EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0033

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Ġunju 2009.
Agrana Zucker GmbH vs Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Unwelt und Wasserwirtschaft.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Zokkor - Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor - Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 - Kalkolu tal-ammont temporarju għar-ristrutturazzjoni - Inklużjoni tal-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ irtirar preventiv - Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ non-diskriminazzjoni.
Kawża C-33/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:367

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 — Kalkolu tal-ammont temporanju għar-ristrutturazzjoni — Inklużjoni tal-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C-33/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

Agrana Zucker GmbH

vs

Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ Awla, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Moore u Z. Kupčová, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u B. Doherty, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 58, p. 42).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn Agrana Zucker GmbH (iktar ’il quddiem “Agrana Zucker”) mid-deċiżjoni tal-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministeru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tal-Ilma) tas-16 ta’ April 2007, dwar l-ammont temporanju għar-ristrutturazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ammont temporanju”) għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/07.

Il-kuntest ġuridiku

3

Fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor li saret matul is-sena 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p.1), kif ukoll ir-Regolament Nru 320/2006, tal-istess data, li jistabbilixxi skema temporanja ta’ ristrutturar tal-industrija taz-zokkor. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 318/2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat ir-Regolament (KE) Nru 493/2006, tas-, li jirrigwarda miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002 (ĠU L 89, p. 11).

Ir-Regolament Nru 318/2006

4

It-tnejn u għoxrin premessa tar-Regolament Nru 318/2006 tipprovdi dan li ġej:

“Għandhom jiġu introdotti għodda tas-suq ġodda li jkunu ġestiti mill-Kummissjoni. Fl-ewwel lok, jekk il-prezzijiet tas-suq ikunu inqas mill-prezz ta’ referenza għaz-zokkor abjad, l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn skema ta’ ħażna privata, skont kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni. Fit-tieni lok, sabiex jinżamm il-bilanċ strutturali tas-swieq fis-settur taz-zokkor f’livell ta’ prezzijiet qrib il-prezz ta’ referenza, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiddeċiedi li tirtira kwantità ta’ zokkor mis-suq sakemm jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ tas-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 318/2006 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Sabiex jinżamm il-bilanċ strutturali tas-suq f’livell ta’ prezzijiet qrib il-prezz ta’ referenza, b’kunsiderazzjoni tal-obbligi tal-Komunità li jirriżultaw minn ftehim konklużi skont l-Artikolu 300 tat-Trattat, perċentwali, li tkun komuni għall-Istati Membri kollha, ta’ zokkor taħt il-kwota, […] tista’ tiġi rtirata mis-suq sal-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti.

[…]

2.   Il-perċentwali ta’ rtirar imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ffissata sal-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata fuq il-bażi tal-iżviluppi mistennija tas-swieq matul din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.

3.   Kull impriża li jkollha kwota għandha taħżen, bi spejjeż tagħha, matul il-perijodu ta’ rtirar, l-ammonti ta’ zokkor li jikkorrispondu għall-applikazzjoni tal-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għall-produzzjoni tagħha taħt il-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ikkonċernata.

L-ammonti ta’ zokkor irtirati mis-suq matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-ewwel ammonti prodotti taħt il-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara. Madankollu, jekk jitqiesu l-iżviluppi mistennija tas-suq taz-zokkor, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), jista’ jiġi deċiż li, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-seħħ u/jew ta’ wara, parti miz-zokkor jew iz-zokkor kollu […] irtirat mis-suq jitqies bħala:

zokkor żejjed […] li jista’ jsir zokkor industrijali […],

jew

kwota ta’ produzzjoni temporanja li parti minnha tista’ tiġi riżervata għall-esportazzjoni fir-rispett tal-impenji tal-Komunità li jirriżultaw minn ftehim konkluż taħt l-Artikolu 300 tat-Trattat.

[…]”

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament Nru 320/2006

6

Ir-Regolament Nru 320/2006, fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames premessi jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“(1)

[…] Sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur huma meħtieġ li jibda proċess ta’ ristrutturar profond li jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, bħala prekondizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ organizzazzjoni ġdida, funzjonanti u komuni tas-suq taz-zokkor, għandha tkun stabbilita skema temporanja, separata u awtonoma, ta’ ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità […].

(2)

Għandu jitwaqqaf fond temporanju għar-ristrutturar sabiex jiffinanzja l-miżuri ta’ ristrutturar għall-industrija taz-zokkor Komunitarja […].

[…]

(4)

Il-miżuri ta’ ristrutturar previsti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu finanzjati billi jinġabru ammonti temporanji minn dawk il-produtturi taz-zokkor, ta’ l-isoglukożju u tax-xiropp ta’ l-inulina li eventwalment ser jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturar. Minħabba li dan l-ammont jaqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħlasijiet tradizzjonalment magħrufin fil-qafas tal-organizzazzjoni tas-suq komuni rigward iz-zokkor, il-qligħ li jirriżulta mil-ġbir tiegħu għandu jkun ikkunsidrat bħala “dħul assenjat” kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej […].

(5)

Għandu jiġi introdott inċentiv ekonomiku importanti għall-impriżi taz-zokkor bl-aktar produttività baxxa biex iċedu l-kwota tal-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturar adegwata. Għal dan il-għan, għandha titwaqqaf għajnuna għar-ristrutturar li toħloq inċentiv biex tkun abbandunata l-produzzjoni tal-kwota taz-zokkor u jkun hemm rinunzja tal-kwoti kkonċernati […]. L-għajnuna għandha tkun disponibbli waqt erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ biex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq bilanċjata fil-Komunità.”

7

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2011/2006, tad-19 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 384, p. 1):

“1.   Kwalunkwe impriża li tipproduċi z-zokkor […] li għaliha tkun ġiet allokata kwota sa l-1 ta’ Lulju 2006, jew sal- fil-każ tal-Bulgarija u tar-Rumanija, għandha tkun intitolata għall-għajnuna ta’ ristrutturar għal kull tunnellata tal-kwota rrinunzjata, previst li matul waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010, hi:

a)

tirrinunzja l-kwota assenjata lilha minn waħda jew aktar mill-fabbriki u żżarma għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha tal-fabbriki kkonċernati;

jew

b)

tirrinunzja l-kwota assenjata minnha lil waħda jew iktar mill-fabbriki tagħha, parzjalment iżżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax il-kumplament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor;

jew

c)

tirrinunzja parti mill-kwota assenjata minnha lill-fabbriki u ma tużax il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-irfinar taz-zokkor mhux maħdum.

[…]”

8

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdi:

“1.   Għandu jitħallas ammont temporanju […] għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kull tunnellata ta’ kwota minn dawk l-impriżi li għalhom kienet allokata kwota.

Il-kwoti li kienu rinunzjati minn impriża sa minn sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari skond l-Artikolu 3(1) m’għandhomx ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ ammont temporanju […] għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti.

2.   L-ammont temporanju […] għaz-zokkor […] għandu jkun stabbilit bħala:

EUR 126.40 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,

EUR 173.80 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,

EUR 113.3 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli lejn il-Komunità għall-ammont temporanju […] li għandu jinġabar fit-territorju tagħhom.

[…]

5.   It-totalità ta’ l-ammonti temporanji […] li għandhom jitħallsu skond il-paragrafu 3 għandha tkun allokata mill-Istat Membru fost l-impriżi fit-territorju tiegħu skond il-kwota allokata matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

[…]”

Ir-Regolament Nru 493/2006

9

Fost il-miżuri tranżitorji stipulati fir-Regolament Nru 493/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1542/2006, tat-13 ta’ Ottubru 2006 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 330 M, p. 406, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 493/2006” hemm l-“irtirar preventiv”.

10

F’dan ir-rigward, is-sitt premessa tar-Regolament Nru 493/2006 tipprovdi dan li ġej:

“Biex jittejjeb il-bilanċ tas-suq fil-Komunità mingħajr ma jinħolqu ħażniet ġodda ta’ zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/07, għandha tiġi prevista miżura tranżitorja intiża li tnaqqas il-produzzjoni ammissibbli tal-kwota matul l-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għandu jiġi ffissat limitu li jekk jinqabeż, il-produzzjoni tal-kwota ta’ kull impriża għandha titqies bħala li ġiet irtirata skont l-Artikolu 19 tar-Regolament […] Nru 318/2006 jew, fuq talba tal-impriża, bħala produzzjoni li teċċedi l-kwota skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament. Jekk titqies it-tranżizzjoni minn skema għall-oħra, dan il-limitu għandu jiġi kkalkolat billi jingħaqdu flimkien, f’partijiet indaqs, il-metodu previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 u dak previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament […] Nru 318/2006 u għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-isforzi partikolari mwettqa minn ċerti Stati Membri fil-kuntest tal-fond ta’ ristrutturazzjoni stabbilit bir-Regolament […] Nru 320/2006 […]”.

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw l-irtirar preventiv mis-suq, kif ġej:

“1.   Għal kull impriża, il-parti ta’ produzzjoni taz-zokkor […] tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/07, prodotta fil-kuntest tal-kwoti li jinsabu fl-Anness IV u li taqbeż il-limitu ffissat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandha titqies bħala rtirata skont l-Artikolu 19 tar-Regolament […] Nru 318/2006 jew, fuq talba tal-impriża kkonċernata, li għandha tiġi ppreżentata sal-31 ta’ Jannar 2007, hija kkunsidrata bħala totalment jew parzjalment prodotta iktar mill-kwota, skont l-Artikolu 12 tal-istess regolament.

2.   Għal kull impriża, il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit billi l-kwota allokata lill-impriża msemmija fil-paragrafu 1 tiġi mmoltiplikata bit-total tal-koeffiċjenti li ġejjin:

a)

il-koeffiċjent iffissat għall-Istat Membru kkonċernat, inkluż fl-Anness I;

b)

il-koeffiċjent miksub billi t-total tal-kwoti rrinunzjati matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/07 fl-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament […] Nru 320/2006, jiġi diviż bit-total tal-kwoti ffissati għall-istess Stat Membru fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni għandha tiffissa dan il-koeffiċjent sal-15 ta’ Ottubru 2006.

Madankollu, jekk it-total tal-koeffiċjenti jaqbeż l-1.0000, il-limitu għandu jkun daqs il-kwota msemmija fil-paragrafu 1”.

[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fl-2006, l-awtorità amministrattiva kompetenti allokat lil Agrana Zucker kwota ta’ 405812.4 tunnellati għall-produzzjoni taz-zokkor għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sa 2014/2015. L-istess awtorità ffissat, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006, limitu ta’ produzzjoni ta’ 348565.56 tunnellati għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, biex b’hekk imponiet ukoll lil din il-kumpannija rtirar preventiv ta’ 57246.84 tunnellati.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Agrarmarkt Austria (korp li jqassam l-għajnuna), fis-16 ta’ Jannar 2007, Agrana Zucker ġiet mitluba tħallas l-ewwel rata tal-ammont temporanju għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 fl-ammont ta’ EUR 30776812.42.

14

Peress li lmentat li l-ammont temporanju ġie kkalkolat abbażi tal-kwota allokata lilha, u għalhekk li kienet tinkludi, f’din il-bażi, l-57246.84tunnellati ta’ zokkor irtirati li hija ma setgħetx tbiegħ bħala kwantità ta’ zokkor taħt il-kwota, Agrana Zucker appellat mid-deċiżjoni tal-Agrarmarkt Austria quddiem il-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft. Din tal-aħħar ċaħdet l-imsemmi appell permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2007, liema deċiżjoni hija s-suġġett tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Agrana Zucker issostni fil-kawża prinċipali li l-fatt li l-kwantità ta’ zokkor li kien is-suġġett ta’ rtirar mis-suq ġiet ikkunsidrata fil-kalkolu tal-ammont temporanju jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dak tan-nondiskriminazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 34(2) KE.

16

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kwota taz-zokkor li, wara rtirar mis-suq b’għan preventiv skont l-Artikolu 3 tar-Regolament […] Nru 493/2006 […], ma tistax tintuża’ kompletament għandha tkun parti integrali mill-kalkolu tal-ammont temporanju […]?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006 huwa kompatibbli mad-dritt primarju, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 34 KE u mal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-parti tal-kwota taz-zokkor allokata lil impriża li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006 hijiex inkluża fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju.

18

Għandu jiġi mfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 320/2006 tipprovdi li l-impriżi li għandhom kwota jħallsu ammont temporanju għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u għal kull tunnellata ta’ kwota.

19

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju dovut minn impriża jikkonsisti min-numru totali ta’ tunnellati ta’ kwota ta’ zokkor allokat lilha għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata.

20

L-unika eżenzjoni mill-ħlas tal-ammont temporanju stabbilit bir-Regolament Nru 320/2006 hija dik — stipulata fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament — tal-kwoti rrinunzjati mill- impriża skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. Dawn huma kwoti li ġew rrinunzjati, matul waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, minn impriża li żżarma parzjalment jew totalment il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha jew ma tużahomx aktar u li, għalhekk, tista’ tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal kull tunnellata ta’ kwota rrinunzjata.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li r-rinunzja għal kwota stipulata fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 320/2006 hija, fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor, strument differenti ferm mill-irtirar mis-suq fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 318/2006 kif ukoll mill-irtirar preventiv skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006, li għandhom natura u għan differenti.

22

Fil-fatt, anki kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 43 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rinunzja ta’ impriża għal kwota flimkien maż-żarmar jew il-waqfien mill-użu tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha hija definittiva. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel u mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 320/2006, hija waħda mill-metodi tar-ristrutturazzjoni tas-settur taz-zokkor sabiex titnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni li ma ġġibx qligħ fil-Komunità u hija s-suġġett ta’ inċentiv ekonomiku, taħt il-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, intiża għall-impriżi bl-iktar produttività baxxa, sabiex dawn iċedu l-produzzjoni tagħhom taħt kwota.

23

Min-naħa l-oħra, l-irtirar mis-suq deċiż mill-Kummissjoni huwa temporanju. Il-kwantità ta’ zokkor ikkonċernati huma, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 318/2006, irtirati mis-suq sal-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti u jistgħu jiġu maħżuna jew mibjugħa barra mill-kwoti. Peress li dan jirriżulta minn din id-dispożizzjoni u mit-tnejn u għoxrin premessa tal-istess regolament, dan l-istrument huwa intiż sabiex iżomm bilanċ strutturali fis-suq f’livell ta’ prezzijiet qrib il-prezz ta’ referenza, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

24

L-istess huwa l-każ tal-irtirar preventiv stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006, li skont is-sitt premessa ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi miżura tranżitorja sabiex ittejjeb il-bilanċ tas-suq fil-Komunità mingħajr ma jinħolqu ħażniet ġodda ta’ zokkor matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007.

25

Fit-tieni lok, peress li r-rinunzja għal kwota, l-irtirar mis-suq u l-irtirar preventiv jiffurmaw parti mill-istess sensiela ta’ miżuri intiżi sabiex jirriformaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, jirriżulta li kien bi ħsieb li l-leġiżlatur Komunitarju ma stipulax, fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, eżenzjoni mill-ammont temporanju għall-kwantità ta’ zokkor irtirati mis-suq kif ġie stipulat għall-kwoti rrinunzjati.

26

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti tal-kwota ta’ zokkor allokata lil impriża li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006 hija inkluża fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju.

Fuq it-tieni domanda

27

It-tieni domanda tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006. Minkejja li din id-domanda ssemmi l-prinċipju tal-osservanza tal-aspettativi leġittimi, jidher li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju ttrattaw biss il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni. Għalhekk, il-validità tal-imsemmi Artikolu 11 għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ dawn l-aħħar żewġ prinċipji.

Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

28

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni, essenzjalment, li l-iffissar tal-ammont temporanju dovut minn impriża skont il-kwota allokata lilha, bl-inklużjoni tal-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ rtirar mis-suq, iwassal sabiex jimponi fuqha ħlasijiet sproporzjonati, peress li l-prezz nett taz-zokkor prodott taħt il-kwota jkun, minħabba f’hekk, inqas mill-prezz ta’ referenza. Barra minn hekk, peress li l-parti tal-kwota rtirata mis-suq matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 tinġarr għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara, din se terġa’ tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ammont temporanju li jsir is-sena ta’ wara.

29

Il-metodu li bih jiġi ffissat l-ammont temporanju għalhekk imur kontra l-għan tar-riforma tas-suq taz-zokkor, jiġifieri t-tisħiħ tal-impriżi li kapaċi jaffrontaw il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ikun kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll kontra r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 320/2006, li l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni għandhom jiġu ffinanzjati mill-ġbir tal-ammonti temporanji mingħand il-produtturi taz-zokkor li jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturazzjoni.

30

Il-Gvern Litwan huwa wkoll tal-opinjoni li l-fatt li fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju tittieħed inkunsiderazzjoni il-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ rtirar mis-suq iwassal sabiex l-impriżi kkonċernati jbatu minn piż finanzjarju mhux ġustifikat, sproporzjonat u, għalhekk, minn taxxa infondata li timpedihom milli jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Huwa jqis li r-raġunament segwit fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et (C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06, Ġabra p. I-3231) jista’ wkoll jiġi adottat f’din il-kawża.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97 u ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura ċarament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98 u ġurisprudenza ċċitata).

33

B’hekk, il-kwistjoni mhijiex jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika waħda possibbli jew l-aħjar possibbli, iżda jekk kinitx manifestament inadegwata (sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99 u ġurisprudenza ċċitata).

34

F’din il-kawża, mill-ewwel premessa tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-Kunsill ħass il-ħtieġa, sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġijiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur, li jinbeda proċess profond ta’ ristrutturazzjoni tas-settur li jwassal għal tnaqqis sinjifikattiv fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, huwa stabbilixxa, permezz tal-imsemmi regolament, skema temporanja, separata u awtonoma, ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità.

35

Fil-kuntest ta’ din l-iskema temporanja, ir-Regolament Nru 320/2006 stabilixxa, kif stipulat fil-ħames premessa tiegħu, inċentiv ekonomiku, fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għall-impriżi taz-zokkor bl-iktar produttività baxxa sabiex iċedu l-produzzjoni tagħhom taħt kwota. Għal dan il-għan, l-imsemmi regolament jistipula, fl-Artikolu 3 tiegħu, għajnuna għar-ristrutturazzjoni disponibbli matul erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri s-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sa 2009/2010, bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ sabiex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq ibbilanċjata fil-Komunità.

36

Sabiex jiffinanzja l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni stipulati fir-Regolament Nru 320/2006, il-Kunsill waqqaf fond ta’ ristrutturazzjoni temporanju u b’mod partikolari, kif tipprovdi r-raba’ premessa tal-imsemmi regolament, li l-finanzjament ta’ dawn il-miżuri għandu jsir bil-ġbir tal-ammonti temporanji minn dawk il-produtturi taz-zokkor, tal-isoglukożju u tax-xiropp tal-inulina li eventwalment ser jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturazzjoni. Id-dħul li jirriżulta minnu huwa kkunsidrat bħala “dħul assenjat” skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 4, p. 74).

37

B’hekk, l-ammont temporanju stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament għandu bħala għan li jkun hemm l-awtofinanzjament, mill-produtturi, tal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità, li jimplika bilanċ fil-baġit bejn l-infiq u d-dħul matul l-erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernati.

38

B’risposta għal domanda bil-miktub li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni pproduċiet tabella tal-estimi tal-infiq u tad-dħul tal-fondi ta’ ristrutturazzjoni temporanja għall-perijodu mill-2007 sal-2013 kif ukoll il-karta tal-bilanċ tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007. Minn dan jirriżulta, min-naħa, li l-estimi tad-dħul u tal-infiq jibbilanċjaw ruħhom matul perijodu ta’ tliet snin, peress li d-dħul żejjed matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 jkollu jservi għall-finanzjament tal-infiq previst għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara, u, min-naħa l-oħra, li l-infiq ikkonstat matul din l-ewwel sena ta’ kummerċjalizzazzjoni eċċeda b’mod kunsiderevoli l-infiq previst.

39

Din l-informazzjoni tikkonferma li l-iffissar tal-ammont temporanju dovut mill-produttur taz-zokkor skont il-kwota allokata lilu u mhux skont il-kwota li huwa effettivament seta’ jikkummerċjalizza wara l-irtirar mis-suq ta’ parti minn din il-kwota mhuwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament Nru 320/2006, kif deskritt fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

40

F’dan ir-rigward, il-miżura inkwistjoni tiddistingwi ruħha minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Zuckerfabrik Jülich et, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-metodu tal-kalkolu tat-taxxi analizzat fil-punti 57 sa 60 ta’ din is-sentenza kien imur lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001, tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), li kien intiż sabiex, b’mod ġust u effikaċi, il-produtturi stess isostnu kompletament l-infiq għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni Komunitarja skont il-prinċipju tal-awtofinanzjament.

41

Min-naħa l-oħra, li telimina l-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ rtirar mis-suq mill-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernata itellef il-bilanċ tal-baġit kif ippjanat filwaqt li jikkawża ħsara għall-istabbilità u l-prevedibbiltà tad-dħul. Għaldaqstant, tali metodu jikkomprometti l-awtofinanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturazzjoni mixtieq mil-leġiżlatur Komunitarju u, konsegwentement, it-tħaddim u l-għan tal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor stabbilita bir-Regolament Nru 320/2006.

42

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħlasijiet li din l-iskema timponi fuq l-impriżi suġġetti għaliha, għandha tiġi enfasizzata n-natura provviżorja tal-imsemmija skema, in-natura puntwali tal-irtirar preventiv kif ukoll il-benefiċċju li dawn l-impriżi jistgħu jistennew, minn naħa, mir-rinunzja għal kwoti li l-leġiżlatur Komunitarju ried jistimula u, min-naħa l-oħra, tas-sostenn tal-prezz taz-zokkor taħt kwota permezz tal-irtirar mis-suq u, b’mod partikolari, tal-irtirar preventiv. Dan il-benefiċċju huwa ta’ natura li jikkumpensa l-inkonvenjenzi kkawżati mill-imsemmija skema, inkluż il-fatt li l-kwantità ta’ zokkor irtirata mis-suq matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni hija suġġetta wkoll għall-ammont temporanju applikabbli għal kwota allokata għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara, jekk din il-kwantità tinġarr għal din is-sena u ma tinbiegħx bħala zokkor industrijali jew li teċċedi l-kwota fis-suq mondjali.

43

Minn dan kollu li ntqal preċedentement, jirriżulta li l-iffissar tal-ammont temporanju skont il-kwota allokata, inkluża, jekk ikun il-każ, il-parti tal-kwota li kienet is-suġġett ta’ rtirar mis-suq mhuwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan segwit u, konsegwentement, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

44

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża ssostni li l-inklużjoni, fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju, tal-kwantità ta’ zokkor li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 34(2) KE. Hija ssostni, essenzjalment, li l-fatt li tiġi kkunsidrata l-kwantità ta’ zokkor hekk irtirata taffetwa b’mod diskriminatorju, minħabba l-metodu ta’ kalkolu tal-livell ta’ produzzjoni stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 493/2006, lill-impriżi tal-Istati Membri li fihom ġie rrinunzjat numru żgħir ta’ kwoti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 meta mqabbla mal-impriżi tal-Istati Membri li għall-kuntrarju rrinunzjaw definittivament għal numru għoli ta’ kwoti għal din is-sena. Dawn tal-ewwel ikunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ tal-aħħar, għaliex għall-kwantità ta’ zokkor taħt kwota li jibqgħalhom wara l-irtirar preventiv, jiksbu prezz nett baxx ħafna minn dak miksub minn dawn tal-aħħar.

45

Il-Gvern Litwan josserva wkoll li tali metodu ta’ iffissar tal-ammont temporanju huwa ta’ natura li joħloq inugwaljanza ta’ trattament mhux ġustifikata bejn l-impriżi li ma rtirawx mis-suq, peress li l-ħlas tal-ammont temporanju huwa mqassam b’mod differenti bejn il-produtturi taz-zokkor li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, iżda li huma stabbiliti fi Stati Membri differenti, minħabba fatturi li ma jiddependux minnhom.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 34(2) KE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod simili sakemm differenza bħal din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C-313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33 u ġurisprudenza ċċitata).

47

F’din il-kawża, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 493/2006, l-irtirar preventiv jikkostitwixxi, fil-kuntest tal-miżuri tranżitorji fis-settur taz-zokkor bejn l-iskema qabel ir-Regolament Nru 318/2006 u dik stabbilita minn dan tal-aħħar, miżura tranżitorja intiża sabiex tnaqqas il-produzzjoni eliġibbli taħt kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, u dan sabiex jitjieb il-bilanċ tas-suq fil-Komunità mingħajr ma jinħolqu ħażniet ġodda ta’ zokkor matul din is-sena. Għall-implementazzjoni tagħha, l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi limitu li lil hinn minnu l-produzzjoni taħt kwota ta’ kull impriża hija kkunsidrata bħala rtirata skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 318/2006.

48

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 493/2006, dan il-limitu, stabbilit billi l-kwota allokata lill-impriża tiġi mmoltiplikata bis-somma ta’ żewġ koeffiċjenti, li minnhom it-tieni wieħed jiddependi mit-total tal-kwoti li ġew irrinunzjati, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, fl-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006.

49

Minn dan jirriżulta li l-importanza tal-irtirar preventiv impost fuq l-impriżi għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni tvarja b’mod partikolari skont l-Istat Membru li fih dawn ikunu stabbiliti. Għalhekk, il-parti tal-ammont temporanju li jħallsu skont il-parti tal-kwota tagħhom li kienet is-suġġett ta’ tali rtirar preventiv hija ftit jew wisq kunsiderevoli wkoll skont jekk humiex stabbiliti f’xi Stat Membru partikolari.

50

F’dan ir-rigward, l-iffissar tal-ammont temporanju kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta minn trattament differenti tal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni eventwalment komparabbli iżda stabbiliti fi Stati Membri differenti.

51

Madankollu, tali trattament tal-impriżi jidher oġġettivament iġġustifikat. Fil-fatt, it-tqassim tal-kwoti bejn l-impriżi u l-ġestjoni tagħhom jibqa’ żgurat mill-Istati Membri, ir-rinunzja għal kwoti hija wkoll organizzata minn kull wieħed minnhom u tvarja minn wieħed għall-ieħor. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta wkoll mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 493/2006, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent varjanti skont l-Istat Membru kkonċernat, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament għandu l-għan li jikkunsidra l-isforzi approvati mill-Istati Membri sabiex jiġu liberati definittivament xi kwoti, u b’hekk, jikkontribwixxu sabiex ibaxxu l-produzzjoni fl-istess proporzjon fl-Istati Membri kollha sabiex jintlaħaq bilanċ ta’ produzzjoni fil-Komunità kollha.

52

Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni, fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju, tal-kwantità ta’ zokkor li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

53

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma rrevela l-ebda element li jista’ jaffetwa l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi skema temporanja ta’ ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti tal-kwota ta’ zokkor allokata lil impriża li kienet is-suġġett ta’ rtirar preventiv skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006, tas-, li jirrigwarda miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1542/2006, tat-, hija inkluża fil-bażi ta’ kalkolu tal-ammont temporanju.

 

2)

L-eżami tat-tieni domanda ma rrevela l-ebda element li jista’ jaffetwa l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top