EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0018

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-20 ta' Novembru 2008.
Foselev Sud-Ouest SARL vs Administration des douanes et droits indirects.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal d’instance de Bordeaux - Franza.
Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur - Direttiva 1999/62/KE - Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi - Artikolu 6(2)(b) - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova eżenzjoni - Nuqqas ta’ effett dirett.
Kawża C-18/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08745

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:647

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Taxxa fuq il-vetturi bil-mutur — Direttiva 1999/62/KE — Ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi — Artikolu 6(2)(b) — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova eżenzjoni — Nuqqas ta’ effett dirett”

Fil-Kawża C-18/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal d’instance de Bordeaux (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-, fil-proċedura

Foselev Sud-Ouest SARL

vs

Administration des douanes et droits indirects,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Foselev Sud-Ouest SARL, minn L. Menestrier, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u L. Butel, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn F. Arena, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, p. 42), u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/449/KE, tal-, dwar talba għal eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ippreżentata minn Franza skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62 (ĠU L 158, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata minn Foselev Sud-Ouest SARL (iktar ’il quddiem “Foselev”) bil-għan li l-Administration des douanes et droits indirects tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR NaN,74 li hija tallega li ħallset indebitament bejn l-20 ta’ Ġunju 2005 u d- bħala taxxa fuq il-fus, li hija taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ iktar minn 12-il tunnellata, li mhumiex intiżi speċjalment għat-trasport ta’ persuni, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 1999/62 jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa jew eżenzjonijiet għal:

[…]

(b)

vetturi li jivvjaġġaw b’mod okkażjonali biss fuq it-toroq pubbliċi ta’ l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni [u li] huma wżati minn persuni naturali jew ġuridiċi li l-okkupazzjoni prinċipali tagħhom mhix it-trasport ta’ merkanzija, sakemm l-operazzjonijiet ta’ trasport imwettqa minn dawn il-vetturi ma jikkawżawx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, u soġġett għall-kunsens tal-Kummissjoni.”

4

Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2005/449 jaqra kif ġej:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti l-kunsens tagħha sabiex sal-31 ta’ Diċembru 2009 jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE il-vetturi li ġejjin ta’ 12-il tunnellata jew iżjed, li jintużaw esklużivament għat-trasport ta’ apparat installat b’mod permanenti għal xogħlijiet pubbliċi u industrijali fi Franza:

[…]

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-awtoritajiet Franċiżi implementaw id-Deċiżjoni 2005/449 permezz tad-Digriet Nru 2006/818 tas-7 ta’ Lulju 2006 li jemenda d-Digriet Nru 70-1285 tat- dwar it-trasferiment tal-bażi ta’ stima u tal-irkupru tat-taxxa speċjali fuq ċerti vetturi tat-triq lill-amministrazzjoni doganali (JORF tad-, p. 10311).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Foselev twettaq attivitajiet fis-setturi li ġejjin: irfigħ, immaniġġjar, trasport, manutenzjoni industrijali, sistemi ta’ kanen industrijali, tindif industrijali u kostruzzjoni modulari. Din il-kumpannija tqis li t-taxxa fuq il-fus m’għadhiex dovuta mill-20 ta’ Ġunju 2005, id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/449, f’dak li jirrigwarda l-vetturi li għalihom tapplika din it-taxxa.

7

Min-naħa l-oħra, l-Administration des douanes et droits indirects tqis li l-eżenzjoni invokata minn Foselev daħlet fis-seħħ biss fid-data tal-pubblikazzjoni fil-Journal officiel de la République française tad-Digriet Nru 2006-818, jiġifieri d-9 ta’ Lulju 2006.

8

Billi kkunsidra li l-kawża mressqa quddiemu tqajjem il-kwistjoni jekk id-Deċiżjoni 2005/449, li tawtorizza lir-Repubblika Franċiż teżenta ċerti vetturi partikolari mit-taxxa fuq il-fus, tinkludix obbligu għall-imsemmi Stat Membru li jimplementa l-eżenzjoni approvata u jekk hijiex għalhekk ta’ natura li tipproduċi effett dirett fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet fiskali Franċiżi u Foselev, it-Tribunal d’instance de Bordeaux iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62[…] jipprovdi għall-possibbiltà li Stat Membru jeżenta ċerti kategoriji ta’ vetturi [mit-taxxi msemmija f’din id-direttiva]. F’dan il-kuntest, l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni [lir-Repubblika Franċiża], permezz tad-Deċiżjoni [2005/449], sabiex teżenta [mit-taxxa fuq il-fus] ċerti kategoriji ta’ vetturi hija applikabbli direttament għall-individwi, jew peress li hija deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni indirizzata [lir-Repubblika Franċiża], teħtieġ miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

9

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Deċiżjoni 2005/449, li tapprova, skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fus ipprospettata mir-Repubblika Franċiża, tistax tiġi invokata minn individwu kontra dan l-Istat Membru bil-għan li jikseb il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni mid-data tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

10

F’dan ir-rigward, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE jipprovdi li deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha lil dawk li lejhom tkun indirizzata. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li hija r-Repubblika Franċiża li lejha hija indirizzata d-Deċiżjoni 2005/449.

11

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-ewwel lok, li jkun inkompatibbli mal-effett vinkolanti mogħti lid-deċiżjonijiet mill-Artikolu 189 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 189 tat-Trattat KE, li min-naħa tiegħu sar l-Artikolu 249 KE) li tiġi eskluża fil-prinċipju l-possibbiltà li persuni affettwati jistgħu jinvokaw l-obbligu impost minn deċiżjoni u, fit-tieni lok, li dispożizzjoni ta’ deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru tista’ tiġi invokata kontra dan l-Istat Membru meta d-dispożizzjoni inkwistjoni timponi fuq id-destinatarju tagħha obbligu li huwa inkondizzjonat u suffiċjentement ċar u preċiż (sentenza tal-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt, C-156/91, Ġabra p. I-5567, punti 12 u 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12

Għaldaqsant, għandu jiġi vverifikat jekk id-Deċiżjoni 2005/449 timponix obbligu fuq ir-Repubblika Franċiża li huwa inkondizzjonat u suffiċjentement ċar u preċiż.

13

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni hija l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62, li jipprovdi għall-possibbiltà li Stat Membru jeżenta ċerti vetturi mit-taxxi fuq il-vetturi bil-mutur jew li jissuġġettahom għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa.

14

Barra minn hekk, skont l-istess dispożizzjoni, l-użu ta’ din il-possibbilità minn Stat Membru huwa suġġett għall-approvazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-miżura ta’ implementazzjoni proposta.

15

Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja l-intervent tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda kemm id-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà kif ukoll il-kontenut tal-miżura pprospettata, mingħajr ma jista’ jirriżulta, mill-approvazzjoni ta’ din il-miżura mill-Kummissjoni, xi obbligu li jagħmlu użu mill-imsemmija possibbiltà.

16

Fil-fatt, l-għan u l-effett tad-Deċiżjoni 2005/449 mhumiex li jġiegħlu lir-Repubblika Franċiża tagħti l-eżenzjoni pprospettata fil-kuntest tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni, iżda li jawtorizzawha timplementa din l-eżenzjoni jekk tkun tixtieq tagħmel dan.

17

Barra minn hekk, il-fatt li d-Deċiżjoni 2005/449 ma tistabbilixxix id-data li fiha ssir applikabbli u sempliċement tistabbilixxi d-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni approvata għall-31 ta’ Diċembru 2009 ma jistax ikollu effett fuq il-portata u l-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

18

Fil-fatt, skont l-Artikolu 254(3) KE, id-Deċiżjoni 2005/449 daħlet fis-seħħ meta ġiet innotifikata lid-destinatarja tagħha, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża. Jibqa’ l-fatt li tali effett huwa dak li jirrendi eżenzjoni possibbli, li f’dan il-każ għadha ma teżistix u li teħtieġ att nazzjonali għall-implementazzjoni tagħha, u bl-ebda mod li jimponi tali eżenzjoni.

19

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Deċiżjoni 2005/449 ma tistax tiġi invokata minn individwu kontra r-Repubblika Franċiża, li hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, bil-għan li jikseb il-benefiċċju tal-eżenzjoni awtorizzata minn din tal-aħħar mid-data tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni tagħha.

Fuq l-ispejjeż

20

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/449/KE, tal-20 ta’ Ġunju 2005, dwar talba għal eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ippreżentata minn Franza skont l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi, ma tistax tiġi invokata minn individwu kontra r-Repubblika Franċiża, li hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni, bil-għan li jikseb il-benefiċċju tal-eżenzjoni awtorizzata minn din tal-aħħar mid-data tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top