Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0013

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta'Diċembru 2008.
    Erich Stamm u Anneliese Hauser.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
    Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni - Trattament ugwali - Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom - Qbiela - Struttura agrarja.
    Kawża C-13/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-11087

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:774

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

    “Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Trattament ugwali — Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom — Qbiela — Struttura agrarja”

    Fil-Kawża C-13/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Jannar 2008, fil-proċeduri mibdija minn

    Erich Stamm,

    Anneliese Hauser

    fil-preżenza ta’:

    Regierungspräsidium Freiburg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal E. Stamm, minn J. Strick, Rechtsanwalt,

    għar-Regierungspräsidium Freiburg, minn P. Brecht, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(1), 13(1) u 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn E. Stamm u A. Hauser, minn naħa, u r-Regierungspräsidium Freiburg, min-naħa l-oħra, rigward l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-ħaddiema transkonfinali Svizzeri li jaħdmu għal rashom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Ftehim

    3

    Skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-Ftehim, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari li jagħti, liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera, dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal xogħol bħala impjegati, ta’ stabbiliment bħala persuni li jaħdmu għal rashom u d-dritt li joqogħdu fit-territorju tal-partijiet kontraenti kif ukoll li jagħtihom l-istess kundizzjonijiet ta’ għaixien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.

    4

    Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim, “[i]ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra m’għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, iddiskriminati minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    5

    L-Artikolu 16 tal-Ftehim, intitolat “Referenza għad-dritt Komunitarju”, jaqra kif ġej:

    “1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan il-ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li ssir referenza għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

    2.   Safejn l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tinvolvi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    6

    Il-Kapitolu III tal-Anness I tal-Ftehim, iddedikat għall-moviment liberu tal-persuni, jinkludi dispożizzjonijiet partikolari dwar persuni li jaħdmu għal rashom. L-Artikolu 12 ta’ dan l-anness jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]ċ-ċittadin ta’ parti kontraenti li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha (iktar ’il quddiem ‘persuna li taħdem għal rasha’ għandu jingħata permess ta’ residenza għal perijodu ta’ għall-inqas ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu bil-kundizzjoni li jipproduċi l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew jixtieq jistabbilixxi ruħu għal dan l-iskop”.

    7

    Il-paragrafi 2 sa 6 tal-istess artikolu fihom dispożizzjonijiet proċedurali dwar id-dritt ta’ residenza ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

    8

    F’dak li jikkonċerna l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, l-Artikolu 13 tal-imsemmi anness jipprovdi:

    “1.   Il-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra filwaqt li bħala regola jirritorna fil-post tar-residenza tiegħu kuljum, jew tal-anqas darba fil-ġimgħa.

    2.   Il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom m’għandhomx bżonn permess ta’ residenza.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti tal-Istat ikkonċernat tista’ tagħti lill-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu permess speċjali għal perijodu ta’ għall-inqas ħames snin bil-kundizzjoni li jipproduċi l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa jeżerċita jew jixtieq jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha. Dan il-permess għandu jiġi estiż għal perijodu ta’ għall-inqas ħames snin bil-kundizzjoni li l-ħaddiem transkonfinali jipproduċi l-prova li huwa jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha.

    3.   Il-permess speċjali għandu jkun validu għat-territorju kollu tal-Istat li jkun ħarġu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    L-Artikolu 14 tal-Anness I tal-Ftehim, intitolat “Mobbiltà professjonali u ġeografika”, jipprovdi:

    “1.   Il-persuna li taħdem għal rasha għandha d-dritt għall-mobbiltà professjonali u ġeografika fit-territorju kollu tal-Istat ospitanti.

    2.   Il-mobbiltà professjonali tinkludi l-bdil tal-professjoni u l-bdil minn attività bħala persuna li taħdem għal rasha għal attività bħala impjegat. Il-mobbiltà ġeografika tinkludi l-bdil tal-post tax-xogħol u tar-residenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10

    Fir-rigward tat-trattament ugwali, l-Artikolu 15 ta’ dan l-anness jipprovdi:

    “1.   F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha, il-persuna li taħdem għal rasha għandha tirċievi fil-pajjiż ospitanti trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija f’dan il-kapitolu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    Skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi anness, intitolat “Eżerċizzju tal-awtorità pubblika”:

    “Il-persuna li taħdem għal rasha tista’ tiġi rrifjutata d-dritt li tipprattika attività li tinvolvi, anke jekk fuq bażi okkażjonali, l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    12

    Skont l-Artikolu 23(1) tal-Anness I tal-Ftehim, id-destinatarju ta’ servizzi m’għandux bżonn permess ta’ residenza għal perijodi ta’ residenza ta’ tliet xhur jew inqas. Għal perijodi ta’ residenza itwal minn tliet xhur, id-destinatarju ta’ servizzi għandu jirċievi permess ta’ residenza ta’ tul ekwivalenti għall-provvista tas-servizz.

    13

    L-Artikolu 25 ta’ dan l-anness jipprovdi:

    “1.   Iċ-ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu dritt ta’ residenza u li jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fl-Istat ospitanti jibbenefika mill-istess drittijiet bħal ċittadin nazzjonali fil-qasam tax-xiri ta’ immobbli. Jista’ f’kull waqt jistabbilixxi r-residenza prinċipali tiegħu fl-Istat ospitanti skont ir-regoli nazzjonali, indipendentement mit-tul ta’ żmien tal-impjieg tiegħu. It-tluq mill-Istat ospitanti m’għandu jimplika l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali immobbli.

    […]

    3.   Ħaddiem transkonfinali jibbenefika mill-istess drittijiet bħal ċittadin nazzjonali f’dak li jikkonċerna x-xiri ta’ immobbli li jservu għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u ta’ residenza sekondarja; dawn id-drittjiet m’għandhom jimplikaw l-ebda obbligu li jiddisponi minn tali immobbli meta huwa jitlaq mill-Istat ospitanti. Jista’ wkoll ikun awtorizzat jixtri dar għall-vaganzi. Għal din il-kategorija ta’ ċittadini, dan il-ftehim ma jaffettwax ir-regoli fis-seħħ fl-Istat ospitanti rigward l-investiment pur ta’ kapital u l-kummerċ ta’ art mhux mibnija u ta’ djar.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    14

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Liġi Ġermaniża dwar l-obbligu ta’ dikjarazzjoni u d-dritt ta’ oppożizzjoni fil-qasam tal-qbiela (Gesetz über die Anzeige und Beanstandung von Landpachtverträgen, iktar ’il quddiem il-“LpachtVG”, BGBl. 1985 I, p. 2075, iktar ’il quddiem il-“LpachtVG”) tipprovdi dispożizzjonijiet speċifiċi f’dak li jikkonċerna l-qbejjel. Sidien il-kera jridu jiddikjaraw dawn il-qbejjel lill-awtorità kompetenti, li tista’ topponi l-konklużjoni tagħhom, b’mod partikolari jekk dan il-kiri ta’ raba’ jkun jinvolvi tqassim “inadegwat” tal-użu tal-art.

    15

    Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-LpachtVG, il-kiri ta’ raba’ jkun jinvolvi tqassim “inadegwat” tal-użu tal-art b’mod partikolari jekk imur kontra miżuri intiżi li jtejbu l-istruttura agrarja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta artijiet agrikoli, minħabba li jkunu mqabbla lil persuni li mhumiex bdiewa, ma jkunux iktar disponibbli għall-użu minn bdiewa li għandhom bżonn urġenti tagħhom sabiex joħolqu u jżommu attivitajiet produttivi u kompetittivi u li huma f’pożizzjoni li jieħduhom bi qbiela.

    16

    Il-qorti tar-rinviju żżid li, skont il-ġurisprudenza tagħha ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-fatt li bdiewa full-time Ġermaniżi, li għandhom bżonn urġenti tal-artijiet agrikoli sabiex joħolqu u jżommu attivitajiet produttivi u kompetittivi, jiġu mċaħħda mill-użu tagħhom billi dawn jingħataw bi qbiela lil bdiewa Svizzeri, li n-negozju tagħhom huwa stabbilit fl-Isvizzera, imur kontra l-miżuri għat-titjib tal-istruttura agrarja Ġermaniża. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-LpachtVG, dawn il-bdiewa Svizzeri għandhom ikunu kkunsidrati li jaqgħu barra l-istruttura agrarja Ġermaniża u, għalhekk, li mhumiex bdiewa.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17

    Fl-10 ta’ Ottubru 2005, E. Stamm, bidwi Svizzeru, li n-negozju tiegħu huwa stabbilit fl-Isvizzera, ikkonkluda kuntratt ta’ qbiela ma’ A. Hauser, residenti fil-Ġermanja, fir-rigward ta’ art agrikola ta’ 2.75 ettaru, li tinsab fil-Ġermanja. Il-qbiela annwali, prevista f’dan il-kuntratt ta’ qbiela għal perijodu ta’ ħames snin, kienet ta’ EUR 686.

    18

    Il-Landwirtschaftsamt (amministrazzjoni Ġermaniża tal-agrikoltura) oġġezzjonat għall-imsemmija qbiela u ordnat lill-partijiet ikkonċernati jħassruha mingħajr dewmien. Ir-rikors ġudizzjarju u t-talbiet sussidjarji ppreżentati minn E. Stamm ġew miċħuda mill-Amtsgericht Waldshut-Tiengen (qorti tal-ewwel istanza), li annullat dan il-kuntratt minħabba li l-kiri ta’ raba’ inkwistjoni kien jinvolvi tqassim “inadegwat” tal-użu tal-art.

    19

    Wara li ressaq proċeduri mingħajr suċċess quddiem l-Oberlandesgericht Karlsruhe in Freiburg (qorti tal-appell), E. Stamm talab, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikonoxximent tal-validità tal-qbiela konkluża ma’ A. Hauser. Skont din il-qorti, minħabba li, f’dan il-każ, bdiewa Ġermanizi li xtaqu jestendu l-attività tagħhom xtaqu jieħdu l-artijiet kkonċernati bi qbiela, l-imsemmija qbiela għandha, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija, tiġi annullata.

    20

    Il-qorti tar-rinviju tfakkar, madankollu, li ma jkunx possibbli li tiġi segwita din il-ġurisprudenza jekk l-obbligu li jiġi żgurat it-trattament ugwali previst fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim jkun japplika mhux biss għall-“persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-anness, imma wkoll għall-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi anness. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun eskluż li l-bdiewa full-time Svizzeri li n-negozju tagħhom huwa stabbilit fl-Isvizzera jiġu kkunsidrati li mhumiex bdiewa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-LpachtVG. Għall-kuntrarju, ikollu jingħatalhom trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-bdiewa full-time Ġermaniżi.

    21

    Billi qies li l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Ftehim hija neċessarja għalih sabiex jagħti d-deċiżjoni tiegħu, il-Bundesgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 15(1) ta’ l-Anness I tal-Ftehim […] jimponi, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għat-twettiq tagħha, li jingħata, fil-pajjiż ospitanti, trattament mhux anqas favorevoli minn dak li jingħata liċ-ċittadini tiegħu stess fil-każ biss ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Anness I tal-Ftehim, jew dan huwa validu wkoll għall-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom fis-sens ta’ l-Artikolu 13(1) ta’ l-Anness I tal-Ftehim?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    22

    Ir-Regierungspräsidium Freiburg isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissbbli, minħabba li d-domanda magħmula mhijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Huwa jikkunsidra li E. Stamm la huwa “persuna li taħdem għal rasha” u lanqas “ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu” li jaqa’ taħt l-Anness I tal-Ftehim u li bidwi li n-negozju tiegħu huwa stabbilit fl-Isvizzera u li jillimita ruħu li jaħdem art agrikola fil-Ġermanja qabel ma jimporta fl-Isvizzera, b’eżenzjoni mid-dazju, il-prodotti agrikoli mkabbra fuq dawn l-artijiet, ma jaqa’ fl-ebda każ, indipendentement miċ-ċittadinanza tiegħu, taħt l-Artikoli 12 jew 13 tal-imsemmi anness.

    23

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tesprimi wkoll riżervi rigward ir-rilevanza tad-domanda magħmula. Fil-fatt, hija tissottometti li ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu għandu jkun stabbilit fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, kif jipprovdi b’mod ġenerali u għall-persuni kollha li jaħdmu għal rashom l-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-Ftehim. Fid-dawl tal-fatt li ma jirriżultax mill-proċess li E. Stamm għandu t-tieni negozju stabbilit fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li bih huwa jintegra ruħu fil-ħajja ekonomika Ġermaniża u jindirizza ruħu liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li l-persuna kkonċernata tista’ tiġi kkunsidrata li mhijiex stabbilita fil-Ġermanja u li m’għandhiex l-istatus ta’ “ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu” fis-sens tal-Ftehim.

    24

    Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

    25

    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija responsabbli sabiex tiddefinixxi, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C-300/01, Ġabra p. I-4899, punti 29 u 31, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, u van der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    26

    Issa l-qorti tar-rinviju kklassifikat, b’mod inekwivoku, lil E. Stamm bħala “ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu”.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim m’għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li tibbenefika minnha t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax titwarrab minħabba l-oġġezzjonijiet ifformulati mir-Regierungspräsidium Freiburg u mill-Kummissjoni.

    28

    Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    29

    Preliminarjament, għandu jiġi indikat li l-kuntest tal-kawża prinċipali huwa ddeterminat mit-talba għal deċiżjoni preliminari u li, għalhekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji u relattivi għall-iżvilupp tal-Ftehim li jinsabu fl-Artikolu 10 ta’ dan tal-aħħar u fil-Kapitolu VII tal-Anness I tal-Ftehim ma jagħmlux parti mill-eżami min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    30

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk it-trattament ugwali previst fl-Artikolu 15 tal-Anness I tal-Ftehim huwiex applikabbli għall-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom” imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan l-istess anness.

    31

    Ir-Regierungspräsidium Freiburg isostni li l-prinċipju li skontu għandu jiġi rriżervat trattament mhux inqas favorevoli għall-persuni li jaħdmu għal rashom, previst fl-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim, japplika biss għall-“persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-anness, u mhux għall-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi anness. Huwa jqis li l-interpretazzjoni tiegħu hija kkonfermata mill-iskema ġenerali u mit-termini tal-Ftehim li ma jittrattax b’mod strettament identiku lill-persuni li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, imma li, għall-kuntrarju, jiddistingwi volontarjament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni.

    32

    Tali interpretazzjoni ma tistax, madankollu, tiġi aċċettata.

    33

    Qabel xejn għandu jiġi mfakkar li l-Kapitolu III tal-Anness I tal-Ftehim, intitolat “Persuni li jaħdmu għal rashom”, jinkludi l-Artikoli 12 sa 16 ta’ dan l-anness. L-Artikolu 12 tal-imsemmi anness jirrigwarda l-persuni li jaħdmu għal rashom, jiġifieri ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti stabbiliti jew li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċitaw attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom. L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess anness jirrigwarda l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, kategorija ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li għandhom ir-residenza tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċitaw attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra. L-Artikoli 14 u 15 tal-Anness I tal-Ftehim jirrigwardaw il-mobbiltà professjonali u ġeografika u t-trattament ugwali tal-persuni li jaħdmu għal rashom, rispettivament. L-Artikolu 16 ta’ dan l-anness jipprovdi għall-possibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu rrifjutati d-dritt li jipprattikaw attività li tinvolvi l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

    34

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kapitolu III ma fih l-ebda dispożizzjoni li skontha l-Artikoli 14 sa 16 tal-Anness I tal-Ftehim għandhom jiġu applikati biss għall-“persuni li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 12(1) ta’ dan l-anness, u mhux għall-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tiegħu.

    35

    Fil-fatt, xejn ma jindika, fl-imsemmi Kapitolu III, li l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom ma jibbenefikawx, skont l-Artikolu 14 tal-Anness I tal-Ftehim, mill-mobbiltà professjonali u ġeografika fit-territorju tal-Istat ospitanti u lanqas li ma jistgħux jiġu rrifjutati d-dritt, skont l-Artikolu 16 ta’ dan l-anness, li jipprattikaw attività li tinvolvi l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika f’dan l-Istat. Rigward il-mobbiltà ġeografika, din il-konstatazzjoni tibqa’ valida anke jekk id-dritt għal din tal-aħħar għandu jiġi eżerċitat b’mod li jiġi ppreżervat l-istatus ta’ ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu, kif iddefinit fl-Artikolu 13 tal-imsemmi anness.

    36

    Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tal-Kapitolu III tal-Anness I tal-Ftehim ma tindika, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali previst fl-Artikolu 15 ta’ dan l-anness, li l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jibbenefikaw minn dan il-prinċipju.

    37

    Fid-dawl tal-fatt li la t-termini tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-Anness tal-Ftehim u lanqas l-iskema ġenerali ta’ dan il-kapitolu ma jipprovdu elementi li fuq il-bażi tagħhom tista’ tiġi eskluża l-applikabbiltà tal-Artikoli 14 sa 16 ta’ dan l-anness għall-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, ma jistax jiġi sostnut li dawn tal-aħħar, previsti fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi anness, mhumiex ikkunsidrati bħala persuni li jaħdmu għal rashom, fil-kuntest tal-imsemmi kapitolu, bl-istess mod bħall-persuni li għalihom japplika l-Artikolu 12 ta’ dan l-istess anness.

    38

    Din il-konstatazzjoni hija sostnuta bl-Artikolu 15(2) tal-Anness I tal-Ftehim, li jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija [fil-Kapitolu III]”. Minħabba li dan il-paragrafu jirreferi għall-“persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija” f’dan il-kapitolu, u mhux għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija fl-Artikolu 12 tal-imsemmi anness, il-partijiet fil-Ftehim ma kellhomx l-intenzjoni li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà, għal dawn tal-aħħar, tal-Artikoli 14 sa 16 tal-Anness I tal-Ftehim. Għall-kuntrarju, din iċ-ċirkustanza turi li l-mobbiltà professjonali u ġeografika, it-trattament ugwali kif ukoll il-possibbiltà li ċerti persuni jiġu esklużi mill-prattika ta’ attività li tinvolvi l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, previsti f’dawn l-aħħar artikoli, japplikaw mingħajr distinzjoni għall-persuni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ dan l-anness, minn naħa, u għal dawk imsemmija fl-Artikolu 13 tal-imsemmi anness, min-naħa l-oħra.

    39

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll, bħalma ssostni l-Kummissjoni, li l-Ftehim jiddistingwi lill-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom biss f’artikolu wieħed u għal skopijiet partikolari, jiġifieri sabiex jistabbilixxi modalitajiet aktar favorevoli fil-konfront tagħhom fir-rigward tad-dritt ta’ residenza. Fil-fatt, kuntrarjament għall-persuni l-oħra li jaħdmu għal rashom, imsemmija fl-Artikolu 12 tal-Anness I tal-Ftehim, il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom m’għandhomx bżonn permess ta’ residenza. Huwa ċar li l-partijiet fil-Ftehim, li ffavorixxew lill-ħaddiema transkonfinali, ma setax kellhom l-intenzjoni li jiżvantaġġaw lil dawn tal-aħħar f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    40

    It-teżi sostnuta minn E. Stamm, li skontha l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-iskema ġenerali tal-Kapitoli II u III tal-Anness I tal-Ftehim, mill-għanijiet ġenerali ta’ dan tal-aħħar kif ukoll mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 25 ta’ dan l-anness.

    41

    L-ewwel nett, l-analiżi strutturali tal-Kapitoli II u III tal-Anness I tal-Ftehim, intitolati “Ħaddiema impjegati” u “Persuni li jaħdmu għal rashom”, rispettivament, turi li l-kostruzzjoni ta’ dawn il-kapitoli hija identika.

    42

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kapitolu II ta’ dan l-anness fih, fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema impjegati kif ukoll dawk dwar il-ħaddiema transkonfinali impjegati, rispettivament, u li, fl-Artikoli 8 sa 10 tal-imsemmi anness, huma stabbiliti l-prinċipji ta’ mobbiltà prefessjonali u ġeografika, ta’ trattament ugwali kif ukoll il-possibbiltà li l-impjegati jiġu esklużi mid-dritt li jokkupaw ċerti impjiegi fl-amministrazzjoni pubblika. Dan il-kapitolu ma jinkludi l-ebda element li jindika li dawn il-prinċipji u din il-possibbiltà japplikaw mhux għall-ħaddiema transkonfinali impjegati, imma biss għall-ħaddiema impjegati. Ma teżisti l-ebda dispożizzjoni f’dan il-kapitolu, li fuq il-bażi tagħha jista’ jiġi sostnut li l-ħaddiema transkonfinali impjegati ma jibbenefikawx mill-mobbiltà professjonali u ġeografika, bil-kundizzjoni li jippreżervaw dan l-istatus, kif ukoll mit-trattament ugwali, jew li mhemmx lok, jekk ikun il-każ, li jiġu rrifjutati impjieg fl-amministrazzjoni pubblika.

    43

    Mill-fatt li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkonċerna kemm il-ħaddiema impjegati kif ukoll il-ħaddiema transkonfinali impjegati, minn naħa, u mill-fatt li l-iskema ġenerali tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-Ftehim u dik tal-Kapitolu III ta’ dan l-anness huma analogi, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-partijiet fil-Ftehim ma ridux joħolqu distinzjoni bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà, għal dawn tal-aħħar, tal-imsemmi prinċipju.

    44

    It-tieni nett, rigward l-iskop tal-Ftehim, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 1(a) u (d) tiegħu, l-għanijiet ta’ dan il-ftehim huma b’mod partikolari l-għoti, liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità u tal-Konfederazzjoni Svizzera, dritt ta’ stabbiliment bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ għajxien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali. Issa, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-għanijiet jintħalqu biss b’mod parzjali jekk il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, meta jeżerċitaw l-attività tagħhom, ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet partikolari li ma japplikawx għall-persuni l-oħra li jaħdmu għal rashom.

    45

    Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti, li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, ma jistgħux, skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim, ikunu s-suġġett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tal-Ftehim, ta’ diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.

    46

    L-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikoli 12, 13 u 15 tal-Anness I tal-Ftehim, fid-dawl tal-Artikoli 1(a) u (d) u 2 ta’ dan tal-aħħar, ma tippermettix, għalhekk, li l-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom jiċċaħħdu minn trattament mhux inqas favorevoli fl-Istat ospitanti minn dak mogħti minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini tiegħu, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

    47

    It-tielet nett, rigward il-Kapitolu VI tal-Anness I tal-Ftehim, intitolat “Xiri ta’ immobbli”, għandu jiġi kkonstatat li l-artikolu uniku li jikkostitwixxi dan il-kapitolu, jiġifieri l-Artikolu 25 ta’ dan l-anness, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li ħaddiem transkonfinali jibbenefika mill-istess drittijiet bħal ċittadin nazzjonali f’dak li jikkonċerna x-xiri ta’ immobbli li jservu għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

    48

    Anke jekk l-artikolu ċċitat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jkoprix il-qbiela, il-partijiet kontraenti ma setgħux jipprospettaw li jirriżervaw għal dawn il-kuntratti trattament inqas favorevoli minn dak mogħti għax-xiri ta’ immobbli, li normalment jiggarantixxi tgawdija iktar wiesgħa mid-drittijiet reali kkonċernati.

    49

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, skont l-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim, parti kontraenti għandha tagħti lill-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ dan l-anness, tal-parti kontraenti l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat ospitanti, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    50

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Skont l-Artikolu 15(1) tal-Anness I tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, parti kontraenti għandha tagħti lill-“ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ dan l-anness, tal-parti kontraenti l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha fl-Istat ospitanti, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.

    Top