This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CC0280
Opinion of Mr Advocate General Mazák delivered on 22 April 2010.#Deutsche Telekom AG v European Commission.#Appeal - Competition - Article 82 EC - Markets for telecommunications services - Access to the fixed network of the incumbent operator - Wholesale charges for local loop access services to competitors - Retail charges for access services to end-users - Pricing practices of a dominant undertaking - Margin squeeze - Charges approved by the national regulatory authority - Leeway of the dominant undertaking - Attributability of the infringement - Meaning of ‘abuse’ - As-efficient-competitor test - Calculation of the margin squeeze - Effects of the abuse - Amount of the fine.#Case C-280/08 P.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 22 ta' April 2010.
Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Kompetizzjoni - Artikolu 82 KE - Swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni - Aċċess għan-netwerk fiss tal-operatur eżistenti - Prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mogħtija lill-kompetituri - Prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ipprovduti lill abbonati - Prattiki tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti - Pressjoni fuq il marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri - Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali - Marġni ta’ flessi.
Kawża C-280/08 P.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 22 ta' April 2010.
Deutsche Telekom AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Kompetizzjoni - Artikolu 82 KE - Swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni - Aċċess għan-netwerk fiss tal-operatur eżistenti - Prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali mogħtija lill-kompetituri - Prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ipprovduti lill abbonati - Prattiki tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti - Pressjoni fuq il marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri - Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali - Marġni ta’ flessi.
Kawża C-280/08 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09555
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:212
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fit-22 ta’ April 2010 1(1)
Kawża C‑280/08 P
Deutsche Telekom AG
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 82 KE ( li sar l‑Artikolu 102 TFUE) – Pressjoni fuq il-prezzijiet – Prezzijiet ta’ aċċess għan‑netwerk fiss ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja – Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali għat‑telekomunikazzjonijiet – Marġini ta’ flessibbiltà tal-impriża f’pożizzjoni dominanti – Imputabbiltà tal-ksur – Ammont tal-multa”
1. Permezz ta’ dan l-appell Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-“Qorti Ġenerali”) (2) li kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċediment taħt l-Artikolu 82 KE (li issa sar l-Artikolu 102 TFUE). (3) Din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiddeċiedi dwar allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ pressjoni fuq il-prezzijiet.
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża
2. Il-fatti jinsabu mniżżla fil-punti 1 sa 24 tas-sentenza appellata. Se nillimita lili nnifsi għall-iktar punti essenzjali. L-appellanti hija l-operatur Ġermaniż attwali tat-telekomunikazzjonijiet li topera n-netwerk fiss tat-telefon. Is-swieq Ġermaniżi fil-qasam tal-provvista ta’ infrastruttura u servizzi telefoniċi ilhom liberalizzati mill-1 ta’ Awwissu 1996, meta l-liġi Ġermaniża dwar it-telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem it-“TKG”) daħlet fis-seħħ. In-netwerks lokali tal-appellanti kollha jikkonsistu f’“linji lokali għall-abbonati” (iċ-ċirkwit fiżiku tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss li jqabbad il-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk fil-bini tal-abbonat mal-frame prinċipali jew faċilità ekwivalenti). Għandha ssir distinzjoni bejn aċċess għan-netwerk lokali li l-appellanti toffri lill-kompetituri (iktar ’il quddiem “servizzi intermedjarji”) u l-aċċess li toffri lill-abbonati (iktar ’il quddiem “servizzi ta’ aċċess għall-abbonati”). L-appellanti ntalbet toffri lill-kompetituri aċċess disassoċjat għan-netwerk lokali b’effett minn Ġunju tal-1997. It-tariffi tal-appellanti għal servizzi intermedjarji għandhom jiġu approvati bil-quddiem mill-awtorità regolatorja Ġermaniża għat-telekomunikazzjonijiet u l-posta, (iktar ’il quddiem ir-“RegTP”), li tistħarreġ jekk it-tariffi għal servizzi intermedjarji proposti mill-appellanti humiex inter alia bbażati fuq l-ispejjeż għall-provvista effiċjenti tas-servizz u jekk fihomx skontijiet li jippreġudikaw l-opportunitajiet tal-kompetituri. Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, l-appellanti toffri żewġ għażliet bażiċi: il-konnessjoni tradizzjonali u l-konnessjoni diġitali ‘narrowband’ (Network Diġitali għas-Servizzi Integrati, jew ISDN). It-tnejn li huma jistgħu jiġu pprovduti fuq in-netwerks eżistenti tal-‘copper pair network’ tal-appellanti. L-appellanti toffri wkoll lill-konsumaturi finali konnessjoni broadband (Asymmetrical Digital Subscriber Line, jew ADSL), li għaliha l-appellanti kellha taġġorna n-netwerks eżistenti sabiex tkun tista’ toffri servizzi ‘broadband’, u b’hekk toffri aċċess iktar rapidu għall-Internet. It-tariffi tal-appellanti għal servizzi ta’ aċċess għall-abbonati (iktar ’il quddiem, “tariffi bl-imnut” jew “prezzijiet bl-imnut”) għal linji analoġiċi jew ISDN huma regolati minn sistema li tistabbilixxi l-prezzijiet massimi. L-appellanti għandha diskrezzjoni biex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut għall-ADSL, però dawn jistgħu jiġu riveduti a posteriori.
3. Prezzijiet bl-imnut għall-konnessjoni man-netwerk tal-appellanti u għall-komunikazzjonijiet huma rregolati għal numru ta’ servizzi f’daqqa, b’servizzi differenti miġbura fi gruppi. Skont it-termini ta’ deċiżjonijiet tal- Ministeru Federali tal-Posta u Telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“BMPT”), u iktar ’il quddiem tar-RegTP, l-appellanti kellha tnaqqas il-prezzijiet globali għaż-żewġ gruppi fil-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2001. Fi ħdan dan il-kuntest vinkolanti ta’ tnaqqis tal-prezzijiet, l-appellanti setgħet timmodifika t-tariffi tad-diversi komponenti ta’ kull grupp ta’ servizzi wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-RegTP. Il-modifiki tat-tariffi jkunu awtorizzati jekk il-prezz medju ta’ grupp ta’ servizzi ma jaqbiżx l-indiċi tal-prezzijiet massimi imposti. Matul dan il-perijodu, l-appellanti baxxiet il-prezzijiet bl-imnut għaż-żewġ gruppi; it-tnaqqis kien jikkonċerna essenzjalment it-tariffi tal-komunikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet bl-imnut għal-linji analoġiċi baqgħu l-istess. Sistema ġdida ta’ prezzijiet massimi, li introduċiet gruppi ġodda ta’ servizzi, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002. Fil-15 ta’ Jannar 2002, l-appellanti informat lir-RegTP bl-intenzjoni tagħha li żżid it-tariffi ta’ kull xahar għal-linji analoġiċi u ISDN. Din iż-żieda ġiet awtorizzata. Fil-31 ta’ Ottubru 2002, l-appellanti għamlet talba ġdida għal żieda tat-tariffi bl-imnut tagħha. Din it-talba ġiet parzjalment irrifjutata. It-tariffi tal-ADSL mhumiex regolati fil-kuntest ta’ sistema ta’ prezzijiet massimi, iżda jistgħu jiġu riveduti sussegwentement. Fit-2 ta’ Frar 2001, wara li rċeviet diversi lmenti min-naħa ta’ kompetituri, ir-RegTP bdiet investigazzjoni ex post fuq il-prezzijiet ADSL tal-appellanti taħt il-liġijiet Ġermaniżi tal-kompetizzjoni. Fil-25 ta’ Jannar 2002 hija kkonstatat li ż-żieda fil-prezz ma tatx lok għal suspett ta’ “dumping tal-prezzijiet”.
4. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet prinċipali tagħha huma deskritti fil-punti 34 sa 36 tas-sentenza appellata u mhux se ssir riferenza għalihom kollha hawn. Fl-1999 il-Kummissjoni rċeviet ilmenti mingħand 15-il kompetitur tal-appellanti, li jikkontestaw il-prattika tal-prezzijiet tagħha. Il-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata tgħid essenzjalment li pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet isseħħ jekk it-tariffi li għandhom jitħallsu lill-appellanti għal servizzi intermedjarji jkunu tant għoljin li l-kompetituri jkollhom ta’ bilfors jitolbu tariffi ogħla minn dawk li l-appellanti titlob lill-konsumaturi finali tagħha. Anki jekk il-kompetituri jkunu effiċjenti daqs l-appellanti, huma ma jistgħux jagħmlu profitt. Il-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata tkompli billi tgħid li b’hekk il-kompetituri għaldaqstant huma preklużi milli joffru aċċess permezz tal-linja lokali minbarra servizzi ta’ komunikazzjoni telefonika. Inkella, ikollhom ta’ bilfors jikkumpensaw għat-telf li jġarrbu fuq servizzi ta’ aċċess bi dħul ogħla minn komunikazzjonijiet, bħal ma tagħmel l-appellanti nnifisha. Madankollu f’dawn l-aħħar snin, it-tariffi tal-komunikazzjonijiet fil-Ġermanja niżlu b’mod sostanzjali, sabiex b’hekk il-kompetituri ma għandhomx possibbiltà realistika li jikkumpensaw prezz b’ieħor. Sabiex tiġi kkalkolata l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tieħu biss inkunsiderazzjoni t-tariffi għal aċċess għan-netwerks lokali u teskludi t-tariffi tal-komunikazzjonijiet. Il-konklużjoni hi li kien hemm differenza negattiva bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem “l-ewwel perijodu”). Din id-differenza kienet pożittiva bejn l-1 ta’ Jannar 2002 u l-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem “it-tieni perijodu”). Madankollu peress li d-differenza pożittiva ma kinitx biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż speċifiċi għall-prodott marbutin mal-bejgħ bl-imnut, kien hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva anki fl-2002. Il-Kummissjoni tagħraf li l-prezzijiet bl-ingrossa u t-tariffi bl-imnut tal-appellanti huma suġġetti għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur. Madankollu, l-appellanti kellha biżżejjed diskrezzjoni sabiex tirristruttura t-tariffi tagħha sabiex – skont il-perijodu kkonċernat – jew inaqqas jew iwaqqaf għal kollox il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni kkonstatat li dan kien ksur serju fir-rigward tal-ewwel perijodu u ksur inqas serju fir-rigward tat-tieni perijodu u mponiet multa ta’ EUR 12.6 miljun.
II – Is-sentenza appellata
5. Fir-rigward tat-talba prinċipali intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel motiv kien jallega ksur tal-Artikolu 82 KE. Fir-rigward tal-ewwel parti tagħha, nirreferi għall-punti 70 sa 152 tas-sentenza appellata. Hawnhekk se niċċita biss il-punti essenzjali. Fir-rigward tal-ewwel perijodu, il-Qorti Ġenerali qalet li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkonstatat li l-appellanti kellha l-possibbiltà li tapplika għal żieda fil-prezzijiet tas-servizzi ta’ aċċess għas-servizzi analoġiċi u ISDN, filwaqt li tosserva l-limiti globali għall-gruppi. Il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx l-argument li l-appellanti mhijiex iktar suġġetta għall-Artikolu 82 KE minħabba l-intervent ex ante tar-RegTp. Hija osservat li r-RegTP ma teżaminax il-kompatibbiltà tat-talbiet mal-Artikolu 82 KE. L-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) joperaw taħt il-liġi (nazzjonali) tat-telekomunikazzjonijiet li jista’ jkollha għanijiet differenti minn dawk tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Komunità. F’kull każ, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni meħuda minn korp nazzjonali. Fir-rigward tat-tieni perijodu, il-marġni ta’ manuvra tal-appellanti li żżid il-prezzijiet tal-ADSL kienet kapaċi tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ bl-ingrossa min-naħa u l-prezzijiet ta’ bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ aċċess analoġiċi, ISDN u ADSL, min-naħa l-oħra, peress li dawn jammontaw għal provvista waħda ta’ servizzi fuq livell ta’ bejgħ bl-ingrossa u filwaqt li l-ADSL ma tistax tiġi offerta waħedha lill-konsumaturi finali.
6. Fir-riwgard tat-tieni parti li tikkonċerna l-legalità tal-metodoloġija tal-Kummissjoni, nirreferi għall-punti 153 sa 213 tas-sentenza kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li l-imġieba tal-appellanti kellha x’taqsam ma’ differenza inġusta bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u prezzijiet bl-imnut, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tipprova li l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti kienu abbużivi. Sussegwentement, fir-rigward tal-kalkolu, il-Kummissjoni kienet korretta meta analizzat in-natura abbużiva tal-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti sempliċement fuq il-bażi tas-sitwazzjoni partikolari tal-appellanti – it-tariffi u l-ispejjeż tagħha – u mhux abbażi tas-sitwazzjoni tal-kompetituri attwali u potenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkonkludi li servizzi ta’ aċċess waħedhom kienu rilevanti u setgħet għaldaqstant teskludi l-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet. Dan il-metodu huwa kompatibbli mal-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tat-tariffi u tal-opportunitajiet indaqs. Fir-rigward tar-raba’ parti tal-ewwel motiv – li tallega li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma kellhiex effet fuq is-suq – nirreferi għall-punti 225 sa 245 tas-sentenza kkontestata. B’mod partikolari, fil-punt 237 il-Qorti Ġenerali qalet li peress li “s-servizzi intermedjarji [tal-appellanti] huma […] indispensabbli sabiex waħda mill-kompetituri tagħha tkun tista’ tikkompeti [mal-appellanti] fuq is-suq sussegwenti tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, pressjoni fuq il-marġni [f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża] tfixkel bħala prinċipju l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq is-swieq sussegwenti”. Is-sehem żgħir mis-suq miksub mill-kompetituri fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati minn meta s-suq kien liberalizzat huma prova tar-restrizzjonijiet li l-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti imponew fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’dawk is-swieq.
7. Fir-rigward tat-tielet motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter u ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, nirreferi għall-punti 257 sa 272 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qalet li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma nkisirx peress li d-deċiżjonijiet tar-RegTP ma jinkludu ebda referenza għall-Artikolu 82 KE kif ukoll peress li jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li l-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti kellhom effett anti-kompetittiv, peress li l-kompetituri kellhom jirrikorru għal sussidji trażversali. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni li l-Kummissjoni abbużat mill-poter, u fakkret li, anki jekk ir-RegTP kisret regola tal-Komunità u anki jekk il-Kummissjoni setgħet ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ġermanja, dawn il-possibbilitajiet ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, anki fid-dawl tal-fatt li Artikolu 82 KE jikkonċerna biss operaturi ekonomiċi u mhux l-Istati Membri.
8. Sussidjarjament, l-appellanti talbet li tiġi mnaqqsa l-multa imposta. Fir-rigward tat-tielet motiv tagħha, nirreferi għall-punti 290 sa 300 tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali qalet essenzjalment li l-appellanti ma setgħetx tinjora l-fatt li minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tar-RegTP, hija kellha marġni ta’ manuvra li tirranġa u żżid il-prezzijiet bl-imnut u b’hekk tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, l-appellanti ma setgħetx tinjora l-fatt li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ġabet magħha restrizzjonijiet serji fuq il-kompetizzjoni. Fir-rigward tar-raba’ u s-sitt motivi, nirreferi għall-punti 301 sa 321 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha l-jedd li tikklassifika l-ksur bħala wieħed serju fir-rigward tal-ewwel perijodu. Sussegwentement il-Kummissjoni debitament qieset l-intervent tar-RegTP meta naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’10 %. Finalment, il-Kummissjoni kella raġun meta ddeċidiet li ma timponix multa simbolika. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.
III – L-appell
9. Fil-25 ta’ Novembru 2009, it-trattazzjonijiet tal-appellanti, ta’ Vodafone u l-Kummissjoni kif ukoll ta’ Versatel, li ma ssottomettietx osservazzjonijiet bil-miktub, instemgħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
10. L-ewwel nett huwa neċessarju li wieħed jitratta l-argument ta’ Vodafone li l-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju, kif ukoll l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju huma inammissibbli minħabba li l-appellanti kienet sempliċement qegħda tirriproduċi l-argumenti li diġà tqajmu fl-ewwel istanza u sabiex tipprova tikseb eżami mill-ġdid ta’ dawn l-argumenti. Madankollu, wieħed għandu sempliċement jinnota li, skont il-ġurisprudenza “meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun saret mill-[Qorti Ġenerali], il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell [...] Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq raġunijiet u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-[Qorti Ġenerali], il-proċedura ta’ l-appell titlef parti mis-sens tagħha.” (4) Inqis li f’dan il-każ l-appellanti mhijiex qed titlob sempliċement l-eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ġaladarba, essenzjalment permezz tal-istess argumenti, l-appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk l-aggravji invokati mill-appellanti huma ammissibbli.
A – Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar ir-regolazzjoni mir-RegTP bħala ARN kompetenti
1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju dwar l-imputabbiltà tal-ksur
11. Il-Kummissjoni u Vodafone isostnu li din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
12. Fir-rigward tal-ewwel perijodu, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-ksur mhuwiex imputabbli lilha biss jekk dan l-att ikun oriġina biss mil-liġi nazzjonali u fin-nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni biex tapplika tariffi ogħla. Permezz tal-ewwel ilment tagħha l-appellanti ssostni essenzjalment li l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni hija kundizzjoni neċessarja iżda mhux suffiċjenti għal imputabbiltà. Dan ma jweġibx il-mistoqsija dwar jekk l-appellanti setgħetx tapplika tariffi ogħla jew jekk kellhiex effettivament tagħmel dan. Barra minn hekk, ir-RegTP, ripetutament ikkunsidrat li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet anti-kompetittiva.
13. Fir-rigward tal-imputabbiltà, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament il-ġurisprudenza rilevanti. Filwaqt li l-fatt li r-RegTP ma opponietx l-aġir abbużiv tal-appellanti jista’ b’xi mod jitqies bħala li qed tippromwovi dan l-aġir, xorta jibqa’ l-fatt fih innifsu dan il-fatt ma jeżentax lill-appellanti mir-responsabbiltà taħt l-Artikolu 82 KE (5). Skont il-ġurisprudenza, “[L-Artikolu 82 KE] jista’ japplika […] jekk jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprekludix impriżi milli jadottaw aġir awtonomu li jkun ta’ prevenzjoni, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni”. (6) Għaldaqstant, jekk l-appellanti kellha marġni ta’ diskrezzjoni, hija jmissha talbet lill-ARN sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha sabiex l-aġir abbużiv jintemm. L-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat dan l-approċċ b’mod ċar f’Sot. Lélos kai Sia et. (7) Il-punt 113 tas-sentenza appellata ġustament josserva li kull ARN għandha l-obbligu, l-istess bħal kull korp tal-Istat li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. Madankollu, d-deċiżjonijiet meħuda mill-ARN ma jistgħux jipprekludu lill-Kummissjoni milli taġixxi fi stadju sussegwenti, u milli tirrikjedi konformità mal-Artikolu 82 KE taħt ir-Regolamet Nru 17 jew, issa, ir-Regolament Nru 1/2003 (8). Fil-fatt, f’Masterfoods v HB, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Kummissjoni ma tistax tintrabat b’deċiżjoni meħuda minn korp nazzjonali skont l-Artikolu 82 KE (9). Fuq dan il-punt, kif ġie osservat fil-punt 265 tas-sentenza appellata, inqis ukoll li mhuwiex eskluż li fil-każ preżenti l-awtoritajiet Ġermaniżi ukoll kisru d-dritt Komunitarja. Li kieku dan in-nuqqas tagħhom li jieħdu azzjoni kellu jiġi stabbilit, dan ma kienx ineħħi l-marġni ta’ manuvra li l-appellanti kellha biex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, il-possibbiltà li jitressqu proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru, jikkumplementa l-kompetenzi tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq iżda ma jissostitwihomx.
14. Barra minn hekk, skont l-appellanti, fil-każ preżenti r-responsabbiltà tal-ARN, tippreċedi u tillimita r-responabbiltà speċjali tal-impriża rregolata li tinsab limitata għall-obbligu li tittrażmetti l-informazzjoni lill-ARN b’mod korrett u komplet. L-ewwel nett, l-appellanti tinnota li fil-każ preżenti t-tariffi kienu suġġetti għal leġiżlazzjoni li kellha l-għan li toħloq settur tat-telekomunikazzjonijiet miftuħ għall-kompetizzjoni (10). Barra minn hekk, id-Direttiva tal-‘Liberalizzazzjoni’ 90/388 (11) hija bbażata fuq id-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 82(3) KE. B’hekk ir-RegTP kellha l-obbligu li tosserva d-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 27(3) tat-TKG, ir-RegTP għandha tiggarantixxi kompatibbiltà tat-tariffi “ma’ [...] dispożizzjonijiet legali oħra”, li għalhekk jinkludu l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, mill-Artikolu 10 KE jidher li r-RegTP, bħala korp ta’ Stat Membru, għandha tastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudika l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat.
15. Fir-rigward tal-allegat trasferiment ta’ responsabbiltà, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, jgħodd l-aġir oġġettiv ta’ impriża (12). Normalment, l-impriża hija imputabbli għall-aġir tagħha stess. Għalhekk il-Qorti Ġenerali, fil-punti 85 u 86 tas-sentenza appellata, korrettament sostniet li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi eċċezzjonijiet għal dak il-prinċipju biss taħt kundizzjonijiet stretti. F’kull każ, il-fatt li l-impriża aġixxiet in bona fide ma għandux ikollu rwol f’dan ir-rigward. Fil-fatt kif osservajt fil-bidu, is-sempliċi fatt li Stat Membru jista’ jinċentiva aġir anti-kompetittiv ma jbiddel xejn mill-fatt li l-ksur xorta waħda jiġi attribwit lill-impriża. Barra minn hekk, filwaqt li l-argument tal-appellanti huwa fih innifsu korrett, li fil-ġurisprudenza li għaliha saret referenza fil-punti 86 sa 89 tas-sentenza kkontestata, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kellhom l-għan li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kompetizzjoni u l-qafas legali preżenti huwa pjuttost intiż li jiftaħ is-settur tat-telekomunikazzjonijiet għall-kompetizzjoni skont id-Direttiva 90/388 u r-Regolament Nru 2887/2000, xorta jibqa’ l-fatt li l-qafas legali inkwistjoni jissuplementa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u għandu jiggarantixxi kuntest kompetittiv li l-Artikoli 81 u 82 KE waħedhom ma jistgħux jiggarantixxu bl-istess ċertezza (13). Il-Kummissjoni korrettament indikat f’dan ir-rigward li l-legiżlatur Komunitarju esprima b’mod ċar ix-xewqa tiegħu li jipproteġi b’mod partikolari l-kompetizzjoni f’dan is-suq billi jadotta miżuri addizjonali. B’hekk, l-Artikoli 81 u 82 KE għandhom jitqiesu bħala sett ta’ kriterji minimi. Jekk wieħed iħares lejn l-ewwel ilment tal-appellanti msemmi iktar ’il fuq, dwar il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, biżżejjed wieħed jinnota li skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur li wettqet l-appellanti mhuwiex dovut għal assenza ta’ talbiet ippreżentati lir-RegTp, iżda pjuttost minħabba politika ta’ prezzijiet li hija inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE. Dawn it-talbiet kienu pass neċessarju, iżda madankollu wieħed formali, biex tintuża l-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli. F’dan il-kuntest, fil-punti 125 sa 131 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.
16. It-tieni nett, l-appellanti tgħid li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2004 ma kkunsidratx li r-responsabbiltà tal-appellanti biex tressaq talbiet għall-aġġustament tat-tariffi tagħha timplika li l-appellanti għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 82 KE għal dik tal-ARN. Minflok, hija kkonfermat li r-responsabbiltà sabiex l-istruttura tas-suq tinżamm kif inhi tiddependi fuq l-ARN.
17. Madankollu, għandu jingħad ukoll, kif osservat korrettament il-Kummissjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, li l-appellanti ma allegatx interpretazzjoni żbaljata ta’ elementi ta’ prova, u li, f’kull każ, il-Bundesgerichtshof qalet tabilħaqq li jista’ wkoll ikun hemm abbuż anki jekk il-prezzijiet ikunu suġġetti għal eżami mir-RegTP.
18. It-tielet nett, fir-rigward tal-punt 120 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li ma tistax issir traspożizzjoni tas-sentenza Masterfoods vs HB għall-każ preżenti. Fl-ewwel lok, il-kwistjoni hawn hija sempliċement dwar l-imputabbiltà u mhux dwar jekk il-Kummissjoni hijiex marbuta bl-evalwazzjoni fuq il-mertu magħmula mir-RegTP. Fit-tieni lok, l-ARN għandhom rwol awtonomu fil-qafas tal-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.
19. Għal darb’oħra, inqis li l-argumenti tal-appellanti ma jgħinux għall-każ tagħha. Kif osservajt iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni meħuda minn korp nazzjonali u l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-korp ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata abbuż taħt l-Artikolu 82 KE, sempliċement abbażi ta’ assenza ta’ imputabbiltà. Fil-fatt il-Kummissjoni tislet il-kompetenza tagħha direttament mit-Trattat u mir-Regolament Nru 17 u, issa, mir-Regolament Nru 1/2003. Kif diġà semmejt hawn fuq il-qafas leġiżlattiv inkwistjoni jikkumplementa d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u ż-żewġ gruppi ta’ regoli għandhom jitqiesu bħala kumplementari (14). Fl-aħħar lok, bħalma argumentat tajjeb il-Kummissjoni, direttiva bbażata fuq l-Artikolu 86(3) KE ma tistax terġa’ tqajjem dubju, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dwar it-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti fil-livell tal-liġi primarja mill-Artikoli 83 KE u 85 KE. Fl-aħħar nett, fil-linji gwida fuq l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq (15) il-Kummissjoni stqarret b’mod ċar – li fil-fatt kienet diġà vera fil-qafas legali preċedenti (ara l-avviż dwar l-aċċess iktar ’il fuq) – li, fil-prattika, ma jistax jiġi eskluż li proċeduri paralleli taħt regolazzjoni u liġi tal-kompetizzjoni ex ante jistgħu jirriżultaw u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jistgħu jagħmlu l-analiżi tagħhom tas-suq u jimponu rimedji flimkien ma’ miżuri speċifiċi għas-settur applikati mill- Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali.
20. Ir-raba’ nett, l-appellanti tqis li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi impriża dominanti suġġetta għal-liġijiet, biex tkun tista’ tistrieh fuq il-korrettezza ta’ dawn il-liġijiet. Fejn il-miżuri li jittieħdu mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali ma jkunux konsistenti mal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri kontra l-Istat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u mhux kontra l-impriża dominanti.
21. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li, għalkemm ir-RegTP kellha l-obbligu, bħall-korpi kollha tal-Istat, biex tosserva d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, f’dak iż-żmien hi kienet il-korp Ġermaniż responsabbli sabiex tirregola s-settur tat-telekomunikazzjonijiet, pjuttost mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru konċernat. Inqis l-analoġija ta’ żewġ ostakoli ssuġġerita mill-argument tal-Kummissjoni bħala adattata f’dan ir-rigward. Il-leġiżlazzjoni hija waħda mill-ostakoli; din tiġi osservata jekk l-appellanti tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva, u f’dan ir-rigward hija r-RegTP li tiddeċiedi fuq dan il-punt. L-Artikolu 82 KE jirrappreżenta t-tieni ostakolu u – indipendentement mill-obligu ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE imposti fuq ir-RegTP – dan jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità rilevanti tal-kompetizzjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni, li fejn ikun meħtieġ tiddeċiedi jekk it-tieni ostakolu ġiex osservat jew le. Minbarra dan, l-appellanti ma tistax tinjora l-fatt li l-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE jikostitwixxu strumenti separati, anki jekk fl-aħħar mill-aħħar it-tnejn li huma huma intiżi sabiex jinċentivaw il-kompetizzjoni. L-appellanti hija żbaljata fir-rigward tas-separazzjoni taż-żewġ strumenti meta tirreferi għall-punt 61 tal-Avviż dwar l-aċċess tal-Kummissjoni u meta targumenta li jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri meħuda mill-ARN mhumiex konsistenti mal-Artikolu 82 KE hija għandha tressaq proċeduri kontra l-Istat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt b’dan il-mod il-Kummissjoni tista’ tikkoreġi l-iżbalji magħmula mill-Istati Membri fil-qafas leġiżlattiv, jiġifieri meta l-qafas leġiżlattiv ma jiġix applikat sewwa. Madankollu, l-għan ta’ dawn il-proċeduri mhuwiex li jiġi ddeterminat jekk ir-RegTP tabilħaqq għamlitx dan l-iżball jew le. Kif stqarret tajjeb il-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE ma jiġix ittrasferit lill-ARN minflok lill-Kummissjoni.
22. Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti tqis li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 111 sa 119 tas-sentenza appellata – l-investigazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mir-RegTP – mhumiex rilevanti jew huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi. Ir-RegTP dejjem ċaħdet l-eżistenza ta’ pressjoni anti-kompetittiva fuq il-marġni tal-prezzijiet. L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li fir-rigward tal-imputabbiltà ftit jimporta li l-Qorti Ġenerali ma taqbilx mal-opinjoni tar-RegTP. Dan ir-raġunament iwassal għal ċirku vizzjuż li jmur kontra l-liġi: peress li l-Qorti Ġenerali waslet għal riżultat differenti minn dak li waslet għalih ir-RegTP, l-appellanti ma kellhiex dritt toqgħod fuq ir-riżultat tal-investigazzjoni tar-RegTP. F’dak iż-żmien ma kienx hemm ġurisprudenza Komunitarja jew prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan il-punt. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ sussidji trażversali użat mir-RegTP fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2003 ma ta ebda raġuni lill-appellanti sabiex tiddubita mill-korrettezza tal-konstatazzjoni tar-RegTP li ma kienx hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, kif ikkonstatat is-sentenza kkontestata fil-punt 116, ir-RegTP applikat dan il-kunċett mhux biss fir-rigward tat-tariffi tal-komunikazzjonijiet, iżda wkoll fir-rigward ta’ ġabra ta’ diversi tipi ta’ servizzi ta’ aċċess fuq livell ta’ konsumatur finali, liema metodu l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet bħala sussidju trażversali.
23. Inqis li l-Kummissjoni korrettament indikat li d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li r-RegTP ma eżaminatx l-Artikolu 82 KE, hija dikjarazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi kkontestata f’dan l-appell. F’kull każ, naqbel mal-punt tal-Qorti Ġenerali fil-punti 114 u 268 tas-sentenza appellata li huwa rilevanti li l-ebda deċiżjoni tar-RegTP iċċitata mill-appellanti ma tinkludi referenza għall-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, huwa ċar li r-RegTP applikat il-liġi nazzjonali u mhux id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Kif osservat il-Kummissjoni, id-dikjarazzjonijiet tar-RegTP dwar il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma kinux jikkonċernaw il-parti fejn l-appellanti pprovat marġni ta’ diskrezzjoni, jiġifieri tibdil fil-prezzijiet ta’ aċċess għall-konsumatur finali. Inqis li l-Qorti Ġenerali ġustament osserva li r-RegTP ma kkunsidratx il-kompatibbiltà tat-tariffi inkwistjoni mal-Artikolu 82 KE, jew, fi kwalunkwe każ, applikat l-Atikolu 82 KE b’mod żbaljat. Barra minn hekk, l-appellanti ma għandhiex tikkritika lill-Qorti Ġenerali billi tallega li wettqet raġunament ċirkulari. L-appellanti setgħet ikkonkludiet mid-deċiżjoni tar-RegTP li l-azzjoni tagħha ma ssostitwietx jew ma pprevjenietx ir-reviżjoni tal-Artikolu 82 KE mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mhuwiex biss ir-riżultat tal-investigazzjoni tar-RegTP u tal-Kummissjoni li huwa differenti; b’mod partikolari il-kriterju rilevanti wkoll huwa differenti. Fir-rigward tal-kunċett ta’ sussidji trażversali, naħseb li dan ma ngħatax piż sproporzjonat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-punt 116 tas-sentenza appellata kemm ir-RegTP kif ukoll il-Qorti Ġenerali, b’mod ċar kienu tal-fehma li kienu qed jitrattaw sussidji trażversali “tariffi għas-servizzi ta’ aċċess u t-tariffi għall-komunikazzjonijiet” u ma kienx argument dwar il-ġabra ta’ diversi tipi ta’ servizzi ta’ aċċess.
24. It-tieni nett, l-appellanti tqis li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 111 sa 114 tas-sentenza appellata – li jgħid li r-RegTP ma kellhiex bżonn teżamina l-kompatibbiltà tal-prezzijiet mal-Artikolu 82 KE – huwa legalment żbaljat minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-argumenti tagħha fil-punt 14 iktar ’il fuq. Din il-kwistjoni, jew il-kwistjoni jekk ir-RegTP irreferietx b’mod espliċitu għall-Artikolu 82 KE, huma ta’ ftit importanza. Huwa deċiżiv il-fatt li r-RegTP aġixxiet f’qafas leġiżlattiv li l-għanijiet tiegħu huma li jinfetaħ is-suq għall-kompetizzjoni u li l-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni tiġi tapplika f’dan il-qafas filwaqt li investigat u ddeċidiet kontra l-eżistenza ta’ pressjoni anti-kompetittiva fuq il-marġni tal-prezzijiet.
25. Dan l-argument mhuwiex korrett. Għandu jingħad li f’dan ir-rigward ir-RegTP kienet qed tapplika l-liġi tat-telekomunikazzjonijiet u mhux il-liġi tal-kompetizzjoni. Fil-punt 113 tas-sentenza kkontestata l-Qorti Ġenerali sostniet korrettament li l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali joperaw taħt il-liġi nazzjonali li, fir-rigward tal-politika tat-telekomunikazzjonijiet, jista’ jkollha għanijiet differenti minn dawk tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni (ara l-Avviż ta’ aċċess, punt 13).
26. Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-appellanti tqis li, bil-kontra tal-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata, il-fatt li t-tariffi bl-imnut għal-linji analoġiċi kienu bbażati fuq awtorizzazzjoni mogħtija mill-BMPT huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ imputabbiltà. Huwa biss importanti li r-RegTP tkun eżaminat u ddikjarat bħala infondata l-allegata pressjoni anti-kompetittiva fuq il-marġni tal-prezzijiet.
27. Madankollu, mill-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti ma ssemmix li l-BMPT eżaminat il-kompatibbiltà ta’ dawn it-tariffi mal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni, id-differenza bejn it-tariffi għal linji analoġiċi u t-tariffi bl-ingrossa ma setgħux jiġu eżaminati dak iż-żmien minħabba li t-tariffi bl-ingrossa kienu awtorizzati iktar tard, jiġifieri b’mod proviżorju f’Marzu 1998 u b’mod definittiv fi Frar 1999.
28. Fir-rigward tat-tieni perijodu, l-appellanti ssostni li l-preżunzjoni li kien hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet imputabbli lilha u li kienet abbużiva hija żbaljata. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija inkorretta billi, bħal ma kien il-każ għall-perijodu preċedenti, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhijiex imputabbli lilha minħabba d-deċiżjonijiet tar-RegTP. Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti tqis li s-sentenza appellata tinkludi kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-imputabbiltà tal-ksur u l-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, din tal-aħħar tirrikjedi “sussidji trażversali” bejn żewġt iswieq, iżda waqt il-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, id-dħul tal-kompetituri li jirriżulta mis-servizzi tal-komunikazzjonijiet ma tteħdux inkunsiderazzjoni, peress li l-kompetituri ma jistgħux isibu quddiemhom possibbiltà ta’ “sussidji trażversali” bejn żewġt iswieq.
29. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma pproċedietx b’mod kontraddiċenti. Fil-fatt, is-separazzjoni bejn suq għal aċċess broadband u suq għal aċċess narrowband hija biss valida għas-suq bl-imnut. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-suq bl-ingrossa, hemm biss suq uniku għal aċċess ta’ netwerks lokali fissi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li l-appellanti ma kkontestax il-punti 148 sa 150 tas-sentenza appellata u nqis id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti bħala korretti. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa rilevanti li fl-ewwel istanza l-appellanti ma kkontestax id-definizzjoni tas-swieq rilevanti. Kif jidher mill-punt 139 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma kkontestatx l-argument li qabel l-2002 hija kellha biżżejjed marġni ta’ manuvra sabiex twaqqaf il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Li kieku l-appellanti użat din il-marġni ta’ manuvra, ma kienx ikun hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-perijodu mill-2002 sal-2003. Fil-fatt, minħabba r-regolament il-ġdid li huwa applikabbli mill-2002 ’il quddiem li jippremetti żieda supplementari tat-tariffi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, u għalhekk, tnaqqis tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet (ara l-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata), il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li kienet diġà ntemmet fl-2001 fi kwalunkwe każ ma jmisshiex ġiet stabbilita mill-ġdid permezz tar-regolament tal-2002. Naqbel mal-Kummissjoni li bl-abbuż fl-ewwel perijodu l-appellanti wittiet it-triq għal abbuż fil-perijodu sussegwenti. Din il-konstatazzjoni saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-perijodu sal-2002 u l-istess loġika tapplika fil-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali għat-tieni perijodu.
30. Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-appellanti ssostni li sar żball ta’ liġi fir-rigward tal-possibbiltà li titnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Id-dikjarazzjoni fil-punt 149 tas-sentenza appellata hija korretta, iżda fl-istess waqt irrilevanti. Madankollu, il-preżunzjoni li “żieda limitata fit-tariffi ADSL kienet tirriżulta f’tariffa bl-imnut medja ogħla għas-servizzi ta’ aċċess narrowband u broadband” hija legalment żbaljata peress li mhijiex sostnuta b’fatti. Il-kwistjoni dwar jekk l-abbonati għal konnessjoni narrowband jibqgħu ma jaqilbux għal konnessjoni broadband minħabba żieda fit-tariffi ta’ aċċess għal servizz broadband ma ġietx eżaminata. Żieda fit-tariffi ta’ aċċess għal servizz broadband kienet twassal għal tnaqqis fil-qligħ.
31. F’dan ir-rigward, kif osservajt iktar ’il fuq, l-appellanti ma kkontestax is-separazzjoni tas-swieq. Kif l-appellanti ammettiet fl-appell tagħha, is-suq tal-broadband kiber b’mod kunsiderevoli matul il-perijodu inkwistjoni (ara l-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata) u fuq dan il-punt l-appellanti ma allegat ebda żnaturament tal-provi. Kif indikat il-Kummissjoni, minħabba l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet eżistenti fis-settur tal-linji analoġiċi u l-ISDN, l-appellanti kienet qed tiżgura li jkollha wkoll klijenti fis-settur tal-ADSL. Għaldaqstant żieda fit-tariffi ADSL kienet fi kwalunkwe każ twassal għal titjib fil-kompetizzjoni u għal tnaqqis tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Naqbel ukoll mal-Kummissjoni li l-appellanti ma kkontestax id-dikjarazzjoni (ara l-premessa 77 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata) li konsumaturi finali li, minħabba raġunijiet ta’ negozju jiddependu fuq konnessjoni broadband, fil-biċċa l-kbira ma jaqilbux għal sempliċi konnessjoni narrowband f’każ ta’ żieda fil-prezz. Għalhekk, anki li kieku kien hemm żieda iktar limitata fin-numru ta’ konsumaturi ġodda minħabba l-prezzijiet ogħla (elastiċità fil-prezzijiet), il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet titnaqqas. Għaldaqstant inqis, li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx żball ta’ liġi meta kkonfermat id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet setgħet titnaqqas b’żieda fil-prezzijiet tal-ADSL. Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti mhijiex fondata.
2. Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
32. Il-Kummissjoni u Vodafone jsostnu li din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
33. L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali applikat il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi b’mod żbaljat. Fil-fatt id-deċiżjonijiet tar-RegTP ħolqu aspettattiva leġittima fuq l-appellanti li t-tariffi tagħha kienu skont il-liġi. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet jinkludux referenza għall-Artikolu 82 KE hija irrilevanti għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq. Fir-rigward tat-tieni lment, bil-kontra għal dak li qalet il-Qorti Ġenerali fil-punti 267 u 268 tas-sentenza appellata, la mid-dikjarazzjoni tar-RegTP dwar il-possibbiltà ta’ sussidji trażversali mat-tariffi ta’ komunikazzjonijiet u lanqas mill-użu tal-espressjoni “sussidji trażversali” ma jirriżulta li l-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti kellhom effett anti-kompetittiv. F’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni jew sentenza tal-Qrati Komunitarji dwar din il-kwistjoni. Għalhekk l-appellanti kellha dritt li toqgħod fuq id-deċiżjonijiet tar-RegTP.
34. Madankollu mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju jirriżulta li sa fejn id-dikjarazzjonijiet tar-RegTP ma jippreġudikawx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, dawn ma jistgħux joħolqu aspettattiva leġittima għall-appellanti li l-Kummissjoni ssegwi l-opinjoni tar-RegTP. Fih innifsu dan huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u l-argumenti tal-appellanti fil-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata ma għandhomx jintlaqgħu. Fi kwalunkwe każ, naqbel mal-Kummissjoni li l-kritika tal-appellanti fir-rigward tal-punti 267 u 268 tas-sentenza appellata b’mod impliċitu tistrieh ukoll fuq l-ipoteżi li l-Kummissjoni għandha tkun marbuta bl-evalwazzjoni tar-RegTP, li kif intqal hawn fuq mhuwiex il-każ. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tar-RegTP imisshom qajmu suspetti li seta’ kien hemm problemi bl-istruttura tariffarja tagħha – dan anki fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, iċċitata fil-punti 188 sa 191 tas-sentenza appellata, fejn in-natura abbużiva tal-prattiċi tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti hija ddeterminata abbażi tas-sitwazzjoni tagħha stess. Barra minn hekk, kif osservat tajjeb Vodafone, li l-appellanti kien konsapevoli li fl-1998 u fl-1999 15 mill-kompetituri tagħha ressqu lmenti lill-Kummissjoni dwar l-istruttura tariffarja tagħha u l-Kummissjoni bdiet teżamina dawk il-fatti taħt l-Artikolu 82 KE.
35. Permezz tat-tielet ilment tagħha, l-appellanti ssostni li r-referenza tal-Qorti Ġenerali għas-sentenza tal-Bundesgerichtshof tal-10 ta’ Frar 2004 hija irrilevanti. Is-sentenza ngħatat wara l-perijodu inkwistjoni u mhijiex deċiżiva għall-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kellhiex dritt toqgħod fuq il-korrettezza tad-deċiżjonijiet tar-RegTP meħuda waqt il-perijodu rilevanti. L-appellanti setgħet pjuttost ikkonkludiet mis-sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Għolja Reġjonali ta’ Düsseldorf) tas-16 ta’ Jannar 2002 li kien korrett li tistrieh fuq id-deċiżjonijiet tar-RegTP u li kull abbuż taħt l-Artikolu 82 KE kien eskluż.
36. Fir-rigward tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof, bil-kontra għal dak li jissuġġerixxu l-argumenti tal-appellanti, huwa ċar minn qari tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx dan bħala bażi għal aspettattivi leġittimi, iżda sempliċement li l-Bundesgerichtshof waslet għall-istess konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tas-sentenza tal-Oberlandesgericht Düsseldorf, naqbel ma’ Vodafone li dik is-sentenza fi kwalunkwe każ ingħatat diversi snin wara l-bidu tal-perijodu inkwistjoni. Għalhekk, l-iktar, din tista’ tkun rilevanti biss għall-perijodu ta’ wara s-16 ta’ Jannar 2002. Fil-fatt kif osservat Vodafone, jista’ jiġi argumentat li l-appellanti fil-fatt ma kellhiex aspettattivi leġittimi li kien jistħoqqilhom protezzjoni (16). Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju jirriżulta li bħala impriża dominanti jmissha vverifikat hija stess jekk l-aġir tagħha kienx kompatibbli mal-Artikolu 82 KE. Huwa wkoll rilevanti li taħt ir-Regolament Nru 17, li sa dak iż-żmien kien għadu fis-seħħ, hija fil-fatt kellha l-possibbiltà li tipprova tikseb jfittex li tingħata attestazzjoni negattiva mill-Kummissjoni għall-istruttura tariffarja tagħha. Għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju ma għandhiex tiġi milqugħa.
3. Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju dwar in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur
37. Il-Kummissjoni u Vodafone isostnu li din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.
38. Skont l-ewwel ilment tal-appellanti, fil-punti 284 sa 289 is-sentenza appellata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba fl-Artikolu 253 KE billi b’mod żbaljat ikkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata kienet motivata biżżejjed fir-rigward ta’ negliġenza u intenzjoni. Mill-aspett legali mhuwiex biżżejjed għall-Kummissjoni li fit-tieni ċitazzjoni tas-sentenza kkontestata tirreferi għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 bħala l-bażi legali għall-impożizzjoni ta’ multa. Ċitazzjoni ma tifformax parti mill-bażi ta’ deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, hija ma tispjegax ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur seħħ b’intenzjoni jew b’negliġenza. It-tieni nett, il-fatti li l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni, li għalihom issir referenza fil-punt 287 tas-sentenza appellata, mhumiex tali li jagħtu lok għal ilment ibbażat fuq ksur intenzjonat jew negliġenti tal-Artikolu 82 KE. Dawn ma għandhom ebda konnessjoni mal-kwistjoni ta’ imputabbiltà suġġettiva ta’ aġir skont il-ġurisprudenza.
39. L-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza, impriża tkun konsapevoli tan-natura anti-kompetittiva tal-aġir tagħha meta hija, “tkun konsapevoli mill-elementi fattwali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq u l-evalwazzjoni tal-[konstatazzjoni mill-Kummissjoni] ta’ abbuż minn dik il-pożizzjoni” (17) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, biżżejjed li wieħed isemmi li peress li l-għarfien tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mhuwiex deċiżiv, jista’ jkun hemm responsabbiltà intenzjonali anki meta l-impriża ma tkunx taf l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni. L-argument tal-appellanti dwar il-leġiżlazzjoni speċifika marbuta mas-settur tista’, l-iktar, f’dan is-sens, ikollha biss rwol fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx taf li l-azzjoni tagħha kienet illegali. Madankollu, dan ma jaffettwax in-natura intenzjonata tal-aġir tagħha. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, f’dawk iċ-ċirkostanzi din il-parti tal-ewwel aggravju ssir ineffettiva peress li huwa paċifiku li l-appellanti manifestament issodisfat il-kundizzjonijiet suġġettivi skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda spjegazzjoni preċiża dwar jekk il-ksur seħħx deliberatament jew, minn tal-inqas, b’negliġenza. Madankollu naqbel li peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ il-Qorti Ġenerali jmissha kkonkludiet li r-rekwiżiti mitluba fl-Artikolu 253 KE ġew sodisfatti fil-każ preżenti. F’dan ir-rigward, jista’ jingħad li l-kriterji rilevanti assoċjati mal-kunċett ta’ intenzjoni u negliġenza mhumiex ikkontestati peress li jiffurmaw parti minn ġurisprudenza stabbilita (18). Kif ġie osservat korrettament fil-punt 286 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi referenza għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u din għandha tinftihem fis-sens li l-Kummissjoni kkunsidrat il-ksur bħala wieħed li seħħ b’intenzjoni, jew, minn tal-inqas, b’negliġenza. Sussegwentement, kif iddikjarat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 287 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet fid-dettal iċ-ċirkostanzi tal-ksur, fosthom il-bażi li fuqha l-Kummissjoni kkunsidrat il-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti bħala abbużivi u l-bażi li fuqha l-appellanti għandha titqies li hija responsabbli, minkejja l-leġiżlazzjoni applikabbli. Għaldaqstant l-allegazzjoni li-l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata biżżejjed raġunament ma għandhiex tiġi milqugħa.
40. Skont it-tieni lment tal-appellanti, l-evalwazzjoni fil-punti 295 sa 300 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. L-imputabbiltà suġġettiva ta’ ksur potenzjali tal-Artikolu 82 KE hija nieqsa. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tar-RegTP u l-assenza ta’ preċedent ta’ natura Komunitarja, l-appellanti ma kinitx konsapevoli tal-allegata natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Id-dikjarazzjonijiet dwar id-deċiżjonijiet tar-RegTP fil-punti 267 sa 269 tas-sentenza appellata, li għalihom issir referenza fil-punt 299 tal-istess sentenza, ma jsostnux il-konklużjoni li l-appellanti wettqet (intenzjonali). L-evalwazzjoni ta’ ksur ma tiddependix fuq jekk l-impriża hijiex konsapevoli li l-aġir tagħha jikser l-Artikolu 82 KE iżda pjuttost fuq jekk kinitx konsapevoli min-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, la l-kunċett ta’ sussidji trażversali użat mir-RegTp u lanqas is-sentenza tal-Bundesgerichtshof ma jsostnu l-konklużjoni li l-appellanti wettqet ksur. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina l-allegazzjoni li l-appellanti setgħet tislet konklużjonijiet approprjati mill-aġir ġenerali tal-Kummissjoni f’dan il-każ.
41. Fl-opinjoni tiegħi, fil-punti 295 et seq tas-sentenza kkontestata l-Qorti Ġenerali ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni meta kkonkludiet li l-appellanti aġixxiet b’intenzjoni billi kienet konsapevoli mill-elementi fattwali rilevanti għall-evalwazzjoni tal-każ tagħha. L-argument tal-appellanti li hija ma kinitx konsapevoli mill-konklużjoni li, abbażi ta’ evalwazzjoni legali, ċertu aġir ma kienx permess mir-regoli applikabbli – meta tirreferi għall-kunċetti ta’ “antikompetittiv” jew “natura antikompetittiva” – ma jistax jiġi aċċettat. Biżżejjed li jissemma li dan l-approċċ ma jikkorrispondix mal-kriterji rilevanti msemmija fil-ġurisprudenza li saret referenza għaliha fil-punt 39 iktar ’il fuq, li tgħid li l-iktar li jimporta huma ċ-ċirkostanzi jew l-elementi fattwali li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ abbuż taħt l-Artikolu 82 KE. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali sostniet ġustament fil-punt 298 tas-sentenza appellata li l-argumenti tal-appellanti dwar il-bidu ta’ proċedura prekontenzjuża kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma irrilevanti safejn dawn ma jikkonċernawx il-kriterji msemmija fil-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ responsabbiltà intenzjonata msemmija iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-allegata wegħda mill-Kummissjoni li ma tkomplix bil-kawża kontra l-appellanti, dan tal-aħħar ma tat ebda prova biex tissostanzjaha, u għalhekk il-Qort Ġenerali ma kellhiex bżonn tittrattaha. B’hekk it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll. Għaldaqstant l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.
B – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji tal-liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE
1. Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju dwar ir-rilevanza tal-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet biex jiġi stabbilit abbuż
42. Il-Kummissjoni u Vodafone isostnu li din il-parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.
43. Permezz tal-ewwel ilment tagħha l-appellanti tallega nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-argumenti tagħha ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali. Is-sentenza appellata hija bbażata fuq ċirku vizzjuż – il-Qorti Ġenerali applikat l-eżami magħżula mill-Kummissjoni biex tiddetermina elementi tal-evalwazzjoni tat-tariffi tal-prezzijiet tal-appellanti. Madankollu, l-oġġezzjoni tal-appellanti kienet tikkonċerna stadju iktar kmieni ta’ motivazzjoni – il-kwistjoni dwar ir-rilevanza tal-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-Kummissjoni.
44. Għandu jingħad li din hija l-ewwel darba li din il-forma ta’ abbuż tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (19). L-unika ġurisprudenza Komunitarja preċedenti dwar il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kummissjoni (20). Madankollu, din il-kawża kienet tikkonċerna ċ-ċaħda ta’ lment tal-Kummissjoni pjuttost milli deċiżjoni li kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tiddeċiedi inter alia l-kwistjoni ta’ prinċipju – kienet korretta l-Qorti Ġenerali meta sostniet li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ natura indipendenti, jiġifieri anki fin-nuqqas ta’ prezzijiet bl-ingrossa abbużivi u/jew prezzijiet bl-imnut predatorji? Kif jidher hawn taħt, inqis li l-Qorti Ġenerali – billi fid-deċiżjoni kkontestata inkludiet id-definizzjoni li tat il-Kummissjoni għall-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet – setgħet tikkonstata, mingħajr ma twettaq żbalji ta’ liġi, li fil-kawża preżenti pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma tikkostitwixxix forma ta’ abbuż indipendenti. B’ħarsa speċifika lejn l-ewwel ilment, dwar nuqqas ta’ motivazzjoni, ma naqbilx ma’ dak li ssostni l-appellanti. Fil-fatt, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt mhijiex limitata għall-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata. Huma wkoll il-punti 169 sa 213 li huma rilevanti f’dan ir-rigward peress li f’dawn il-punti l-Qorti Ġenerali ttrattat il-metodu użat mill-Kummissjoni biex twieġeb il-mistoqsija dwar jekk kienx hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jew le, u għalhekk jekk kienx hemm abbuż taħt l-Artikolu 82 KE. Dak huwa biżżejjed biex jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-Artikolu 253 KE. Lanqas ma naħseb li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi akkużata b’raġunament ċirkulari. Ċertament, fil-punti 166 sa 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement adottat il-fehma tal-Kummissjoni. Madankollu, kif sostniet ġustament Vodafone fil-punt 183 et seq. tas-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali kompliet sabiex teżamina l-argumenti tal-appellanti u tispjega għalfejn kien neċessarju li tiċħadhom. B’mod partikolari, meta l-Qorti Ġenerali analizzat il-metodu tal-Kummissjoni, hija eżaminat ukoll il-kwistjoni dwar jekk dan il-metodu kienx tajjeb biex jipprova abbuż tal-Artikolu 82 KE. Huwa għalhekk li fil-punt 167 tas-sentenza appellata, bi qbil mal-approċċ tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddikjara li għal dan it-tip ta’ abbuż, jimporta d-differenza bejn il-prezzijiet u mhux in-natura abbużiva tal-prezzijiet fiha nnifisha. F’dan ir-rigward, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tagħmel referenza għal preċedenti rilevanti. B’hekk, ma hemm l-ebda nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt fis-sentenza appellata.
45. Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti tallega applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 82 KE: eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mhijiex adattata biex tistabbilixxi abbuż f’sitwazzjoni fejn it-tariffi għal servizzi intermedjarji huma imposti minn ARN. Fil-fatt, li kieku l-ARN kellha tiffissa t-tariffi bl-ingrossa li jkunu eżagerati, l-impriża rregolata jkollha l-obbligu li tapplika prezzijiet bl-imnut eżaġerati sabiex tiżgura marġni xierqa bejn tariffi għal servizzi intermedjarji u tariffi bl-imnut. Hawnhekk l-appellanti kellha tagħżel bejn żewġ forom differenti ta’ abbuż: pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jew prezzijiet eċċessivi. B’hekk, hija ma setgħetx tevita milli tikkommetti abbuż. Impriża dominanti twettaq abbuż biss meta l-prezzijiet bl-imnut tagħha jkunu baxxi b’mod abbużiv.
46. Inqis li peress li l-Qorti Ġenerali sostniet korrettament li l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tiddependi fuq id-differenza bejn żewġ prezzijiet u mhux fuq il-livell assolut tal-prezzijiet fih innifsu – u ovvjament sakemm l-impriża jkollha diskrezzjoni li tbiddel tal-inqas wieħed minn dawk il-prezzijiet – eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha tibqa’ applikabbli anki jekk prezz wieħed jew it-tnejn li huma jkunu suġġetti għal leġiżlazzjoni. Fil-fatt, l-eżempju ta’ prezzijiet bl-ingrossa eċċessivi imposti mill-ARN, fl-opinjoni tiegħi huwa ta’ natura teoretika u l-appellanti ma spjegatx għalfejn għandu jkun rilevanti għall-finijiet tal-każ preżenti, anki għaliex il-prezzijiet bl-ingrossa kienu ffissati abbażi tan-nefqa tagħha kif jidher mill-punt 8 tas-sentenza appellata u l-appellanti kellha l-għażla li tressaq talba sabiex titttieħed inkunsiderazzjoni bidla fil-kalkolu tal-bażi tan-nefqa. Għalhekk, is-sentenza kkontestata hija konformi mal-Artikolu 82 KE u l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
2. Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju dwar kalkolu żbaljat tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet
47. Il-Kumissjoni u Vodafone jsostnu li din il-parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.
48. Permezz tal-ewwel ilment tagħha l-appellanti ssostni li fil-kuntest tal-eżami tal-metodu tal-Kummissjoni, is-sentenza appellata tinkludi wkoll żbalji ta’ liġi peress li tistrieh fuq kriterji li mhumiex kompatibbli mal-Artikolu 82 KE. Il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti ġie applikat ħażin għall-fatti ta’ dan il-każ peress li l-appellanti, bħala impriża dominanti, mhijiex suġġetta għall-istess kundizzjonijiet leġiżlattivi bħall-kompetituri tagħha. L-appellanti kellha tieħu fi ħdanha l-abbonati kollha indipendentement mill-attraenza ekonomika tagħhom. Barra minn hekk, hija kellha tipprovdi “għażla bil-quddiem” u “call-by-call” (li flimkien jissejħu għażla (bil-quddiem), filwaqt li l-kompetituri tagħha ma kinux suġġetti għall-istess obbligi. Għalhekk, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti jmissu ġie adattat. L-analiżi ma jmisshiex ġiet ibbażata fuq l-istruttura tal-konsumatur tal-appellanti.
49. Din il-parti tat-tieni aggravju tikkonċerna l-kriterji li huma rilevanti sabiex pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tiġi kkunsidrata abbużiva skont l-Artikolu 82 KE. Huwa ċar li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma ċanfrux lill-appellanti għal-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa tagħha, anki peress li dawn kienu imposti mill-ARN (anke jekk, kif jidher mill-punt 93 tas-sentenza appellata, kien hemm preżunzjoni favur l-appellanti fir-rigward ta’ dan il-fatt). Fil-fatt, il-kwistjoni ma kinitx li l-prezzijiet bl-ingrossa tagħha kienu għoljin wisq, iżda pjuttost minħabba li l-prezzijiet bl-imnut kienu baxxi wisq, sabiex id-differenza bejn dawn it-tnejn – u b’hekk il-marġni tal-kompetituri – kienet jew negattiva jew insuffiċjenti, skont il-perijodu rilevanti (21). Għaldaqstant kif jirriżulta mill-punt 181 tas-sentenza appellata, dan l-argument tal-appellanti dwar l-ispejjeż speċifiċi tal-prodott jikkonċerna biss it-tieni perijodu (2002 sa Mejju 2003), peress li fl-ewwel perijodu d-differenza bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti kienet negattiva. Il-kriterju li għandu jiġi kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward huwa r-rilevanza tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti, li huwa s-suġġett tal-ewwel ilment tal-appellanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha twieġeb il-mistoqsija dwar jekk f’każijiet ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandhomx jiġu kkunsidrati l-ispejjeż tal-impriża dominanti (il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti), pjuttost milli l-ispejjeż tal-kompetitur tagħha (il-kriterju tal-kompetitur raġjonevolment effiċjenti) (22). Fl-1998 fl-Avviż dwar l-aċċess, il-Kummissjoni ssuġġeriet espressament li ż-żewġ eżamijiet huma rilevanti. Fir-rigward tal-ewwel eżami, il-Kummissjoni qalet li: “Prezz magħfus [pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet] jista’ jidher mill-kummerċ bla qligħ ta’ l-operazzjonijiet fin-naħa ta’ isfel ta’ l-istess kumpannija dominanti fuq il-bażi tal-prezz mitlub lill-kompetituri tagħha minn kumpanniji iktar għolja tal-kumpannija dominanti [...]. Fir-rigward tal-aħħar test, hija qalet li: “F’ċirkostanzi xierqa, prezz magħfus [pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet] jista’ jidher billi tintwera li l-marġni ta’ differenza bejn il-prezz għad-dħul miżmum lill-kompetituri li huma fin-naħa ta’ isfel fis-suq [...] u l-prezz li l-operatur tan-network iżomm fis-suq tan-naħa ta’ isfel huwa insuffiċċjenti sabiex iħalli provditur ta’ servizz raġonevoli u effiċċjenti jikseb qligħ normali fis-suq baxx [...]” (23). Madankollu, kif tfakkar is-sentenza appellata, din il-Qorti kkunsidrat il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti bħala rilevanti fil-kuntest ta’ prezzijiet predatorji fil-kawża AKZO vs Il-Kummissjoni (24). Fl-opinjoni tiegħi il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta sostniet li l-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa rilevanti mhux biss fejn l-abbuż jikkonsisti fid-differenza bejn il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti, iżda wkoll fejn id-differenza tkun bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut tagħha (25). Fil-fatt, inqis li huwa diffiċli li nikkritika l-analiżi tal-Qorti Ġenerali fil-punti 186 sa 194 tas-sentenza appellata, peress li mill-preċedenti rilevanti u mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta b’mod ċar li l-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa l-eżami xieraq fil-kuntest ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, ħafna huma tal-opinjoni li ġeneralment, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa l-kriterju xieraq (26).
50. Jekk inħarsu speċifikament lejn l-ewwel ilment, l-appellanti tikkontesta l-punt 188 tas-sentenza appellata u ssostni li għall-finijiet tal-każ preżenti pjuttost milli s-sitwazzjoni tal-impriża dominanti għandha tkun is-sitwazzjoni tal-kompetituri li hija rilevanti. L-appellanti ssostni li peress li bħala impriża dominanti f’din il-kawża hija suġġetta għal kundizzjonijiet legali u sostantivi, kien messu ġie adattat il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti. B’mod partikolari hija targumenta li l-analiżi ma messhiex ġiet ibbażata fuq l-istruttura tal-konsumaturi tagħha. L-ewwel nett, nosserva li l-appellanti nnifisha tagħraf li dan l-eżami huwa ġeneralment utli sakemm inaqqas il-promozzjoni ta’ kompetituri ineffiċjenti u jżid iċ-ċertezza legali għall-impriżi dominanti, billi skont dan it-test jinsabu f’pożizzjoni li jeżaminaw – ex ante – il-legalità tal-attivitajiet tagħhom stess. Barra minn hekk, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-appellanti ma tistax tiddefendi ruħha billi tiddikjara li hija ma kinitx effiċjenti daqs il-kompetituri tagħha. Il-liġi tal-kompetizzjoni ma tipprovdi għal ebda “difiża ta’ inneffiċjenza”. Minflok, l-Artikolu 82 KE jfittex li jipprevjeni aġir ta’ impriża dominanti li tipprova tipprekludi l-kompetizzjoni meta dik l-impriża tkun sfurzata taħdem sabiex telimina l-ineffiċjenzi. Għaldaqstant ma ninsabx konvint li l-każ preżenti għandu jiġġustifika bidla fil-kriterji stabbiliti f’dan il-kuntest mill-Artikolu 82 KE.
51. Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tariffi għal servizzi addizzjonali tat-telekomunikazzjonijiet (telefonati). Dan il-metodu mhuwiex kompatibbli la mal-ekonomija u lanqas mal-prassi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet oħrajn fl-Ewropa u fl-Istati Uniti. Din tikkuntrasta mar-realtà tas-suq: la l-abbonati u lanqas l-operaturi ma jikkunsidraw is-servizzi ta’ aċċess b’mod iżolat. Mill-aspett ekonomiku, l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul kollu u l-ispejjeż relatati mas-servizzi intermedjarji. F’każijiet ta’ impriżi li jipproduċu bosta prodotti, jekk ikun hemm spejjeż ta’ servizzi intermedjarji li jservu bħala bażi għal numru ta’ servizzi lill-konsumaturi finali f’diversi swieq fl-istess ħin, l-aggregazzjoni għandha tinħadem f’livell ogħla fejn it-totalità ta’ servizzi rilevanti għall-abbonati tittieħed inkunsiderazzjoni.
52. Fil-fatt il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa approprjat peress li juri jekk il-kompetitur jistax jikkompeti mal-impriża dominanti abbażi ta’ opportunitajiet indaqs. Barra minn hekk, kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 192 tas-sentenza kkontestata, kull approċċ ieħor jista’ jkun kuntrarju għall-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali. Madankollu, l-appellanti tqis li minkejja l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-kompetituri tagħha kienu kapaċi jikkompetu magħha fuq mudelli ta’ negozju apparti dawk tagħha jew billi joffru prodotti permezz ta’ servizzi barra s-suq in kwistjoni. Kif jirriżulta mill-punti 195 sa 199 tas-sentenza appellata, il-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti wera li l-kompetituri tal-appellanti ekonomikament ma setgħux jadottaw il-mudell użat konkretament mill-appellanti fis-suq għal aċċess. L-appellanti ma tistax tfittex adattament għall-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti f’din il-kawża sempliċement minħabba li s-sitwazzjoni tagħha mhijiex l-istess bħal tal-kompetituri tagħha. Dan mhuwiex possibli għaliex l-impriża dominanti u l-kompetituri tagħha qatt ma huma se jkunu fl-istess sitwazzjoni. Fir-rigward l-argumenti dwar id-diffikultajiet li tiffaċċja bħala impriża tal-Istat preċedenti, fil-proċess ta’ trasformazzjoni għal waħda kummerċjali, li għandha struttura ta’ konsumaturi differenti minn dik tal-kompetituri tagħħa, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li kif osservajt iktar ’il fuq il-liġi tal-kompetizzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni dawn l-ineffiċjenzi ta’ impriżi dominanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-appellanti kellha pjuttost vantaġġ kompetittiv grazzi għal klijenti tas-servizz analoġiċi meta dawn xtaqu jtejbu l-abbonament ta’ aċċess tagħhom. Fir-rigward tal-argument li l-appellanti biss offriet servizz “call-by-call”, il-Kummissjoni qalet li dan mhuwiex minnu billi xi wħud mill-kompetituri tagħha wkoll kienu joffru l-istess servizz lill-klijenti tagħhom. L-obbligu tal-appellanti li tippermetti dan is-servizz irriżulta mill-pożizzjoni partikolari tagħha fuq is-suq u għaldaqstant ma kien hemm ebda diskriminazzjoni fil-konfront tal-kompetituri tagħha; sitwazzjonijiet differenti kienu ttrattati b’mod differenti. Kif sostnejt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, leġiżlazzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, sakemm l-appellanti jkollha biżżejjed diskrezzjoni kummerċjali. B’hekk issa l-appellanti ma tistax tfittex li tislet status speċjali permezz ta’ leġiżlazzjoni.
53. L-appellanti ssostni li l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-Qorti Ġenerali hija inkompleta billi tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni komunikazzjonijiet li saru possibli permezz tas-servizz intermedjarju. Fil-fatt, il-kompetituri jistgħu jeskludu selezzjoni (minn qabel) ta’ operaturi u li joffru pakketti ta’ aċċess, komunikazzjonijiet u servizzi oħra fuq il-linja lokali. Hawnhekk id-domanda tal-abbonati u l-kompetizzjoni tal-operaturi, jikkonċernaw offerta ta’ pakkett ta’ aċċess u servizzi ta’ komunikazzjonijiet. It-tieni nett, il-punti 162 sa 202 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq diversi żbalji ta’ liġi. Il-kwistjoni dwar jekk it-tariffi tal-komunikazzjonijiet humiex rilevanti jew le tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ prinċipju dwar il-metodu korrett li għandu jiġi applikat għal impriżi li joffru bosta prodotti. Il-Qorti Ġenerali ma tistax taħrab l-evalwazzjoni billi tirreferi għar-reviżjoni limitata tagħha fil-punt 185 tas-sentenza appellata.
54. L-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet fil-punti 196 u 197 tas-sentenza appellata – li l-prinċipju ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi jirrikjedi kunsiderazzjoni separata tat-tariffi ta’ aċċess u t-tariffi tal-komunikazzjonijiet – huma legalment żbaljati. Is-sentenza appellata hija kontradittorja. Fil-punt 113, fir-rigward tal-imputabbiltà, il-Qorti Ġenerali tistrieh fuq il-fatt li l-għanijiet ta’ leġiżlazzjoni speċifika marbuta mas-settur jistgħu jkunu differenti minn dawk tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, iżda sussegwentement tislet preċiżament minn prinċipju leġiżlattiv li kunsiderazzjoni separata ta’ tariffi ta’ aċċess u tariffi ta’ komunikazzjonijiet hija meħtieġa, anki jekk l-abbonati jaraw dawk is-servizzi b’mod sħiħ. Il-punt 161 tas-sentenza appellata jinkludi raġunament insuffiċjenti sa fejn ma jgħidx għaliex l-idea tal-Qorti Ġenerali hija korretta u ma jeżaminax l-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti.
55. Għal darb’oħra, naqbel mal-Kummissjoni li f’dan il-każ huwa biss approċċ li jippermetti li żewġt iswieq jiġu kkunsidrati separatament u li janalizza l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn is-suq tas-servizzi intermedjarji u s-suq ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati li huwa kompatibbli mal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt fil-punti 195 sa 207 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni. Fir-rigward tal-argument li jikkonċerna l-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet f’każ ta’ impriżi li jipproduċu bosta prodotti, il-Kummissjoni osservat korrettament li l-appellanti tinjora l-fatt li servizzi ta’ aċċess mhumiex indispensabbli sabiex jiġi ġġenerat dħul mill-komunikazzjonijiet. Permezz tal-“call-by-call”, l-appellanti kienet ukoll kapaċi tiġġenera dħul fis-suq tal-komunikazzjonijiet, l-istess bħall-kompetituri tagħha, indipendentement mis-sitwazzjoni ta’ kuntratti ta’ abbonament. Il-Kummissjoni spjegat tajjeb għalfejn l-argument tal-appellanti li l-kompetituri kollha ddiżattivaw il-“call-by-call” mhijiex korretta; l-appellanti tikkonfondi l-kawża u l-effet, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet maħluqa minnha pprekludiet lill-kompetituri milli jipprovdu servizzi ta’ aċċess u jkopru l-ispejjeż tagħhom. Fir-rigward tal-eżempji ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet regolatorji oħra li waslu għal konklużjonijiet differenti, dawn jistgħu jkunu interessanti mill-aspett ta’ liġi komparattiva. Madankollu, huma ma jibdlux l-għanijiet u l-kriterji tal-analiżi skont l-Artikolu 82 KE. Sussegwentement, fir-rigward tad-dikjarazzjoni fil-punt 185 tas-sentenza appellata, jidher li minkejja dik id-dikjarazzjoni l-Qorti Ġenerali pproċediet biex tagħmel evalwazzjoni fid-dettall biex tikkonferma l-metodu tal-Kummissjoni.
56. Barra minn hekk, skont l-appellanti l-konklużjoni li l-prinċipju ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi jeskludi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet huwa sostanzjalment żbaljat u jikser l-Artikolu 82 KE. Dan il-prinċipju ma jipprovdix kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi japplika biss għall-appellanti u r-regolazzjoni tat-tariffi tiegħu iżda mhux għall-kompetituri tiegħu. Dan il-prinċipju ma jgħid xejn dwar il-possibbiltajiet tagħhom li jikkompetu. Filwaqt li r-regolazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet jista’ jintuża għall-implementazzjoni tal-Artikolu 82 KE, dan l-artikolu mhuwiex għodda intiża għall-implementazzjoni ta’ regolazzjoni speċifika tas-settur.
57. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi, jidher li ma hemm ebda kuntradizzjoni fis-sentenza appellata. Ma hemmx dubju li l-Artikolu 82 KE għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-qafas ġuridiku tas-suq ikkonċernat. L-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni dwar dan il-punt fis-sentenza appellata mhijiex valida peress li hija nieqsa mid-dettall. B’mod partikolari, l-appellanti ma tispjegax liema huma l-oġġezzjonijiet tagħha għall-adozzjoni tal-prinċipju ta’ bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi. Barra minn hekk, filwaqt li l-punt 196 tas-sentenza kkontestata tispeċifika r-relazzjoni bejn il-qafas regolatorju u l-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 82 KE, il-punt 197 jirreferi għar-raġunament tal-Kummissjoni. Naqbel mal-Kumissjoni li, bil-kontra tal-affermazzjoni tal-appellanti, l-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi kopert mid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE (27) għandu l-għan li jissepara b’mod ċar il-provvista ta’ servizz universali u servizzi suġġetti għall-kompetizzjoni u li jiddistingwi fuq il-bażi ta’ spejjeż. Għaldaqstant, għandu jkun hemm prevenzjoni ta’ sussidji trażversali. Madankollu, dan iwassal għall-konklużjoni, korrettament adottata fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn it-tariffi għal konnessjonijiet u dawk għal komunikazzjonijiet anki fil-qafas ta’ analiżi taħt l-Artikolu 82 KE. Huwa irrilevanti jekk il-leġiżlazzjoni tapplikax għal kompetituri f’dan ir-rigward peress li d-Direttiva 96/19 preċiżament tfittex li tipproteġi l-kompetituri tal-appellanti.
58. L-ewwel nett l-appellanti ssostni li l-punt 199 tas-sentenza appellata hija nieqsa minn motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat liema servizzi huma bbażati fuq il-linja lokali bħala servizzi intermedjarji. Hekk biss il-Qorti Ġenerali setgħet tasal għal konklużjoni fuq opportunitajiet ugwali. Din l-ugwaljanza hija żgurata biss taħt analiżi globali tat-tariffi kollha u l-ispejjeż tas-servizzi kollha bbażati fuq il-linja lokali. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-loġika u tirreferi għall-punt 238 tas-sentenza appellata. Il-premessa tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-appellanti ma ġġarrabx spejjeż għall-konnessjonijiet hija manifestament żbaljata. Fil-verità, peress li t-tariffi bl-imnut għall-konnessjonijiet applikati mill-appellanti huma iktar baxxi mill-ispejjeż tagħha, l-appellanti, bħall-kompetituri tagħha, għandha tirrikorri għal sussidji trażversali bejn tariffi tal-aċċess u tariffi tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni fil-punt 202 tas-sentenza kkontestata hija kontradittorja billi tinsab f’kuntrast dirett mal-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti li jgħid li l-istruttura tal-ispejjeż u t-tariffi tal-appellanti biss huma deċiżivi.
59. Inqis li d-dikjarazzjonijiet fil-punti 199 sa 201 tas-sentenza appellata, li jgħidu li l-ugwaljanza tal-opportunità timponi separazzjoni, huma korretti peress li evalwazzjoni globali tal-konnessjonijiet u tal-komunikazzjonijiet tisforza lill-kompetituri tal-appellanti biex jikkompetu magħha abbażi ta’ mudell speċifiku ta’ sussidji trażversali li jikkonsolida l-pożizzjoni b’saħħitha tal-appellanti fil-qasam tas-servizzi ta’ konnessjonijiet, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni. Madankollu, kif qalet il-Qorti Ġenerali fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-mudell propost mill-appellanti jisforza lill-kompetituri biex jikkumpensaw għat-telf imġarrab fil-qasam tas-servizzi ta’ konnessjoni b’tariffi ogħla fil-qasam tal-komunikazzjonijiet. F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-appellanti ma jisfidax id-definizzjoni tas-suq li tgħid li servizzi ta’ konnessjoni għall-abbonati u t-tariffi tal-komunikazzjonijiet jikkostitwixxu suq separat. Barra minn hekk, servizzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jiġu pprovduti wkoll mingħajr rikors għas-servizz ta’ konnessjoni. Il-Kummissjoni ssostni korrettament li l-allegazzjoni li prinċipji tal-loġika ġew miksura ma tgħinx lill-appellanti. Id-deċiżjoni kkontestata ddenunzjat il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet sempliċement minħabba l-effett tagħha fuq is-suq ta’ servizzi għall-abbonati u għalhekk il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tinvestiga jekk il-kompetituri kinux f’sitwazzjoni agħar mill-appellanti fis-suq tal-komunikazzjonijiet. Fl-opinjoni tiegħi huwa biżżejjed jiġi osservat li l-punt 237 tas-sentenza appellata diġà tinkludi risposta sħiħa għall-argumenti mqajma fl-ewwel istanza li hija biżżejjed biex tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-kritika tal-punt 238 tas-sentenza appellata mhijiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma ppruvatx li l-kritika hija fondata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament – mingħajr ma kkontradixxiet lilha nfisha – abbażi tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti li l-kompetituri għandhom ċans fis-suq, jekk flimkien ma’ tariffi ta’ konnessjoni ogħla biex ikopru l-ispejjż, joffru tariffi ta’ komunikazzjoni orħos minn dawk tal-appellant, sabiex pakketti ta’ servizzi jkunu paragunabbli.
60. Fl-aħħar nett, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali żbaljat fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova meta fil-punti 201 u 202 tas-sentenza appellata, hija qalet sempliċement li “ma jistax jiġi eskluż” li l-kompetituri ma kellhomx l-opportunità ekonomika biex ipattu għal telf potenzjali ġġenerat minn konnessjonijiet telefoniċi bi dħul minn komunikazzjonijiet, filwaqt li l-appellanti riedet turi, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li sussidji trażversali kienu possibli.
61. Naqbel mal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-kwistjoni ta’ fatt imqajjem mill-appellanti u ma solvietx l-argument abbażi tal-oneru tal-prova. Fil-punt 202 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li matul il-perijodu inkwistjoni l-appellanti naqset b’mod sinjifikanti t-tariffi tat-telefonati tiegħu. Din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-appellanti, peress li hija ma semmiet ebda interpretazzjoni żbaljata tal-fatti. Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.
3. Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju dwar l-effetti tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet
62. Il-Kummissjoni u Vodafone isostnu li din il-parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.
63. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, l-appellanti tqis li peress li l-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kien żbaljat, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija wkoll ivvizzjata minn żbalji ta’ liġi. Il-punti 234 u 235 tas-sentenza appellata ġustament jiċħdu l-idea tal-Kummissjoni li ma kien hemm l-edba ħtieġa li jintwerew effetti anti-kompetittivi. Madankollu, l-analiżi fil-punt 237 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tieħu biss inkunsiderazzjoni l-prezzijiet ta’ konnessjoni. Fil-punt 238 tas-sentenza appellata ssir referenza għal premessa żbaljata li skontha, fir-rigward tas-sussidji trażversali ta’ servizzi ta’ konnessjoni u servizzi ta’ komunikazzjoni, il-kompetituri huma diskriminati fil-konfront tal-appellanti li ma sofriet l-ebda telf mill-aspett ta’ konnessjonijiet. Permezz tat-tieni lment tagħha, l-appellanti ssostni li r-raġunament li juri li kien hemm effetti antikompetittivi huwa wkoll ivvizzjat minn żbalji ta’ liġi. Il-punt 239 tas-sentenza appellata jgħid sempliċement li s-sehem mis-suq tal-kompetituri fuq konnessjonijiet ‘broadband’ u ‘narrowband’ baqa’ batut, mingħajr ma jipprovdi relazzjoni kawżali bejn dan is-sehem mis-suq u l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-punt 240 tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 182 tad-deċiżjoni appellata.
64. Nosserva li fil-punt 235 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qalet ġustament li l-Kummissjoni għandha tipprova li l-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti għandhom effett anti-kompetittiv. Minn dan il-punt huwa ċar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-effett anti-kompetittiv li l-Kummissjoni għandha tipprova f’dan il-każ huma marbutin mal-ostakoli possibli li l-prattiċi tal-prezzijiet tal-appellanti setgħu ħolqu għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Għalhekk filwaqt li l-Qorti Ġenerali ma kinitx teħtieġ li l-Kummissjoni turi l-effetti anti-kompetittivi attwali, hija talbet prova tal-ħolqien ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq u għaldaqstant prova ta’ effetti anti-kompetittivi potenzjali. F’dan ir-rigward, fil-punt 237 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li jekk is-servizzi bl-ingrossa tal-appellanti huma indispensabbli biex il-kompetitur ikun jista’ jidħol f’kompetizzjoni mal-appellanti fis-suq li jinsab fin-naħa ta’ isfel tal-firxa ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut tal-appellanti, fil-prinċipju, tfixkel l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni fis-suq li jinsab fuq in-naħa ta’ isfel tal-firxa tas-servizzi. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali enfasizzat korrettament il-fatt li f’dan il-każ is-servizzi bl-ingrossa kienu indispensabbli u li mingħajr aċċess għal dawn is-servizzi, il-kompetituri tal-appellanti lanqas ma jkunu jistgħu jidħlu fis-suq li jinsab fin-naħa ta’ isfel tal-firxa ta’ servizzi ta’aċċess għall-abbonati. Dan hu konformi mal-approċċ żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-ġurisprudenza tagħha, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-effett meħtieġ ma jikkonċernax neċessarjament l-effett attwali tal-aġir abbużiv li dwaru sar l-ilment. Biex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 82 KE, jeħtieġ sempliċement li jiġi pprovat li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha tendenza li tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa kapaċi jkollu dak l-effett (28). Fl-opinjoni tiegħi, jidher ċar li l-Kummisjoni għandha tipprova li fil-kuntest tas-suq speċifiku inkwistjoni hemm effetti potenzjalment anti-kompetittivi (29). Għalhekk sempliċi allegazzjoni li jista’ jkun hemm effetti remoti, astratti u anti-kompetittivi mhijiex biżżejjed. Għaldaqstant minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi.
65. Fir-rigward tal-ewwel ilment tal-appellanti li l-analiżi tal-effetti mhijiex korretta billi tieħu biss inkunsiderazzjoni t-tariffi tal-konnessjoni, dan l-ilment huwa ineffettiv. Fil-konklużjonijiet tiegħi iktar ’il fuq diġà spjegajt għalfejn dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fir-rigward tat-tieni lment tal-appellanti dwar ir-relazzjoni kawżali u, b’mod partikolari, l-argument tagħha li fit-telekomunikazzjonijiet mhuwiex sorprendenti li operaturi jippenetraw is-suq biss bil-mod, ma ġiex ippreżentat fl-ewwel istanza u, fi kwalunkwe każ, mhuwiex rilevanti. Fir-rigward tal-inklużjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet, l-appellanti ma spjegatx għal liema raġuni, f’dan l-istadju ta’ evalwazzjoni, kien neċessarju li jinbidel l-approċċ li kien jintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Finalment, fir-rigward tal-argument dwar il-premessa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li dan mhuwiex indirizzat kontra s-sentenza kkontestata. Barra minn hekk, kif argumentat il-Kummissjoni, dan huwa inammissibli peress li ma tqajjimx fl-ewwel istanza u, fi kwalunkwe każ, huwa infondat billi l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-każ preżenti, indifferentement mill-portata tagħha, għamlitha ekonomikament impossibli għall-kompetituri li jipproponu servizzi ta’ aċċess bl-istess prezzijiet bħal tal-appellanti. Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibli u, fi kwalunkwe każ, infondata. Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
C – Fuq it-tielet aggravju li jallega żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-multi
1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju dwar karattru serju ta’ ksur ta’ liġi
66. L-appellanti tgħid li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 inkiser billi la l-argumenti tal-Kummissjoni u lanqas ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 306 sa 310 tas-sentenza appellata ma jsostnu l-affermazzjoni li, fl-ewwel perijodu, l-appellanti wettqet ksur serju. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, skont is-Sezzjoni 1A tal-Linji Gwida għall-Multi (30), imġieba ta’ esklużjoni sempliċement ‘tista’ tikkostitwixxi ksur serju. Għalhekk hija naqset milli teżamina l-argumenti kontra l-kwalifika tal-ksur bħala wieħed serju.
67. Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.
68. Biżżejjed wieħed josserva li għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 ’il quddiem l-argument tal-appellanti huwa ineffettiv għaliex il-ksur ma ġiex ikkwalifikat bħala serju iżda bħala minuri. Fir-rigward tal-perijodu mill-1998 sa l-2001, il-Kummissjoni sostniet korrettament li skont is-Sezzjoni 1A(1) tal-Linji Gwida hija ma għandhiex l-obbligu, fl-istadju ta’ konstatazzjoni tal-gravità tal-ksur, li tieħu inkunsiderazzjoni kontribuzzjoni żgħira għall-ksur (ara l-punt 311 tas-sentenza appellata). Il-possibbiltà li tiġi rikonoxxuta ċirkustanza attenwanti f’dan ir-rigward intużat mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-punt 312 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-appellanti ma tispjegax liema att speċifiku ta’ parteċipazzjoni tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet kellu jwassal għal tnaqqis addizzjonali tal-multa. Għaldaqstant din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.
2. Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, li ċ-ċirkustanzi attenwanti ma ttiħdux debitament inkunsiderazzjoni
69. L-appellanti ssostni li fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika marbuta mas-settur fuq livell nazzjonali iżda mhux tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni, jiġifieri l-eżami tar-RegTP u ċ-ċaħda tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet anti-kompetittiva. Il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ma kkritikatx lill-Kummissjoni talli ma tatx każ iż-żewġ ċirkustanzi attenwanti l-oħra fit-tifsira ta’ Sezzjoni B.3 tal-Linji Gwida. Fid-dawl tad-deċiżjonijiet tar-RegTP, l-appellanti kienet konvinta mil-legalità tal-aġir tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-ksur sar b’negliġenza.
70. Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.
71. Kif argumentat il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ l-appellanti teskludi l-fatt li l-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet redatta f’termini wesgħin u li tappoġġja bis-sħiħ l-interpretazzjoni li ngħatat lilha fil-punt 12 tas-sentenza appellata. Fir-rigward tal-argument li l-appellanti aġixxiet sempliċement b’negliġenza, dan ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament fil-punti 295 sa 297 tas-sentenza appellata li l-aġir tal-appellanti kkorrisponda mad-definizzjoni ta’ ksur internazzjonali. Għaldaqstant din il-parti tat-tielet aggravju hija parzjalment inammissibli u, fi kwalunkwe każ, infondata.
3. Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju dwar l-impożizzjoni ta’ multa simbolika
72. F’punt 319 tas-sentenza appellata hemm ksur tad-dritt ta’ trattament indaqs. L-appellanti jmissu kien suġġett għal multa simbolika, bħal fil-kawża Deutsche Post (31). L-appellanti aġixxiet b’mod li kien konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi u mad-deċiżjonijiet tar-RegTp. Huwa irrilevanti li s-sentenza tal-Oberlandesgericht ġiet sussegwentement annullata, għaliex hija kienet dovuta għall-possibbiltà ta’ eċċezzjoni li mhijiex applikabbli f’dan il-każ u kien biss wara li d-deċiżjoni ġiet annullata li l-appellanti setgħet tipproċedi fuq il-bażi li setgħet tinsab responsabbli taħt l-Artikolu 82 KE. Is-sitwazzjoni tal-appellanti hija paragunabbli ma’ dik li serviet bħala l-bażi għall-kawża Deutsche Post. L-Avviż dwar l-Aċċess bil-kemm jista’ jitqies li jikkostitwixxi ġurisprudenza. Finalment, impenn biex jitwaqqaf ksur mhux bilfors jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ multa simbolika.
73. Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.
74. Il-Kummissjoni hija korretta meta targumenta li t-talba tal-appellanti hija irrilevanti. Dan l-argument jgħin il-kawża tal-appellanti biss jekk il-kuntesti fattwali u legali taż-żewġ każijiet ikunu direttament paragunabbli (32). Il-punti 317 sa 320 tas-sentenza appellata juru li dan ma kienx il-każ u li fil-fatt l-appellanti ma argumentatx li d-dikjarazzjonijiet f’dawk il-punti huma fattwalment żbaljati u li d-differenzi msemmija fihom ma jeżistux. Il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tgħid li multi simboliċi huma eċċezzjoni u li ma hemmx bżonn li deċiżjoni biex tingħata multa skont ir-regoli normali tiġi ġġustifikata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tar-RegTP taħt ċirkostanzi attenwanti. Fil-punti 312 u 313 il-Qorti Ġenerali kkonfermat li ma kien hemm ebda żball ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Fir-rigward tas-sentenza tal-Oberlandesgericht għandu jingħad sempliċement li fil-punt 319 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ġustament iddikjarat li din is-sentenza ngħatat matul il-perijodu li għalih il-Kummissjoni ma mponietx multa li f’ċirkostanzi normali kienet approprjata. Fi kwalunkwe każ, huwa wkoll korrett li l-Oberlandesgericht bl-ebda mod ma daħlet fil-kwistjoni ta’ liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati meta tingħata definizzjoni tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Għaldaqstant din is-sentenza mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-multa simbolika. Fl-aħħar nett din is-sentenza hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-fatt li din twarrbet mill-Bundesgerichtshof sempliċement ikkonferma x’suppost kien jaf l-appellant. It-tieni nett, il-Kummissjoni għamlet ċara l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ ċerti prattiċi fil-komunikazzjonijiet tagħha mal-appellanti. Id-dikjarazzjonijiet tar-RegTP ma kkonċernawx l-Artikolu 82 KE u, f’kull każ, fl-1998 il-Kummissjoni għamlitha ċara fl-Avviż ta’ Aċċess tagħha li l-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità kienet applikabbli flimkien mal-liġi tat-telekomunikazzjonijiet filwaqt li anki prattiċi awtorizzati mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali kienu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Finalment, inqis li huwa biżżejjed li wieħed isemmi li, bil-kontra ta’ Deutsche Post, fil-każ preżenti l-appellanti ma weriet ebda impenn biex tevita ksur fil-futur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żiedet li fil-każ preżenti l-appellanti ma ffaċilitatx ix-xogħol tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni. Din il-parti tat-tielet aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, il-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.
IV – Konklużjoni
75. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja :
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lil Deutsche Telekom għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tal-Kummissjoni;
– tikkundanna lil Vodafone u lil Versatel għall-ispejjeż tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Sentenza tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑271/03, Ġabra p. II‑477) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”)
3 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/707/KE tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (Każijiet COMP/C‑1/37.451, 37.578, 37.579 – Deutsche Telekom AG) (ĠU 2003 L 263, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
4 – Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni (C‑131/03 P, Ġabra p. I‑7795), punti 49 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata.
5 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663), punti 36 sa 73 u s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF (C‑198/01, Ġabra p. I‑8055), punt 56. Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair (123/83, Ġabra p. 391), punti 21 sa 23.
6 – Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Il‑Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing (Kawżi magħquda C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265), punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.
7 – Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008 (Kawżi magħquda C‑468/06 sa C‑478/06, Ġabra p. I‑7139), punti 62 et seq.
8 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li implimenta l-Artikoli [81] u [82] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
9 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000 (C‑344/98, Ġabra p. I‑11369), punt 48.
10 – Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83).
11 – Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar kompetizzjoni sħiħa fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1990 L 192, p. 10)
12 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni (85/76, Ġabra 1979, p. 461), punt 91. Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni (6/72, Ġabra 1973, p. 215), punt 29.
13 – F’dan ir-rigward, dwar ir-Regolament Nru 2887/2000, ara s-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, Ġabra p. I‑2931), punti 59 sa 64.
14 – Ara l-Avviż tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Awissu 1998, dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għall-ftehim ta’ dħul dwar il-qasam tat-telekomunikazzjonijiet – qafas ta’ xogħol, swieq relevanti u prinċipji (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-aċċess”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 255), punt 22: “impriżi […] fil-qasam tat-telekomunikazzjoni għandhom ikunu mgħarfa li l-ħarsien mar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Komunità ma jeżonerawhomx mill-obbligi tagħhom sabiex iħarsu l-obbliġi imposti fuqhom fil-kuntest ta’ l-ONP, u vice versa”. Ara wkoll il-punt 60: “[L-Artikolu 82 KE japplika] fil-manjiera normali għall-[…] prattiċitajiet li ġew approvati jew awtorizzati permezz ta’ awtorita nazzjonali”. Ara, A. de Streel, On the edge of antitrust: the relationship between competition law and sector regulation in European electronic communications, EUI Firenze, Ottubru 2006; P. Larouche, Contrasting legal solutions and the comparability of EU and US experiences, TILEC Discussion Paper, Novembru 2006; G. Monti, ‘Managing the intersection of utilities regulation and EC competition law’, Competition Law Review, Vol. 4, 2 ta’ Lulju 2008, u R. Klotz, f’Ch. Koenig, A. Bartosch, J.‑D. Braun u M. Romes (edituri), EC competition and telecommunications law, it-tieni edizzjoni, Wolters Kluwer, 2009, p. 108 et seq.
15 – Linji Gwida tal-Kummissjoni fuq l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq skont il-qafas leġiżlattiv Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2002 C 165, p. 6), p. 6 sa 31 u, b’mod partikolari, il-punt 31.
16 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C‑24/95, Ġabra p. I‑1591), punti 25 u 31.
17 – Voir s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 107), u s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369), punt 45. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169), punt 206.
18 – Sentenza tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (119/77, Ġabra p. 1303), punt 18.
19 – Ara wkoll il-kawża pendenti C‑52/09, TeliaSonera Sverige, li fiha ġew sottomessi numru ta’ domandi fir-rigward tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Madankollu, il-kwistjonijiet kif ukoll il-fatti u l-kuntest leġiżlattiv huma differenti minn diversi aspetti (pereżempju ma hemmx interazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u d-dritt tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, TeliaSonera ma kellha ebda obbligu legali li tipprovdi “input products for ADSL”.
20 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000 (T‑5/97, Ġabra p. II 3755 (imsejħa wkoll kawża “IPS”). Ara l-kawżi fuq livell nazzjonali, fosthom: (l-Italja) Telecom Italia, A 351, provvedimento n° 13752, 16 ta’ Novembru 2004; (Franza) France Télécom/SFR, Cegetel/Bouygues, Décision n° 04‑D‑48, 14 ta’ Ottubru 2004; (Danimarka) Song Networks A/S/TDC/SDNOFON, 27 ta’ April 2004; (l-Isvezja) TeliaSonera, dnr 1135/2004, 22 ta’ Diċembru 2004; (ir-Renju Unit) BSkyB, CA98/20/2002, u kawża NCCN 500, Deċiżjoni Ofcom, 1 ta’ Awwissu 2008. Ara wkoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 26 u 29.
21 – Ara l-oġġezzjoni inkwistjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/518/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu [82 KE] (IV/30.178 Napier Brown – British Sugar) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) (ĠU L 284, p. 41), premessi 65 u 66: “BS [ħalliet] biss marġni insuffiċjeni [għal] bejjiegħ ta’ zokkor bl-imnut, li kien effiċjenti daqs BS innifisha […] Iż-żamma, minn impriża dominanti […] ta’ marġni bejn il-prezz għall-materja prima li titlob lill-impriżi li jikkompetu magħha fil-produzzjoni tal-prodott dervat u l-prezz li titlob għall-prodott derivat, li huwa insuffiċjenti biex jirrifletti l-ispejjeż ta’ trasformazzjoni tal-kumpanija dominanti nnifisha stess […] tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.” Ara wkoll il-premessa 41.
22 – Dan it-test jista jieħu inkunsiderazzjoni sew il-kompetituri (potenzjali) attwali kif ukoll dawk astratti. Kien approvat mill-UK Competition Appel Tribunal (iktar ’il quddiem il-“CAT”) fil-kawża Genzyme (remedy) [2005] CAT 32, punt 249, u mill-Qorti tal-Appell ta’ Brussell fil-kawża TELE2 vs Belgacom, 18 ta’ Diċembru 2007, R.G. 2006/MR/3.
23 – Ara wkoll, pereżempju, Il-Kummissjoni Ewropea “Kwistjonijiet dwar it-tariffi marbuta ma’ aċċess disassoċjat għan-netwerk lokali”, Kumitat ONP, ONPCOM 01‑17, 25 ta’ Ġunju 2001, p. 1 sa 17.
24 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1991, AKSO vs Il‑Kummissjoni (C‑62/86, Ġabra p. I‑3359).
25 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly, sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni (kawżi magħquda C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365), punti 123 sa 139.
26 – Dan ġie kkonfermat mill-UK CAT fil-kawża Genzyme Nru 1016/1/1/03 [2004] CAT 4, u mill-Court of Appeal tar-Renju Unit fil-kawża Albion (Dwr Cymru Cyfyngedig and Albion Water Limited and Water Services Regulation Authority [2008] EWCA Civ 536), punt 105. Barra minn hekk, wieħed jista’ jargumenta li fis-sentenza appellata (b’mod partikolari fil-punt 188) il-Qorti Ġenerali ma eskludietx totalment, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-kriterju tal-kompetitur raġjonevolment effiċjenti u nikkunsidra li dan ma jeskludix li jista jkun hemm każijiet oħra fejn il-kriterju tal-kompetitur raġjonevolment effiċjenti jista’ jkun xieraq bħala eżami sekondarju jew addizzjonali. Fir-rigward tal-ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ċerti kummentaturi ssuġġerew li dan għandu jiġi evalwat skont il-każ, u li benefiċjarji b’esperjenza twila ħafna drabi jkunu f’pożizzjoni tajba biex jevalwaw fid-dettall l-ispejjeż ta’ kompetituri ġodda jew, mill-inqas, l-ispejjeż ta’ kompetitur raġjonevolment effiċjenti, peress li huma jkollhom għarfien tas-suq li hu mingħajr paragun. Ara B. Amory. u A. Verheyden, Comments on the CFI’s recent ruling in Deutsche Telekom, Global Competition Policy, Mejju 2008, u S. Clerckx u L. De Muyter, Price squeeze abuse in the EU telecommunications sector, Global Competition Policy, April 2009. Ara wkoll: R. O’Donoghue, u A.J. Padilla, The Law and Economics of Article 82 EC, Oxford: Hart, 2006, p. 191 u 331.
27 – Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta’ Marzu 1996, li temenda d-Direttiva 90/388/KEE fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 74, p. 13)
28 – Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 30, li hija relatata mas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-Kawżi T‑203/01, Michelin vs Il-Kummissjoni (‘Michelin II’), Ġabra p. II‑4071, punti 238 u 239 u T‑219/99, British Airways vs Il‑Kummissjoni, Ġabra p. II‑5917, punt 293. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fir-rigward tal-kawża Sot. Lélos kai Sia et, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 50. Ara, f’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali Kokott, Economic thinking in EU competition law (Riflessjonijiet ekonomiċi fuq id-dritt tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea), Madrid, 29 ta’ Ottubru 2009.
29 – Dan l-approċċ jirrifletti dak meħid fis-sentenza mogħtija fil-kawża Sot. Lélos kai Sia et, ibid., li fiha l-Qorti Ġenerali tidher li rrifjutat b’mod impliċitu l-idea ta’ abbuż fih innifsu u pproċediet sabiex tevalwa ġustifikazzjonijiet oġġettivi filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku tas-suq. Ara l-Kawża CW/00615/05/03, Vodafone/O2/Orange/T-Mobile, Deċiżjoni tal-Ofcom, Mejju 2004, u BTOpenworld’s consumer broadband products, Deċiżjoni tal-Oftel, Novembru 2003.
30 – Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida”).
31 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/892/KE, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 KE (COMP/C-1/36.915 – Deutsche Post AG – Interċettazzjoni ta’ posta transkonfinali) (ĠU 2001 L 331, p. 40; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Post”).
32 – Ara l-Kawża C‑196/99 P Aristrain v Commission, Ġabra p.I‑11005, punti 76 et seq.