Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0565

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 6 ta' Lulju 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 43 KE u 49 KE - Avukati - Obbligu li jiġu osservati t-tariffi massimi fir-rigward ta’ onorarji - Ostakolu għall-aċċess għas-suq - Assenza.
    Kawża C-565/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:403

    KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    Mazák

    ippreżentati fis‑6 ta’ Lulju 2010 (1)

    Kawża C‑565/08

    Il–Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir‑Repubblika Taljana

    “Avukati – Onorarji – Obbligu ta’ osservanza tat‑tariffi massimi mandatorji”





    1.        Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna l-leġiżlazzjoni Taljana li tipprevedi, skont il-Kummissjoni Ewropea, tariffi massimi mandatorji għall‑attivitajiet tal-avukati.

    2.        Skont il‑Kummissjoni, l-obbligu tal-avukati li josservaw it-tariffi massimi jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment taħt l-Artikolu 43 KE, kif ukoll restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 49 KE. Billi dan l-imsemmi obbligu jidher li ma huwiex adattat sabiex jiggarantixxi l-għanijiet ta’ interess ġenerali u, f’kull ipoteżi, iktar restrittiv minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, din hija restrizzjoni li ma tistax tiġi ġġustifikata.

    3.        Ir-Repubblika Taljana bbażat id‑difiża tagħha billi sostniet prinċipalment li fis‑sistema ġuridika tagħha, ma jeżistix prinċipju li jipprojbixxi li jinqabżu t‑tariffi massimi applikabbli għall‑attivitajiet tal‑avukati. Huwa biss sussidjarjament li hija ppruvat turi li r‑rekwiżit ta’ limiti massimi tariffarji għandu l‑għan li jiggarantixxi l‑aċċess għall‑ġustizzja, il‑protezzjoni tad‑destinatarji tas-servizzi, kif ukoll l‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

     Il‑kuntest ġuridiku nazzjonali

    4.        B’mod ġenerali, ir‑remunerazzjoni tal‑professjonisti liberi, inkluża dik tal‑avukati, taħt kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, hija rregolata fl‑Artikolu 2233 tal‑Kodiċi Ċivili Taljan, li skontu:

    “Ir‑remunerazzjoni, jekk din ma tkunx miftiehma mill-partijiet u ma tistax tiġi stabbilita skont it-tariffi jew il-prattika fis-seħħ, tiġi stabbilita mill-qorti, wara li tkun semgħet l-opinjoni tal-assoċjazzjoni professjonali li l-fornitur huwa parti minnha.

    F’kull każ, l‑ammont tar‑remunerazzjoni għandu jkun adattat skont l‑importanza tax‑xogħol u d‑dinjità tal‑professjoni.

    Kull ftehim konkluż bejn l‑avukati jew l‑assistenti awtorizzati u l‑klijenti tagħhom li jistabbilixxi r‑remunerazzjoni huwa null, jekk dan ma jkunx bil‑miktub.”

    5.        Id‑dispożittivi li jikkonċernaw partikolarment ir‑remunerazzjoni tal‑avukati huma inklużi fid‑Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1578, tas‑27 ta’ Novembru 1933, li sar il‑Liġi Nru 36, tat‑22 ta’ Jannar 1934, kif emendat sussegwentement (iktar ’il quddiem id‑“Diġriet Leġiżlattiv Irjali”) li jikkostitwixxi t‑test bażi li jirregola l‑professjoni tal‑avukat fl‑Italja.

    6.        Skont l‑Artikolu 57 tad‑Digriet Leġiżlattiv Irjali:

    “Il-kriterji li jiddeterminaw l-onorarji u l-kumpens dovut lill-avukati u lill-‘procuratori’ [ammessi] fil-qasam kriminali u extraġudizzjarju (2) huma stabbiliti kull sentejn b’deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal‑Avukatura. Bl‑istess mod, l‑istabbiliment tal‑onorarji għall‑proċeduri kriminali mressqa quddiem il-qorti ta’ kassazzjoni u l‑Qorti Militari Suprema huwa r‑responsabbiltà tal‑Kunsill Nazzjonali tal Avukatura.

    Id‑deċiżjonijiet li jistabbilixxu l‑kriterji previsti fil‑paragrafu preċedenti għandhom ikunu approvati mill‑Ministeru tal‑Ġustizzja.”

    7.        Il‑kundizzjonijiet applikabbli għall‑kriterji previsti fl‑Artikolu 57 tad- Digriet Leġiżlattiv Irjali huma speċifikati fl‑Artikolu 58 ta’ dan tal-aħħar li huwa fformulat kif jidher hawn taħt:

    “Il‑kriterji previsti fl‑Artikolu preċedenti huma stabbiliti b’relazzjoni mal-valur tal-kawżi u l-grad tal-qorti li għandha tiddeċiedi fuq il-kawża kif ukoll, għall-proċeduri kriminali, b’relazzjoni mat-tul tagħhom.

    Għal kull att jew sensiela ta’ atti, limitu massimu u limitu minimu għandhom jiġu stabbiliti.

    F’oqsma extraġudizzjarji, għandha tiġi kkunsidrata l‑importanza tal‑kawża.”

    8.        Wara li tkun is‑suġġett tad‑deċiżjoni tal‑Kunsill Nazzjonali tal‑Kamra tal-Avukati, f’konformità mal‑Artikolu 57 tad‑Digriet Leġiżlattiv Irjali, it‑tariffa tal‑onorarji tal‑avukati għandha tiġi approvata mill‑Ministru tal‑Ġustizzja, wara opinjoni tal‑Comitato interministeriale dei prezzi (Kumitat Interministerjali tal‑Prezzijiet), taħt l‑Artikolu 14(20) tal‑Liġi Nru 887, tat‑22 ta’ Diċembru 1984, u konsultazzjoni mal‑Consiglio di Stato (il‑Kunsill tal‑Istat), taħt l‑Artikolu 17(3) tal‑Liġi Nru 400, tat‑23 ta’ Awwissu 1988. L‑aħħar digriet ministerjali li jirregola l-onorarji tal‑avukati adottat f’konformità mal‑proċedura prevista hawn fuq huwa d‑Digriet Nru 127 tat‑8 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem id‑“Digriet Ministerjali Nru 127/2004”).

    9.        Għal dak li jikkonċerna l-likwidazzjoni tal-onorarji, l‑Artikolu 60 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jiddisponi li din titwettaq mill-qorti abbażi ta’ dawn il-kriterji, li tikkunsidra wkoll il-gravità u n-numru tal-kwistjonijiet ittrattati. Din il-likwidazzjoni għandha sseħħ fil-limiti massimi u minimi stabbiliti minn qabel. Madankollu, fil-każ ta’ importanza eċċezzjonali, għandha tiġi kkunsidrata n-natura speċjali tal-kontroversja u meta l-valur intrinsiku tas-servizz jiġġustifikah, il-qorti tista’ taqbeż il-limitu massimu ffissat mit-tariffa. Kuntrarjament, hija tista’, meta l-kawża tkun iktar faċli sabiex tiġi ttrattata, tiffissa onorarji inferjuri għal-limitu minimu. Fiż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tal-qorti għandha tkun motivata.

    10.      Għal dak li jikkonċerna l-onorarji pprattikati mill‑avukati fir‑rigward tal‑klijenti tagħhom, l‑Artikolu 61 tad‑Digriet Leġiżlattivi Irjali jiddisponi:

    “L-onorarji ipprattikati mill-avukati fir-rigward tal-klijenti tagħhom, kemm fil-qasam ġudizzjarju u extraġudizzjarju, huma stabbiliti, sakemm ma jkunx hemm ftehim speċjali, fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-gravità u n-numru tal-kwistjonijiet ittrattati.

    Dawn l-onorarji jistgħu, wara li tiġi kkunsidrata n-natura speċjali tal-kawża, il-valur jew ir-riżultat tas-servizz ipprovdut, ikunu ogħla minn dawk ikkalkolati għall-oneru tal-parti kkundannata għall-ispejjeż.

    […]”

    11.      Għal dak li jikkonċerna l-onorarji tal-avukati f’materji ċivili, l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794, tat-13 ta’ Ġunju 1942, dwar l-onorarji tal-avukati għal servizzi ġudizzjarji f’materji ċivili (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 794/1942”), jipprovdi li ma jistgħux ikunu dderogati l-onorarji minimi stabbiliti mit-tariffa għal servizzi ġudizzjarji f’materji ċivili, taħt piena ta’ nullità għal kull ftehim derogatorju.

    12.      L-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn avukati ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, li jimplementa d-Direttiva 77/249/KEE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (3), jipprevedi li “huma dovuti lill-avukati elenkati fl-Artikolu 1, għas- servizzi professjonali mogħtija, l-onorarji u l-kumpens stabbiliti għal materji ġudizzjarji u extraġudizzjarji bil-leġiżlazzjoni dwar il-professjonisti fis-seħħ.”

    13.      Għandu jiġi osservat li, fil-fażi prekontenzjuża ta’ din il-kawża, il-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-remunerazzjoni tal-professjonijiet liberi u għaldaqstant anki tal-avukati, ġiet emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 223, tal-4 ta’ Lulju 2006, li sar il-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006”). L-Artikolu 2 tiegħu, bl-isem “Dispożizzjonijiet urġenti għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi professjonali”, jipprevedi:

    “1. F’konformità mal-prinċipju Komunitarju ta’ kompetizzjoni ħielsa u ma’ dak tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, u sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkollhom għażla effettiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-fakultà li jipparagunaw is-servizzi offerti fuq is-suq, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandhom jiġu mħassra l-liġijiet u r-regolamenti li jipprevedu, fir-rigward tal-professjonijiet liberali u l-attivitajiet intellettwali:

    a) tariffi fissi jew minimi mandatorji u għaldaqstant il-projbizzjoni li jiġi stabbilit kuntrattwalment ħlas li jiddependi mit-twettiq tal-għanijiet imfittxija;

    […]

    2. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet fil-kuntest tad-dipartiment nazzjonali ta’ saħħa pubblika jew ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ dan tal-aħħar, kif ukoll għall-eventwali tariffi massimi stabbiliti minn qabel, b’mod ġenerali, fl-interessi tal-protezzjoni tal-utenti. Il-qorti tipproċedi bil-likwidazzjoni tal-ispejjeż u tal-onorarji, f’każ ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja u assistenza ġudizzjarja, fuq il-bażi ta’ limitu massimu tal-onorarji. Fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-qrati jistgħu jużaw il-limiti massimi meqjusa adatti, bħala kriterju jew bażi ta’ referenza għall-istabbiliment tal-onorarji.

    3. Id-dispożizzjonijiet deontoloġiċi u konvenzjonali kif ukoll il-kodiċi ta’ mġieba li jirreferu għad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adattati mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi professjonali. Fin-nuqqas ta’ dan u sa minn din id-data, ir-regoli kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma f’kull każ nulli.”

     Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    14.      Billi l-leġiżlazzjoni Taljana li tikkonċerna l-attivitajiet extraġudizzjarji ta’ avukat tista’ tkun inkompatibbli mal-Artikolu 49 KE, fit-13 ta’ Lulju 2005 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra fid-19 ta’ Settembru 2005.

    15.      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkompletat f’darbtejn l-analiżi magħmula fl-ittra ta’ intimazzjoni. Fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari, tat-23 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala mhux kompatibbli mal-Artikoli 43 KE u 49 KE id-dispożizzjonijiet Taljani li jistabbilixxu l-obbligu tal-avukati li josservaw tariffi mandatorji għall-attivitajiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji tal-avukati. Ir-Repubblika Taljana wieġbet bl-ittri tad-9 ta’ Marzu 2006, tal-10 ta’ Lulju 2006 u tas-17 ta’ Ottubru 2006.

    16.      Fit-tieni ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari, tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni rreaġixxiet għal-leġiżlazzjoni Taljana l-ġdida f’dan ir-rigward, jiġifieri d-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2007.

    17.      Sussegwentement, b’ittra tat-3 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani informazzjoni dwar kif taħdem is-sistema tar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi mill-avukati. Ir-Repubblika Taljana wieġbet b’ittra tat-28 ta’ Settembru 2007.

    18.      Billi ma kinitx sodisfatta bl-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni bagħtitilha opinjoni motivata fl-4 ta’ April 2008, li fiha hija kkritikatilha l-inkompatibbiltà mal-Artikoli 43 KE u 49 KE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi.

    19.      Minkejja l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Taljani fir-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata tad-9 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors li bih hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi tipprevedi dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw it-tariffi massimi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE u kkundannat ir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

    20.      B’digriet tal-5 ta’ Ġunju 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat lir-Repubblika tas-Slovenja tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    21.      Ir-Repubblika Taljana talbet għal seduta, li nżammet fl-24 ta’ Marzu 2010, fil-preżenza tal-aġenti tar-Repubblika Taljana u tal-Kummissjoni.

     Il-kunsiderazzjonijiet

    22.      It-talba tal-Kummissjoni toriġina mill-premessa li skontha l-leġiżlazzjoni Taljana fiha dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw tariffi massimi. Fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni f’din it-talba li ġew ippreżentati fis-seduta, jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkritikax lir-Repubblika Taljana bl-eżistenza ta’ tariffi massimi mandatorji b’rabta mal-likwidazzjoni tal-ispejjeż mill-qorti, li hija espliċitament prevista fl-Artikolu 60 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, iżda pjuttost l-obbligu li jiġu osservati tali tariffi fir-relazzjoni bejn l-avukat u l-klijent, billi dan l-obbligu jillimita l-libertà li tiġi nnegozjata r-remunerazzjoni tal-avukati.

    23.      Kieku dan kien il-każ, jiġifieri kieku l-leġiżlazzjoni Taljana effettivament fiha dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-avukati l-obbligu li josservaw tariffi massimi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti, ma jkunx diffiċli, l-istess bħas-sentenza Cippola et (4) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet obbligu analogu li jikkonċerna l-osservanza ta’ tariffi minimi bħala li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li din tirrikonoxxi li l-obbligu inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jew tal-libertà ta’ stabbiliment, b’tali mod li għaldaqstant tkun responsabbiltà tar-Repubblika Taljana li tistabbilixxi li din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata b’għanijiet ta’ interess ġenerali.

    24.      Madankollu, ir-Repubblika Taljana tikkontesta preċiżament l-eżistenza ta’ tali obbligu tal-avukati li josservaw tariffi massimi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-klijenti tagħhom. Għal din ir-raġuni, qabel jiġi eżaminat il-punt dwar jekk l-obbligu tal-avukati li josservaw tariffi massimi jikkostitwixxix restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 49 KE, nixtieq qabel xejn nikkunsidra jekk fis-sistema ġuridika Taljana effettivament hemmx dan l-imsemmi obbligu.

    25.      L-ewwel nett, nixtieq infakkar li t-tariffa Taljana għall-attivitajiet tal-avukati li tiffissa, għal kull att jew sensiela ta’ atti, limitu massimu u limitu minimu, diġà ġiet eżaminata tliet darbiet mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel darba kienet fis-sentenza Arduino (5) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-proċedura tal-adozzjoni ta’ tariffa li tiffissa l-limiti minimi u l-limiti massimi fir-rigward tal-Artikoli 10 KE u 81 KE, sabiex tivverifika jekk l-imsemmija tariffa hijiex miżura statali jew deċiżjoni ta’ operatur privat li jintervjeni fil-qasam ekonomiku. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-artikoli msemmija qabel tat-Trattat KE ma pprekludux lil Stat Membru milli jadotta miżura ta’ leġiżlazzjoni jew regolament li tapprova, fuq il-bażi ta’ proġett stabbilit minn ordni professjonali ta’ avukati, tariffa li tiffissa l-limiti minimi u l-limiti massimi tal-onorarji tal-membri ta’ din il-professjoni (6).

    26.      L-istess konstatazzjoni tinsab fis-sentenza Cipolla et (7). F’din sentenza, minbarra l-konformità tat-tariffa Taljana tal-onorarji tal-avukati mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat ukoll il-kwistjoni tar-rabta bejn il-projbizzjoni assoluta li ssir deroga, bi ftehim, mill-onorarji minimi ffissati bl-imsemmija tariffa u l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali projbizzjoni kkostitwixxiet restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li, fil-prinċipju, tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-inkarigu li tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni tissodisfax verament l-għanijiet imsemmija u jekk ir-restrizzjonijiet li timponi jidhrux sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet (8).

    27.      Sussegwentement, fid-digriet Hospital Consulting et (9), il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-konformità tat-tariffa Taljana tal-onorarji tal-avukati mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni. F’din il-kawża, id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu jikkonċernaw il-projbizzjoni tal-qorti, meta tkun qed tiddeċiedi fuq l-ammont tal-ispejjeż li l-parti telliefa għandha tħallas lill-parti l-oħra, li tidderoga mill-onorarji minimi ffissati mill-imsemmija tariffa.

    28.      Fil-fehma tiegħi, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, kemm fis-sentenza Cipolla et u kemm fid-digriet Hospital Consulting et, l-argument tal-Qorti tal-Ġustizzja kien jikkonċerna biss il-projbizzjoni ta’ deroga mill-onorarji minimi. Id-deċiżjonijiet imsemmija ma jsemmu b’ebda mod il-projbizzjoni eventwali ta’ deroga mill-onorarji massimi minkejja l-fatt li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cipolla et, il-qorti tar-rinviju kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-prinċipju tal-projbizzjoni assoluta ta’ deroga mill-onorarji tal-avukati mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (10).

    29.      Meta seħħew il-fatti li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arduino et, Cippola et kif ukoll għad-digriet Hospital Consulting et, iċċitat iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ projbizzjoni ta’ deroga mill-onorarji minimi ma kinitx kontestabbli. Din il-projbizzjoni kienet espliċitament ifformulata fl-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794/1942 u ssanzjonata min-nullità ta’ kwalunkwe ftehim ta’ deroga, kif ukoll fl-Artikolu 4(1) tad-Digriet Ministerjali Nru 127/2004 li skontu ma setgħetx issir deroga mit-tariffi minimi stabbiliti għall-onorarji ta’ avukat (11).

    30.      L-obbligu tal-osservanza ta’ tariffi minimi u, għaldaqstant, in-natura mandatorja tal-imsemmija tariffi, tneħħa bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006 li jidderoga, inkwantu lex posterior, kemm mil-Liġi Nru 794/1942 kif ukoll mid-Digriet Ministerjali Nru 127/2004.

    31.      L-istess bħall-eżistenza tal-projbizzjoni ta’ deroga mill-onorarji minimi meta seħħew il-fatti li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arduino u Cippola et kif ukoll għad-digriet Hospital Consulting et, iċċitat iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ tariffi massimi għall-attivitajiet tal-avukati fil-leġiżlazzjoni Taljana ma hijiex iktar kontestabbli.

    32.      Madankollu, jidher li dan ma huwiex dak li l-Kummissjoni qed toġġezzjona lir-Repubblika Taljana. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkritika n-natura mandatorja tat-tariffi massimi fir-relazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom billi din tikkostitwixxi limitazzjoni tal-libertà kuntrattwali ta’ dawn tal-aħħar. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni tipprojbixxi lill-avukati milli jidderogaw, bi ftehim, mit-tariffi massimi.

    33.      F’dan ir-rigward, tajjeb jitfakkar li r-Repubblika Taljana ma hijiex l-uniku Stat Membru li s-sistema ġuridika tiegħu tipprevedi tariffa li tiffissa limiti minimi u limiti massimi applikabbli għall-onorarji tal-avukati (12).

    34.      Jiena naċċetta li tali tariffa jista’ jkollha rwol ta’ moderatur li jipproteġi l-partijiet f’kawża mill-iffissar ta’ onorarji eċċessivi u li jippermetti li jkunu magħrufa minn qabel l-ispejjeż relatati mas-servizzi pprovduti mill-avukati, speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni eżistenti bejn l-avukati u l-klijenti.

    35.      Kif intqal iktar ’il fuq, in-natura preżuntement mandatorja tat-tariffi massimi li skont il-Kummissjoni huma applikabbli għall-attivitajiet tal-avukati b’mod partikolari taħt l-Artikoli 57 u 58 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794/1942, l-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 31, tad-9 ta’ Frar 1982, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Digriet Ministerjali Nru 127/2004 kif ukoll tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006 hija l-qofol tat-tħassib li esprimiet il-Kummissjoni (13).

    36.      Jiena nqis, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Taljana kif ippreżentata mill-Kummissjoni u kif spjegata sussegwentement mir-Repubblika Taljana kemm fin-noti tagħhom kif ukoll fis-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta, li l-premessa tal-Kummissjoni dwar il-projbizzjoni ta’ deroga mit-tariffi massimi hija inkorretta.

    37.      Jirriżulta espressament kemm mill-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, bħala lex generalis, kif ukoll mill-Artikolu 61 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, bħala lex specialis, li l-ftehim bejn avukat u l-klijent tiegħu jipprevali fuq it-tariffa stabbilita bid-Digriet Ministerjali Nru 127/2004. Huwa biss fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim li tiġi applikata t-tariffa, bl-għan li jiġu stabbiliti l-onorarji ta’ avukat fil-każ speċifiku. Minn dan jirriżulta li l-avukat u l-klijent tiegħu għandhom ċans jistabbilixxu, bi ftehim, l-onorarji tal-avukat, pereżempju, skont il-ħin iddedikat, bħala somma jew inkella skont ir-riżultat.

    38.      Din il-konstatazzjoni lanqas ma hija kkontestata fl-Artikolu 2(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006, li skontu l-abrogazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti fis-settur tas-servizzi professjonali li jipprevedu tariffi fissi jew minimi mandatorji hija mingħajr preġudizzju għal tariffi massimi eventwali. Fil-fehma tiegħi, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li n-natura ta’ tariffi massimi eventwali ma tbiddlitx. Għaldaqstant, jekk it-tariffi massimi applikabbli għall-attivitajiet tal-avukati ma kellhomx natura mandatorja fir-relazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti qabel l-adozzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006, ma jistgħux ikollhom tali natura wara l-adozzjoni tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq.

    39.      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-Artikolu 2(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006, ma hemmx it-terminu “mandatorju” fil-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni b’rabta mat-tariffi massimi.

    40.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza li skontha l-portata tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata skont kif inhi interpretata mill-qrati nazzjonali (14), sabiex ir-rikors tal-Kummissjoni jkollu eżitu pożittiv, dan għandu jistabbilixxi li l-qrati Taljani jinterpretaw it-tariffi massimi bħala mandatorji.

    41.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni allegat, mingħajr ma ċċitat eżempji konkreti, li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Corte suprema di cassazione jirriżulta li l-projbizzjoni ta’ deroga mit-tariffa professjonali tal-avukati timplika li kull ftehim kuntrarju bejn il-partijiet ikkonċernati huwa null. Ir-Repubblika Taljana rrispondiet li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tirrigwarda biss it-tariffi minimi.

    42.      Fis-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenzi tal-Corte suprema di cassazione Nru 12297/2001, Nru 9514/96 u Nru 19014/2007 mingħajr iżda ma tat kopja lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija sostniet li, f’dawn is-sentenzi, il-Corte suprema di cassazione qieset li l-funzjoni tat-tariffi massimi u minimi hija li jillimitaw l-awtonomija kuntrattwali. Ir-Repubblika Taljana rrispondiet li dawn is-sentenzi jirrigwardaw oqfsa regolamentari kompletament differenti.

    43.      Minkejja l-fatt li s-sentenzi msemmija iktar ’il fuq ma ddaħħlux fil-proċess, jiena eżaminajt waħda minnhom, jiġifieri s‑sentenza Nru 12297/2001, li hija aċċessibbli fuq l-Internet. Minn dan l-eżami jirriżulta li din titkellem biss dwar il-likwidazzjoni tal-ispejjeż ġudizzjarji u mhux dwar il-libertà kuntrattwali li jiġi ffissat onorarju fir-rapport bejn il-klijent u l-avukat tiegħu.

    44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nista’ nagħmel rikapitolazzjoni.

    45.      L-ewwel nett, huwa responsabbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li jeżisti obbligu tal‑avukati li josservaw it-tariffi massimi u li jipprojbixxilhom jidderogaw bi ftehim mill‑imsemmija tariffi massimi.

    46.      Il-Kummissjoni tat prova tal-eżistenza ta’ limiti massimi f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dan il-punt ma kienx ikkontestat mir-Repubblika Taljana. Madankollu, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li tali limiti huma mandatorji fis-sens li jipprojbixxu lill-avukati milli jidderogaw minnhom bi ftehim magħmul mal-klijenti tagħhom. L-eżami tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar ir-remunerazzjoni tal-avukati ma jiżvelax l-eżistenza ta’ tali projbizzjoni espressa ta’ deroga mit-tariffi massimi, l-istess bħall-projbizzjoni ta’ deroga mit-tariffi minimi applikabbli sakemm ma saritx bidla permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006.

    47.      It-tieni nett, il-Kummissjoni ma uritx li, minkejja n-nuqqas ta’ tali projbizzjoni espressa, il‑qrati nazzjonali jinterpretaw il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fis-sens li t-tariffi massimi jikkostitwixxu l-limiti tal-libertà kuntrattwali tal-avukati u tal-klijenti tagħhom. Sa fejn naf jien, is-sentenzi tal-Corte suprema di cassazione ċċitati mill-Kummissjoni fis-seduta (15), iżda li ma ddaħħlux fil-proċess, ma jikkorroborawx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana bir-raġun osservat li s-sentenzi inkwistjoni jikkonċernaw oqfsa regolamentari differenti minn dak eżaminat f’din il‑kawża.

    48.      Minn din ir-rikapitulazzjoni jirriżulta li r‑rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    49.      Għal dak li jirrigwardja l-ispejjeż, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fin-nuqqas ta’ talbiet min-naħa tar-Repubblika Taljana f’dan is-sens, kull parti għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

    50.      Skont l-Artikolu 69(4)(1) tal-istess regoli, l-Istat Membru intervenjenti fil-kawża għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Għalhekk, ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

     Konklużjoni

    51.      Fid‑dawl tal-elementi preċedenti, nipproponu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    “1)   L‑appell huwa miċħud.

    2)     Ir‑Repubblika Taljana għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

    3)     Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

    4)     Ir‑Repubblika tas‑Slovenja għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.”


    1 – Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.


    2 –      Għalkemm l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi biss espressament l-onorarji u kumpens fil-qasam kriminali u extraġudizzjarju, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċċitata konsistentement f’dak li jikkonċerna wkoll l-onorarji u l-kumpens f’materji ċivili (ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 6; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 4, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Mejju 2008, Hospital Consulting et, C‑386/07, punt 5).


    3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52


    4 – Iċċitata iktar ’il fuq.


    5 – Iċċitata iktar ’il fuq.


    6 – Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tariffa Taljana mandatorja għall-aġenti kollha tad-dwana, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-leġiżlazzjoni Taljana li timponi l-adozzjoni tal-imsemmija tariffa fuq organizzazzjoni professjonali tmur kontra l-Artikolu 85 KE, billi din hija deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi u mhux miżura statali (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑35/96, Ġabra p. I‑3851).


    7 – Iċċitata iktar ’il fuq.


    8 – Fit-talba tagħha, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni dwar il-konstatazzjoni tal-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Turin), li kienet il-qorti tar-rinviju fil-kawża Cipolla, magħmula fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Marzu 2008 (fil-kawża Cipolla vs Portolese in Fazari), li skontha “l-iffissar ta’ onorarji minimi inaljenabbli ma huwiex strument ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li għalihom – normalment – ma japplikawx l-ispejjeż tat-tariffi professjonali u li, minħabba n-nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni […] ma jistgħux jevalwaw l-effett multiplikatur li għandha l-frammentazzjoni tat-taqsimiet tad-drittijiet u tal-onorarji f’dak li jirrigwardja d-dewmien tal-proċess fuq ir-riżultat finali tal-ispejjeż tas-servizz imħallas indipendentement mill-kwalità tas-servizz mogħti, b’detriment għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.


    9 – Iċċitata iktar ’il fuq.


    10 – Huwa minnu li l-Avukat Ġenerali Maduro, fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Cipolla et, iċċitata, iktar ’il fuq, ikkonstata li t-tariffa Taljana tinkludi wkoll onorarji massimi li l-avukati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Italja ma jistgħux jaqbżu. L-Avukat Ġenerali Léger tkellem fl-istess termini, fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Arduino, iċċitata iktar ’il fuq, dwar id-Digriet Ministerjali Nru 585, tal-5 ta’ Ottubru 1994 li ppreċeda d-Digriet Ministerjali Nru 127/2004. Madankollu, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Taljana ċċitata fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-bażi preċiża ta’ dawn il-konstatazzjonijiet ma hijiex ċara, u lanqas ma hija ċara r-risposta għad-domanda dwar jekk dawn il-konstatazzjonijiet japplikawx biss għal-likwidazzjoni tal-ispejjeż mill-qorti jew jekk jgħoddux ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom.


    11 – Fit-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni, inkorrettament, li d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tipprojbixxi kwalunkwe deroga mill-onorarji u mid-drittijiet stabbiliti għall-provvista ta’ servizzi tal-avukati. Fir-realtà, l-imsemmija projbizzjoni tikkonċerna biss it-tariffi minimi.


    12 – Bħala eżempju, nista’ niċċita t-tariffa Ġermaniża deskritta fil-punt 7 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK (C‑289/02, Ġabra p. I‑15059), dik Ċeka (vyhláška Ministerstva spravedlnosti č. 177/1996 Sb. o odměnách advokátů a náhradách advokátů za poskytování právních služeb) kif ukoll dik Slovakka (vyhláška Ministerstva spravodlivosti Slovenskej republiky č. 655/2004 Z. z. o odmenách a náhradách advokátov za poskytovanie právnych služieb).


    13 – F’dan ir-rigward, inħoss li għandi nesprimi d-dubji tiegħi dwar il-kwistjoni ta’ kif in-natura mandatorja tat-tariffi massimi tista’ titneħħa mill-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794/1942, li sempliċement jimponi projbizzjoni ta’ deroga mill-onorarji minimi ffissati mit-tariffa għal servizzi ta’ avukat f’materji ċivili, taħt piena ta’ nullità għal kull ftehim derogatorju.


    14 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs l-Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637, punt 30).


    15 – Ta’ min ifakkar li fir-rikors, il-Kummissjoni sempliċement iddikjarat li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Corte suprema di cassazione “li l-projbizzjoni ta’ deroga mit-tariffa professjonali tal-avukat timplika n-nullità ta’ kull ftehim kuntrarju bejn il-partijiet ikkonċernati b’xi mod mis-servizz”, mingħajr iżda ma tat ebda eżempju konkret.

    Top