Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0305

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 3 ta' Settembru 2009.
    Consorzio Nazionale Interuniversitario per le Scienze del Mare (CoNISMa) vs Regione Marche.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
    Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Direttiva 2004/18 - Kunċett ta’ "kuntrattur", ta’ "fornitur" u ta’ "’min jipprovdi servizz" - Kunċett ta’ "operatur ekonomiku" - Universitajiet u istituti ta’ riċerka - Gruppi (‘consorzio’) ta’ universitajiet u korpi tal-Istat - Għan statutorju prinċipali bla qligħ - Ammissjoni għal parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
    Kawża C-305/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-12129

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:512

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MAZÁK

    ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

    Kawża C-305/08

    Consorzio Nazionale Interuniversitario per le Scienze del Mare (CoNISMa)

    vs

    Regione Marche

    “Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kunċetti ta’ ‘kuntrattur’, ta’ ‘fornitur’ u ta’ ‘min jipprovdi s-servizz’ — Kunċett ta’ ‘operatur ekonomiku’ — Universitajiet u istituti ta’ riċerka — Grupp (‘consorzio’) magħmul minn universitajiet u korpi tal-Istat — Għan statutorju prinċipali mingħajr skop ta’ lukru — Ammissjoni għal parteċipazzjoni fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat) (l-Italja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, stabbilit b’mod partikolari fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2004/18/KE ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li mhux neċessarjament ikunu preżenti fis-suq b’mod regolari, partikolarment l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka kif ukoll gruppi (konsorzji) ta’ dawk l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka u korpi tal-Istat, jitħallewx jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti għal servizzi pubbliċi b’relazzjoni għall-kisba ta’ data ġeofiżika u l-ġbir ta’ kampjuni mill-baħar. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk interpretazzjoni restrittiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq huma esklużi minn tali parteċipazzjoni, tmurx kontra d-Direttiva.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-dritt Komunitarju

    2.

    L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva jipprovdi li “‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus [bi ħlas] konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva”  ( 3 ).

    3.

    Skont l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva:

    “It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali [fiżika] jew legali [ġuridika] jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

    It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

    […]” ( 4 )

    4.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa intitolat “Operaturi ekonomiċi” u jipprovdi li:

    “1.   Kandidati jew nies li jitfgħu l-offerti li, ġew stabbiliti u jaqgħu taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru, huma intitolati biex jipprovdu s-servizz relevanti, mhux se jkunu mwarrba fuq il-kondizzjoni illi, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kuntratt hu assenjat, huma għandhom il-ħtieġa li jkunu persuni naturali jew legali.

    […]

    2.   Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jistgħu jitfgħu l-offerta jew joħorġu bħala kandidati. Biex jitfgħu l-offerta jew it-talba għall-parteċipazzjoni, dawn il-gruppi jistgħu ma jkollhomx il-ħtieġa li jassumu xi forma speċifika legali mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti]; però, il-grupp magħżul jista’ jkollu bżonn li jagħmel hekk meta jingħata l-kuntratt, sa ċertu limitu illi din il-bidla hija neċessarja għat-twettiq sodisfaċenti tal-kuntratt”  ( 5 ).

    5.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva jipprovdi, taħt it-titolu “Verifika ta’ l-adattabilità u għażla ta’ parteċipanti u għoti ta’ kuntratti” li “[k]untratti għandhom jingħataw fuq il-bażi tal-kriterji imniżżlin fl-Artikoli 53 u 55, jittieħed akkont l-Artikolu 24, wara li l-adattabilità ta’ operaturi ekonomiċi mhux eklużi taħt l-Artikoli 45 u 46 ikun ġie mixtarr [tkun ġiet ivverifikata] mill-awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] skond il-kriterji ta’ permessi ekonomiċi u finanzjarji, ta’ stabilità professjonali u teknika jew abilità li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 47 sa 52, u, fejn xieraq, mar-regoli non-diskriminatorji u kriterji li sar riferiment għalihom fil-paragrfu 3” ( 6 ).

    B — Id-dritt nazzjonali

    6.

    L-Artikolu 3(19) u (22) tal-Kodiċi tal-kuntratti pubbliċi, stabbilit bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 163 tat-12 ta’ April 2006 ( 7 ), jipprovdi, rispettivament li “it-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jirreferu għal persuna fiżika jew ġuridika, jew entità mingħajr personalità ġuridika, inkluż Grupp Ewropew b’Interess Ekonomiku (GEIE) imwaqqaf skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 240 tat-23 ta’ Lulju 1991, li ‘joffri fis-suq’, rispettivament, it-twettiq ta’ xogħlijiet jew xogħol, il-provvista ta’ prodotti, jew il-provvista ta’ servizzi” u li “it-terminu ‘operatur ekonomiku’ għandu jinkludi kuntrattur, fornitur, min jipprovdi s-servizz jew grupp jew konsorzju tagħhom”  ( 8 ).

    7.

    L-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jipprovdi, taħt it-titolu “Entitajiet li jistgħu jingħataw kuntratti pubbliċi […]” li:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet espressament ipprovduti, l-entitajiet li ġejjin huwa awtorizzati li jipparteċipaw fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi:

    a)

    operaturi kummerċjali individwali, inklużi l-artiġjani, il-kumpanniji u s-soċjetajiet kummerċjali u l-kooperattivi;

    b)

    konsorzji ta’ kooperattivi ta’ produzzjoni u ta’ xogħol […] u […] konsorzji ta’ artiġjani […];

    c)

    konsorzji permanenti, ikkostitwiti inter alia bħala impriżi konġunti […], bejn kuntratturi individwali (inklużi artiġjani), kumpanniji jew soċjetajiet kummerċjali jew kooperattivi ta’ produzzjoni u ta’ xogħol, […];

    d)

    gruppi ta’ kompetituri għal skop speċjali, li l-membri tagħhom jinkludu l-entitajiet imsemmija fis-subparagrafi a), b) u c) […];

    e)

    konsorzji ordinarji ta’ kompetituri […], li l-membri tagħhom jinkludu l-entitajiet imsemmija fis-subparagrafi a), b) u c) ta’ dan il-paragrafu, inklużi dawk ikkostitwiti bħala kumpanniji jew soċjetajiet […];

    f)

    entitajiet li daħlu f’[GEIE] […];

    […]”

    8.

    Kien biss wara li kienu seħħew il-fatti li huma s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, u b’hekk anki wara li ġie adottat id-digriet tal-qorti tar-rinviju fit-23 ta’ April 2008, li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tal-11 ta’ Settembru 2008 ( 9 ) żied is-subparagrafu li ġej mal-lista ta’ iktar ’il fuq: “f bis) operaturi ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 3(22), stabbiliti fi Stati Membri oħrajn u kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat”.

    II — Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

    9.

    Ir-Regione Marche (ir-Reġjun tal-Marche), fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità kontraenti, organizzat proċeduri ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz b’relazzjoni għall-kisba ta’ data ġeofiżika u ta’ ġbir ta’ kampjuni mill-baħar. Il-Consorzio Nazionale Interuniversitario per le Scienze del Mare (Grupp Interuniversitarju Nazzjonali tax-Xjenzi tal-Baħar; iktar ’il quddiem: il-“CoNISMa”) applika sabiex jipparteċipa, imma fl-aħħar kien eskluż minn din il-proċedura.

    10.

    Il-CoNISMa kkontesta l-esklużjoni tiegħu permezz ta’ petizzjoni straordinarja lill-President tar-Repubblika Taljana. Fil-kuntest ta’ din il-petizzjoni straordinarja, il-Ministero dell’ambiente e della tutela del territorio (Ministeru Taljan tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju) talab opinjoni mingħand il-Consiglio di Stato. Il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi jekk grupp interuniversitarju, bħall-CoNISMa, huwiex “operatur ekonomiku” fis-sens tad-Direttiva u, jekk dan huwa minnu, jekk jistax jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi xi dubji fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

    11.

    Il-Consiglio di Stato jikkonstata li l-CoNISMa huwa grupp (konsorzju) ta’ 24 università u tliet ministeri. Skont l-istatut tiegħu, il-grupp huwa mingħajr skop ta’ lukru u jipprova jippromwovi u jikkoordina r-riċerka u attivitajiet xjentifiċi oħrajn u l-applikazzjonijiet tagħhom fil-qasam tax-xjenzi marittimi bejn l-universitajiet membri. Madankollu, l-istatut tiegħu jipprovdi li jista’ jipparteċipa fi proċeduri pubbliċi ta’ sejħiet għal offerti. Il-grupp huwa ffinanzjat primarjament permezz ta’ sussidji pprovduti mill-Ministeru għall-Universitajiet u għar-Riċerka. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-proċeduri ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni huma miftuħin biss għal korpi pubbliċi li jipprovdu s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt skont il-funzjonijiet uffiċjali tagħhom u b’mod li huwa konsistenti mal-funzjonijiet bi skop ta’ lukru assenjati lilhom mir-regoli li jirregolawhom.

    12.

    B’hekk, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-parteċipazzjoni minn konsorzju [grupp] kkostitwit esklużivament minn universitajiet Taljani u amministrazzjonijiet ta’l-Istat [bħal CoNISMa], fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi bħal dak ta’ ksib ta’ tagħrif ġeofiżiku u ta’ ġbir ta’ kampjuni mill-baħar?

    2)

    Id-dispożizzjonijiet […] fl-Artikolu 3(22) u (19) u fl-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi stabbilit permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 — li jipprovdu, rispettivament, “it-terminu ‘operatur ekonomiku’ jinkludi l-imprenditur [kuntrattur], il-fornitur u dak li jipprovdi servizzi jew grupp jew konsorzju ta’ dawn” u “it-termini ‘imprenditur’ [kuntrattur], ‘fornitur’ u ‘dak li jipprovdi servizzi’ jirreferu għal persuna fiżika, jew persuna ġuridika, jew entità mingħajr personalità ġuridika, fosthom [GEIE] […]l i “joffri fis-suq”, rispettivament, it-twettiq ta’ xogħol jew xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti, il-provvista ta’ servizzi” — imorru kontra d-Direttiva Nru 2004/18/KE, jekk jiġu interpretati fis-sens li jillimitaw il-parteċipazzjoni għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal dawk li jipprovdu tali attivitajiet b’mod professjonali bl-esklużjoni ta’ entitajiet li għandhom bħala għan prinċipali mhux il-profitt [mingħajr skop ta’ lukru], iżda għanijiet bħar-riċerka?”

    III — Kunsiderazzjonijiet

    A — L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    13.

    Skont il-CoNISMa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li teskludi entitajiet li ma humiex “kuntratturi” skont lista eżawrjenti inkluża fl-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-Direttiva. L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva espressament jinkludi “entit[ajiet] pubbli[ċi]” fost il-kuntratturi, il-fornituri jew min jipprovdi s-servizz. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li l-kandidati intitolati biex jipprovdu s-servizz rilevanti ma għandhomx jitwarrbu biss minħabba li, skont il-liġi tal-Istat Membru fejn il-kuntratt għandu jingħata, huma għandhom ikunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi. A fortiori, kandidat ma għandux jitwarrab għaliex ma jkunx “kuntrattur”. Skont il-CoNISMa, dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-fatt li, wara li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ħadet azzjoni billi fetħet il-proċedura Nru 2007/2309 ( 10 ) kontra r-Repubblika Taljana minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, il-Gvern Taljan żied fl-Artikolu 34(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 s-subparagrafu l-ġdid (f bis) imsemmi iktar ’il fuq. Skont CoNISMa, din ir-riforma ħassret espressament ir-rekwiżit li l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn għandhom ikunu “kuntratturi”. Barra minn hekk, din ir-riforma ssostitwiet it-terminu “impriżi” użat fid-Digriet Leġiżlattiv bit-terminu “operaturi ekonomiċi”.

    14.

    Essenzjalment, il-Gvern Ċek isostni li jekk id-Direttiva hija intiża biex tistabbilixxi distinzjoni bejn korpi ekonomiċi pubbliċi, li jwettqu ċerta attività ekonomika, u dawk li mhumiex ekonomiċi, din kienet tiġi speċifikata iktar fid-dettall. Għalhekk, il-Gvern Ċek jipproponi li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

    15.

    Il-Gvern Awstrijak isostni, inter alia, li r-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi japplikaw fejn awtorità kontraenti jkollha l-intenzjoni tagħti kuntratt għal interess pekunjarju lil entità legalment distinta, irrispettivament minn jekk din tal-aħħar tkunx hija stess awtorità kontraenti jew le. Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jitħallew jipparteċipaw fi proċeduri pubbliċi ta’ sejħiet għal offerti kemm bħala offerenti kif ukoll bħala kandidati, punt li għandu japplika a fortiori għall-offerenti li ma humiex awtoritajiet kontraenti imma li l-għanijiet tagħhom huma mingħajr skop ta’ lukru u li ma jaġixxux esklużivament skont is-suq.

    16.

    Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li skont l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-korpi pubbliċi u l-awtoritajiet kontraenti b’mod ġenerali jistgħu jitħallew jipparteċipaw fi proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti bħala offerenti u għalhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala operaturi ekonomiċi fis-sens tad-Direttiva. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva ma tipprekludi lill-universitajiet u lill-gruppi magħmula minn universitajiet milli jiġu kkunsidrati bħala operaturi ekonomiċi u milli jkollhom aċċess għall-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti Komunitarji.

    17.

    Rigward it-tieni domanda, il-partijiet kollha msemmija iktar ’il fuq isostnu, essenzjalment, li għandha tingħata risposta fil-pożittiv.

    B — Kunsiderazzjonijiet

    18.

    Biż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li mhux bilfors ikunu preżenti fis-suq b’mod regolari ( 11 ), bħall-CoNISMa — jiġifieri, l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka kif ukoll il-gruppi (konsorzji) bħal dawn l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka u l-korpi tal-Istat ( 12 ) — humiex intitolati li jipparteċipaw fi proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz u jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “operatur ekonomiku” fis-sens tad-Direttiva. Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod restrittiv, jiġifieri li l-entitajiet imsemmija iktar ’il fuq ikunu preklużi milli jipparteċipaw, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali intepretazzjoni tmurx kontra d-Direttiva. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jekk jingħad li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt Komunitarju u mhux id-dritt nazzjonali ( 13 ).

    19.

    L-ewwel nett għandi l-intenzjoni li neżamina d-diċitura tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

    20.

    Minkejja r-riferiment għal “operaturi ekonomiċi”, inter alia, fl-Artikolu 1(2)(a), id-Direttiva ma tinkludix definizzjoni preċiża ta’ dan il-kunċett. L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva jipprovdi biss li dan it-terminu “[h]uwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità” u li jfisser “kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, […] xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi […]” ( 14 ).

    21.

    F’dan ir-rigward, jien inqis li l-fatt li l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva jirreferi għal dawk li “joffru servizzi fuq is-suq” ma jfissirx li hemm xi ħsieb li l-kategorija ta’ korpi pubbliċi eliġibbli biex jikkonkludu kuntratti mal-awtoritajiet kontraenti tkun ristretta biss għal dawk il-korpi li jwettqu (bħala impriża) l-attività involuta fis-servizz li għandu jingħata mill-kuntrattur magħżul u li l-għanijiet tagħhom huma għal skop ta’ lukru. Sabiex titqies bħala operatur ekonomiku, mhux essenzjali li toffri servizzi fis-suq b’mod kontinwu u sistematiku.

    22.

    Fil-fehma tiegħi, jidher b’mod ċar li d-Direttiva ma teħtieġ l-ebda forma legali partikolari u ma tinkludi l-ebda rekwiżit li jeżiġi li operatur ekonomiku jikkwalifika bħala impriża jew li għandu jkollu għanijiet għal skop ta’ lukru jew preżenza stabbli jew regolari fis-suq.

    23.

    Id-Direttiva sempliċement tipprovdi li l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” ifisser, inter alia, kwalunkwe entità pubblika li toffri fis-suq l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, prodotti, jew servizzi. Ma tgħid xejn iktar minn hekk.

    24.

    F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni, billi ma pprovda l-ebda indikazzjoni rigward il-karatteristiċi u/jew il-forma legali meħtieġa tal-operaturi ekonomiċi li jitħallew jipparteċipaw fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti, il-leġiżlatur Komunitarju ma xtaqx jiddefinixxi dan il-kunċett b’mod li jintroduċi kundizzjonijiet partikolari u b’hekk b’dan il-mod jillimita l-aċċess għal proċeduri ta’ sejħiet għal offerti.

    25.

    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi li “[k]andidati jew nies li jitfgħu l-offerti li, ġew stabbiliti u jaqgħu taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru, huma intitolati biex jipprovdu s-servizz relevanti, mhux se jkunu mwarrba fuq il-kondizzjoni illi, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kuntratt hu assenjat, huma għandhom il-ħtieġa li jkunu persuni naturali jew legali”. Sussegwentement, rigward gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jkompli jipprovdi li “[b]iex jitfgħu l-offerta jew it-talba għall-parteċipazzjoni, dawn il-gruppi jistgħu ma jkollhomx il-ħtieġa li jassumu xi forma speċifika legali mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] […]”.

    26.

    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u b’mod partikolari mid-diċitura tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva, jirriżulta li l-entitajiet pubbliċi, bħall-entità involuta fil-kawża prinċipali, huma “operaturi ekonomiċi” u, fil-prinċipju, jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi.

    27.

    L-approċċ imsemmi iktar ’il fuq huwa kkonfermat mill-ħidma preparatorja tad-Direttiva ( 15 ).

    28.

    Fuq dan il-punt, jista’ jkun interessanti li jsir xebh mal-kunċett stabbilit tajjeb ta’ impriża fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

    29.

    Dan jista’ jkun opportun minħabba l-fatt li d-Direttiva tenfasizza li l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” jintuża sempliċement għal finijiet ta’ semplifikazzjoni. Barra minn hekk, huwa ovvju li d-dritt u r-regoli tal-kompetizzjoni li jiggarantixxu kompetizzjoni ġusta fil-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti huma relatati.

    30.

    Għalhekk, huwa interessanti li titfakkar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Höfner u Elser ( 16 ) dwar il-kunċett ta’ “impriża”, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, li “jinkludi kull entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tal-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ prodotti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika”  ( 17 ). F’dan il-kuntest, il-kumment tal-Avukat Ġenerali Jacobs li “attività mhux neċessarjament tieqaf milli tkun ekonomika sempliċiment għaliex ma għandhiex għan li jsir lukru” hija partikolarment adattata ( 18 ).

    31.

    L-interpretazzjoni tiegħi tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” ġiet ikkonfermata anki mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntratti pubbliċi.

    32.

    L-ewwel nett, f’sentenza ( 19 ) l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi japplikaw għal“[operatur] ekonomik[u li huwa] attiv fis-suq”. Madankollu, jien inqis li minn din id-dikjarazzjoni ma għandux jiġi dedott li operatur ekonomiku għandu jkun preżenti fis-suq b’mod stabbli jew regolari.

    33.

    Anzi, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” għandu jkun interpretat b’mod wiesgħa sabiex tkun inkluża kwalunkwe persuna li toffri servizzi fis-suq, irrispettivament minn jekk tkunx qed tagħmel dan għall-ewwel darba jew tkun qed tagħmel dan sempliċiment b’mod iżolat jew okkażjonali.

    34.

    Tabilħaqq, kif osservat il-Kummissjoni, dak li ngħad iktar ’il fuq mhux ta’ preġudizzju għall-kwalità tas-servizz ipprovdut peress li l-Artikolu 44 tad-Direttiva jipprovdi li l-kuntratti għandhom jingħataw biss wara li l-awtoritajiet kontraenti jkunu kkontrollaw il-qagħda ekonomika u finanzjarja kif ukoll l-għarfien jew il-ħila professjonali u teknika tal-operaturi ekonomiċi.

    35.

    Interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” hija wkoll konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jkun id-dritt Komunitarju li jassigura l-ikbar parteċipazzjoni possibbli min-naħa tal-offerenti f’sejħa għal offerti ( 20 ).

    36.

    F’dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati wkoll is-sentenzi Teckal ( 21 ), ARGE ( 22 ), Stadt Halle u RPL Lochau ( 23 ), u Auroux et ( 24 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi hija applikabbli anki f’każijiet fejn il-kuntrattur ikun huwa stess awtorità kontraenti ( 25 ). Għalhekk, awtorità kontraenti tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala “operatur ekonomiku” fis-sens tad-Direttiva. Dan isostni wkoll l-interpretazzjoni wiesgħa tiegħi ta’ dan il-kunċett f’dan il-każ.

    37.

    Il-qorti tar-rinviju wriet xi tħassib speċifikatament rigward l-għanijiet mingħajr skop ta’ lukru tal-CoNISMa. F’dak ir-rigward, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li l-fatt li assoċjazzjoni tkun mingħajr skop ta’ lukru ma jeskludihiex milli twettaq attività ta’ natura ekonomika u milli tkun impriża skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.

    38.

    Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret is-sentenza ARGE ( 27 ) u sostniet li l-fatt li, peress li l-impjegati tagħhom jaħdmu fuq bażi volontarja, tali entitajiet jistgħu jitfgħu offerti bi prezzijiet li jkunu ferm orħos minn dawk ta’ offerenti oħrajn ma jipprekludihomx milli jipparteċipaw fi proċedura ta’ għotja ta’ kuntratt pubbliku għal servizz koperta mid-Direttiva 92/50. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kuntratt inkwistjoni f’din is-sentenza ma kienx eskluż mill-kunċett ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, minħabba l-fatt li l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kienu mingħajr skop ta’ lukru ( 28 ).

    39.

    Barra minn hekk, sabiex ikun indirizzat it-tħassib tal-qorti tar-rinviju li l-konsorzju allegatament ma jkunx jista’ joffri l-professjonaliżmu u l-kapaċitajiet ta’ negozju tipiku kif ukoll il-makkinarju sofistikat u l-operaturi b’ħiliet kbar meħtieġa għas-servizz ikkonċernat, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tagħmel l-ebda differenza jekk l-offerent innifsu ma jistax jew ma jkollux l-intenzjoni jwettaq il-kuntratt huwa stess sakemm jista’ juri li effettivament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi, ta’ kumpanniji sussidjarji jew ta’ terzi u irrispettivament min-natura tar-rabta legali tiegħu ma’ dawk il-kumpanniji ( 29 ), li huma neċessarji biex jitwettaq il-kuntratt.

    40.

    F’dan ir-rigward, id-Direttiva ma tippermettix li awtorità kontraenti teskludi korp pubbliku, bħall-CoNISMa, milli jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, minħabba li l-kwistjoni jekk operatur ekonomiku huwiex intitolat li jitħalla jipparteċipa f’tali proċedura għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva. Fi kliem ieħor, kif sostna l-Gvern Ċek, għandha ssir distinzjoni bejn il-possibbiltà li wieħed jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti billi jitfa’ offerta u l-evalwazzjoni ta’ dik l-offerta fil-kuntest ta’ fażi ta’ kwalifikazzjoni sussegwenti tal-proċedura.

    41.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti min-naħa ta’ gruppi ta’ korpi pubbliċi, bħall-CoNISMa, tista’ tikser il-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera f’żewġ aspetti. L-ewwel nett, tali parteċipazzjoni potenzjalment tista’ tneħħi mis-suq miftuħ numru ta’ kuntratti pubbliċi, li l-faċilità ta’ aċċess għalihom tkun mill-inqas imfixkla għal proporzjon mhux żgħir ta’ impriżi ordinarji minħabba n-netwerk mifrux ta’ punti ta’ referenza tan-negozju tal-grupp. It-tieni nett, tqiegħed inġustament lill-kuntrattur f’pożizzjoni ta’ vantaġġ mhux għaliex is-sigurtà ekonomika pprovduta mill-fluss kostanti u prevedibbli ta’ finanzi pubbliċi li mhux disponibbli għall-operaturi ekonomiċi l-oħra, li jridu jiddependu biss fuq il-ħila tagħhom li jaqilgħu l-flus minn dak li joffru fis-suq.

    42.

    L-ewwel nett, rigward l-allegat netwerk mifrux ta’ punti ta’ referenza tan-negozju, ma nikkunsidrax li dan l-argument huwa partikolarment deċiżiv, mhux l-inqas peress li l-CoNISMa, fl-osservazzjonijiet tiegħu, spjega li l-unika sede tiegħu tinsab f’Ruma u l-uffiċċji tad-diversi membri tiegħu ma għandhom l-ebda rwol fil-proċeduri pubbliċi ta’ sejħiet għal offerti.

    43.

    It-tieni nett, rigward l-argument li l-CoNISMa jitqiegħed inġustament f’pożizzjoni ta’ vantaġġ minħabba l-finanzi pubbliċi disponibbli għalih — minbarra l-ispjegazzjoni tal-CoNISMa li l-attività kummerċjali tiegħu tiffinanzja lilha nnfisha — jiena naqbel mal-Gvern Ċek u mal-Kummissjoni li huwa biżżejjed li ssir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat li dan l-element ma jikkostitwixxix ostakolu għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ sejħiet għal offert i ( 30 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-korpi pubbliċi, speċifikatament korpi li jirċievu sussidji mingħand l-Istat li jistgħu jagħtuhom il-possibbiltà li jitfgħu offerti bi prezzijiet ferm orħos minn dawk ta’ offerenti oħrajn li ma jingħatawx sussidji, huma espressament awtorizzati ( 31 ) li jipparteċipaw fi proċedura għall-għotja ta’ kuntratt pubbliku. Tabilħaqq, id-Direttiva li hija rilevanti fil-każ fil-kawża prinċipali tawtorizza wkoll espressament korpi pubbliċi, iffinanzjati f’uħud mill-każijiet mill-finanzi pubbliċi, li jipparteċipaw fi proċeduri għall-għotja ta’ kuntratti pubbliċi.

    44.

    Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva dwar “[o]fferti abnormalment baxxi” jipprovdi li “[m]eta awtorità kontrattwanti [kontraenti] tistabbilixxi li xi offerta hija abnormalment baxxa għax min ikun xeħitha ikun kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista’ tkun miċħuda fuq dik il-bażi biss wara konsultazzjoni ma’ min ikun xeħet l-offerta fejn dan ta’ l-aħħar ma jkunx jista’ jipprova, f’limitu ta’ żmien suffiċjenti iffisat mill-awtorità kontrattwanti [kontraenti], li l-għajnuna in kwistjoni ġiet mogħtija legalment. Fejn l-awtorità kontrattwanti [kontraenti] tiċħad xi offerta f’dawn iċ-ċirkostanzi, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dak il-fatt”  ( 32 ).

    45.

    F’dan ir-rigward, il-premessa 4 tad-Direttiva tipprovdi li “Stati Membri għandhom jassiguraw illi l-parteċipazzjoni ta’ korpi rregolati mill-liġi pubblika bħal dak li jagħmel l-offerta fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jikkawżax tgħawiġ ta’ kompetizzjoni inkonnessjoni ma’ dawk li jagħmlu l-offerti privatament”.

    46.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil konsorzju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħiet għal offerti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ( 33 ). Għaldaqstant, jirriżulta li d-Direttiva tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi tali entitajiet milli jipparteċipaw, sakemm ma jkunux intitolati b’xi mod ieħor taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li joffru prodotti, servizzi jew xogħlijiet fis-suq.

    47.

    F’dan ir-rigward, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi, billi tikkunsidra ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża quddiemha, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hiex kompatibbli mad-Direttiva, billi ma tapplikax, skont il-każ, kwalunkwe dispożizzjoni kontrarja fid-dritt nazzjonali ( 34 ).

    IV — Konklużjoni

    48.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato kif ġej:

    “(1)

    L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvista u għal servizzi], u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil konsorzju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli jitħalla jipparteċipa fi proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għotja ta’ kuntratt għal servizz li għandu x’jaqsam ma’ servizzi li l-konsorzju huwa intitolat li jwettaq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

    (2)

    Id-Direttiva 2004/18 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli teskludi lil entitajiet li l-għanijiet primarji tagħhom huma mingħajr skop ta’ lukru, bħar-riċerka, milli jipparteċipaw fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti, sakemm dawn l-entitajiet ikunu intitolati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li joffru xogħlijiet, prodotti jew servizzi fuq is-suq.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132). (iktar ’il quddiem: id-“Direttiva”).

    ( 3 ) Enfasi miżjuda.

    ( 4 ) Idem.

    ( 5 ) Idem.

    ( 6 ) Idem.

    ( 7 ) GURI Nru 100 tat-2 ta’ Mejju 2006, suppliment ordinarju, (iktar ’il quddiem: id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”). Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi bħalissa huma rregolati, fl-intier tagħhom, minn dan id-digriet.

    ( 8 ) Enfasi miżjuda.

    ( 9 ) GURI Nru 231 tat-2 ta’ Ottubru 2008.

    ( 10 ) Il-CoNISMa ssostni li l-Kummissjoni kkritikat il-lista fl-Artikolu 34 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, meta sostniet li “ma jidhirx li tippermetti l-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti ta’ operaturi b’forma legali differenti minn dawk imsemmija fil-lista. B’mod partikolari, dan l-artikolu ma jidhirx li jippermetti l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet jew korpi pubbliċi oħrajn li huma rregolati mil-liġi pubblika fis-sens tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi”.

    ( 11 ) F’dan ir-rigward, il-Consiglio di Stato jirreferi għall-preżenza tal-CoNISMa fis-suq bħala waħda li mhix “regolari” jew “stabbli”. Madankollu, l-istatut tal-CoNISMa jipprovdi espressament li jista’ jipparteċipa fi proċeduri ta’ sejħiet għal offerti u din hija r-raġuni għaliex nikkwalifika d-dikjarazzjoni bl-inklużjoni ta’ “bilfors”. Fil-fatt, il-CoNISMa jsostni li huwa regolarment jipparteċipa fi proċeduri pubbliċi ta’ sejħiet għal offerti.

    ( 12 ) Hawnhekk nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-CoNISMa jikkontesta l-fatt li huwa wkoll kompost minn korpi tal-Istat. Madankollu, għandu jingħad li d-domandi preliminari jiġu kkunsidrati fil-kuntest fattwali u legali kif ġie stabbilit mill-qorti tar-rinviju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkunu kunfliġġenti ma’ dak il-kuntest. Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 33 sa 36); kif ukoll tat-12 ta’ April 2005, Keller (C-145/03, Ġabra p. I-2529, punti 32 sa 34). F’kull każ, il-konklużjoni tiegħi f’dawn il-konklużjonijiet tapplika irrispettivament minn jekk il-grupp hux kompost ukoll minn korpi tal-Istat.

    ( 13 ) Rigward id-diċitura tat-tieni domanda, fi proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, mhux il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju jew li tinterpreta d-dritt nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjoni tal-kompatibbiltà għall-finijiet tal-kawża li jkollha quddiemha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C-213/07, Ġabra p. I-9999, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

    ( 14 ) Enfasi miżjuda.

    ( 15 ) Il-proposta għad-Direttiva spjegat, taħt “ġustifikazzjoni” għad-diċitura ta’ dak li eventwalment sar l-Artikolu 1(8), li l-“kunċett il-ġdid [ta’ operatur ekonomiku] sar neċessarju minħabba li t-tliet direttivi dwar is-settur pubbliku ddaħħlu f’test wieħed”. Il-ħidma preparatorja tad-Direttiva tispjega wkoll li “l-uniku skop ta’ [dak] it-terminu hija l-konċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li jittraduċi t-termini “opérateur économique” bil-Franċiż jew “ondernemer” bl-Olandiż u li bl-Ingliż effettivament ifisser “undertaking” (impriża). Jingħad ukoll li “fil-każ ta’ problemi serji fit-traskrizzjoni, jista’ jsir użu sistematiku, minkejja li dan l-istil mhu xejn mexxej, minn ‘fornitur, min jipprovdi s-servizzi u kuntrattur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 16 ) Sentenza tat-23 ta’ April 1991 (C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21). Ara wkoll, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni (C-205/03 P, Ġabra p. I-6295, punt 25); u, iktar reċenti, sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni u Eurocontrol (C-113/07 P, Ġabra p. I-2207, punt 69). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (118/85, Ġabra p. 2599, punt 7); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 36); tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 47); tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 108); tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 29); u FENIN vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 25).

    ( 18 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Joustra (C-5/05, Ġabra p. I-11075, punt 84). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fl-10 ta’ Novembru 2005 fil-kawża FENIN vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, “anki jekk ma titwettaqx attività bi skop ta’ lukru, jista’ jkun hemm parteċipazzjoni fis-suq li tista’ tfixkel l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni” (punt 14). Dwar ir-relevanza tal-fatt li organizzazzjoni tkun mingħajr skop ta’ lukru meta tiġi evalwata n-natura ekonomika ta’ attività, ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 1993, Poucet u Pistre (C-159/91 u C-160/91, Ġabra p. I-637, punt 10); Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 37); u tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punti 76 u 77).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 44).

    ( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Michaniki (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 39); u tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur (C-538/07, Ġabra p. I-4219, punt 26). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 47).

    ( 21 ) Sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999 (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 50 et seq).

    ( 22 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000 (C-94/99 Ġabra p. I-11037, punt 40).

    ( 23 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 47.

    ( 24 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19.

    ( 25 ) Dwar każ fejn università tkun potenzjalment awtorità kontraenti, ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, The University of Cambridge (C-380/98, Ġabra p. I-8035). Rigward il-kunċett ta’ awtorità kontraenti, ara A. Tizzano, “La notion de ‘pouvoir adjudicateur’ dans la jurisprudence communautaire”, f’M. Monti, Prinz Nikolaus von und zu Liechtenstein, B. Vesterdorf, J. Westbrook, L. Wildhaber (Ed.), Economic Law u Justice in Times of Globalisation, Nomos, Baden-Baden, 2007, p. 659-669.

    ( 26 ) Sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007 (C-119/06, punti 37 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sentenza kienet tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

    ( 27 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 32 u 38.

    ( 28 ) Rigward l-argument ta’ mingħajr skop ta’ lukru, ara wkoll is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-126/03, Ġabra p. I-11197, punti 18 u 19); u tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-84/03 Ġabra p. I-139, punti 38 sa 40); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-15 ta’ Ġunju 2006 fil-kawża Auroux et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 54).

    ( 29 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 1994, Ballast Nedam Groep (“Ballast Nedam Groep I”), (C-389/92, Ġabra p. I-1289 punt 11 et seq); tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C-176/98 Ġabra p. I-8607, punt 25 et seq.); u tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (“La Scala”) (C-399/98, Ġabra p. I-5409, punt 88 sa 96).

    ( 30 ) Ara s-sentenza ARGE, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 24 et seq.

    ( 31 ) Dak iż-żmien, bid-Direttiva 92/50.

    ( 32 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza ARGE, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

    ( 33 ) F’dan ir-rigward, kif osservat il-Kummissjoni, Stat Membru jista’ naturalment jirregola l-attivitajiet ta’ persuni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan primarju tagħhom huwa r-riċerka u, jekk ikun meħtieġ, jista’ jillimita l-possibbiltà li tali persuni joffru servizzi fis-suq. Minkejja dan, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jirrikonoxxi lil persuni stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jkunu intitolati bil-liġi tal-Istati Membri kkonċernati li jwettqu l-attività ta’ servizz rilevanti bħala li jikkostitwixxu “operaturi ekonomiċi”, irrispettivament minn jekk ikunux universitajiet, istituti ta’ riċerka jew gruppi magħmula minnhom, li jaġixxu bi jew mingħajr skop ta’ lukru. Il-qorti tar-rinviju ma tirreferi għall-ebda leġiżlazzjoni Taljana li tistabbilixxi l-limiti msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet bħal dik fil-proċeduri prinċipali.

    ( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Frigerio Luigi & C. (C-357/06, Ġabra p. I-12311, punt 28) li jirreferi għas-sentenza tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et (157/86, Ġabra p. 673, punt 11); u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C-208/05 Ġabra p. I-181, punti 68 u 69).

    Top