Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0061

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta' Mejju 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 43 KE - Libertà ta’ stabbiliment - Nutara - Kundizzjoni ta’ ċittadinanza - Artikolu 45 KE - Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika - Direttiva 89/48/KEE.
Kawża C-61/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:340

Kawża C-61/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza — Artikolu 45 KE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Direttiva 89/48/KEE”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Attivitajiet ta’ nutar — Esklużjoni — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar — Inammissibbiltà

(Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata — Sitwazzjoni ta’ inċertezza li tirriżulta minn ċirkustanzi partikolari li jkunu seħħew waqt il-proċess leġiżlattiv — Assenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikolu 43 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u 226 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36)

1.        Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE, peress li l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-deroga għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubbliku, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara. F’dan ir-rigward, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma taqax taħt id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, minkejja l-effetti legali sinjifikattivi mogħtija lill-atti tagħhom, sa fejn kemm il-volontà tal-partijiet, kif ukoll is-sorveljanza jew id-deċiżjoni tal-qorti jkollhom importanza partikolari.

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-atti awtentiċi, huma suġġetti għal awtentifikazzjoni biss l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew filwaqt li n-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ verifika li għandhom in-nutura għandu, ċertament, għan ta’ interess ġenerali, madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u lanqas ma tkun biżżejjed sabiex attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-saħħa eżekuttiva, għalkemm iż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva. Bl-istess mod, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili taqa’ taħt ir-regoli tal-provi u għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u barra minn hekk l-att nutarili ma jorbotx b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li din tieħu d-deċiżjoni tagħha skont il-konvinzjoni interna tagħha.

L-istess jingħad fir-rigward ta’ attivitajiet oħra fdati lin-nutar, bħalma huma l-inkarigi fdati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sforzata, li matulha huwa prinċipalment inkarigat milli jorganizza l-bejgħ bl-irkant u, fil-każ li jsir dan il-bejgħ, li jipprepara l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-likwidazzjoni speċjali ta’ impriżi f’diffikultà, l-intervent fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni jew ta’ ħlas ta’ kambjali jew ta’ ċekkijiet, tat-tranżazzjonijiet u l-atti, bħall-kostituzzjoni u t-trasferiment ta’ drittijiet reali fuq l-immobbli, id-donazzjoni ta’ immobbli, ir-rikonoxximent volontarju ta’ paternità u l-legati, tal-atti tal-inkorporazzjoni ta’ kumpanniji u fondazzjonijiet.

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara, l-ewwel nett, mill-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, jirriżulta li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. It-tieni nett, in-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

(ara l-punti 74, 76, 77, 79-84, 86-88, 91-97, 99, 100, 102-107, 110)

2.        Meta, matul il-proċess leġiżlattiv, ċirkustanzi partikolari, bħalma huwa n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara mil-leġiżlatur jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jagħtu lok għal sitwazzjoni ta’ inċertezza, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fi tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu direttiva.

(ara l-punti 130-132)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Direttiva 89/48/KEE”

Fil-Kawża C‑61/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Ossowski, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn V. Christianos kif ukoll minn E.‑M. Mamouna u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc u Ž. Cilenšek Bončina, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba u B. Ricziová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar u billi ma ttrasponietx, għal din il-professjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138), iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 89/48”), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 45 KE kif ukoll taħt id-Direttiva 89/48.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48 tistabbilixxi li “s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”.

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 kien għalhekk miktub kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”

4        Il-professjoni ta’ nutar ma kienet suġġetta għal ebda leġiżlazzjoni ta’ tip bħal dik imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.

5        Id-Direttiva 89/48 kienet tipprovdi terminu ta’ traspożizzjoni li kien jiskadi, skont l-Artikolu 12 tagħha, fl-4 ta’ Jannar 1991.

6        Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), ħassar, skont l-Artikolu 62 tiegħu, id-Direttiva 89/48 b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.

7        Il-wieħed u erbgħin premessa tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li hija “bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) [KE] u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta’ nutar

8        In-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Grieg, fl-ambitu ta’ professjoni libera. L-organizzazzjoni ta’ din il-professjoni hija rregolata bil-Liġi Nru 2830/2000 tas-16 ta’ Marzu 2000 (FEK A’ 96/16.3.2000, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tan-nutara”).

9        Fi kliem l-Artikolu 1(1) ta’ dan il-kodiċi, in-nutar għandu l-funzjoni, b’mod partikolari, li jipprepara u jikkonserva dokumenti li jikkostitwixxu jew li jservu bħala provi għal ċerti atti legali, li jżid il-formula tal-eżekuzzjoni fuq dawn id‑dokumenti, li jiffirma dokumenti privati sabiex dawn ikun jistgħu jiksbu data ċerta u li jiċċertifika l-awtentiċità tal-firma ta’ kull persuna kkonċernata.

10      L-istess dispożizzjoni tiddefinixxi lin-nutar bħala “uffiċjal pubbliku mingħajr rimunerazzjoni” fis-sens li huwa ma huwiex imħallas mill-Istat, iżda mill-klijenti tiegħu. Kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar.

11      In-numru ta’ nutara, iż-żona u r-residenza tagħhom huma ddeterminati skont, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 17 tal-Kodiċi tan-nutara. Din l-ewwel dispożizzjoni tipprovdi li n-nutara għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-ambitu tad-distrett ġudizzjarju tar-residenza tagħhom.

12      Skont l-Artikolu 40 tal-Kodiċi tan-nutara, id-drittijiet tan-nutara, li jinkludu parti fissa u parti varjabbli skont il-valur indikat fl-att nutarili kkonċernat, huma stabbiliti b’deċiżjoni interministerjali tal-ministri tal-Ekonomija u tal-Finanzi, minn naħa, u tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, u l-iktar waħda riċenti hija d‑Deċiżjoni 100692(1)/2009.

13      Skont l-Artikolu 153 tal-Kodiċi tan-nutara, żewġ nutara jew iktar, li r-residenza tagħhom tkun fl-istess distrett ġudizzjarju, jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom taħt il-forma ta’ soċjetà tad-dritt ċivili.

14      Fil-Greċja, skont l-Artikolu 19 tal-Kodiċi tan-nutara, sabiex persuna tkun tista’ tiġi nnominata kandidat nutar, din għandha inter alia tkun Griega.

 L-attivitajiet nutarili

15      Fir-rigward tad-diversi attivitajiet tan-nutar fl-ordinament ġuridiku Grieg, huwa paċifiku li d-dmir prinċipali tiegħu jikkonsisti fir-redazzjoni ta’ atti awtentiċi. Għalhekk, l-intervent tan-nutar jista’ jkun obbligatorju jew fakultattiv, skont l-att li huwa jintalab jawtentika. B’dan l-intervent, in-nutar jikkonstata li l‑kundizzjonijiet legali kollha meħtieġa għar-realizzazzjoni tal-att inkwistjoni jkunu sodisfatti, u kif ukoll il-kapaċità ġuridika u l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jaġixxu.

16      Mill-Artikolu 438 tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili, li jidher fil-Kapitolu VIII bit-titolu “Tad-dokumenti”, jirriżulta li l-att awtentiku huwa dokument pubbliku redatt minn uffiċjal pubbliku u li jipprovdi prova kompleta, infurzabbli kontra kulħadd, ta’ dak kollu li jkun ġie ddikjarat li sar mill-uffiċjal jew quddiemu.

17      L-atti nutarili għandhom is-saħħa eżekuttiva fuq il-bażi tal-Artikolu 904(2) tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Din id-dispożizzjoni tagħti tali saħħa, barra minn hekk, b’mod partikolari, liċ-ċitazzjonijiet u lill-atti rrikonoxxuti mil-liġi bħala titoli eżekuttivi. Sabiex dawn ikollhom is-saħħa eżekuttiva, l-atti nutarili għandhom jinkludu, skont l-Artikolu 918 ta’ dan l-istess kodiċi, il-formula tal-eżekuzzjoni miżjuda min-nutar.

18      Skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi 2318/1995, tad-19 ta’ Ġunju 1995, li jistabbilixxi l‑kodiċi tal-marixxalli ġudizzjarji (FEK A’ 126/19.6.1995), il-marixxall ġudizzjarju huwa kompetenti sabiex jeżegwixxi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji u kif ukoll l-atti jew it-titoli f’għamla eżekuttiva.

19      Barra minn hekk, mill-Artikolu 933 u dawk sussegwenti tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili jirriżulta li kull kontestazzjoni fir-rigward tal-mezzi ta’ eżekuzzjoni titressaq quddiem il-qorti.

20      Ir-rwol tan-nutar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sforzata jikkonsisti, essenzjalment, fit-twettiq tal-bejgħ bis-subbasta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 959 sa 981, 988 u 998 sa 1021 tal-Kodiċi ta’ proċedura ċivili.

21      Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-kodiċi, it-titolu eżekuttiv huwa inizjalment eżegwit minn marixxall ġudizzjarju, li jgħaddi ordni ta’ ħlas lid-debitur. Id-debitur għandu terminu sabiex jagħmel dan. Fi tmiem dan it-terminu, u jekk id-debitur ma jkunx fil-frattemp għamel dan, jinqabdu l-beni immobbli kkonċernati permezz ta’ att ta’ notifika mill-marixxall, u sussegwentement dan l‑att jiġi traskritt fl-uffiċċju tal-ipoteki. Imbagħad il-marixxall jiffissa d-data tal-bejgħ bis-subbasta, fejn opportun, jinnomina nutar u jinkarigah jipproċedi b’dan il-bejgħ. Fl-aħħar, in-nutar jipproċedi bil-proċedura tal-bejgħ bis-subbasta u, fil-każ li dan il-bejgħ isir, jipprepara l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jinkludu fihom it-trasferiment tal-prezz favur il-kredituri, u jistabbilixxi, fejn applikabbli, l‑elenku tal-kredituri. Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar il-validità tat-titolu eżekuttiv, il-proċedura tal-eżekuzzjoni sforzata jew il-kreditu, din titressaq quddiem il-qorti skont l-Artikolu 933 u dawk sussegwenti tal-imsemmi kodiċi.

22      Barra minn hekk, ċerti tranżazzjonijiet għandhom jiġu konklużi b’att nutarili, u dan taħt piena ta’ nullità. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-kostituzzjoni u t‑trasferiment ta’ drittijiet reali fuq l-immobbli. Skont l-Artikolu 1033 tal-Kodiċi ċivili, sabiex proprjetà immobbli tiġi ttrasferita, jeħtieġ li jkun hemm ftehim bejn il-proprjetarju u x-xerrej fir-rigward tat-trasferiment tal-proprjetà lil dan tal-aħħar għal raġuni leġittima, filwaqt li dan il-ftehim għandu jkun redatt f’att nutarili. Hemm atti oħra li l-validità tagħhom hija suġġetta għall-awtentikazzjoni nutarili, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-rikonoxximent volontarju ta’ paternità, id‑donazzjoni ta’ immobbli u l-legati.

23      In-nutar jintervjeni wkoll fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji. Għalhekk, pereżempju, l-atti ta’ kostituzzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi u ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata kif ukoll ċerti atti ta’ trasformazzjoni u ta’ amalgamazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji għandu jkollhom, skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 2190/1920 dwar il-kumpanniji pubbliċi (FEK A’ 37/30.3.1963) u l-Liġi 3190/1955 dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (FEK A’ 91/16.4.1955), il-forma nutarili, u dan taħt piena ta’ nullità. Barra minn hekk, il-kostituzzjoni ta’ dawn il-kumpanniji hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-Ministru tal-Iżvilupp jew tal-qorti kompetenti rispettivament. Il-personalità ġuridika tagħhom tinkiseb permezz tal-pubblikazzjoni tal-istatuti tagħhom, tal-atti kostituttivi u tad-deċiżjoni amministrattiva li tapprova l-istatuti fir-reġistru tal‑kumpanniji pubbliċi jew fir-reġistru tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kif ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali. Bl-istess mod, il-ħolqien ta’ fondazzjoni, li għandha ssir b’att nutarili skont l-Artikolu 109 tal-Kodiċi ċivili, huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 112 ta’ dan il-kodiċi.

 Il-proċedura prekontenzjuża

24      Il-Kummissjoni ġiet adita b’ilment fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fil-Greċja. Wara li pproċediet bl-eżami ta’ dan l-ilment, b’ittra tal-14 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Griega sabiex tippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l‑osservazzjonijiet tagħha dwar, minn naħa, il-konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE tal-imsemmija kundizzjoni ta’ ċittadinanza kif ukoll, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 fir-rigward tal-professjoni ta’ nutar.

25      B’ittra tas-27 ta’ Frar 2001, ir-Repubblika Griega rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

26      Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lil dan l-Istat Membru, fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll taħt id‑Direttiva 89/48.

27      L-imsemmi Stat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2002.

28      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mir-Repubblika Griega, il‑Kummissjoni bagħtet, fit-18 ta’ Ottubru 2006, lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll taħt id-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni stiednet lil dan l‑Istat Membru sabiex jieħu l‑miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min‑notifika tagħha.

29      B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika Griega esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni kienet infondata.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

31      Ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li n-nota ta’ intervent tar-Renju Unit hija inammissibbli peress li din ma titlobx, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, is-sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din in-nota hija inammissibbli wkoll peress li r-Renju Unit irrefera, minn naħa, biss għad-Direttiva 2005/36, meta r-rikors preżenti jittratta d-Direttiva 89/48, u, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 39(4) KE, meta din id-dispożizzjoni hija irrilevanti għas-suġġett tal-kawża.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

33      Barra minn hekk, l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l‑intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

34      Il-konklużjoni li għaliha wasal ir-Renju Unit fin-nota ta’ intervent tiegħu hija fformulata kif ġej:

“[I]l-professjoni ta’ nutar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2005/36]. Ċerti attivitajiet eżerċitati min-nutara jistgħu biss jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni [tal-imsemmija] direttiva kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li dawn l-attivitajiet huma koperti mill-eċċezzjoni msemmija fil-wieħed u erbgħin premessa ta’ [din] id-direttiva, skont l-Artikolu 39(4) u/jew 45 KE.”

35      Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 39 KE u d‑Direttiva 2005/36.

36      Madankollu, anki jekk, litteralment, l-għan tal-intervent tar-Renju Unit hekk deskritt jidher li huwa differenti minn dak li jista’ validament jiġi mfittex permezz ta’ nota ta’ intervent, minn qari globali tan-nota ta’ intervent inkwistjoni u mill-kuntest tagħha jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-Renju Unit huma intiżi sabiex jikkontribwixxu, billi jipprovdu kjarifika addizzjonali tal-kwistjoni, għas-suċċess tal-azzjoni tal-Kummissjoni.

37      Din l-analiżi ma hijiex ikkonfutata miż-żewġ oġġezzjonijiet imqajma mir-Repubblika Ellenika. Fil-fatt, fir-rigward tar-riferimenti li saru fl-imsemmija nota ta’ intervent għad-Direttiva 2005/36, għandu jiġi kkonstatat li, skont ir-Renju Unit, din tal-aħħar terġa’ tikkonferma, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/48, li hija ssostitwixxiet.

38      Huwa għal din ir-raġuni li dan l-Istat Membru għażel li jirreferi, fl-argumenti tiegħu, għad-Direttiva 2005/36, bl-intiża li dawn japplikaw ukoll għad-Direttiva 89/48.

39      Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferimenti li saru f’din l-istess nota ta’ intervent għall-Artikolu 39(4) KE, għandu jiġi rrilevat li r-Renju Unit irrikonoxxa espressament li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami, iżda jsostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta ma’ dan l-artikolu għandha, min-naħa l-oħra, tiġi applikata b’analoġija fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

40      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-nota ta’ intervent tar-Renju Unit hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

41      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rriżervat l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar unikament għaċ-ċittadini proprji tagħha, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Din l‑istituzzjoni tippreċiża li, b’dan l-ilment, hija qiegħda takkuża lir-Repubblika Ellenika li kisret l-Artikolu 43 KE, billi dan il-ksur ma huwiex iġġustifikat mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

42      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod preliminari, li l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ ċittadinanza f’ċerti Stati Membri u li din il-kundizzjoni kienet tneħħiet minn Stati Membri oħra, bħar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

43      Din l-istituzzjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki bħala post sekondarju, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.

44      Din l-istituzzjoni kif ukoll ir-Renju Unit isostnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 8). Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, dan l-artikolu għandu minbarra dan jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 43).

45      L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għalhekk għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki tmur kontra din l-istess rieda. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju ta’ setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I-6717, punt 37).

46      Fil-fehma tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn l‑attivitajiet li huma parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jiġu attribwiti kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali, mingħajr madankollu ma jkunu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

47      Huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE l-attivitajiet li jikkostitwixxu assistenza jew kollaborazzjoni għall-funzjonament tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 22).

48      Minbarra dan, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ifakkru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż prinċipalment għal attivitajiet partikolari u mhux għal professjoni sħiħa, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati ma humiex separabbli mit-totalità tal-attivitajiet eżerċitati f’din il-professjoni.

49      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tagħmel eżami tal-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Grieg.

50      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehim, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar jillimita ruħu sabiex ikun xhud tal-volontà tal-partijiet, wara li jkun tahom parir, u sabiex jagħti effetti legali lil din il-volontà. Fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, in-nutur ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet. Għalhekk, l-awtentikazzjoni hija biss il-konferma ta’ ftehim minn qabel bejn dawn il-partijiet. Il-fatt li ċerti atti għandhom ikunu b’mod obbligatorju awtentikati huwa irrilevanti, peress li diversi proċeduri għandhom natura obbligatorja mingħajr madankollu ma huma l-manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

51      L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-aspetti partikolari tar-regoli tal-provi marbuta mal-atti nutarili, saħħa probatorja paragunabbli hija mogħtija wkoll lil atti oħra li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, bħall-proċessi verbali magħmula mill-gwardjani forestali taħt ġurament. Il-fatt li n-nutar jidħol responsabbli fit-tfassil tal-atti nutarili lanqas ma huwa rilevanti. Fil-fatt, dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-parti l-kbira tal-professjonisti indipendenti, bħall-avukati, il-periti jew it-tobba.

52      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-atti awtentikati, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda tal-formula tal-eżekuzzjoni tippreċedi l-eżekuzzjoni hekk imsejħa mingħajr ma tagħmel parti minnha. Għalhekk, din is-saħħa eżekuttiva ma tagħti ebda setgħa vinkolanti lin-nutara. Barra minn hekk, kull kontestazzjoni eventwali ma hijiex deċiża min-nutar iżda mill-qorti.

53      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-dmirijiet nutarili fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li n-nutar sempliċement jeżegwixxi ċerti kundizzjonijiet proċedurali previsti mil-liġi għall-finijiet tal-kostituzzjoni ta’ persuna ġuridika. Barra minn hekk, dawn id-dmirijiet jistgħu wkoll jiġu eżerċitati mill-konsulenti legali u mill-avukati.

54      Fir-rigward, it-tielet nett, tad-dmirijiet nutarili fil-qasam tal-kostituzzjoni u t‑trasferiment ta’ drittijiet reali fuq immobbli, dawn ma jinvolvu ebda setgħa deċiżjonali li teżorbita d-dritt ordinarju. Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tad-dmirijiet tan-nutar marbuta mat-twettiq ta’ ċerti atti, bħalma huma, b’mod partikolari, id-donazzjonijiet, ir-rikonoxximenti volontarji ta’ paternità u l-legati.

55      Ir-raba’ nett, lanqas il-parteċipazzjoni tan-nutar fl-eżekuzzjoni sforzata ma tirrifletti, fiha nnifisha, eżerċizzju tal-awtorità pubblika, peress li r-rwol tiegħu huwa simili għal dak tad-direttur tal-bejgħ bis-subbasti pubbliċi.

56      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni u r-Renju Unit iżidu li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C-405/01, Ġabra p. I-10391), li għaliha jagħmlu riferiment diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kienet tikkonċerna l-eżerċizzju mill-kaptani u l-uffiċjali sekondi ta’ bastimenti tal-merkanzija ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet taż-żamma tas-sigurtà, ta’ dmirijiet marbuta mal-ordni pubblika kif ukoll ta’ kompetenzi fil-qasam nutarili u ta’ status ċivili. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina fid-dettall l-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutara fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Konsegwentement, din is-sentenza ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tapplika għan-nutara.

57      B’mod preliminari, ir-Repubblika Ellenika ssostni li dan l-ilment huwa infondat peress li dan jittratta allegat ksur konġunt tal-Artikoli 43 KE u 45 KE, filwaqt li l‑applikazzjoni ta’ waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet teskludi lil dik tal-oħra.

58      Fir-rigward tal-kunċett ta’ parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, dan l-Istat Membru jqis li dan il‑kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet li jinvolvu l-użu ta’ prerogattivi li joħorġu mill-ambitu tad-dritt ordinarju huma koperti mill‑eċċezzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni. Issa, fis-sentenza tagħha Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Espanola, iċċitata iktar ’il fuq, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li n-nutar jipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

59      Fir-rigward tan-natura diretta u speċifika tal-parteċipazzjoni tan-nutar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, ir-Repubblika Ellenika tikkunsidra li din il‑parteċipazzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ ġabra ta’ kriterji, jiġifieri, l‑ewwel nett, in-natura sostanzjali u prinċipali, u mhux anċillari jew sekondarja, tal-attivitajiet nutarili, it-tieni nett, l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet b’mod regolari u abitwali, u mhux b’mod sparodiku jew eċċezzjonali, it-tielet nett, dan l‑eżerċizzju għandu jikkonċerna parti sinjifikattiva tal-attivitajiet inkwistjoni kollha u, ir-raba’ nett, din għandha taffettwa l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja (ara s-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u tal-10 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-306/89, Ġabra p. I-5863, punt 7). Issa, dawn il-kriterji huma sodisfatti fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Grieg. Ir-rwol tan-nutar ma jistax għalhekk jiġi evalwat biss fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali kif il-Kummissjoni tissuġġerixxi.

60      L-intervent obbligatorju tan-nutar, b’mod partikolari fl-inkorporazzjoni ta’ persuni ġuridiċi u t-trasformazzjoni tal-personalità ġuridika tagħhom, il-kostituzzjoni u t‑trasferiment ta’ drittijiet reali fuq beni immobbli kif ukoll fil-kontroll tal-eżekuzzjoni sforzata, juri li n-nutar jipparteċipa b’mod dirett u speċifiku fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

61      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tosserva, fl-ewwel lok, li n-nutar jintervjeni fl-att ta’ kostituzzjoni ta’ fondazzjoni, ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Ewropea u ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Barra minn hekk, kull tibdil li jsir fir-rigward tal-personalità ġuridika ta’ dawn tal-aħħar jirrikjedi l-intervent tan-nutar taħt piena ta’ nullità. L-attribuzzjoni tal-personalità ġuridika lil dawn l‑entitajiet u kif ukoll it-tibdil li jsir għall-forma ta’ din il-personalità huma prerogattivi tal-awtorità pubblika.

62      Fit-tieni lok, l-intervent tan-nutar huwa obbligatorju wkoll għall-kostituzzjoni u t‑trasferiment ta’ drittijiet reali fuq immobbli. Mingħajr att nutarili, ma jista’ jsir ebda akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà jew ta’ drittijiet reali oħra. Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tar-rikonoxximent volontarju ta’ paternità, id-donazzjoni ta’ immobbli bejn persuni ħajjin u l-legati.

63      Fit-tielet lok, in-nutar jintervjeni b’mod obbligatorju fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni sforzata u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-bejgħ bis-subbasta sforzat ta’ beni mobbli jew immobbli, bastimenti u inġenji tal-ajru. In-nutar huwa għalhekk awtorizzat sabiex jipproċedi, b’mod partikolari, bl-ikklassifikar tal-kredituri u t‑tqassim tal-fondi bejniethom fil-każ ta’ proprjetà maqbuda. Dmirijiet simili ngħataw lin-nutar fil-kuntest tal-likwidazzjoni speċjali ta’ impriżi f’diffikultà. F’dawn il-każijiet, in-nutar għandu, skont ir-Repubblika Ellenika, setgħat vinkolanti.

64      Fir-raba’ lok, dan l-Istat Membru jenfasizza li l-atti nutarili jikkostitwixxu titoli eżekuttivi mingħajr ma huwa meħtieġ l-intervent minn qabel tal-qorti. Għal dan il‑għan, dawn l-atti għandu jkollhom il-formula tal-eżekuzzjoni. Bl-istess mod, in‑nutar huwa kompetenti sabiex jipprepara protesti fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni jew ta’ ħlas ta’ kambjali jew ta’ ċekkijiet. Dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu, skont ir-Repubblika Ellenika, il-fażi preparatorja ta’ eżekuzzjoni sforzata jew ta’ azzjoni quddiem il-qorti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

65      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ellenika li tostakola l-istabbiliment, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar, ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħha, billi tirriżerva l‑aċċess għal din il-professjoni, bi ksur tal-Artikolu 43 KE, għaċ-ċittadini tagħha stess.

66      Għalhekk, dan l-ilment jikkonċerna biss il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni għall-aċċess għal din il-professjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

67      Konsegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ilment ma jirrigwardax la l‑istatus u l-organizzazzjoni tan-notarjat fl-ordinament ġuridiku Grieg u lanqas il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata maċ-ċittadinanza, għall-professjoni ta’ nutar f’dan l-Istat Membru.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, kif il-Kummissjoni indikat fis-seduta, li l-ewwel ilment lanqas ma jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Bl-istess mod, dan l-ilment ma jikkonċernax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il‑moviment liberu tal-ħaddiema.

–       Fuq il-mertu

69      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

70      Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il Kummissjoni vs L-Awstrija, C-161/07, Ġabra p. I-10671, punt 24).

71      Il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-persuni li jagħmlu użu mil-libertà li jistabbilixxu ruħhom fih, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom li huma differenti minn dawk iddefiniti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

72      L-Artikolu 43 KE huwa intiż għalhekk sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

73      Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Griegi, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba ċittadinanza li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.

74      Ir-Repubblika Ellenika madankollu ssostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE peress li dawn jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Grieg jaqgħux taħt dan il-kunċett.

75      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti magħmula minn din id-dispożizzjoni għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment tiġi ostakolata minn dispożizzjonjiet unilaterali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il Kummissjoni vs Il-Portugall, C-438/08, Ġabra p. I-10219, punt 35).

76      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 ; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 45 ; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 35 u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, Ġabra p. I‑10239, punti 37 u 46, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

77      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reyners, punt 45; Thijssen, punt 8; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 35 ; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 46 ; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 36).

78      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li huma esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ċerti attivitajiet anċillari jew preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 38 ; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u organiċi, ma’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew assistenza, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punti 21 u 22; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 36 u 42 ; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 38 u 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punti 36 u 41), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C-47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 61, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

79      Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l‑attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Grieg jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

80      Għal dan il-għan, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-professjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

81      Ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li l-attività prinċipali tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Grieg tikkonsisti fir-redazzjoni, bil-formalitajiet meħtieġa, ta’ atti awtentiċi. Sabiex jagħmel dan, in-nutar għandu jivverifika, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq tal-att ikunu sodisfatti. L-att awtentiku jgawdi, minbarra dan, minn saħħa probatorja u minn saħħa eżekuttiva.

82      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Griega, l-atti jew il-ftehim li l-partijiet kienu liberament ikkonkludew. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament l‑istipulazzjonijiet li huma jridu jdaħħlu fid-dokument meta huma jippreżentaw att jew ftehim għal awtentikazzjoni lin-nutar. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippresupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tal-volontà tal-partijiet.

83      Minbarra dan, in-nutar ma jistax jemenda b’mod unilaterali l-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet.

84      L-att ta’ awtentikazzjoni fdat lin-nutara għalhekk ma jinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

85      Il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehim għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija prassi li l-validità ta’ diversi atti tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti ta’ forma jew ukoll għal proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tistax, għalhekk, tkun biżżejjed sabiex issostni l-argument difiż mir-Repubblika Ellenika.

86      Lanqas l-obbligu tan-nutara li jivverifikaw, qabel ma jipproċedu bl-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim ikunu sodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jirrifjutaw li jwettqu din l-awtentikazzjoni ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni preċedenti.

87      Ċertament, in-nutar jeżerċita din il-verifika billi jfittex għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan li jiggarantixxi l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi tfittxija ta’ dan l-għan ma tistax tiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

88      Il-fatt li jaġixxi billi jsegwi għan ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex attività partikolari tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li l‑attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet regolamentati jimplika ta’ spiss, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu għall-persuni li jeżerċitawhom li jsegwu tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet jaqgħu għaldaqstant taħt l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

89      Madankollu, il-fatt li l-attivitajiet nutarili jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet eventwali għall-Artikolu 43 KE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħall-kontroll li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikati għalihom, il‑limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ rimunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltà u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma neċessarji għal dan il-għan.

90      Huwa wkoll veru li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw l‑istipulazzjonijiet tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni u kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim.

91      Fir-rigward tas-saħħa probatorja u tas-saħħa eżekuttiva li minnhom jibbenefika l‑att nutarili, ma jistax jiġi kkonstatat li dawn jagħtu lil dawn l-atti effetti legali sinjifikattivi. Madankollu, il-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom tali effetti ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

92      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regoli tal-provi stabbiliti mil-liġi fl-ordinament ġuridiku inkwistjoni. Għalhekk, is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 8, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 35).

93      Barra minn hekk, ma jistax jiġi sostnut li l-att nutarili, minħabba s-saħħa probatorja tiegħu, jorbot b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta huwa stabbilit li din tieħu d-deċiżjoni tagħha skont il‑konvinzjoni interna tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi kollha miġbura matul il-proċedura ġudizzjarja.

94      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku, għandu jiġi indikat, hekk kif ir‑Repubblika Ellenika ssostni, li din tippermetti l-eżekuzzjoni tal-obbligu li dan l‑att jinkludi, mingħajr l-intervent preċedenti tal-qorti.

95      Is-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku ma tfissirx madankollu, fil-każ tan-nutar, setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, għalkemm iż-żieda min-nutar tal-formula tal-eżekuzzjoni fl-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tiegħu mal-liġi min-nutar, u li jagħtuh din is-saħħa eżekuttiva.

96      Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet l-oħra fdati lin-nutar fl-ordinament ġuridiku Grieg u li għalihom ir-Repubblika Ellenika tirreferi jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

97      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dmirijiet fdati lin-nutar fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sforzata, għandu jiġi rrilevat li dan huwa prinċipalment inkarigat milli jorganizza l-bejgħ bl-irkant u, fil-każ li jsir dan il-bejgħ, li jipprepara l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jinkludu fihom it-trasferiment tal-prezz favur il-kredituri, u li jistabbilixxi, fejn applikabbli, l-elenku tal-kredituri.

98      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li n-nutar ma huwiex kompetenti sabiex jipproċedi huwa stess bil-qbid tal-oġġett tal-eżekuzzjoni sforzata. Min-naħa l-oħra, il-kontestazzjonijiet fir-rigward tal-validità tat-titolu eżekuttiv, tal-proċedura tal-eżekuzzjoni sforzata jew tal-kreditu għandhom jinġiebu quddiem il‑qorti b’mod konformi mal-Artikolu 933 u dawk sussegwenti tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili.

99      Għalhekk, jidher li d-dmirijiet fdati lin-nutara fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sforzata huma eżerċitati taħt il-kontroll tal-qorti, li quddiemha n-nutar għandu jibgħat il‑kontestazzjonijiet li jista’ jkun hemm u li, barra minn hekk, tieħu d-deċiżjoni finali. Dawn id-dmirijiet ma jistgħux, għalhekk, jiġu kkunsidrati li jipparteċipaw, bħala tali, direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 21; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 41 u 42; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 43 u 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punti 37 u 41).

100    Barra minn hekk, l-istess konklużjoni hija meħtieġa fir-rigward tal-attivitajiet li n‑nutar jeżerċita fil-kuntest tal-likwidazzjoni speċjali ta’ impriżi f’diffikultà, peress li dawn l-attivitajiet huma simili, kif ir-Repubblika Ellenika stess tirrikonoxxi, għal dawk eżerċitati min-nutar fil-kuntest tal-bejgħ bis-subbasta sforzat.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tal-attivitajiet nutarili msemmija fil-punti 97 sa 100 ta’ din is-sentenza, li, kif imfakkar fil-punt 78 tal-istess sentenza, servizzi professjonali li jinvolvu assistenza, anki jekk obbligatorja, għall-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ma jikkostitwixxux, għal daqshekk, parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

102    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-intervent tan-nutar fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċettazzjoni jew nuqqas ta’ ħlas ta’ kambjali jew ta’ ċekkijiet, għandu jiġi rrilevat, kif ir‑Repubblika Ellenika tirrikonoxxi b’mod espliċitu, li dan l-intervent, li jikkonsisti fl-abbozzar ta’ protest, jikkostiwixxi l-fażi preparatorja ta’ eżekuzzjoni sforzata jew ta’ azzjoni ġudizzjarja. Issa, l-attivitajiet preparatorji għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika huma, skont ġurisprudenza stabbilita, esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 38; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 36).

103    Fir-rigward, fit-tielet lok, tat-tranżazzjonijiet u l-atti, bħall-kostituzzjoni u t‑trasferiment ta’ drittijiet reali fuq l-immobbli, id-donazzjoni ta’ immobbli, ir‑rikonoxximent volontarju ta’ paternità u l-legati, li għandhom isiru permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nullità, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 82 sa 95 ta’ din is-sentenza.

104    L-istess kunsiderazzjonijiet huma meħtieġa fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-atti tal-inkorporazzjoni ta’ kumpanniji u fondazzjonijiet, peress li dawn għandhom jiġu abbozzati, taħt piena ta’ nullità, permezz ta’ att awtentiku. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, minn naħa, il-kostituzzjoni ta’ dawn l-entitajiet hija suġġetta għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti u, min-naħa l-oħra, dawn jiksbu l-personalità ġuridika tagħhom permezz tal-iskrizzjoni fir-reġistru rilevanti, kif ukoll bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, tal-istatuti tagħhom, tal-atti kostituttivi u tad-deċiżjoni li tapprova l-istatuti.

105    F’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Grieg, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jirriżulta fil-punti 77 u 80 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, fihom infushom, u mhux fir-rigward ta’ dan l-istatus bħala tali, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn l‑attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

106    Madankollu, f’dan ir-rigward, huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, barra mill-każijiet fejn il-ħatra ta’ nutar issir taħt il-liġi, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar. Minkejja li huwa veru li d-drittijiet tan‑nutara huma ffissati mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il‑kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati. Minn dan isegwi li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

107    Hemm lok li jiġi rrilevat, it-tieni nett, kif il-Kummissjoni sostniet mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika Ellenika, li n-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

108    Fir-rigward tal-argument li r-Repubblika Ellenika tibbaża fuq is-sentenza Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 39(4) KE, u mhux dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta hija ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il‑Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss l-attribuzzjoni fil-qasam nutarili mogħtija lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi, jiġifieri dik li jirċievu, iħarsu u jgħaddu testmenti, b’mod separat mill-kompetenzi l-oħra tagħhom, bħalma huma, b’mod partikolari, is-setgħat ta’ impożizzjoni jew ta’ sanzjoni li huma għandhom.

109    Barra minn hekk, l-oġġezzjoni tar-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni li tivvizzja l-ilment preżenti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni takkużaha li kisret simultanjament kemm l-Artikolu 43 KE kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mir-rikors, ikkunsidrat fl-intier tiegħu u fil-kuntest tiegħu, jirriżulta li l‑Kummissjoni tilmenta li l-Istat Membru konvenut kiser l-Artikolu 43 KE u li dan il-ksur ma jistax jiġi ġġustifikat fl-ambitu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-trattat għandhom jiġu eżaminati flimkien, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, peress li l‑Artikolu 43 KE jikkostitwixxi r-regola li għaliha l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jipprevedi deroga.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, kif attwalment iddefiniti fl-ordinament ġuridiku Grieg, ma jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

111    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Griega għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza li hija pprojbita mill-Artikolu 43 KE.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l‑ewwel ilment huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

113    Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ellenika li ma ttrasponietx id‑Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Fil-fehma tagħha, din il-professjoni ma tistax ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva, peress li n-nutar ma jipparteċipax, b’mod dirett u speċifiku, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

114    Din l-istituzzjoni tfakkar li d-Direttiva 89/48 tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu test ta’ kapaċità jew perijodu ta’ adattament, li huma ta’ natura li jiżguraw il-livell għoli ta’ kwalifikazzjoni meħtieġ min-nutara. Minbarra dan, l‑applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma għandhiex l-effett li tipprekludi r-reklutaġġ ta’ nutara permezz ta’ kompetizzjoni, iżda għandha biss l-effett li tagħti aċċess għal din il-kompetizzjoni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Tali applikazzjoni lanqas ma għandha effett fuq il-proċedura ta’ ħatra tan-nutara.

115    Barra minn hekk, il-fatt li l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-professjoni ta’ nutar ma ġiet qatt diskussa fil-preparazzjoni ta’ din l-istess direttiva u li ma ġiet adottata ebda direttiva settorjali li tipprevedi lil din il-professjoni ma huwiex argument ġuridikament validu.

116    Bl-istess mod, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni ma jwassalx, fih innifsu, għan-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-attivitajiet inkwistjoni tad-Direttiva 89/48. Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) kif ukoll il-wieħed u erbgħin premessa tad-Direttiva 2005/36 ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet nutarili ħlief sa fejn dawn jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għalhekk, din hija sempliċi riżerva li ma għandha ebda effett fuq l‑interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il‑Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien għażel li jeskludi attività partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jfissirx li l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa applikabbli għal din l-attività.

117    Id-Direttiva 77/249/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l‑eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52) u d-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l‑prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83) lanqas ma huma rilevanti peress li dawn jeskludu mill-kamp tal-applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet nutarili sabiex ċerti Stati Membri bi tradizzjoni legali differenti, bħar-Renju Unit, ikunu jistgħu jirrifjutaw li avukati ġejjin minn Stati Membri oħra jeżerċitaw attivitajiet tipikament nutarili, minkejja li dawn huma eżerċitati, fir-Renju Unit, minn kategorija speċifika ta’ avukati, jiġifieri s-“solicitors”.

118    Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi legali (ĠU C 292E, p. 105, iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-2006”), din hija att purament politiku, fejn il-kontenut tiegħu huwa ambigwu, peress li, minn naħa, fil-punt 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew kien sostna li l‑Artikolu 45 KE għandu japplika għall-professjoni ta’ nutar, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-punt 2 tagħha, huwa kkonferma l-pożizzjoni fformulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tan-notarjat fit-tnax-il membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36, iktar ’il quddiem ir‑“Riżoluzzjoni tal-1994”), li fiha huwa esprima x-xewqa tiegħu li titneħħa l‑kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar prevista fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri.

119    Ir-Repubblika Ellenika tosserva, b’mod preliminari, li dan ir-rikors jikkonċerna biss id-Direttiva 89/48 u mhux id-Direttiva 2005/36 minkejja li din tal-aħħar ħassret lill-ewwel waħda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

120    Dan l-Istat Membru jqis, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 89/48 ma hijiex applikabbli għall-professjoni ta’ nutar, u dan kif jirriżulta mit-tnax-il premessa. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal din il-professjoni ma ġiet qatt diskussa matul il-preparazzjoni ta’ din id-direttiva. Minbarra dan, ma hemmx direttiva settorjali applikabbli għal din il-professjoni, minkejja li professjonijiet oħra huma s-suġġett ta’ tali direttivi. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn serje ta’ atti tad-dritt sekondarju, bħalma huma dawk iċċitati fil-punti 116 u 117 ta’ din is-sentenza, li jeskludu l-professjoni ta’ nutar mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-reżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, imsemmija fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, jikkonfermaw il-fatt li l‑leġiżlatur tal-Unjoni jikkunsidra li din il-professjoni taqa’ taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

121    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ellenika takkuża lill-Kummissjoni li ma esponietx, b’mod ċar u eżawrjenti, il-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tal-allegat ksur tad-Direttiva 89/48.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà

122    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C-275/04, Ġabra p. I-9883, punt 34, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑270/07, Ġabra. p. I‑1983, point 49).

123    Fil-każ ineżami, dan it-terminu ġie fi tmiemu fit-18 ta’ Diċembru 2006. Issa, f’din id-data, id-Direttiva 89/48 kienet għadha fis-seħħ, peress li d-Direttiva 2005/36 ħassritha biss b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007. Għalhekk, rikors ibbażat fuq in‑nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 ma huwiex nieqes mis-suġġett (ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Franza, C-327/08, punt 23).

124    Għaldaqstant, l-oġġezzjoni tar-Repubblika Ellenika għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-mertu

125    Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Ellenika li ma ttrasponietx id‑Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din id-direttiva għandhiex tiġi applikata għal din il‑professjoni.

126    F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li tagħmel parti minnu.

127    Għandu għalhekk jġi rrilevat li l-leġiżlatur espressament ippreveda, fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48, li s-sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, stabbilita minnha “hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”. Ir-riżerva hekk mogħtija tbiddel il‑volontà tal-leġiżlatur li jħalli l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

128    Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx għad kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-attivitajiet nutarili jaqgħux jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

129    Barra minn hekk, matul is-snin li segwew l-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il‑Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, afferma, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kellu jiġi applikat kollu kemm hu għall-professjoni ta’ nutar bħala tali, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa rrefera għax-xewqa tiegħu li titneħħa l‑kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għal din il-professjoni.

130    Minbarra dan, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36, li ssostitwixxiet id‑Direttiva 89/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-ħsieb li jippreċiża, fil-wieħed u erbgħin premessa tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, li din hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 KE “li jikkonċerna [...] b’mod partikolari in‑nutara”. Għalhekk, meta għamel din ir-riżerva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2005/36 għall-attivitajiet nutarili.

131    Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din l‑aħħar direttiva. Fil-fatt, il-Parlament kien ippropona, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir‑rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2004, C 97E, p. 230), stabbilita fl-ewwel lettura fil-11 ta’ Frar 2004, li jkun espliċitament indikat fit-test tad-Direttiva 2005/36 li din ma tapplikax għan-nutara. Minkejja li din il-proposta ma nżammitx fil-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali [COM(2004) 317 finali], u lanqas fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2004, stabbilita mill-Kunsill, li tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2005, C 58E, p. 1), dan ma huwiex għar-raġuni li d-direttiva msemmija kellha tapplika għall-professjoni ta’ nutar, iżda għar-raġuni b’mod partikolari li “deroga għall-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-awtorità pubblika [kienet] prevista [mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45] KE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

132    F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustranzi partikolari li akkumpanjaw il-proċess leġiżlattiv kif ukoll tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li rriżultat minn dan, kif jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv imsemmi iktar ’il fuq, ma jidhirx possibbli li jiġi kkonstatat li kien jeżisti, fit-tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

133    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

134    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, meta imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Peress li r‑rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

136    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir‑Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir‑Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Bl-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l‑Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Top