EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0014

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-25 ta' Ġunju 2009.
Roda Golf & Beach Resort SL.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de Primera Instancia e Instrucción nº 5 de San Javier - Spanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kunċett ta’ ‘kawża’ - Regolament (KE) Nru 1348/2000 - Notifika ta’ atti extra-ġudizzjarji mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri legali - Att notarili.
Kawża C-14/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:395

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kunċett ta’ ‘kawża’ — Regolament (KE) Nru 1348/2000 — Notifika ta’ atti extra ġudizzjarji fin-nuqqas ta’ proċeduri legali — Att notarili”

Fil-Kawża C-14/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 68 KE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no5 de San Javier (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-, fil-proċedura

Roda Golf & Beach Resort SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. Klučka, U. Lõhmus, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Roda Golf & Beach Resort SL, minn E. López Ayuso, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Latvjan, minn E. Balode-Buraka u E. Eihmane, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Iván, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Joris u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 227).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción Nru 5 ta’ San Javier (Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ Investigazzjonijiet Preliminari Nru 5 ta’ San Javier) minn Roda Golf & Beach Resort SL (iktar ’il quddiem “Roda Golf”) kontra r-rifjut tar-reġistratur ta’ din il-qorti li jinnotifika, fin-nuqqas ta’ proċeduri legali, lil destinatarji stabbiliti fir-Renju-Unit u fl-Irlanda, att notarili ta’ notifika u ta’ intimazzjoni li jistabbilixxi t-terminazzjoni unilaterali, minn Roda Golf, ta’ sittax-il kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli konklużi bejnha u kull wieħed mill-imsemmija destinatarji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju u d-dritt internazzjonali

3

B’att tas-26 ta’ Mejju 1997, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa, abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-Artikoli K sa K.9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ġew issostitwiti bl-Artikoli 29 UE sa 42 UE), il-Konvenzjoni dwar in-notifika fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU C 261, p. 1).

4

Din il-konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Peress illi t-test tagħha ispira dak tar-Regolament Nru 1348/2000, ir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din l-istess konvenzjoni (ĠU 1997, C 261, p. 26) ġie invokat fil-kuntest tal-preambolu ta’ dan l-istess regolament.

5

Ir-Regolament Nru 1348/2000 jirregola n-notifika bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali.

6

Il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi:

“Il-funzjonament xieraq fis-suq intern jeħtieġ il-bżonn li jkunu mtejba u mħaffa t-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għal servizz bejn l-Istati Membri.”

7

Skont il-premessa 6 tiegħu:

“L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri legali fi kwistjonijiet ċivili tfisser li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji issir direttament u b’mezzi mħaffa bejn korpi lokali innominati mill-Istati Membri. […]”

8

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, “[k]ull Stat Membru għandu jinnomina uffiċjali pubbliċi, awtoritajiet jew persuni oħra, minn hawn ’il quddiem msejħa bħala ‛aġenziji li jittrażmettu’, kompetenti għat-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li għandhom ikunu notifikati fi Stat Membru ieħor”. Skont l-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li għandha tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali.

9

Mill-informazzjoni kkomunikata mir-Renju ta’ Spanja skont l-imsemmi Artikolu 23 (ĠU 2001, C 151, p. 4 u C 202, p. 10) jirriżulta li, fi Spanja, l-aġenziji ta’ trażmissjoni huma s-Secretarios Judiciales (reġistraturi) tad-diversi Juzgados (qrati individwali) u Tribunales (qrati kolleġjali).

10

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000, li jinstab fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Dokumenti extra-ġudizzjarji” jipprovdi:

“Dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu trażmessi għan-notifika fi Stat Membru ieħor bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

11

L-Artikolu 17(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi t-tħejjija ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jkunu nnotifikati permezz ta’ dan ir-regolament.

12

Dan il-glossarju jikkostitwixxi l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/781/KE, tal-25 ta’ Settembru 2001, li tadotta manwal tal-aġenziji riċeventi u glossarju tad-dokumenti li jistgħu jiġu notifikati jew komunikati permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 4, p. 348, u rettifika — ĠU 2002, L 31, p. 88 u ĠU 2003, L 60, p. 3), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/500/KE tas- (ĠU L 185, p. 24). Dan jinkludi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17(b) tar-Regolament Nru 1348/2000. Fir-rigward ta’ Spanja, huwa b’mod partikolari indikat fiha li, “[f]ir-rigward tal-atti extra ġudizzjarji, li jistgħu jkunu nnotifikati, dawn huma dokumenti extra ġudizzjarji ta’ awtorità pubblika kompetenti sabiex taffettwa notifiki skont il-liġi Spanjola” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13

Ir-Regolament Nru 1348/2000 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79), applikabbli kompletament mit-.

14

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-15 ta’ Novembru 1965, dwar in-notifika barra mill-pajjiż ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jippermetti n-notifika ta’ att permezz ta’ awtorità ċentrali. L-Artikolu 17 ta’ din il-konvenzjoni huwa ddedikat għan-notifika ta’ atti extra ġudizzjarji.

15

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1348/2000, dan ir-regolament jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-15 ta’ Novembru 1965.

Id-dritt nazzjonali

16

Il-liġi 1/2000 dwar il-proċedura ċivili (Ley 1/2000, Enjuiciamiento Civil) tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar, p. 575, iktar ’il quddiem il-“LEC”), tistabbilixxi, fl-Artikoli 223 u 224 tagħha, is-sistema applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ reġistratur ta’ qorti ċivili skont kif ġej:

“Artikolu 223. Miżuri organizzattivi

1.   Ir-reġistratur tal-qorti huwa responsabbli għall-adozzjoni ta’ miżuri organizzattivi li bihom jiġu stabbiliti l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti skont il-liġi.

2.   Il-miżuri organizzattivi għandhom jinkludu dak illi ġie stabbilit mid-deċiżjoni meħuda, l-isem tar-reġistratur li qiegħed jadotta l-miżura, id-data u l-firma tar-reġistratur

Artikolu 224. Reviżjoni ta’ miżuri organizzattivi

1.   Miżuri organizzattivi li jiddeterminaw kwistjonijiet li, bil-liġi, għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ deċiżjoni provviżorja, digriet jew sentenza, huma awtomatikament nulli.

2.   Minbarra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, miżuri organizzattivi jistgħu jiġu annullati wkoll, fuq talba tal-parti li tkun ta’ detriment għaliha, fejn din tikser xi dispożizzjonijiet legali jew tirregola kwistjonijiet li, skont din il-Liġi, għandhom jiġu deċiżi b’deċiżjoni ta’ qorti.

3.   Il-kontestazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi eżaminata u għandha tittieħed deċiżjoni dwarha skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għal rikors għal reviżjoni.”

17

Fir-rigward tar-rikors għar-reviżjoni li jirreferi għalih l-Artikolu 224 tal-LEC, l-Artikolu 454 tagħha jipprovdi:

“Id-digriet li bih jiġi deċiż rikors għal reviżjoni ma huwiex suġġett għal appell.

Ħlief għal każijiet fejn hemm dritt għal appell, l-ebda appell ma jista’ jitressaq kontra digriet li jiddeċiedi rikors għal reviżjoni, bla ħsara għall-possibbiltà li titqajjem mill-ġdid il-kwistjoni li hija s-suġġett tar-reviżjoni fil-kuntest ta’ appell eventwali kontra d-deċiżjoni finali.”

18

Skont l-Artikolu 455 tal-LEC, id-deċiżjonijiet provviżorji tal-Juzgados de Primera Instancia jistgħu jkunu appellati, bil-kundizzjoni li jkunu saru “finali” jew jekk “il-liġi tipprovdi dan espressament”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Fit-2 ta’ Novembru 2007, Roda Golf, kumpannija taħt il-liġi Spanjola, talbet lir-reġistratur tal-qorti tar-rinviju jibgħat, skont ir-Regolament Nru 1348/2000, lill-entitajiet li jirċievu kompetenti tar-Renju Unit tal-Gran-Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Irlanda sittax-il ittra indirizzata lil destinatarji stabbiliti f’dawn iż-żewġ Stati Membri. Dawn l-ittri kienu intiżi sabiex itemmu unilateralment kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li kienu ġew konklużi bejn din il-kumpannija u l-imsemmija destinatarji. Il-kontenut tagħhom ma juri ebda rabta ma’ proċeduri legali għaddejja.

20

Kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju u kif sostniet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet tagħha, din eżegwiet, quddiem nutar ta’ San Javier, att ta’ notifika u ta’ intimazzjoni, irreġistrat bin-numru 111 fir-reġistru notarili, fejn talbet lil dan tal-aħħar jinnotifika dan l-att permezz tar-reġistratur, li huwa l-awtorità kompetenti skont il-komunikazzjoni magħmulha mir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1348/2000.

21

Ir-reġistratur tal-qorti tar-rinviju rrifjuta li jibgħat l-att inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li n-notifika tiegħu ma kinitx tidħol fil-kuntest ta’ proċeduri legali u għalhekk ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000.

22

Roda Golf ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija sostniet, b’mod partikolari, li l-atti extra ġudizzjarji jistgħu, skont ir-Regolament Nru 1348/2000, ikunu nnotifikati fin-nuqqas ta’ proċeduri legali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción Nru 5 de San Javier iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin

“(1)

In-notifika ta’ atti esklużivament extra ġudizzjarji taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 meta din issir bejn persuni privati permezz tar-riżorsi materjali u tal-persunal tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u tal-leġiżlazzjoni Ewropea mingħajr ma jkunu nbdew proċeduri legali?

(2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 ikopri esklużivament il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn Stati Membri fil-kuntest ta’ proċeduri legali pendenti (Artikoli 61(ċ), 67(1) u 65 KE u l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1348/2000)?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Il-Kummissjoni tqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-konfronti tad-domandi magħmula. Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi sentenza definittiva li tista’ tkun appellata, skont l-Artikolu 455 tal-LEC. Minħabba f’hekk, ir-rinviju huwa inammissibbli, peress li, skont l-Artikolu 68 KE, huma biss il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu appellati li jistgħu jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE.

25

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont l-Artikolu 68 KE, meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea abbażi tal-imsemmi Titolu IV titqajjem quddiem qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, dik il-qorti għandha, jekk tikkunsidra li deċiżjoni dwar il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din.

26

Id-domandi magħmula f’dawn il-proċeduri jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000. Peress li dan ir-regolament ġie adottat mill-Kunsill abbażi tal-Artikoli 61(ċ) KE u 67(1) KE, li jaqgħu taħt it-Tielet Parti tat-Titolu IV tat-Trattat KE, l-Artikolu 68 KE għandu japplika f’dan il-każ.

27

F’dawn il-kundizzjonijiet, hija biss qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma hemmx rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali li tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

28

F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali kkonstata, fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċertu nuqqas ta’ qbil fil-ġurisprudenza Spanjola rigward il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni bħal dik li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti fil-proċedura prinċipali. Għalkemm il-Kummissjoni tiċċita f’dan ir-rigward ċerti deċiżjonijiet provviżorji nazzjonali li awtorizzaw tali possibbiltà, jibqa’ madankollu l-fatt li teżisti mhux biss ġurisprudenza kuntrarja, imma wkoll duttrina kontroversa f’dan ir-rigward, fejn parti mid-duttrina tiċħad kull possibbiltà ta’ appell fil-kuntest ta’ tali proċedura.

29

Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha taqta’ din il-kwistjoni. Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju indikat fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawża prinċipali ser tingħata fl-aħħar istanza.

30

Għalhekk l-ewwel eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

31

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li quddiem il-qorti tar-rinviju tressqet mhux biss kawża, imma “proċess extra-ġudizzjarju”. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula peress li dawn sarulha f’ċirkustanza fejn il-qorti nazzjonali taġixxi bħala awtorità amministrattiva u ma teżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji.

32

Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-domandi preliminari saru fl-okkażjoni ta’ rikors għal reviżjoni ppreżentat kontra r-rifjut ta’ reġistratur li jinnotifika l-att inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-unika parti fil-proċeduri hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

33

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 234 KE, applikabbli skont it-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE bis-saħħa tal-Artikolu 68 KE, ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċeduri li matulhom il-qorti nazzjonali tifformula domanda preliminari (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries, C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 12).

34

Madankollu, mill-imsemmi Artikolu 234 KE jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu iressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss meta jkollhom kawża pendenti quddiemhom u meta jkunu msejħa jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi sabiex jwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara d-digrieti tat-18 ta’ Ġunju 1980, Borker, 138/80, Ġabra p. 1975, punt 4; tal-, Greis Unterweger, 318/85, Ġabra p. 955, punt 4; sentenzi tad-, Job Centre, C-111/94, Ġabra p. I-3361, punt 9, u tal-, Salzmann, C-178/99, Ġabra p. I-4421, punt 14).

35

B’hekk, meta jagħmel deċiżjoni amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma jkun mitlub jiddeċiedi fuq kawża, il-korp tar-rinviju ma jistax jitqies li qiegħed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta dan jiddeċiedi fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija skont proċedura li l-għan tagħha ma huwiex li jiġi annullat att li jippreġudika dritt tar-rikorrent (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Job Centre, punt 11, u Salzmann, punt 15, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz, C-182/00, Ġabra p. I-547, punt 14; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 57).

36

Min-naħa l-oħra, qorti li quddiemha tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri responsabbli għaż-żamma ta’ reġistru li tirrifjuta li tilqa’ tali applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fejn dan l-appell huwa intiż sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni li allegatament tippreġudika dritt tar-rikorrent, għandha quddiemha kawża u teżerċita funzjoni ġudizzjarja (ara s-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). Għalhekk, f’tali każ, il-qorti li qegħda tiddeċiedi f’appell għandha bħala regola tkun ikkunsidrata bħala qorti li għandha dritt tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE (ara għal sitwazzjonijiet simili, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C-300/01, Ġabra p. I-4899; tat-, SEVIC Systems, C-411/03, Ġabra p. I-10805; tal-, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C-117/06, Ġabra p. I-8361, kif ukoll Cartesio, iċċitat iktar ’il fuq).

37

Din il-ġurisprudenza hija transponibbli għall-kawża preżenti. Għalkemm, ir-reġistratur li ssirlu talba għal notifika ta’ atti ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji skont ir-Regolament Nru 1348/2000 jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jaġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma huwa mitlub jiddeċiedi fuq kawża, dan ma huwiex il-każ tal-qorti mitluba tiddeċiedi fuq ir-rikors ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dan ir-reġistratur li jipproċedi għan-notifika mitluba.

38

Fil-fatt, l-għan ta’ tali rikors huwa l-annullament tal-imsemmi rifjut, li allegatament jippreġudika dritt tar-rikorrent, jiġifieri d-dritt tiegħu li ċerti atti jkunu nnotifikati bil-mezzi previsti mir-Regolament Nru 1348/2000.

39

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha kawża u, għalhekk, teżerċita funzjoni ġudizzjarja.

40

Il-fatt li r-reġistratur jagħmel parti mill-istruttura organizzattiva tal-qorti tar-rinviju ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, dan il-fatt ma għandux effett fuq in-natura ġudizzjarja tal-funzjoni li teżerċita l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, minħabba li dawn il-proċeduri huma intiżi għall-annullament ta’ att li allegatament jippreġudika dritt tar-rikorrent.

41

Minn dan jirriżulta li t-tieni eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mill-Kummissjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

42

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq id-domandi preliminari

43

Biż-żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-notifika ta’ atti extra ġudizzjarji fin-nuqqas ta’ proċeduri legali, meta din issir bejn persuni privati, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Osservazzjoni preliminari

44

Preliminarjament, jaqbel li jkun determinat jekk il-kunċett ta’ “dokument extra-ġudizzjarju” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000 huwiex kunċett tad-dritt Komunitarju jew, kuntrarjament, kunċett tad-dritt nazzjonali.

45

Il-Gvernijiet Spanjol, Ċek, Ġermaniż, Grieg, Latvjan, Ungeriż u Pollakk isostnu li l-kunċett ta’ att extra ġudizzjarju għandu jkun determinat skont il-liġi ta’ kull Stat Membru. Huma jqisu li r-Regolament Nru 1348/2000 iħalli lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jiddeċiedu jekk atti extra ġudizzjarji jistgħux ikunu nnotifikati u, jekk iva, liema. Huma jirreferu, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 17(b) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi, bħala metodu ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, it-tħejjija ta’ glossarju ta’ atti li jistgħu jkunu nnotifikati, filwaqt li jenfasizzaw li dan il-glossarju jistabbilixxi listi ta’ tali atti li l-kontenut tagħhom ivarja skont l-Istati Membri.

46

Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1348/2000 huwa intiż sabiex itejjeb u jħaffef it-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali għal skopijiet ta’ notifika. Madankollu, dan ir-regolament ma jasalx sabiex jispjega b’mod preċiż u uniformi l-kunċett ta’ att extra ġudizzjarju.

47

Bis-saħħa tal-Artikolu 17(b) tiegħu, dan ir-regolament iħalli f’idejn il-Kummissjoni r-responsabbiltà li tħejji, flimkien mal-Istati Membri, glossarju li jinkludi l-atti li jistgħu jkunu nnotifikati. Dan il-glossarju jistabbilixxi, fil-parti introduttiva tiegħu, li l-informazzjoni hekk ikkomunikata mill-Istati Membri għandha biss valur indikattiv. Il-kontenut tiegħu juri madankollu li dawn, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, iddefinixxew b’mod differenti l-atti li huma jqisu li jistgħu jkunu nnotifikati b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Madankollu, minkejja l-eżistenza tal-imsemmi glossarju, jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “dokument extra-ġudizzjarju”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000, għandu jkun ikkunsidrat bħala kunċett tad-dritt Komunitarju.

48

Fil-fatt, l-għan tat-Trattat ta’ Amsterdam li joħloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u b’hekk tingħata lill-Komunità dimensjoni ġdida, u t-trasferiment, mit-Trattat UE lejn it-Trattat KE, tas-sistema li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali jixhdu r-rieda tal-Istati Membri li jankraw tali miżuri fis-sistema legali Komunitarja u li jistabbilixxu b’hekk il-prinċipju tal-interpretazzjoni awtonoma tagħhom (sentenza tat-8 Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punt 45).

49

Barra minn hekk, l-għażla tal-forma ta’ regolament, għajr milli dik ta’ direttiva inizjalment proposta mill-Kummissjoni (ĠU 1999 C 247 E, p. 11) turi l-importanza li l-leġiżlatur Komunitarju jagħti lin-natura direttament applikabbli tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1348/2000 u lill-applikazzjoni uniformi tagħhom (sentenza Leffler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

50

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “dokument extra-ġudizzjarju” fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000 huwa kunċett tad-dritt Komunitarju.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000

51

Fir-rigward tal-kwistjoni li jkun magħruf jekk in-notifika ta’ atti extra ġudizzjarji fin-nuqqas ta’ proċeduri legali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000, il-Gvernijiet Spanjol u Slovakk isostnu li, sabiex dokument ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala extra ġudizzjarju, għandu jkun hemm rabta konkreta jew ma’ proċeduri legali għaddejja, jew mal-bidu ta’ tali proċeduri.

52

Roda Golf, il-Gvernijiet Ġermaniż, Grieg, Taljan, Latvjan, Ungeriż u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni għandhom opinjoni kuntrarja.

53

F’dan ir-rigward jaqbel li jkun irrelevat li l-Artikolu 61(ċ) KE jifforma l-bażi legali tar-Regolament Nru 1348/2000. Din id-dispożizzjoni tippermetti li jkunu adottati, sabiex tkun progressivament stabbilita żona ta’ libertà, sigurtà u ġusitzzja, miżuri msemmija fl-Artikolu 65 KE. Dawn il-miżuri, li jaqgħu taħt il-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom effett transkonfinali, ifittxu, konformement mal-imsemmi Artikolu 65, fost oħrajn li jtejbu u jissimplifikaw is-sistema ta’ notifika transkonfinali ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji sa fejn dan ikun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

54

Bl-istess mod, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1348/2000 tistabbilixxi li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeħtieġ li tkun imtejba u mħaffa t-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extra ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali għall-finijiet ta’ notifika.

55

L-Artikolu 65 KE u r-Regolament Nru 1348/2000 ifittxu b’hekk li jistabbilixxu sistema ta’ notifika intra-Komunitarja li għandha bħala għan il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

56

Fid-dawl ta’ dan il-għan, il-kooperazzjoni ġudizzjarja prevista minn dan l-artikolu u dan ir-regolament ma tistax tkun limitata biss għall-proċeduri legali. Fil-fatt, din il-kooperazzjoni tista’ timmanifesta ruħha kemm fil-kuntest ta’ proċeduri legali kif ukoll fin-nuqqas ta’ tali proċeduri sa fejn l-imsemmija kooperazzjoni għandha effett transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

57

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvernijiet Spanjoli, Pollakk u dak Slovakk, il-fatt li l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1348/2000 ssemmi biss l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċeduri legali ma huwiex biżżejjed sabiex ineħħi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kull att li ma sarx fil-kuntest ta’ proċeduri legali. Fil-fatt, din il-premessa tirreferi biss għal wieħed mill-korollarji tal-għan prinċipali tal-imsemmi regolament. Il-fatt li, fl-imsemmija premessa, jissemmew atti extra ġudizzjarji fil-kuntest tal-proċeduri legali għandu konsegwentement ikun mifhum fis-sens li n-notifika ta’ tali att tista’ tintalab fil-kuntest ta’ proċeduri legali.

58

Barra minn hekk, l-att inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trażmess lir-reġistratur tal-qorti tar-rinviju sabiex dan jiġi nnotifikat, ġie redatt minn nutar, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, u bħala tali, jikkostitwixxi, att extra ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1348/2000.

59

Fir-rigward tal-preokkupazzjonijiet espressi mill-Gvernijiet Spanjol u Pollakk, jiġifieri li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ att extra ġudizzjarju timplika ammont eċċessiv ta’ xogħol fid-dawl tar-riżorsi tal-qrati nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligi fil-qasam ta’ notifika li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1348/2000 mhux neċessarjament jaqgħu fuq il-qrati nazzjonali. Fil-fatt, l-indikazzjoni tal-aġenziji li jittrażmettu u tal-aġenziji li jirċievu, li skont l-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmi regolament jistgħu jkunu “uffiċjali pubbliċi, awtoritajiet jew persuni oħra”, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, dawn tal-aħħar huma ħielsa li jindikaw bħala aġenziji li jittrażmettu jew aġenziji li jirċievu għall-finijiet tan-notifika ta’ atti ġudizzjarji jew extra ġudizzjarji entitajiet oħra għajr il-qrati nazzjonali.

60

Barra minn hekk, in-notifika permezz tal-aġenziji li jittrażmettu u l-aġenziji li jirċievu ma hijiex l-unika mezz ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 1348/2000. Fil-fatt, l-Artikolu 14 tiegħu jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu l-possibbilità li n-notifika lill-persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor issir direttament bil-posta. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jaċċettaw dan il-mod ta’ notifika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tiegħu, dan ir-regolament ma jimpedixxix in-notifika diretta permezz ta’ uffiċjali pubbliċi, uffiċjali jew persuni oħra kompetenti tal-Istat Membru indirizzat. Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma applikabbli għan-notifika ta’ atti extra ġudizzjarji.

61

Għalhekk hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li n-notifika, fin-nuqqas ta’ proċeduri legali, ta’ att notarili bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-notifika, fin-nuqqas ta’ proċeduri legali, ta’ att notarili bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1348/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top