EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0392

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 10 ta' Diċembru 2009.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 96/82/KE - Kontroll tal- perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi - Artikolu 11(1)(ċ) - Obbligu ta’ tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni - Terminu.
Kawża C-392/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:773

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT


ippreżentati fl-10 ta’ Diċembru 20091(1)

Kawża C-392/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (Seveso II) – Pjanijiet ta’ emerġenza esterni – Terminu”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Seveso II”) għandha bħala għan il-protezzjoni kontra r-riskju ta’ inċidenti fl-użu industrijali ta’ ċerti sustanzi. Għalhekk, dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li jitfasslu pjanijiet ta’ emerġenza esterni u interna għall-istabbilimenti kkonċernati.

2.        Il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-awtoritajiet tar-Renju ta’ Spanja ma fasslux pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kkonċernati. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ma jeżistix terminu li matulu għandhom jitfasslu dawn il-pjanijiet. Barra minn hekk, ma hemmx ċerti pjanijiet ta’ emerġenza interni u informazzjoni dwar l-istabbilimenti.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-pjanijiet ta’ emerġenza huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva Seveso II:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-istabbilimenti kollha li għalihom japplika l-Artikolu 9:

a)      l-operatur ifassal pjan ta’ emerġenza interna għall-miżuri li għandhom jittieħdu ġewwa l-istabbiliment,

–        għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dan jibda jitħaddem;

–        għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

–        għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

–        għall-istabbilimenti li sussegwentament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, mingħajr dewmien, iżda f’kull każ fi żmien sena wara d-data li minnha din id-direttiva tapplika għall-istabbiliment ikkonċernat, kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1).

b)      l-operatur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jfasslu pjani [][pjanijiet] ta’ emerġenza esterna, l-informazzjoni meħtieġa f’dawn il-limiti ta’ żmien:

–        għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dawn jibdew jitħaddmu;

–        għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

–        għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

–        għall-istabbilimenti li sussegwentament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, mingħajr dewmien,, iżda f’kull każ fi żmien sena wara d-data li minnha din id-direttiva tapplika għall-istabbiliment ikkonċernat, kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1).

ċ)      l-awtoritajiet innominati għal dak il-għan mill-Istat Membru jfasslu pjan ta’ emerġenza esterna għall-miżuri li għandhom jittieħdu barra l-istabbiliment.

(2)      Il-pjani ta’ emerġenza għandhom jiġu stabbiliti bl-għanijiet li ġejjin:

–        li jkun fihom u jikkontrollaw inċidenti biex jimminimizzaw l-effetti, u biex jillimitaw il-ħsara lill-bniedem, lill-ambjent u lill-proprjetà;

–        jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-bniedem u lill-ambjent mill-effetti ta’ aċċidenti [inċidenti] serji;

–        jikkomunika l-informazzjoni neċessarja lill-pubbliku u lis-servizzi jew lill-awtoritajiet ikkonċernati fiż-żona;

–        jipprovdu għar-restawr u t-tindif tal-ambjent wara aċċident maġġuri.

Il-pjani ta’ emerġenza għandu jkollhom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

(3)       Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjani ta’ emerġenza interna li għalihom hemm ipprovdut f’din id-direttiva jkunu mfassla f’konsultazzjoni mal-personal impjegat fl-istabbiliment, u li l-pubbliku jkun ikkonsultat dwar pjani ta’ emerġenza esterna.

(4)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjani ta’ emerġenza interna u esterna jkunu riveduti, ittestjati, u fejn meħtieġ riveduti u aġġornati mill-operaturi u l-awtoritajiet innominati f’intervalli konvenjenti ta’ mhux iktar minn tliet snin. Ir-reviżjoni għandha tikkunsidra bidliet li jseħħu fl-istabbilimenti kkonċernati jew fi ħdan is-servizzi ta’ emerġenza kkonċernati, għarfien tekniku ġdid, u għarfien li jikkonċerna r-rispons għal aċċidenti serji.

(4a)      […]

(5)      […]

(6)      L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi, waqt li tagħti raġunijiet għad-deċizjoni tagħha, minħabba l-informazzjoni li jkun hemm fir-rapport tas-sigurtà, li l-ħtieġa biex ikun hemm pjan ta’ emerġenza esterna taħt il-paragrafu 1 ma tkunx tapplika.”

4.        Skont l-Artikoli 24(1) u 25, id-Direttiva Seveso II kellha tiġi trasposta sat-3 ta’ Frar 1999.

III – Fatti, proċedura u talbiet tal-partijiet

5.        Skont rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Seveso II (3), sal-aħħar tas-sena 2002 il-pjanijiet ta’ emerġenza esterni rekwiżiti taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) kien għadhom ma tfasslux la fir-Renju ta’ Spanja u lanqas f’kull Stat Membru ieħor. Wara talba oħra mill-Kummissjoni, fl-2006, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda li kienu tfasslu biss 35.2 % tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni mitluba.

6.        Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva Seveso II u, fit-23 ta’ Marzu 2007, talbitu jieħu pożizzjoni (ittra ta’ intimazzjoni). Peress li l-pjanijet ta’ emerġenza kienu għadhom ma sarux anki wara r-risposta tal-25 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Ottubru 2007, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja, li biha ordnatlu jwaqqaf il-ksur tad-dritt Komunitarju f’terminu stabbilit ta’ xahrejn.

7.        Wara li kkunsidrat ir-risposta tar-Renju ta’ Spanja tad-19 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni żammet l-istess opinjoni u ppreżentat dan ir-rikors.

8.        Il-Kummissjoni qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, peress li naqas milli jfassal pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ [aċċidenti] inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

9.        Ir-Renju ta’ Spanja qed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad dan ir-rikors, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV – Analiżi

10.      Skont l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva Seveso II, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ifasslu pjan ta’ emerġenza esterna għall-miżuri li għandhom jittieħdu barra l-istabbiliment.

11.      Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-pjanijiet ta’ emerġenza esterni li għadhom ma sarux, ma kienx hemm għalfejn jitfasslu għalissa. Fil-fatt, l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva Seveso II ma jistabbilixxi l-ebda terminu għat-tfassil ta’ dawn il-pjanijiet.

12.      Meta dispożizzjoni f’direttiva ma tinkludi l-ebda terminu speċifiku għat-traspożizzjoni tagħha, normalment japplika t-terminu ġenerali għat-traspożizzjoni (4). Madankollu, iż-żewġ partijiet ġustament jirreferu għall-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva Seveso II, li jagħti lill-operaturi tal-istabbilimenti termini itwal sabiex jagħtu l-informazzjoni neċessarja għall-pjanijiet ta’ emerġenza esterni. Konsegwentement, il-pjanijiet ma jistgħux jitfasslu qabel ma jirċievu din l-informazzjoni.

13.      Il-Kummissjoni taċċetta li l-obbligu li taddotta pjanijiet ta’ emerġenza esterni huwa marbut mat-termini stabbiliti għall-għoti tal-informazzjoni neċessarja.

14.      Madankollu, it-termini previsti taħt l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva Seveso II ma jistgħux japplikaw b’mod dirett għas-subparagrafu (ċ). Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti għandhom bżonn żmien suffiċjenti sabiex ifasslu l-imsemmija pjanijiet wara li jirċievu l-informazzjoni.

15.      Għaldaqstant, id-direttiva ma ssemmi l-ebda terminu speċifiku għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ emerġenza esterni.

16.      Madankollu, l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Direttiva Seveso II jinkludi obbligu mingħajr ebda kundizzjoni fuq l-Istati Membri, li huwa ta’ importanza kbira għall-fini tad-direttiva. Għalhekk, kif imsemmi espressament fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom fi żmien raġonevoli skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li għandu jiġi osservat ukoll mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom tad-dritt Komunitarju (5). Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux idewmu inġustament l-adozzjoni tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni (6).

17.      Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat it-terminu xieraq għat-tfassil ta’ pjan ta’ emerġenza estern. Bħala regola ġenerali, dan għandu jiġi ddeterminat abbażi taċ-ċirkustanzi materjali kollha (7). Huwa minnu li dan jiddependi fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali (8); madankollu, il-Kummissjoni tista’, fil-prinċipju, tipprova b’mod konklużiv, l-ilment tagħha dwar vjolazzjoni fuq livell nazzjonali permezz ta’ statistika. Fil-kuntest ta’ dan l-approċċ, każijiet partikolari għandhom ikunu investigati biss meta d-difiża tal-Istat Membru hija bbażata fuq każijiet partikolari.

18.      F’dan il-każ, ma huwiex qed jiġi kkontestat li għal numru ta’ snin, fir-Renju ta’ Spanja l-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma kinux disponibbli fir-rigward tal-istabbilimenti kollha kkonċernati. Huwa minnu li ċ-ċifri ma humiex dettaljati b’mod suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit f’liema każ it-terminu previst mill-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva Seveso II, għall-għoti tal-informazzjoni neċessarja taħt l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva Seveso II, kien diġà’ ddekorra xi żmien ilu. Iżda fid-difiża tiegħu r-Renju ta’ Spanja ma ressaqx l-argument li ż-żmien għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma kienx suffiċjenti. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ż-żmien disponibbli għat-tfassil tal-pjanijiet kien suffiċjenti.

19.      Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jiġġustifika n-nuqqas tal-pjanijiet ta’ emerġenza esterni bil-fatt li l-awtoritajiet kompetenti kellhom jistennew il-pjanijiet ta’ emerġenza interni u l-informazzjoni tal-istabbilimenti. Għandu jiġi rrikonoxxut li mingħajr dawn il-miżuri, il-pjanijiet ta’ emerġenza esterni ma jistgħux jitfasslu.

20.      Madankollu, l-Istati Membri huma marbutin taħt l-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva Seveso II li jiżguraw it-twettiq tal-obbligi tal-istabbilimenti fiż-żmien stipulat (9). Ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jiġġustifika n-nuqqas tiegħu li jfassal pjanijiet ta’ emerġenza esterni fiż-żmien stipulat għal fatt li naqas li josserva dan l-obbligu.

21.      Konsegwentement, ir-rikors għandu jintlaqa’.

V –    Fuq l-ispejjeż

22.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

VI – Konklużjoni

23.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.      Billi naqas li jfassal pjanijiet ta’ emerġenza esterni għall-istabbilimenti kollha li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti [inċidenti] kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq.

2.      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 398, kif emendat bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Marzu 2003, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410.


3 – L-abbozz tar-rapport dwar l-applikazzjoni fl-Istati Membri tad-Direttiva 96/82/KEE dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, għall-perijodu 2000-2002, http://ec.europa.eu/environment/seveso/pdf/report_de.pdf, kkonsultat fit-12 ta’ Novembru 2009.


4 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju ta’ Spanja (C‑355/90, Ġabra p. I‑ 4221, punt 11), dwar il-klassifikazzjoni f’żoni speċjali ta’ protezzjoni tal-għasafar.


5 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Laub (C‑428/05, Ġabra p. I‑5069, punt 25).


6 – F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenzi tagħha tat-12 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑289/08, Ġabra p. I‑31) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑342/08, Ġabra p. I‑33); tat-2 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C401/08, Ġabra p. I‑55), u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑30/09, Ġabra p. I‑170), li l-Istati Membri kkonċernati kisru l-Artikolu 11 tad-Direttiva Seveso II, peress li għadhom ma fasslux il-pjanijiet ta’ emerġenza esterna għall-istabbilimenti kollha.


7 – Fuq il‑perijodu xieraq għat-tul tal-proċedura ġudizzjarja, ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C 385/07 P,Ġabra p. I‑6155, punt 181 u referenzi ċċitati); tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler vs Il‑Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 144 u referenzi ċċitati). Fir-rigward tal-eżami tat-terminu xieraq għad-dħul fis-seħħ ta’ sentenza fil-proċedura għal nuqqas, ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika (C‑568/07, Ġabra p. I‑4505, punti 51 et seq).


8 – Skont is-sentenzi dwar it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


9 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (ċċitata fin-nota 6, punt 17).

Top