Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0508

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 1 ta' Lulju 2010.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' Malta.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu - Regolament (KEE) Nru 3577/92 - Artikoli 1 u 4 - Servizzi ta’ kabotaġġ fi ħdan Stat Membru - Obbligu li kuntratti ta’ servizz pubbliku jiġu konklużi fuq bażi mhux diskriminatorja - Konklużjoni, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, ta’ kuntratt esklużiv qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni.
    Kawża C-508/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-10589

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:392

    KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fl‑1 ta’ Lulju 2010 1(1)

    Kawża C‑508/08

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir‑Repubblika ta’ Malta

    “Trasport marittimu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3577/92 – Kuntratt esklużiv ta’ servizz pubbliku għall‑provvista ta’ servizzi ta’ kabotaġġ bejn gżejjer fi ħdan Stat Membru – Kuntratt mogħti qabel l‑adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti Ewropea – Obbligu li wieħed jaġixxi in bona fide sakemm jidħol fis‑seħħ it‑Trattat ta’ Adeżjoni”





    1.        Il‑Kummissjoni qiegħda titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li, billi ffirmat, mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, kuntratt esklużiv ta’ servizz pubbliku ma’ Gozo Channel Company Ltd. (iktar ’il quddiem “GCCL”) fis‑16 ta’ April 2004, ir‑Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3577/1992 (2), b’mod partikolari taħt l‑Artikoli l u 4 tiegħu.

    2.        L‑argument prinċipali li Malta tqajjem fid‑difiża tagħha huwa li, fid‑data inkwistjoni, ir‑Regolament ma kienx japplika fir‑rigward tagħha. Kien biss fl‑1 ta’ Mejju 2004 li Malta saret Membru tal‑Unjoni Ewropea, minkejja li t‑Trattat ta’ Adeżjoni (3) kien iffirmat fis‑16 ta’ April 2003.

    3.        Wara mistoqsija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Kummissjoni enfasizzat l‑obbligu ta’ Stat li josserva t‑termini ta’ trattat in bone fide u, sakemm jidħol fis‑seħħ, li ma jaġixxix b’mod li jġib fix‑xejn l‑għan u l‑iskop tiegħu – prinċipji dawn tad‑dritt internazzjonali espressi fl‑Artikoli 18 u 26 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il‑Liġi tat‑Trattati (4).

     Il‑kuntest ġuridiku

     Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna

    4.        Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna prinċipalment tikkonsolida d‑dritt internazzjonali dwar it‑trattati. Skont l‑Artikolu 1 tagħha, hija tapplika għal trattati bejn Stati (u għalhekk tinkludi t‑Trattat ta’ Adeżjoni) u, skont l‑Artikolu 5 tagħha, għal kull trattat li huwa l‑istrument kostitwenti ta’ organizzazzjoni internazzjonali (u għalhekk tinkludi d‑diversi Trattati tal‑Komunità u tal‑Unjoni Ewropea) (5). Numru mid‑dispożizzjonijiet tagħha jirriflettu regoli tad‑dritt konswetudinarju internazzjonali li, bħala tali, jagħmel parti mis‑sistema legali Komunitarja (6). L‑Artikolu 18 (li jistabbilixxi l‑obbligu msejjaħ “interim”) u l‑Artikolu 26 (li jistabbilixxi r‑rekwiżit ta’ bona fide) huma ġeneralment ikkunsidrati fost dawn id‑dispożizzjonijiet (7). Minkejja li dawn l‑artikoli ma humiex, bħala tali, vinkolanti fir‑rigward ta’ Malta (8), ikun tajjeb jekk nippreżentahom bħala formulazzjoni ta’ dak li Malta taċċetta bħala r‑regoli tad‑dritt konswetudinarju internazzjonali li japplikaw għaliha.

    5.        L‑Artikolu 18, intitolat “L‑obbligu li ma jinġibux fix‑xejn l‑għan u l‑iskop ta’ trattat qabel id‑dħul fis‑seħħ tiegħu”, jipprovdi:

    “Stat huwa obbligat joqgħod lura milli jadotta atti li jġibu fix-xejn l-għan u l-iskop ta’ trattat meta:

    (a)      ikun iffirma t‑trattat jew ikun ipparteċipa fi skambju ta’ strumenti li jikkostitwixxu t‑trattat, suġġett għar‑rattifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni, sakemm ma jimmanifestax l‑intenzjoni tiegħu li ma jsirx parti kontraenti tat‑trattat; jew

    (b)      ikun esprima l‑kunsens tiegħu li jkun marbut mit‑trattat, fil‑perijodu qabel id‑dħul fis‑seħħ tat‑trattat u bil‑kundizzjoni li ma jkunx hemm dewmien mhux neċessarju qabel id‑dħul fis‑seħħ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6.        L‑Artikolu 26, intitolat “Pacta sunt servanda”, jipprovdi:

    “Kull trattat li jkun fis‑seħħ jorbot lill‑partijiet kontraenti u għandu jiġi eżegwit minnhom in bona fide.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

     It‑Trattat KE

    7.        L‑Artikolu 226 KE (li sar l‑Artikolu 258 TFUE) jipprovdi:

    “Jekk il‑Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skond [dan it‑Trattat/it‑Trattati], hija għandha toħroġ opinjoni motivata dwar il‑materja wara li tagħti lill‑Istat interessat l‑opportunità li jissottometti l‑osservazzjonijiet tiegħu.

    Jekk l‑Istat in kwistjoni ma jikkonformax ruħu ma’ dik l‑opinjoni fil‑perjodu stabbilit mill‑Kummissjoni, din ta’ l‑aħħar tista’ ġġib il‑materja quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja [tal‑Komunità/Unjoni Ewropea].”

    8.        Skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 249 KE (li sar l‑Artikolu 288 TFUE):

    “Regolament għandu jkollu applikazzjoni ġenerali. Ikun jorbot fl‑intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl‑Istati Membri kollha.”

    9.        Skont l‑Artikolu 254(1) u (2) KE (li sar, wara emenda, l‑Artikolu 297 TFUE), regolamenti jidħlu fis‑seħħ fid‑data indikata fihom jew, meta din ma tkunx imniżżla, fl‑għoxrin jum li jiġi wara l‑pubblikazzjoni fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea.

     It‑Trattat ta’ Adeżjoni u l‑Att ta’ Adeżjoni

    10.      Skont l‑Artikolu 1(1) tat‑Trattat ta’ Adeżjoni, 10 Stati ġodda, inkluża Malta, saru “membri ta’ l‑Unjoni Ewropea u Partijiet għat‑Trattati li fuqhom hija mibnija l‑Unjoni kif emendati jew supplementati”. L‑Artikolu 1(2) jispeċifika:

    “Il‑kondizzjonijiet tad‑dħul u l‑aġġustamenti tat‑Trattati li fuqhom hija mibnija l‑Unjoni, li saru meħtieġa b’din l‑adeżjoni, huma stabbiliti fl‑Att anness ma’ dan it‑Trattat. [(9)] Id‑disposizzjonijiet ta’ dak l‑Att għandhom jagħmlu parti integrali minn dan it‑Trattat.”

    11.      Skont l‑Artikolu 2(2), it‑Trattat ta’ Adeżjoni, li kien iffirmat f’Ateni fis‑16 ta’ April 2003, daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004.

    12.      L‑Artikolu 2 tal‑Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

    “Mid‑data ta’ l‑adeżjoni, id‑disposizzjonjiet tat‑Trattati oriġinali u l‑atti adottati mill‑istituzzjonijiet u l‑Bank Ċentrali Ewropew qabel l‑adeżjoni għandhom jorbtu l‑Istati Membri l‑ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l‑Istati Membri bil‑kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it‑Trattati u f’dan l‑Att”.

    13.      Ma ġew inklużi ebda kundizzjonijiet dwar l‑applikazzjoni tar‑Regolament fir‑rigward ta’ Malta.

    14.      Malta ppreżentat l‑istrument tar‑ratifika tat‑Trattat ta’ Adeżjoni tagħha lill‑Gvern Taljan fit‑30 ta’ Lulju 2003.

     Ir‑Regolament Nru 3577/92

    15.      Ir‑Regolament ġie adottat mill‑Kunsill fis‑7 ta’ Diċembru 1992 u ġie ppubblikat fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea fit‑12 ta’ Diċembru 1992.

    16.      L‑Artikolu 1(1) jipprovdi:

    “Sa mill‑1 ta’ Jannar 1993, il‑libertà li jiġu pprovduti s‑servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika [għandha tapplika] għal proprjetarji ta’ vapuri tal‑Komunità li jkollhom il‑vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l‑bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il‑vapuri jkunu konformi mal‑kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l‑Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir‑Reġistru jkun approvat mill‑Kunsill.”

    17.      Skont l‑Artikolu 2(1), “servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)” tfisser “servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni”, inkluż, b’mod partikolari, taħt it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(1)(ċ) “kabotaġġ tal‑gżejjer: il‑ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil‑baħar bejn [...] portijiet li jinstabu fuq il‑gżejjer ta’ l‑istess Stat Membru”.

    18.      L‑Artikolu 2(4) jiddefinixxi “obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku” bħala “obbligazzjonijiet li l‑proprjetarju ta’ vapur tal‑Komunità f’dak il‑każ, jekk ikun qiegħed jikkonsidra l‑interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l‑istess grad jew taħt l‑istess kundizzjonijiet”.

    19.      L‑Artikolu 4 jipprovdi:

    “1.      Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall‑għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer.

    Kull meta Stat Membru jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar‑rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal‑Komunità.

    2.      Meta jiġu imposti obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, Stati Membri għandhom ikunu llimitati għal ħtiġijiet dwar portijiet li jkunu servuti, regolarità, kontinwità, frekwenza, kapaċità li jipprovdu s‑servizz, rati li għandhom jiġu mitluba u l‑persunal tal‑vapur.

    Meta jkun applikabbli, kull kumpens għal obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandu jkun disponibbli lill‑proprjetarji kollha tal‑vapuri tal‑Komunità.

    3.      Kuntratti eżistenti ta’ servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis‑seħħ sad‑data ta’ l‑iskadenza tal‑kuntratt rilevanti.”

    20.      Skont l‑Artikolu 11, ir‑Regolament daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Jannar 1993. Madankollu, skont l‑Artikolu 6, diversi servizzi ta’ kabotaġġ – ġewwa l‑Mediterran, madwar il‑kosta ta’ Spanja, il‑Portugall u Franza u fir‑rigward ta’ ċerti gżejjer qrib il‑kosta u ta’ gżejjer u territorji barra mill‑Ewropa li jappartjenu lil Spanja, lill‑Portugall u lil Franza – kienu eżentati mill‑implementazzjoni tar‑Regolament sa dati differenti bejn l‑1 ta’ Jannar 1995 u l‑1 ta’ Jannar 2004.

     Il‑kuntest fattwali u proċedurali

    21.      Matul in‑negozjati li saru qabel il‑konklużjoni tat‑Trattat ta’ Adeżjoni, tqajmet u ġiet diskussa diversi drabi l‑kwistjoni ta’ kif Malta kellha progressivament tikkonforma ruħha mal‑acquis fil‑qasam, b’mod partikolari, tat‑trasport marittimu.

    22.      F’dan il‑kuntest, Pożizzjoni Komuni tas‑26 ta’ Ottubru 2001 (10) stabbiliet: “[...] l‑UE tirrimarka li Malta għandha l‑intenzjoni tikkonkludi kuntratti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kemm ma’ Sea Malta Co. Ltd kif ukoll ma’ [GCCL] għal perijodu ta’ ħames snin kull wieħed, qabel it‑30 ta’ Ġunju 2002, u li fl‑iskadenza ta’ dawn il‑kuntratti ser japplikaw proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkonformità mal‑acquis rilevanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil‑Pożizzjoni Komuni, l‑UE rrimarkat ukoll li “f’dan l‑istadju, dan il‑kapitolu ma jeħtieġx iżjed negozjati” iżda indikat li, fid‑dawl tas‑sorveljanza tal‑acquis, hija setgħet “tmur lura għal dan il‑kapitolu fil‑mument opportun”.

    23.      Fil‑fatt, il‑kuntratt ma’ GCCL (11) għall‑provvista ta’ servizz regolari u rapidu bejn il‑gżejjer ta’ Malta u Għawdex ma ġiex iffirmat qabel is‑16 ta’ April 2004 (sena wara l‑firma tat‑Trattat ta’ Adeżjoni u madwar ħmistax qabel id‑dħul fis‑seħħ tiegħu), u ġie konkluż għal perijodu li ma setax jiġġedded ta’ sitt snin, u mhux għal ħames snin.

    24.      Huwa paċifiku li l‑kuntratt ingħata mingħajr ma l‑proprjetarji ta’ vapuri Komunitarji ngħataw l‑opportunità jagħmlu offerta.

    25.      Wara proċedura amministrattiva skont l‑Artikolu 226 KE, il‑Kummissjoni qiegħda titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li, billi ffirmat, mingħajr ma saret sejħa għal offerti minn qabel, kuntratt esklużiv ta’ servizz pubbliku ma’ GCCL fis‑16 ta’ April 2004, ir‑Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament, b’mod partikolari taħt l‑Artikoli l u 4 tiegħu, u tikkundanna lir‑Repubblika ta’ Malta għall‑ispejjeż.

    26.      Malta titlob lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li r‑Regolament ma kienx u ma huwiex applikabbli għall‑kuntratt inkwistjoni, tiċħad ir‑rikors bħala infondat u tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.

     Evalwazzjoni

    27.      L‑argument li Malta tqajjem fid‑difiża tagħha huwa, prinċipalment, li r‑Regolament ma kienx japplika għaliha fiż‑żmien rilevanti. Sussidjarjament, hija tissottometti li l‑għoti tal‑kuntratt inkwistjoni kien, essenzjalment, awtorizzat matul l‑iżvolġiment tan‑negozjati ta’ adeżjoni (minkejja li kien hemm dewmien minħabba raġunijiet ġustifikabbli), u/jew kien, fi kwalunkwe każ, iġġustifikat minn ħtieġa reali, u kien proporzjonat mal‑għanijiet mixtieqa.

    28.      F’dawn il‑konklużjonijiet, ser nindirizza biss l‑argument prinċipali li, fil‑fehma tiegħu, jipprovdi bażi suffiċjenti sabiex jiġi miċħud ir‑rikors tal‑Kummissjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l‑argumenti l‑oħra li Malta tqajjem fid‑difiża tagħha.

    29.      L‑ostakolu prinċipali għar‑rikors tal‑Kummissjoni huwa sempliċi. Dikjarazzjoni tat‑tip mitluba tista’ tikkonċerna biss nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it‑Trattati, li jinkludi l‑obbligu ta’ konformità ma’ regolament adottat skont it‑Trattati. Tali obbligu jista’ jeżisti biss meta l‑Istat Membru inkwistjoni jkun marbut mit‑Trattati, u għalhekk minn kull regolament adottat skont dawn it‑trattati. Madankollu, id‑dikjarazzjoni mitluba f’din il‑kawża hija li Malta naqset milli tikkonforma ruħha mar‑Regolament billi ħadet ċerta azzjoni fi żmien qabel ma hija kienet marbuta mit‑Trattat KE.

    30.      Fil‑fehma tiegħi l‑Kummissjoni ma għelbitx dan l‑ostakolu.

    31.      Madankollu, hemm żewġ oġġezzjonijiet possibbli għal din il‑fehma li għandhom jiġu indirizzati. Id‑dikjarazzjoni mitluba tista’ tinftiehem fis‑sens li ma tirreferix għall‑għoti tal‑kuntratt innifsu fis‑16 ta’ April 2004 iżda għaż‑żamma fis‑seħħ tiegħu wara l‑1 ta’ Mejju 2004? U Malta setgħet titqies li kienet obbligata tikkonforma ruħha mar‑Regolament qabel dik id‑data?

    32.      Qabel neżamina dawn id‑domandi, tajjeb li nfakkar ċerti aspetti tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

     Ġurisprudenza dwar proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu

    33.      L‑ewwel nett, kif indikat il‑Qorti tal‑Ġustizzja, l‑għan tal‑proċedura prekontenzjuża fil‑proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu huwa kemm li l‑Istat Membru jingħata opportunità jikkonforma ruħu mal‑obbligi tiegħu taħt id‑dritt tal‑UE u kif ukoll li jkun jista’ jiddefendi ruħu kontra l‑akkużi mressqa mill‑Kummissjoni. Għaldaqstant, (a) il‑limiti tas‑suġġett tal‑proċeduri huma stabbiliti mill‑proċedura prekontenzjuża u (b) kemm l‑opinjoni motivata u kif ukoll ir‑rikors quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandhom jindikaw l‑ilmenti tal‑Kummissjoni b’mod preċiż, mhux ambigwu u fid‑dettall, b’tali mod li l‑Istat Membru u l‑Qorti tal‑Ġustizzja jkunu jistgħu jevalwaw eżattament b’liema mod dan l‑Istat Membru allegatament naqas milli jwettaq wieħed mill‑obbligi tiegħu taħt it‑Trattat, u b’tali mod li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tiddeċidix ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (12).

    34.      It‑tieni nett, il‑kwistjoni ta’ jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l‑obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata billi jsir riferiment għas‑sitwazzjoni eżistenti fl‑Istat Membru fi tmiem il‑perijodu previst fl‑opinjoni motivata (13).

    35.      Fl‑aħħar nett, hija l‑Kummissjoni li għandha l‑oneru tipprova l‑allegazzjoni li l‑obbligu ma twettaqx u tressaq quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑informazzjoni li din teħtieġ sabiex tiddetermina dan. Il‑Kummissjoni ma tistax sempliċement tallega, fir‑rikors tagħha, li Stat Membru, billi ħa azzjoni partikolari, naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt dispożizzjoni ta’ regolament, u għalhekk tislet, minn din id‑dispożizzjoni, konsegwenzi legali li mhux neċessarjament joħorġu minnha. Sabiex tistabbilixxi l‑allegazzjoni tagħha, il‑Kummissjoni għandha tipprova li l‑kundizzjonijiet għall‑applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni huma fil‑fatt sodisfatti fil‑kawża inkwistjoni (14).

     L‑għoti tal‑kuntratt jew iż‑żamma fis‑seħħ tiegħu?

    36.      Id‑dikjarazzjoni li qiegħda titlob il‑Kummissjoni hija, mingħajr ebda ambigwità, li Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament billi kkonkludiet kuntratt partikolari fis‑16 ta’ April 2004.

    37.      Fl‑opinjoni motivata tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2006, il‑Kummissjoni użat prattikament formulazzjoni identika fir‑rigward tal‑allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan id‑dokument, madankollu, hija stiednet ukoll lil Malta tieħu l‑miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal‑opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid‑data li rċevietha.

    38.      Malta, b’mod ċar, ma setgħetx tkun mistennija tmur lura fiż‑żmien sabiex ma tikkonkludix il‑kuntratt ikkontestat fis‑16 ta’ April 2004. Il‑miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal‑opinjoni motivata setgħu jkunu biss dawk li kienu ser iwasslu għax‑xoljiment tal‑kuntratt jew għal għoti ġdid wara proċedura ta’ sejħa għal offerti ħielsa minn diskriminazzjoni.

    39.      Sitwazzjoni bħal din ma hijiex rari fi proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu dwar, pereżempju, l‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi speċifiċi bi ksur tar‑regoli tal‑UE dwar l‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fid‑dawl tal‑Artikolu 258 TFUE u tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, meta l‑Kummissjoni tikkunsidra li tali kuntratt ingħata b’mod illegali, hija għandha, wara li tagħti lill‑Istat Membru kkonċernat l‑opportunità jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu, l‑ewwel tistieden lil dan l‑Istat Membru sabiex jirrimedja l‑illegalità (b’kull mezz li jkun disponibbli f’dak l‑istadju) sa data partikolari u mbagħad hija tista’, jekk l‑Istat Membru ma jkunx għamel dan, tressaq proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, li tiddeċiedi fid‑dawl ta’ jekk is‑sitwazzjoni illegali kinitx għadha eżistenti fid‑data stabbilita mill‑Kummissjoni.

    40.      Dan għalhekk jimplika li l‑Qorti tal‑Ġustizzja jew tikkonstata li l‑Istat Membru naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu jekk l‑illegalità ma tkunx ġiet irrimedjata sa dik id‑data jew tiċħad ir‑rikors tal‑Kummissjoni jekk kienet irrimedjata (15). Fl‑ewwel każ, iżda, id‑dikjarazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja xorta tkun marbuta mal‑illegalità inizjali tal‑għoti, u mhux man‑nuqqas li tiġi rrimedjata (16).

    41.      Għaldaqstant, anki jekk b’mod globali dawn il‑proċeduri għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu huma intiżi li titwaqqaf is‑sitwazzjoni allegatament illegali fid‑dawl tar‑Regolament, jew li Malta tiġi kkundannata talli ma waqqfitx din is‑sitwazzjoni fil‑perijodu mogħti għal dan il‑għan, is‑suċċess tagħhom jiddependi neċessarjament fuq konstatazzjoni li l‑għoti tal‑kuntratt kien illegali fid‑data meta ġie konkluż, jew minn tal‑inqas sar illegali f’data sussegwenti.

    42.      Id‑dikjarazzjoni mitluba hawnhekk tallega nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir‑Regolament, u mhux taħt xi strument ieħor. Għalhekk, sabiex ir‑rikors ikollu suċċess, l‑għoti tal‑kuntratt kellu jkun ipprojbit mir‑Regolament – jew fis‑16 ta’ April 2004 meta ġie konkluż (l‑ewwel ipoteżi), jew fl‑1 ta’ Mejju 2004, meta r‑Regolament sar vinkolanti fil‑konfront ta’ Malta skont l‑Artikolu 2(2) tat‑Trattat ta’ Adeżjoni u skont l‑Artikolu 2 tal‑Att ta’ Adeżjoni (it‑tieni ipoteżi).

    43.      It‑tieni ipoteżi tista’ tiġi miċħuda b’mod pjuttost sommarju.

    44.      Il‑kuntratt ikkontestat kien diġà jeżisti qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑Artikolu 4(3) tar‑Regolament espliċitament jippermetti li kuntratti eżistenti ta’ servizz pubbliku jinżammu fis‑seħħ sad‑dati tal‑iskadenza tagħhom (17). 

    45.      Ma nistax naċċetta s‑suġġeriment tal‑Kummissjoni, magħmul matul is‑seduta, li l‑Artikolu 4(3) jikkonċerna biss kuntratti eżistenti fl‑1 ta’ Jannar 1993, u dan anki fil‑konfront ta’ Stati li saru Membri tal‑Unjoni iktar minn għaxar snin wara. Din id‑dispożizzjoni tirreferi għal “kuntratti eżistenti” u mhux għal “kuntratti eżistenti fl‑1 ta’ Jannar 1993”. Sabiex jissodisfa r‑rekwiżiti ta’ ċertezza legali, it‑terminu “eżistenti” hawnhekk jista’ jfisser biss “eżistenti fid‑data tad‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament” (18). Fir‑rigward ta’ Stati li saru Membri tal‑Unjoni wara l‑1 ta’ Jannar 1993, din id‑data hija d‑data tal‑adeżjoni tagħhom – punt dan li anki l‑Kummissjoni taqbel miegħu. Fil‑fatt, meta aċċettaw, fil‑Pożizzjoni Komuni tas‑26 ta’ Ottubru 2001, li kuntratt konkluż minn Ġunju 2002 sa Ġunju 2007 kien ser ikun kompatibbli mal‑obbligi futuri ta’ Malta, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet fir‑rigward tal‑applikazzjoni tar‑Regolament għal Malta, in‑negozjaturi tal‑UE impliċitament irrikonoxxew li l‑Artikolu 4(3) kien ser japplika għal tali kuntratt.

    46.      Għalhekk, ma jistax jintalqa’ l‑argument imressaq mill‑Kummissjoni fit‑tweġiba tagħha li jgħid li kien sa mill‑1 ta’ Mejju 2004 li Malta ma kinitx konformi mal‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament.

    47.      Fi kwalunkwe każ, konstatazzjoni fis‑sens li Malta kienet naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament sa mill‑1 ta’ Mejju 2004 tkun kontradittorja fil‑konfront tal‑forma ta’ dikjarazzjoni mitluba mill‑Kummissjoni stess – u l‑Kummissjoni ma tistax sussegwentement tipprova tibdel jew tinterpreta mill‑ġdid din il‑forma ta’ dikjarazzjoni, kif dehret li ppruvat tagħmel waqt is‑seduta.

    48.      Għalhekk ser ngħaddi issa sabiex neżamina l‑ewwel ipoteżi. Din l‑ipoteżi tinvolvi l‑eżistenza ta’ obbligu għal Malta li ma tikkonkludix il‑kuntratt fil‑perijodu li kellu jwassal għall‑adeżjoni.

     Obbligu qabel l‑adeżjoni?

    49.      Ma hemm xejn fit‑Trattat ta’ Adeżjoni jew fl‑Att ta’ Adeżjoni – li Malta ffirmat fis‑16 ta’ April 2003, filwaqt li ppreżentat l‑istrument ta’ ratifika tagħha fit‑30 ta’ Lulju 2003 – li espliċitament jagħmel ir‑Regolament vinkolanti għal Malta qabel daħal fis‑seħħ dan it‑trattat. Għall‑kuntrarju, jidher li l‑konklużjoni inevitabbli li toħroġ mill‑Artikolu 2 tal‑Att ta’ Adeżjoni hija li r‑Regolament sar vinkolanti għal Malta biss f’dik id‑data – l‑1 ta’ Mejju 2004.

    50.      Madankollu, jidher li matul il‑fażi tan‑negozjati Malta indikat li kellha l‑intenzjoni tikkonkludi kuntratt ta’ ħames snin ma’ GCCL qabel it‑30 ta’ Ġunju 2002 u li tali kuntratt kien aċċettabbli għan‑negozjaturi tal‑UE bħala kompatibbli mal‑adeżjoni; jidher ukoll iżda li Malta fil‑fatt ikkonkludiet il‑kuntratt inkwistjoni għal sitt snin fis‑16 ta’ April 2004, eventwalità li la kienet aċċettata minn u lanqas biss ippreżentata lin‑negozjaturi tal‑UE.

    51.      L‑ewwel ħaġa li għandha tiġi nnotata hija li l‑Kummissjoni fl-ebda punt tar‑rikors tagħha quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, jew fir‑replika tagħha għall-eċċezzjoni ta’ Malta li tqajjem espliċitament il‑kwistjoni tal‑applikabbiltà tar‑Regolament għal Malta fiż‑żmien rilevanti, ma argumentat li r‑rikors tagħha kien b’xi mod jew ieħor ibbażat fuq obbligu li seta’ kellha Malta qabel id‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Adeżjoni. Għall‑kuntrarju, fir‑replika tagħha hija tiddikjara b’mod ċar li “kien eżatt minn dik id‑data, jiġifieri mid‑data tas‑sħubija, li r‑Repubblika ta’ Malta ma kienitx konformi ma l‑obbligazzjonjiet tagħha skond it‑termini tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru. 3577/1992”.

    52.      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Kummissjoni tkun qiegħda tonqos b’mod ċar mill‑obbligu tagħha, bħala rikorrenti quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, li tindika l‑elementi kollha neċessarji sabiex tipprova l‑każ tagħha jekk sussegwentement tinvoka l‑eżistenza ta’ obbligu preċedenti. Fil‑fatt, tali sitwazzjoni tmur kontra l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 42(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li jipprovdi: “Ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il‑kawża sakemm din ir‑raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il‑proċedura” (19).

    53.      Madankollu, kienet il‑Qorti tal‑Ġustizzja stess li stiednet lill‑partijiet jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom, fir‑rigward tal‑applikabbiltà ratione temporis tar‑Regolament fiċ‑ċirkustanzi ta’ din il‑kawża, dwar x’importanza għandha tingħata lill‑obbligu li wieħed jaġixxi in bona fide matul il‑perijodu qabel id‑dħul fis‑seħħ ta’ trattat.

    54.      Wieħed jista’ jistaqsi jekk, fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba obbligu li ma kienx invokat mill‑Kummissjoni fir‑rikors jew fir‑replika tagħha, dan jammontax għall‑invokazzjoni ex officio ta’ motiv min‑naħa tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

    55.      Skont ġurisprudenza stabbilita, motivi li jinvolvu kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku jistgħu, u saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio mill‑Qorti tal‑Ġustizzja meta dawn ma jitqajmux mill‑partijiet. Madankollu, minn naħa, ma jidhirx li l‑Qorti tal‑Ġustizzja qatt għamlet dan sabiex testendi l‑portata tal‑allegazzjonijiet tal‑Kummissjoni fil‑kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru u, min‑naħa l‑oħra, il‑“kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku” imqajma mill‑ġudikatura tal‑UE fuq din il‑bażi jikkonċernaw rekwiżiti proċedurali sostanzjali u mhux argumenti legali materjali (20). Fi kwalunkwe każ, ikun pass ġdid għall‑Qorti tal‑Ġustizzja li tissupplimenta l‑argumenti tal‑Kummissjoni kontra Stat Membru fi proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil‑fehma tiegħi, dan il‑pass ma jkunx konsistenti man‑natura akkużatorja, kważi penali ta’ dawn il‑proċeduri.

    56.      Fi kwalunkwe każ, bi tweġiba għall‑mistoqsija tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑Kummissjoni espremiet il‑fehma (a) li bħala Stat Membru futur, Malta kellha l-obbligu li taġixxi in bona fide sa mid‑data tal‑Pożizzjoni Komuni tas‑26 ta’ Ottubru 2001; u (b) li Malta kienet mingħajr ebda dubju obbligata toqgħod lura milli taġixxi bi ksur tad‑dritt tal‑UE sa mid‑data ta’ meta ffirmat it‑Trattat ta’ Adeżjoni fis‑16 ta’ April 2003. Madankollu, il‑Kummissjoni żżid li Malta effettivament ikkonkludiet il‑kuntratt inkwistjoni f’ċirkustanzi li jindikaw mala fide. F’dan ir‑rigward hija tikkunsidra li r‑rekwiżit ta’ bona fide, li jsib l‑espressjoni tiegħu fl‑Artikoli 18 u 26 tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandhom importanza primordjali.

    57.      Madankollu, fil‑fehma tiegħi, sabiex tagħmel id‑dikjarazzjoni mitluba, il‑Qorti tal‑Ġustizzja jkollha mhux biss tikkonstata li l‑obbligu ta’ Malta li ma tikkonkludix il‑kuntratt inkwistjoni fis‑16 ta’ April 2004 kien jirriżulta mill‑istatus tagħha ta’ Stat Membru futur li kien iffirma u rratifika t‑Trattat ta’ Adeżjoni iżda wkoll – u bħala kwistjoni li tieħu prijorità – li r‑Regolament stess seta’ jimponi obbligi fuq Stati Membri qabel id‑dħul fis‑seħħ tiegħu.

    58.      Il‑perijodu qabel ma regolament li jagħmel parti mill‑acquis jidħol fis‑seħħ fi Stat Membru mal‑adeżjoni jista’ jitqabbel mal‑perijodu bejn l‑adozzjoni jew il‑pubblikazzjoni tiegħu u d‑dħul fis‑seħħ tiegħu fir‑rigward ta’ Stat Membru eżistenti. Ikunu xi jkunu l‑obbligi ta’ Stat Membru futur matul il‑perijodu ta’ qabel l‑adeżjoni, dawn ma jistgħux ikunu ikbar minn dawk ta’ Stat Membru eżistenti matul il‑perijodu komparabbli qabel dħul fis‑seħħ ordinarju. Għaldaqstant, huwa biss jekk wieħed mit‑12‑il Stat li kienu Membri dak iż‑żmien kien kiser l‑obbligi tiegħu taħt ir‑Regolament li kieku kkonkluda kuntratt ekwivalenti bejn l‑adozzjoni jew il‑pubblikazzjoni tar‑Regolament, fis‑7 jew fit‑12 ta’ Diċembru 1992 rispettivament, u d‑dħul fis‑seħħ tiegħu, fl‑1 ta’ Jannar 1993, li jkun jista’ jiġi kkunsidrat jekk Malta kisritx l‑obbligi tagħha matul il‑perijodu immedjatament qabel saret Stat Membru.

    59.      F’dan ir‑rigward huwa ċar li regolament jorbot fl‑intier tiegħu (u erga omnes, fir‑rigward ta’ Stati Membri, istituzzjonijiet jew individwi) mid‑data tad‑dħul fis‑seħħ tiegħu, iżda mhux qabel – sakemm, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, id‑dispożizzjonijiet tiegħu ma jkollhomx effett retroattiv espliċitu (21). Ir‑regola fl‑Artikolu 254(1) u (2) KE (li sar l‑Artikolu 297 TFUE), li tiżgura li kull regolament ikollu data ta’ dħul fis‑seħħ li tkun tista’ tiġi identifikata b’mod ċar, hija espressjoni essenzjali tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali. Jekk regolamenti jipproduċu l‑effetti tagħhom qabel id‑data tad‑dħul fis‑seħħ tagħhom, din id‑data ma jkollha ebda sinjifikat.

    60.      F’din il‑kawża, ir‑Regolament ma fih ebda dispożizzjoni espliċitament retroattiva. Għall‑kuntrarju, apparti li l‑Artikolu 11 jispeċifika li d‑data tad‑dħul fis‑seħħ hija l‑1 ta’ Jannar 1993, l‑Artikolu 1(1) espliċitament jipprovdi li l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu għandha tapplika sa mill‑1 ta’ Jannar 1993, u l‑Artikolu 4(3) espliċitament jipprovdi li kuntratti eżistenti ta’ servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis‑seħħ sad‑data tal‑iskadenza tagħhom. F’dan il‑kuntest (fir‑rigward tat‑12‑il Stat li kienu Membri dak iż‑żmien (22)), kuntratti eżistenti jistgħu jfissru biss dawk eżistenti jew fl‑1 ta’ Jannar 1993 (jew, possibbilment, fir‑rigward tas‑servizzi temporanjament eżentati mill‑implementazzjoni tar‑Regolament taħt l‑Artikolu 6, fid‑data li fiha ntemmet l‑eżenzjoni temporanja rilevanti (23)).

    61.      Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, li kieku Stat Membru, lejn l‑aħħar ta’ Diċembru 1992, ikkonkluda kuntratt ta’ servizz pubbliku mingħajr sejħa għal offerti Komunitarja adegwata, dan l‑Istat Membru ma kienx ikun jista’ jiġi kkundannat talli naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l‑Artikoli 1 u 4 tar‑Regolament.

    62.      Huwa minnu li Stati Membri għandhom ukoll obbligu iktar ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, li issa jinsab espress fl‑Artikolu 4(3) TUE (li qabel kien l‑Artikolu 10 KE, u preċedentement l‑Artikolu 5 tat‑Trattat KE) u li jimplika li għandhom jieħdu l‑miżuri adegwati kollha sabiex jiżguraw it‑twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mit‑Trattati jew minn azzjoni meħuda mill‑istituzzjonijiet, li għandhom jiffaċilitaw it‑twettiq tal‑funzjonijiet tal‑Komunità (jew tal‑Unjoni) u li għandhom joqogħdu lura minn miżuri li jistgħu jipperikolaw il‑kisba tal‑għanijiet tat‑Trattati.

    63.      Kien fuq il‑bażi ta’ dan l‑aħħar obbligu li l‑Qorti tal‑Ġustizzja bbażat id‑deċiżjoni tagħha fis‑sentenza Inter‑Environment Wallonie (24) li Stati Membri li lilhom tkun indirizzata direttiva għandhom joqogħdu lura, matul il‑perijodu indikat għall‑implementazzjoni tagħha, milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament ir‑riżultat li jkun irid jinkiseb.

    64.      Madankollu, ma naħsibx li ġurisprudenza sa issa stabbilita tista’ sempliċement tiġi trasposta minn direttivi għal regolamenti. Direttiva tipikament tispeċifika data li fiha tidħol fis‑seħħ u data sa meta l‑Istati Membri għandhom jimplementawha. Huwa fil‑perijodu bejn dawn id‑dati li l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja teħtieġ li l‑Istati Membri joqogħdu lura milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament ir‑riżultat li jkun irid jinkiseb. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja qatt ma ddeċidiet li tali obbligu jeżisti wkoll matul il‑perijodu preċedenti bejn l‑adozzjoni u/jew il‑pubblikazzjoni ta’ direttiva u d‑data tad‑dħul fis‑seħħ tagħha. Fil‑fehma tiegħi, jekk jiġi deċiż hekk, id‑data tad‑dħul fis‑seħħ titħalla, għal darba oħra, mingħajr sinjifikat.

    65.      Fir‑rigward ta’ regolamenti, ma hemmx perijodu tranżitorju għal implementazzjoni iżda hemm biss perijodu bejn l‑adozzjoni u/jew il‑pubblikazzjoni u d‑dħul fis‑seħħ, meta r‑regolament isir vinkolanti fl‑intier tiegħu. Għaldaqstant, il‑perijodu li tirreferi għalih is‑sentenza Inter‑Environnement Wallonie ma jeżistix fil‑każ ta’ regolamenti (25).

    66.      M’iniex ser immur fl‑estrem li nissuġġerixxi li qatt ma jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn Stat Membru jista’ jonqos milli jikkonforma mal‑obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali minħabba azzjoni meħuda fi żmien meta direttiva jew regolament kienu eżistenti iżda kienu għadhom ma daħlux fis‑seħħ. Madankollu, fil‑fehma tiegħi, f’tali każ, il‑kriterju ta’ azzjoni “li tista’ tikkomprometti serjament” l‑effettività tal‑miżura inkwistjoni jkollu jiġi interpretat b’mod partikolarment strett. Possibbilment, tkun tikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità mal‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali f’tali ċirkustanzi dik l‑azzjoni biss li ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata qabel it‑terminu għat‑traspożizzjoni ta’ direttiva, jew li b’xi mod tipprekludi lir‑regolament milli jiġi applikat b’tali mod li jintlaħaq l‑għan tiegħu (26).

    67.      Għalkemm huwa minnu li ma hemm ebda regola ta’ de minimis fir‑rigward ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it‑Trattat (27) – jiġifieri, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu irrispettivament minn kemm il‑ksur ikun żgħir jew iżolat – f’każijiet fejn il‑ksur ikun allegatament seħħ permezz ta’ azzjoni meħuda qabel ma l‑miżura inkwistjoni daħlet fis‑seħħ ikun iktar adegwat, fil‑fehma tiegħi, standard differenti.

    68.      Fir‑rigward tar‑Regolament inkwistjoni f’din il‑kawża, seta’ kien neċessarju għall‑Kummissjoni li tistabbilixxi li, pereżempju, l‑azzjoni inkwistjoni pprekludiet kull possibbiltà ta’ konformità mad‑dispożizzjonijiet tiegħu għal perijodu kunsiderevoli wara d‑dħul fis‑seħħ tiegħu, jew kienet tikkonsisti f’sensiela ta’ passi li kumulattivament u sistematikament ippreġudikaw l‑implementazzjoni tiegħu, jew ittieħdet bl‑intenzjoni deliberata u/jew espressa li ma jiġux osservati d‑dispożizzjonijiet tiegħu.

    69.      Għall‑kuntrarju, il‑konklużjoni ta’ kuntratt wieħed, irrispettivament minn kemm ir‑Regolament, la darba dan ikun daħal fis‑seħħ, kien jipprojbixxih b’mod ċar, ma għandhiex tiġi kkunsidrata, fil‑fehma tiegħi, bħala suffiċjenti – waħedha, u fin‑nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti addizzjonali – sabiex tiġġustifika l‑konstatazzjoni li Stat Membru naqas milli jwettaq l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali tiegħu, u dan jekk il‑kuntratt kien ġie konkluż qabel id‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament. Jekk tittieħed pożizzjoni differenti, kemm is‑sinjifikat tad‑data tad‑dħul fis‑seħħ u kif ukoll id‑dispożizzjoni espressa li tinsab fl‑Artikolu 4(3) jinġabu fix‑xejn.

    70.      Barra minn hekk, fil‑fehma tiegħi, f’kawża bħal din il‑Kummissjoni kien imissha, qabel kollox, talbet dikjarazzjoni li tikkonferma ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali u mhux dikjarazzjoni li tikkonferma ksur tal‑Artikoli 1 u 4 tar‑Regolament, li ma kinux fis‑seħħ meta ġie konkluż il‑kuntratt. Huwa minnu li kien hemm numru ta’ okkażjonijiet fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru naqas milli jwettaq dan l‑obbligu ġenerali meta ma kienx jidher li ntalbet tali dikjarazzjoni (28) iżda dan, sa fejn naf jien, mhux bħala alternattiva għall‑konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjoni iktar speċifika li kien ġie allegat iżda mhux stabbilit jew f’każ fejn tali dispożizzjoni kienet għadha ma hijiex fis‑seħħ fiż‑żmien tal‑att li wassal għall‑ksur.

    71.      Jekk il‑pożizzjoni li b’hekk wasalt għaliha fir‑rigward ta’ każ ipotetiku ta’ Stat Membru li jikkonkludi kuntratt komparabbli lejn l‑aħħar ta’ Diċembru 1992 hija korretta, dan x’jimplika għall‑każ ta’ Stat Membru bħal Malta, li jkun ikkonkluda l‑kuntratt inkwistjoni fil‑perijodu li jiġi qabel mhux biss ma r‑Regolament sar applikabbli fit‑territorju tiegħu iżda anki qabel ma daħlu fis‑seħħ it‑Trattati u qabel ma sar Stat Membru tal‑Unjoni?

    72.      Minn tal‑inqas, f’April 2004 Malta ma setax ikollha obbligu ikbar minn dak li kien jinkombi fuq l‑Istat Membru ipotetiku f’Diċembru 1992. Jekk xejn dan l‑obbligu jista’ jkun biss iżgħar. L‑obbligu interim taħt id‑dritt internazzjonali tat‑trattati, għalkemm ma hemmx qbil komplet dwar it‑tifsira preċiża tiegħu, ma jistax jeżiġi konformità ma’ trattat qabel ma jidħol fis‑seħħ f’termini preċiżament identiċi bħal wara li jkun daħal fis‑seħħ – għaliex inkella, għal darba oħra, id‑data tad‑dħul fis‑seħħ ma jkollhiex sinjifikat.

    73.      Għalkemm, kif diġà indikajt, il‑kliem tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna ma humiex, bħala tali, vinkolanti għal Malta, u għalkemm il‑formulazzjoni tar‑regola kienet fluwida matul is‑snin u varjat minn sors awtorevoli għal ieħor (29), jidher ċar li l‑obbligu interim ma jipprekludix lil Stat firmatarju milli jieħu kwalunkwe azzjoni li kienet tkun inkompatibbli mat‑trattat li kieku dan kien diġà fis‑seħħ iżda jipprekludih milli jieħu azzjoni li b’xi mod timmina element prinċipali tat‑trattat.

    74.      F’dan ir‑rigward ma kontx nargumenta li l‑obbligu interim li għandu Stat li jkun iffirma u rratifika trattat ta’ adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea huwa sempliċement l‑obbligu li dan l‑Istat joqgħod lura minn azzjoni tali li tista’ ġġib fix‑xejn l‑għan u l‑iskop sħiħ tat‑Trattati tal‑UE, jew tat‑Trattat ta’ Adeżjoni – azzjoni li tkun tista’ tagħmel dan irid verament ikollha konsegwenzi sostanzjali – iżda nikkunsidra li okkażjoni waħda ta’ aġir li ma jkunx kompletament kompatibbli ma’ wieħed mill‑obbligi futuri ta’ sħubija fl‑Unjoni ma tkunx normalment ta’ natura li tesponi lill‑Istat għal proċeduri sussegwenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it‑Trattat.

    75.      Fil‑fehma tiegħi, f’din il‑kawża, mingħajr ma lanqas biss ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l‑ġustifikazzjonijiet imressqa minn Malta sabiex tispjega d‑diskrepanza bejn id‑dati msemmija fil‑Pożizzjoni Komuni tal‑2001 u d‑dati meta beda u spiċċa l‑kuntratt kif eventwalment konkluż (30), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex tagħmel id‑dikjarazzjoni mitluba mill‑Kummissjoni.

    76.      Il‑kawża tikkonċerna kuntratt wieħed. L‑intenzjoni ta’ Malta li tikkonkludi dan il‑kuntratt, għal perijodu li jestendi madwar tliet snin, jew iktar, wara d‑data tal‑adeżjoni ta’ Malta mal‑Unjoni, kienet indikata b’mod ċar matul in‑negozjati qabel l‑adeżjoni. Dak iż‑żmien il‑Kummissjoni ma oġġezzjonatx għal din l‑intenzjoni u għandha tiġi preżunta – peress li la insistiet li tiġi inkluża kundizzjoni fl‑Att ta’ Adeżjoni dwar l‑applikazzjoni tar‑Regolament għal Malta u lanqas ma marret lura għall‑kapitolu matul in‑negozjati – li aċċettat li tali kuntratt seta’ jiġi kkonċiljat mar‑Regolament. Issa l‑Kummissjoni qiegħda toġġezzjona għall‑fatt li l‑perijodu tal‑kuntratt kif fil‑fatt konkluż kien jestendi (minflok għal inqas minn tliet snin) għal iktar minn kif ikkontemplat fil‑Pożizzjoni Komuni tas‑26 ta’ Ottubru 2001. Għalhekk, hawnhekk ma huwiex involut att li jista’ jikkomprometti serjament l‑applikazzjoni ġenerali tar‑Regolament f’Malta fuq perijodu twil iżda att li jeżenta servizz partikolari ta’ kabotaġġ bejn gżejjer mill‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal perijodu limitat (minkejja li għal perijodu itwal minn dak inizjalment imħabbar u aċċettat).

    77.      Fil‑fehma tiegħi, dan ma jikkostitwixxix aġir li, peress li la r‑Regolament u lanqas it‑Trattati ma kienu fis‑seħħ f’Malta fiż‑żmien rilevanti, jista’ jiġġustifika dikjarazzjoni li Malta naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt ir‑Regolament, minħabba xi obbligu li hija seta’ kellha, bħala Stat Membru futur, li ma ġġibx fix‑xejn l‑iskop u l‑għanijiet tat‑Trattati jew l‑applikazzjoni futura tar‑Regolament.

     Konklużjoni

    78.      Minħabba r‑raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, nikkunsidra li l‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiċħad ir‑rikors u, kif mitluba minn Malta u skont l‑Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal‑Proċeura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tikkundanna lill‑Kummissjoni għall‑ispejjeż.


    1 – Lingwa oriġinali: l‑Ingliż.


    2 – Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas‑7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l‑prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat‑trasport marittimu fi ħdan l‑Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 10; iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”).


    3 – Trattat bejn ir‑Renju tal‑Belġju, ir‑Renju tad‑Danimarka, ir‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja, ir‑Repubblika Ellenika, ir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika Franċiża, l‑Irlanda, ir‑Repubblika Taljana, il‑Gran Dukat tal‑Lussemburgu, ir‑Renju tal‑Olanda, ir‑Repubblika tal‑Awstrija, ir‑Repubblika Portugiża, ir‑Repubblika tal‑Finlandja, ir‑Renju tal‑Isvezja, ir‑Renju Unit tal‑Gran Britannja u l‑Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal‑Unjoni Ewropea) u r‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja, [u] ir‑Repubblika Slovakka, li jirrigwarda l‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika Slovakka mal‑Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it‑“Trattat ta’ Adeżjoni”).


    4 – Konkluża fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969; daħlet fis‑seħħ fis‑27 ta’ Jannar 1980 (United Nations Treaty Series, Vol. 1155, p. 331; iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Vjenna”).


    5 – Madankollu, fost l‑Istati Membri attwali, Franza, Malta u r‑Rumanija ma humiex firmatarji tal‑Konvenzjoni ta’ Vjenna u, għalkemm l‑Istati Membri l‑oħra kollha rratifikawha, aderixxew magħha jew saru partijiet permezz ta’ suċċessjoni, kien biss bejn l‑iffirmar u d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Adeżjoni li l‑Lussemburgu u l‑Portugall għamlu dan, filwaqt li l‑Irlanda għamlet dan wara d‑data tad‑dħul fis‑seħħ ta’ dan it‑trattat [ara s‑sit internet tal‑United Nations Treaty Collection (Ġabra ta’ Trattati tan‑Nazzjonijiet Uniti) fuq http://treaties.un.org].


    6 – Ara, l‑iktar reċenti, is‑sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, Ġabra p. I-1289 , punti 40 sa 42) u l‑ġurisprudenza hemm iċċitata.


    7 – Madankollu, mhux is‑sorsi awtorevoli kollha jaqblu fuq kemm jista’ jingħad li l‑Artikolu 18 jikkostitwixxi sempliċement kodifikazzjoni, u mhux żvilupp, tad‑dritt konswetudinarju internazzjonali: ara, pereżempju, I. Sinclair, The Vienna Convention on the Law of Treaties, Manchester University Press, 1973, p. 22; għal kummentarju dwar uħud mill‑formulazzjonijiet tar‑regola konswetudinarja, li jvarjaw minn dik użata fil‑Konvenzjoni ta’ Vjenna, ara wkoll J. Klabbers, How to defeat a treaty’s object and purpose pending entry into force: toward manifest intent, 34 Vanderbilt Journal of Transnational Law, p. 283, Marzu 2001.


    8 – Ara n‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 5 iktar ’il fuq.


    9 –      Att li jirrigwarda l‑kondizzjonijiet tal‑adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja u l‑aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l‑Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33; iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni”).


    10 – Konferenza dwar l‑Adeżjoni mal‑Unjoni Ewropea – Malta – doc. 20766/01 CONF‑M 80/01.


    11 – Mit‑trattazzjoni jirriżulta li kien ġie konkluż kuntratt anki ma’ Sea Malta Co. Ltd iżda jirriżulta wkoll li din il‑kumpannija ġiet sussegwentement stralċjata.


    12 – Ara, minn fost ħafna eżempji oħra, is‑sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑340/02, Ġabra p. I‑9845, punti 25 sa 27); tat‑28 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, Ġabra p. I‑5415, punt 48), u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑457/07, ‑Ġabra p. I-8091, punti 67 u 68), flimkien mal‑ġurisprudenza ċċitata f’dawk is‑sentenzi.


    13 –      Ara, pereżempju, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52.


    14 –      Ara s‑sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑347/98, Ġabra p. I‑3327, punti 38 u 39).


    15 –      Eżempju ta’ dan it‑tip tal‑aħħar (għalkemm inkonnessjoni mal‑adozzjoni u ż‑żamma fis‑seħħ ta’ digriet b’applikabbiltà iktar wiesgħa u mhux inkonnessjoni mal‑għoti ta’ kuntratt speċifiku) jista’ jinsab fis‑sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑525/03, Ġabra p. I‑9405, punt 16).


    16 –      Eżempju jista’ jinsab fis‑sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑16/98, Ġabra p. I‑8315, punti 1, 12 sa 22 u 113). Bħala kuntrast wieħed jista’ jirreferi għas‑sitwazzjoni fi proċeduri dwar għajnuna mill‑Istat taħt l‑Artikolu 88(2) KE [li sar l‑Artikolu 108(2) TFUE u li qabel kien l‑Artikolu 93(2) tat‑Trattat KE], fejn l‑unika kwistjoni hija l‑obbligu, impost mid‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni, li tiġi rrimedjata l‑illegalità; ara, pereżempju, is‑sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (213/85, Ġabra 281, punti 7 u 8).


    17 –      Jista’ jingħad ukoll li ma hemm ebda dispożizzjoni tat‑Trattat li għandha, fir‑rigward ta’ kuntratti ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l‑istess effett bħalma għandu l‑Artikolu 307 KE (li sar l‑Artikolu 351 TFUE) fir‑rigward ta’ ftehim internazzjonali. Din id‑dispożizzjoni tobbliga lill‑Istati Membri l‑ġodda jeliminaw in‑nuqqas ta’ kompatibbiltà bejn ftehim internazzjonali konklużi qabel l‑adeżjoni u t‑Trattati.


    18 –      Ara wkoll il‑punti 58 et seq iktar ’il quddiem.


    19 –      Ara s‑sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1992, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑279/89, Ġabra p. I‑5785, punti 14 sa 17).


    20 –      Għalhekk, pereżempju, in‑nuqqas li tiġi osservata l‑proċedura prekontenzjuża meħtieġa [li hija “garanzija essenzjali” meħtieġa mit‑Trattat – ara s‑sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑442/06, Ġabra p. I‑2413, punt 22 u l‑ġurisprudenza hemm iċċitata)] jista’ jiġi invokat ex officio mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, anki jekk l‑Istat Membru stess ma jkunx espliċitament għamel dan. Għad‑distinzjoni magħmula fil‑kuntest ta’ appell ara s‑sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval and Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67).


    21 –      Ara, għal eżempju ta’ tali ċirkustanzi eċċezzjonali, is‑sentenza tad‑9 ta’ Jannar 1990, SAFA (337/88, Ġabra p. I‑1).


    22 –      Ara wkoll il‑punt 45 iktar ’il fuq.


    23 –      Ara l‑punt 20 iktar ’il fuq. Dan il‑punt ma ġiex deċiż mill‑Qorti tal‑Ġustizzja iżda hemm indikazzjonijiet, fis‑sentenza reċenti tagħha tat‑22 ta’ April 2010, Enosi Efopliston Aktoploïas et (C‑122/09, Ġabra p. I-3667, punti 15 u 17), u fid‑digriet tagħha tat‑28 ta’ Settembre 2006, Enosi Efopliston Aktoploïa et (C‑285/05, iċċitat fil‑punt 10 tas‑sentenza fil‑Kawża C‑122/09, punt 19), li Stat Membru jista’ jkun obbligat ma jiħux azzjoni li tista’ tikkomprometti serjament l‑applikazzjoni tar‑Regolament wara t‑tmiem tal‑perijodu ta’ eżenzjoni temporanja. Ara wkoll il‑punti 63 et seq iktar ’il quddiem, b’mod partikolari l‑punt 65 u n‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 25.


    24 –      Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1997 (C‑129/96, Ġabra p. I‑7411, punt 45 tas‑sentenza u punt 2 tad‑dispożittiv). Ara wkoll il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Jacobs, b’mod partikolari l‑punt 33 u l‑punti 39 et seq.


    25 –      Nista’ naċċetta l‑possibbiltà – li għadha ma ġietx ikkonfermata – li deroga jew eżenzjoni temporanji mill‑applikazzjoni ta’ regolament (u, b’mod partikolari, tar‑Regolament ineżami) jistgħu jimplikaw obbligu ekwivalenti għal dak fis‑sentenza Inter‑Environnement Wallonie (ara l‑punt 60 u n‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 23 iktar ’il fuq), iżda din il‑kawża tikkonċerna sitwazzjoni fejn ma kien hemm ebda deroga jew eżenzjoni meta r‑Regolament daħal fis‑seħħ fl‑Istat Membru inkwistjoni.


    26 – Ara wkoll il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Jacobs fil‑kawża Inter‑Environnement Wallonie, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 24 iktar ’il fuq, punti 42 et seq.


    27 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tas‑7 ta’ Frar 1984, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (166/82, Ġabra 459, punt 24); tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑348/97, Ġabra p. I‑4429, punt 62), jew tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑157/03, Ġabra p. I‑2911, punt 44).


    28 –      Ara, pereżempju, is‑sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑507/04, Ġabra p. I‑5939).


    29 –      Klabbers (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7 iktar ’il fuq) jikkwota diversi sorsi li jesprimu l‑obbligu bħala l‑obbligu “li ma titteħidx azzjoni li tagħmel impossibbli jew iktar diffiċli l‑eżekuzzjoni minn waħda mill‑partijiet tal‑obbligi stipulati”, “li bejn il‑firma u r‑ratifika ma jsir xejn li jġib fix‑xejn l‑għan tat‑trattat”, li “ma jsir xejn li jfixkel kwalunkwe azzjoni li tista’ tittieħed mill‑parti l‑oħra jekk u meta t‑trattat jidħol fis‑seħħ”, li “qabel ir‑ratifika, ma titteħidx azzjoni essenzjalment intiża li tnaqqas il‑valur tal‑impenn li fir‑rigward tiegħu tkun saret il‑firma”, jew li ma titteħidx “azzjoni in mala fide intiża deliberatament li l‑parti l‑oħra tiġi mċaħħda mill‑benefiċċji li hija leġittimament kienet qiegħda tistenna li tikseb mit‑trattat u li tkun tathom kunsiderazzjoni adegwata”.


    30 –      Essenzjalment, Malta ssostni li (i) kellha tistenna t‑tlestija ta’ proċess ta’ ristrutturazzjoni fi ħdan GCCL u l‑kunsinna ta’ tliet bastimenti ġodda qabel ma kienet f’pożizzjoni li fiha setgħet tevalwa b’mod korrett il‑livell ta’ sussidju meħtieġ għar‑rotta u (ii) meta stabbiliet it‑tul tal‑kuntratt hija segwiet il‑linji gwida tal‑Kummissjoni (COM (2003) 595 finali), li jikkunsidraw li t‑tul ta’ kuntratt ikun sproporzjonat biss jekk jaqbeż sitt snin. F’dan ir‑rigward ser ngħid biss li tali ġustifikazzjoni, jekk dan il‑punt jiġi eżaminat, ma tistax, fil‑fehma tiegħi, titwarrab malajr.

    Top