EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0161

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-14 ta' Mejju 2009.
Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely BV vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Beroep te Antwerpen - il-Belġju.
Moviment liberu tal-merkanzija - Tranżitu Komunitarju - Trasporti magħmula taħt kopertura ta’ carnet TIR - Ksur jew irregolaritajiet - Terminu għan-notifika - Terminu sabiex titressaq il-prova tal-post fejn twettaq il-ksur jew l-irregolarità.
Kawża C-161/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:308

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

“Moviment liberu tal-merkanzija — Tranżitu Komunitarju — Trasporti magħmula taħt kopertura ta’ carnet TIR — Ksur jew irregolaritajiet — Terminu għan-notifika — Terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità”

Fil-Kawża C-161/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-kawża

Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely BV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J.N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Internationaal Verhuis- en Transportsbedrijf Jan de Lely BV, minn S. Sablon, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Schønberg u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (3) tar-Regolment tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1593/91, tat-12 ta’ Ġunju 1991, dwar l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91 dwar l-użu fil-Komunità ta’ carnets TIR u carnets ATA bħala dokumenti ta’ tranżitu (ĠU L 148, p. 11, iktar ’il quddiem “regolament ta’ implementazzjoni”), moqri flimkien mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carné [carnet] tat-TIR, iffirmata f’Ġinevra fl- (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni TIR”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely BV (iktar ’il quddiem “Jan de Lely”) u l-Belgische Staat dwar l-irkupru ta’ dazji u taxxi dovuti minħabba trasport internazzjonali magħmul taħt kopertura ta’ carnet TIR.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tranżitu TIR

3

Ir-Renju tal-Belġju huwa parti għal Konvenzjoni TIR, bħall-Komunità Ewropea li approvatha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 208). Fir-rigward tal-Komunità l-imsemmija konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl- (ĠU L 31, p. 13).

4

Il-Konvenzjoni TIR tipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanzija ttrasportata taħt is-sistema TIR li hija tistabbilixxi mhijiex suġġetta għall-ħlas jew għad-depożitu ta’ dazji u ta’ taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali li jinsabu matul ir-rotta.

5

Sabiex dawn il-faċilitajiet jiġu implementati, il-Konvenzjoni TIR teżiġi li l-merkanzija tkun akkumpanjata, matul il-trasport tagħha, b’dokument uniformi, jiġifieri l-carnet TIR, li jservi sabiex tkun ikkontrollata r-regolarità tal-operazzjoni. Din teżiġi wkoll li t-trasport isir taħt garanzija ta’ assoċjazzjonijiet miftiehma mill-partijiet kontraenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tagħha.

6

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi hekk:

“Bla ħsara għal dawn il-kundizzjonijiet u garanziji kif għandha tistabbilixxi, kull parti kontraenti tista’ tawtorizza assoċjazzjonijiet biex joħorġu l-carnets TIR, jew direttament, jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrespondenti, u biex jaġixxu bħala garanti”.

7

Il-carnet TIR huwa magħmul minn numru ta’ folji żgħar li jinkludu l-irċevuta Nru 1 u l-irċevuta Nru 2, bil-mammiet korrispondenti tagħhom, li fuqhom tidher l-informazzjoni kollha meħtieġa peress li għal kull territorju li jgħaddu minnu jintużaw par irċevuti. Fil-bidu tal-operazzjoni ta’ trasport, l-irċevuta Nru 1 tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tat-tluq. Ir-rilaxx isir meta tingħata lura l-irċevuta Nru 2 li tintbagħat mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ li jinsab fl-istess territorju doganali. Din il-proċedura tirrepeti ruħha għal kull territorju li jgħaddu minnu, billi jintużaw id-diversi partijiet ta’ rċevuti li jinsabu fl-istess carnet.

8

Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR:

“1.   L-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal [timpenja ruħha li] biex tħallas id-dazji u t-taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni, flimkien ma’ kull imgħax li jkun baqa’, dovut skond il-liġijiet doganali u r-regolamenti tal-pajjiż li fih ġiet notata irregolarità f’konnessjoni ma’ operat [operazzjoni] TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u wieħed wieħed [in solidum] mal-persuni li minnhom [responsabbli għall-ħlas tas-]somom imsemmija fuq, għal[l-]ħlas ta’ dawn is-somom.

2.   F’każijiet fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ parti kontraenti ma jipprovdux għal ħlas ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni u esportazzjoni kif provdut f[il-]paragrafu 1 hawn fuq, l-assoċjazzjoni [garanti] għandha tindaħal [timpenja ruħha li] biex tħallas, fuq l-istess kundizzjonijiet, somma ugwali għall-ammont ta’ dazji u taxxi ta’ importazzjoni jew esportazzjoni u kull imgħax [ta’ dewmien] li jkun baqa’.

3.   Kull parti kontraenti għandha tistabbilixxi s-somma massima għal kull carné [carnet] TIR, li tista’ tkun qed tisħaq għalih [tintalab mingħand] l-assoċjazzjoni [garanti] fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta[l-]paragrafi 1 u 2 hawn fuq.

4.   Il-lijabilità [Ir-responsabbiltà] tal-assoċjazzjoni [garanti fir-rigward tal-] lill-awtoritàjiet tal-pajjiż fejn huwa lokat [jinsab] l-uffiċċju doganali tal-ħruġ għandha tibda fil-ħin meta l-carné [carnet] TIR huwa aċċettat mill-uffiċċju doganali. Fil-pajjiżi sossegwenti li minnhom il-merkanzija hija trasportata skont il-proċedura TIR, din il-lijabilità [ir-responsabbiltà] għandha tibda fil-ħin meta l-merkanzija hija importata […].

[…]

7.   Meta jsir dovut ħlas ta’ somom imsemmija f[il-]paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom safejn ikun possibbli jeżiġu ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma jagħmlu pretensjoni kontra [jressqu ilment quddiem] l-assoċjazzjoni [garanti].”

9

L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR jaqra kif ġej:

“1.   Fejn carné [carnet] TIR ma jkunx tħassar [irilaxxat] jew ikun tħassar [irrilaxxat] kundizzjonalment, l-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikollhom id-dritt li jippretendu l-ħlas tas-somom imsemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) mill-assoċjazzjoni [garanti] sakemm, f[’]terminu [ta’] sena mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-carné [carnet] TIR minn dawk l-awtoritàjiet, ikunu [huma ma jkunux] għarrfu lill-assoċjazzjoni bil-miktub bin-nuqqas ta’ tħassir [rilaxx] jew bit-tħassir [bir-rilaxx] kundizzjonali. L-istess disposizzjoni għandha tapplika fejn iċ-ċertifikat ta’ tħassir [rilaxx] ikun inkiseb [b’mod abbużiv] jew bi frodi, minbarra li [u f’dan il-każ i]l-perijodu tat-terminu għandu jkun ta’ sentejn.

2.   Il-pretensjoni [It-talba] għal ħlas tas-somom riferiti [msemmija] fl-Artikolu 8(1) u (2) għandha ssir lill-assoċjazzjoni [garanti] l-aktar kmieni tliet xhur wara d-data li fiha l-assoċjazzjoni ġiet mgħarrfa li l-carné [carnet] kienet għadha ma tħassritx [kien għadu ma ġiex rilaxxat] jew li ġiet imħassra [jew li ġie rilaxxat] kundizzjonalment jew li t-tħassir [r-rilaxx] ikun inkiseb [b]’manjiera mhix xierqa [abużiva] jew frawdolenti u l-aktar tard [sa] sentejn wara dik id-data. Madanakollu, f’każijiet li, matul il-perijodu msemmi hawn fuq ta’ sentejn, isiru s-suġġett ta’ proċedimenti legali, kull pretensjoni [talba] għal ħlas għand[ha] [s]sir f[’] terminu [ta’] sena mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti ssir infurzabbli.

3.   L-assoċjazzjoni [garanti] għandu jkollha perijodu ta’[terminu] ta’ tliet xhur, mid-data [ta’] meta pretensjoni [ssirilha talba] għal pagament [sabiex] jitħallsu l-ammonti mistennija. Is-somom imħ[allsa] għandhom jiġu mħallsa lura (rimborsati) lill-assoċjazzjoni jekk, fi żmien sentejn wara d-data li fiha tkun saret il-pretensjoni [it-talba] għall-ħlas, ikun ġie stabbilit għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritàjiet doganali li l-ebda irregolarità ma ġiet kommessa f’konnessjoni ma’ l-operat [operazzjoni] tat-trasport imsemmi.”

10

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni TIR jipprovdi:

“Il-merkanzija u l-vettura tat-triq, it-tagħqid ta[l-]vetturi [kollha] jew il-container għandhom jiġu prodotti [ppreżentati] mal-Carné [carnet] TIR fl-uffiċċju doganali tal-ħruġ. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-ħruġ għandhom jieħdu l-miżuri li huma meħtieġa biex jissodisfaw lilhom infushom rigward l-eżattezza tal-manifest tal-merkanzija u/jew biex jitwaħħlu s-siġilli doganali jew biex jiġu spezzjonati s-siġilli mwaħħla fuq [taħt] ir-responsabbilta ta’ l-awtoritàjiet doganali msemmija mill-persuni awtorizzati kif mistħoqq.”

11

Skont l-Artikolu 21 tal-istess konvenzjoni:

“F’kull uffiċċju doganali li jinsab matul ir-rotta u f’uffiċċji doganali tad-destinazzjoni, il-vettura tat-triq, it-tagħqid ta[l-]vetturi [kollha] jew il-container għandhom jiġu prodotti [ppreżentati] għal għanijiet ta’ kontroll lill-awtoritàjiet doganali flimkien mat-tagħbija u l-Carné [carnet] TIR li għandu x’jaqsam ma’ dan.”

12

L-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi:

“Meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit f’liema territorju tkun ġiet kommessa irregolarità għandha titqies li tkun ġiet kommessa fit-territorju tal-parti kontraenti fejn tinkixef”.

Id-dritt Komunitarju

13

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91, tal-21 ta’ Marzu 1991, fuq l-użu fil-Komunità ta’ carnets TIR u carnets ATA bħala dokumenti ta’ tranżitu (ĠU L 78, p. 6), jistabbilixxi:

“Meta, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, it-trasport ta’ merkanzija minn punt għall-ieħor tal-Komunità isir taħt is-sistema ta’ trasport internazzjonali tal-merkanzija magħmul taħt il-kopertura tal-carnet TIR (Konvenzjoni TIR), il-Komunità hija kkunsidrata, għal dak li jikkonċerna l-modi tal-użu tal-carnet TIR għall-iskop ta’ dan it-trasport, bħala li tifforma territorju wieħed, li huwa ddefinit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2151/84, tat-23 ta’ Lulju 1984, dwar it-territorju doganali tal-Komunità […], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 4151/88 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 719/91 jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni TIR u tal-Konvenzjoni ATA li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-assoċjazzjonijiet garanti meta jintuża carnet TIR jew ATA.

2.   Meta jinstab li, matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport li jkun kopert minn carnet TIR, jew operazzjoni ta’ tranżitu li tkun koperta minn carnet ATA, ikun hemm ksur jew irregolarità f’xi Stat Membru partikolari, l-irkupru tad-dazji u taxxi oħrajn li jistgħu jkunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri kriminali.

3.   Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu twettqu l-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li twettqu fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm, fit-terminu li għad irid jiġi stabbilit, ma jkunx ippruvat għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti li l-operazzjoni kienet regolari jew il-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu twettqu.

Jekk, fin-nuqqas ta’ tali prova, l-imsemmija ksur jew irregolarità jkunu kkunsidrati li twettqu fl-Istat Membru fejn ikunu ġew ikkonstatati, id-dazji u taxxi oħra relatatati mal-merkanzija inkwistjoni jinġabru minn dan l-Istat Membru skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.

Jekk, sussegwentement, jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn effettivament twettqu l-imsemmija ksur jew l-irregolarità, id-dazji u taxxi oħrajn — minbarra dawk miġbura, skont it-tieni paragrafu, abbażi tar-riżorsi proprji tal-Komunità — li tkun suġġetta għalihom il-merkanzija f’dan l-Istat Membru għandhom jiġu restitwiti lil dan mill-Istat Membru li kien inizjalment ġabarhom. F’dan il-każ, eċċess eventwali huwa rrimborsat lill-persuna li kienet inizjalment ħallset it-taxxi.

Jekk l-ammont tad-dazji u taxxi oħra li kienu inizjalment inġabru u rritornati mill-Istat Membru li kien ġabarhom huwa inqas mill-ammont tad-dazji u taxxi oħra dovuti fl-Istat Membru fejn ikunu effettivament twettqu l-ksur jew l-irregolarità, dan l-Istat Membru jirċievi d-differenza skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieldu kontra kull ksur jew irregolarità u jissanzjonawhom b’mod effettiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15

L-Artikolu 2 tar-regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“1.   Jekk jiġi kkonstatat li, matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport li jkun kopert minn carnet TIR jew f’operazzjoni ta’ tranżitu li jkun kopert minn carnet ATA, iseħħu ksur jew irregolarità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lit-titulari tal-carnet TIR jew tal-carnet ATA u lill-assoċjazzjoni garanti, fit-terminu previst, skont il-każ, mill-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR jew mill-Artikolu 6(4) tal-Konvenzjoni ATA.

2.   Il-prova tar-regolarità tal-operazzjoni li tkun koperta minn carnet TIR jew minn carnet ATA, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KEE) Nru 719/91, għandha titressaq fit-terminu previst, skont il-każ, fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR jew mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-Konvenzjoni ATA.

3.   Il-prova tista’ b’mod partikolari tiġi prodotta għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti:

a)

permezz tal-produzzjoni ta’ dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali li jistabbilixxi li l-merkanzija inkwistjoni kienet ippreżentata fl-uffiċċju ta’ destinazzjoni. Dan id-dokument għandu jinkludi l-identifikazzjoni tal-imsemmija merkanzija

jew

b)

permezz tal-produzzjoni ta’ dokument doganali tar-rilaxx għall-konsum maħruġ f’pajjiż terz jew ta’ kopja tiegħu jew fotokopja; din il-kopja jew fotokopja għandha tkun iċċertifikata konformi, jew mill-korp li jkun ħareġ id-dokument oriġinali, jew mill-aġenzija uffiċċjali tal-pajjiż terz ikkonċernat, jew mill-aġenzija uffiċċjali tal-Istati Membri. Dan id-dokument għandu jkun jinkludi l-identifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni

jew

ċ)

f’dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ATA, permezz tal-mezzi ta’ prova previsti fl-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Ir-Regolament Nru 719/91 u r-regolament ta’ implementazzjoni ġew abrogati, rispettivament, bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 (KEE), tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), li saru applikabbli b’effett mill-.

17

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 454(3) tar-Regolament Nru 2454/93 fil-verżjoni inizjali tiegħu jipprovdi:

“Meta ma jkunx possibli li jkun iddeterminat it-territorju li fih ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħala li saru fl-Istat Membru fejn inkixfu sakemm fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 455(1), ma tiġix ippruvata li l-operazzjoni kienet regolari jew fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu ġew kommessi għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fis-26 ta’ Novembru 1992, carnet TIR — TABAK 9445594 ġie aċċettat mill-Kantoor der douane en accijnzen te Antwerpen (l-uffiċċju tad-dwana u sisa ta’ Antwerpen) (il-Belġju) għat-trasport ta’ sigaretti b’destinazzjoni l-Maċedonja. Il-proprjetarju tal-carnet kienet Jan de Lely. L-assoċjazzjoni garanti ta’ dan it-trasport kienet il-Federazzjoni Rjali Belġjana tat-trasportaturi (iktar ’il quddiem il-“FEBETRA”).

19

Fis-27 ta’ Novembru 1992, jew madwar din id-data, it-trailer użat għal dan it-trasport u t-tagħbija ta’ sigaretti nsterqu f’Limburg an der Lahn (il-Ġermanja).

20

Wara li kkonstata li l-carnet TIR, aċċettat f’Antwerpen, ma kienx ġie rilaxxat, il-Belgische Staat talab il-ħlas tad-dazji ta’ importazzjoni u s-sisa relatati mal-imsemmi trasport u ħareġ ordni ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ rilaxx tal-carnet TIR ġie nnotifikat lil FEBETRA, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 1993.

21

Min-naħa l-oħra, kien biss fis-17 ta’ Novembru 1994 li l-proprjetarju tal-carnet TIR kien mgħarraf bin-nuqqas ta’ rilaxx ta’ dan.

22

Jan de Laly oġġezzjonat kontra l-ordni ta’ ħlas quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerpen).

23

Quddiem din il-qorti, Jan de Lely talbet l-annullament tal-imsemmija ordni ta’ ħlas.

24

Matul il-proċedura quddiem din il-qorti tal-ewwel istanza, Jan de Lely ressqet, minn naħa, ir-rapport magħmul fit-13 ta’ Frar 1993 mill-pulizija muniċipali ta’ Kerkrade (l-Olanda), minn fejn jirriżulta li s-serq twettaq madwar is- fil-Ġermanja, u, min-naħa l-oħra, is-sentenzi mogħtija mill-qorti tal-kwartier ta’ Maastricht, matul ix-xahar ta’ Ottubru 1993, li permezz tagħhom l-awturi tas-serq ġew ikkundannati.

25

B’sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2003, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen ċaħdet it-talba ta’ Jan de Lely.

26

Sussegwentement Jan de Lely ippreżentat appell quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen).

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 2(1) tar-[r]egolament [ta’ implementazzjoni], moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-[Konvenzjoni TIR] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu perentorju li jinsab fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR huwa validu biss favur l-organizzazzjoni garanti, iżda mhux għall-proprjetarju tal-carnet, jew, rispettivament, li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sena wara li l-aċċettazjoni tal-carnet TIR għandu effett, fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet, fuq l-eżiġibbiltà tal-obbligu doganali jew, rispettivament, tad-dazji tas-sisa jew tad-dazji tas-sisa speċjali u fuq ir-responsabbiltà tiegħu, kif ukoll li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sena jikkomprometti d-dritt tal-awtoritajiet doganali kompetenti sabiex jaraw li dan l-obbligu jiġi sodisfatt?

2)

L-Artikolu 2(2) u (3) tar-[r]egolament [ta’ implementazzjoni], moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni [TIR], għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu stabbilit f’dan ir-regolament għandu japplika biss għall-preżentazzjoni tal-prova tar-regolarità tat-trasport, iżda mhux għall-produzzjoni tal-prova dwar il-post fejn seħħew il-ksur jew l-irregolarità?

3)

L-Artikolu 2(2) u (3) tar-[r]egolament [ta’ implementazzjoni], moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni TIR, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn it-terminu stabbilit f’dan ir-regolament għandu japplika wkoll għall-produzzjoni tal-prova dwar il-post ta’ fejn seħħew il-ksur jew l-irregolarità, dan it-terminu mhuwiex terminu perentorju u s-sid tal-carnet jista’ jipprovdi din il-prova anki wara li jkun skada dan it-terminu?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Bl-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ta’ notifika tan-nuqqas ta’ rilaxx tal-carnet TIR fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet għandu l-effett li jċaħħad lill-awtoritajiet doganali kompetenti mid-dritt li jipproċedu għall-irkupru tad-dazji u tat-taxxi dovuti għal trasport internazzjonali ta’ merkanzija magħmul taħt il-kopertura tal-imsemmi carnet.

Osservazzjonijiet tal-partijiet

29

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tosserva, l-ewwel nett, li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR jirriżulta espressament li l-awtoritajiet kompetenti għandhom javżaw lill-proprjetarju tal-carnet TIR, kif ukoll lill-assoċjazzjoni garanti, bil-ksur jew bl-irregolarità, f’terminu ta’ sena li għandu jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-carnet TIR. Din in-notifika tippermetti lill-proprjetarju tal-carnet TIR li jikkomunika l-provi li huwa għandu sabiex jiġi ddeterminat rapidament l-Istat inkarigat li jirkupra d-dazji doganali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tippreċiża, sussegwentement, li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jwassal għad-dekadenza tal-eżiġibbiltà tad-dejn doganali jekk l-il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tipprova l-post fejn kienu effettivament twettqu l-ksur jew l-irregolarità. Issa, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar, hija ssostni li mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR, b’mod partikolari mill-Artikolu 8(1) u (7) tagħha, jirriżulta li l-ewwel nett għandu jintalab il-ħlas mingħand il-proprjetarju tal-carnet TIR qabel ma titressaq talba f’dan ir-rigward quddiem l-assoċjazzjoni garanti. Għaldaqstant, mhuwiex loġiku li l-kreditu jkun preskritt favur l-assoċjazzjoni garanti filwaqt li l-istess kreditu ma jkunx preskritt fir-rigward tal-imsemmi proprjetarju.

30

Il-Gvern Belġjan huwa tal-fehma li t-terminu previst fl-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jirreferi għat-terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-carnet TIR, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR. Skont dan il-gvern, it-terminu previst fl-imsemmi Artikolu 2(1) ma għandux għalhekk ikun ikkunsidrat bħala terminu ta’ dekadenza. Fil-fatt, la l-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, la r-regolament bażiku tiegħu, jiġifieri r-Regolament Nru 719/891, u lanqas dispożizzjonijiet Komunitarji oħrajn ma jinkludu indikazzjonijiet f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR kif ukoll mill-għan ta’ din il-konvenzjoni isegwi li t-terminu li jipprovdi huwa terminu ta’ dekadenza imma biss fir-rigward tal-assoċjazzjoni garanti. Il-Konvenzjoni TIR ma tikkonċernax il-modalitajiet ta’ rkupru tas-somom dovuti mingħand il-proprjetarju tal-carnet TIR.

31

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li t-terminu msemmi fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR huwa evidentement terminu ta’ dekadenza fil-konfront tal-assoċjazzjoni garanti. Min-naħa l-oħra, tali konklużjoni ma tapplikax meta jkun hemm inkwistjoni r-rapporti ġuridiċi bejn proprejtarju ta’ carnet TIR u l-awtoritajiet kompetenti. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll mill-Konvenzjoni TIR jirriżulta li l-proprjetarju ta’ carnet TIR huwa suġġett għal obbligu ta’ diliġenza f’dak li jikkonċerna t-trasport magħmul taħt il-kopertura ta’ carnet TIR. Kuntrarjament għall-assoċjazzjoni garanti, l-imsemmi proprjetarju huwa għalhekk meqjus li jkun informat b’eventwali ksur jew irregolaritajiet imwettqa matul it-trasport u jista’, għalhekk, jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti ser jipproċedu, fil-konfront tiegħu, għall-irkupru tas-somom dovuti.

32

Il-Kummissjoni żżid li t-terminu ta’ notifika fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR huwa sempliċement intiż sabiex iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jibdew, fi żmien xieraq, il-proċedura li għandha twassal għall-ħlas tad-dejn doganali. Dan it-terminu jipproteġi, konsegwentement, l-interess tal-Komunità għat-tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu tar-riżorsi proprji tagħha. In-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ notifika fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR ma għandux, għalhekk, effett fuq l-eżiġibbiltà tad-dejn doganali. Tali interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, mal-istat tal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Għandu jkun osservat, l-ewwel nett, li jekk jiġi kkonstatat li matul jew fl-okkażjoni ta’ trasport magħmul taħt il-kopertura ta’ carnet TIR ikunu twettqu ksur jew irregolarità, it-terminu ta’ notifika tan-nuqqas ta’ rilaxx ta’ carnet TIR fil-konfront tal-proprjetarju ta’ dan il-carnet għandu jiġi ddeterminat permezz tal-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni.

34

Skont dan l-Artikolu 2(1), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw il-ksur jew l-irregolarità lill-proprjetarju tal-carnet TIR u lill-assoċjazzjoni garanti, fit-terminu pprovdut fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR.

35

L-imsemmi Artikolu 11(1) jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx id-dritt li jeżiġu mill-assoċjazzjoni garanti l-ħlas tas-somom msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni TIR jekk, f’terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-carnet TIR, huma ma jkunux innotifikaw bil-miktub lill-assoċjazzjoni dwar dan in-nuqqas ta’ rilaxx (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-275/07, Ġabra p. I-2005, punt 92).

36

Għalkemm minn dan jirriżulta li t-terminu ta’ notifika fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR huwa ta’ tul ta’ sena li jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni tal-carnet TIR minn dawn l-awtoritajiet (ara sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-312/04, Ġabra p. I-9923, punt 50), tibqa’ madankollu miftuħa l-kwistjoni ta’ jekk ir-referenza li l-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jagħmel għat-terminu pprovdut fl-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, tirrigwardax biss it-tul innifsu ta’ dan it-terminu jew jekk, min-naħa l-oħra, tirrigwardax ukoll il-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri li n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu jwassal għad-dekadenza tad-dejn. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 11(1) jipprovdi għad-dekadenza tad-dejn doganali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu biss fil-każ tal-assoċjazzjoni garanti.

37

Rigward il-proprjetarju tal-carnet TIR, għandu l-ewwel nett ikun osservat li la l-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tindika l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ notifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra p. I-10655, punt 28).

38

Hemm lok li jkun irrelevat, sussegwentement, li regolament ta’ implementazzjoni għandu jiġi interpretat, jekk possibbli, b’mod konformi mar-regolament bażiku kif ukoll mal-ftehim internazzjonali konkużi mill-Komunità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52; SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll tad-, Petrotub u Republica, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 57).

39

Għaldaqstant, l-effetti tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu pprovdut fl-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni għandhom ikunu evalwati fid-dawl tar-Regolament Nru 719/91, minn naħa, u tal-Konvenzjoni TIR, min-naħa l-oħra.

40

Issa, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 719/91 jew tal-Konvenzjoni TIR ma tippermetti li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ notifika fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR, imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, ifisser l-estinzjoni ta’ dan id-dejn u teżonerah, għaldaqstant, mill-obbligu li jħallas dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

41

Kuntrarjament, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, mid-diċitura tal-Konvenzjoni TIR jirriżulta li, fir-rigward tal-proprjetarju tal-carnet TIR, it-terminu ta’ notifika, kif jirriżulta mir-regolament ta’ implementazzjoni, mhuwiex terminu ta’ dekadenza.

42

Fil-fatt, l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni TIR fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR juru li dan il-proprjetarju huwa preżunt informat bi ksur jew irregolarità mwettqa matul it-trasport magħmul taħt is-sistema TIR.

43

Għalhekk, mill-Artikoli 19 u 21 tal-Konvenzjoni TIR jirriżulta b’mod partikolari li l-proprjetarju tal-carnet TIR għandu jiżgura l-preżentazzjoni tal-vettura tat-triq u tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali ta’ tluq u jiżgura l-preżentazzjoni tal-vettura flimkien mat-tagħbija u l-carnet relatat magħhom f’kull uffiċċju doganali ta’ tranżitu kif ukoll fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni. Isegwi li l-proprjetarju tal-carnet TIR huwa preżunt, kuntrarjament għall-assoċjazzjoni garanti, informat dwar l-iżvolġiment tat-trasport kopert mill-carnet.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sena li jirriżulta mir-regolament ta’ implementazzjoni ma għandu l-ebda effett fuq l-eżiġibbiltà stess tad-dazji u t-taxxi relatati mat-trasport u ma jaffettwawx id-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jipproċedu għall-irkupru tagħhom mingħand il-proprjetarju tal-carnet TIR.

45

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni ta’ jekk il-proprjetarju tal-carnet TIR huwiex, f’każ li jkun iddekorra t-terminu, f’pożizzjoni li jipproduċi l-prova tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità kienu effettivament imwettqa hija irrilevanti sabiex ikun iddeterminat jekk dan it-terminu ta’ notifika huwiex terminu ta’ dekadenza.

46

Huwa veru li, fis-sentenza tagħha SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tinterpreta dispożizzjoni li wkoll kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ta’ notifika, jiġifieri dak stabbilit mill-Artikolu 379(1) tar-Regolament Nru 2454/93 u li kienet tikkonċerna s-sistema ta’ tranżitu estern. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ ħdax-il xahar previst fl-imsemmi artikolu ma jeżonerax lill-prinċipal mill-obbligu li jħallas dejn doganali fil-każ fejn, b’mod partikolari, l-ammont ta’ dan id-dejn ġie nnotifikat lilu fit-terminu ta’ preskrizzjoni previst u l-persuna kkonċenata ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova tal-post ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, kif ipprovdut minn artikolu ieħor tal-istess regolament (ara s-sentenza SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

47

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn din is-sentenza jirriżulta li l-qbiż tat-terminu ma jwassalx għad-dekadenza tal-eżiġibbiltà tad-dejn doganali jekk il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità. Għall-kuntrarju, minn dan hija tiddeduċi li l-qbiż ta’ dan it-terminu jwassal għad-dekadenza tal-eżiġibbiltà ta’ dan id-dejn jekk il-persuna kkonċernata hija f’pożizzjoni li tipproduċi tali prova.

48

Issa, fis-sentenza SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ notifika inkwistjoni f’dik is-sentenza ma jipprekludix, waħdu, l-irkupru tad-dejn doganali (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-460/01, Ġabra p. I-2613, punt 60). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza SPKR, li, wara li jiskadi t-terminu ta’ notifika, l-eżiġibbiltà ta’ dan id-dejn tibqa’ suġġetta għal kundizzjonijiet oħrajn, bħal b’mod partikolari n-nuqqas ta’ prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

49

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, imkien ma rrelatat id-dekadenza tat-terminu ta’ notifika mal-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

50

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-għan tal-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa dak li jiżgura applikazzjoni uniformi u bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-irkupru tad-dazji u taxxi fl-interess ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni rapidu u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-312/04, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-460/01, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

51

Fid-dawl ta’ dan il-għan, it-terminu ta’ sena fil-konfront tal-proprjetarju tal-carnet TIR għandu għalhekk, kif tosserva l-Kummissjoni, jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi regola ta’ proċedura li tapplika biss għall-awtoritajiet amministrattivi sabiex tħeġġiġhom jintervjenu mill-aktar fis possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SPKR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

52

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu tan-notifika tan-nuqqas ta’ rilaxx tal-carnet TIR fil-konfront tal-proprjetarju ta’ dan il-carnet ma għandux l-effett li jċaħħad lill-awtoritajiet doganali kompetenti mid-dritt li jirkupraw id-dazji u t-taxxi dovuti minħabba trasport internazzjonali ta’ merkanzija magħmul taħt il-kopertura tal-imsemmi carnet.

Fuq it-tieni domanda

53

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2) u (3) tar-regolament ta’ implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni TIR, għandux ikun interpretat fis-sens li jiddetermina biss it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tar-regolarità tat-trasport u mhux it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

Osservazzjonijiet tal-partijiet

54

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi li l-Artikolu 2(2) u (3) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi wkoll it-terminu għall-produzzjoni tal-prova tal-post ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

55

Il-Gvern Belġjan, min-naħa tiegħu, isostni li hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-produzzjoni tal-prova, minħabba li l-Artikolu 2(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni jistabbilixxi terminu biss fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tar-regolarità tal-operazzjoni u mhux sabiex ikun stabbilit il-post fejn kienu effettivament twettqu l-ksur jew l-irregolarità. Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata, minn naħa, bl-Artikolu 2(3) tar-regolament ta’ implementazzjoni li jipprovdi biss għal provi li jattestaw ir-regolarità tat-trasport taħt kopertura ta’ carnet TIR u, min-naħa l-oħra, permezz tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 454(3) tar-Regolament Nru 2454/93 li permezz tiegħu l-leġiżlatur Komunitarju llum il-ġurnata pprovda espliċitament terminu sabiex tiġi prodotta l-prova ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

56

Il-Gvern Belġjan jindika li, fi kwalunkwe każ, għandu jkun hemm ċerta flessibbiltà sabiex ikun hemm ħin biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn effettivament twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

57

Il-Kummissjoni hija wkoll tal-opinjoni li hija l-qorti nazzjonali, fin-nuqqas ta’ terminu stabbilit fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, li għandha tiddetermina, skont il-prinċipji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha applikabbli fil-qasam ta’ prova, jekk, fil-każ konkret li jkun quddiemha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, il-prova ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità ġietx imressqa fit-termini. Fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li l-proprjetarju tal-carnet TIR ma għandux ikun f’pożizzjoni li jkun impossibbli għalih li materjalment jipproduċi l-prova msemmija hawn fuq u, min-naħa l-oħra, li t-terminu ma għandux ikun twil wisq u dan sabiex jirrendi ġuridikament u materjalment possibbli l-irkupru tal-ammonti dovuti fi Stat Membru ieħor.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Rigward it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 719/91 jipprovdi li, meta ma jkunx possibbli li jkun iddeterminat it-territorju fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, dawn huma kkunsidrati li jkunu twettqu fl-Istat Membru fejn ikunu ġew ikkonstatati sakemm, f’terminu li għandu jiġi ddeterminat, ma tiġix prodotta l-prova, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, tar-regolarità tal-operazzjoni jew tal-post ta’ fejn effettivament twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

59

Issa, l-imsemmi Artikolu 10(3) ġie implementat bl-Artikolu 2(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni li jiddetermina — permezz ta’ referenza għall-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR — it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tar-regolarità tal-operazzjoni. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 2(2) huwa sieket rigward it-terminu applikabbli sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn ikunu twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

60

Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 2(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni għalhekk japplika biss għat-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova ta’ regolarità tal-operazzjoni, u mhux għat-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

61

Din il-konstatazzjoni hija, kif josserva l-Gvern Belġjan, ikkonfermata mill-forumlazzjoni tal-Artikolu 2(3), li jipprovdi għall-produzzjoni ta’ mezzi ta’ prova biss għal dak li jikkonċerna r-regolarità tat-trasport.

62

Għandu jkun irrelevat, sussegwentement, li l-Artikolu 2(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma jistax ikun interpretat fis-sens li t-terminu li huwa jipprovdi jikkorrispondi wkoll għat-terminu li fih għandha tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità.

63

Fil-fatt, huwa l-leġiżlatur li għandu jiddetermina t-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità. F’dan ir-rigward, it-terminu sabiex tiġi prodotta din il-prova ġie, barra minn hekk, ulterjorment iddeterminat bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 454(3) tar-Regolament Nru 2454/93, jiġifieri r-regolament ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92. Madankollu, ir-Regolament Nru 2454/93 f’dan il-każ mhuwiex applikabbli ratione temporis.

64

Għalkemm huwa minnu li, għal dak li jikkonċerna l-assoċjazzjoni garanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL (C-78/01, Ġabra p. I-9543), li t-terminu li hija għandha għad-dispożizzjoni sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità huwa ta’ tul ta’ sentejn, dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data li fiha t-talba tal-ħlas kienet indirizzata lilha.

65

Madankollu, huwa importanti li jkun osservat li, fis-sentenza BGL, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’kuntest preċiż, b’mod partikolari dak tal-Artikoli 454 u 455 tar-Regolament Nru 2454/93 kif kienu applikabbli għall-fatti li taw lok għal dik il-kawża. Issa, kif huwa espost fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, dawn l-artikoli jipprovdu espliċitament terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, filwaqt li f’dan il-każ mhemmx tali test Komunitarju u dan peress li l-imsemmija artikoli mhumiex applikabbli ratione temporis.

66

Kif isostnu l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċipji tad-dritt nazzjonali tagħha applikabbli fil-qasam tal-prova, jekk, fil-każ konkret li jkun quddiemha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, il-prova kinitx tressqet fit-termini (ara, b’analoġija, sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol, C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punti 29 u 30).

67

Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindika ċerti kriterji jew prinċipji tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu osservati fit-twettieq ta’ din l-evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 61).

68

Għalhekk, l-ewwel nett, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità għandha l-iskop li tikkontesta l-kompetenza tal-Istat Membru li jipproċedi għall-irkupru tad-dazji u taxxi filwaqt li tindika liema huwa l-Istat Membru li huwa kompetenti sabiex jitlob dawn id-dazji meta l-preżunzjoni dwar il-post tal-ksur jew tal-irregolarità hija kkunsidrata megħlubha (sentenza BGL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

69

Dan l-Istat Membru l-ieħor għandu jkun iddeterminat b’mod rapidu, sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jipproċedi għall-irkupru tal-ammonti dovuti. Għalhekk, ikun bi ħsara għall-effett sħiħ tad-dritt Komunitarju jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi terminu twil wisq li ma jippermettix iktar, legalment u materjalment, l-irkupru tal-ammonti dovuti fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza BGL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

70

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jippreġudikaha u, b’mod partikolari, fi proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jeżiġi li kull persuna li tista’ tkun sanzjonata titqiegħed f’pożizzjoni li tesponi b’mod utli l-fehma tagħha fir-rigward tal-provi użati sabiex tiġi imposta s-sanzjoni u li tressaq kull prova rilevanti għad-difiża tagħha (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punti 46 u 47; tad-, Fiskano vs Il-Kummissjoni, C-135/92, Ġabra p. I-2885, punti 39 u 40, kif ukoll BGL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

71

Isegwi li l-qorti nazzjonali, meta tevalwa t-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, għandha tiżgura li l-proprjetarju tal-carnet TIR ma għandux ikun f’pożizzjoni li jkun impossibbli għalih li materjalment iressaq din il-prova (ara, f’dan is-sens, sentenza BGL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

72

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2) u (3) tar-regolament ta’ implementazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni TIR, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina biss it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tar-regolarità ta’ trasport u mhux tat-terminu li fih għandha tiġi prodotta l-prova tal-post fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċpiji tad-dritt nazzjonali tagħha applikabbli fil-qasam ta’ prova, jekk, fil-każ konkret li jkun quddiemha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, din l-aħħar prova tressqitx f’dan it-terminu. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa dan it-terminu fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li t-terminu ma għandux ikun twil wisq, u dan sabiex ikun legalment u materjalment possibbli li jsir l-irkupru tal-ammonti dovuti fi Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, li dan it-terminu ma jpoġġix lill-proprjetarju tal-carnet TIR fl-impossibbiltà materjali li jipproduċi l-prova msemmija iktar ’il fuq.

Fuq it-tielet domanda

73

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolment tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1593/91, tat-12 ta’ Ġunju 1991, dwar l-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 719/91 fuq l-użu fil-Komunità ta’ carnets TIR u carnets ATA bħala dokumenti ta’ tranżitu, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carné [carnet] tat-TIR, iffirmata f’Ġinevra fl-, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu tan-notifika tan-nuqqas ta’ rilaxx tal-carnet TIR fil-konfront tal-proprjetarju ta’ dan il-carnet ma għandux l-effett li jċaħħad lill-awtoritajiet doganali kompetenti mid-dritt li jirkupraw id-dazji u t-taxxi dovuti minħabba trasport internazzjonali ta’ merkanzija magħmul taħt il-kopertura tal-imsemmi carnet.

 

2)

L-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament 1593/91, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti koperti b’carné [carnet] tat-TIR, iffirmata f’Ġinevra fl-14 ta’ Novembru 1975, għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddetermina biss it-terminu sabiex tiġi prodotta l-prova tar-regolarità ta’ trasport u mhux tat-terminu li fih għandha tiġi prodotta l-prova tal-post ta’ fejn twettqu l-ksur jew l-irregolarità. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, skont il-prinċpiji tad-dritt nazzjonali tagħha applikabbli fil-qasam ta’ prova, jekk, fil-każ konkret li jkun quddiemha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, din l-aħħar prova tressqitx f’dan it-terminu. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa dan it-terminu fl-osservanza tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, minn naħa, li t-terminu ma għandux ikun twil wisq, u dan sabiex ikun legalment u materjalment possibbli li jsir l-irkupru tal-ammonti dovuti fi Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, li dan it-terminu ma jpoġġix lill-proprjetarju tal-carnet TIR fl-impossibbiltà materjali li jressaq il-prova msemmija iktar ’il fuq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top