Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0069

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
    Raffaello Visciano vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Napoli - l-Italja.
    Politika soċjali - Protezzjoni tal-impjegati - Insolvenza ta’ min iħaddem - Direttiva 80/987/KEE - Obbligu ta’ ħlas tal-intier ta’ krediti mhux imħallsa sa limitu massimu stabbilit minn qabel - Natura tal-krediti tal-impjegat fil-konfront tal-istituzzjoni ta’ garanzija - Terminu ta’ preskrizzjoni.
    Kawża C-69/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06741

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:468

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

    “Politika soċjali — Protezzjoni tal-ħaddiema — Insolvenza ta’ min iħaddem — Direttiva 80/987/KEE — Obbligu ta’ ħlas tal-krediti kollha mhux imħallsa sa limitu massimu stabbilit minn qabel — Natura tal-krediti tal-ħaddiem fil-konfront tal-istituzzjoni ta’ garanzija — Terminu ta’ preskrizzjoni”

    Fil-Kawża C-69/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Napoli (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

    Raffaello Visciano

    vs

    Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal R. Visciano, minn G. Nucifero, avvocato,

    għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn V. Triolo, G. Fabiani u P. Tadris, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Pignataro-Nolin u J. Enegren, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tinvolvi l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Visciano u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (Dipartiment nazzjonali tas-sigurtà soċjali), dwar krediti ta’ paga mhux imħallsa.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-ewwel premessa tad-Direttiva 80/987 tipprovdi:

    “[…] jeħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa […]”

    4

    L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet tal-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta’ insolvenza skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1).

    2.   L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet ta’ xi kategoriji ta’ impjegati mill-iskop ta’ din id-Direttiva, minħabba fin-natura speċjali tal-kuntratt tax-xogħol ta’ l-impjegat jew relazzjoni ta’ xogħol jew minħabba li jkunu jeżistu forom oħra ta’ garanzija li joffru lill-impjegat protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva.

    Il-kategorji ta’ impjegati msemmija fl-ewwel subparagrafu huma elenkati fl-Anness.”

    5

    Fi kliem l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva:

    “Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, ‘dritt li jagħti titolu immedjat’ u ‘dritt li jagħti titolu fil-ġejjieni’.”

    6

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata.

    2.   Fuq għażla ta’ l-Istati Membri, id-data imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun:

    jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem,

    jew dik tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat interessat minħabba fl-insolvenza ta’ min iħaddem,

    jew dik tal-bidu ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem jew dik li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol ma’ l-impjegat interessat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem.”

    7

    Fi kliem l-Artikolu 4(1) sa (3) ta’ din id-direttiva:

    “1.   L-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom:

    fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), l-ewwel inċiż, jiżguraw il-ħlas tal-pretensjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux fuq il-paga ta’ l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol li jaqgħu fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem,

    fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tieni inċiż, jiżguraw li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem,

    fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tielet inċiż, jiżgura li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar 18-il xahar tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta’ min iħaddem jew id-data li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol ma’ l-impjegat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta’ min iħaddem. F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-responsabbilità li jħallsu għall-paga li tikkorrispondi għal perjodu ta’ tmien ġimgħat jew għal numru ta’ perjodi iqsar li kollha flimkien jagħmlu tmien ġimgħat.

    3.   Madankollu, biex jevitaw li jħallsu somom li jaqbżu l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitu massimu għar-responsabbilità ta’ min iħaddem għal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux ta’ l-impjegati.

    […].”

    8

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom ifasslu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, iffinanzjar u tħaddim ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, li jissodisfaw b’mod speċjali l-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    l-assi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital li qed jitħaddem mill-persuna li tħaddem u ma jkunx aċċessibbli għall-proċeduri ta’ l-insolvenza;

    (b)

    min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar, sakemm dan ma jkunx kopert għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi;

    (ċ)

    ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ġewx sodisfatti jew le.”

    9

    L-Artikolu 9 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

    “Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu aktar lill-impjegati”.

    10

    Skont l-Artikolu 10(a) tad-din id-direttiva, hija “ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi”.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    Il-Liġi Nru 297/82

    11

    B’applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, il-Liġi Nru 297, tad-29 ta’ Mejju 1982, (GURI Nru 147, tal-31 ta’ Mejju 1982), dwar sistema tal-ħlas ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol u dispożizzjonijiet fil-qasam tal-pensjoni, tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, il-ħolqien ta’ fond ta’ garanzija intiż sabiex jissostitwixxi lil min iħaddem fil-każ tal-insolvenza tiegħu li ma tippermettilux li jħallas il-kumpens ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, previst fl-Artikolu 2120 tal-Kodiċi Ċivili, dovut lill-impjegati jew lis-suċċessuri fid-dritt tagħhom (iktar ’il quddiem il-“Fond”).

    12

    Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi:

    “Mal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħmistax-il jum dekorribbli mid-dikjarazzjoni tal-passiv reża eżegwibbli permezz tad-Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942 [GURI tas-6 ta’ April 1942, suppliment straordinarju Nru 81], jew mill-pubblikazzjoni tas-sentenza msemmija fl-Artikolu 99 tal-imsemmi digriet, fil-każ li jkunu tressqu oppożizzjonijiet jew rikorsi kontra l-kreditu tiegħu, jew ukoll mill-pubblikazzjoni tas-sentenza ta’ konferma tal-arranġament mal-kredituri, l-impjegat jew is-suċċessuri fid-dritt tiegħu jistgħu jiksbu, fuq talba, il-ħlas mill-Fond tal-kumpens ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol u ta’ krediti aċċessorji relattivi, wara li jitnaqqsu s-somom li setgħu kienu diġà mħallsa.

    Fil-każ ta’ dikjarazzjoni tardiva ta’ krediti marbuta mal-paga previsti fl-Artikolu 101 tad-Digriet Irjali Nru 267 tas-16 ta’ Marzu 1942, it-talba prevista fil-paragrafu preċedenti tista’ titressaq wara d-digriet ta’ inklużjoni fil-passiv jew wara s-sentenza dwar il-kontestazzjoni li jista’ jkun hemm mil-likwidatur.

    Fil-każ li l-impriża tkun suġġetta għal likwidazzjoni amministrattiva obbligatorja, it-talba tista’ titressaq f’terminu ta’ ħmistax-il jum dekorribbli mid-dikjarazzjoni ta’ falliment, skont l-Artikolu 209 tad-Digriet Irjali Nru 267 […], jew ukoll, fil-każ li jkunu tressqu oppożizzjonijiet jew rikorsi kontra l-kreditu tax-xogħol, mis-sentenza li permezz tagħha l-qorti tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tagħhom.

    Fil-każ li min iħaddem, li ma jkunx suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali Nru 267 […], ma jħallasx, fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-kumpens dovut, jew iħallsu biss parzjalment, l-impjegat jew is-suċċessuri fid-dritt tiegħu jistgħu jitolbu l-ħlas tal-kumpens ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol mill-Fond, kemm-il darba jirriżulta, wara l-proċedura ta’ eżekuzzjoni għal-likwidazzjoni tal-kreditu marbut ma’ dan il-kumpens, li l-assi ta’ garanzija ma kinux suffiċjenti għall-ħlas tal-kreditu kollu jew parti minnu. Fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni f’dan ir-rigward, il-Fond għandu jħallas il-kumpens mhux imħallas.

    Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw biss fil-każijiet fejn ix-xoljiment tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-proċedura ta’ insolvenza jew il-proċedura ta’ eżekuzzjoni jsiru wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

    Il-Fond għandu jagħmel il-ħlasijiet msemmija fil-paragrafi tnejn, tlieta, erbgħa u ħamsa ta’ dan l-artikolu fi żmien 60 jum mit-talba tal-parti interessata. Il-Fond jassumi d-dritt tal-impjegat jew tas-suċċessuri fid-dritt tiegħu fir-rigward tal-privileġġ ta’ kreditu fuq l-assi ta’ min iħaddem skont l-Artikoli 2751-bis u 2776 tal-Kodiċi Ċivili għas-somom li jkun ħallas […].”

    13

    Skont l-Artikolu 94 tad-Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942, talba għall-inklużjoni fil-passiv għandha l-effetti ta’ talba ġudizzjarja u tinterrompi l-preskrizzjoni tat-termini.

    14

    Skont l-Artikoli 2943 u 2945 tal-Kodiċi Ċivili, il-preskrizzjoni tiġi sospiża bin-notifika tal-att li jibda proċedura ġudizzjarja u tibqa’ hekk sospiża sakemm din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod definittiv.

    Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92

    15

    L-Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80, tas-27 ta’ Jannar 1992, li jittrasponi d-Direttiva 80/987 (GURI tat-13 ta’ Frar 1992, suppliment ordinarju Nru 36, p. 26, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92”), jirregolaw il-garanzija tal-krediti tax-xogħol u l-intervent tal-Fond, li huwa amministrat mill-INPS.

    16

    L-Artikolu 1(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92 jipprovdi, taħt it-Titolu “Garanzija tal-krediti tax-xogħol”:

    “Meta min iħaddem jiġi suġġett għal proċedura ta’ falliment, arranġament mal-kredituri, likwidazzjoni amministrattiva obbligatorja jew proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja […], l-impjegati tiegħu jew is-suċċessuri fid-dritt tagħhom jistgħu, fuq talba, jiksbu l-ħlas mill-Fond […], tal-krediti marbuta mal-paga mhux imħallsa msemmija fl-Artikolu 2”.

    17

    Fi kliem l-Artikolu 2(1) sa (5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92:

    “1.   Il-ħlas magħmul mill-Fond […] skont l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet ikopri l-krediti tax-xogħol, minbarra dawk li jirrigwardaw il-ħlas tat-tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, relattivi għall-aħħar tliet xhur tal-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol li jaqgħu fl-aħħar tnax-il xahar li jippreċedu:

    a)

    id-data tal-provvediment li jiddetermina l-ftuħ ta’ waħda mill-proċeduri indikati fl-Artikolu 1(1);

    b)

    id-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni obbligatorja;

    c)

    id-data tal-provvediment ta’ likwidazzjoni jew waqfien mill-eżerċizzju provviżorju jew tal-awtorizzazzjoni tal-kontinwazzjoni tal-attività tal-impriża, għall-impjegati li komplew jaħdmu, jew id-data ta’ tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, jekk din tkun seħħet matul il-kontinwazzjoni tal-attività tal-impriża.

    2.   Il-ħlas magħmul mill-Fond ta’ garanzija skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jistax ikun iktar minn somma ekwivalenti għal tliet darbiet l-ammont massimu tal-kumpens speċjali mħallas bħala żieda mal-paga mensili wara t-tnaqqis tas-sigurtà soċjali.

    3.   Il-ksib tas-somom imħallsa mill-Fond skont dan l-artikolu huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2), (3), (4), (5), l-ewwel sentenza tal-paragrafu (7), (10) tal-Liġi Nru 297 tad-29 ta’ Mejju 1982. Is-somom imħallsa mill-Fond huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-liġi hawn fuq imsemmija.

    4.   Il-ħlas imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma jakkumulax sal-livell ta’ dawn l-ammonti:

    a)

    bil-kumpens speċjali mħallas bħala żieda mal-paga matul it-tnax-il xahar imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu;

    b)

    bil-paga mħallsa lill-impjegat matul it-tliet xhur imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu;

    c)

    bil-benefiċċju tal-mobbiltà mħallas skont il-Liġi Nru 223, tat-23 ta’ Lulju 1991, matul it-tliet xhur wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    5.   Id-dritt għall-benefiċċju msemmi fil-paragrafu 1 għandu preskrizzjoni ta’ sena. L-imgħaxijiet u l-effetti tal-iżvalutazzjoni monetarja huma kkalkulati mid-data tal-preżentata tat-talba”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li R. Visciano eżerċita attività professjonali bħala impjegat mal-kumpannija tas-sigurtà Metropoli S.c.a.r.l. sad-9 ta’ Novembru 2000, data li fiha, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ likwidazzjoni amministrattiva obbligatorja minħabba insolvenza, permezz ta’ digriet ministerjali tal-24 ta’ Ottubru 2000, huwa ġie suġġett għal proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

    19

    Fit-8 ta’ Ġunju 2001, huwa ppreżenta, skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92, talba għall-ħlas mill-Fond tal-krediti mhux imħallsa għax-xogħol imwettaq matul l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    20

    L-INPS ma ħallsux il-pagi kollha mhux imħallsa fil-limitu ta’ tliet darbiet il-limitu massimu tal-benefiċċju tal-qgħad eċċezzjonali, iżda naqqas minn dan l-ammont il-ħlasijiet akkont tal-paga miksuba mingħand min kien iħaddmu u llikwdia b’dan il-mod somma iżgħar minn dik li R. Visciano kellu jieħu.

    21

    Wara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et (C-19/01, C-50/01 u C-84/01, Ġabra p. I-2005), R. Visciano pproċeda, fit-30 ta’ Ġunju 2005, quddiem it-Tribunale di Napoli sabiex jiġi kkonfermat li għandu dritt għad-differenza bejn is-somma lilu mħallsa mill-INPS u l-massimu lilu dovut, mingħajr tnaqqis.

    22

    L-INPS eċċepixxa l-preskrizzjoni ta’ sena tal-kreditu peress li dan il-kreditu kien dejn ta’ natura soċjali awtonomu u distint mill-kreditu invokat fil-konfront ta’ min iħaddem, li eskludiet il-ħlas tiegħu fis-sens tad-Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942.

    23

    Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione mhijiex uniformi fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-somom mhux imħallsa minn min iħaddem u tqis li l-possibbiltà li r-rikors jintlaqa’ hija suġġetta għall-kwistjoni tal-preskrizzjoni li, min-naħa tagħha, tiddependi mill-klassifikazzjoni tal-kreditu li r-rikorrent jinvoka.

    24

    Konsegwentement, it-Tribunale di Napoli ddeċieda jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987 […], sa fejn dawn jipprevedu l-ħlas ta’ krediti marbuta mal-paga tal-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux, jippermettu li tali krediti, fil-mument meta jiġu mitluba lill-istituzzjoni ta’ garanzija, titneħħilhom in-natura inizjali tagħhom ta’ krediti marbuta mal-paga u jiġu kklassifikati minflok bħala [benefiċċji] tas-sigurtà soċjali għas-sempliċi fatt li l-ħlas tagħhom ikun ġie assenjat mill-Istat Membru lil istituzzjoni tas-sigurtà soċjali u li, b’hekk, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-terminu ‘paga’ jiġi ssostitwit bit-terminu ‘benefiċċju tas-sigurtà soċjali’?

    2)

    Għall-iskop soċjali tad-Direttiva [80/987], huwa biżżejjed li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tuża l-kreditu inizjali marbut mal-paga tal-impjegat bħala sempliċi bażi ta’ paragun, b’mod li jkun jista’ jiġi stabbilit per relationem il-benefiċċju li għandu jiġi ggarantit bl-intervent tal-istituzzjoni ta’ garanzija, jew huwa meħtieġ li l-kreditu marbut mal-paga tal-impjegat fil-konfront tal-persuna li tħaddem li tkun insolventi jkun protett, permezz tal-intervent tal-istituzzjoni ta’ garanzija, billi jiġi assigurat lilu l-istess kontenut, garanziji, termini u modalitajiet ta’ azzjoni bħal dawk rikonoxxuti lil kull kreditu tax-xogħol ieħor fl-istess sistema legali?

    3)

    Il-prinċipji li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, jippermettu li fil-konfront tal-krediti tal-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux, marbuta mal-paga għall-perijodu ddeterminat skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, jiġu applikati regoli ta’ preskrizzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk applikati għall-krediti ta’ natura simili?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    25

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-krediti mhux imħallsa tal-impjegati jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” peress li dawn huma ggarantiti mill-Fond.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 80/987 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw, mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, il-ħlas tal-krediti mhux imħallsa tal-impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jinvolvu l-paga relattiva għall-perijodu li jippreċedi data ddeterminata (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Walcher, C-201/01, Ġabra p. I-8827, punt 31).

    27

    Min-naħa l-oħra, l-għan soċjali tad-Direttiva 80/987 huwa dak li jiġi ggarantit lill-impjegati kollha minimu Komunitarju ta’ protezzjoni fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem permezz tal-ħlas tal-krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jinvolvu l-paga relattiva għal perijodu ddeterminat (sentenza Barsotti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Madankollu, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jippreċiża t-terminu “paga” u jiddefinixxi l-kontenut tiegħu (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero, C-520/03, Ġabra p. I-12065, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Għalhekk, huwa l-kompitu tad-dritt nazzjonali li jiddefinixxi n-natura ġuridika ta’ krediti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 80/987 ma tippreċiżax b’mod iktar ulterjuri l-proċeduri ġudizzjarji u r-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-krediti tal-impjegati fil-każ ta’ falliment ta’ min iħaddem.

    31

    Minn dan isegwi li għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-krediti mhux imħallsa tal-impjegati jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” meta dawn jitħallsu minn istituzzjoni ta’ garanzija.

    Fuq it-tieni domanda

    32

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 80/987, huwiex suffiċjenti li leġiżlazzjoni nazzjonali tuża kreditu inizjali tal-impjegat bħala sempliċi terminu ta’ paragun jew jekk dan il-kreditu għandux jiġi protett permezz tal-intervent tal-Fond bħal kull kreditu tax-xogħol ieħor.

    33

    Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema ġuridika applikabbli għall-krediti mhux imħallsa tal-impjegati għandha wkoll tiġi ddefinita mid-dritt nazzjonali.

    34

    Minn dan isegwi li l-kreditu inizjali marbut mal-paga tal-impjegat jista’ jikkostitwixxi biss terminu ta’ paragun li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċju li għandu jiġi ggarantit mill-Fond.

    35

    Għalhekk, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 80/987 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża bħala sempliċi terminu ta’ paragun il-kreditu inizjali marbut mal-paga tal-impjegat sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċċju li għandu jiġi ggarantit permezz tal-intervent mill-Fond.

    Fuq it-tielet domanda

    36

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest ta’ talba minn impjegat intiża sabiex jikseb minn fond ta’ garanzija l-ħlas tal-krediti ta’ paga mhux imħallsa, id-Direttiva 80/987 tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ preskrizzjoni inqas favorevoli minn dawk applikati għal krediti ta’ natura simili.

    37

    Id-Direttiva 80/987 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jistgħux jipprovdu terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata tat-talba ta’ impjegat intiża sabiex jikseb mill-Fond, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-imsemmija direttiva, il-ħlas tal-pagi mhux imħallsa mill-persuna insolventi li kienet tħaddmu.

    38

    Fil-fatt, l-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 80/987, li jippermettu lill-Istati Membri mhux biss li jistabbilixxu l-modalitajiet tal-organizzazzjoni, tal-finanzjament u tat-tħaddim tal-istituzzjoni ta’ garanzija, iżda wkoll li f’ċerti ċirkustanzi jillimitaw il-protezzjoni li hija tfittex li tiżgura għall-impjegati, la jipprevedu limitazzjoni ta’ żmien fir-rigward tad-drittijiet li l-impjegati għandhom taħt din id-direttiva u lanqas ma jipprevedu limitazzjoni tal-possibbiltá, għall-Istati Membri, li jipprovdu terminu ta’ preskrizzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Pflücke, C-125/01, Ġabra p. I-9375, punt 31).

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, liberi li fid-dritt nazzjonali tagħhom jipprovdu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni għall-preżentata ta’ talba ta’ impjegat intiża sabiex jikseb, skont il-modalitajiet tad-Direttiva 80/987, il-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa tiegħu, sakemm, madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), filwaqt li dawn ma jistgħux ikunu fformulati b’tali mod li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Pflücke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandu jiġi vverifikat jekk klassifikazzjoni tal-krediti tal-impjegat invokati fil-konfront tal-Fond bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali, li għandha bħala konsegwenza n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previsti għall-krediti inklużi fil-passiv tal-falliment, hijiex kuntrarja għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    41

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu l-ewwel jiġi rrilevat li t-talba għall-ħlas ta’ pagi mhux imħallsa tal-impjegat fil-konfront tal-Fond u dik ta’ impjegat bħal dan fil-konfront ta’ min iħaddmu fi stat ta’ insolvenza mhumiex simili. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987 li jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija.

    42

    Għalhekk, l-eżistenza ta’ regoli ta’ termini ta’ preskrizzjoni differenti ma tiksirx il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

    43

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuni li jikkontribwixxu kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċili l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, fir-rigward tal-ħlas ta’ krediti marbuta mal-paga li, fin-natura tagħhom stess, jirrapreżentaw importanza kbira għall-partijiet interessati, il-qosor tat-terminu ta’ preskrizzjoni jkollu biss bħala konsegwenza li dawn tal-aħħar ma jirnexxilhomx, fil-prattika, josservaw l-imsemmi terminu u għalhekk ma jibbenefikawx mill-protezzjoni li d-Direttiva 80/987 tfittex speċifikament li tiggarantilhom (ara s-sentenza Pflücke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

    45

    Dwar dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li terminu ta’ dekadenza ta’ sena għall-preżentata ta’ rikors għad-danni subiti minħabba t-traspożizzjoni tardiva fid-dritt intern tad-Direttiva 80/987 jidher li huwa raġonevoli (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 29).

    46

    Madakollu, jirriżulta wkoll mill-punt 39 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325), li, sabiex tiġi sodisfatta l-funzjoni tiegħu ta’ garanzija taċ-ċertezza legali, it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit minn qabel. Sitwazzjoni kkaratterizzata minn inċertezza legali kbira tista’ tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru jista’ fil-prattika jsir eċċessivament diffiċli jekk dawn ma jkunux jistgħu jistabbilixxu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli b’livell raġonevoli ta’ ċertezza (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier, C-445/06, Ġabra p. I-2119), punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 80/92 jistabbilixxi terminu ta’ sena bħala t-terminu ta’ preskrizzjoni, iżda ma jiddeterminax id-dies a quo.

    48

    Min-naħa l-oħra, din il-qorti tosserva li, fil-bidu, il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione kklassifikat bħala marbuta mal-paga n-natura tal-benefiċċji mħallsa mill-Fond, natura identika għall-pagi mħallsa minn min iħaddem, klassifikazzjoni li għandha bħala konsegwenza li għal dawn il-benefiċċji jiġu applikati t-termini ta’ preskrizzjoni kif ukoll ir-regoli ta’ sospensjoni tagħhom li jeżistu fil-kuntest tal-proċedura tal-konkors ta’ kredituri. Iktar tard, din il-qorti suprema kkunsidrat li l-obbligu impost fuq il-Fond għandu bħala għan benefiċċju tas-sigurtà soċjali, indipendentement mill-obbligu ta’ min iħaddem li jħallas il-paga, u dan bil-konsegwenza, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ sospensjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni hawn fuq imsemmija mhumiex applikabbli.

    49

    Dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet jistgħu joħolqu inċertezzi legali li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ effettività, fil-każ li jirriżulta, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina, li dawn l-inċertezzi legali jistgħu jispjegaw it-tardività tal-azzjoni ta’ R. Visciano.

    50

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għat-tielet domanda għandha konsegwentement tingħata r-risposta li, fil-kuntest ta’ talba minn impjegat għall-ksib minn fond ta’ garanzija tal-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena (prinċipju ta’ ekwivalenza). Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina jekk il-formulazzjoni tiegħu jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività).

    Fuq l-ispejjeż

    51

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-krediti mhux imħallsa tal-impjegati jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tas-sigurtà soċjali” meta dawn jitħallsu minn istituzzjoni ta’ garanzija.

     

    2)

    Id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tuża bħala sempliċi terminu ta’ paragun il-kreditu inizjali marbut mal-paga tal-impjegat sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċċju li għandu jiġi ggarantit permezz tal-intervent minn fond ta’ garanzija.

     

    3)

    Fil-kuntest ta’ talba minn impjegat għall-ksib minn fond ta’ garanzija tal-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, id-Direttiva 80/987 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sena (prinċipju ta’ ekwivalenza). Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina jekk il-formulazzjoni tiegħu jirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top