Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0053

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta' Mejju 2011.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Direttivi 89/48/KEE u 2005/36/KE.
    Kawża C-53/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:338

    Kawża C-53/08

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika tal-Awstrija

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza — Artikolu 45 KE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Direttivi 89/48/KEE u 2005/36/KE”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Attivitajiet ta’ nutar — Esklużjoni — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar — Inammissibbiltà

    (Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE)

    2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Adattament minħabba tibdil fid-dritt tal-Unjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 226 KE)

    3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata — Sitwazzjoni ta’ inċertezza li tirriżulta minn ċirkustanzi partikolari li jkunu seħħew waqt il-proċess leġiżlattiv — Assenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Artikolu 43 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u l-Artikolu 226 KE, Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36)

    1.        Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE, peress li l-attivitajiet fdati lin-nutara taħt l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-deroga għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    Sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara. F’dan ir-rigward, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma taqax taħt id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, minkejja l-effetti legali sinjifikattiva mogħtija lill-atti tagħhom, sa fejn kemm il-volontà tal-partijiet, kif ukoll is-sorveljanza jew id-deċiżjoni ta’ qorti jkollhom importanza partikolari.

    Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-atti awtentiċi, huma suġġetti għal awtentikazzjoni biss dawk l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew filwaqt li n-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ verifika li għandhom in-nutara għandu, ċertament għan ta’ interess ġenerali, madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u lanqas ma jkun biżżejjed sabiex attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-saħħa eżekuttiva, għalkemm iż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni għal eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva. Bl-istess mod, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha l-att nutarili taqa’ taħt ir-regoli tal-provi u għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u dan ikun iktar il-każ peress li l-att notarili ma jorbotx b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li din tieħu d-deċiżjoni tagħha skont il-konvinzjoni interna tagħha.

    Ma jkunux ikkunsidrati bħala parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika l-attivitajiet fdati lin-nutar, bħalma huma r‑redazzjoni ta’ skrittura privata u r-rappreżentanza ta’ partijiet f’każijiet definiti sew, kif ukoll ċerti kompiti fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni, bħalma huma, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni tal-mewt, l-istabbiliment tal-inventarju tas-suċċessjoni, l-identifikazzjoni tal-werrieta, il-preservazzjoni tal-wirt, u l-adozzjoni ta’ miżuri konservatorji neċessarji għal dan il-għan, kompiti li huma mwettqa taħt is-sorveljanza tal-qorti. Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-kompiti oħra fdati lin-nutar, bħalma huma, b’mod partikolari, il-valutazzjoni u tpoġġija għall-bejgħ ta’ beni mobbli u immobbli, l-istabbiliment ta’ inventarji, kif ukoll il-konklużjoni ta’ diviżjoni bi ftehim tal-wirt, dawn il-kompiti jkunu eżerċitati taħt is-sorveljanza tal-qorti.

    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara, l-ewwel nett, jirriżulta mill-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fit-tieni lok, minbarra din l-ipoteżi partikolari, in-nutar huwa l-uniku responsabbli mill-atti kompluti fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.

    (ara l-punti 81, 83, 84, 86, 87, 89, 90, 93-95, 98, 99, 101-106, 108, 110-113, 119)

    2.        Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għalkemm it-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu inżammu mid-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni ġdid. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

    (ara l-punt 131)

    3.        Meta, matul il-proċess leġiżlattiv, ċirkustanzi partikolari, bħalma huwa n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara tal-leġiżlatur jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jagħtu lok għal sitwazzjoni ta’ inċertezza, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fit-tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu direttiva.

    (ara l-punti 143-145)








    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    24 ta’ Mejju 2011(*)

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Direttivi 89/48/KEE u 2005/36/KE”

    Fil-Kawża C‑53/08,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2008,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent,

    intervenjent,

    vs

    Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, M. Aufner u G. Holley, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn L. Ostrovska, K. Drēviņa u J. Barbale, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u K. Veres kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz u C. Herma, kif ukoll minn D. Lutostańska, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc u Ž. Cilenšek Bončina, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba, bħala aġent,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

    Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar u billi ma ttrasponietx, għal din il-professjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/48”), u/jew id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (JO L 255, p. 22), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 45 KE.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    2        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48 tistabbilixxi li “s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”.

    3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 kien għalhekk miktub kif ġej:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.

    Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”

    4        Il-professjoni ta’ nutar ma kienet suġġetta għal ebda leġiżlazzjoni ta’ tip bħal dik imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.

    5        Id-Direttiva 89/48 kienet tipprovdi terminu ta’ traspożizzjoni li kien jiskadi, skont l-Artikolu 12 tagħha, fl-4 ta’ Jannar 1991.

    6        Id-Direttiva 2005/36/KE ħassret, skont l-Artikolu 62 tagħha, id-Direttiva 89/48 b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.

    7        Id-disa’ premessa tad-Direttiva 2005/36 taqra’ kif ġej:

    “Filwaqt li, għal-libertà ta’ stabbiliment, jinżammu l-prinċipji u s-salvagwardji li jifformaw il-bażi tas-sistemi differenti għar-rikonoxximent li huma fis-seħħ, ir-regoli ta’ dawn is-sistemi għandhom jiġu mtejba fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba. Barra minn hekk, id-direttivi in kwistjoni ġew emendati f’diversi okkażjonijiet, u d-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom jerġgħu jiġu organizzati u razzjonalizzati permezz ta’ l-istandardizzazzjoni tal-prinċipji applikabbli. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu sostitwiti d-[Direttivi 89/48]”.

    8        L-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:

    “Il-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit mid-[Direttivi 89/48/KEE] ma jinbidilx. […]”

    9        Skont il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36, din “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) [KE] u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

     L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta’ nutar

    10      In-nutara jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Awstrijak, fil-kuntest ta’ professjoni libera. L-organizzazzjoni tal-professjoni nutarili hija rregolata bil-Kodiċi dwar in-Notarjat (Notariatsordnung), tal-25 ta’ Lulju 1871 (RGBl. 75/1871), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-BGBl. I, 164/2005 (iktar ’il quddiem in-“NO”).

    11      B’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tan-NO, in-nutara huma “maħtura mill-Istat u huma mogħtija l-fidi pubblika sabiex jirrediġu u jippublikaw […] atti awtentiċi li jirrigwardaw dikjarazzjonijiet, atti ġuridiċi u fatti li jistgħu jikkostitwixxu drittijiet [u] sabiex iżommu fil-kustodja tagħhom atti mogħtija lilhom mill-partijiet”.

    12      Skont l-Artikolu 8 tan-NO, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Awstrija.

    13      In-numru tan-nutara, il-post fejn ikun jinsab l-uffuċċju tagħhom, u r-residenza ta’ dawn huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Ġustizzja, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tan-NO.

    14      Id-drittijiet tan-nutara huma stabbiliti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Federali dwar it-Tariffi tan-Nutara [Bundesgesetz über den Notariatstarif (Notariatstarifgesetz)], tat-8 ta’ Novembru 1973 (BGBl. 576/1973), kif emendata, u tal-Liġi Federali dwar it-Tariffi tan-Nutara bħala aġenti tal-qorti [Bundesgesetz über die Gebühren der Notare als Beauftragte des Gerichtes (Gerichtskommissionstarifgesetz)], tat-3 ta’ Marzu 1971 (BGBl. 108/1971), kif emendata.

    15      Skont l-Artikolu 6(1)(a) tan-NO, il-ħatra ta’ nutar tista’ ssir biss lil ċittadini Awstrijaċi.

     L-attivitajiet nutarili

    16      L-attivitajiet fdati fin-nutara taħt l-ordinament ġuridiku Awstrijak jistgħu jiġu miġbura fi tlett kategoriji.

    17      Fl-ewwel lok, in-nutar huwa awtorizzat, b’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tan-NO, sabiex jawtentika l-atti jew il-kuntratti. L-intervent tan-nutar jista’ jkun obbligatorju jew fakoltattiv, skont it-tip ta’ att li huwa jiġi msejjaħ jawtentika. Permezz ta’ dan l-intervent, in-nutar jikkonstata li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa sabiex jiġi konkluż l-att kif ukoll il-kapaċità leġali u l-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jaġixxu.

    18      L-att nutarili jgawdi minn saħħa probatorja b’mod konformi mal-Artikolu 292(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili [Gesetz über das gerichtliche Verfahren in bürgerlichen Rechtsstreitigkeiten (Zivilprozessordnung)], tal-1 ta’ Awwissu 1895 (RGBl. 113/1895), kif emendat (iktar ’il quddiem “ZPO”), li jidher fil-Kapitolu III, intitolat “Provi Dokumentarji”, tal-ewwel taqsima tat-tieni parti ta’ dan il-kodiċi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-atti awtentiċi, jiġifieri, b’mod partikolari, dawk redatti minn persuna li ġiet attribwita l-fidi pubblika fil-qasam tal-kompetenza tagħha u fil-forma preskritta, jattribwixxu fidi pubblika f’dak attestat minn din il-persuna. Il-prova tal-ineżatezza kemm tal-avvenimenti kif ukoll tal-fatti attestati kif ukoll tal-awtentikazzjoni hija ammissibbli skont il-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni.

    19      L-Artikolu 272 taż-ZPO jipprovdi għall-prinċipju tal-libertà tal-qorti fl-evalwazzjoni tal-provi mill-qorti.

    20      Skont l-Artikolu 3 tan-NO, att nutarili għandu forza eżekuttiva jekk ikun hemm numru ta’ kundizzjonijiet, bħal, b’mod partikolari, is-sottomissjoni tad-debitur għall-eżekuzzjoni sforzata mingħajr ma jkunu meħtieġa proċeduri li jseħħu qabel.

    21      Skont l-Artikolu 1 tal-Kodiċi li jirrigwarda l-Eżekuzzjonijiet [Gesetz über das Exekutions- und Sicherungsverfahren (Exekutionsordnung)], tas-27 ta’ Mejju 1896 (RGBl. 79/1896), kif emendat (iktar ’il quddiem l-“EO”), l-atti nutarili msemmija fl-Artikolu 3 tan-NO huma, għal kull fini ta’ dan il-kodiċi, titoli eżekuttivi.

    22      Mid-dispożizzjonijiet tal-kodiċi jirriżulta li n-nutar ma jeżerċitax funzjonijiet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sforzata.

    23      Fit-tieni lok, in-nutar huwa kompetenti, b’mod konformi mal-Artikolu 5 tan-NO, li jirrediġi skritturi privati kif ukoll li jippreżenta lill-partijiet fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni.

    24      Fit-tielet lok, in-nutar, bħala “Gerichtskommissär”, jeżerċità, fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri mhux kontenzjużi, l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi Federali li tirrigwarda Kummissarji Ġudizzjarji [Bundesgesetz über die Tätigkeit der Notare als Beauftragte des Gerichtes im Verfahren außer Streitsachen (Gerichtskommissärsgesetz), tal-11 ta’ Novembru 1970 (BGBl. 343/1970), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-BGBl. I, 112/2003 (iktar ’il quddiem il-“GKG”)].

    25      Dawn l-attivitajiet jinkludu ċerti kompiti fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni, għall-finijiet li jiġu rregolati s-suċċessjonijiet, bħal, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni tal-mewt, l-istabbiliment tal-inventarju tas-suċċessjoni, l-identifikazzjoni tal-werrieta u l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tagħhom li permezz tagħhom jaċċettaw il-wirt, il-preservazzjoni ta’ din tal-aħħar, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri konservatorji neċessarji għal dan il-għan.

    26      Il-Liġi Federali dwar il-Proċeduri Ġudizzjarji mhux Kontenzjużi [Bundesgesetz über das gerichtliche Verfahren in Rechtsangelegenheiten außer Streitsachen (Außerstreitgesetz) (BGBl. I, 111/2003)], kif emendata (iktar ’il quddiem l-“AußStrG”), tipprovdi regoli ddettaljati f’dan ir-rigward. B’hekk, mill-Artikolu 144(3) ta’ din il-liġi jirriżulta li n-nutar għandu jippreżenta immedjatament il-fajl lill-qorti jekk din titolbu dan jew jekk tkun meħtieġa deċiżjoni ġudizzjarja.

    27      Barra minn hekk, mill-Artikoli 160 u 161 tal-AußStrG jirriżulta li, f’każ ta’ dikjarazzjonijiet kontradittorji ta’ aċċettazzjoni ta’ wirt u meta l-ebda ftehim ma ntlaħaq dwar dan is-suġġett, in-nutar għandu jirreferi l-kwistjoni lill-qorti li, wara l-eżami tat-talbiet tal-partijiet u tal-provi li jressqu, tistabbilixxi d-drittijiet tal-werrieta.

    28      Skont l-Artikolu 166(2) tal-AußStrG, il-kontestazzjonijiet dwar l-appartenenza ta’ beni għall-assi ereditarji huma deċiżi mill-qorti.

    29      B’mod konformi mal-Artikoli 177 u 178 tal-AußStrG, il-qorti tassenja, permezz ta’ digriet, il-wirt lill-werrieta.

    30      Kompiti oħra fdati lin-nutar skont l-GKG, barra mill-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni, tinkludi, b’mod partikolari, il-valutazzjoni u tpoġġija għall-bejgħ ta’ beni mobbli u immobbli, l-istabbiliment ta’ inventarji, kif ukoll il-konklużjoni ta’ diviżjoni bi ftehim tal-wirt.

    31      Skont l-Artikolu 1(2) tal-GKG, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, it-tfassil ta’ dikjarazzjonijiet ta’ transazzjoni ġudizzjarju kif ukoll il-fakultà li jiġu imposti miżuri fis-sens tal-Artikolu 79 tal-AußStrG, b’mod partikolari, jibqgħu esklużi mill-kompetenza tan-nutar.

    32      B’mod konformi mal-Artikolu 7 tal-GKG, in-nutar għandu jwettaq il-kompiti deskritti fil-punti 24 sa 30 tas-sentenza preżenti fit-termini stabbiliti mill-qorti. F’każ li dawn it-termini ma jiġux osservati, nutar ieħor jinħatar minfloku bħala kummissarju.

    33      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 7a tal-GKG, in-nutar jeżerċità l-imsemmija kompiti taħt is-sorveljanza tal-qorti. F’dan ir-rigward, il-qorti tista’, b’mod partikolari, twettaq l-investigazzjonijiet neċessarji, titlob lin-nutar rapporti dwar l-attività tiegħu u tinkarigah b’ċerti kompiti. Barra, minn hekk, skont it-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-kontestazzjonijiet li jirrigwardaw il-miżuri meħuda minn nutar jew l-aġir tiegħu għandhom jitressqu quddiem il-qorti.

     Il-proċedura prekontenzjuża

    34      Tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni rigward il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fl-Awstrija. Wara li eżaminat dan l-ilment, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2000, intimat lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha rigward, b’mod partikolari, minn naħa, il-konformità ta’ din il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ traspożizzoni tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

    35      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannnar 2001, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

    36      Fis-16 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lil dan l-Istat Membru, fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 kif ukoll tad-Direttiva 89/48.

    37      Dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali b’ittra tat-12 ta’ Settembru 2002.

    38      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li dan kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll tad-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

    39      B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika tal-Awstrija esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni kienet infondata.

    40      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

     Fuq ir-rikors

     Fuq l-ewwel ilment

     L-argumenti tal-partijiet

    41      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rriżervat l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar unikament għaċ-ċittadini proprji tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    42      Din l-istituzzjoni ssostni, b’mod preliminari, li l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ ċittadinanza f’ċerti Stati Membri u li din il-kundizzjoni kienet tneħħiet minn Stati Membri oħra, bħar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

    43      Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki bħala post sekondarju, fi Stat Mebru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.

    44      Din l-istituzzjoni kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 8). Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, dan l-artikolu għandu barra minn hekk jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 43).

    45      L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għalhekk għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki tmur kontra din l-istess rieda. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju tas-setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 37).

    46      Fil-fehma tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li huma parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jiġu attribwiti kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali, mingħajr madankollu ma jkunu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    47      Minbarra dan, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ifakkru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż prinċipalment għal attivitajiet partikolari u mhux għal professjoni sħiħa, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati ma jiġux isseparati minn dawk kollha eżerċitati minn din il-professjoni.

    48      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tagħmel eżami tad-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Awstrijak.

    49      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehim, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar jillimita ruħu sabiex ikun xhud tal-volontà tal-partijiet, wara li jkun tahom parir, u sabiex jagħti effetti legali lil din il-volontà. Fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, in-nutar ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet.

    50      Din is-setgħa ta’ awtentikazzjoni mogħtija lin-nutara ċertament timponi li jkun meħtieġ minnhom livell għoli ta’ kompetenza u ta’ integrità professjonali iżda madankollu ma tinkludix parteċipazzjoni diretta u speċifika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Il-fatt li din l-attività tkun ikkunsidrata fl-ordinament ġuridiku Awstrijak bħala li taqa’ fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li din tingħata lin-nutara mill-Istat sabiex tnaqqas l-ammont ta’ xogħol tal-qrati ma tfissirx li l-imsemmija attività hija komparabbli mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali.

    51      Barra minn hekk, numru ta’ kompiti oħra, kkunsidrati qabel bħala funzjonijiet ta’ awtorità uffiċjali, issa saru s-suġġett ta’ privatizzazzjoni u jsiru esternament.

    52      Għal dak li jirrigwarda d-dettalji tas-sistema tal-provi relatata mal-atti nutarili, saħħa probatorja komparabbli għal dik ta’ dawn tal-aħħar tkun mogħtija wkoll lil atti oħra li ma jaqgħux fl-awtorità pubblika, bħal pereżempju, id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-għassiesa tal-għelieqi, l-aġenti forestali, l-għassiesa kontra l-kaċċa u l-għassiesa kontra s-sajd.

    53      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-atti awtentiċi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda tal-formula tal-eżekuzzjoni tippreċedi l-eżekuzzjoni hekk imsejħa mingħajr ma tagħmel parti minnha. Għalhekk, din is-saħħa eżekuttiva ma tagħti ebda setgħa vinkolanti lin-nutara, peress li dawn ma humiex organi tal-eżekuzzjoni sforzata. Barra minn hekk, kull kontestazzjoni eventwali hija deċiża mhux min-nutar iżda mill-qorti.

    54      Fir-rigward, fit-tieni nett, tal-attivitajiet tan-nutar fir-rigward tal-“Gerichtskommissär”, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma konnessi mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika peress li n-nutar huwa nieqes, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, minn kull setgħa deċiżjonali jew li ġġiegħel, jiġifieri tas-setgħa li jimponi deċiżjoni fuq parti kontra l-volontà tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija attivitajiet ikunu preparatorji u awżiljarji għal dawk tal-qrati. Barra minn hekk, billi tadotta miżuri konservatorji sabiex tiżgura s-suċċessjoni, il-“Gerichtskommissär” ma tiddisponi minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni reali.

    55      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fit-tielet lok, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li fihom riferimenti għall-attività nutarili ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għal din l-attività.

    56      Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) kif ukoll il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet nutarili ħlief sa fejn dawn jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għalhekk din hija sempliċi riżerva li ma għandha ebda effett fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-leġiżlatur kien għażel li jeskludi attività partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jfissirx li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa applikabbli għal din l-attività.

    57      Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regolamenti jistgħu biss jipprovdu l-obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu atti li ġew formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru ieħor.

    58      Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 280), kif ukoll id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1), ma humiex rilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawża preżenti, peress li dawn jillimitaw ruħhom li jikkonferixxu lin-nutara, kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura mill-Istat, il-kompitu li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tas-sede, għall-iffurmar u l-fużjoni tal-kumpanniji.

    59      Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi legali (ĠU C 292E, p. 105, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-2006”), din hija att purament politiku, fejn il-kontenut tiegħu huwa ambigwu, peress li, minn naħa, fil-punt 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew kien sostna li l-Artikolu 45 KE għandu japplika għall-professjoni ta’ nutar, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-punt 2 tagħha, huwa kkonferma l-pożizzjoni fformulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Janna  1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tan-notarjat fit-tnax-il membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-1994”), li fiha huwa esprima x-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar prevista fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri.

    60      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit iżidu li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, Ġabra p. I‑10391), li għaliha jagħmlu riferiment diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kienet tikkonċerna l-eżerċizzju mill-kapitani u l-uffiċjali sekondi tiegħu ta’ bastimenti tal-merkanzija ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet ta’ żamma tas-sigurtà, ta’ dmirijiet marbuta mal-ordni pubbliku kif ukoll kompetenzi fil-qasam nutarili u ta’ status ċivili. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina fid-dettall id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Konsegwentement, din is-sentenza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tapplika għan-nutara.

    61      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi n-nutara mill-awtoritajiet pubbliċi billi tirrikonoxxi li att awtentiku jista’ jiġi redatt minn awtorità pubblika jew kwalunkwe awtorità oħra awtorizzata mill-Istat (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank, C‑260/97, Ġabra p. I-3715, punti 15 u 21).

    62      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mir-Repubblika Ċeka, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Latvjana, mir-Repubblika tal-Litwanja, mir-Repubblika tal-Ungerija, mir-Repubblika tal-Polonja, mir-Repubblika tas-Slovenja, u mir-Repubblika Slovakka, tikkunsidra li l-attivitajiet tan-nutara jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u konsegwentement taqa’ fl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45(1) KE.

    63      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, l-ewwel nett, li l-Artikolu 45 KE jiggarantixxi d-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu b’mod sovran ir-regoli li għalihom huma jridu jisottomettu l-aċċess għall-professjonijiet konnessi b’mod permanenti jew okkażjonali fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 45 KE fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tkunx rilevanti għall-każ preżenti. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kompiti fdati f’idejn il-kapitani ta’ bastimenti Spanjoli fil-qasam nutarili kienu konnessi mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    64      Ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja kif ukoll ir-Repubblika Slovakka jikkunsidraw, barra minn hekk, li l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ma tistax tkun limitata biss għall-attivitajiet li jinkludu l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ impożizzjoni mhux iktar minn dawk li huma eżerċitati mill-qrati. Attivitajiet oħra jistgħu jaqgħu ukoll taħt il-kunċett tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, meta huma kkaratterizzati, b’mod partikolari, mill-eżerċizzju tas-setgħet speċjali.

    65      Fit-tieni lok, l-istatus partikolari tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Awstrijak juri, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, permezz, b’mod partikolari, tal-proċedura tal-ħatra ta’ dawn kif ukoll tas-sistema ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, ta’ inkompatibbiltà u ta’ indipendenza li hija applikata lilhom, l-appartenenza tan-nutara għall-awtorità pubblika. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-professjoni ta’ nutar għandha karattru unitarju u li l-attivitajiet differenti eżerċitati minn din il-professjoni ma jistgħux jiġu sseparati minnu.

    66      Fit-tielet lok, l-attivitajiet ta’ awtentikazzjoni eżerċitati minn nutar ikollhom bħala għan, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, li jsolvu jew jeskludu definittivament li jkun hemm kwistjonijiet ta’ karattru ċivili u li jipprovdu titlu eżekutorju. L-atti nutarili jistgħu jiġu kkontestati biss permezz tal-qrati u għal raġunijiet strettament limitati.

    67      L-imsemmija atti nutarili jkollhom, barra minn hekk, saħħa probatorja msaħħa li torbot lill-qrati fir-rigward tas-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni. Huma jkollhom wkoll saħħa eżekuttiva. Kemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni kif ukoll il-proċedura li twassal għall-istabbiliment ta’ titolu eżekuttiv jinsabu fil-qalba tal-eżerċizzju statali tal-awtorità pubblika. B’hekk isegwi li l-attività tan-nutara li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ atti awtentiċi tkun direttament u speċifikament marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    68      Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, l-attivitajiet li n-nutar jeżerċita bħala “Gerichtskommissär”, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li dan iwassal għal proċeduri kważi-ġudizzjarji fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni, li fil-kuntest tiegħu jista’ jwassal, indipendentement mill-volontà tal-partijiet, anki kontra din il-volontà, li jiġu adottati ċerti miżuri konservatorji għall-finijiet li jiġi mħares il-wirt, bħal, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ aċċess għal postijiet ta’ residenza jew kummerċjali, it-tpoġġija ta’ siġilli fuq dawn, l-iffriżar jew it-tneħħija ta’ iffriżar ta’ kontijiet bankarji, id-depożitu u r-restituzzjoni ta’ assi, kif ukoll ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

    69      Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li n-nutar, meta jaġixxi bħala “Gerichtskommissär”, jinvolvi r-responsabbiltà tal-Istat. Barra minn hekk, ikun ikkunsidrat bħala uffiċjal għall-fini tal-applikazzjoni tal-kodiċi kriminali.

    70      Fil-ħames lok, l-atti tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 56 sa 58 tas-sentenza preżenti, tpoġġi l-atti nutarili fl-istess livell tad-deċiżjonijiet tal-qrati. Barra minn hekk, il-Parlament ikkonfermat, fir-reżoluzzjonijiet tagħha tal-1994 u tal-2006 imsemmija fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, li l-professjoni ta’ nutar hija konnessa mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    71      Bl-istess mod, mis-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li r-redazzjoni ta’ atti pubbliċi minn uffiċjal pubbliku, bħan-nutar, jinkludi parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

    72      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li tostakola l-istabbiliment, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħha, billi tirriżerva l-aċċess għal din il-professjoni, bi ksur tal-Artikolu 45 KE, għaċ-ċittadini tagħha stess.

    73      Għalhekk, dan l-ilment jikkonċerna biss il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni għall-aċċess għal din il-professjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

    74      Konsegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ilment ma jirrigwardax la l-istatus u l-organizzazzjoni tan-notarjat fl-ordinament ġuridiku Awstrijak u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata maċ-ċittadinanza għall-professjoni ta’ nutar f’dan l-Istat Membru.

    75      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li l-ewwel ilment lanqas ma jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Bl-istess mod, dan l-ilment ma jikkonċernax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

    –       Fuq il-mertu

    76      Għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

    77      Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 24).

    78      Il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 270/836, Ġabra p. 273, punt 13, u, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-persuni kollha li jagħmlu użu mil-libertà tagħha li jistabbilixxu ruħhom hemm, kundizzjonijiet fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom li huma differenti minn dawk iddefiniti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    79      L-Artikolu 43 KE huwa intiż għalhekk sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwantu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

    80      Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Awstrijaċi, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba ċittadinanza li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.

    81      Ir-Repubblika tal-Awstrija madankollu ssostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE peress li huma jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Awstrijak jaqgħux taħt dan il-kunċett.

    82      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti magħmula minn din id-dispożizzjoni għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment ma tkunx invalidata minn dispożizzjonijiet unilaterali meħuda mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, Ġabra p. I‑10219, punt 35).

    83      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal‑libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 45, tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 35 u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑404/05, Ġabra p. I‑10239, punti 37 u 46, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    84      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika (sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq punt 45; tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 8; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq punt 46, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq punt 36).

    85      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li huma esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ċerti attivitajiet anċillari jew preparatorji meta pparagunati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 38, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u organiċi, ma’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew għajnuna, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punti 21 u 22; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 36 u 42, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 38 u 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punti 36 u 41), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C‑47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 61, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

    86      Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Awstrijak jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    87      Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-professjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

    88      L-ewwel nett, għall-finijiet tar-redazzjoni, bil-formalitajiet meħtieġa, ta’ atti awtentiċi, in-nutar għandu jivverifika, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq tal-att ikunu sodisfatti. L-att awtentiku jgawdi, minbarra dan, minn saħħa probatorja u minn saħħa eżekuttiva.

    89      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, l-atti jew il-ftehim li l-partijiet kienu liberament ikkonkludew. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament l-istipulazzjonijiet li huma jridu jdaħħlu fid-dokument meta huma jippreżentaw att jew ftehim għal awtentikazzjoni lin-nutar. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippresupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tal-volontà tal-partijiet.

    90      Minbarra dan, in-nutar ma jistax jemenda unilateralment l-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet.

    91      L-att ta’ awtentikazzjoni fdat lin-nutara għalhekk ma jinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    92      Il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehim għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija prassi li l-validità ta’ atti diversi tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti ta’ forma jew ukoll għal proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni.

    93      Lanqas l-obbligu tan-nutara li jivverifikaw, qabel ma jipproċedu bl-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim ikunu sodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jirrifjutaw li jwettqu din l-awtentikazzjoni, ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni preċedenti.

    94      Għalhekk, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, in-nutar jeżerċita din il-verifika b’għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri jiggarantixxi l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi tfittxija ta’ dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

    95      Il-fatt li jaġixxi billi jsegwi għan ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex attività partikolari tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet regolamentati jimplika ta’ spiss, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu għall-persuni li jeżerċitawhom li jsegwu tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet jaqgħu għaldaqstant taħt l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

    96      Madankollu, il-fatt li l-attivitajiet nutarili jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati eventwali restrizzjonijiet għall-Artikolu 43 KE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħall-kontroll li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikati għalihom, il-limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltà u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma neċessarji għal dan il-għan.

    97      Huwa wkoll veru li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw l-istipulazzjonijiet tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim.

    98      Fir-rigward tas-saħħa probatorja u tas-saħħa eżekutorja li minnhom jibbenefika l-att nutarili, ma jistax jiġi kkonstatat li dawn jagħtu lil dawn l-atti effetti legali sinjifikattivi. Madankollu, il-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom tali effetti ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    99      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regoli tal-provi stabbiliti mil-liġi fl-ordinament ġuridiku inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 292 taż-ZPO, li jiddetermina s-saħħa probatorja tal-att awtentiku, jagħmel parti mill-Kapitolu III, intitolat “Provi Dokumentarji”, tal-ewwel taqsima tat-tieni parti ta’ dan il-kodiċi. Is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 8, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35).

    100    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 292(2) taż-ZPO, il-prova tal-ineżatezza kemm tal-avvenimenti jew tal-fatti attestati kif ukoll tal-awtentikazzjoni hija ammissibbli.

    101    B’hekk ma jkunx sostnut li l-att nutarili, minħabba r-raġuni tas-saħħa probatorja tiegħu, jorbot b’mod inkondizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni peress li huwa kostanti li din tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq il-konvinzjoni intima tagħha b’kunsiderazzjoni tal-fatti kollha u tal-provi miġbura fil-proċedura ġudizzjarja. Il-prinċipju tal-evalwazzjoni ħielsa tal-provi mill-qorti huwa, barra minn hekk, speċifikament ipprovdut fl-Artikolu 272 taż-ZPO.

    102    Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku, għandu jiġi indikat, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Awstrija, li din tippermetti l-eżekuzzjoni tal-obbligu li jirriżulta minn dan l-att jinkludi, mingħajr l-intervent minn qabel tal-qorti.

    103    L-imsemmija saħħa eżekuttiva madankollu ma tagħtix lin-nutar setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tan-NO, is-saħħa eżekuttiva tal-att nutarili huwa kkundizzjonat, b’mod partikolari, mill-kunsens tad-debitur li jissottometti ruħu għal eżekuzzjoni sforzata eventwali ta’ dan l-att mingħajr ma jkun intlaħaq ftehim minn qabel. Fil-fatt, għalkemm iż-żieda min-nutar tal-formula tal-eżekuzzjoni għal eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva.

    104    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kompetenza tan-nutar sabiex jirrediġi skrittura privata kif ukoll sabiex jirrapreżenta partijiet f’każijiet definiti sew, għandu jiġi mfakkar li l-konsultazzjoni u l-assistenza ġuridika mogħtija minn nutar, anki jekk huma għandhom karattru obbligatorju jew huma s-suġġett ta’ esklussività stabbilita mil-liġi, ma tkunx ikkunsidrata bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    105    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-attivitajiet fdati lin-nutar skont il-GKG, għandu jiġi rrilevat li n-nutar huwa responsabbli prinċipalment għal ċerti kompiti fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni, bħal, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni tal-mewt, l-istabbiliment tal-inventarju tas-suċċessjoni, l-identifikazzjoni tal-werrieta, il-preservazzjoni tal-wirt, u l-adozzjoni ta’ miżuri konservatorji neċessarji għal dan il-għan.

    106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li n-nutar iwettaq dawn il-kompiti taħt is-sorvelljanza tal-qorti, fejn din tal-aħħar tista’ fi kwalunkwe mument tistaqsih jagħmel rapport fuq l-istat tat-twettiq tal-imsemmija kompiti, anki tagħmel investigazzjoni f’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7a tal-GKG. Skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, il-qorti tista’ ukoll tirtira il-kummissjoni li tkun ingħatat lin-nutar jekk dan ma jkunx wettaq il-kompiti fit-terminu imposti fuqu. Barra minn hekk, jekk il-qorti titolbu, in-nutar għandu jgħaddilha immedjatament il-fajl, b’mod konformi mal-Artikolu 144(3) tal-AußStrG.

    107    Min-naħa l-oħra, in-nutar huwa obbligat jirreferi lill-qorti, għad-deċiżjoni tagħha, kull kontestazzjoni li tirrigwarda l-aspetti differenti tar-regolar tas-suċċessjoni, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 7a(2) tal-GKG kif ukoll 160, 161 u 166(2) tal-AußStrG. Hija wkoll il-qorti li għandha tassenja l-eredità lill-eredi, b’mod konformi mal-Artikoli 177 u 178 tal-AußStrG, u b’hekk tikkonkludi l-proċedura.

    108    Il-kompiti fdati lin-nutar fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni b’hekk tidher li hija eżerċitata taħt is-sorveljanza tal-qorti, li għaliha n-nutar għandu jirreferi l-kontestazzjonijiet eventwali u li, min-naħa l-oħra, tiddeċiedi ultimament. Dawn il-kompiti ma jkunux, konsegwentement ikkunsidrati bħala li jipparteċipaw, fihom infushom, direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Thijssen, punt 21; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 41 u 42; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 43 u 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punti 37 u 41).

    109    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li n-nutar jista’ jieħu ċerti miżuri konservatorji jew ta’ organizzazzjoni fil-kuntest tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni. Fil-fatt, din il-kompetenza għandha karattru aċċessorju għall-kompitu prinċipali tan-nutar, jiġifieri li tiġi rregolata s-suċċessjoni inkwistjoni, li għaliha dawk il-miżuri għandhom jikkontribwixxu. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, dan il-kompitu ma jkunx ikkunsidrat bħala parteċipazjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    110    Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-kompiti oħra fdati lin-nutar skont l-GKG, bħal, b’mod partikolari, il-valutazzjoni u tpoġġija għall-bejgħ ta’ beni mobbli u immobbli, l-istabbiliment ta’ inventarji, kif ukoll il-konklużjoni ta’ diviżjoni bi ftehim tal-wirt, dawn il-kompiti jkunu eżerċitati taħt is-sorveljanza tal-qorti, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 7 u 7a tal-GKG.

    111    F’dak li jikkonċerna, fir-raba’ lok, l-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Awstrijak, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 84 u 87 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, meħuda waħedhom, u mhux fid-dawl ta’ dan l-istatus bħala tali, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    112    Madankollu, f’dan ir-rigward, huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, barra mill-każijiet fejn il-ħatra ta’ nutar hija prevista mil-liġi, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar. Minkejja li huwa veru li d-drittijiet tan-nutara huma ffissati mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati. Isegwi li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    113    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Awstrija ma topponix il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu l-fatt li n-nutar, meta huwa jaġixxi bħala “Gerichtskommissär”, jinvolvi r-responsabbiltà tal-Istat. Fil-fatt, minbarra din l-ipoteżi partikolari, in-nutar huwa l-uniku responsabbli mill-atti kompluti fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.

    114    Fil-ħames lok, l-argument li fuqu tibbaża r-Repubblika tal-Awstrija dwar ċerti atti tal-Unjoni lanqas ma huwa konvinċenti. Fir-rigward tal-atti msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-att li l-leġiżlatur kien għażel li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att partikolari ma jfissirx li dawn tal-aħħar neċessarjament jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2005/36, jirriżulta mill-kliem stess tal-premessa 41 ta’ din id-direttiva, skont liema din “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikol[u] [...] 45 tat-Trattat li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni mhux eżattament ħa pożizzjoni fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għall-professjoni ta’ nutar.

    115    Għal dak li jirrigwarda r-regolamenti msemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, għandu jingħad li dawn jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ atti awtentiċi formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru u konsegwentement ma jaffettwawx l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Din l-interpretazzjoni mhix ikkontestata mill-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza sa fejn huma jillimitaw ruħhom, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li jikkonferixxu lin-nutara, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti oħra maħtura mill-Istat, il-kompitu li jiċċertifika t-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tas-sede, għat-twaqqif u l-fużjoni ta’ kumpanniji.

    116    Fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma mingħajr effetti legali, peress li tali riżoluzzjonijiet ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, atti vinkolanti. Min-naħa l-oħra, minkejja li huma jindikaw li l-professjoni ta’ nutar taqa’ taħt l-Artikolu 45 KE, il-Parlament espliċitament esprima x-xewqa tiegħu, fl-ewwel minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, li miżuri jittieħdu sabiex il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar titneħħa, u din il-pożizzjoni kienet mill-ġdid impliċitament ikkonfermata fir-riżoluzzjoni tal-2006.

    117    Għal dak li jirrigwarda, fis-sitt lok, l-argument li tibbaża fuqu r-Repubblika tal-Awstrija tas-sentenza Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(4) KE, u mhux dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta hija ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss l-attribuzzjoni fil-qasam nutarili fdata lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi, jiġifieri li jirċievu, iħarsu u jgħaddu testamenti, separatament mill-kompetenzi l-oħra tagħhom, bħal, b’mod partikolari, is-setgħat ta’ impożizzjoni jew ta’ sanzjoni li huma għandhom.

    118    Fir-rigward tas-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha tirreferi wkoll ir-Repubblika tal-Awstrija, għandu jingħad li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza bl-ebda mod ma trattat l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li, sabiex att jiġi kklassifikat bħala att awtentiku fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), huwa neċessarju l-intervent kemm tal-awtorità pubblika, kif ukoll ta’ kull awtorità oħra awtorizzata mill-Istat tal-oriġini.

    119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, hekk kif huma ddefiniti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Awstrijak, ma humiex parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    120    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza pprojbita mill-Artikolu 43 KE.

    121    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat.

     Fuq it-tieni lment

     L-argumenti tal-partijiet

    122    Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li ma ttrasponietx, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar, id-Direttiva 89/48 għall-perijodu kurrenti sal-20 ta’ Ottubru 2007 u d-Direttiva 2005/36 għall-perijodu kurrenti wara din id-data.

    123    Il-Kummissjoni tikkunsidra, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li l-professjoni ta’ nutar hija professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48 u li hija konsegwentement taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Il-wieħed u erbgħin premessa tad-Direttiva 2005/36 ma jkollhiex l-effett li teskludi din il-professjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sakemm l-imsemmija professjoni ma tkunx taqa’ taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45 KE, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta fil-każ preżenti. Barra minn hekk, jekk il-leġiżlatur ried jeskludi l-professjoni ta’ nutar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, kien jagħmel dan speċifikament.

    124    Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttivi 89/48 u 2005/36 jippermettu lill-Istati Membri li jipprovdu kemm test ta’ kapaċità, kemm perijodu ta’ adattament, li huma ta’ natura li jiżguraw il-livell għoli ta’ kwalifikazzjoni meħtieġ min-nutara. Minbarra dan, l-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi għandha bħala effett mhux li tipprekludi r-reklutaġġ ta’ nutara permezz ta’ kompetizzjoni, iżda unikament li tagħti aċċess għal din il-kompetizzjoni liċ-ċittadini tal-Istati Membri oħra. Tali applikazzjoni tapplika wkoll mingħajr effett fuq il-proċedura ta’ ħatra tan-nutara.

    125    Ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka jsostnu li n-nutara huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttivi minħabba l-fatt li l-attività tagħhom taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45 KE.

    126    Ir-Repubblika tas-Slovenja tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ex officio t-tieni lment tal-Kummissjoni bħala inammissibbli sa fejn, minn naħa, dan l-ilment ikun sar mingħajr skop wara l-abrogazzjoni tad-Direttiva 89/48, u fejn min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża jkun ġie estiż minn dak li kien ġie stabbilit fil-proċedura prekontenzjuża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Fuq l-ammissibbiltà

    127    Mill-argumentazzjoni ġuridika invokata mill-Kummissjoni jirriżulta li l-ilment preżenti jipprevedi allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 u/jew id-Direttiva 2005/36 għall-dak li jirrigwarda l-professjoni ta’ nutar. Madankollu, għandu jiġi nnotat li kemm l-ittri ta’ intimazzjoni kif ukoll l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni jirrigwardaw l-ewwel waħda minn dawn id-direttivi. Konsegwentement, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-tieni lment għandha tiġi eżaminata ex officio.

    128    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex sodisfatti (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-417/02, Ġabra p. I-7973, punt 16).

    129    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fi tmiem it-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex dan jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-275/04, Ġabra p. I-9883, punt 34, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑270/07, Ġabra p. I-1983, punt 49).

    130    F’dan il-każ, dan it-terminu skada fit-18 ta’ Diċembru 2006. Issa, f’din id-data, id-Direttiva 89/48 kienet għadha fis-seħħ, peress li d-Direttiva 2005/36 ma kinitx ħassret lil din tal-aħħar ħlief mill-20 ta’ Diċembru 2007. Għaldaqstant, sa fejn l-ilment preżenti huwa bbażat fuq allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 ma huwiex mingħajr suġġett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑327/08, punt 23).

    131    Fir-rigward tal-ammissibiltà tal-imsemmi lment għal dak li jirrigwarda allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36, għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet, minkejja li t-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu estiżi lil hinn min-nuqqasijiet allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li joħorġu minn dispożizzjonijiet ġodda li ma għandhomx dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, bil-konsegwenza li jkunu jikkostitwixxu ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-416/07, Ġabra p. I-7883, punt 28).

    132    Konsegwentement, it-talbiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36 huma, bħala regola ġenerali, ammissibbli kemm-il darba dawn l-obbligi huma simili għal dawk li joħorġu mid-Direttiva 89/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    133    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36, filwaqt li tfittex li ttejjeb, torganizza mill-ġdid u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet eżistenti bi standardizzazzjoni tal-prinċipji applikabbli, din id-direttiva żżomm, għal-libertà tal-istabbiliment, il-prinċipji u l-garanziji li fuqhom huma bbażati s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent fis-seħħ, bħal dik stabbilita permezz tad-Direttiva 89/48.

    134    Bl-istess mod, il-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 89/48 jibqa’ ma jinbidilx.

    135    Fil-każ ineżami, l-akkuża li l-Kummissjoni tagħmel lir-Repubblika tal-Awstrija tipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, mhux ta’ dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 2005/36, iżda ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.

    136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-allegat obbligu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36 għall-dak li jirrigwarda l-professjoni ta’ nutar huwa simili għal dak li joħroġ mid-Direttiva 89/48 inkwantu, minn naħa, il-prinċipji u l-garanziji li fuqhom huwa bbażat l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit minn din id-direttiva tal-aħħar inżammu fid-Direttiva 2005/36 u fejn, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mid-Direttiva 89/48 baqa’ ma nbidilx wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36.

    137    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

    –       Fuq il-mertu

    138    Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li ma ttrasponietx id-Direttivi 89/48 u 2005/36 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-direttivi għandhomx jiġu applikati għal din il-professjoni.

    139    F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li jagħmlu parti minnu.

    140    Għandu għalhekk jġi rrilevat li l-leġiżlatur espressament ippreveda, fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48, li s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, stabbilita minnha “hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”. Ir-riżerva hekk mogħtija tbiddel il-volontà tal-leġiżlatur li jħalli l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    141    Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx għad kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-attivitajiet nutarili jaqgħux jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

    142    Matul is-snin li kienu segwew l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punti 59 u 116 ta’ din is-sentenza, afferma, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi applikat kollu kemm hu għall-professjoni ta’ nutar bħala tali, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa rrefera għax-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għal din il-professjoni.

    143    Minbarra dan, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36, li ssostitwixxiet id-Direttiva 89/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-impenn li jippreċiża, fil-premessa 41 tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, li din hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 KE “li jikkonċerna[...] b’mod partikolari in-nutara”. Għalhekk, hekk kif intqal fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, meta għamel din ir-riżerva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2005/36 għall-attivitajiet nutarili.

    144    Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din l-aħħar direttiva. Fil-fatt, il-Parlament kien ippropona, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2004, C 97 E, p. 230), stabbilita fl-ewwel lettura fil-11 ta’ Frar 2004, li jkun espliċitament indikat fit-test tad-Direttiva 2005/36 li din ma tapplikax għan-nutara. Minkejja li din il-proposta ma nżammitx fil-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali [COM(2004) 317 finali], u lanqas fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2004, stabbilita mill-Kunsill, li tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2005, C 58E, p. 1), dan ma huwiex għar-raġuni li d-direttiva msemmija kellha tapplika għall-professjoni ta’ nutar, iżda għar-raġuni b’mod partikolari li “deroga għall-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-awtorità pubblika [kienet] prevista mill-[ewwel paragrafu] tal-Artikolu 45 KE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    145    F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li akkumpanjaw il-proċess leġiżlattiv kif ukoll tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li rriżultat minn dan, kif jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv imfakkar iktar ’il fuq, ma jidhirx possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fit-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu d-Direttivi 89/48 u 2005/36 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

    146    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

    147    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, meta impona kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE , u li jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.

     Fuq l-ispejjeż

    148    Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

    149    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Billi imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

    2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top