EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0261

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 19 ta' Mejju 2009.
María Julia Zurita García (C-261/08) u Aurelio Choque Cabrera (C-348/08) vs Delegado del Gobierno en la Región de Murcia.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Superior de Justicia de Murcia - Spanja.
Visas, asil u immigrazzjoni - Miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni - Artikolu 62 (1) u (2)(a) KE - Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen - Artikoli 6b u 23 - Regolament (KE) Nru 562/2006 - Artikoli 5, 11 u 13 - Preżunzjoni fir-rigward tat-tul tas-soġġorn - Ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, skont iċ-ċirkustanzi, jew l-impożizzjoni ta’ multa jew inkella t-tkeċċija.
Każijiet Magħquda C-261/08 u C-348/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-10143

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:322

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Mejju 2009 ( 1 )

Kawżi magħquda C-261/08 u C-348/08

María Julia Zurita García

u

Aurelio Choque Cabrera

vs

Delegado del Gobierno en la Región de Murcia

“Viżi, ażil u immigrazzjoni — Miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni — Artikolu 62(1) u (2)(a) KE — Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Artikoli 6b u 23 — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Artikoli 5, 11 u 13 — Preżunzjoni fir-rigward tat-tul tas-soġġorn — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-impożizzjoni ta’ multa jew it-tkeċċija, skont iċ-ċirkustanzi”

I — Introduzzjoni

1.

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw ir-regoli tad-dritt Komunitarju dwar it-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, id-dritt Spanjol ma jirrikjedix neċessarjament it-tkeċċija ta’ tali persuni iżda jippermetti li tiġi imposta biss multa kontrihom. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk din id-dispożizzjoni hijiex konformi mad-dritt Komunitarju. Hija titlob b’mod partikolari l-interpretazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”). Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“KTFS”) ( 4 ) huwa rilevanti wkoll.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

2.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa bbażat fuq l-Artikolu 62(1) u (2)(a) KE:

“Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, għandu, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jadotta:

1)

miżuri bl-iskop li jassiguraw, konformi ma’ l-Artikolu 14, l-assenza ta’ kull kontroll fuq il-persuni, sew jekk ikunu ċittadini ta’ l-Unjoni sew jekk ta’ ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi, meta jaqsmu l-fruntieri interni;

2)

miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu:

a)

standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettieq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri; […]

b)

[…]”

3.

Skont l-Artikolu 40(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Ottubru 2006.

4.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea”.

5.

L-Artikolu 5 jirregola l-kundizzjonijiet tad-dħul. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprovdi tliet derogi minn dawn il-kundizzjonijiet, u b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji (punt ċ).

6.

L-Artikolu 11 jinkludi preżunzjoni legali li jkun inqabeż iż-żmien ta’ soġġorn awtorizzat fin-nuqqas ta’ timbru tad-dħul, regoli dwar il-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni kif ukoll dwar it-tkeċċija eventwali fil-każ li l-preżunzjoni ma tiġix ikkonfutata:

“Artikolu 11

Preżunzjonijiet fir-rigward tat-twettiq tal-kundizzjonijiet tat-tul ta’ soġġorn

1.   Jekk id-dokument ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jassumu li d-detentur ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ tul ta’ soġġorn applikabbli fl-Istat Membru konċernat.

2.   Il-preżunzjoni fil-paragrafu 1 tista’ tiġi ribattuta meta ċittadin ta’ pajjiż terz, bi kwalunkwe mezz, jipprovdi evidenza kredibbli,...

3.   Jekk il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx ribattuta, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jiġi imkeċċi mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

7.

L-Artikolu 13(1) jipprovdi li d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri għandu jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul kollha. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt tal-ażil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

B — Il-KTFS

8.

L-Artikolu 23 tal-KTFS jinkludi fih ukoll regoli dwar it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal soġġorn qasir:

“1.   Aljeni li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal żjara qasira applikabbli fit-territorju ta’ Parti Kontraenti huma normalment meħtieġa li jitilqu mit-territorji tal-Partijiet Kontraenti immedjatament.

2.   Aljeni li għandhom permessi ta’ residenza validi jew permessi ta’ residenza temporanja maħruġa minn Parti Kontraenti oħra huma meħtieġa li jmorru fit-territorju ta’ dik il-Parti Kontraenti immedjatament.

3.   Meta dawn l-aljeni ma jkunux telqu volontarjament, jew fejn wieħed jista’ jassumi li dawn m’humiex sejrin jagħmlu hekk, jew fejn it-tluq immedjat tagħhom jinħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew politika pubblika, huma jridu jitkeċċew mit-territorju tal-Parti Kontraenti fejn jinqabdu, skond il-liġi nazzjonali ta’ dik il-Parti Kontraenti. Jekk taħt dik il-liġi t-tkeċċija ma tkunx awtorizzata, il-Parti Kontraenti konċernata tista’ tippermetti lill-persuni konċernati li jibqgħu fit-territorju tagħha.

4.   Dawn l-aljeni jistgħu jitkeċċew mit-territorju ta’ dik il-Parti lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom jew lejn xi Stat ieħor fejn jistgħu jitħallew jidħlu, b’mod partikolari taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-diversi ftehim ta’ dħul mill-ġdid konklużi mill-Partijiet Kontraenti.

5.   Il-Paragrafu 4 ma jwaqqafx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ ażil, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 33(1) ta’ din il-Konvenzjoni.”

9.

Id-Deċiżjoni 1999/436/KE tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1999 li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ( 5 ) l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen, tikkonstata li l-Artikolu 62(3) KE huwa l-bażi legali tal-Artikolu 23 tal-KTFS.

10.

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/80/KE ( 6 ), l-acquis ta’ Schengen japplika wkoll sa mill-21 ta’ Diċembru 2007 għall-Istati Membri li daħlu fl-2004, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru.

11.

L-Artikolu 23 tal-KTFS ġie reċentement issostitwit bid-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 7 ). B’dan il-mod, it-tkeċċija u d-deportazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma rregolati b’mod ferm iktar iddettaljat milli kienu fil-kuntest tad-dritt Komunitarju li kien fis-seħħ qabel.

C — Id-dritt Spanjol

12.

Il-qorti tar-rinviju tippreżenta l-leġiżlazzjoni Spanjola kif ġej.

13.

Skont l-Artikolu 53(a) tal-Liġi Qafas Spanjola 4/2000 (kif emendata bil-Liġi Qafas 8/2000), jikkostitwixxi ksur serju:

“il-fatt li wieħed ikun jinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Spanjol minħabba li l-estensjoni tas-soġġorn, il-permess ta’ residenza jew dokumenti simili, fejn ikunu meħtieġa, ma jkunux inkisbu jew ikunu ilhom iktar minn tliet xhur li skadew mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun talbet it-tiġdid tagħhom fit-terminu previst mil-liġi”.

14.

Il-proċedura kollha hija suġġetta għal multa li, skont l-Artikolu 57 ta’ din l-istess liġi, tista’ tiġi ssostitwita bi tkeċċija:

“Meta l-awturi tal-ksur ikunu barranin u l-aġir inkwistjoni jkun ikklassifikat mil-liġi bħala serju ħafna jew serju fis-sens tal-Artikolu 53(a), (b), (ċ), (d) u (f) ta’ din il-liġi qafas, il-multa tista’ tiġi ssostitwita bi tkeċċija mit-territorju Spanjol, fi tmiem il-proċedura amministrattiva relattiva.”

15.

Madankollu l-Artikolu 57(3) ta’ din il-liġi jipprovdi dan li ġej:

“Is-sanzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ multa ma jistgħu fl-ebda każ jiġu imposti flimkien.”

III — Il-fatti u d-domandi preliminari

16.

Julia Zurita Garcia u Aurelio Choque Cabrera huma ċittadini Bolivjani. Wara li saru kontrolli, ġie kkonstatat li huma kienu qed joqogħdu fi Spanja minkejja li ma kinux jissodisfaw jew ma kinux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn.

17.

Il-kontrolli fir-rigward ta’ Zurita Garcia saru fis-26 ta’ Settembru 2006. Sussegwentement, id-Delegado del Gobierno en la Región de Murcia (rappreżentant tal-gvern fir-reġjun ta’ Murcia) ordna li hija titkeċċa mit-territorju Spanjol fil-15 ta’ Novembru 2006 u pprojbixxa d-dħul tagħha fiż-żona Schengen għal perijodu ta’ ħames snin. Wara li sar kontroll fil-konfront ta’ Choque Cabrera fl-14 ta’ Mejju 2007, ir-rappreżentant tal-gvern fir-reġjun ta’ Murcia adotta fil-konfront tiegħu fit-30 ta’ Lulju 2007 l-istess deċiżjoni li kienet ittieħdet kontra Zurita Garcia.

18.

Ir-rikorsi li tressqu kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew miċħuda fl-ewwel stanza. Fil-preżent, jinsabu pendenti appelli quddiem it-Tribunal superior de justicia de Murcia bħala qorti tal-aħħar istanza.

19.

Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-imsemmija qorti, il-leġiżlazzjoni Spanjola reċenti tiddefinixxi t-tkeċċija bħala miżura li tista’ tissostitwixxi multa. Għaldaqstant, huwa previst li, bħala regola ġenerali, tiġi imposta multa kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta dawn jinqabdu li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn fi Spanja. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawn il-persuni jistgħu jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija biss f’ċirkustanzi serji.

20.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tikkunsidra li skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan, għandhom jitilqu mit-territorju, jew permezz ta’ ċaħda tad-dħul, jew inkella permezz ta’ miżura ta’ tkeċċija. Għaldaqstant, fiż-żewġ kawżi li jinsabu quddiemha, hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1) u (2)(a) tiegħu u dawk tar-Regolament (KE) tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), b’mod partikolari l-Artikoli 5, 11 u 13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik nazzjonali, flimkien mal-ġurisprudenza li tinterpretaha, li permezz tagħha t-tkeċċija ta’ kull “ċittadin ta’ pajjiż terz” li m’għandux permess li jawtorizza d-dħul u s-soġġorn fit-territorju tal-Unjoni Ewropea tista’ tiġi ssostitwita minn impożizzjoni ta’ multa?

21.

Ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja Choque Cabrera, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Ma kienx hemm trattazzjoni. B’ordni tas-27 ta’ Marzu 2009 tal-President tat-tielet awla, iż-żewġ kawżi ingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

IV — Analiżi

22.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikoli 5, 11 u 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li t-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn tiġi ssostitwita b’multa.

A — Ammissibbiltà u interpretazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari

23.

Inkwantu l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa bbażat fuq l-Artikolu 62(1) u (2)(a) KE, skont l-Artikolu 68(1) KE, huma biss il-qrati tal-aħħar istanza li jistgħu jippreżentaw talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

24.

Fil-kawżi prinċipali, it-Tribunal Superior de Justicia de Murcia huwa l-qorti tal-appell. Ma jidher li hemm ebda possibbiltà ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet li huwa jagħti dwar il-mertu. Għaldaqstant, huwa jista’ jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

25.

Madankollu, Spanja tikkunsidra li d-domanda preliminari fil-kawża Zurita Garcia hija inammissibbli għaliex hija ipotetika. Hija ssostni li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen mhuwiex applikabbli ratione temporis f’din il-kawża, minħabba l-prinċipju ta’ nonretroattività. Fil-fatt, il-kontroll fir-rigward ta’ Zurita Garcia sar qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. Sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha wkoll dubji dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi Kodiċi, hija għamlet rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-kawża Choque Cabrera li hija eżenti minn dawn id-dubji.

26.

Huwa minnu li domanda manifestament ipotetika hija inammissibbli ( 8 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi la jeħtieġ li tiġi miċħuda t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Zurita Garcia u lanqas mhuwa neċessarju li f’din il-kawża tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis.

27.

Kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, mhux il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kollu huwa rilevanti għal dawn il-kawżi, iżda speċifikament l-Artikolu 11 tiegħu. Regolamentazzjoni identika għal din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 6b tal-KTFS, kienet diġà daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2005 ( 9 ) u ġiet issostitwita bl-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li fil-kawża Zurita Garcia, l-Artikolu 6b tal-KTFS huwa applikabbli fil-każ li l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jkunx applikabbli.

28.

B’hekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina wkoll l-Artikolu 6b tal-KTFS, minkejja li din id-dispożizzjoni mhijiex imsemmija fid-domanda ( 10 ).

29.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Italja ġustament jikkonstataw li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk il-Kodiċi tal-Fruntieri huwiex effettivament applikabbli. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 23 tal-KTFS eżaminata mill-Awstrija u mill-Kummissjoni hija rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha testendi l-eżami tagħha wkoll għal din id-dispożizzjoni.

30.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 62(1) u (2)(a) KE msemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippreżentax interess dirett biex tingħata risposta għad-domanda, peress li dan jikkostitwixxi bażi legali. Dan l-artikolu, fih innifsu ma jinkludi ebda dritt jew obbligu per se li jikkonċerna liċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

31.

F’dan is-sens, l-għan tat-talbiet għal domanda preliminari huwa li jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 5, 11 u 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri u/jew l-Artikoli 6b u 23 tal-KTFS jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu li t-tkeċċija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn tiġi ssostitwita b’multa.

B — Risposta għad-domanda preliminari

1. L-Artikoli 5 u 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri

32.

Bħala regola ġenerali, il-Kodiċi tal-Fruntieri ma jirrigwardax ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jkunu qed joqogħdu fiż-żona Schengen meta jinqalgħu dubji dwar id-dritt ta’ soġġorn tagħhom. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-Artikoli 5 u 13.

33.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi kodiċi, dan japplika għall-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni jew interni. L-għan prinċipali tiegħu huwa l-kontroll tal-fruntieri esterni u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

34.

Dan jikkorrispondi għall-bażijiet legali ċċitati: l-Artikolu 62(1) KE jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri bl-iskop li jiżguraw, b’mod konformi mal-Artikolu 14 KE, l-assenza ta’ kull kontroll fuq il-persuni, kemm jekk ikunu ċittadini tal-Unjoni u kif ukoll jekk ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, meta jaqsmu l-fruntieri interni. L-Artikolu 62(2)(a) jippermetti li jiġu adottati miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni tal-Istati Membri li jistabbilixxu standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti mill-Istati Membri fit-twettiq ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni.

35.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dħul taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żona Schengen u l-Artikolu 13 jipprovdi li d-dħul għandu jiġi miċħud meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha.

36.

Madankollu, il-kawżi prinċipali huma differenti inkwantu l-persuni kkonċernati, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, ma tkeċċewx mad-dħul tagħhom iżda ttieħdu passi kontrihom minħabba s-soġġorn illegali tagħhom fit-territorju Spanjol. Bħala sfond, wieħed jippreżumi li ċ-ċittadini Bolivjani użaw il-possibbiltà li huma kellhom li jidħlu fiż-żona Schengen mingħajr viża qabel l-1 ta’ April 2007 u li joqogħdu hemmhekk għal massimu ta’ tliet xhur ( 11 ). Huwa possibbli li Zurita Garcia u Choque Cabrera kienu qabżu dan it-terminu.

2. L-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri u l-Artikolu 6b tal-KTFS

37.

Il-fatt li fil-mertu l-kawżi ma jikkonċernawx direttament il-qsim ta’ fruntieri madankollu ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri. Fil-fatt, dan fih regoli li għandhom rabta mal-qsim ta’ fruntieri iżda jirrigwardaw is-soġġorn ( 12 ).

38.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri huwa relatat mal-qsim tal-fruntieri fis-sens li jirreferi għat-timbru tad-dħul. L-Artikolu 10 jipprovdi li l-gwardji tal-fruntieri għandhom jittimbraw id-dokumenti tal-ivjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu fruntieri esterni. It-timbru fuq id-dokumenti tal-ivjaġġar jippermetti li jiġu stabbiliti b’ċertezza d-data u l-post tal-qsim tal-fruntieri ( 13 ). B’dan il-mod, it-timbru tad-dħul jindika jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikunux qabżu ż-żmien ta’ soġġorn legali.

39.

Fuq din il-premessa, l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri jipprovdi bażi għall-preżunzjoni konfutabbli li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet relatati mat-tul ta’ żmien tas-soġġorn, jekk id-dokumenti tal-ivjaġġar tagħhom ma jkunx fihom timbru tad-dħul.

40.

Ir-regola li tinsab fl-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri dwar it-tkeċċija hija bbażata fuq din il-preżunzjoni. Din issir applikabbli fil-każ li ma jkunx miċħud li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qabeż iż-żmien tas-soġġorn legali. Ma jistax jiġi eskluż li l-kawżi prinċipali huma bbażati fuq din il-preżunzjoni.

41.

Madankollu, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ma jaqblux bejniethom. Skont il-verżjoni Spanjola, ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jitkeċċa. Dan jista’ jinftiehem bħala obbligu. Min-naħa l-oħra, kif issemmi l-Kummissjoni, il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn jipprovdu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitkeċċa. F’dan il-każ dan mhuwiex obbligu iżda sempliċi possibbiltà.

42.

Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test Komunitarju għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi u, għaldaqstant, f’każ ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 14 ). F’din il-kawża, madankollu, mhuwiex neċessarju li dan jiġi eżaminat fid-dettall. Fil-fatt, dispożizzjoni legali li tvarja skont il-verżjoni lingwistika għandha tiġi interpretata wkoll skont il-volontà reali tal-awtur tagħha ( 15 ). Jirriżulta mill-oriġini tal-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri li l-verżjoni Spanjola ma tikkorrispondix mal-volontà reali tal-leġiżlatur iżda hija żball ta’ traduzzjoni.

43.

Kif diġà ntqal ( 16 ), l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri adotta fil-Kodiċi l-Artikolu 6b tal-KTFS li kien jeżisti qabel. Il-verżjoni Spanjola tal-Artikolu 6b(3) tal-KTFS mhijiex differenti mill-verżjonijiet l-oħrajn f’dak li jirrigwarda n-natura fakultattiva tat-tkeċċija ( 17 ). Skont il-verżjoni Spanjola, l-Istati Membri jistgħu jkeċċu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi iżda mhumiex obbligati li jagħmlu dan.

44.

Apparentement, din il-verżjoni l-qadima ġiet injorata matul il-formulazzjoni tal-verżjoni Spanjola tal-Kodiċi tal-Fruntieri. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li la l-premessi, u lanqas id-dokumenti preparatorji aċċessibbli għall-pubbliku ma juru li ġiet riprodotta dispożizzjoni eżistenti ( 18 ).

45.

Għaldaqstant, wieħed jista’ jikkonkludi f’dan l-istadju li l-Artikolu 6b(3) tal-KTFS u d-dispożizzjoni simili tal-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ma joħolqux l-obbligu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitkeċċew minħabba l-preżunzjoni li mhumiex sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ soġġorn.

3. L-Artikolu 23 tal-KTFS

46.

Madankollu, l-Awstrija, b’mod partikolari, tiddeduċi mill-Artikolu 23 tal-KTFS obbligu li jintemm is-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jitilqu minn pajjiż Schengen jekk huma ma jissodisfawx jew m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn. Jekk dan ma jsirx fuq bażi volontarja jew jekk ikun hemm urġenza partikolari, l-Artikolu 23(3) tal-KTFS jipprevedi li dawn għandhom jitkeċċew mit-territorju tal-Istat kontraenti fejn ikunu ġew interċettati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

47.

Jekk wieħed jeżamina l-verżjoni Ġermaniża b’mod iżolat, jidher li l-Artikolu 6b(3) tal-KTFS u/jew l-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri kif ukoll l-Artikolu 23(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri jipprevedu każijiet distinti, peress li din hija, minn naħa, kwistjoni ta’ tkeċċija (Ausweisung), waqt li min-naħa l-oħra, kwistjoni ta’ deportazzjoni (Abschiebung). Bil-lingwa Ġermaniża, din tal-ewwel tfisser id-deċiżjoni biex jintemm is-soġġorn waqt li t-tieni waħda tfisser l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni.

48.

Madankollu, ikun żball jekk tingħata importanza kbira lil dawn id-differenzi ta’ terminoloġija. Fil-fatt, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħrajn, din id-distinzjoni ma tidhirx b’mod daqshekk ċar. Il-verżjoni Ingliża tuża f’dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet il-kunċett “to expell”, il-verżjoni Spanjola “expulsar” waqt li l-verżjoni Franċiża minn naħa waħda tuża “expulser” u min-naħa l-oħra “éloigner”.

49.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6b(3) tal-KTFS u l-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ma fihomx regoli dwar l-eżekuzzjoni tat-tkeċċija, waqt li l-Artikolu 23 tal-KTFS ma jipprovdix dispożizzjoni espliċita dwar id-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tista’ tkun suġġetta għal eżekuzzjoni. Hija biss id-Direttiva 2008/115, adottata fil-frattemp, li tiddistingwi b’mod ċar bejn deċiżjoni ta’ ritorn ( 19 ) u ta’ tneħħija ( 20 ) bħala l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ deportazzjoni.

50.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li kemm l-Artikolu 6b(3) tal-KTFS u/jew l-Artikolu 11(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri kif ukoll l-Artikolu 23(3) tal-KTFS għandhom bħala għan id-deportazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr ma jagħmlu distinzjoni preċiża bejn id-deċiżjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tagħha.

51.

Kif ġie enfasizzat mir-Repubblika tal-Awstrija, bl-istess mod bħall-projbizzjoni tad-dħul abbażi tal-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri, l-Artikolu 23 tal-KTFS huwa bbażat fuq l-interess ġenerali tal-Istati Schengen li jipprekludu jew tal-inqas li jwaqqfu s-soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fiż-żona Schengen. Sa fejn il-fruntieri interni ma jkunux ikkontrollati, hemm biża’ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu illegalment fi Stat Membru jmorru lejn Stat Membru ieħor u joqogħdu hemmhekk ukoll illegalment. L-Italja tenfasizza ġustament li d-Direttiva 2008/115 tieħu l-istess direzzjoni.

52.

L-Artikolu 23 tal-KTFS jipprevedi, bħala regola ġenerali, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kollha li joqogħdu fit-territorju Schengen, minkejja li ma jkunux jissodisfaw jew ma jkunx għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ soġġorn. Wieħed jista’ jistaqsi biss jekk il-preżunzjoni li ż-żmien tas-soġġorn ikun għadda skont l-Artikolu 6b tal-KTFS u/jew tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri hijiex suġġetta għal regoli oħrajn.

53.

Huwa b’mod partikolari fuq il-bażi tal-oriġini tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri, jiġifieri b’mod partikolari l-proċess ta’ adozzjoni tal-Artikolu 6b tal-KTFS, li jidher li t-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jsostnix din l-interpretazzjoni. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet ukoll li l-awtoritajiet kompetenti, f’każ ta’ preżunzjoni li jkun inqabeż iż-żmien ta’ soġġorn jistgħu ( 21 ) japplikaw l-Artikolu 23(3) tal-KTFS. Minn dan isegwi li l-Istati Membri kienu liberi li japplikaw din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, Spanja pproponiet li l-Istati Membri jkunu obbligati espressament li japplikaw l-Artikolu 23(3) tal-KTFS ( 22 ). Huwa minnu li din il-proposta ma ġietx ikkonkretizzata, iżda l-verżjoni li finalment ġiet adottata tal-Artikolu 6b(3) tal-KTFS ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 23(3).

54.

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-KTFS fil-każ ta’ preżunzjoni abbażi tal-Artikolu 6b tal-KTFS u/jew tal-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tal-interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 3 l-antik ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jipprovdi ebda deroga mill-Artikolu 23 tal-KTFS, iżda jipprovdi biss li l-preżunzjoni li jkun inqabeż iż-żmien ta’ soġġorn tista’ tiġġustifika tkeċċija ( 23 ).

55.

Madankollu, b’mod kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Awstrija, ma jirriżultax mill-Artikolu 23(3) tal-KTFS li l-Istati Membri huma obbligati mid-dritt Komunitarju li jipproċedu għat-tkeċċija. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ġustament tinsisti fuq id-derogi li jinsabu fl-Artikolu 23 tal-KTFS.

56.

Fl-ewwel lok, it-tkeċċija ma tikkostitwixxix regola ġenerali iżda eċċezzjoni. Fil-fatt, il-paragrafi 1 u 2 huma bbażati fuq il-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlaq minn jeddu. Meta mqabbel mat-tkeċċija, dan huwa mezz inqas restrittiv u li huwa wkoll konformi, skont Spanja, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

57.

Iżda fuq kollox, l-Artikolu 23(3) ma jipprovdi ebda bażi legali għal tkeċċija iżda jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ebda rekwiżit ma jidher li huwa previst fir-rigward tal-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tal-KTFS jippermetti espressament lill-Istati Membri li jawtorizzaw is-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta d-dritt intern ma jkunx jippermetti t-tkeċċija. Din id-dispożizzjoni neċessarjament timplika li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet għat-tkeċċija, iżda ma fiha ebda restrizzjoni għal-libertà tal-Istati Membri fil-kuntest tad-definizzjoni ta’ tali eċċezzjonijiet. B’hekk, ma jistax ikun hemm obbligu ta’ tkeċċija.

58.

Barra minn hekk, il-portata limitata tal-Artikolu 23 tal-KTFS timmilita kontra l-idea illi dan għandu jinftiehem bħala regola mandatorja f’dak li jirrigwarda t-tkeċċija jew id-deportazzjoni. Din id-dispożizzjoni tinkludi biss prinċipji bażiċi u kriterji minimi li essenzjalment jeħtieġu l-adozzjoni ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

59.

Dan huwa preċiżament dak li jirriżulta meta jitqabblu l-Artikolu 23 tal-KTFS u d-Direttiva 2008/115 li ġiet adottata fil-frattemp. Din fiha regoli ferm dettaljati dwar it-trattament taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu oqogħdu fiż-żona Schengen, minkejja li ma jkunux jissodisfaw jew ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn. Madankollu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jagħti espressament lill-Istati Membri l-libertà li jimplementaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli.

60.

In-nuqqas ta’ obbligu ta’ tkeċċija lanqas ma jmur kontra l-interess komuni tal-Istati Schengen kollha li jintemm is-soġġorn illegali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li r-riferiment li l-Artikolu 23 tal-KTFS jagħmel għal-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa bbażat fuq grad għoli ta’ fiduċja u solidarjetà bejn l-Istati Membri. Dan il-grad għoli ta’ fiduċja u solidarjetà huwa wkoll il-bażi tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet importanti f’oqsma oħrajn ( 24 ) u jopponi n-neċessità li jiġi previst obbligu tad-dritt Komunitarju li jintemmu s-soġġorni illegali. Pjuttost għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ tali obbligu.

61.

Barra minn hekk, ma jidhirx li Spanja naqset minn din il-fiduċja. Skont il-Gvern Spanjol, din il-multa, bl-ebda mod ma għandha, titqies bħala tolleranza ta’ soġġorn illegali. Għall-kuntrarju, ċittadin ta’ Stat terz huwa obbligat li jitlaq fi żmien 15-il jum. Jekk huwa ma jagħmilx dan, tinfetaħ proċedura ġdida ta’ sanzjoni minħabba t-tkomplija tas-soġġorn mingħajr ħarsien tal-kundizzjonijiet rispettivi. Billi f’dan il-każ tkun diġà ġiet imposta multa, dan iwassal għal proċedura ta’ tkeċċija.

62.

B’hekk, l-Artikolu 23(3) tal-KTFS ma jipprekludix regoli tad-dritt intern bħal dawk f’din il-kawża li jistipulaw li t-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed joqgħod fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr dokument li jawtorizza d-dħul u/jew is-soġġorn tiegħu tista’ tiġi ssostitwita bl-impożizzjoni ta’ multa.

V — Konklużjoni

63.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej:

“1)

L-Artikolu 6b(3) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u d-dispożizzjoni identika tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ma joħolqux obbligu li jitkeċċew ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba l-preżunzjoni li mhumiex issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ soġġorn previsti fl-Artikolu 6b(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u/jew tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament.

2)

L-Artikolu 23(3) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ma jipprekludix regoli tad-dritt intern bħal dawk f’din il-kawża li jistipulaw li t-tkeċċija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed joqgħod fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr dokument li jawtorizza d-dħul u/jew is-soġġorn tiegħu tista’ tiġi ssostitwita bl-impożizzjoni ta’ multa.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 105, p. 1

( 3 ) Ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985, ĠU 2000, L 239, p. 13.

( 4 ) Iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen, ĠU 2000, L 239, p. 19.

( 5 ) ĠU L 176, p. 17.

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika tal-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika tal-Ungerija, fir-Repubblika ta’ Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka (ĠU L 323, p. 34).

( 7 ) ĠU L 348, p. 98.

( 8 ) Ara, f’iktar dettall, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, Ġabra p. 745, punti 18 et seq); tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C-83/91, Ġabra p. I-4871, punti 25 et seq); tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C-467/05, Ġabra p. I-5557, punt 40 u b’mod iktar partikolari dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis, punti 47 et seq), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641, punti 67 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen u l-manwali komuni għal dan il-għan, ĠU L 153M, p. 268 3 5, li introduċa l-Artikolu 6b fil-KTFS.

( 10 ) Sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1986, Tissier (35/85, Ġabra p. 1207, punt 9), u tal-10 ta’ Jannar 2006, De Groot en Slot Allium u Bejo Zaden (C-147/04, Ġabra p. I-245, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara l-Artikolu 20(1) tal-KTFS u f’dan ir-rigward is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Bot (C-241/05, Ġabra p. I-9627). L-eżenzjoni tal-obbligu ta’ viża kienet tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini [tagħhom] għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65 8 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 164M, p. 99). Dan ġie abrogat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 (ĠU L 405, p. 23).

( 12 ) Minbarra l-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Fruntieri, għandu jiġi ċċitat ukoll b’mod partikolari l-Artikolu 7(3)(ċ) li jirrigwarda l-eżami tal-fatt jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlaq mit-territorju jkunx issodisfa l-kundizzjonijiet tas-soġġorn.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 2133/2004, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

( 14 ) Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1967, van der Vecht (19/67, Ġabra p. 462 u 473); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punti 13 u 14); tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex, (C-56/06, Ġabra p. I-4859, punt 27), u tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C-426/05, Ġabra p. I-685, punt 25).

( 15 ) Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tas-7 ta’ Lulju 1988, Moksel Import und Export (55/87, Ġabra p. 3845, punt 49); tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 47), u tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C-188/03, Ġabra p. I-885, punt 33).

( 16 ) Ara iktar ’il fuq il-punt 27.

( 17 ) Bl-Ispanjol, l-Artikolu 6b(3) tal-KTFS jipprovdi: “De no ser refutada la presunción mencionada en el apartado 1, las autoridades competentes podrán expulsar al nacional del tercer Estado del territorio de los Estados miembros afectados”.

( 18 ) Dispożizzjoni korrispondenti għall-Artikolu 6(b) tal-KTFS dehret għall-ewwel darba f’abbozz tal-Kodiċi tal-Fruntieri tat-23 ta’ Marzu 2005: L-Artikolu 9a fil-verżjoni tad-dokument tal-Kunsill http://register.consilium.europa.eu/pdf/es/05/st09/st09630.es05.pdf. Skont l-abbozzi preċedenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri, l-Artikolu 6(b) kellu sempliċement u purament jitneħħa. Ebda wieħed mid-dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku ma juri tali tneħħija jew inklużjoni fil-Kodiċi. Probabbilment ir-raġuni hija li l-Artikolu 6(b) tal-KTFS ġie fformulat biss matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-Kodiċi u li l-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet, f’din il-proċedura leġiżlattiva l-oħra, li din il-preżunzjoni li t-terminu tas-soġġorn ikun inqabeż titqiegħed f’parti oħra tal-KTFS. Din il-parti ma ġietx affettwata mill-Kodiċi tal-Fruntieri b’tali mod li ma kienx meħtieġ li r-regola ta’ preżunzjoni tiġi kkunsidrata fil-Kodiċi tal-Fruntieri.

( 19 ) L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2008/115.

( 20 ) L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2008/115.

( 21 ) Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipproċedu għall-ittimbrar sistematiku ta’ dokumenti tal-ivjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-mument tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, u li jemenda għal dan il-għan il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen u l-manwal komuni, COM (2003) 664 finali, evidentement mhux ippubblikata fil-ĠU.

( 22 ) Dokument tal-Kunsill 7858/04 tat-30 ta’ Marzu 2004, http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/04/st07/st07858.en04.pdf, p. 4, punt 10.

( 23 ) Din l-interpretazzjoni tiggarantixxi barra minn hekk li l-Artikolu 11 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ma jikkostitwixxix dispożizzjoni speċjali inutli fir-rigward tad-Direttiva 2008/115. Min-naħa l-oħra, fil-futur ser ikun hemm lok li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tad-direttiva wkoll fil-każ ta’ tkeċċija bbażata fuq il-preżunzjoni li ż-żmien tas-soġġorn ikun skada.

( 24 ) Sentenzi tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 33) dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kundanni penali bħala bażi tal-prinċipju ne bis in idem, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 57) fir-rigward tar-rinunzja ta’ kundanna doppja f’każ ta’ estradizzjoni.

Top