This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CC0428
Opinion of Mr Advocate General Mengozzi delivered on 9 March 2010. # Monsanto Technology LLC v Cefetra BV and Others. # Reference for a preliminary ruling: Rechtbank 's-Gravenhage - Netherlands. # Industrial and commercial property - Legal protection of biotechnological inventions - Directive 98/44/EC - Article 9 - Patent protecting a product containing or consisting of genetic information - Material incorporating the product - Protection - Conditions. # Case C-428/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 9 ta' Marzu 2010.
Monsanto Technology LLC vs Cefetra BV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank 's-Gravenhage - l-Olanda.
Proprjetà industrijali u kummerċjali - Protezzjoni ġuridika ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi - Direttiva 98/44/KE - Artikolu 9 - Privattiva li tipproteġi prodott li fih tagħrif ġenetiku jew li jikkonsisti f’tagħrif ġenetiku - Materjal li jinkorpora fih il-prodott - Protezzjoni - Kundizzjonijiet.
Kawża C-428/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 9 ta' Marzu 2010.
Monsanto Technology LLC vs Cefetra BV et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank 's-Gravenhage - l-Olanda.
Proprjetà industrijali u kummerċjali - Protezzjoni ġuridika ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi - Direttiva 98/44/KE - Artikolu 9 - Privattiva li tipproteġi prodott li fih tagħrif ġenetiku jew li jikkonsisti f’tagħrif ġenetiku - Materjal li jinkorpora fih il-prodott - Protezzjoni - Kundizzjonijiet.
Kawża C-428/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-06765
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:128
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2010 1(1)
Kawża C‑428/08
Monsanto Technology LLC
vs
Cefetra BV et
(talba għal deċiżjoni preliminari minn Rechtbank ’s-Gravenhage, (il-Pajjiżi l-Baxxi)
“Protezzjoni ġuridika tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi – Direttiva 98/44/KE – Privattiva marbuta ma’ tagħrif ġenetiku”
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ftit okkażjonijiet, sa issa, biex tittratta d-direttiva dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi. Madankollu l-kawża preżenti tagħtiha l-opportunità li tippreċiża xi punti importanti rigward il-protezzjoni li għandha tingħata, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, lil privattivi maħruġa f’dak il-qasam, li l-importanza tagħhom illum il-ġurnata hija impossibbli li tiġi sottovalutata.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Ftehim TRIPS
2. Il-Ftehim Trips dwar aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (2) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”) jistipula, fl-Artikoli 27 u 30 tiegħu, kif ġej:
“L-Artikolu 27
Suġġetti li jistgħu jiġu ppatentjati
1. Il-patenti [privattivi] għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe invenzjoni, jekk inhuma prodotti jew proċessi, f’kull qasam tat-teknoloġija, sakemm huma ġodda, għandhom passi inventivi u jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni industrijali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3, soġġetti għall-paragrafu 4 tal-Artikolu 65, paragrafu 8 ta’ l-Artikolu 70 u paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-patenti għandhom ikunu disponibbli u d-drittijiet tal-patenti li jistgħu jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni tal-post ta’ l-invenzjoni, il-qasam tat-teknoloġija u jekk il-prodotti kienux importati jew magħmula lokalment.
2. Il-Membri għandhom jeskludu mill-invenzjonijiet li jistgħu jiġu patentjati, il-prevenzjoni fit-territorji ta’ l-isfruttament kummerċjali li huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ l-ordni pubbliku u l-moralità, inkluż il-protezzjoni tal-ħajja umana, ta’ l-annimali jew pjanti jew saħħa jew biex jiġi evitat preġudizzju serju għall-ambjent, sakemm li esklużjoni bħal din ma saritx minħabba li l-isfruttament hi projbita mill-liġi tagħhom.
3. Il-Membri jistgħu jeskludu milli jiġu ippatentjati:
a) Metodi ta’ dianjosi, terapewtiċi u kirurġiċi għat-trattament ta’ l-umani jew annimali;
b) pjanti u annimali li mhumiex mikro-organiżmi, u proċessi essenzalment bioloġiċi għall-produzzjoni ta’ pjanti jew annimali li mhumiex proċessi bioloġiċi jew mikrobioloġiċi. Madankollu, il-Membri għandhom jipprovdu għall-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti permezz tal-patenti jew sistema sui generis effettiva jew b’xi tagħqida tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan is-sottoparagrafu għandhom jiġu riveduti erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim tal-WTO.
[…]
Artikolu 30
Eċċezzjonijiet għad-Drittijiet Mogħtija
Il-Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet limitati għad-drittijiet mogħtija minn patent, sakemm dawn l-eċċezzjonijiet ma jkollhomx konflitt bla raġuni għall-isfruttament normali tal-patent u li ma jkunux ta’ preġudizzju ta’ bla raġuni għall-interessi leġittimi tas-sid tal-patent, billi jżommu f’moħħhom l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi”.
B – Id-Direttiva 98/44/KE
3. Id-Direttiva 98/44/KE (3) (iktar ’il quddiem id-“direttiva”) tistipula fil-premessi tagħha, kif ġej:
“[…]
(3) Billi hija essenzjali l-protezzjoni effettiva u armonizzata ġewwa l-Istati Membri kollha sabiex jinżamm u jiġi nkoraġġat l-investiment fil-qasam tal-bijoteknoloġija;
[…]
(5) Billi jeżistu differenzi fil-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi offruti mill-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri differenti; billi dawn id-differenzi jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ u b’hekk jimpedixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern;
(6) Billi dawn id-differenzi jistgħu fil-fatt jikbru għaliex l-Istati Membri jadottaw leġislazzjoni u prattiċi amminstrattivi differenti, jew billi l-ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta din il-leġislazzjoni tiżviluppa b’mod differenti;
(7) Billi l-iżvilupp mhux ikkoordinat tal-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi fil-Komunità jistgħu jwasslu għal iktar diżinċentivazzjoni għall-kummerċ, bi ħsara għall-iżvilupp kummerċjali ta’ dawn l-invenzjonijiet u l-operat bla tfixkil tas-suq intern;
(8) Billi l-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi ma toħloqx il-ħtieġa li jinħoloq korp separat tal-liġi minflok ir-regoli tal-liġjiet nazzjonali dwar il-privattivi; billi r-regoli tal-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi jibqgħu il-bażi essenzjali għall-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi tenut kont tal-fatt illi dawn għandhom jiġu adattati jew miżjuda f’ċerti rigwardi speċifiċi sabiex iqisu adegwatament l-iżviluppi teknoloġiċi li jinvolvu materjal bijoloġiku li wkoll iħarsu l-ħtiġiet tal-jedd għall-privattiva;
[…]
(22) Billi d-diskussjoni dwar il-jedd għall-privattiva tas-sekwenzi jew is-sekwenza parzjali tal-ġeni hija kontroversjali; billi, skond din id-direttiva, l-għotja ta’ privattiva għall-invenzjonijiet li jirrigwardaw dawn is-sekwenzi jew sekwenzi parzjali għandhom ikunu bla ħsara għall-istess kriterji tal-jedd għall-privattiva bħaż-żoni l-oħra kollha tat-teknoloġija: in-novità, il-pass inventiv u l-applikazzjoni industrijali; billi l-applikazzjoni industrijali ta’ sekwenza jew ta’ sekwenza parzjali għandha tiġi żvelata fl-applikazzjoni għall-privattiva kif inkartata;
(23) Billi sempliċement is-sekwenza ta’ DNA mingħajr indikazzjoni ta’ funzjoni ma jkun fiha l-ebda tagħrif tekniku u għalhekk hija invenzjoni mingħajr jedd għall-privattiva;
(24) Billi, sabiex jitħares il-kriterju ta’ l-applikazzjoni industrijali huwa meħtieġ fil-każijiet fejn jintużaw sekwenza jew sekwenza parzjali ta’ ġene sabiex jipproduċu proteina jew parti minn proteina, li jiġi speċifikat liema proteina jew parti ta’ proteina jiġu prodotti u liema funzjoni jwettqu;
[…]”
4. L-Artikolu 1 tad-direttiva jistipula:
“1. L-Istati Membri għandhom jipproteġu l-invenzjonijiet bijoloġiċi fil-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi. Għandhom, fejn meħtieġ, jaġġustaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi sabiex iqisu d-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
2. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membru skond il-ftehimijiet internazzjonali, u b’mod partikolari il-Ftehim dwar l-TRIPS u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika”.
5. L-Artikolu 5 tad-direttiva jistipula:
“[…]
3. L-applikazzjoni industrijali ta’ sekwenza jew ta’ sekwenza parzjali ta’ ġene għandha tiġi żvelata fl-applikazzjoni għall-privattiva”.
6. L-Artikolu 9 tad-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Il-protezzjoni kkonferita minn privattiva rigward prodott li jkun fih jew jikkonsisti f’tagħrif ġenetiku għandha tiġi estiża għall-materjal kollu, għajr dak ipprovvdut fl-Artikolu 3(1), li fih il-prodott ikun inkorporat u li fih it-tagħrif ġenetiku jkun ikkontenut u li jwettaq il-funzjoni tiegħu”.
C – Il-liġi nazzjonali
7. Il-liġi nazzjonali Olandiża għal dawk li huma privattivi (ir-Rijksoctrooiwet 1995; iktar ’il quddiem: ir-“ROW95”), kif ġiet sussegwentement emendata: tadotta l-Artikolu 9 tad-direttiva fit-termini li ġejjin:
“Art. 53a
[…]
3 Fir-rigward ta’ privattiva għal prodott li jinkludi jew jikkonsisti f’tagħrif ġenetiku, id-dritt esklużiv jestendi għal kull materjal li fih il-prodott huwa inkorporat u li fih it-tagħrif ġenetiku jkun ikkontenut u li jwettaq il-funzjoni tiegħu, għajr dak ipprovvdut fl-Artikolu 3(1)(b)”.
II – Il-fatti, il-proċedimenti nazzjonali u d-domandi għal deċiżjoni preliminari
8. Il-kumpannija Monsanto hija proprjetarja ta’ privattiva Ewropea, maħruġa fid-19 ta’ Ġunju 1996, ta’ sekwenza ġenetika li, meta tiġi introdotta fid-DNA ta’ pjanta tas-soja, tagħmilha reżistenti għall-glifosato, erbiċida li jiġi prodott mill-istess kumpannija u kkummerċjalizzat bl-isem ta’ “Roundup”.
9. Il-pjanti tas-soja ġenetikament immodifikati (l-hekk imsejħa “soja RR”, jiġifieri “Roundup ready”) huma kkultivati f’diversi pajjiżi tad-dinja, imma mhux fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-vantaġġ fl-użu tas-soja ġenetikament immodifikata jikkonsisti għall-bdiewa, fil-possibbiltà li jiġi użat l-erbiċida Roundup biex jinqerdu l-pjanti infestati mingħajr il-biża’ li ssir ħsara lill-kultivazzjoni tas-soja.
10. Fl-Arġentina, is-soja RR hija kkultivata fuq skala kbira, u tikkostitwixxi prodott importanti għall-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, għal raġunijiet relatati mad-dritt intern, Monsanto ma għandhiex privattiva relatata mas-sekwenza ġenetika li tikkaraterizza l-pjanta inkwistjoni.
11. Fl-2005 u fl-2006, il-kumpanniji konvenuti fil-kawża prinċipali impurtaw diversi kunsinni ta’ dqiq tas-soja mill-Arġentina. L-analiżi tal-kampjuni tad-dqiq, imwettqa fuq talba ta’ Monsanto, indikat il-preżenza ta’ traċċi ta’ DNA li hija karatteristika tas-soja RR. Jirriżulta għalhekk li ġie aċċertat li d-dqiq impurtat, li ntaħan fil-port ta’ Amsterdam u intiż għall-produzzjoni ta’ għalf tal-annimali, ġie mmanifatturat fl-Arġentina bl-użu ta’ soja ġenetikament immodifikata li għaliha Monsanto għandha privattiva Ewropea.
12. Monsanto ressqet kawża kontra l-kumpanniji importaturi quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn żammithom responsabbli tal-ksur tal-privattiva tagħha.
13. Il-qorti nazzjonali, wara li kkonstatat li l-interpretazzjoni tad-direttiva hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża, issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1. L-Artikolu 9 tad-Direttiva Nru 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bioteknoloġiċi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 20, p. 395) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni mogħtija taħt dan l-artikolu tista’ tiġi invokata anki f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, meta l-prodott (id-DNA) jiġi inkorporat f’materjal u ma kienx jissodisfa l-funzjoni tiegħu meta seħħ il-ksur allegat, iżda li ssodisfa l-funzjoni tiegħu jew li jkun kapaċi li jerġa’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu wara li jkun ġie iżolat minn dak il-materjal u jkun iddaħħal fiċ-ċellula ta’ organiżmu?
2. Jekk jiġi preżunt li l-preżenza tas-sekwenza ta’ DNA hekk kif deskritta fl-affermazzjoni Nru 6 tal-privattiva [Nru EP 0 546 090] fl-ikel abbażi tas-soja importat fil-Komunità minn Cefetra u ACTI, u li kieku wieħed kellu jassumi li d-DNA ġie inkorporat fl-ikel abbażi tas-sojja għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 9 tad-Direttiva u li m’għadux jissodisfa l-funzjoni tiegħu:
il-protezzjoni ta’ privattiva dwar materjal bijoloġiku kif prevista mid-Direttiva b’mod particolari taħt l-Artikolu 9, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-privattivi milli tagħti (fl-istess waqt) protezzjoni assoluta fuq il-prodott (id-DNA) bħala tali, irrispettivament minn jekk id-DNA jissodisfax il-funzjoni tiegħu, u l-protezzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 9 għandha għaldaqstant titqies bħala eżawrjenti?
3. Tagħmel differenza, fir-risposta għat-tieni domanda, li l-applikazzjoni għall-privattiva [Nru EP 0 546 090] tkun saret u ngħatat ([f’dan il-każ,] fid-19 ta’ Ġunju 1996) qabel l-adozzjoni tad-Direttiva [98/44] u li din il-protezzjoni assoluta fuq il-prodott ingħatat qabel l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva?
4. Huwa possibili, fir-risposta għad-domandi preċedenti, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Ftehim TRIPS, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 30 tiegħu?”
III – Kunsiderazzjonijiet preliminari
14. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, kif wieħed seta’ jara fis-sunt tal-fatti, Monsanto qed taġixxi esklużivament kontra importaturi tad-dqiq mis-soja li ġej mill-Arġentina. Dan għaliex, kif ammettiet l-istess Monsanto, f’dak l-Istat hija ma tgawdix mill-protezzjoni tal-privattivi għas-soja RR. Kuntrarjament għall-Arġentina, f’pajjiżi oħrajn li jipproduċu s-soja, bħal pereżempju l-Brażil, din il-kumpannija tirċievi kumpens għall-użu tal-invenzjoni tagħha, bis-saħħa tal-protezzjoni ggarantita tal-privattiva u tal-ftehim konkluż mal-bdiewa.
15. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-għażla li l-kawżi fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jiġu llimitati għall-prodotti li ġejjin mill-Arġentina biss tikkostitwixxi sempliċement deċiżjoni ta’ politika kummerċjali tal-kumpannija Monsanto. Fil-fatt, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat li Monsanto tista’, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, tinvoka d-drittijiet tagħha fir-rigward tad-dqiq li ġej mill-Arġentina, xejn ma jista’ jżommha, sussegwentement, milli tinvoka drittijiet bħal dawn fuq id-dqiq li ġej minn pajjiżi oħrajn. Fil-fatt, il-prinċipju tal-eżawriment tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jista’ jiġi applikat biss wara l-ewwel dħul ta’ prodott fit-territorju tal-Unjoni Ewropea bil-kunsens tal-proprjetarju tal-privattiva (4).
16. Konsegwentement, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti se ssib l-applikazzjoni tagħha, b’mod ġenerali, fil-każijiet kollha li fihom ikun ġie importat fit-territorju tal-Unjoni Ewropea prodott li joriġina mit-trasformazzjoni, fi Stat terz, ta’ pjanta ġenetikament immodifikata li fir-rigward tagħha teżisti privattiva valida fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
IV – Fuq l-ewwel domanda preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
17. Bl-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jekk, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 9 tad-direttiva jħarisx il-pożizzjoni ta’ Monsanto anki fejn is-sekwenza ġenetika fil-mument attwali ma twettaqx il-funzjoni proprja tagħha, imma tkun wettqitha fil-passat jew tista’ twettaqha fil-futur.
18. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, il-kwistjoni tista’ tiġi interpretata bħala li hija llimitata biss għall-problema tal-konjugazzjoni tal-verb użat fl-Artikolu 9 tad-direttiva, li, kif rajna, jiggarantixxi l-protezzjoni hemmhekk deskritta f’każ biss li t-tagħrif ġenetiku “jwettaq il-funzjoni tiegħu”. F’dak il-każ, ir-risposta tista’ tillimita ruħha biex tikkonstata li d-dispożizzjoni legali tuża l-verb fil-preżent, biex b’hekk huwa għal kollox irrilevanti l-fatt jekk s-sekwenza ġenetika li fuqha ħarġet il-privattiva wettqitx il-funzjoni proprja tagħha fil-passat jew tistax twettaqha fil-futur (5). Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9, kull mument għandu jiġi kkunsidrat b’mod indipendenti. Huwa biss l-eżerċizzju “preżenti” tal-funzjoni li jagħmel applikabbli id-dispożizzjoni ċċitata. F’sitwazzjoni fejn il-funzjoni ma titwettaqx ma jistax ikun hemm ksur tal-Artikolu 9: naturalment, fil-mument li fih is-sekwenza trid terġa’ tibda twettaq mill-ġdid il-funzjoni, il-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 9 terġa’ ssir applikabbli.
19. F’dan is-sens, huma r-risposti għall-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari li ġew proposti mid-diversi partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ Monsanto. Huwa f’dan is-sens li jien nipproponi li għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun trid tiddeċiedi l-kwistjoni fit-termini restrittivi li għadni kemm indikajt.
20. Madankollu, insostni li jkun żball jekk tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-kwistjoni, u li, biex tingħata risposta xierqa lill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li l-Artikolu 9 jiġi interpretat fil-kuntest tad-direttiva kollha kemm hija u tal-protezzjoni li din tikkonferixxi lill-privattivi għal invenzjonijiet bijoteknoloġiċi. Barra minn hekk, ma għandux jintesa li kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub u anki waqt is-seduta, Monsanto insistiet fuq il-fatt li, fil-fehma tagħha, il-protezzjoni tal-privattiva li hija għandha dritt tinvoka ma toħroġx mill-Artikolu 9 tad-direttiva, imma mill-protezzjoni “klassika” li, konformi mad-dritt għall-privattivi tradizzjonali u mad-direttiva nnifisha, għandha tingħata lis-sekwenza ġenetika per se. Skont Monsanto, fi kliem ieħor, hija s-sekwenza tad-DNA mifhuma bħala sustanza kimika li tikkostitwixxi s-suġġett tat-talba tagħha quddiem il-qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Monsanto tiddikjara li ma hija qed tifformula l-ebda talba fir-rigward tad-dqiq: jekk id-DNA protett bi privattiva ma huwiex iktar inkluż fid-dqiq, hija ssostni li ma għandha l-ebda raġuni biex tieħu azzjoni kontra l-kumpanniji importaturi.
B – Fuq il-protezzjoni tal-privattiva bbażata fuq l-għan aħħari
21. Għaldaqstant, il-kwistjoni vera li għandha tiġi riżolta biex tingħata risposta b’mod sħiħ għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, tirrigwarda l-eżistenza jew le, f’każ bħal dak preżenti, ta’ protezzjoni bi privattiva klassika tat-tagħrif ġenetiku per se. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk it-tagħrif ġenetiku huwiex protett bħala element kimiku, anki f’każ li dan jinsab, bħala xi tip ta’ “residwu”, inkorporat fi prodott li huwa riżultat tat-trasformazzjoni tal-prodott bijoloġiku (f’dan il-kaz il-pjanti tas-soja) li fiha s-sekwenza wettqet il-funzjoni tagħha.
22. Wieħed jista’ jkun inklinat li jikkunsidra li din il-problema hija irrilevanti, jekk fil-każ inkwistjoni isostni li s-suġġett tal-kontroversja huwa sempliċement id-dqiq, u mhux id-DNA per se li jinsab inkorporat fih. Madankollu, fil-fehma tiegħi din is-soluzzjoni ma hijiex sodisfaċenti: fil-fatt mil-lat fiżiku, ma hemmx dubju li d-DNA suġġett tal-privattiva jista’ jinstab ġewwa d-dqiq, u li anki dan, fil-fatt, kien oġġett li ġie impurtat fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea.
23. Għajr għal Monsanto u l-Gvern Taljan, il-partijiet l-oħra li għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom ma ħadux pożizzjoni dwar din il-problema speċifika, lanqas wara li, waqt is-seduta, intalbu espliċitament biex jagħmlu dan. Dawn ikkonċentraw l-attenzjoni tagħhom kollha fuq id-dqiq.
24. Skont Monsanto, kif wieħed seta’ jara, indipendentement mill-protezzjoni possibbli tad-dqiq (li din il-kumpannija ma hijiex qed tinvoka), il-protezzjoni ggarantita mill-privattiva tkopri s-sekwenza tad-DNA per se. Din il-protezzjoni ma tirriżultax mill-Artikolu 9 tad-direttiva, imma mid-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha, li konformi magħhom id-dritt ordinarju tal-privattivi jibqa’ validu u intatt. L-Artikolu 9 jkollu biss il-funzjoni li jestendi, f’ċerti ċirkostanzi, din il-protezzjoni bażika. Madankollu, kemm jekk l-Artikolu 9 huwa applikabbli jew le, il-protezzjoni bażika tibqa’ topera favur is-sekwenza tad-DNA per se.
25. Skont il-Gvern Taljan, għall-kuntrarju, fil-mument li fih sekwenza tad-DNA tiġi inkorporata f’materjal ieħor, il-protezzjoni tal-privattiva tispiċċa, u tkun applikabbli biss il-protezzjoni taħt l-Artikolu 9 għall-prodotti “inkorporanti”.
26. Għalkemm l-argument tal-Gvern Taljan huwa wieħed interessanti, ma nistax naqbel miegħu. Wieħed għandu josserva li d-direttiva, b’mod ġenerali, timxi pari passu mal-liġi li kienet teżisti qabel dwar il-privattivi. Ara f’dan is-sens pereżempju l-Premessa 8. Huwa veru li d-direttiva stess, fl-Artikolu 1, tipprevedi l-possibbiltà li liġijiet nazzjonali f’materja ta’ privattivi jiġu mmodifikati biex isiru kompatibbli mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt Komunitarju inkwistjoni. Madankollu, l-intrepretazzjoni difiża mill-gvern Taljan ma hija kkorroborata b’ebda test. Wieħed ma għandux jinsa li, abbażi tad-dritt komuni tal-privattivi, il-fatt li invenzjoni tiġi inkorporata fi prodott ieħor b’mod ġenerali, ma jneħħix il-protezzjoni mogħtija lilha.
27. Ma hemmx dubju li l-Artikolu 9 tad-direttiva jikkostitwixxi regola li testendi l-protezzjoni tal-privattiva. Fil-fatt, dan l-artikolu jitlaq mill-presuppost li d-DNA li għandu protezzjoni bi privattiva, huwa protett per se, u jwessa’ l-protezzjoni mogħtija lilu, f’ċerti ċirkostanzi, anki għall-“materjal” li fih is-sekwenza ġenetika hija inkorporata, bil-kundizzjoni li din twettaq il-funzjoni tagħha. Peress li ma huwiex ikkontestat li, fid-dqiq tas-soja, is-sekwenza ġenetika protetta bi privattiva ma twettaq ebda funzjoni, mill-mument li din tikkostitwixxi biss residwu, il-protezzjoni addizzjonali ggarantita bl-Artikolu 9 ma tistax tiġi invokata fil-każ preżenti.
28. Madankollu, jifdal li wieħed jara jekk, kif issostni Monsanto, is-sekwenza ġenetika hijiex protetta per se, konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali f’materja ta’ privattivi. Il-problema speċifika li trid tiġi riżolta hija li jiġi stabbilit meta sekwenza tad-DNA protetta bi privattiva tiġi protetta bħala prodott distint.
29. Jien insostni li, skont it-test u l-iskop tad-direttiva, sekwenza ġenetika għandha tiġi kkunsidrata li hija protetta, anki bħala prodott distint, f’każ biss li din twettaq il-funzjoni li għaliha tkun ingħatat protezzjoni bil-privattiva. Fil-fehma tiegħi, fi kliem ieħor, id-direttiva tippermetti – u, effettivament, tisħaq – fuq interpretazzjoni li konformi magħha, fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni mogħtija lis-sekwenzi ġenetiċi hija protezzjoni hekk imsejħa “ibbażata fuq l-għan aħħari” (“purpose-bound”). Għalkemm id-direttiva ma tindikax b’mod espliċitu li l-protezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta għas-sekwenzi ġenetiċi trid tkun ta’ dan it-tip, bosta elementi, marbutin mas-sistemi komplessivi tal-privattivi f’materja bijoteknoloġika, huma inklinati favur din l-interpretazzjoni.
30. L-ewwel nett, diversi dispożizzjonijiet tad-direttiva jirrilevaw il-bżonn, bil-għan li tiġi miksuba privattiva għal sekwenza ġenetika, li tiġi indikata l-funzjoni speċifika li twettaq is-sekwenza. F’dan is-sens, ara l-premessi 22, 23 u 24, kif ukoll l-Artikolu 5(3). Huwa veru li dawn id-dispożizzjonijiet jittrattaw dwar il-jedd għall-privattiva, u mhux dwar il-protezzjoni tal-prodott bil-privattiva. Madankollu dawn huma referenzi ta’ ċerta importanza biex juru li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, sekwenza ġenetika ma għandhiex għal dawk li huma privattivi, xi importanza, jekk ma tiġix indikata l-funzjoni li titwettaq minn din is-sekwenza.
31. L-importanza kbira li tingħata mid-direttiva għall-funzjoni li twettaq sekwenza ġenetika sintendi għandha l-għan li tkun tista’ ssir distinzjoni bejn l-“iskoperta” u l-“invenzjoni”. L-identifikazzjoni ta’ sekwenza ġenetika mingħajr indikazzjoni ta’ ebda funzjoni tammonta għal sempliċi skoperta, li bħala tali ma tistax tinħareġ privattiva fuqha. Inversament, hija l-indikazzjoni ta’ funzjoni li twettaq is-sekwenza li tittrasformaha f’invenzjoni, li mbagħad tkun tista’ tgawdi mill-protezzjoni tal-privattiva. Issa, l-interpretazzjoni li abbażi tagħha sekwenza ġenetika tgawdi mill-protezzjoni tal-privattiva “klassika”, jiġifieri minn protezzjoni estiża għall-funżjonijiet possibbli kollha tas-sekwenza nnifisha, anki għal dawk mhux magħrufin fil-mument tal-applikazzjoni għall-privattiva, tkun tfisser l-għoti ta’ privattiva għal funzjonijiet li ma jkunux magħrufin fil-mument li tkun saret l-applikazzjoni għaliha. Fi kliem ieħor, ikun biżżejjed li ssir talba għal funzjoni waħda ta’ sekwenza ġenetika biex tinkiseb il-protezzjoni għal funzjonijiet l-oħrajn kollha possibbli tas-sekwenza nnifisha. Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni twassal biex tippermetti, fil-prattika, li tingħata privattiva għal sempliċi skoperta, kontra l-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-privattivi.
32. Wieħed ma għandux jinsa wkoll li, bħala prinċipju, essenzjalment privattiva hija magħmula minn skambju veru u proprju. Minn naħa, l-inventur jagħmel pubblika l-invenzjoni tiegħu, u b’hekk jippermetti l-kollettività li tibbenefika minnha. Ta’ dan, għal perijodu limitat ta’ żmien, l-inventur igawdi minn jedd għall-privattiva fir-rigward tal-invenzjoni nnifisha. Fil-fehma tiegħi, ir-rikonoxximent ta’ protezzjoni assoluta għal invenzjoni li tikkonsisti f’sekwenza ġenetika, li għaldaqstant tagħti lill-proprjetarju ta’ privattiva il-jedd esklużiv estiż fuqha għall-użu kollu possibbli tas-sekwenza, inklużi dawk li ma humiex indikati u mhux magħrufin fil-mument li tkun saret it-talba għall-privattiva, ikun jikser dan il-prinċipju fundamentali, għax jirrikonoxxi lil proprjetarju tal-privattiva protezzjoni sproporzjonata.
33. Għandu jiġi osservat ukoll li, jekk wieħed isegwi l-argument ta’ Monsanto, l-Artikolu 9 tad-direttiva jitlef l-effett utli tiegħu bħala dispożizzjoni li testendi l-protezzjoni tal-privattiva. Fil-fatt, jekk is-sekwenza tgawdi minn protezzjoni per se anki jekk ma teżerċitax il-funzjoni tagħha, ma nafx għal liema raġuni l-Artikolu 9 għandu jissuġġetta l-estensjoni tal-protezzjoni għall-eżerċizzju tal-funzjoni mis-sekwenza. Fil-fatt, irrispettivament minn dan, il-protezzjoni fil-prattika tkun iggarantita mill-preżenza biss tas-sekwenza, bħal fil-każ preżenti. Il-fatt li Monsanto qed titlob protezzjoni għas-sekwenza, u mhux għad-dqiq, ma jibdilx il-fatt li, fir-realtà, il-protezzjoni tipproduċi l-effetti tagħha anki fir-rigward tad-dqiq.
34. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni sostnuta minn Monsanto twassal sabiex tikkonċedi protezzjoni wiesgħa ħafna lill-proprjetarju ta’ privattiva bijoteknoloġika. Fil-fatt, kif ġie indikat minn diversi partijiet kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u anki waqt is-seduta, mhux possibbli wieħed jgħid f’liema mument u f’liema punt fil-katina tal-ikel u tal-prodotti derivati jkunu għadhom rikonoxxibbli traċċi tad-DNA oriġinali tal-pjanta ġenetikament immodifikata. Qegħdin effettivament nittrattaw sekwenzi li ma jiżvolġux iktar l-ebda funzjoni, imma l-preżenza stess tagħhom, tissuġġetta numru indefinit ta’ prodotti derivati għall-kontroll tal-persuna li tgawdi mill-protezzjoni tal-privattiva tas-sekwenza ġenetika ta’ pjanta. Kif ġie kkonstatat mill-Gvern Arġentin b’raġunament parzjalment biss paradossali, jekk fl-istonku ta’ annimal bovina kellhom jinstabu traċċi tas-sekwenza, minħabba l-għalf tal-annimal ta’ prodotti derivati mill-pjanta ġenetikament immodifikata, anki l-importazzjoni tal-annimal bovina inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala ksur tad-dritt tal-proprjetarju tal-privattiva (6).
35. Ma hemmx dubju fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ protezzjoni tal-invenzjoni ta’ Monsanto fl-Arġentina tidher inġusta. Madankollu, bl-istess mod, u irrispettivament mir-raġunijiet wara dak in-nuqqas ta’ protezzjoni, fil-fehma tiegħi bil-mossa tagħha, Monsanto qed tipprova tagħmel użu minn sistema legali (dik tal-Unjoni) biex tirrimedja problemi li ltaqgħet magħhom f’sistema legali oħra (dik tal-Arġentina). Il-fatt li Monsanto ma tistax tikseb fl-Arġentina kumpens adegwat għall-privattiva tagħha ma jistax jiġi rimedjat billi tingħata protezzjoni estiża fl-Unjoni Ewropea.
36. Kif inhu magħruf, il-protezzjoni bbażata fuq l-għan aħħari, ma tikkostitwixxix novità assoluta f’materja ta’ bijoteknoloġija. B’mod partikolari, fil-qasam tal-materja li hija s-suġġett tad-direttiva, il-leġiżlatur Franċiż u dak Germaniż għażlu li jmorru għall-protezzjoni ta’ dan it-tip, anki jekk b’referenza għas-sekwenzi ġenetiċi rigward il-ġisem uman (7). Il-Parlament Ewropew adotta wkoll riżoluzzjoni li ssostni li għall-privattivi rigward id-DNA uman, tingħata protezzjoni bbażata fuq l-għan aħħari (8). Barra minn dan, fil-qasam ta’ privattivi marbuta ma’ sustanzi kimiċi, il-prattika konsolidata hija dik li tirrikonoxxi d-dritt li tingħata privattiva lil użu ġdid ta’ sustanza li fuqha tkun ingħatat privattiva b’referenza għal użu ieħor (9).
37. F’dan l-istadju jeħtieġ issir kjarifika. Il-limitazzjoni tal-protezzjoni tal-privattiva ta’ sekwenzi ġenetiċi għall-funzjonijiet li abbażi tagħhom inkisbet il-privattiva, skont il-mudell tal-protezzjoni bbażata fuq l-għan aħħari, ma tfissirx li l-protezzjoni tiġi llimitata għall-każijiet li fihom il-ġene li għalihom inħarġet il-privattiva hija attiva. Minn aspett bijoloġiku, fil-fatt, hemm ġeni li huma attivi biss f’ċerti ċirkustanzi partikolari: pereżempju, kif irriżulta matul is-seduta, ġene li jattribwixxi lil pjanta reżistenza partikolari għan-nixfa jista’ jsir attiv f’każ biss ta’ nixfa. Huwa ċar li, għall-iskopijiet tad-direttiva, il-fatt li l-ġene “jeżerċita funzjoni” konformi mal-Artikolu 9 ma jfissirx li huwa attiv. Skont id-direttiva, tagħrif ġenetiku “jwettaq il-funzjoni tiegħu” meta dan i) ikun inkorporat f’materjal ħaj li jkun jifforma parti minnu, ii) jiġi trażmess meta l-materjal ħaj jirriproduċi ruħu u iii) jeżerċita b’mod kontinwu jew meta jseħħu ċerti ċirkustanzi, il-funzjoni li abbażi tagħha ngħata jedd għall-privattiva.
38. Barra minn dan, għandu jingħad li dak li ġie speċifikat fil-punt preċedenti huwa madankollu irrilevanti għall-każ inkwistjoni, ladarba ma huwiex ikkontestat li, fil-pjanti tas-soja RR is-sekwenza ġenetika inkwistjoni hija attiva b’mod permanenti.
C – Dwar in-natura residwali tad-DNA li jinsab fid-dqiq
39. Soluzzjoni alternattiva għal dik li spjegajt fil-punti preċedenti tista’ tkun dik li jiġi kkunsidrat li, fid-dqiq tas-soja importat, id-DNA suġġett tal-privattiva jikkostitwixxi sempliċi residwu, li jkun preżenti f’xi traċċi u għaldaqstant ma jimmeritax li jiġi protett. F’dan is-sens, it-talba ta’ Monsanto għandha fir-realtà bħala suġġett id-dqiq, u mhux is-sekwenza ġenetika. Il-protezzjoni “klassika” tas-sekwenza per se, mitluba minn Monsanto, hija biss pretest.
40. Madankollu, fil-fehma tiegħi, soluzzjoni bħal din ma hijiex prattikabbli. Fid-direttiva ma hemm l-ebda dispożizzjoni de minimis, li tillimita jew teskludi l-protezzjoni ta’ sekwenzi ġenetiċi li jkunu preżenti biss fi kwantitajiet varjabbli (u/jew estremament ridotti) fi prodott derivat ta’ materjal bijoloġiku (10). Fi kliem ieħor, jekk tiġi segwita interpretazzjoni simili jkun ifisser li jiġi introdott element ta’ valutazzjoni kwantitattiva (xi jkun imbagħad il-livell ta’ referenza?) li ma huwiex preżenti fid-direttiva u li, fl-aħħar mill-aħħar, jirriskja li jżid l-inċertezza. Il-limitazzjoni tal-protezzjoni tas-sekwenzi ġenetiċi għall-għan aħħari li għalih ingħataw il-privattiva, fil-fehma tiegħi hija l-aħjar soluzzjoni minn kull lat.
D – Konklużjonijiet dwar l-ewwel domanda
41. Għalhekk biex nikkonkludi l-analiżi tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi billi tiddikjara li, fi ħdan is-sistema tad-direttiva, il-protezzjoni mogħtija lill-privattiva fir-rigward ta’ sekwenza ġenetika hija limitata għal sitwazzjonijiet fejn it-tagħrif ġenetiku jwettaq attwalment il-funzjonijiet deskritti fil-privattiva. Dan jgħodd kemm għall-protezzjoni tas-sekwenza per se u anki għall-materjal li hija inkorporata fih.
V – Fuq it-tieni domanda preliminari
42. Bit-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali milli toffri protezzjoni permezz ta’ privattiva għall-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi iktar wiesgħa minn dik prevista mid-direttiva nnifisha.
43. Fi kliem ieħor, jeħtieġ jiġi stabbilit jekk id-direttiva tikkontjenix regolamentazzjoni eżawrjenti jew minima tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija. Fl-ewwel każ, fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik prevista mid-direttiva hija illegali, filwaqt li tista’ tkun aċċettabbli fit-tieni każ.
44. Il-premessa fid-domanda, naturalment, hija li r-regolamentazzjoni nazzjonali tikkonferixxi effettivament lill-proprjetarju ta’ privattiva protezzjoni iktar wiesgħa minn dik stabbilita mid-direttiva. Din hija kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Għalhekk, anki jekk fil-każ inkwistjoni l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tidher li hija kważi identika għad-direttiva, inkluż f’dik li hija l-formulazzjoni tal-verżjonijiet lingwistiċi adottati, bil-konsegwenza li l-preżunta protezzjoni iktar wiegħsa tidher li diffiċilment tista’ tingħaraf, il-premessa li qed ssir hawnhekk għandha tiġi aċċettata.
45. Anki fir-rigward tat-tieni domanda, Monsanto hija iżolata meta mqabbla mal-partijiet l-oħra kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, filwaqt li Monsanto ssostni li d-direttiva ma tista’ bl-ebda mod tillimita l-libertà tal-leġiżlaturi nazzjonali dwar il-punt speċifiku li jinteressana hawnhekk, il-partijiet l-oħra kollha huma inklinati li jirrikonoxxu li r-regolamentazzjoni tad-direttiva hija ta’ natura eżawrjenti.
46. L-ewwel osservazzjoni li nħoss li hija neċessarja tirrigwarda l-fatt li, minn kif inhu għalkollox evidenti, ir-regolamentazzjoni rigward il-privattivi f’materjali ta’ bijoteknoloġija skont id-direttiva ma hijiex kompluta. Hemm diversi aspetti dwar din il-materja li jitħallew għal-leġiżlatur nazzjonali. Fuq kollox, il-Premessa 8 tad-direttiva, li tikkonferma r-rwol (u, fir-realtà, ir-rwol essenzjali) tal-liġijiet nazzjonali, hija ċara fuq dan il-punt.
47. Madankollu, il-fatt li din ir-regolamentazzjoni ma hijiex kompluta ma jfissirx li ma hijiex waħda eżawrjenti. Fil-fatt, huwa perfettament possibbli, li leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tittrattax l-aspetti kollha ta’ settur partikolari, filwaqt li fl-oqsma li tittratta, din tistabbilixxi regolamentazzjoni eżawrjenti. F’dak il-każ, il-libertà tal-leġiżlaturi nazzjonali tkun illimitata biss għall-oqsma li fihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx intervjena (11).
48. Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni rigward privattivi f’materja ta’ bijoteknoloġija taqbel eżattament mal-qafas spjegat fil-punt preċedenti. Ir-regolamentazzjoni skont id-direttiva ma hijiex kompluta, imma għandha titqies li hija eżawrjenti għall-oqsma li tittratta: bil-konsegwenza li, f’dawk l-oqsma, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tipprevedi livell ta’ protezzjoni tal-privattivi iktar wiegħsa minn dik prevista fid-direttiva.
49. Ir-raġunijiet li jsostnu din l-interpretazzjoni huma diversi.
50. L-ewwel nett, l-għan prinċipali tad-direttiva huwa dak li tippromwovi s-suq u l-kompetizzjoni, filwaqt li jiġu osservati u protetti l-investimenti li jsiru mill-proprjetarji tal-privattivi. Dan jirriżulta kemm mill-bażi legali tad-direttiva (dak li qabel kien l-Artikolu 100 A tat-Trattat, li jikkorrispondi attwalment mal-Artikolu 114 TFUE), kif ukoll mill-qari tad-direttiva nnifisha (ara pereżempju l-Premessa 5). Ma hemmx għalfejn ngħid li l-għoti ta’ drittijiet partikolarment wiegħsa lil proprjetarji ta’ privattivi jista’ potenzjalment jikkunfliġġi ma’ dan l-iskop, peress li, minnha nnifisha, privattiva tikkostitwixxi limitazzjoni għal-libertà ekonomika (12).
51. Fuq kollox, il-qari ta’ wħud mill-premessi tad-direttiva (nirreferi, b’mod partikolari, għall-premessi 3, 5, 6 u 7) juri b’mod ċar li l-preokkupazzjoni prinċipali tal-leġislatur ma kinitx daqstant li jżid il-protezzjoni tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, imma pjuttost dik li jiġi evitat li d-differenzi leġiżlattivi eżisteni dwar il-materja jkollhom xi impatt negattiv fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk, huwa evidenti li l-interpretazzjoni tad-direttiva bħala regola ta’ armonizzazzjoni minima, bil-konsegwenza possibbli li jkun hemm bejn l-Istati Membri diverġenzi leġiżlattivi sinjifikattivi, tikkunfliġġi mal-għan prinċipali. L-eżistenza, fi ħdan l-Unjoni, ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni għall-istess privattivi, tkun fl-aħħar mill-aħħar inkonvenjent u sors ta’ inċertezza għall-istess proprjetarji tal-privattivi.
52. Għandu jiġi osservat ukoll li d-direttiva ma tinkludi l-ebda indikazzjoni espliċita li minnha wieħed jista’ jiddeduċi li l-Istati Membri huma liberi li jagħtu protezzjoni usa’ minn dik prevista fid-direttiva. Fir-regoli ta’ armonizzazzjoni minima ta’ spiss tiddaħħal klawżola ta’ dan it-tip, kif irrilevat ġustament mill-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (13).
53. Barra minn dan, id-direttivi li jimponu armonizzazzjoni minima normalment għandhom l-iskop li jiggarantixxu protezzjoni li qabel kienet ineżistenti. Hawnhekk, għall-kuntrarju, il-problema li l-leġiżlatur ipprova jsolvi, jew tal-inqas itaffi, kienet tikkonsisti fid-diverġenzi eżistenti bejn is-sistemi legali nazzjonali dwar il-materja (14).
54. Barra minn dan, nixtieq bħala konklużjoni, nirrileva aspett importanti. B’mod ġenerali, fi kwistjonijiet ta’ privattivi l-istess idea ta’ armonizzazzjoni minima xejn ma hija prattikabbli. Fil-fatt, bħala regola, id-dispożizzjonijiet dwar armonizzazzjoni minima huma adottati l-iktar f’kuntesti li fihom xi wħud isibu rwieħom ċarament f’pożizzjoni ta’ dgħjufija jew ta’ inferjorità meta mqabbla ma’ oħrajn. Wieħed jista’ jaħseb, biex jingħataw eżempji klassiċi, għall-każijiet diġà msemmija ta’ konsumaturi li jikkonkludu kuntratti mill-bogħod, jew ta’ impjegati milqutin b’sensja kollettiva (15). F’sitwazzjonijiet bħal dawn, huwa ċar għal xiex tista’ twassal il-protezzjoni usa’: din ma tagħmilx ħlief tiffavorixxi l-persuni l-iktar dgħajfa.
55. Għall-kuntrarju, fil-qasam tal-privattivi ma teżistix din iċ-ċarezza. In-natura tal-“iskambju” tal-privattiva bħala dritt esklużiv mogħti bi skambju tal-iżvelar ta’ tagħrif u għarfien min-naħa tal-inventur, teskludi l-possibbiltà ta’ persuna “iktar dgħajfa” jew “denja iktar ta’ protezzjoni”. Mit-tifsira tagħha stess, privattiva hija strument ġuridiku li għandha l-għan li tilħaq bilanċ bejn żewġ interessi opposti għal xulxin, dak tal-iżvelar u l-għarfien minn naħa, u dak tal-promozzjoni tal-investimenti u l-kreattività min-naħa l-oħra. Konsegwentement, lanqas ma jista’ jingħad b’ċertezza jekk id-direttiva għandhiex tinftiehem fis-sens li hija tagħti protezzjoni minima, jekk ir-regolamentazzjoni nazzjonali “iktar protettiva” għandhiex tipproteġi l-proprjetarji ta’ privattivi jew iċ-ċirkulazzjoni libera tal-ideat (u tal-merkanzija).
56. Għar-raġunijiet kollha esposti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda preliminari billi tiddikjara li d-direttiva tikkostitwixxi, għall-oqsma li dwarhom tittratta, regolamentazzjoni eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija fit-territorju tal-Unjoni għal invenzjoni bijoteknoloġika. Konsegwentement, din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tagħti lill-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi protezzjoni iktar wiegħsa minn dik prevista fid-direttiva.
VI – Fuq it-tielet domanda preliminari
57. Bit-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja xi trattament għandu jingħata, wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, lil privattiva mogħtija preċedentement u li ġġib magħha protezzjoni usa’ minn dik prevista fid-direttiva.
58. Anki f’dan il-każ, hija biss Monsanto li ssostni li d-data tal-ħruġ tal-privattiva tista’ tkun rilevanti sabiex tiġi definita l-portata tal-protezzjoni mogħti minnha. Madankollu, hija ssostni dan l-argument fil-kuntest tal-argumenti sussidjarji, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax il-pożizzjoni ta’ Monsanto dwar id-domandi preċedenti.
59. Mill-mod kif nara l-affarijiet jien, ir-risposta għal din d-domanda tissupponni żewġ premessi.
60. L-ewwel nett, bħal fil-każ tat-tieni domanda, wieħed għandu jitlaq mill-premessa, anki jekk ma nturitx b’mod ċar, li l-privattiva li ngħatat kellha effettivament, fil-mument li nħarġet, portata usa’ minn dik li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-direttiva.
61. It-tieni nett, anki jekk id-domanda hija fformulata f’termini pjuttost ġenerali, madankollu din għandha dejjem tinftiehem fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali speċifika żvolta quddiem il-qorti tar-rinviju. Fi kliem ieħor, din għandha tinftiehem fis-sens li qed tirreferi għal każ li jippreżenta karatteristiċi definiti sewwa tat-tilwim bejn Monsanto, proprjetarja tal-privattiva Ewropea fuq is-sekwenza ġenetika rigward is-soja RR, u ċerti kumpanniji li jimpurtaw lejn il-Pajjiżi l-Baxxi d-dqiq tas-soja li ġej mill-Arġentina.
62. Mill-Premessa 2 li għadni kif indikajt jirriżulta element importanti ħafna. Dak pretiż minn Monsanto ma hijiex sempliċement il-protezzjoni tal-privattiva li tikkorrispondi għat-talbiet inklużi fl-applikazzjoni għall-privattiva tas-sekwenza ġenetika li tikkaratterizza is-soja RR. Fil-fatt, dawn il-talbiet jagħmlu referenza għas-sekwenza ġenetika li għandha l-għan li tirrendi l-pjanta tas-soja reżistenti għall-glifosat. Issa, ma hemm l-ebda dubju li, inkwantu s-sekwenza tiggarantixxi din ir-reżistenza (billi teżerċita għalhekk il-funzjoni tagħha), din għandha tkun tista’ tgawdi leġittimament mill-protezzjoni mogħtija mid-direttiva.
63. Fil-każ inkwistjoni, madankollu, Monsanto qed titlob il-protezzjoni anki għas-sekwenza li ma teżerċitax il-funzjoni tagħha, u li hija għall-kuntrarju inkorporata, bħala residwu, f’materja mejta (id-dqiq). Konsegwentement, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li d-data tal-għoti tal-privattiva hija irrilevanti biex tiġi ddefinita l-protezzjoni li għandha tingħata lill-istess privattiva abbażi tad-direttiva, fi kwalunkwe każ ma jkun hemm l-ebda tnaqqis fil-protezzjoni tal-oġġett li dwaru qed isiru t-talbiet (is-sekwenza li tipproduċi ċertu effett). Li tinbidel hija biss l-estensjoni tal-protezzjoni “addizzjonali” mogħtija bil-privattiva.
64. Fil-fehma tiegħi, id-data tal-għoti tal-privattiva għandha tiġi kkunsidrata, fil-każ inkwistjoni, bħala irrilevanti. Anki f’dan il-każ, bħal wara kollox għad-domandi preliminari preċedenti, ma huwiex possibbli li wieħed isib fid-direttiva risposta espliċita u mhux ambigwa. Madankollu hemm diversi elementi li jindikaw dan.
65. L-ewwel nett, id-direttiva ma tinkludi ebda regola tranżitorja. Jekk il-leġiżlatur kellu l-ħsieb li jissalvagwardja l-pożizzjoni ta’ privattivi preeżistenti, probabbilment kien jintroduċi dispożizzjonijiet speċifiċi fit-test leġiżlattiv.
66. It-tieni nett, għandha titfakkar il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha l-obbligu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali anteċedenti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni(16). Wara kollox, ma aħniex f’qasam fejn l-interpretazzjoni eventwali ta’ regoli preċedenti jista’ jkollha konsegwenzi ta’ responsabbiltà kriminali: f’tali każ, fil-fatt, din tkun operazzjoni ermenewtika li probabbilment ma tkunx aċċettabbli (17).
67. It-tielet nett, fl-aħħar, wieħed għandu jżomm f’moħħu li kif rajna iktar ’il fuq, id-direttiva ġiet elaborata essenzjalment sabiex tippromwovi s-suq u l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, interpretazzjoni tad-direttiva li tippermetti interpretazzjoni tal-privattivi li tvarja skont id-data tal-għoti tagħhom tidher problematika. Fil-fatt, tali qari tad-direttiva jispiċċa joħloq problemi sinjifikattivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija u l-ħolqien ta’ suq wieħed effiċjenti f’dan is-settur. B’mod partikolari, iċ-ċertezza legali titnaqqas sostanzjalment jekk il-portata eżatta ta’ privattiva jkollha tiġi definita mhux permezz tat-talbiet li abbażi tagħhom ingħatat, imma permezz tad-data meta nħarġet. Barra minn dan, inkwantu tali qari eventwali “estensiv” jikkostitwixxi l-iktar l-iktar partikolarità ta’ wħud biss mis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, il-fatt tar-rikonoxximent legali tagħhom konformi mad-direttiva jispiċċa biex xorta waħda jitħalla għal numru ta’ snin, jiġifieri sal-iskadenza tal-privattivi li jkunu għadhom validi matul id-dħul fis-seħħ tad-direttiva, differenzi sostanzjali bejn il-livelli ta’ protezzjoni fid-diversi Stati Membri.
68. Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-tielet domanda billi tiddikjara li l-fatt li privattiva ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva ma għandu l-ebda effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari preċedenti.
VII – Fuq ir-raba’ domanda preliminari
69. Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika jekk il-Ftehim TRIPS, u b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 30 tiegħu, jistgħux jaffettwaw ir-risposta li għandha tingħata lit-tliet domandi preliminari.
70. Ngħidu mill-ewwel li naqbel mal-pożizzjoni espressa f’dan ir-rigward mill-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-kumpannija Monsanto, li ssostni li l-Ftehim TRIPS bl-ebda mod ma jista’ jbiddel ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi; b’mod partikolari, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tad-direttiva li qed nissuġġerixxi bl-ebda mod ma tikkonfliġġi mal-kontenut tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Ftehim TRIPS.
71. F’kull każ, għandu jitfakkar preliminarjament, li l-Artikolu 1 tad-direttiva espliċitament jissalvagwardja l-obbligi li għandhom l-Istati Membri taħt il-Ftehim TRIPS. Konsegwentement, il-leġiżlatur qies li d-direttiva ma hija inkompatibbli xejn mat-trattat internazzjonali inkwistjoni: fi kwalunkwe każ, il-klawżola ta’ salvagwardja espliċita inkluża fl-Artikolu 1 tipprekludi li Stat Membru jkun jista’ jiġi imputat bi ksur tad-direttiva ladarba l-imġiba tiegħu jkollha l-għan li jiġu osservati l-obbligi assunti taħt il-Ftehim TRIPS.
72. Huwa ċar li, f’tali kuntest, l-għodda ermenewtiċi l-iktar effikaċi bil-għan li jiġu evitati kunflitti possibbli bejn id-direttiva u l-Ftehim TRIPS, jikkonsistu filli tingħata lil tal-ewwel, fil-limiti tal-possibbli, interpretazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tieni wieħed. Wara kollox, u b’mod iktar ġenerali, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa tiskarta l-possibbiltà li tiġi kkunsidrata l-legalità ta’ regola tal-Unjoni fid-dawl tal-Ftehim tad-WTO (18), imma, min-naħa l-oħra, tisħaq fuq in-neċessità li jiġu evitati kunflitti possibbli proprju permezz tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi (19).
73. Għalhekk wieħed għandu jistaqsi jekk l-interpretazzjoni tad-direttiva li pproponejt fil-punti preċedenti tistax tikkonfliġġi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS: fl-opinjoni tiegħi, ma teżisti ebda inkompatibbiltà bejn dawn iż-żewġ testi.
74. Xejn fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS ma jipprekludi protezzjoni bbażata fuq l-għan aħħari tal-privattivi marbuta ma’ sekwenzi ġenetiċi.
75. B’mod partikolari, l-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS jittratta esklużivament dwar il-jedd għall-privattivi. F’dan il-każ ma teżisti l-ebda problema dwar il-jedd għall-privattivi, billi ma huwiex ikkontestat li Monsanto hija intitolata biex tapplika, kif fil-fatt għamlet, għall-privattiva tas-sekwenza ġenetika li tikkonferixxi lis-soja r-reżistenza għall-glifosat. Il-kwistjoni li fuqha l-partijiet ma jaqblux tirrigwarda esklużivament il-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-invenzjoni.
76. Lanqas ma hemm problemi ta’ kompatibbiltà mal-Artikolu 30, li jikkonċerna l-eċċezzjonijiet possibbli għad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju tal-privattiva. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-għoti ta’ protezzjoni bbażata fuq l-għan aħħari ma jfissirx li qed jiġu previsti eċċezzjonijiet għall-qasam tal-protezzjoni ta’ privattiva: min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ tali protezzjoni, il-portata tal-jedd per se, li ma jingħatax għal użu differenti minn dak indikat fl-applikazzjoni għall-privattiva, għandha tkun iddefinita b’mod restrittiv. Xejn fil-Ftehim TRIPS ma jeżiġi li jeħtieġ tingħata protezzjoni “assoluta”, lis-sekwenzi ġenetiċi, jiġifieri fir-rigward tal-użu kollu possibbli, inkluż l-użu imprevist u futur.
77. Wara kollox, anki jekk wieħed isostni b’mod assurd li l-protezzjoni ibbażata fuq l-għan aħħari tal-privattivi ta’ sekwenzi ġenetiċi tammonta għal limitazzjoni tal-portata ta’ privattiva fis-sens tal-Artikolu 30 tal-Ftehim TRIPS, fil-fehma tiegħi tali limitazzjoni xorta waħda tista’ tkun perfettament ammissibbli. Fil-fatt, l-Artikolu 30 jeżiġi li l-eċċezzjonijiet ikunu “limitati” u li dawn ma jostakolawx “l-isfruttament normali” tal-invenzjoni. Tabilħaqq, il-limitazzjoni tal-protezzjoni ta’ sekwenza ġenetika għall-użu li għalih tkun inħarġet privattiva ċertament ma jostakolax l-isfruttament normali tal-invenzjoni, li huwa dak deskritt fl-applikazzjoni għall-privattiva. Fil-fatt, bħala prinċipju, huma esklużi mill-protezzjoni biss l-użu possibbli futur u imprevedibbli (li madankollu l-proprjetarju tal-ewwel privattiva jista’ min-naħa tiegħu jikseb privattiva fuqhom, jekk l-iskoperta tkun tiegħu), jew bħal f’dan il-każ, attivitajiet marbuta mat-trasformazzjoni tal-prodott oriġinali, li fil-kuntest tagħhom is-sekwenza ġenetika ma tiżvolġix iktar ebda funzjoni.
78. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari billi tiddikjara li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS ma jikkonfliġġux mad-direttiva, kif interpretata fir-risposti għad-domandi preliminari preċedenti.
VIII – Konklużjonijiet
79. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi li saru mir-Rechtbank ‘s-Gravenhage kif ġej.
“Fis-sistema taħt id-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, il-protezzjoni mogħtija lil privattiva ta’ sekwenza genetika hija llimitata għal sitwazzjonijiet fejn it-tagħrif ġenetiku jiżvolġi attwalment il-funzjonijiet deskritti fil-privattiva. Dan jgħodd kemm għall-protezzjoni tas-sekwenza bħala tali u anki għall-protezzjoni tal-materjali li fihom hija inkorporata.
Id-direttiva tikkostitwixxi, fl-oqsma li hija tittratta, regolamentazzjoni eżawrjenti tal-protezzjoni mogħtija fit-territorju tal-Unjoni għal invenzjoni bijoteknoloġika. Konsegwentement, din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi protezzjoni usa’ minn dik prevista fid-direttiva.
Il-fatt li privattiva tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva ma jaffettwax ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari preċedenti.
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS ma jikkonfliġġux mad-direttiva kif interpretata fir-risposti għad-domandi preliminari preċedenti”.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – Approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 21, p. 80). It-test tal-Ftehim TRIPS huwa ppubblikat fl-istess ĠU L 336, p. 214. Il-verżjonijiet li huma bbażati fuq il-ftehim internazzjonali tal-Uruguay Round huma dawk bil-lingwa Ingliża, il-lingwa Franċiża u l-lingwa Spanjola.
3 – Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 20, p. 395).
4– Il-prinċipju tal-eżawriment jikkostitwixxi l-konsegwenza naturali tal-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi u ta’ miżuri ekwivalenti stipulati fit-Trattati (attwalment l-Artikoli 34 u 35 TFUE). Konformi ma’ dak il-prinċipju, il-proprjetarju ta’ privattiva li jkun ta l-kunsens tiegħu biex jiġi introdott fis-suq prodott li l-privattiva tiegħu tkun ikkonferiet fuqu drittijiet ma jistax imbagħad joġġezzjona sussegwentement għall-kwistjonijiet legali ulterjuri (ċessjoni, eċċ) dwar l-istess prodott. Fil-fatt, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja stess, “is-sustanza tal-jedd għall-privattiva essenzjalment tikkonsisti fl-għoti ta’ dritt esklussiv malli l-prodott jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni għall-ewwel darba” (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981, Merck, Kawża 187/80, Ġabra 2063, punt 9; il-kliem bil-korsiv huwa tiegħi). Il-validità tal-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-eżawriment ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi: ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1996, Merck u Beecham, (C‑267/95 u C‑268/95, Ġabra p. I‑6285). Dwar id-distinzjoni, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-eżawriment, bejn it-tqegħid fiċ-cirkolazzjoni fuq barra u fi ħdan it-territorju tal-Unjoni, ara b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976, EMI Records, (51/75, Ġabra p. 811, punti 6 sa 11).
5 – Fil-fatt, il-konjugazzjoni fil-preżent hija karatteristika tal-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-direttiva.
6 – L-istess jingħad, pereżempju, fil-każ ta’ tessuti u lbies manifatturati b’fibra derivata minn pjanti tal-qoton ġenetikament immodifikati.
7 – Ara l-punt 2.1 tar-Rapport COM(2005) 312 finali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Lulju 2005, intitulat “Żviluppi u implikazzjonijiet tal-liġi tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika”. Id-dokument inkwistjoni jikkonstata madankollu li d-direttiva tinkludi indikazzjonijiet mhux għalkollox ċari fuq dan il-punt.
8 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar privattivi għall-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU C 272E, p. 440, punt 5).
9 – Din hija prattika kurrenti fuq kollox fil-qasam tal-prodotti farmaċewtiċi. Peress li metodi ta’ kura per se ma jistgħux jingħataw jedd għall-privattiva (ara pereżempju l-Artikolu 53 tal-Konvenzjoni dwar il-Privattiva Ewropea, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973, fil-verżjoni emendata tagħha tas-sena 2000), bl-iskop li jiġu protetti l-interessi tal-kumpanniji attivi fil-qasam tar-riċerka medika ġie affermat il-jedd għall-privattiv ta’ prodott li jkun diġà magħruf, safejn dan ikollu bħala għan aħħari użu ġdid (ara d-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 1984 tal-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, G 1/83, G 5/83 u G 6/83, Bayer et). Barra minn dan, l-istess approċċ ġie adottat anki barra mill-qasam farmaċewtiku (ara d-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Diċembru 1989 tal-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, G 2/88, Mobil).
10 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2007 tal-High Court tar-Renju Unit, li ċaħħdet lil Monsanto l-possibbiltà li timblokka l-importazzjoni tad-dqiq tas-soja mill-Arġentina f’kawża identika għal dik li hija attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju: Monsanto vs Cargill (2007) EWHC 2257 (Pat) (punt 89). F’dak il-każ, it-talba ta’ Monsanto nċaħdet abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-estensjoni tat-talbiet dwar il-privattiva.
11 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑52/00, Ġabra p. I‑3827, punt 19).
12 – Ara, għal każ simili, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Cindu Chemicals et (C‑281/03 u C‑282/03, Ġabra p. I‑8069, punti 39 sa 44).
13 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumaturi rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327). Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (nota 11), punt 18.
14 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑377/98, Ġabra p. I‑7079, punt 16). Ara wkoll il-punt 25 tal-istess sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li d-direttiva introduċiet numru ta’ “preċiżazzjonijiet” u pprevediet ċerti “derogi” għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali: dan il-fatt per se jidher diffiċilment kompatibbli mal-idea ta’ direttiva ta’ armonizzazzjoni minima, li normalment tillimita ruħha biex tistabbilixxi limitu minimu ta’ protezzjoni, filwaqt li tħalli, għall-kumplament, l-Istati Membri fil-libertà li jilleġiżlaw.
15 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
16 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler,et (C‑212/04 (Ġabra p. I‑6057, punt 108), u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07 (Ġabra I‑4501, punt 84).
17 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 45).
18 – Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, biex wieħed jipproċedi għall-eżami tal-legalità ta’ att tal-Unjoni abbażi ta’ Ftehim tad-WTO, huwa neċessarju li l-Unjoni “tkun trid teżegwixxi obbligu partikolari li jkun ġie assunt fl-ambitu tad-WTO, jew [li] l-att [tal-Unjoni] jagħmel referenza espressament għal dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO” (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret & Cie vs Il-Kunsill, C‑94/02 P, Ġabra p. I‑10565, punti 55 u 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et., (C‑300/98 u C‑392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 47), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos-Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, Ġabra p. I‑7001, punt 35.