Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0003

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-1 ta' Ottubru 2009.
Ketty Leyman vs Institut national d'assurance maladie-invalidité (INAMI).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal du travail de Nivelles - il-Belġju.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Skemi ta’ siġurtà soċjali - Benefiċċji ta’ invalidità - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 40(3) - Skemi differenti ta’ benefiċċji fl-Istati Membri - Żvantaġġi għall-ħaddiema migranti - Kontribuzzjonijiet mingħajr ebda ritorn.
Kawża C-3/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09085

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:595

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Skemi ta’ sigurtà soċjali — Benefiċċji ta’ invalidità — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 40(3) — Skemi differenti ta’ benefiċċji skont l-Istati Membri — Żvantaġġi għall-ħaddiema migranti — Kontribuzzjonijiet mingħajr ebda ritorn”

Fil-Kawża C-3/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal du travail de Nivelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura

Ketty Leyman

vs

Institut national d’assurance maladie-invalidité (INAMI),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Diċembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Leyman, minn E. Piret, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Veiga u D. Canga Fano, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Hoof u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-Artikolu 40(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Lulju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar il-benefiċċji ta’ invalidità.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Leyman, ċittadina Belġjana, u l-Institut national d’assurance maladie-invalidité (INAMI) dwar id-data minn meta hija intitolata għall-benefiċċju ta’ invalidità.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita [tkun residenti] fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah[a] huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

4

L-Artikolu 37 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi:

“1.   Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li kienet suċċessivament jew b’mod alternattiv suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ żewġ jew iktar Stati Membri u li kompliet perjodi ta’ assigurazzjoni esklussivament taħt leġislazzjoni skond liema l-ammont ta’ benefiċċji għall-invalidità huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi ta’ assigurazzjoni tirċievi benefiċċji skond l-Artikolu 39. Dan l-Artikolu ma jaffettwax iż-żidiet jew is-supplimenti tal-pensjoni fejn jidħlu t-tfal, mogħtija skond il-Kapitolu 8.

2.   L-Anness VI, il-Parti A, jillistja legislazzjonijiet tat-tip imsemmija fil-paragrafu 1 li huma fis-seħħ fit-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati”

5

L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha li kienet suċċessivament jew alternattivament suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, […] li għallinqas waħda mhix tat-tip li għalih saret referenza fl-Artikolu 37(1), tirċievi benefiċċji taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 3, li japplika mutatis mutandis, waqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

2.   Madankollu, persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li ġġarrab inkapaċità waqt ix-xogħol li twassal għall-invalidità waqt li tkun suġġetta għal-leġislazzjoni mniżżla fl-Anness IV, il-Parti A, tirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 37(1) fuq dawn il-kondizzjonijiet:

li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni jew ta’ leġislazzjonijiet oħra ta’ l-istess tip, waqt li tittieħed konsiderazzjoni ta’ l-Artikolu 38, imma mingħajr ma tirrikorri għall-perjodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt leġislazzjoni li mhix imniżżla fl-Anness IV, il-Parti A, u

li hija ma tissodisfax il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji ta’ l-invalidità taħt leġislazzjoni li mhix imniżżla fl-Anness IV, il-Parti A, u

li hija ma ssostni ebda dritt għall-benefiċċji tax-xjuħija, bit-teħid inkonsiderazzjoni tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 44(2).

a)

Għall-iskop ta’ l-istabbiliment tad-dritt għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mniżżla fl-Anness IV, il-Parti A, li tikkondizzjona l-għoti tal-benefiċċji għall-invalidità fuq li l-persuna kkonċernata li tkun irċeviet benefiċċji fi flus għall-mard jew li ma kinetx kapaċi għax-xogħol waqt perjodu speċifiku, fejn persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni ġġarrab inkapaċità fuq ix-xogħol li twassal għal invalidità waqt li tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, waqt li tingħata konsiderazzjoni [ta’] dan li ġej, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37(1):

i)

kwalunkwe perjodu li matulu, fejn tidħol dik l-inkapaċità waqt ix-xogħol, hija rċeviet, taħt il-leġislazzjoni tat-tieni Stat Membru, benefiċċji għall-mard fi flus, jew, minflok dan, kompliet tieħu paga jew salarju;

ii)

kwalunkwe perjodu li, fejn tidħol l-invalidità li segwiet dik l-inkapaċità waqt ix-xogħol, hija rċeviet benefiċċji fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan il-Kapitolu 2 u tal-Kapitolu 3 li jsegwi, tar-Regolament mogħtija fejn tidħol l-invalidità taħt il-leġislazzjoni tat-tieni Stat Membru,

bħallikieku kien perjodu matul liema tħallset benefiċċji fi flus għall-mard taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jew matul liema ma kinitx kapaċi għax-xogħol fl-ambitu tat-tifsira ta’ dik il-leġislazzjoni.

b)

Id-dritt għall-benefiċċji ta’ l-invalidità taħt il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru jkun akkwistat jew ma l-għeluq tal-perjodu preliminari tal-kumpens għall-mard, kif mitlub minn dik il-leġislazzjoni, jew ma l-għeluq tal-perjodu preliminari ta’ l-inkapaċità għax-xogħol kif mitlub minn dik il-leġislazzjoni, imma mhux qabel:

i)

id-data ta’ l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji ta’ l-invalidità li għalihom saret riferenza fis-sottoparagrafu (a)(ii) taħt il-leġislazzjoni tat-tieni Stat Membru,

jew

(ii)

il-jum ta’ wara l-aħħar jum li fih il-persuna kkonċernata hija intitolata għall-benefiċċji tal-mard fi flus taħt il-leġislazzjoni tat-tieni Stat Membru.

4.   Deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni ta’ Stat Membru dwar il-grad ta’ l-invalidità da parti ta’ min jitlobha tkun torbot fuq l-istituzzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, basta li l-konkordanza bejn il-leġislazzjoni ta’ dawn l-Istati fuq il-kondizzjonijiet marbuta mal-grad ta’ l-invalidità tkun magħrufa fl-Anness V.”

6

Il-Parti A tal-Anness IV tar-Regolament Nru 1408/71 issemmi l-iskema ġenerali ta’ invalidità Belġjana fost il-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ tat-tip koperti mill-Artikolu 37(1) ta’ dan ir-regolament iżda ma ssemmix l-iskema Lussemburgiża.

7

L-Anness V tal-istess regolament jirrikonoxxi l-konkordanza bejn l-iskema ġenerali ta’ invalidità Belġjana u l-iskema ta’ invalidità ta’ ħaddiema u impjegati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istat ta’ invalidità.

Il-leġiżlazzjoni Belġjana u dik Lussemburgiża

8

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87 tal-Liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1994, dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tal-kura medika u tal-benefiċċji tal-mard (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994”):

“Il-benefiċjarju […] li huwa inkapaċi għax-xogħol […] jirċievi għal kull jum ta’ xogħol matul perijodu ta’ sena mid-data tal-bidu tal-inkapaċità tiegħu għax-xogħol […] kumpens imsejjaħ ‘benefiċċju ta’ inkapaċità primarja’.”

9

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93 tal-Liġi tal-1994:

“Jekk l-inkapaċità għax-xogħol testendi lil hinn mill-perijodu ta’ inkapaċità primarja, il-benefiċjarju jirċievi, għal kull jum ta’ xogħol tal-inkapaċità għax-xogħol […], benefiċċju msejjaħ “benefiċċju ta’ invalidità”.”

10

Skont id-dritt Belġjan, il-pensjoni ta’ invalidità hija indipendenti mit-tul tal-perijodu ta’ assigurazzjoni.

11

Skont id-dritt Lussemburgiż, jekk l-inkapaċità għax-xogħol hija rikonoxxuta bħala definittiva jew permanenti, il-persuna kkonċernata tkun intitolata għad-dritt għal pensjoni ta’ invalidità mill-ewwel jum tal-waqfien tal-attività professjonali. L-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità huwa marbut mat-tul tal-perijodu ta’ assigurazzjoni.

12

Il-Ftehim Belġju-Lussemburgu dwar is-Sigurtà Soċjali għall-Ħaddiema tal-Fruntiera u l-Protokoll Finali, iffirmati f’Arlon fl-24 ta’ Marzu 1994 u approvati mil-Liġi tat-28 ta’ April 1995 (Moniteur belge tas-7 ta’ Ġunju 1995, p. 16139; ‘the 1994 Agreement’), jipprevedi, għall-ħaddiema tal-fruntiera, il-ħlas ta’ benefiċċju ta’ invalidità Belġjan qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ inkapaċità primarja.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

K. Leyman kienet impjegata fil-Belġju mill-1971 sal-2003. Mill-1999, hija kienet residenti fil-Lussemburgu u, mill-bidu ta’ Awwissu 2003, hija kienet suġġetta għas-sistema ta’ sigurtà soċjali Lussemburgiża.

14

Fit-8 ta’ Lulju 2005, l-awtoritajiet Lussemburgiżi rrikonoxxew li K. Leyman ma kinitx kapaċi taħdem għall-perijodu mit-8 ta’ Lulju 2005 sad-29 ta’ Frar 2012, id-data minn meta kienet intitolata għal pensjoni ta’ rtirar. Għalhekk ingħatalha benefiċċju ta’ invalidità għall-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fil-Lussemburgu. L-ammont ta’ kull xahar tal-pensjoni mogħtija mill-istituzzjoni Lussemburgiża lil K. Leyman huwa ta’ EUR 322.83.

15

Fuq talba għal benefiċċji minħabba invalidità li saret minn K. Leyman għall-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati fil-Belġju, l-INAMI, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2006, taha tali benefiċċju għal ammont ta’ EUR 737.10 fix-xahar, b’effett mit-8 ta’ Lulju 2006, b’mod konformi, skont l-imsemmi istitut, mal-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 u mal-Artikolu 93 tal-Liġi tal-1994.

16

K. Leyman ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-INAMI, u talbet li l-ħlas tal-benefiċċju ta’ invalidità mogħti lilha b’dan il-mod jingħatalha b’effett mit-8 ta’ Lulju 2005.

17

Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunal de travail du Nivelle ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Artikolu 93 [tal-Liġi tal-1994] imorru kontra l-Artikolu 18 tat-Trattat KE sa fejn, fil-każ ta’ ħaddiem li jirrisjedi u jaħdem f’pajjiż tat-tip A (fil-każ preżenti, il-Belġju) u li sejjer jistabbilixxi ruħu f’pajjiż tat-tip B (f’dan il-każ, il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu), ma jippermettux, matul l-ewwel sena ta’ inkapaċità għax-xogħol, li jingħata benefiċċju li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ xogħol u ta’ kontribuzzjoni fil-pajjiż tat-tip A (il-Belġju)?

2)

L-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Artikolu 93 [tal-Liġi tal-1994] imorru kontra l-Artikolu 18 tat-Trattat KE sa fejn, fil-każ ta’ ħaddiem li jirrisjedi u jaħdem f’pajjiż tat-tip A (f’din il-kawża, il-Belġju) u li sejjer jistabbilixxi ruħu f’pajjiż tat-tip B (f’din il-kawża, il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu), joħolqu diskriminazzjoni kontra l-ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi ma jippermettux, matul l-ewwel sena ta’ inkapaċità għax-xogħol, li jingħata benefiċċju li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ xogħol u ta’ kontribuzzjoni fil-pajjiż tat-tip A (il-Belġju)?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirreferu għall-Artikolu 18 KE, sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikoli 39 KE u 42 KE.

19

Fil-fatt, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizza jirriżulta li K. Leyman stabbiliet ruħha fil-Lussemburgu sabiex taħdem hemm bħala impjegata.

20

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, huwa espress b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 66, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix, C-287/05, Ġabra p. I-6909, punt 61).

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi magħmula għandhom jinftiehmu fis-sens li essenzjalment qegħdin jistaqsu jekk l-Artikoli 39 KE u 42 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kundizzjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 93 tal-Liġi tal-1994, stabbilita skont l-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn din il-kundizzjoni twassal sabiex persuna, bħal K. Leyman, li, wara li ħadmet u għexet fit-territorju tar-Renju tal-Belġju — Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija tat-tip A — stabbiliet ruħha fi Stat Membru ieħor, li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija tat-tip B, tkun imċaħħda minn kull benefiċċju mingħand l-istituzzjoni kompetenti tal-ewwel Stat Membru matul l-ewwel sena ta’ inkapaċità għax-xogħol u sa fejn din il-kundizzjoni b’hekk toħloq diskriminazzjoni kontra l-ħaddiem li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu.

22

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar qabel kollox li r-Regolament Nru 1408/71, bil-għan li jkun hemm koordinazzjoni fl-iskemi ta’ assigurazzjoni tal-invalidità fl-Istati Membri, jagħmel distinzjoni skont jekk il-ħaddiem kienx suġġett esklużivament għal leġiżlazzjonijiet li jipprovdu li l-ammont tal-benefiċċji huwa indipendenti mit-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni (leġiżlazzjoni msejħa tat-“tip A”) — sitwazzjoni msemmija fl-Artikoli 37 sa 39 ta’ dan ir-regolament — jew jekk il-ħaddiem kienx suġġett esklużivament għal leġiżlazzjonijiet li jipprovdu li l-ammont tal-benefiċċji jiddependi minn dan it-tul (leġiżlazzjoni msejħa tat-“tip B”), jew għal leġiżlazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ tipi, sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 40 tal-istess regolament.

23

Il-ħaddiema li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1408/71 jirċievu benefiċċji ta’ invalidità skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar l-età u l-mewt, li japplikaw b’analoġija.

24

Għalkemm is-sistema prevista għall-ħaddiema li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikoli 37 sa 39 tar-Regolament Nru 1408/71 tfisser, għal dak li jirrigwarda din il-kawża, li jkun hemm biss Stat Membru wieħed li jiddetermina, skont is-sistema legali tiegħu, id-dritt għall-benefiċċji ta’ invalidità u li jħallas dawn il-benefiċċji, is-sistema prevista għall-ħaddiema li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 40 ta’ dan ir-regolament tfisser, fil-prinċipju, li l-benefiċċji ta’ invalidità għandhom ikunu likwidati fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet kollha li għalihom il-ħaddiem kien suġġett u li, jekk ikun il-każ, dan tal-aħħar jirċievi minn kull Stat Membru kkonċernat benefiċċju ta’ invalidità kkalkulat, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 46 tal-istess regolament, abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu.

25

Fil-kawża prinċipali, peress li r-rikorrenti kienet suġġetta għal leġiżlazzjoni tat-tip A, jiġifieri l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-invalidità Belġjana, u għal leġiżlazzjoni tat-tip B, jiġifieri l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-invalidità Lussemburgiża, l-operazzjonijiet ta’ kalkolu u ta’ likwidazzjoni saru, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1408/71, mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani u Lussemburgiżi, liema awtoritajiet iddeterminaw l-ammont ta’ kull xahar tal-benefiċċju ta’ invalidità dovut rispettivament minnhom, li, barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

26

Madankollu, dawn tal-aħħar ma jaqblux dwar id-data li minnha kellu jitħallas il-benefiċċju ta’ invalidità dovut fil-Belġju.

Fuq l-iskema ta’ assigurazzjoni tal-mard u tal-invalidità Belġjana u l-benefiċċju ta’ inkapaċità primarja

27

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-Gvern Belġjan, jirriżulta li s-sistema fis-seħħ fil-Belġju torganizza l-assigurazzjoni tal-mard u l-assigurazzjoni tal-invalidità fi skema waħda, b’tali mod li l-ħaddiem li jkun sar inkapaċi għax-xogħol l-ewwel jaqa’ taħt skema dwar inkapaċità temporanja u mbagħad, wara li jkun għadda ċertu żmien biss, ikun suġġett għal skema maħsuba sabiex tkopri l-inkapaċità totali jew parzjali fit-tul, jekk mhux permanenti.

28

B’mod partikolari, fil-Belġju, ħaddiem li jkun inkapaċi għax-xogħol huwa l-ewwel kopert minn skema ta’ assigurazzjoni tal-mard għal perijodu ta’ sena, li matulu huwa jirċievi l-benefiċċju magħruf bħala l-benefiċċju ta’ “inkapaċità primarja”. Sussegwentement, jiġifieri wara li jagħlaq l-imsemmi perijodu, jekk il-ħaddiem ikun għadu jsofri minn inkapaċità għax-xogħol, huwa jkun suġġett għal skema ta’ assigurazzjoni tal-invalidità u jirċievi benefiċċju ta’ invalidità.

29

Għalhekk, din is-sistema ma tagħmilx distinzjoni mill-perspettiva tal-kundizzjoni tal-ħaddiem bejn inkapaċità temporanja, bħall-mard, minn naħa, u inkapaċità permanenti, bħall-invalidità, min-naħa l-oħra. L-inkapaċità temporanja u l-invalidità huma distinti biss mill-fatt li din tal-aħħar hija estensjoni lil hinn minn sena tas-sitwazzjoni ta’ inkapaċità tal-ħaddiem.

30

Għall-kuntrarju, is-sistema Lussemburgiża tagħmel distinzjoni bejn l-assigurazzjoni tal-mard u l-assigurazzjoni tal-invalidità b’tali mod li, jekk il-ħaddiem huwa rikonoxxut li għandu inkapaċità temporanja, huwa jkun kopert mill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-mard li tintitolah għall-benefiċċji tal-mard, filwaqt li, jekk huwa rikonoxxut li għandu inkapaċità definittiva jew permanenti, huwa jkun kopert minn skema ta’ assigurazzjoni tal-invalidità li tintitolah għall-benefiċċji ta’ invalidità.

31

Minn dan isegwi li, fis-sistemi li fihom l-assigurazzjoni tal-mard u l-assigurazzjoni tal-invalidità huma magħquda, bħas-sistema Belġjana, mhuwiex previst ir-rikonoxximent ta’ invalidità mingħajr ma jkun hemm perijodu minn qabel ta’ inkapaċità, u li, għalhekk, tali rikonoxximent mogħti fi Stat Membru ieħor, bħall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, joħloq diffikultajiet fil-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fil-każijiet fejn, bħal fil-kawża prinċipali, ikollhom isiru l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni skont is-sistemi differenti billi jiġu applikati r-regoli tal-Artikoli 40 u 46 tar-Regolament Nru 1408/71.

32

Fil-fatt, għalkemm, taħt il-liġi Lussemburgiża, il-persuna kkonċernata tkun intitolata għad-dritt għall-benefiċċju ta’ invalidità mill-ewwel jum tal-inkapaċità għax-xogħol, taħt il-liġi Belġjana, tali benefiċċju jibda jitħallas biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ sena, li matulu l-ħaddiem residenti fil-Belġju li jkun inkapaċi għax-xogħol jirċievi l-benefiċċju ta’ inkapaċità primarja.

33

Issa, f’tali sitwazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti Belġjani jikkunsidraw li l-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna kkonċernata tkun intitolata għad-dritt għall-benefiċċju ta’ invalidità Belġjan wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ inkapaċità primarja ta’ sena. Barra minn hekk, l-imsemmija awtoritajiet ma jagħtux benefiċċju lill-ħaddiem għal din l-inkapaċità tal-aħħar.

Fuq l-Artikolu 40(3)tar-Regolament Nru 1408/71

34

Għandu jingħad li l-Artikolu 40(3) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri l-każ ta’ ħaddiem li kien suġġett fi Stat Membru għal leġiżlazzjoni tat-tip A, li tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ invalidità għall-kundizzjoni li, matul perijodu speċifikat, il-ħaddiem ikun irċieva benefiċċji fi flus għall-mard jew kien inkapaċi għax-xogħol, meta l-imsemmi ħaddiem ikollu inkapaċità għax-xogħol segwita minn invalidità waqt li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

35

Il-koordinazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tipprovdi, fl-ewwel lok, għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun irċieva, taħt il-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru, jew benefiċċji fi flus għall-mard, jew kompla jirċievi paga jew salarju għal inkapaċità tax-xogħol, jew benefiċċji għall-invalidità li segwiet din l-inkapaċità għax-xogħol, bħallikieku kien perijodu li matulu benefiċċji fi flus għall-mard tħallsu lilu taħt il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru jew li matulu kien inkapaċi għax-xogħol fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni (Artikolu 40(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71).

36

Fit-tieni lok, huwa previst li l-persuna kkonċernata tkun intitolata għall-benefiċċji ta’ invalidità taħt il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru jew mal-iskadenza tal-perijodu minn qabel ta’ benefiċċji tal-mard jew mal-iskadenza tal-perijodu minn qabel ta’ inkapaċità għax-xogħol, kif meħtieġ minn din il-leġiżlazzjoni, iżda mhux qabel id-data minn meta tkun intitolata għall-benefiċċji għall-invalidità li segwiet l-inkapaċità għax-xogħol, skont il-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru, jew il-jum li jiġi eżatt wara l-aħħar jum meta l-persuna kkonċernata kienet intitolata għall-benefiċċji fi flus għall-mard taħt il-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru (l-Artikolu 40(3)(b) tal-imsemmi regolament).

37

Għalhekk hemm żewġ tipi differenti ta’ regoli ta’ koordinazzjoni.

38

Minn naħa, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 40(3)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 tgħaqqad u tiġbor flimkien il-ġrajjiet li seħħew matul il-perijodi kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni tat-tieni Stat Membru sabiex ikun aċċertat jekk il-kundizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru sabiex il-persuna kkonċernata tkun intolata għall-benefiċċji ta’ invalidità humiex sodisfatti.

39

Min-naħa l-oħra, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi limitu ta’ żmien sabiex il-persuna kkonċernata tkun intolata għall-benefiċċji ta’ invalidità fl-ewwel Stat Membru, billi tirrikonoxxi, b’mod partikolari, il-possibbiltà ta’ dan l-Istat Membru li jissuġġetta l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għall-iskadenza ta’ perijodu minn qabel, li matulu l-persuna kkonċernata jew kienet inkapaċi għax-xogħol jew irċeviet benefiċċji fi flus għall-mard, possibbiltà li l-leġiżlatur Belġjan uża meta pprovda, fl-Artikolu 93 tal-Liġi tal-1994, għall-iskadenza ta’ perijodu ta’ inkapaċità primarja ta’ sena qabel mal-persuna kkonċernata tkun intolata għal tali benefiċċji.

Fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema

40

Rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 42 KE jħalli li jkun hemm differenzi bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali fid-diversi Stati Membri u, għaldaqstant, bejn id-drittijiet tal-persuni li jaħdmu fihom. Għalhekk, id-differenzi sostanzjali u proċedurali bejn dawn is-sistemi mhumiex affettwati mill-Artikolu 42 KE (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1991, Rönfeldt, C-227/89, Ġabra p. I-323, punt 2, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, van Munster, C-165/91, Ġabra p. I-4661, punt 18).

41

Madankollu, huwa paċifiku li l-għan tal-Artikolu 39 KE ma jintlaħaqx jekk, wara l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal moviment liberu, il-ħaddiema migranti jitilfu l-vantaġġi tas-sigurtà soċjali li huma ggarantiti lilhom mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Tali riżultat jista’ fil-fatt jiskoraġġixxi lill-ħaddiema Komunitarji milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu u għalhekk jikkostitwixxi xkiel għal din il-libertà (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1991, Paraschi, C-349/87, Ġabra p. I-4501, punt 22, u van Munster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

42

F’din il-kawża, iżda, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikoli 87 u 93 tal-Liġi tal-1994 ma jagħmlux distinzjoni bejn il-ħaddiema li jkunu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom u dawk li ma eżerċitawhiex, l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli twassal madankollu għal żvantaġġ matul l-ewwel sena għall-ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali meta mqabbla mal-ħaddiema li jkunu wkoll inkapaċi b’mod definittiv jew permanenti iżda ma eżerċitawx il-libertà ta’ moviment tagħhom.

43

Fil-fatt, għalkemm dawn il-ħaddiema tal-aħħar huma intitolati għall-benefiċċju ta’ inkapaċità primarja fil-Belġju, K. Leyman la hija intitolata għal dan il-benefiċċju u lanqas għal xi benefiċċju simili ieħor fil-Lussemburgu peress li diġà tirċievi benefiċċju ta’ invalidità f’dan l-aħħar Stat Membru.

44

Barra minn hekk, sa fejn il-ħlas tal-benefiċċju ta’ invalidità għall-perijodi ta’ xogħol u ta’ kontribuzzjonijiet ikkompletati fil-Belġju jibda jsir biss wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ inkapaċità primarja ta’ sena, l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 93 tal-Liġi tal-1994, kif speċifikata mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani, twassal sabiex il-ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ K. Leyman ikunu ħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mingħajr ebda ritorn fir-rigward tal-ewwel sena ta’ inkapaċità.

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-Trattat KE ma jiggarantixxix lil ħaddiem li l-estensjoni tal-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed jew li t-trasferiment tagħhom fi Stat Membru ieħor se jkunu mingħajr ebda effett f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, tali estensjoni jew trasferiment jistgħu, skont il-każ, ikunu xi ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għall-ħaddiem fuq il-livell tal-protezzjoni soċjali. Minn dan jirriżulta li, anki fil-każ li l-applikazzjoni tagħha tkun inqas favorevoli, tali leġiżlazzjoni tibqa’ konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 39 KE u 43 KE jekk hija ma tpoġġix fi żvantaġġ lill-ħaddiem ikkonċernat meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika jew meta mqabbel ma’ dawk li kienu diġà preċedentement suġġetti għaliha fl-imsemmi Stat Membru u jekk ma twassalx biss għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjal mingħajr ebda ritorn (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et, C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829, punt 51, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 34).

46

F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, iżda, jekk l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 93 tal-Liġi tal-1994, kif speċifikata mill-awtoritajiet kompetenti Belġjani, twassal għaċ-ċaħda ta’ kwalunkwe benefiċċju lill-ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu matul l-ewwel sena ta’ inkapaċità, għandu jiġi kkonstatat li tali applikazzjoni hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju peress li, minn naħa, dan il-ħaddiem ikun żvantaġġat meta mqabbel ma’ dawk li jinsabu fl-istess stat ta’ inkapaċità definittiva iżda ma eżerċitawx din il-libertà, u, min-naħa l-oħra, hija twassal sabiex jitħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mingħajr ebda ritorn minnhom.

47

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, sa fejn, skont l-Artikolu 40(4) tar-Regolament Nru 1408/71, il-konkordanza tal-kundizzjonijiet dwar l-istat ta’ invalidità bejn l-iskema ġenerali ta’ invalidità Belġjana u l-iskema Lussemburgiża hija rikonoxxuta fl-Anness V tar-Regolament Nru 1408/71, id-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti Lussemburgiżi dwar l-imsemmi stat ta’ invalidità tkun torbot lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti.

48

F’din il-kawża, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-ħaddiem migrant, magħmula bl-istess mod bħalma ssir għall-ħaddiem li mhuwiex migrant, tipproduċi konsegwenzi mhux mistennija u ftit li xejn kompatibbli mal-għan tal-Artikolu 39 KE, konsegwenzi marbuta mal-fatt li d-dritt għall-benefiċċji ta’ invalidità tal-ħaddiem migrant huwa rregolat minn żewġ leġiżlazzjonijiet diverġenti, kif jirriżulta mill-punti 28 sa 33 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza van Munster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

49

Meta jkun hemm leġiżlazzjonijiet diverġenti bħal dawn, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimplementaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jinkiseb l-għan tal-Artikolu 39 KE (ara s-sentenza van Munster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li, skont l-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, tissuġġetta l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji ta’ invalidità għall-iskadenza ta’ perijodu ta’ inkapaċità primarja ta’ sena meta tali applikazzjoni jkollha l-konsegwenza li ħaddiem migrant ikun ħallas lill-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru kontribuzzjonijiet mingħajr ebda ritorn u jkun għalhekk żvantaġġat meta mqabbel ma’ ħaddiem li mhuwiex migrant.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li, skont l-Artikolu 40(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, tissuġġetta l-akkwist tad-dritt għall-benefiċċji ta’ invalidità għall-iskadenza ta’ perijodu ta’ inkapaċità primarja ta’ sena meta tali applikazzjoni jkollha l-konsegwenza li ħaddiem migrant ikun ħallas lill-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru kontribuzzjonijiet mingħajr ebda ritorn u jkun għalhekk żvantaġġat meta mqabbel ma’ ħaddiem li mhuwiex migrant.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top