This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CC0511
Opinion of Mr Advocate General Mengozzi delivered on 28 January 2010.#Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH v Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV.#Reference for a preliminary ruling: Bundesgerichtshof - Germany.#Directive 97/7/EC - Consumer protection - Distance contracts - Right of withdrawal - Consumer charged with the cost of delivering the goods.#Case C-511/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 28 ta' Jannar 2010.
Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Direttiva 97/7/KE - Protezzjoni tal-konsumaturi - Kuntratti li jsiru mill-bogħod - Dritt ta’ rtirar mill-kuntratt - Allokazzjoni tal-ispejjeż tal-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur.
Kawża C-511/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 28 ta' Jannar 2010.
Handelsgesellschaft Heinrich Heine GmbH vs Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Direttiva 97/7/KE - Protezzjoni tal-konsumaturi - Kuntratti li jsiru mill-bogħod - Dritt ta’ rtirar mill-kuntratt - Allokazzjoni tal-ispejjeż tal-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur.
Kawża C-511/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:48
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2010 1(1)
Kawża C‑511/08
Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV
vs
Heinrich Heine GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il‑Ġermanja)]
“Direttiva 97/7/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti li jsiru mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija lill-konsumatur”
I – Introduzzjoni
1. B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li hija ressqet permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Ottubru 2008, il-Bundesgerichtshof (Qorti suprema) (il-Ġermanja) qiegħda titlob li jiġu interpretati t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (2).
2. Din it-talba toriġina minn kawża bejn il-Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u Heinrich Heine GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”), fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi ordnata tieqaf milli timponi fuq il-konsumaturi l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija fil-każ ta’ rtirar mill-kuntratt.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
3. Il-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 tipprovdi:
“Billi l-konsumatur ma jistax jara l-prodott jew jaċċerta ruħu min-natura tas-servizz ipprovdut qabel jikkonkludi l-kuntratt; billi għandha ssir dispożizzjoni kemm-il darba mhux speċifikat b’mod ieħor f’din id-Direttiva, għal dritt ta’ irtirar mill-kuntratt; billi, jekk dan id-dritt għandu jkun aktar minn formali, l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti; billi dan id-dritt ta’ rtirar għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumatur skond il-liġijiet nazzjonali, b’rigward partikolari għar-riċevuta ta’ prodotti u servizzi bil-ħsara jew ta’ prodotti u servizzi li ma jaqblux mad-deskrizzjoni mogħtija fl-offerta ta’ dawn il-prodotti u servizzi; billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”.
4. L-Artikolu 6(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ irtirar”, jipprovdi:
“1. Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. L-unika kont [spiża] li jista’ jingħata [tista’ tiġi mgħoddija] lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.
[…]
2. Fejn id-dirtt ta’ irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti. Dan ir-rimbors għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum”.
5. L-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7, intitolat “Klawsola minima”, jipprovdi:
“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat”.
B – Id-dritt nazzjonali
6. L-Artikolu 312d tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Dritt ta’ rtirar u restituzzjoni fil-kuntratti li jsiru mill-bogħod”, jipprovdi:
“1. Il-konsumatur li jikkonkludi kuntratt li jsir mill-bogħod għandu d-dritt għall-irtirar deskritt fl-Artikolu 355. Meta l-kuntratt jirrigwarda il-provvista ta’ merkanzija, dan id-dritt ta’ rtirar jista’ jiġi sostitwit bid-dritt għar-restituzzjoni previst fl-Artikolu 356.
2. B’deroga mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 355(2), iż-żmien għall-irtirar ma jibdiex jiddekorri qabel ma jkunu ġew sodisfatti l-obbligi tal-għoti ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 312c(2); f’każ ta’ kunsinna ta’ merkanzija, mhux qabel il-jum li fih jirċeviha d-destinatarju; f’każ ta’ konsenji regolari ta’ merkanzija tal-istess tip, mhux qabel il-jum li fih tasal l-ewwel kunsinna parzjali u f’każ ta’ provvista ta’ servizzi, mhux qabel il-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt”.
7. L-Artikolu 346(1) sa (3) tal-BGB, intitolat “Effetti tax-xoljiment tal-kuntratt”, huwa redatt kif ġej:
“1. Jekk kontraenti jipprevalixxi ruħu mill-klawżola riżoluttiva kuntrattwali jew legali, is-servizzi li jkunu ttieħdu għandhom, f’każ ta’ xoljiment, jingħataw lura flimkien mal-benefiċċji effettivament miksuba.
2. Mal-għoti lura jew ir-restituzzjoni, id-debitur ikun obbligat iħallas kumpens meta:
1) l-għoti lura jew ir-restituzzjoni jkunu esklużi minħabba n-natura tal-akkwist;
2) huwa jkun iddegrada, ċeda, ittrasferixxa, ittrasforma jew biddel l-istruttura tal-prodott irċevut,
3) il-prodott irċevut ikun iddeterjora jew inħela; l-użu li jikkorrispondi għal użu normali madankollu ma jittieħidx inkunsiderazzjoni.
Jekk il-kuntratt jistipula xi korrispettiv, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens; jekk il-kumpens ikun dovut minħabba l-benefiċċju riżultanti minn self, tista’ tinġieb prova li l-valur tal-benefiċċju kien iżgħar.
3. L-obbligu tal-kumpens ma japplikax:
1) jekk in-nuqqas li jiġġustifika x-xoljiment ikun deher biss matul it-trasformazzjoni jew it-tibdil fl-istruttura tal-prodott,
2) jekk il-kreditur ikun responsabbli għad-deterjorament jew għall-fatt li huwa nħela, jew jekk id-dannu jkun seħħ għandu,
3) jekk, fil-każ ta’ kundizzjoni riżoluttiva legali, id-deterjorament jew il-fatt li l-prodott inħela jkun seħħ għand il-persuna kkonċernata, minkejja li dan ikun uża l-istess diliġenza li huwa juża normalment għall-affarijiet tiegħu.
L-arrikkiment rimanenti għandu jiġi restitwit.”
8. L-Artikolu 347(2) tal-BGB, intitolat, “Użu wara x-xoljiment”, jipprovdi:
“2. Meta d-debitur jirritorna l-prodott, meta jħallas kumpens jew meta l-obbligu li jħallas tali kumpens ikun eskluż skont l-Artikolu 346(3)(1) jew (2), huwa għandu jiġi rrimborsat l-ispejjeż neċessarji li huwa jkun nefaq. L-ispejjeż kollha l-oħra għandhom jiġu rimborsati jekk dawn ikunu kkontribwixxew għal arrikkiment tal-kreditur”.
9. L-Artikolu 355 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ rtirar fil-kuntratti li jsiru mal-konsumaturi”, jipprovdi:
“1. Meta l-liġi tagħti dritt ta’ rtirar lill-konsumatur skont din id-dispożizzjoni, huwa ma jibqax marbut bl-għoti tal-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-kuntratt meta huwa jirtira minnu fiż-żmien stabbilit. L-irtirar ma għandux għalfejn ikun motivat u għandu jsir bil-miktub jew permezz tar-ritorn tal-prodott lill-bejjiegħ fi żmien ġimgħatejn, fejn id-data tal-ispedizzjoni tkun tikkostitwixxi prova konklussiva.
2. It-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih il-konsumatur jiġi infurmat bil-miktub bid-dritt tiegħu ta’ rtirar permezz ta’ avviż ċar li jindikalu bil-preċiż id-drittijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, avviż li jrid ikollu wkoll l-isem u l-indirizz ta’ dak li għandu jiġi infurmat bl-irtirar kif ukoll indikazzjoni dwar il-bidu tat-terminu u r-regoli msemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Meta l-avviż jasal għand il-konsumatur wara l-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu jiżdied għal xahar, u dan b’deroga mit-tieni sentenza tal-paragrafu 1. Meta l-kuntratt irid jiġi konkluż bil-miktub, it-terminu ma jibdiex jiddekorri qabel ma abbozz tal-kuntratt, l-ordni bil-miktub tal-konsumatur jew kopja tal-oriġinal tal-kuntratt jew tal-ordni jingħataw lill-konsumatur. F’każ ta’ kontestazzjoni fuq meta suppost beda t-terminu, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-bejjiegħ.
3. Id-dritt ta’ rtirar jispiċċa wara sitt xhur mill-konklużjoni tal-kuntratt. F’każ li l-merkanzija tiġi kkonsenjati, it-terminu ma jibdiex jiddekorri qabel il-jum li fih jirċevihom il-konsumatur. B’deroga mill-ewwel sentenza, id-dritt ta’ rtirar ma jispiċċax meta l-konsumatur ma jkunx ġie infurmat b’mod korrett bid-dritt ta’ rtirar tiegħu; f’każ ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi finanzjarji, id-dritt ta’ rtirar ma jispiċċax meta l-bejjiegħ ma jkunx wettaq b’mod korrett l-obbligi li l-Artikolu 312c(2)(1) jimponulu fir-rigward tal-informazzjoni”.
10. L-Artikolu 356 tal-BGB, intitolat “Dritt ta’ ritorn fil-kuntratti konklużi mill-konsumaturi”, huwa redatt kif ġej:
“1. Sakemm il-liġi tippermettih espressament, id-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 355 jista’ jiġi sostitwit fil-kuntratt bi dritt ta’ restituzzjoni bla limitu meta l-kuntratt ikun konkluż abbażi ta’ prospett tal-bejgħ. Għal dan il-għan, irid ikun hemm ir-rekwiżiti li ġejjin:
1) li l-prospett tal-bejgħ fih informazzjoni ċara fuq id-dritt ta’ restituzzjoni,
2) li l-konsumatur seta’ jieħu konjizzjoni tal-prospett tal-bejgħ fid-dettall fin-nuqqas tan-negozjant u
3) li d-dritt ta’ restituzzjoni jingħata lill-konsumatur bil-miktub.
[…]”
11. L-Artikolu 357 tal-BGB, intitolat “Effetti ġuridiċi tal-irtirar u tar-restituzzjoni”, jipprovdi:
“1. Salv jekk ikun hemm dispożizzjoni kuntrarja, ir-regoli li jikkonċernaw ix-xoljiment legali japplikaw b’analoġija għad-dritt ta’ rtirar u ta’ restituzzjoni. L-Artikolu 286(3) japplika wkoll għall-obbligu tar-rimbors tal-ħlasijiet skont din id-dispożizzjoni; it-terminu li huwa jistabbilixxi jibda jiddekorri mad-dikjarazzjoni għall-irtirar jew għar-restituzzjoni min-naħa tal-konsumatur. Għal dak li jikkonċerna l-obbligu tar-rimbors tal-konsumatur, it-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih dan jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu; għal dak li jikkonċerna l-obbligu tar-rimbors tal-bejjiegħ, it-terminu jibda jiddekorri mill-mument li fih din id-dikjarazzjoni tasal għandu.
[…]
3. B’deroga mill-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(2), il-konsumatur għandu jħallas kumpens fil-każ ta’ deterjorament li jirriżulta minn użu konformi tal-prodott dejjem jekk huwa jkun ġie informat b’din il-konsegwenza ġuridika bil-miktub mhux aktar tard mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kif ukoll bil-possibbiltà li jevitaha. Huwa ma jkunx obbligat iħallas tali kumpens meta d-deterjorament jirriżulta esklużivament mill-eżami tal-prodott. Il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 346(3) ma japplikax meta l-konsumatur ikun ġie informat korrettement bid-dritt ta’ rtirar tiegħu jew meta huwa kien jaf bih b’xi mod ieħor.
4. Il-paragrafi preċedenti jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet b’mod eżawrjenti”.
12. L-Artikolu 448(1) tal-BGB, intitolat “Spejjeż ta’ kunsinna u spejjeż simili”, huwa redatt kif ġej:
“1. Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż tar-ritorn tal-prodott, ix-xerrej għandu jbati l-ispejjeż ta’ aċċettazzjoni u ta’ kunsinna tal-prodott f’post li ma huwiex dak fejn ġie eżegwit il-kuntratt”.
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali hija kumpannija speċjalizzata fil-bejgħ bil-korrispondenza. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ din il-kumpannija jipprovdu li l-konsumatur għandu jbati somma ta’ EUR 4.95 għall-kunsinna u li din is-somma tintilef favur il-bejjiegħ f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt.
14. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija assoċjazzjoni tal-konsumaturi, debitament ikkostitwita taħt id-dritt Ġermaniż. Hija ppreżentat kontra l-konvenuta prinċipali mandat ta’ inibizzjoni intiż li jwaqqafha milli titfa’ l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija fuq il-konsumaturi f’każ li dawn jirtiraw mill-kuntratt.
15. Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.
16. L-appell ippreżentat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Oberlandsgericht Karlsruhe.
17. Il-Bundesgerichtshof, b’rikors għal “reviżjoni” quddiemha, ikkonstatat li d-dritt Ġermaniż ma jagħti formalment lill-konsumatur ebda dritt għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna tal-merkanzija ordnata f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt.
18. Madankollu, jekk id-Direttiva 97/7 ġiet interpretata fis-sens li hija tipprekludi li l-ispejjeż ta’ kunsinna jbatihom il-konsumatur f’każ li huwa jirtira mill-kuntratt, l-Artikolu 312d(1), l-ewwel sentenza tal- Artikolu 357(1) u l-Artikolu 346(1) tal-BGB, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod bħal din id-direttiva fis-sens li l-fornitur għandu jirrimborsa lill-konsumatur l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-prodott.
19. Anki jekk parti mid-dutrina Ġermaniża taqbel mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/7 li hija favorevoli għall-konsumatur, il-qorti tar-rinviju jidhrilha li mhix f’pożizzjoni li tistabbilixxi biċ-ċertezza meħtieġa jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata f’dan is-sens.
20. Hija tesponi, f’dan ir-rigward, diversi argumenti magħmula minn ċerti awturi li huma tal-istess opinjoni kuntrarja.
21. Fl-ewwel lok, il-espressjoni “en raison de l’exercice de son droit de rétractation” (minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar tiegħu) li tinsab fil-verżjoni Franċiża tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, fejn jingħad li “[l]-unika kont [spiża] li jista’ jingħata [tista’ tiġi mgħoddija] lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati”, tista’ tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss l-ispejjeż li jirriżultaw minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar bl-esklużjoni ta’ spejjeż ta’ kunsinna tal-prodott li jkunu diġà ntefqu fil-mument tal-irtirar. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-Direttiva 97/7 jikkorroboraw din l-interpretazzjoni.
22. Fit-tieni lok, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 tista’ tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix li, f’każ ta’ rtirar, il-fornitur jinvoka d-drittijiet rikonvenzjonali tiegħu biex jikseb kumpens li jikkorrispondi għall-valur tal-użu magħmul mill-konsumatur li, minħabba n-natura tiegħu, ma jistax jiġi restitwit. Għaldaqstant, ikun kompatibbli mal-artikolu msemmi li wieħed jaċċetta li l-kunsinna hija servizz tal-fornitur li għalih il-konsumatur irid iħallas lura l-valur tas-sostituzzjoni li tammonta għas-somma tal-ispejjeż ta’ kunsinna u li konsegwentement dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-obbligu tar-rimbors tal-fornitur.
23. Fit-tielet lok, ma hemmx ċertezza li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur li jinsab fil-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 jimponi wkoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna. Fil-fatt, waqt akkwist normali, il-konsumatur għandu jbati wkoll l-ispejjeż tiegħu tat-trasport sal-ħanut, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt li, biex imur għandu, huwa jkun iddedika wkoll il-ħin tiegħu.
24. Il-Bundesgerichtshof iddeċidiet għalhekk li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7/KE [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispejjeż relatati mal-kunsinna tal-prodotti [merkanzija] jkunu sostnuti mill-konsumatur anke meta dan ikun irtira mill-kuntratt?”
25. Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li seħħet fid-29 ta’ Ottubru 2009, instemgħu wkoll it-trattazzjonijiet tal-partijiet, ħlief għall-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż li ma kinux rappreżentati.
IV – Analiżi
26. Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li biha, f’kuntest ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, l-ispejjeż relatati mal-kunsinna tal-merkanzija għandhom ikunu sostnuti mill-konsumatur f’każ fejn dan ikun eżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu.
27. Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kuntratti li jsiru mill-bogħod huma kkaratterizzati minn żewġ elementi. L-ewwel element determinanti huwa marbut man-nuqqas ta’ preżenza fiżika simultanja taż-żewġ kontraenti – il-fornitur u l-konsumatur – waqt il-preparazzjoni u fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod. It-tieni element karatteristiku huwa marbut mal-fatt li dawn it-tranżazzjonijiet iseħħu f’kuntest ta’ sistema ta’ bejgħ jew ta’ provvista ta’ servizzi mill-bogħod organizzata mill-fornitur li juża esklużivament mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (3).
28. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, biex kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/7, dawn iż-żewġ elementi determinanti għandhom bilfors iseħħu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt (4). Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, speċjalment meta jkun jirrigwarda bejgħ bil-korrispondenza, kif inhuwa l-każ fil-kawża prinċipali, timplika bilfors il-ħtieġa li l-merkanzija tintbagħat lill-konsumaturi. Eventwalment, dan irid jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi analizzat min għandu jbati l-ispejjeż ta’ kunsinna f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt.
29. Biex issir din l-analiżi, għandu jiġi stabbiliti jekk l-ispejjeż ta’ kunsinna jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “spiża” fis-sens tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija dwar jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni wiesgħa għal dan il-kunċett ta’ spiża, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, jew, min-naħa l-oħra, jekk għandhiex tingħata interpretazzjoni stretta, kif isostni l-Gvern Ġermaniż. It-tweġiba għal din id-domanda għandha tingħata mhux biss wara interpretazzjoni litterali u sistematika tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija, iżda wkoll fid-dawl tal-għan tal-istess direttiva.
30. L-ewwel nett, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma tagħmel ebda referenza speċifika għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiddetermina s-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni indipendenti li għandha tingħata fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (5).
31. Issa, bl-użu tal-kunċett ta’ spiża li jinsab fl-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 97/7, il-leġiżlatur Komunitarju ma użax dan b’referenza għad-dritt tal-Istati Membri. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva ma fiha ebda definizzjoni speċifika la tal-kunċett ta’ spiża u lanqas dak tal-ispejjeż ta’ kunsinna (6).
32. F’dak li jikkonċerna l-kuntest tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 tagħti lill-konsumatur dritt ta’ rtirar wiesa’ u bla kundizzjoni billi tipprovdi li dan jista’ jirtira mill-kuntratt “mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni”. It-tieni sentenza ta’ dan l-istess l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tikkonferma din l-idea li biha l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar ma għandux, fil-prinċipju, ikollu konsegwenzi negattivi fuq il-konsumatur, billi tippreċiża li l-unika spiża li tista’ tingħadda lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt tiegħu hija l-ispiża diretta involuta sabiex il-merkanzija tiġi rritornata. L-espressjoni “l-unika kont [spiża]” tagħmilha neċessarja li tingħata interpretazzjoni stretta u tagħti karatteristika unika lil din l-eċċezzjoni.
33. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, min-naħa tagħha, tipprevedi l-obbligu tal-fornitur li jirrimborsa, “mingħajr ħlas”, “l-ammonti mħallsa” mill-konsumatur f’każ li dan jirtira mill-kuntratt. Billi b’hekk tistabbilixxi l-prinċipju tar-“rimbors sħiħ” ta’ kull ammont imħallas mill-konsumatur lill-fornitur mingħajr ma l-istess fornitur ikun jista’ jżomm jew jitfa’ fuq il-konsumatur spejjeż kwalunkwe, dan il-paragrafu jikkonferma l-prinċipju diġà msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt, fil-prinċipju, ma għandu jinvolvi ebda sanzjoni jew piż finanzjarju fuq il-konsumatur.
34. Għaldaqstant, l-espressjoni l-“ammonti mħallsa” użata f’dan il-paragrafu tinkludi mhux biss il-prezz tal-akkwist tal-prodott jew il-ħlas għas-servizz mogħti, iżda wkoll l-ammonti mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur minħabba l-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li jkun sar mill-bogħod, inklużi l-ispejjeż ta’ kunsinna.
35. Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, li huwa biss il-prezz tal-prodott jew tas-servizz, bħala l-korrispettiv tal-konsumatur għall-provvista prinċipali tal-fornitur, li jaqa’ taħt l-espressjoni “ammonti mħallsa”, għandu jiġi osservat li dawn il-kliem jintużaw b’mod ċar fil-plural fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 (7). L-argument, li l-plural jintuża minħabba li l-prezz ta’ prodott jista’ jitħallas mhux biss f’pagament wieħed, iżda wkoll diviż f’diversi pagamenti ma huwiex konvinċenti, peress li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, anki f’każ ta’ diversi pagamenti, dawn il-pagamenti għandhom l-istess natura ġuridika u kull wieħed minnhom jaqa’ taħt il-kunċett ta’ prezz.
36. L-interpretazzjoni sistematika tad-direttiva msemmija tikkorrobora wkoll il-portata wiesgħa tal-espressjoni “ammonti mħallsa”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din id-direttiva tuża speċifikament il-kunċett ta’ prezz f’diversi dispożizzjonijiet fir-rigward, inter alia, l-obbligu tal-informazzjoni [Artikolu 4(1)(c)], fil-kuntest tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ rtirar [it-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3)] u fir-rigward tal-effetti tat-tħassir tal-kuntratt li jsir mill-bogħod fuq il-ftehim tal-kreditu [l-ewwel u t-tieni subinċiżi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(4)]. Min-naħa l-oħra, fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7, il-leġiżlatur Komunitarju ma jużax l-istess kunċett ta’ prezz, iżda juża l-espressjoni “ammonti mħallsa” li bla dubju hija iktar wiesgħa.
37. Għaldaqstant, ma teżisti ebda raġuni li tiġġustifika l-pożizzjoni li l-portata tal-espressjoni “ammonti mħallsa” hija limitata biss għall-prezz tal-prodott jew tas-servizz li jeskludi neċessarjament mill-obbligu tar-rimbors l-ispejjeż l-oħra kuntrattwali mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur f’kuntest ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod.
38. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 97/7 għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni u tal-prinċipju tar-“rimbors sħiħ u mingħajr spejjeż” previst fl-ewwel sentenza tal-istess Artikolu 6(2). Din it-tieni sentenza tistabbilixxi l-unika eċċezzjoni kontra l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fejn tippreċiża li l-ispejjeż diretti involuti fir-ritorn tal-merkanzija huma l-“unika imposta [spiża]” li tista’ ssir (tiġi mgħoddija) lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira mill-kuntratt.
39. Barra minn hekk, l-użu tal-espressjonijiet “mingħajr ħlas [spejjeż]” fl-ewwel sentenza u l-“unika imposta [spiża]” fit-tieni sentenza jagħtu wkoll indikazzjoni favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ spejjeż u, konsegwentement, favur it-teżi li l-leġiżlatur Komunitarju ried jirregola l-konsegwenzi ġuridiċi u ekonomiċi li jirriżultaw mill-irtirar mill-kuntratt fir-rigward tal-ispejjeż kollha marbutin mal-konklużjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod.
40. Għal dak li jirrigwarda l-kelma “minħabba” li tinsab kemm fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 kif ukoll fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva, fejn “[l]-unika imposta [spiża] li tista’ ssir [tiġi mgħoddija] lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira [mill-kuntratt] huwa [hija dik għall-] l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti”, il-Gvern Ġermaniż isostni li din il-kelma tirrifletti l-idea li l-imsemmi Artikolu 6 jirregola biss parti mill-ispejjeż eventwali, partikolarment l-ispejjeż li jkollhom rabta kawżali mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Komunitarju, ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-ispejjeż kuntrattwali kollha, iżda biss dawk li jirriżultaw mill-irtirar mill-kuntratt.
41. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hemm diverġenza qawwija bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn iż-żewġ sentenzi. Għalkemm il-verżjonijiet tagħhom bil-lingwa Ġermaniża, il-lingwa Ingliża u l-lingwa Franċiża jużaw espressjonijiet li jirriflettu l-idea tar-rabta kawżali inerenti għall-espressjoni “minħabba” (8), xorta jibqa’ l-fatt li la l-verżjoni Spanjola u lanqas il-verżjoni Taljana ma jużaw din, iżda jirreferu sempliċement għall-konsumatur li jeżerċita (9) d-dritt ta’ rtirar mill-kuntratt tiegħu (10).
42. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, għandha tiġi segwita l-ġurisprudenza stabbilita li f’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja, il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha huwa jkun jifforma parti (11).
43. F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jitlaq mill-premessa 14 tad-Direttiva 97/7 li tgħid li “l-ispejjeż, jekk hemm, li jitħallsu mill-konsumatur meta jeserċita d-dritt ta’ rtirar għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż diretti involuti sabiex jirritorna l-oġġetti” (12). Il-fatt li l-espressjoni “meta jeżerċita” tintuża fl-istess verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 97/7 fejn tintuża l-espressjoni “minħabba” fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa sinjifikattiv. Filwaqt li għamlet referenza wkoll għall-premessa 14, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Messner, affermat li l-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab iħallas spejjeż oħra minbarra dawk li jirriżultaw direttament meta tintbagħat lura l-merkanzija, stabbilita mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7, għandha l-għan li tiżgura li d-dritt ta’ rtirar “[i]kun aktar minn [dritt] formali” (13), u dan peress li, fin-nuqqas ta’ tali projbizzjoni, il-konsumatur jista’ jiġi skoraġġit milli juża dan id-dritt (14).
44. F’dan il-każ, jekk l-għan tal-imsemmi Artikolu 6 u tad-Direttiva 97/7 huwa li ma jiskoraġġux lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu, ma huwiex possibbli li l-istess direttiva tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-Istati Membri jippermettu li, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, l-ispejjeż ta’ kunsinna jbatihom il-konsumatur. Dan l-obbligu jkun jikkostitwixxi, mingħajr ebda dubju, effett pekunjarju negattiv li jwassal sabiex jiskoraġġixxi lill-istess konsumatur milli jagħmel użu mid-dritt inkwistjoni – u mhux biss fil-każ ta’ akkwist ta’ merkanzija ta’ valur baxx fejn l-ispejjeż ta’ kunsinna jistgħu jirrappreżentaw parti importanti mis-somma mħallsa mill-konsumatur.
45. Iktar minn hekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fl-istess sentenza Messner, iċċitata iktar ’il fuq, id-dritt ta’ rtirar huwa meqjus bħala li jikkumpensa l-iżvantaġġ tal-konsumatur meta jikkonkludi kuntratt mill-bogħod billi jagħtih perijodu ta’ riflessjoni adegwat li matulu jkun jista’ jeżamina u jipprova l-prodott akkwistat (15).
46. Fil-fatt, fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ “klassiku”, il-konsumatur (a) għandu l-possibbiltà li jeżamina l-prodott tal-bejgħ, (b) jiddeċiedi immedjatament li jikkonkludi jew ma jikkonkludix il-kuntratt u (ċ) fil-każ fejn huwa jikkonkludih, jista’ jagħżel liberament fost diversi possibbiltajiet, jiġifieri li huwa stess jieħu l-prodott akkwistat, u b’hekk jevita l-ispejjeż ta’ kunsinna jew jafda dan ix-xogħol f’idejn kumpannija tal-għazla tiegħu u hekk jiżdiedu l-ispejjeż. Fil-każ ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, min-naħa l-oħra, (a) huwa l-fornitur li jiddeċiedi l-kundizzjonijiet u l-modi ta’ kunsinna, (b) il-konklużjoni tal-kuntratt tkun suġġetta għall-irtirar u (ċ) huwa l-konsumatur li jagħżel il-mod li bih jirritrona l-prodott.
47. Għal dak li jikkonċerna l-kuntratt li jsir mill-bogħod, id-Direttiva 97/7, bil-għan li tiżgura l-aħjar bilanċ fit-tqassim tal-ispejjeż, toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jimponu fuq il-konsumatur l-ispejjeż diretti tar-ritorn, jiġifieri l-konsegwenzi pekunjarji tal-għażla tiegħu, peress li jekk il-konsumatur jagħżel metodu għar-ritorn estremament għali u sproporzjonat meta mqabbel mal-valur tal-prodott, ma jkunx ġust li l-ispiża għal dak ir-ritorn taqa’ fuq il-fornitur u dan peress li l-istess fornitur ma għandux is-setgħa li jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur dwar il-metodu tar-ritorn imsemmi.
48. Il-fatt li l-ispejjeż ta’ kunsinna jaqgħu fuq il-fornitur f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, jaqa’ taħt l-istess loġika ta’ tqassim ġust tal-ispejjeż peress li, fil-każ ta’ kunsinna tal-prodott lill-konsumatur, il-fornitur għandu l-libertà li jagħżel il-mod ta’ kunsinna, kemm billi jwassal huwa stess il-prodott kif ukoll biex jafda b’dan ix-xogħol lil impriża subappaltatriċi jew kumpannija speċjalizzata f’dan il-qasam.
49. Il-fatt li l-ispejjeż ta’ kunsinna f’każ ta’ rtirar tal-konsumatur mill-kuntratt jaqgħu fuq il-fornitur, tista’, barra minn hekk, tiġi spjegata fuq livell ekonomiku. Fil-fatt, normalment, fil-każ ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, il-fornitur ma jkollux bżonn ħanut jew post kummerċjali u, konsegwentement, jiffranka mill-ispejjeż relattivi. Għaldaqstant, il-piż finanzjarju li l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna tirrappreżenta għall-fornitur f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt – li, apparti minn hekk, ma jikkonċernax il-kuntratti konklużi kollha – jiġi bbilanċjat mill-iffrankar li huwa jirnexxilu jagħmel billi jevita l-ispejjeż marbutin mal-ġestjoni ta’ ħanut.
50. Minħabba dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-bilanċ fit-tqassim tar-riskji u tal-piżijiet f’każ ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod li jkun ġie rtirat mill-konsumatur – li huwa previst bid-Direttiva 97/7 favur l-istess konsumatur – jintilef jekk, apparti l-ispejjeż diretti tar-ritorn li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-konsumatur, dan ikollu jbati wkoll l-ispejjeż ta’ kunsinna tal-prodott.
51. A contrario sensu, ma nistax naqbel mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż li jgħidu li l-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna lill-fornitur f’każ ta’ rtirar tkun tikkostitwixxi bdil sħiħ tar-relazzjoni kuntrattwali li twassal għal indħil inaċċettabbli fir-rapport ta’ bejn il-partijiet.
52. Din il-pożizzjoni ma hijiex konvinċenti peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva 97/7 tirregola l-imputazzjoni tal-ispejjeż biss fil-każ li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar tal-konsumatur. Il-fatt li l-fornitur jiġi obbligat jirrimborsa, f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, l-ispejjeż ta’ kunsinna mħallsa mill-konsumatur bl-ebda mod ma jaffettwa l-kwistjoni tal-imputazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt li tibqa’ tiġi rregolata mill-Istati Membri u mill-operaturi ekonomiċi.
53. Bl-istess mod, lanqas ma huwa konvinċenti l-argument li l-Gvern Ġermaniż iressaq insostenn tat-teżi tiegħu fejn iżid jgħid li, fl-ewwel lok, id-Direttiva 97/7, bil-fatt li tippermetti li l-Istati Membri jitfgħu fuq il-konsumatur il-piż tal-ispejjeż ta’ kunsinna, għandha l-għan li toħloqlu sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ konsumatur li, wara li jkun xtara minn ħanut jew boutique, ikun irid iħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ tiegħu sal-ħanut u, fit-tieni lok, ma jkunx ġust li jiġi impost fuq il-fornitur li jbati l-ispejjeż ta’ kunsinna f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt kif ma jkunx aċċettabbli wkoll li jiġu imposti fuq il-bejjiegħ l-ispejjeż għall-vjaġġ tax-xerrej li, wara li jqis li l-prodott muri fil-ħanut ma jilħaqx l-aspettattiva tiegħu, jiddeċiedi finalment li ma jixtrihx.
54. Din it-teżi dwar l-ekwivalenza bejn l-ispejjeż ta’ kunsinna u l-ispejjeż tal-vjaġġ għandha tinċaħad abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kemm ġuridiċi kif ukoll prattiċi.
55. Minn naħa, filwaqt li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sal-ħanut jikkostitwixxu, mill-aspett ġuridiku, spejjeż li huma marbutin mal-preparazzjoni u l-konklużjoni tal-kuntratt, l-ispejjeż ta’ kunsinna jinqalgħu dejjem fil-fażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
56. Min-naħa l-oħra, l-ivvjaġġar tal-konsumatur għandu l-għan li jpoġġih f’kuntatt mal-fornitur, u l-ispejjeż li jinqalgħu minħabba l-ivvjaġġar għandu jbatihom il-konsumatur. Minħabba dawn il-karatteristiċi, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jikkorrispondu, fuq livell prattiku, iktar għall-ispejjeż marbutin mal-aċċess għas-sistema ta’ komunikazzjoni li ssir mill-bogħod bħal, pereżempju, l-ispejjeż biex tiġi stabbilita konnessjoni mal-internet. Fil-fatt, dan l-aċċess għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi l-kuntatt bejn il-fornitur u l-konsumatur. L-ispejjeż relatati mal-istess kuntatt għandhom bla ebda dubju jitħallsu mill-istess konsumatur.
57. Fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tal-irtirar mill-kuntratt u, b’mod partikolari, mill-obbligu reċiproku tar-restituzzjoni li ssemma kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, għandha tiġi eżaminata l-applikabbiltà, fil-każ ineżami, tal-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Schulte (16). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-obbligu tar-ritorn tal-merkanzija fl-istat oriġinali tagħha, affermat li d-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (17), ma timpedixxix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-obbligu fuq il-konsumatur, f’każ ta’ tħassir ta’ kuntratt ta’ self għal proprjetà immobbli, mhux biss li jħallas lura l-ammonti riċevuti bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iżda wkoll li jittrasferixxi lill-persuna li tagħti s-self l-interessi bir-rata tas-suq (18).
58. Hemm tliet raġunijiet li minħabba fihom din il-ġurisprudenza ma tapplikax għall-każ ineżami fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kunsinna wara l-irtirar minn kuntratt li jkun sar mill-bogħod.
59. Fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 85/577 huwa differenti minn dak tad-Direttiva 97/7, li hija rilevanti għall-każ ineżami tagħna, u dan peress li dawn iż-żewġ direttivi jikkonċernaw żewġ tipi ta’ kuntratti li huma differenti kemm fin-natura u fl-għan tagħhom, jiġifieri, minn naħa, kuntratt ta’ self u, min-naħa l-oħra, kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod.
60. Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Schulte, iċċitata iktar ’il fuq. Dik il-kawża kienet tirrigwarda r-rimbors tal-benefiċċji pekunjarji, jiġifieri l-interessi, li l-konsumatur kien ħa mit-tgawdija ta’ ċertu kapital, mentri f’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni ta’ rimbors ta’ dak il-benefiċċju akkwistat mill-konsumatur, iżda, min-naħa l-oħra, ir-rimbors tal-ammonti mħallsa minnu lill-fornitur.
61. Fit-tielet lok, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7 huwa l-espressjoni ta’ approċċ differenti meta mqabbel mal-idea tas-sempliċi obbligu tar-restituzzjoni msemmi fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 85/577 (19). Dan l-artikolu jistabbilixxi protezzjoni ogħla għall-konsumatur, minħabba s-sitwazzjoni żbilanċjata marbuta mal-karatteristiċi tal-kuntratt li jsir mill-bogħod, fejn jagħtih id-dritt għar-rimbors sħiħ u mingħajr spejjeż tal-ammonti mħallsa lill-fornitur f’każ ta’ rtirar mill-kuntratt, jiġifieri d-dritt li jmur lil hinn mis-sempliċi ritorn tal-merkanzija fl-istat oriġinali tagħha.
62. Il-Gvern Ġermaniż isostni fl-aħħar nett, li, peress li d-Direttiva 97/7 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri, f’ċerti oqsma bħalma huwa dak tal-effetti tal-irtirar, jibqgħalhom is-setgħa li jilleġiżlaw.
63. Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li għalkemm id-Direttiva 97/7 attwalment timponi armonizzazzjoni minima fil-qasam tal-kuntratti li jsiru mill-bogħod, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 14 tagħha jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar stretti bil-għan ewlieni li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur. F’dan il-każ, regola nazzjonali li tħalli l-piż tal-ispejjeż ta’ kunsinna fuq ix-xerrej f’każ li huwa jirtira mill-kuntratt, u b’hekk iċċaħħdu mill-benefiċċju tar-rimbors sħiħ tal-ammonti mħallsa lill-fornitur, ma tistax tkun ikklassifikata bħala dispożizzjoni li hija intiża li tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni għall-konsumatur ogħla minn dak previst fid-direttiva msemmija.
64. Barra minn hekk, lanqas ma jidher konvinċenti l-argument ulterjuri mressaq mill-Gvern Ġermaniż li l-premessa 14 tad-Direttiva 97/7, fejn din tippreċiża “billi jitħalla għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-kondizzjonijiet u ftehim ieħor li jsegwu l-eserċizzju tad-dritt ta’ rtirar”, tħalli għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri sabiex jirregolaw il-kwistjoni tal-imputazzjoni tal-ispejjeż ta’ kunsinna. Din it-teżi tikkuntrasta mal-fatt li l-Artikolu 6 tad-Direttiva msemmija tipprevedi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rimbors tal-ispejjeż marbutin mal-kuntratt li jsir mill-bogħod u li, konsegwentement, kwalunkwe regola dwar l-imputazzjoni tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż ta’ kunsinna, ma tistax tiġi kklassifikata bħala kundizzjoni jew mod “oħra/ieħor” li joħorġu mill-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar li mhumiex irregolati minn din id-direttiva.
65. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 u l-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kuntest ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, l-ispejjeż relatati mal-kunsinna tal-merkanzija għandu jbatihom il-konsumatur meta dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu mill-kuntratt.
V – Konklużjoni
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof:
“It-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod, u l-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kuntest ta’ kuntratt li jsir mill-bogħod, l-ispejjeż relatati mal-kunsinna tal-merkanzija għandu jbatihom il-konsumatur meta dan jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu mill-kuntratt”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319.
3 – Ara l-premessa 9, kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva 97/7.
4 – Fuq dan is-suġġett, ara L. Bernardeau, “La directive communautaire 97/7 en matière de contrats à distance”, fil-Cahiers de droit européen, Nri 1-2, Brussell, 2000, p. 122 et seq.
5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, (327/82, Ġabra p. 107, punt 11), u tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43).
6 – L-espressjoni “spejjeż ta’ kunsinna” tidher biss fl-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 97/7, li jsemmi d-dritt tal-konsumatur li jingħata l-informazzjoni, qabel jikkonkludi l-kuntratt li jsir mill-bogħod, fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż.
7 – Il-verżjoni Ġermaniża (“geleisteten Zahlungen”), il-verżjoni Ingliża (“sums paid”), il-verżjoni Spanjola (“sumas abonadas”) u l-verżjoni Taljana (“somme versate”) tad-Direttiva 97/7 jużaw ukoll il-plural għal din l-espressjoni.
8 – Il-verżjoni Franċiża (“en raison de”), il-verżjoni Ingliża (“because of”) u l-verżjoni Ġermaniża (“infolge”) jużaw l-istess terminu.
9 – Il-korsiv miżjud minni.
10 – Fil-verżjoni Spanjola, la t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 97/7 (“El único gasto que podría imputarse al consumidor es el coste directo de la devolución de las mercancías al proveedor”), u lanqas it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(2) tad-direttiva msemmija li d-diċitura tagħha tvarja ftit minn dik tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (“Únicamente podrá imputarse al consumidor que ejerza el derecho de rescisión el coste directo de la devolución de las mercancías”) ma jirrigwardaw din ir-rabta kawżali. Huma jitkellmu sempliċement dwar il-konsumatur li jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu. Il-verżjoni Taljana fiha l-istess sentenza fiż-żewġ paragrafi (“Le uniche spese eventualmente a carico del consumatore dovute all’esercizio del suo diritto di recesso sono le spese dirette di spedizione dei beni al mittente”) mingħajr ma tirreferi għal xi rabta kawżali.
11 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punt 14).
12 – F’dan ir-rigward, il-paragun bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ma jurix li hemm diverġenzi bejniethom. Il-verżjoni Ġermaniża (“müssen die Kosten, die, wenn überhaupt, vom Verbraucher im Fall der Ausübung des Widerrufsrechts getragen werden, auf die unmittelbaren Kosten der Rücksendung der Waren begrenzt werden”), il-verżjoni Ingliża (“the costs, if any, borne by the consumer when exercising the right of withdrawal must be limited to the direct costs for returning the goods”), il-verżjoni Spanjola (“los costes en que, en su caso, incurra el consumidor cuando lo ejercite deben limitarse a los costes directos de la devolución de la mercancía”) u l-verżjoni Taljana (“che è necessario limitare ai costi diretti di spedizione dei beni al mittente gli oneri - qualora ve ne siano - derivanti al consumatore dall’esercizio del diritto di recesso”) tal-premessa 14 ma jużawx l-espressjoni “minħabba”, iżda jirreferu, kollha kemm huma, sempliċement għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar.
13 – Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, (C‑489/07, Ġabra p. I‑7315, punt 19).
14 – Ibidem.
15 – Punt 20.
16 – Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, (C‑350/03, Ġabra p. I‑9215).
17 – ĠU L 372, p. 31.
18 – Sentenza Schulte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93.
19 – Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 85/577, “[l]-għotja ta’ l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar”.