għal darb’oħra dawn it-talbiet. Din id-deċiżjoni ġet ikkonfermata mill-Lietuvos apeliacinis teismas minn deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008. Fuq talba ta’ I. Rinau, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet, fis-26 ta’ Mejju 2008, li taqta’ l-kawża bħala qorti ta’ kassazzjoni u ssospendiet l-infurzar tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2007 li tordna r-ritorn ta’ Luisa fil-Ġermanja sakemm ma tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu.

    37

    Sadanittant, permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2007, l-Amtsgericht Oranienburg iddikjarat id-divorzu tal-konjuġi Rinau. Hija tat il-kustodja definittiva ta’ Luisa lil M. Rinau. Filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006 tal-Klaipėdos Apygardos Teismas li rrifjutat ir-ritorn tat-tifla, l-Amtsgericht ħadet inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni u l-argumenti ppreżentati u ordnat lil I. Rinau tibgħat it-tifla l-Ġermanja u tgħaddi l-kustodja lil M. Rinau. I. Rinau ma kinitx preżenti matul is-seduta ta’ din il-qorti, iżda hija kienet irrappreżentata hemmhekk u ppreżentat osservazjonijiet. Fl-istess ġurnata, l-Amtsgericht Oranienburg iċċertifikat id-deċiżjoni tagħha b’ċertifikat maħruġ bis-saħħa tal-Artikolu 42 tar-Regolament.

    38

    Fl-20 ta’ Frar 2008, il-Brandenburgisches Oberlandesgericht ċaħdet l-appell ippreżentat minn I. Rinau kontra l-imsemmija sentenza u kkonfermatha għal dak li jirrigwarda l-kustodja ta’ Luisa u kkonstatat li Inga Rinau kienet diġà marbuta li tirritorna t-tifla. I. Rinau kienet preżenti matul is-seduta u ppreżentat ossevazzjonijiet.

    39

    I. Rinau ressqet rikors quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas intiż li ma tirrikonoxxix is-sentenza tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, safejn din tagħti l-kustodja ta’ Luisa lil M. Rinau u tobbliga lill-omm ta’ din tal-aħħar tagħti t-tifla lil missierha u tgħaddilu l-kustodja.

    40

    Fl-14 ta’ settembru 2007, il-Lietuvos apeliacinis teismas tat digriet li bih hija ddeċidiet li t-talba ta’ I. Rinau kienet inammissibbli. Skont din il-qorti, iċ-ċertifikat maħruġ mill-Amtsgericht Oranienburg bis-saħħa tal-Artikolu 42 tar-Regolament jindika li l-kundizzjonijiet kollha neċessarji għal ħruġ ta’ tali ċertifikat, imniżżla fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu, kienu sodisfatti. Filwaqt li kkunsidrat li l-imsemmija sentenza, sa fejn hija ordnat ir-ritorn tat-tifla fil-Ġermanja, kellha tiġi direttament infurzata skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Taqsima 4 tal-istess regolament, mingħajr ma kien neċessarju li wieħed jirrikorri għall-proċedura speċjali ta’ “exequatur” tar-rikonoxximent u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-Lietuvos apeliacinis teismas iddeċidiet li r-rikors ta’ I. Rinau intiż għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-parti tal-imsemmija sentenza li tobbligaha tagħti t-tifla lill-missier Luisa u tgħaddilu l-kustodja huwa inammissibbli.

    41

    I. Rinau għalhekk ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas intiż għall-annullament tal-imsemmi digriet u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li tilqa’ l-applikazzjoni tagħha għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta-sentenza tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, safejn hi tagħti l-kustodja ta’ Luisa lil M. Rinau u tobbliga lil I. Rinau tirritorna t-tifla lil missierha u tgħaddilu l-kustodja.

    42

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Parti interessata fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament […] tista’ titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata talba għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, kif għandha l-qorti nazzjonali, meta tevalwa t-talba sabiex ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni ppreżentata mill-persuna li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni hija eżekuttiva, tapplika l-Artikolu 31(1) tar-Regolament […], li jiddisponi li ‘[…] la l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri [ma jistgħu], f’dan l-istadju tal-proċeduri, ikunu intitolati jagħmlu sottomissjonijiet’?

    3)

    Il-qorti nazzjonali li quddiemha min għandu r-responsabbiltà parentali jkun ippreżenta t-talba li ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina li biha tordna r-ritorn tal-minuri, li jgħix għandu, lejn l-Istat minn fejn toriġina, li għalih ikun ġie ppreżentat ċertifikat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament […], għandha teżaminah skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament […], hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 40(2) ta’ dan ir-regolament?

    4)

    Xi tfisser il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament […] ‘Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4’?

    5)

    L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ta’ minuri u n-notifika taċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament […] mill-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn huwa miżmum il-minuri b’mod illegali tkun ħadet deċiżjoni li l-minuri jiġi rritornat lejn l-Istat minn fejn toriġina d-deċiżjoni [huma konformi] mal-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament […]?

    6)

    Il-projbizzjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti minn fejn toriġina d-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolament […] tfisser li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-talba ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ qorti barranija, li ma tistax tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni u li ma sabitx motivi oħra għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament […], għandha tirrikonoxxi d-deċiżjoni ta’ ritorn tal-minuri tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni jekk il-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni ma tkunx irrispettat il-proċedura stabbilita mir-regolament għall-finijiet li tiġi solvuta l-kwistjoni tar-ritorn tal-minuri?”

    Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

    43

    Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Mejju 2008, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2008, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

    44

    Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi għamlet riferiment għas-17-il premessa tar-Regolament, li tipprevedi r-ritorn mingħajr dewmien ta’ minuri meħud u għall-Artikolu 11(3) tal-istess regolament, li jiffissa terminu ta’ sitt gimgħat għal qorti li quddiemha qed tiġi ppreżentata talba għal ritorn sabiex tagħti s-sentenza tagħha. Il-qorti nazzjonali tikkonstata l-ħtieġa li tittieħed azzjoni b’urġenza peress li kull dewmien ikun ta’ dannu għar-relazzjonijiet bejn il-minuri u l-ġenitur li ma jgħix miegħu. Id-degradazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet tista’ tkun permanenti.

    45

    Il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha wkoll fuq il-ħtieġa li l-minuri jiġi protett minn dannu eventwali possibbli u n-neċessità li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tal-minuri u dawk tal-ġenituri tiegħu, ħaġa li teżiġi wkoll l-użu tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

    46

    Fuq talba tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex id-deċiżjoni preliminari tinstema’ bil-proċedura b’urġenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    47

    Il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), li ġiet emendata diversi drabi, hija intiża sabiex tiffaċilita bejn l-Istati kontraenti r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali. Għal dan il-għan, hija daħħlet regoli ta’ ġurisdizzjoni u proċeduri ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’dan il-qasam. Dawn ir-regoli kienu bbażati fuq il-prinċipju tal-fiduċja reciproka tal-qrati ta’ Stat kontraenti f’deċiżjonijiet meħuda mill-qrati ta’ Stat kontraenti ieħor. Din il-konvenzjoni ma tapplikax għal dak li jikkonċerna l-istatus u l-kapaċità ta’ persuni fiżiċi u d-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali (Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968).

    48

    Peress li l-interess tal-minuri huwa ta’ importanza essenzjali għal kull kwistjoni relatata mal-kustodja ta’ dan tal-aħħar u li huwa għandu jiġi protett, fuq livell internazzjonali, kontra l-effetti dannużi ta’ tneħħija jew żamma illegali u li jiġu stabbiliti proċeduri sabiex jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dritt ta’ aċċess, ġiet adottata l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    49

    L-orjentament tal-konvenzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ġie segwit, fil-qasam fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, mir-Regolament. Dan huwa applikabbli għal kwistjonijiet ċivili dwar, minn naħa, divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ u, min-naħa l-oħra l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni kompleta jew parzjali tar-responsabbilità tal-ġenituri.

    50

    Skont il-wieħed u għoxrin premessa tar-Regolament, dan huwa bbażat fuq il-kunċett li r-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka u li r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għal dak li huwa l-minimu neċessarju.

    51

    Skont it-tnax u t-tlettax-il premessa tar-Regolament, dan tal-aħħar jitlaq mill-kunċett li l-interess superjuri tal-minuri għandu jipprevali u, bis-saħħa tat-tlieta u tletin premessa tiegħu, ir-Regolament ifittex li jiżgura d-drittijiet fundamentali tal-minuri, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea.

    52

    Ir-Regolament huwa intiż, b’mod partikolari, li jiskoraġġixxi t-tneħħija ta’ minuri bejn Stati Membri u, fil-każ ta’ tneħħija, li jikseb ritorn mingħajr dewmien tal-minuri.

    53

    Skont is-sbatax-il premessa tal-istess regolament, dan jikkumplementa d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 li tibqa’, mandankollu, applikabbli.

    54

    Bis-saħħa tal-Artikolu 60 tiegħu, ir-Regolament jipprevali fuq il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    55

    Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet u l-priniċipji mfakkra fil-punti 47 sa 54 ta’ din is-sentenza li għandhom jingħataw ir-risposti lid-domandi preliminari.

    Fuq ir-raba’ sa s-sitt domandi

    56

    Permezz tar-raba’ sa s-sitt domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-adozzjoni, minn qorti ta’ Stat Membru tal-oriġini, ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri u l-ħruġ ta’ ċertifikat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament humiex konformi mal-għanijiet u mal-proċeduri tiegħu fil-każ fejn qorti tal-Istat Membru li fih il-minuri jkun miżmum illegalment tkun ħadet deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri fl-Istat Membru ta’ oriġini. Il-qorti nazzjonali tfittex ukoll tkun taf jekk l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li fih ikun qed jinżamm illegalment il-minuri għandhiex tirrikonoxxi deċiżjoni li tordna r-ritorn tiegħu mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini jekk din tal-aħħar ma tkunx osservat il-proċedura ddefinita mill-imsemmi regolament.

    57

    L-Artikolu 11(8) tar-Regolament jipprovdi li “[m]inkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

    58

    Skont xi wħud mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li ċertifikat jista’ jinħareġ biss skont l-Artikolu 42 tar-Regolament jekk deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn tkun ingħatat qabel taħt l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Minn dan isegwi, fil-kawża prinċipali, li l-fatt li l-Lietuvos apeliacinis teismas ordnat ir-ritorn tal-minuri, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-15 ta’ Marzu 2007, żamm lill-qrati tal-Istat tal-oriġini milli joħorġu ċertifikat taħt l-Artikolu 42, kif għamlet l-Amtsgericht Oranienburg permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2007, li ġiet ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2008 tal-Brandenburgisches Oberlandesgericht.

    59

    L-interpretazzjoni li ċertifikat ma jistax jinħareġ skont l-Artikolu 42 tar-Regolament mingħajr ma deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn ma ngħatat minn qabel għandha tiġi aċċettata.

    60

    Fil-fatt, hija din l-interpretazzjoni li tirriżulta mir-Regolament fit-totalità tiegħu u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11(8) tiegħu.

    61

    Wara li pprovda li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti, fl-Istati Membri l-oħra, mingħajr ma jkun neċessarju li tirrikorri għal kwalunkwe proċedura, ir-Regolament jorganizza r-rikonoxximent u d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva tad-deċiżjonijiet f’żewġ sezzjonijiet (Artikoli 21(1) u (3), 11(8), 40(1) u 42(1)). Skont l-ewwel sezzjoni, l-adozzjoni tad-deċiżjoni għar-rikonoxximent u tad-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva jistgħu jintalbu skont il-proċeduri previsti fil-Kapitolu III, Taqsima 2 ta’ dan ir-regolament. Permezz tat-tieni, is-saħħa eżekuttiva ta’ ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-dritt ta’ aċċess jew li jordnaw ir-ritorn tal-minuri taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-istess kapitolu.

    62

    Din l-aħħar sezzjoni timxi strettament mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-ritorn immedjat tal-minuri.

    63

    Għalkemm essenzjalment marbuta ma’ kwistjonijiet oħra rregolati bir-Regolament b’mod partikolari d-dritt ta’ kustodja, is-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn għandha awtonomija proċedurali, sabiex ma ddewwimx ir-ritorn ta’ minuri li tneħħa jew inżamm illegalment fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

    64

    L-awtonomija proċedurali tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 11(8), 40 u 42 tar-Regolament u l-prijorità mogħtija lill-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini, fil-kuntest tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament, huma mdaħħla fl-Artikoli 43 u 44 ta’ dan ir-regolament, u d-dispożizzjonijiet tiegħu jipprevedu li l-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini għandha ssir applikabbli għal kull korrezzjoni fiċ-ċertifikat, li m’għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat u li ċ-ċertifikat għandu jkollu effett biss fil-limiti tas-saħħa eżekuttiva tas-sentenza.

    65

    Ir-riżerva magħmula fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament, bil-kliem “[m]ingħajr preġudizzju għal Taqsima 4”, li hija s-suġġett tar-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha bħala għan li tispeċifika li l-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni lil kull parti interessata li titlob li tittieħed deċiżjoni għal rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma teskludiex il-possibbiltà, taħt il-kundizzjonijiet neċessarji, li wieħed jirrikorri għas-sistema prevista fl-Artikoli 11(8), 40 u 42, għall-każ ta’ ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn, peress li din is-sistema tipprevali fuq dik prevista fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III.

    66

    Għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura prevista fil-każ ta’ ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn tirriproduċi u ssaħħah id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. B’mod partikolari, it-terminu biex tinqata’ talba kontra r-ritorn huwa qasir ħafna. Barra minn hekk, deċiżjoni definittiva li tordna r-ritorn tista’ tiġi adottata minn qorti kompetenti taħt ir-Regolament. Fl-aħħar nett, il-proċedura tintemm b’ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni li tagħtiha saħħa eżekuttiva speċjali, peress li l-kundizzjonijiet tal-għoti u l-effetti taċ-ċertifikat huma espressament iddefiniti mir-Regolament.

    67

    B’hekk, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-għoti, mill-Artikolu 42(2) tar-Regolament jirriżulta li l-qorti tal-oriġini li tkun tat id-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 40(1)(b) tal-istess regolament għandha toħroġ iċ-ċertifikat biss jekk:

    “a)

    il-minuri ingħata l-opportunità li jinstema, ħlief jekk seduta ġiet ikkunsidrata li mhix xierqa wara li ġew ikkunsidrati l-età jew livell ta’ maturità tiegħu;

    b)

    il-partijiet ġew mogħtija opportunità li jinstemgħu; u

    c)

    il-qorti kkunsidrat waqt li kienet qed taqta’ s-sentenza r-raġunijiet għal u x-xhieda wara ta’ l-ordni maħruġa skont l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980”.

    68

    Fir-rigward tal-effetti taċ-ċertifikazzjoni, mill-mument li ċ-ċertifikat ikun inħareġ, id-deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri prevista fl-imsemmi Artikolu 40(1)(b), hija rrikonoxxuta u tiddisponi mis-saħħa eżekuttiva fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tkun neċessarja dikjarazzjoni li tirrikonoxxi s-saħħa eżekuttiva u mingħajr ma jkun possibbli li topponi r-rikonoxximent tagħha.

    69

    Għandu jiġi mfakkar li din is-sistema tapplika biss fil-każ ta’ ritorn ta’ minuri wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn prevista fl-Artikolu 11(8).

    70

    Jimxi f’dan is-sens l-Artikolu 11(8) tar-Regolament, li jipprovdi li “[m]inkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn [deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn] skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi assigurat ir-ritorn ta’ l-minuri”.

    71

    Jekk il-frażi “[m]inkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn” fiha ċerta ambigwità, ir-rabta tagħha mal-kliem “kwalunkwe sentenza [deċiżjoni] li tiġi wara” tindika relazzjoni kronoloġika bejn deċiżjoni, jiġifieri dik kontra r-ritorn, u d-deċiżjoni ta’ wara, peress li tali formulazzjoni ma tħalli l-ebda dubju għal dak li jikkonċerna n-natura preċedenti tal-ewwel deċiżjoni.

    72

    Is-sabatax-il premessa tar-Regolament tikkonferma din il-interpretazzjoni, billi tispeċifika li deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn “tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta.”

    73

    Mill-Artikolu 42(2)(c), li jimponi fuq il-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni l-motivi u l-provi li fuqhom ingħatat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja, jirriżulta li din tista’ tieħu deċiżjoni biss wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn fl-Istat Membru tal-infurzar.

    74

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 40(1)(b) tar-Regolament huwa dispożizzjoni li għandha tapplika biss meta deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn tingħata minn qabel fl-Istat Membru tal-infurzar.

    75

    Il-konsegwenzi li ċerti osservazzjonijiet (iċċitati fil-punt 58 ta’ din is-sentenza) jiddeduċu minn din l-interpretazzjoni ma jistgħux, għaldaqstant, jintlaqgħu.

    76

    Fil-fatt, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament jeżiġi li l-qrati li quddiemhom ikun ġie ppreżentat rikors għal ritorn jaġixxu malajr billi jużaw il-proċeduri l-iktar mgħaġġla previsti mid-dritt nazzjonali. It-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi, barra minn hekk, li, bla ħsara għall-għan ta’ ħeffa, id-deċiżjoni għandha tingħata, ħlief fejn ċirkustanzi eċċezzjonali jagħmlu dan impossibbli, sa mhux iktar tard minn sitt gimgħat wara li r-rikors ikun ġie ppreżentat.

    77

    Iktar preċiżament, il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 11 jipprevedi li, meta tinqata’ deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn minn qorti, din għandha minnufih tittrażmetti, jew direttament jew permezz tal-awtorità ċentrali tagħha, kopja tad-deċiżjoni tal-qorti u d-dokumenti rilevanti, b’mod partikolari t-traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kien abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali. In-natura urġenti ta’ dawn il-proċeduri tirriżulta wkoll mill-aħħar frażi tal-istess paragrafu, li tiddisponi li l-qorti tal-oriġini “għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn”.

    78

    Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex biss intiżi sabiex jiżguraw ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat Membru fejn huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu eżatt qabel t-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, iżda huma intiżi wkoll sabiex jippermettu lil-qorti tal-oriġini tevalwa l-motivi u l-provi li fuqhom tkun ingħatat id-deċiżjoni kontra r-ritorn.

    79

    B’mod partikolari, il-qorti tal-oriġini għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet indikati fil-punt 67 ta’ din is-sentenza jkunux ġew sodisfatti.

    80

    Peress li din l-evalwazzjoni għandha ssir, fl-aħħar analiżi, mill-qorti tal-oriġini, skont l-Artikoli 10 u 40(1)(b) tar-Regolament, il-kwistjonijiet proċedurali li, wara deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn tkun ittieħdet, jitqajmu jew iseħħu mill-ġdid fl-Istat Membru tal-infurzar mhumiex determinanti u jistgħu jiġu kkunsidrati irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    81

    Jekk dan ma kienx ikun il-każ, ikun hemm ir-riskju li r-Regolament ma jkollux l-effett utli tiegħu, peress li l-għan tar-ritorn immedjat tal-minuri jibqa’ suġġett għall-kundizzjoni tal-eżawriment tar-rimedji proċedurali ammessi mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-minuri huwa miżmum illegalment. Dan ir-riskju għandu jittieħed iktar u iktar inkunsiderazzjoni peress li, għal dak li jikkonċerna t-tfal ta’ età żgħira, iż-żmien bijoloġiku ma jistax jitkejjel skont kriterji ġenerali, fid-dawl tal-istruttura intellettwali u psikoloġika ta’ dawn it-tfal u l-għaġġla tal-iżvilupp tagħhom.

    82

    Anki jekk ir-Regolament m’għandux bħala għan li jgħaqqad ir-regoli tal-liġi sostanzjali u proċedurali tal-Istati kontraenti differenti, huwa madankollu importanti li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali ma jippreġudikawx l-effett utli tiegħu (ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1990, Hagen, C-365/88, Ġabra p. I-1845, punti 19 u 20; tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et, C-68/93, Ġabra p. I-415, punt 36 u tas-27 ta’ April 2004, Turner, C-159/02, Ġabra p. I-3565, punt 29).

    83

    Għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni tar-Regolament hija konformi mal-eżiġenzi u mal-finalità tiegħu u li hija l-unika li tista’ tiżgura bl-aħjar mod l-effettività tad-dritt Komunitarju.

    84

    Barra minn hekk, hija kkonfermata minn żewġ elementi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-kliem “kwalunkwe sentenza [deċiżjoni] li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri”, li jinsabu fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament, kliem li jesprimu l-kunċett li l-qorti tal-oriġini, mill-mument li tingħata d-deċiżjoni kontra r-ritorn, tista’ tiġi obbligata li tieħu waħda jew diversi deċiżjonijiet sabiex tikseb ir-ritorn tal-minuri, inkluż il-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ waqfien proċedurali jew fattwali. It-tieni element huwa ta’ ordni sistematiku u huwa bbażat fuq il-fatt li, bil-kontra tal-proċedura prevista mill-Artikoli 33 sa 35 tal-imsemmi regolament ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva, id-deċiżjonijiet mogħtija skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III (dritt ta’ aċċess u ritorn tal-minuri) jistgħu jiġu ddikjarati infurzabbli mill-qorti tal-oriġini independentement minn kull possibbiltà ta’ appell, kemm fl-Istat Membru tal-oriġini kif ukoll dak tal-infurzar.

    85

    Billi teskludi kull appell kontra l-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 42(1) barra minn azzjoni ta’ korrezzjoni fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament, dan tal-aħħar ifittex li jevita li l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu titqiegħed inkwistjoni permezz ta’ użu abbużiv tal-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 68 ma jsemmi, fost l-appelli, ebda appell ippreżentat minn deċiżjonijiet meħuda skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu III tar-Regolament.

    86

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-ispeċifiċitajiet tal-kontroversja fil-kawża prinċipali.

    87

    Minn naħa, is-sekwenza tad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Litwani, li jikkonċernaw kemm l-applikazzjoni għal ritorn kif ukoll dik tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni ċċertifikata skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, ma tidhirx li rrispettat l-awtonomija tal-proċedura prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ deċiżjonijiet u d-diversità tagħhom (annullamenti, bidliet, ftuħ mill-ġdid, sospensjonijiet) jikkostitwixxu l-prova li, anki jekk eventwalment ġew adottati l-proċeduri interni l-iktar mgħaġġla, it-termini skaduti kienu diġà, fid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat, f’kontradizzjoni manifesta mal-ħtiġijiet ta’ dan ir-regolament.

    88

    Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-ebda dubju ma ġie allegat għal dak li jikkonċerna l-awtentiċità taċ-ċertifikat maħruġ mill-qorti Ġermaniża u peress li dan għandu l-elementi kollha meħtieġa mill-Artikolu 42 tar-Regolament, appell kontra l-ħruġ taċ-ċertifikat jew oppożizzjoni kontra r-rikonoxximent tiegħu, ma jistax, skont l-Artikolu 43(2), jintlaqa’, peress li l-qorti mitluba tista’ biss tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni ċċertifikata.

    89

    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ sa s-sitt domandi għanda tkun li, ladarba deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn ittieħdet u nġiebet għall-konjizzjoni tal-qorti tal-oriġini, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament, li din id-deċiżjoni tkun ġiet sospiża, inbidlet, ġiet annullata jew, jekk kien il-każ, tkun għaddiet in ġudikat jew ġiet issostitwita minn deċiżjoni li tordna r-ritorn, sakemm ir-ritorn tal-minuri kien għadu ma seħħx effettivament. Peress li l-awtentiċità tal-imsemmi ċertifikat ma kinitx ikkontestata u peress li dan inħareġ skont il-formularju li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn hija pprojbita u l-qorti mitluba tista’ biss tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni ċċertifikata u tordna r-ritorn immedjat tal-minuri.

    Fuq l-ewwel domanda

    90

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk parti interessata fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament tistax titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja mingħajr ma jkun ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent ta’ din l-istess deċiżjoni.

    91

    Ir-risposta mogħtija għar-raba’ sa s-sitt domanda teskludi l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fil-każ fejn deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri tkun ġiet adottata u ċċertifikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(8) u 42 tar-Regolament.

    92

    Madankollu, din il-possibbiltà ma tistax tiġi eskluża b’mod ġenerali.

    93

    Fil-fatt, l-Artikolu 21(3) tar-Regolament jipprevedi li “[m]ingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti msemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċiżjoni li s-sentenza [deċiżjoni] tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta”. It-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jistabbilixxi, għal dan l-għan, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni territorjali.

    94

    Lanqas huwa eskluż li applikazzjoni għal nuqqas ta’ rikonoximent ta’ deċiżjoni tinvolvi r-rikonoxximent tagħha b’mod inċidentali, ipoteżi li fiha jkun japplika l-Artikolu 21(4).

    95

    Il-possibbiltà li tressaq rikors għal nuqqas ta’ rikonoxximent mingħajr ma tiġi mressqa applikazzjoni ta’ rikonoxximent qabel tista’ tissodisfa eżiġenzi diversi, kemm ta’ natura sostanzjali, b’mod partikolari dawk intiżi għall-interess superjuri tal-minuri jew l-istabbiltà u t-trankwillità tal-familja, kif ukoll ta’ natura proċedurali, billi tippermetti li tantiċipa l-produzzjoni ta’ mezzi ta’ prova li jistgħu ma jkunux disponibbli iktar fil-futur.

    96

    Ir-rikors għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu madankollu jirrispetta l-proċedura prevista fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament u, b’mod partikolari, huwa jista’ jiġi ppreżentat biss skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jekk dawn ma jillimitawx il-portata u l-effetti ta’ dan ir-regolament.

    97

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, b’eċċezzjoni ta’ każijiet fejn il-proċedura tirrigwarda deċiżjoni ċċertifikata skont l-Artikoli 11(8) u 40 sa 42 tar-Regolament, kull parti interessata tista’ titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk ma jkunx ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent tad-deċiżjoni qabel.

    Fuq it-tieni domanda

    98

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fil-każ li għandha tiġi eżaminata talba li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ppreżentata mill-persuna li fir-rigward tagħha din id-deċiżjoni hija infurzabbli u anki jekk ebda rikors għal rikonoxximent ma jkun tressaq qabel, b’liema mod għandu japplika l-Artikolu 31(1) tar-Regolament, b’mod partikolari l-parti ta’ frażi li tipprovdi “la l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri [ma jistgħu], f’dan l-istadju tal-proċeduri, jkunu intitolati jagħmlu sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni”.

    99

    Ir-riżerva magħmula fil-punt 91 ta’ din is-sentenza tapplika wkoll fil-kuntest ta’ din id-domanda.

    100

    B’din ir-riżerva, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ fejn rikors li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja jitressaq mingħajr ma jkun ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura speċifika tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika.

    101

    Fil-fatt, l-Artikolu 31 tar-Regolament jipprevedi d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva. Huwa jiddisponi li, f’dan il-każ, il-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar ma tistax tippreżenta osservazzjonijiet. Tali proċedura għandha tinftiehem fil-kuntest tal-fatt li, peress li din għandha natura unilaterali u ta’ saħħa eżekuttiva, din ma tistax taċċetta osservazzjonijiet mill-imsemmija parti mingħajr ma jkollha natura deklaratorja u kontradittorja u dan imur kontra l-loġika tagħha stess li abbażi tagħha d-drittijiet tad-difiża huma ggarantiti permezz tal-appell previst fl-Artikolu 33 tal-istess regolament.

    102

    Is-sitwazzjoni prevista fil-każ ta’ applikazzjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent hija differenti.

    103

    Ir-raġuni ta’ din id-differenza tinsab fil-fatt li r-rikorrent, f’din is-sitwazzjoni, huwa persuna li kontriha t-talba ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva setgħet titressaq.

    104

    Peress li l-eżiġenzi msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza mhumiex iktar ġustifikati, il-parti li kontriha tressqet l-applikazzjoni għal nuqqas ta’ rikonoxximent ma tistax tiġi pprivata mill-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet.

    105

    Kull soluzzjoni oħra tillimita l-effettività tal-azzjoni tal-applikant, peress li l-għan tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent jipprevedi evalazzjoni negattiva li titlob, min-natura tagħha stess, il-kontradittorju.

    106

    Minn dan jirriżulta, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, li l-konvenut, li qed jallega r-rikonoxximent, jista’ jippreżenta osservazzjonijiet.

    107

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament, fejn dan jipprovdi li la l-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar u lanqas il-minuri ma jistgħu, f’dan l-istadju tal-proċeduri, jippreżentaw osservazzjonijiet, mhuwiex applikabbli għal proċedura li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, ippreżentata mingħajr ma jkun tressaq rikors għal rikonoxximent qabel fir-rigward tal-istess deċiżjoni. Fit-tali sitwazzjoni, il-konvenut, li qed jitlob ir-rikonoxximent, jista’ jippreżenta osservazzjonijiet.

    Fuq it-tielet domanda

    108

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk qorti nazzjonali li quddiemha dak li għandu r-responsabbiltà tal-ġenitur ippreżenta rikors li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Memnru tal-oriġini li tordna r-ritorn tal-minuri lejn l-Istat tal-oriġini — deċiżjoni li għaliha nħareġ ċertifikat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament — għandhiex teżamina dan ir-rikors abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, hekk kif previst fl-Artikolu 40(2) tiegħu.

    109

    Hekk kif jirriżulta mir-risposti għad-domandi preċedenti, rikors li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja ma jintlaqax jekk ikun inħareġ ċertifkat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament. Fit-tali sitwazzjoni, id-deċiżjoni li ġiet iċċertifikata hija infurzabbli, peress li ebda oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħha ma tista’ titressaq.

    110

    Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    111

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ladarba deċiżjoni li ma jsirx ir-ritorn ittieħdet u nġiebet għall-konjizzjoni tal-qorti tal-oriġini, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, li din id-deċiżjoni tkun ġiet sospiża, inbidlet, ġiet annullata jew, jekk kien il-każ, tkun għaddiet in ġudikat jew ġiet issostitwita minn deċiżjoni li tordna r-ritorn, sakemm ir-ritorn tal-minuri kien għadu ma seħħx effettivament. Peress li l-awtentiċità tal-imsemmi ċertifikat ma kinitx ikkontestata u peress li dan inħareġ skont il-formularju li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness IV tal-imsemmi regolament, l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn hija pprojbita u l-qorti mitluba tista’ biss tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni ċċertifikata u tordna r-ritorn immedjat tal-minuri.

     

    2)

    Bl-eċċezzjoni ta’ kazijiet fejn il-proċedura tirrigwarda deċiżjoni ċċertifikata skont l-Artikoli 11(8) u 40 sa 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, kull parti interessata tista’ titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk ma jkunx ġie ppreżentat rikors għal rikonoxximent tad-deċiżjoni qabel.

     

    3)

    L-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fejn dan jipprovdi li la l-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar u lanqas il-minuri ma jistgħu, f’dan l-istadju tal-proċeduri, jippreżentaw osservazzjonijiet, mhuwiex applikabbli għal proċedura li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, magħmula mingħajr ma jkun tressaq rikors għal rikonoxximent qabel fir-rigward tal-istess deċiżjoni. F’din is-sitwazzjoni, il-konvenut, li jkun qed jitlob ir-rikonoxximent, jista’ jippreżenta osservazzjonijiet.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top