Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0203

    Konklużjonijiet magħquda ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 17 ta' Diċembru 2009.
    Sporting Exchange Ltd vs Minister van Justitie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
    Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet - Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku - Tiġdid tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti - Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza - Applikazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.
    Kawża C-203/08.
    Ladbrokes Betting & Gaming Ltd u Ladbrokes International Ltd vs Stichting de Nationale Sporttotalisator.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Artikolu 49 KE - Restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi - Logħob tal-ażżard - Operat ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet - Leġiżlazzjoni li tirriżerva liċenzja lil operatur uniku - Rifjut li tingħata liċenzja għall-operat lil operatur li għandu liċenzja fi Stati Membri oħrajn - Ġustifikazzjoni - Proporzjonalità - Verifika ta’ kull miżura konkreta li timplementa l-leġiżlazzjoni nazzjonali.
    Kawża C-258/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:791

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT GENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2009 1(1)

    Kawża C‑203/08

    The Sporting Exchange Ltd

    vs

    Minister van Justitie

    Kawża C-258/08

    Ladbrokes Betting & Gaming Ltd,

    Ladbrokes International Ltd

    vs

    Stichting de Nationale Sporttotalisator

    [talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-flus – Imħatri u lotteriji permezz tal-internet – Sistema esklużiva ta’ awtorizzazzjoni – Projbizzjoni lil impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor milli tipprovdi s-servizzi tagħha – Restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-konsumaturi u ġlieda kontra l-frodi – Limitazzjoni b’mod koerenti u sistematiku – Portata tal-istħarriġ tal-proporzjonalità – Miżura eżekuttiva nazzjonali – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Prinċipju ta’ trattament ugwali u obbligu ta’ trasparenza – Applikazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-flus fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja lil operatur uniku – Proroga tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti kompetittiva”





    1.        Il-portata tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-flus, riżultanti mil-libertajiet tal-moviment, diġà tat lok għal ġurisprudenza relattivament abbondanti u tkompli tqajjem numru ta’ domandi (2).

    2.        Dawn iż-żewġ kawżi preliminari ser jippermettu li tiġi eżaminata l-konformità tal-liġi Olandiża f’dan il-qasam mar-regoli tat-Trattat KE relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sa fejn jikkonċernaw l-istess regoli nazzjonali u jolqtu l-istess domandi magħmula miż-żewġ qrati tar-rinviju, ġie deċiż li jiġu ttrattati flimkien.

    3.        Il-liġi Olandiża għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled lill-kriminalità. Hija tistabbilixxi, minn naħa, li l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-logħob tal-flus huma pprojbiti jekk ma tinkisibx liċenzja għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, li f’kull kategorija tal-logħob ma għandux ikun hemm iktar minn fornitur wieħed, li jista’ jirċievi din il-liċenzja.

    4.        Il-liċenzja li tikkonċerna l-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi, tal-lottu u tal-logħob tan-numri ġiet attribwita lill-fondazzjoni Stichting de Nationale Sporttotalisator (3). Giet ipprorogata għal perijodu ta’ ħames snin f’Diċembru 2004. Il-liċenzja relatata mal-organizzazzjoni tal-imħatri reċiproki fuq it-tlielaq taż-żwiemel, attribwita lill-kumpanija ta’ responsabbiltà limitata, Scientific Games Racing BV. (4), ġiet ipprorogata f’Ġunju 2005.

    5.        Il-Kawża C‑203/08 oriġinat minn kawża bejn il-kumpanija The Sporting Exchange Ltd, li topera bl-isem ta’ Betfair (5), stabbilita fir-Renju Unit, u l-Minister van Justitie (ministru tal-Ġustizzja Olandiż), dwar iċ-ċaħda tat-talbiet tagħha sabiex tikseb il-liċenzja għall-organizzazzjoni tal-logħob tal-flus fil-Pajjiżi l-Baxxi u dwar ir-rikorsi li ressqet kontra d-deċiżjonijiet għall-proroga tal-liċenzji ta’ De Lotto u SGR.

    6.        Il-Kawża C‑258/08 tirrigwarda l-kontestazzjoni, mill-kumpanniji Ladbrokes Betting & Gaming Ltd u Ladbrokes International Ltd (6), stabbiliti fir-Renju Unit, tal-proċeduri mibdija kontrihom minn De Lotto, intiżi sabiex jipprojbixxuhom milli joffru fuq is-sit internet tagħhom, lil persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-logħob tal-flus li għalihom ma għandhomx liċenzja.

    7.        Dawn iż-żewġ kawżi preliminari jqajmu flimkien l-erba’ domandi li ġejjin.

    8.        Fl-ewwel lok, regola nazzjonali ta’ Stat Membru li tirrestrinġi l-provvista ta’ logħob tal-flus, bl-għan li tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled il-frodi u li effettivament tilħaq dawn l-għanijiet, tista’ titqies li qed tikseb dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku jekk id-detenturi tad-dritt esklużiv huma awtorizzati li jagħmlu l-offerta tagħhom attraenti, billi jintroduċu logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità? (L-ewwel domanda fil-Kawża C‑258/08.)

    9.        Fit-tieni lok, meta l-qorti nazzjonali tivverifika li l-liġi fil-qasam tal-logħob tal-flus hija konformi mad-dritt Komunitarju, din hija marbuta li tivverifika li l-miżura eżekuttiva intiża sabiex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità? [It-tieni domanda, paragrafi a) u b), fil-Kawża C‑258/08].

    10.      Fit-tielet lok, il-fatt li operatur ekonomiku jiġi awtorizzat joffri l-logħob permezz tal-internet fit-territorju tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit jipprekludi li Stat Membru ieħor, li fih il-logħob tal-flus huwa suġġett għal sistema ta’ drittijiet esklużivi, jipprojbixxi lil dan l-operatur milli jipprovdi dan l-istess logħob lil persuni residenti fit-territorju tiegħu? (L-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/08 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑258/08).

    11.      Fir-raba’ lok, abbażi tal-Artikolu 49 KE, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza riżultanti minnu, huma applikabbli fil-qasam tal-logħob tal-flus, fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja lil operatur wieħed? U, f’każ ta’ risposta pożittiva, f’liema miżura jista’ jkun hemm il-proroga tal-liċenzja tal-operatur uniku mingħajr sejħa għal offerti kompetittiva? [It-tieni domanda u t-tielet domanda, paragrafi a) u b), fil-Kawża C‑203/08].

    12.      Dawn id-domandi huma msejsa fuq il-premessa li l-għoti minn Stat Membru, tad-dritt esklużiv għall-provvista ta’ logħob tal-flus, lil operatur uniku, jista’ jkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. F’dawn il-konklużjonijiet, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma din il-premessa.

    13.      Nipproponi wkoll li jiġi stabbilit legalment, b’risposta għall-ewwel domanda, li mill-mument fejn, skont l-evalwazzjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali, ir-regola ta’ Stat Membru li tirrestrinġi l-provvista ta’ logħob tal-flus, bl-għan li tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled il-frodi tilħaq effettivament l-imsemmija għanijiet, din ir-regola għandha titqies li qed tfittex dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id-detenturi tad-dritt esklużiv li jipprovdu l-logħob huma awtorizzati li jrendu l-offerta tagħhom attraenti, bl-intoduzzjoni ta’ logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità.

    14.      B’risposta għat-tieni domanda, nissottometti li meta l-qorti nazzjonali tistabbilixxi li r-restrizzjonijiet previsti fil-liġi interna tagħha huma konformi mal-prinċipju Komunitarju ta’ proporzjonalità, din ma hijiex marbuta li tivverifika u tipprova, f’kull każ konkret fejn jiġi applikat dan il-prinċipju, li l-miżura eżekuttiva sempliċi ta’ din il-liġi tikkonforma wkoll ma’ dan il-prinċipju, meta din il-miżura hija strettament limitata biex tiżgura l-applikazzjoni tal-imsemmija liġi, mingħajr ma toħloq restrizzjoni addizzjonali. Ser nindika wkoll li ċ-ċirkustanza fejn l-imsemmija miżura tintalab minn operatur ekonomiku fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati, u mhux minn awtorità pubblika, hija irrilevanti għar-risposta għal din id-domanda.

    15.      Ir-risposta għat-tielet domanda tirriżulta, min-naħa, mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International (7), li tistabbilixxi li r-rikonoxximent reċiproku ma japplikax għal awtorizzazzjoni biex jiġi pprovdut il-logħob permezz tal-internet u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li sistema ta’ drittijiet esklużivi tista’ tkun konformi mad-dritt Komunitraju.

    16.      Għal dak li għandu x’jaqsam, fl-aħħar nett, mal-portata tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li dan il-prinċipju u dan l-obbligu japplikaw għal sistema ta’ liċenzja li hija limitata għal operatur wieħed fil-qasam tal-logħob tal-flus. Nissottometti wkoll li jmorru kontra l-proroga tal-liċenzja mingħajr sejħa għal offerti kompetittiva, sakemm in-nuqqas tas-sejħa għal offerti kompetittiva ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat legalment abbażi ta’ xi raġuni stabbilita fit-Trattat jew irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza, liema verifika trid issir mill-qorti nazzjonali.

    I –    Il-liġi Olandiża

    17.      Skont l-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-logħob tal-ażżard, (Wet op de kansspelen)(8) u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu Va tiegħu, huwa pprojbit:

    “a)      li tingħata l-possibbiltà li wieħed jikkompeti għal premjijiet jew rigali jekk l-għażla tar-rebbieħa tkun imsejsa esklużivament fuq ix-xorti li fuqha l-parteċipanti ma jkunu jistgħu jeżerċitaw, ġeneralment, l-ebda influwenza effettiva, sakemm ma tkunx ingħatat il-liċenzja għal dan il-għan, skont din il-liġi;

    b)      li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni, mingħajr il-liċenzja skont din il-liġi, kemm f’attività imsemmija fil-paragrafu a), kif ukoll f’attività korrispondenti barra mir-Renju, fl-Ewropa, jew li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu għal dan il-għan, dokumenti partikolari għall-pubblikazzjoni jew distribuzzjoni;

    […]”

    18.      Il-liġi Olandiża tistabbilixxi sussegwentement li tista’ tingħata awtorizzazzjoni għal tipi differenti ta’ logħob tal-flus, b’mod partikolari l-imħatri sportivi u l-imħatri reċiproki, li huma rregolati rispettivament mit-Titoli III u IV tal-imsemmija liġi.

    19.      L-imħatri sportivi huma ddefiniti bħala kompetizzjonijiet li fihom il-parteċipanti għandhom jaqtgħu jew jipprevedu r-riżultati ta’ kompetizzjonijiet sportivi mħabbra minn qabel, bl-eċċezzjoni tat-tlielaq taż-żwiemel.

    20.      Skont l-Artikolu 16(1) tal-liġi Olandiża, l-awtoritajiet kompetenti Olandizi jistgħu jikkonċedu l-liċenzja biex jiġu organizzati l-imħatri sportivi, lil persuna ġuridika unika li għandha l-kapaċità sħiħa legali, għal perijodu li għandu jiġi ddeterminat minnhom. L-Artikolu 16(2) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li d-dħul li jiġġeneraw l-imħatri, wara t-tnaqqis tal-qligħ distribwit u tal-ispejjeż, għandhom jiġu attribwiti għall-finijiet li l-persuna ġuridika trid twettaq permezz tal-organizzazzjoni tal-imħatri.

    21.      Il-persuni li għandhom anqas minn 18-il sena ma jistgħux jagħmlu mħatri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 21 tal-liġi Olandiża, il-liċenzja għandu jkun fiha kundizzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, in-numru tal-imħatri li għandhom jiġu organizzati, il-mod ta’ kif għandhom jiġu determinati r-riżultati ta’ sostituzzjoni u l-lista tal-premjijiet, l-amministrazzjoni u l-mod ta’ kif għandhom jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni, l-allokazzjoni tad-dħul, l-istatuti u r-regolamenti tal-persuna ġuridika, il-verifika tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet u l-preżentazzjoni tar-rapport li għandu jsir ta’ kull sena mill-persuna ġuridika fir-rigward tal-attivitajiet tagħha u r-riżultati finanzjarji tagħha kif ukoll il-mod ta’ kif għandu jiġi ppubblikat dan ir-rapport.

    22.      L-imħatri reċiproki huma rregolati mit-Titolu IV tal-liġi Olandiża. Ikopru kwalunkwe opportunità ta’ mħatri fuq ir-riżultati tat-tlielaq taż-żwiemel. It-total tal-flus milgħuba għandu jinqasam bejn il-persuni li għamlu l-imħatra tagħhom fuq ir-rebbieħ jew wieħed mir-rebbieħa, suġġett għat-tnaqqis permess minn din il-liġi.

    23.      Skont l-Artikolu 24 tal-liġi Olandiża, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu joħorġu liċenzja għall-organizzazzjoni tal-imħatri reċiproki lil persuna ġuridika waħda, li għandha l-kapaċità ġuridika sħiħa, għal perijodu li għandu jiġi ddeterminat minnhom.

    24.      Il-liċenzja relatata mal-organizzazzjoni tal-imħatri reċiproki, jista’ jkun fiha kundizzjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, in-numru tat-tlielaq taż-żwiemel, l-ammont massimu li kull persuna tista’ tilgħab, il-persentaġġ miżmum qabel ma jsir il-qsim bejn ir-rebbieħa tal-imħatri, kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ dan il-persentaġġ, il-verifika tal-applikazzjoni li għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet, l-obbligu ta’ prevenzjoni u tal-assigurazzjoni li jkun hemm prevenzjoni, sa fejn dan ikun possibbli, kontra l-imħatri mhux awtorizzati jew l-intermedjazzjoni fil-qasam tal-imħatri fil-postijiet fejn isiru t-tlielaq.

    25.      Mill-elementi tal-proċess, b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Olandiż jirriżulta li l-liċenzji jingħataw, bħala prinċipju, għal perijodu ta’ ħames snin.

    26.      Il-liċenzji fihom dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-mod ta’ kif għandu jiġi organizzat il-logħob li għalih jirreferu. Jistgħu jiġu kkanċellati qabel ma jiskadu, jekk id-detentur tal-liċenzja jikser dawn il-kundizzjonijiet.

    27.      Il-liċenzja għall-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi ilha attribwita lil De Lotto sa mill-1961. De Lotto għandha wkoll il-liċenzja għall-organizzazzjoni tal-lotteriji istantanji, tal-lottu u tal-logħob tan-numri.

    28.      De Lotto hija fondazzjoni. Għaldaqstant hija mingħajr skop ta’ lukru. Il-benefiċċji netti jitħallsu kompetament lill-benefiċjarji għall-benefiċċju tal-isport, tal-edukazzjoni fiżika, tal-benessri soċjali, tas-saħħa pubblika u tal-kultura.

    29.      Il-liċenzja ta’ De Lotto relatata mal-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi kif ukoll mal-lottu u mal-logħob tan-numri, ġiet prorogata permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2004 għal perijodu ta’ ħames snin, mit-12 ta’ Diċembru 2004 sal-11 ta’ Diċembru 2009.

    30.      Il-liċenzja relatata mal-imħatri reċiproki ilha tinżamm minn SGR mill-1998. SGR, kuntrarjament għal De Lotto, hija entità bi skop ta’ lukru (9).

    31.      Din il-liċenzja ġġeddet permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2005, għal perijodu ta’ tliet snin.

    II – Il-fatti u d-domandi preliminari

    A –    Il-Kawża C‑258/08

    32.      Ladbrokes torganizza mħatri sportivi, speċjalment imħatri fissi. Fuq is-sit elettroniku tagħha (www.ladbrokes.com), hija toffri għadd ta’ logħob tal-flus, prinċipalment marbut mal-isport, barra minn hekk toffri l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni bit-telefon fl-imħatri li torganizza.

    33.      Ladbrokes offriet dan il-logħob, permezz tal-internet, lil persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    34.      Peress li De Lotto kienet tal-fehma li dan l-aġir kien imur kontra l-liġi Olandiża u li kien qed jikkawżalha preġudizzju, ressqet lil Ladbrokes biex tidher quddiem ir-Rechtbank Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi). Hija talbet b’mod partikolari li din il-qorti tordna lil Ladbrokes biex timpedixxi liċ-ċittadini Olandiżi milli jipparteċipaw f’logħob tal-flus offerti minnha permezz tal-internet, tat-telefon jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor, direttament jew permezz ta’ intermedjarju. De Lotto talbet ukoll lill-qorti sabiex timpedixxi lil Ladbokes milli toffri l-logħob tal-flus tagħha fuq is-sit tal-internet li għandu indirizz Olandiż, f’dan il-każ (www.ladbrokes.nl).

    35.      Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Awwissu 2005, il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ De Lotto u ordnat lil Ladbrokes, taħt pagamenti ta’ penalità, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex timblokka l-aċċess għal dan il-logħob tal-flus permezz tal-internet u tan-numru tat-telefon mingħajr ħlas.

    36.      Ladbrokes ippreżentat appell quddiem il-Gerechtshof te Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi). Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2006, din il-qorti tal-appell kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

    37.      Hija kkonstatat li Ladbrokes kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-liġi Olandiża. Hija ċaħdet bħala infondat l-argument ta’ Ladbrokes li skontu l-qorti nazzjonali kellha tevalwa konkretament jekk ir-restrizzjonijiet imposti fuqha, taħt pagamenti ta’ penalità, kinux meħtieġa u proporzjonati fir-rigward tal-għanijiet tal-liġi Olandiża. Ikkunsidrat ukoll li l-liġi Olandiża, fid-dawl tal-kontenut tagħha u tal-kundizzjonijiet li fihom hija implementata, tikkontribwixxi realment għat-twettiq tal-għanijiet tagħha, li huma dawk li tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled il-frodi. Ċaħdet bħala irrilevanti l-argument ta’ Ladbrokes, riżultanti mill-fatt li hija awtorizzata torganizza l-logħob tagħha tal-flus fir-Renju Unit. Hija enfasizzat, fl-aħħar nett, li l-liġi Olandiża mhix diskriminatorja, sa fejn, minn naħa, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tagħha tapplika kemm għall-impriżi Olandiżi kif ukoll barranin u, min-naħa l-oħra, peress li l-persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jakkwistaw liċenzja.

    38.      Ladbrokes appellat fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem ir-Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi).

    39.      Fid-dawl tal-aggravji invokati f’dan l-appell, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      Politika nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-logħob ta’ l-ażżard, li hi intiża biex tiggwida l-inklinazzjoni għal-logħob, u li fil-fatt tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri t-trażżin tal-vizzju tal-logħob u l-prevenzjoni tal-frodi, billi, permezz tal-fatt li d-disponibbiltà tal-logħob tal-ażżard hi rregolamentata, in-numru ta’ mħatri li jsiru huwa (ħafna) inqas milli kien ikun il-każ li kieku ma kinitx teżisti sistema nazzjonali regolatorja, tissodisfa l-kundizzjoni stipulata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli (C-243/01, Ġabra p. I-13031), li din il-politika għandha tillimita l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, anki jekk id-detentur jew id-detenturi tal-liċenzja huma awtorizzati jrendu l-logħob ta' l-ażżard li joffru attraenti billi jintroduċu logħob ta' l-ażżard ġdid, billi jirreklamaw il-logħob biex jattiraw l-attenzjoni ta' pubbliku kbir għal-logħob ta' l-ażżard li joffru, biex b'hekk ikunu jistgħu jżommu lil persuni li (potenzjalment) jilagħbu ’l bogħod mil-logħob ta' l-ażżard illegali (ara s-sentenza tas-6 ta' Marzu 2007, Placanica, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 55, in fine)?

    2)      a)     Jekk wieħed jassumi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-politika tal-logħob ta’ l-ażżard hija kompatibbli mal-Artikolu 49 KE, meta qorti nazzjonali tiġi biex tapplika din il-leġiżlazzjoni għal każ partikolari, għandha, kull darba, teżamina l-kwistjoni jekk il-miżura li għandha tittieħed, bħal inġunzjoni biex websajt partikolari tiġi reża inaċċessibbli, permezz ta’ softwer disponibbli għal dan il-għan, għar-residenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fil-logħob ta’ l-ażżard disponibbli fuq dan is-sit internet, tikkorrispondix bħala tali u fiha nfisha, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, għall-kundizzjoni li l-miżura tissodisfa realment l-għanijiet invokati biex jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll il-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni u mill-applikazzjoni tagħha hijiex sproporzjonata fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet?

          b)      Biex tingħata risposta għad-domanda 2a, tagħmel xi differenza jekk il-miżura li għandha tittieħed mhijiex ordnata u imposta mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi osservata l-leġiżlazzjoni nazzjonali iżda hi ordnata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili li fiha persuna li torganizza l-logħob ta’ l-ażżard li topera bil-liċenzja meħtieġa titlob li tiġi adottata l-miżura billi ssostni li seħħ att illegali taħt id-dritt ċivili fil-konfront tagħha, inkwantu l-kontroparti kisret il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u b’hekk kisbet vantaġġ inġust fil-konfront tal-parti li topera bil-liċenzja meħtieġa?

    3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu ġġib magħha l-konsegwenza li, abbażi ta’ sistema magħluqa ta’ għoti ta’ liċenzji applikabbli fit-territorju tagħha għall-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-logħob ta’ l-ażżard, l-awtorità kompetenti ma tistax tipprojbixxi lill-persuna li toffri dawn is-servizzi u li diġà ngħatat liċenzja fi Stat Membru ieħor biex toffri dawn is-servizzi fuq l-internet milli tipprovdi dawn is-servizzi fuq l-internet anki fl-ewwel Stat Membru msemmi hawn fuq?”

    B –    Il-Kawża C‑203/08

    40.      Betfair tiffaċilita l-konklużjoni tan-negozjati reċiproki, diretti jew indiretti, permezz tal-internet, ta’ imħatri fuq avvenimenti sportivi, b’mod partikolari t-tlielaq taż-żwiemel. Iddikjarat li għandha l-awtorizzazzjonijiet rispettivi fir-Renju Unit u f’għadd ta’ Stati oħra biex tipprovdi dawn is-servizzi.

    41.      Uriet ix-xewqa li jkollha l-possibbiltà li tipprovdi l-imsemmija servizzi fis-suq Olandiż.

    42.      Għal dan il-għan, talbet lill‑Minister van Justitie l-awtorizzazzjoni biex torganizza, permezz tal-internet jew mezzi oħra, imħatri sportivi kif ukoll imħatri reċiproki fuq ir-riżultati tat-tlielaq taż-żwiemel. Dan ċaħad kemm dawn it-talbiet, kif ukoll l-ilment li Betfair ressqet kontra din iċ-ċaħda. Betfair ressqet rikors quddiem ir-Rechtbank’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi).

    43.      Betfair ressqet ukoll ilment, minn naħa, kontra d-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2004, għall-proroga tal-liċenzja ta’ De Lotto fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi, tal-lottu u tal-logħob tan-numri, u min-naħa l-oħra kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2005 li tipproroga l-liċenzja ta’ SGR fir-rigward tal-imħatri reċiproki fuq ir-riżultati tat-tlielaq taż-żwiemel.

    44.      Il-Minister van Justitie ċaħad dawn l-ilmenti bħala infondati. Betfair ressqet ukoll rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem ir-Rechtbank’s-Gravenhage.

    45.      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2006, ir-Rechtbank’s-Gravenhage ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati minn Betfair bħala infondati. Betfair ippreżentat appell quddiem ir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).

    46.      Fid-dawl tal-aggravji invokati minn Betfair, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn sistema magħluqa ta' liċenzji tiġi applikata fi Stat Membru għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-logħob ta’ l-ażżard, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tipprekludi lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru milli tipprojbixxi lil fornitur ta’ servizzi li diġà nħarġitlu liċenzja għall-provvista ta’ dawn is-servizzi permezz ta’ l-Internet fi Stat Membru ieħor milli joffri dawn is-servizzi permezz ta’ l-internet fl-ewwel Stat Membru?

    2)      L-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat għall-Artikolu 49 KE, u b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ ugwaljanza u għall-obbligu ta’ trasparenza derivanti minnu, f’numru ta’ każijiet li jikkonċernaw konċessjonijiet hija applikabbli għall-proċedura ta’ l-għoti ta’ liċenzja għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-logħob ta’ l-ażżard taħt sistema unika ta’ liċenzjar stabbilita mil-liġi?

    3)      a)     Taħt sistema, stabbilita mil-liġi, ta’ liċenzja unika, l-estensjoni tal-liċenzja tal-possessur tal-liċenzja, mingħajr ma jkun hemm applikanti oħra f’pożizzjoni li jikkompetu għal din il-liċenzja, tista’ tikkostitwixxi mezz adegwat u proporzjonat sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġuni għall-ġustifikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-logħob ta’ l-ażżard? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

    3)      b)     Tagħmel differenza għar-risposta tad-domanda 3(a) jekk ir-risposta għad-domanda 2 tkun fl-affermattiv jew fin-negattiv?”

    III – L-analiżi

    47.      Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi differenti magħmula fil-kawżi preżenti, jidhirli li għandni nagħmel l-osservazzjonijiet segwenti fir-rigward tal-premessi li fuqhom huma msejsa d-domandi preliminari magħmula mill-qrati Olandiżi.

    48.      Fl-ewwel lok, huwa fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49KE li l-konformità tal-liġi Olandiża trid tiġi eżaminata.

    49.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-logħob tal-flus jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2 KE (10) u huwa meqjus bħala provvista ta’ servizz. L-operaturi ekonomiċi li jwettqu din l-attività jistgħu għalhekk jipprevalixxu ruħhom mill-Artikoli 43 KE u 49 KE (11). Liġi ta’ Stat Membru li tirristrinġi l-possibbiltà li jiġi pprovdut dan il-logħob fit-territorju ta’ dak l-Istat, tista’ għalhekk tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà tal-provvista tas-servizzi, ipprojbita minn dawn id-dispożizzjonijiet (12). Barra minn hekk, sal-ġurnata ta’ llum, il-logħob tal-flus ma huwa s-suġġett ta’ ebda miżura regolatorja jew ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju.

    50.      Sussegwentement, jirriżulta ċar mill-kuntset fattwali taż-żewġ kawżi eżaminati li Betfair, fil-Kawża C‑203/08, kif ukoll Ladbrokes, fil-Kawża C‑258/08, jixtiequ jipprovdu l-logħob tal-flus lill-persuni residenti fit-territorju Olandiż, permezz tal-internet jew tat-telefown, mir-Renju Unit. Konsegwentement, dawn il-kumpanniji jistgħu jipprevalixxu ruħhom biss mid-dispożizzjonijet tat-Trattat li jikkonċenaw il-libertà tal-provvista ta’ servizzi.

    51.      Fit-tieni lok, il-qrati tar-rinviju huma ġġustifikati li jqisu li l-liġi nazzjonali tagħhom, inkwantu tistabbilixxi li d-dritt li wieħed jipprovdi l-logħob tal-flus lil persuni residenti fit-territorju Olandiż huwa miftuħ biss lil operatur ekonomiku wieħed, detentur tad-dritt esklużiv, tista’ tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

    52.      Għaldaqstant, huwa kostanti, l-ewwel nett, li l-liġi Olandiża, li għandha l-għan effettiv li tipprojbixxi lil entitajiet stabbiliti fir-Renju Unit, bħal Betfair u Ladbrokes, milli joffru l-logħob tagħhom tal-flus lil persuni residenti fit-territorju Olandiż u għaldaqstant li twaqqafhom milli jkollhom aċċess għalih, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tal-provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE.

    53.      Insegwitu, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-organizzazzjoni u l-operat ta’ logħob tal-flus fit-territorju tagħhom biex jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-infiq eċċessiv relatat mal-logħob u biex iħarsu l-ordni pubbliku minħabba r-riskju ta’ frodi kkawżat mill-ammonti konsiderevoli li l-logħob tal-flus jiġġenera (13).

    54.      Biex liġi ta’ Stat Membru, adottata għal dan il-għan, tkun konformi mad-dritt Komunitarju, jeħtieġ, madankollu, li tiġi applikata b’mod li ma tiddiskriminax, li tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li trid tilħaq u fl-aħħar nett li tkun proporzjonata, jiġifieri ma teċċedix dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan (14).

    55.      Fil-kuntest tal-kontroll tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li Stat Membru seta’ leġittimament jattribwixxi d-dritt għall-provvista ta’ dan il-logħob tal-flus, lil operatur uniku (15). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konċessjoni tad-dritt esklużiv lil operatur uniku, kemm-il darba dan l-operatur iwettaq l-attivitajiet tiegħu taħt il-kontroll tal-Istat u skont l-għanijiet tiegħu, ikollha l-vantaġġ, effettivament, li tikkonċentra l-kilba għal-logħob u l-operat tiegħu f’ċirkwit ikkontrollat, li tevita li dan l-operat iwassal għal finijiet frawdolenti u kriminali u li tuża l-benefiċji li jirriżultaw minnu għal finijiet ta’ użu pubbliku (16).

    56.      L-għażla tas-sistema tad-dritt esklużiv attribwit lil operatrur wieħed, minflok lil għadd ta’ operaturi, li l-attività tiegħu tkun strettament ikkontrollata, taqa’ fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri (17). F’dan ir-rigward, il-fatt li Stat Membru għażel sistema ta’ protezzjoni li hija differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor, ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-miżuri meħuda fuq is-suġġett. Dawn għandhom biss jiġu evalwati fid-dawl tal-għanijiet li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru interessat iridu jilħqu u tal-livell ta’ protezzjoni li jridu jiżguraw (18).

    57.      Din il-ġurisprudenza, fl-opinjoni tiegħi, jistħoqqliha l-approvazzjoni kompleta. Kif ġustament tindika l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑203/08, il-liċenzja ta’ operatur wieħed, minn naħa, tiffaċilita l-kontroll tiegħu kif ukoll il-verifika tal-osservanza tar-regoli marbuta mal-liċenzja u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi milli tidħol il-kompetizzjoni bejn l-entitajiet li għandom il-liċenzja għall-istess kategorija ta’ logħob, li tista’ tagħti lok għal provvista ta’ servizzi ikbar u għal iktar pubbliċità.

    58.      Id-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu s-sistema tad-dritt esklużiv lil operatur uniku, għandu wkoll jinżamm, fl-opinjoni tiegħi, għaliex il-kompetizzjoni fl-ordni ġuridiku Komunitarju ma tikkostitwixxix għan fiha nnifisha. Hija għodda li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa mill-Komunità Ewropea, stabbiliti fl-Artikolu 2 KE. Il-kompetizzjoni libera tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll tax-xogħol u, għaldaqstant, it-titjib fil-livell tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għaliex meta hija ġusta, din tiżgura l-progress fit-teknoloġija u ttejjeb il-kwalitajiet ta’ servizz jew ta’ prodott billi tiggarantixxi roħs fil-prezzijiet. Hija tibbenefika għalhekk lill-konsumaturi, għaliex b’dan il-mod jistgħu jibbenefikaw minn prodotti u servizzi ta’ kwalità bl-aħjar prezzijiet.

    59.      Madankollu, dawn il-vantaġġi ma jokkorrux fil-qasam tal-logħob tal-flus. Fil-fatt, dan il-logħob ma jistax jitħaddem u jkompli ħlief jekk il-persuni li jilagħbuh, fil-maġġoranza kbira tagħhom, jitilfu iktar milli jirbħu. Il-prinċipju stess ta’ din l-attività, li l-iskop ta’ lukru minnha huwa msejjes fuq il-forza attraenti tal-ħolm, billi jippreżenta l-illużjoni li wieħed jista’ potenzjalment isir sinjur, iwassal għall-faqar ta’ dawk li għalihom il-logħob isir vizzju. Il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi fl-istess kategorjia ta’ logħob, twassalhom biex joffru lill-konsumaturi logħob li huwa dejjem iktar attraenti, biex minnu jisiltu l-aħjar profitti, bir-riskju li iktar familji jiġu mħajra jonfqu iktar fuq il-logħob milli r-riżorsi tagħhom jippermettu, kif ukoll twassalhom għal dipendenza reali fuq il-logħob. Wieħed jista’ wkoll isostni li l-loġika purament ekonomika twassal ukoll, min-natura tagħha, għal din l-attitudni. Għaldaqstant inkunu ’l bogħod mill-għanijiet espressi fl-Artikoli 2 KE et 3 KE.

    60.      L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-libertajiet tal-moviment f’dan il-qasam tal-logħob tal-flus, m’għandhiex għalhekk twassal biex timponi fuq l-Istati Membri l-ftuħ tas-suq f’dan il-qasam, peress li dan mhux sors ta’ progress u ta’ żvilupp, iżda għandha tħallihom jieħdu u jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom.

    61.      Din l-affermazzjoni m’għandhiex l-għan li tqajjem dubji dwar il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-organizzazzjoni u l-operat ta’ logħob tal-flus jikkostitwixxu attività ekonomika u lanqas dwar id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jeżerċitaw dan id-dritt li jipprofittaw mil-libertajiet ta’ moviment. Din il-ġurisprudenza tissussisti kemm-il darba l-eżerċizzju, mill-Istati Membri, tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam, bħal fl-oqsma l-oħra ta’ kompetenza riżervata, ikun jista’ jservi bħala kontroll tal-konformità mal-obbligi tagħhom Komunitarji.

    62.      Dak li qed ngħid huwa sempliċiment li, minħabba n-natura partikolari tal-logħob tal-flus, jiddependi mill-għażla tal-Istat Membru, jittrattax il-logħob bħala attività ekonomika normali jew ordinarja, fejn l-għan ewlieni jkun it-twettiq tal-profitti massimi, jekk dan l-Istat Membru għandux ikun obbligat li jiftaħ dan il-logħob għall-kompetizzjoni libera.

    63.      Id-domandi preliminari magħmula fil-kawżi preżenti jkopru erba’ domandi li ser neżaminaw waħda wara l-oħra. Jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-koerenza tal-liġi nazzjonali li l-għan tagħha huwa dak li tipproteġi lill-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled il-frodi meta d-detentur tad-dritt esklużiv ikun awtortizzat jintroduċi logħob ġdid u jagħmel użu mill-pubbliċità (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑258/08), it-tieni nett, dwar il-portata tal-istħarriġ tal-proporzjonalità li l-qorti nazzjonali trid tagħmel meta tkun qed tevalwa l-konformità tal-liġi interna tagħha mad-dritt Komunitarju (it-tieni domanda, paragrafi a) u b) fil-Kawża C‑258/08), it-tielet nett, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-awtorizzazzjoni tal-provvista ta’ logħob ġdid permezz tal-internet (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/08 u t-tielet domanda fil-Kawża C‑258/08), u r-raba’ nett, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu tat-trasparenza f’każ ta’ liċenzja lil operatur uniku u fil-każ tal-proroga ta’ din il-liċenzja (it-tieni domanda u t-tielet domanda, paragrafi a) u b), fil-Kawża C‑203/08).

    A –    Dwar il-koerenza ta’ liġi nazzjonali li għandha l-għan li tipproteġi lil konsumaturi u li tiġġieled il-frodi, fejn din il-liġi tippermetti l-ħolqien ta’ logħob ġdid u l-użu tal-pubbliċità (Kawża C‑258/08)

    64.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk regola ta’ Stat Membru li tirristrinġi l-provvista ta’ logħob tal-flus, bl-għan li tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u li tiġġieled il-frodi u li effettivament tikkontribwixxi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, tistax titqies li tkun qed tikseb dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku jekk id-detentur jew detenturi tad-dritt esklużiv ikunu awtorizzati li jrendu l-offerta tagħhom attraenti billi jintroduċu logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità.

    65.      Din il-qorti qed tagħmel din id-domanda minħabba l-pożizzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Gambelli et u Placanica et. Fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li liġi ta’ Stat Membru li tirristrinġi l-organizzazzjoni u l-operat tal-imħatri sportivi biex tipproteġi lill-konsumaturi mill-provokazzjoni eċċessiva tal-logħob, meta fir-realtà, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru jkunu qed iħajru u jħeġġu lill‑konsumaturi biex jipparteċipaw f’dan il-logħob, biex it-teżor pubbliku jkun jista’ jagħmel il-profitti minnu, ma tkunx qed tilħaq dan l-għan b’mod koerenti u sistematiku u għaldaqstant il-liġi tkun kontra d-dritt Komunitarju (19).

    66.      Fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jekk il-liġi ta’ Stat Membru fil-qasam tal-logħob tal-flus għandha l-għan li tikkonċentra din l-attività f’ċirkwiti li jistgħu jiġu kkontrollati, biex ma tiġix sfruttata għall-finijiet kriminali, l-operaturi awtorizzati għandhom jikkostitwixxu alternattiva kredibbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għal attività pprojbita, li fiha nnifisha tista’ timplika l-offerta ta’ varjetà akbar ta’ logħob, pubbliċità ta’ ċertu kalibru u l-użu ta’ teknikalitajiet ġodda ta’ distribuzzjoni (20).

    67.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif dawn iż-żewġ sentenzi jistgħu jiġu kkonċiljati, għal dak li għandu x’jaqsam mal-liġi nazzjonali tagħha inkwantu din, ta’ min wieħed ifakkar, għandha l-għan kemm li tipproteġi lill-konsumaturi mill-provokazzjoni eċċessiva tal-logħob, kif ukoll li tiġġieled il-frodi.

    68.      Jiena tal-opinjoni li l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, li tirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-mod ta’ kif hija riprodotta fid-domanda preliminari eżaminata, li tistabbilixxi li l-liġi nazzjonali inkwistjoni tikkontribwixxi effettivament biex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet, tippermetti b’mod ċar li tingħata risposta affermattiva għall-imsemmija domanda. Il-pożizzjoni tiegħi hija fondata fuq ir-raġunijiet segwenti.

    69.      Kif diġà fakkart iktar ’il quddiem, il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ xi waħda mil-libertajiet tal-moviment, tippreżumi, b’mod partikolari, li din hija adatta biex tikseb l-għan li trid tilħaq. Kif stabbilit fil-ġurisprudenza, huwa importanti, għal dan il-għan, li dan l-għan jinkiseb b’mod koerenti u sistematiku (21).

    70.      Dan ir-rekwiżit jirriżulta mis-sens komun. Miżura restrittiva ta’ waħda mil-libertajiet tal-moviment, li ma tilħaqx b’mod koerenti u sistematiku l-għan li fuqu hija msejsa, mhijiex idonea biex tilħaq dan l-għan. Għaldaqstant, l-għan invokat għas-sostenn ta’ din il-liġi ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali stabbiliti mid-dritt Komunitarju, peress li dan il-għan qatt ma jista’ jintlaħaq. Fi kliem ieħor, ir-raġuni invokata, f’sitwazzjoni bħal din, tidher li hija skuża.

    71.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija inkoerenti l-liġi ta’ Stat Membru li tipprojbixxi l-pubbliċità relatata mat-trattamenti mediċi u kirurġiċi mwettqa fi stabbilimenti mediċi privati fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali, iżda li ġew kompletament awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali (22). L-istess ġie deċiż fir-rigward ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-ftuħ ta’ poliklinika dentali, kien suġġett għall-kisba tal-awtorizzazzjoni kundizzjonali tal-eżistenza tal-ħtieġa tat-trattamenti, filwaqt li l-ftuħ ta’ uffiċċju tal-grupp li kien jipprovdi l-istess servizzi ma kienx ġie sottomess għall-istess kundizzjoni (23).

    72.      Is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, hija f’konkordanza perfetta ma’ din il-ġurisprudenza, anki jekk l-inkoerenza msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma kinitx tirriżulta mill-kontenut tal-liġi nnifisha, iżda mill-applikazzjoni konkreta tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali. Jirriżulta, fil-fatt, minn din is-sentenza li Stat Membru ma jistax jistabbilixxi, b’mod validu, liġi restrittiva fil-qasam tal-logħob tal-flus bl-għan esklużiv tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskji tal-infiq żejjed, meta fir-realtà jkollu politika li tħajjar bil-kbir lil dawn il-konsumaturi li jipparteċipaw f’dan il-logħob.

    73.      Fi kwalunkwe waħda minn dawn l-ipoteżijiet, il-liġi nazzjonali inkwistjoni mhijiex idonea biex tilħaq l-għan li trid tikseb, jew għaliex hija difettuża fil-konċepiment tagħha jew għaliex l-applikazzjoni konkreta tagħha tmur kontra dan l-għan.

    74.      Dan mhuwiex il-każ tal-kawżi preżenti. Fil-fatt, bil-kontra tas-sitwazzjoni fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-liġi Olandiża mhux biss għandha l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob, iżda wkoll li tiġġieled il-frodi. Skont il-ġurisprudenza, il-kapaċità ta’ din il-liġi li tilħaq dawn iż-żewġ għanijiet għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet meħuda flimkien (24).

    75.      Dan ifisser, fil-kuntest tal-eżami tal-konformità tal-liġi Olandiża mad-dritt Komunitarju, li l-komportament tad-detenturi tad-dritt esklużiv li jipprovdu l-logħob tal-flus m’għandux jitqies biss fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi mid-dipendenza fuq il-logħob, iżda għandu jitqies ukoll l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi.

    76.      Rajt li fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li dan l-aħħar għan seta’ jitlob min-naħa tal-operaturi awtorizzati, li joffru għażla ta’ logħob iktar estiża, li jagħmlu pubbliċità ta’ ċertu kalibru u li jirrikorru għal logħob ġdid, biex jikkostitwixxu alternattiva attraenti għal logħob klandestin jew ipprojbit. Din il-pożizzjoni tinħtieġ il-liċenzja. Il-konċentrazzjoni tal-persuni li jilagħbu f’ċirkwit legali tippresupponi, fil-fatt, li dan għandu jkun attraenti biżżejjed biex jissodisfa x-xewqa tal-biċċa l-kbira tal-persuni li jilagħbu, biex jiġi evitat li dawn il-konsumaturi jfittxu ċirkwiti li mhumiex awtorizzati jew jiffavurixxu l-iżvilupp tagħhom.

    77.      Konsegwentement, il-fatt li d-detenturi tad-drittijiet esklużivi għall-provvista ta’ logħob tal-flus fil-Pajjiżi l-Baxxi huma awtorizzati li jirrendu l-offerta tagħhom attraenti billi joħolqu logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità mhuwiex, bħala tali, inkoerenti mal-għanijiet, fit-totalità tagħhom, li l-liġi Olandiża trid tilħaq, peress li din l-attitudni tikkontribwixxi perfettament favur il-ġlieda kontra l-frodi.

    78.      Madankollu, peress li l-liġi Olandiża għandha wkoll l-għan li tipproteġi lill-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob, huwa importanti li l-ħolqien ta’ logħob ġdid u l-pubbliċità, ikunu strettament ikkontrollati mill-Istat Membru, kif ukoll limitati, biex ikunu wkoll kompatibbli mat-twettiq ta’ dan l-għan. Il-konċiljazzjoni taż-żewġ għanijiet tal-liġi Olandiża tippreżupponi għalhekk li l-offerta tad-detenturi tad-dritt esklużiv u l-pubbliċità relata mal-logħob awtorizzat, ikunu suffiċjenti biex iħajru lill-konsumaturi jibqgħu fiċ-ċirkwit legali, mingħajr madankollu ma jiġu mħeġġa jilagħbu b’mod eċċessiv, li jista’ jwassal lill-konsumaturi, jew tal-inqas lil dawk fosthom li huma l-iktar fraġli, biex jonfqu iktar fuq id-divertiment milli d-dħul tagħhom jippermetti.

    79.      M’hemmx dubju li l-punt ta’ ekwilibriju bejn dawn iż-żewġ għanijiet mhux faċli li jinstab. Għandu jkun ir-riżultat ta’ evalwazzjoni kumplessa tar-riskji prevedibbli u tal-konsegwenzi tal-logħob offert fl-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll tal-pubbliċità relatata miegħu. Għalhekk l-evalwazzjoni biex jiġi stabbilit jekk il-liġi ta’ Stat Membru, bħalma hija l-liġi Olandiża, tirrispettax dan il-punt ta’ ekwilibriju, biex tkun tista’ titqies bħala liġi li tilħaq l-imsemmija għanijiet b’mod koerenti u sistematiku, għandha tkun konformi mal-prinċipji segwenti.

    80.      L-ewwel nett, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tad-diffikultà kbira li jġibu magħhom dawn l-evalwazzjonijiet, jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta marġni kbira ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan ir-rikonoxximent huwa konformi, mill-bqija, mal-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tal-flus, li tistabbilixxi li l-Istati Membri għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali suffiċjenti biex jiddeterminaw l-ħtiġijiet li jwasslu għall-protezzjoni tal-persuni li jilagħbu, u b’mod iktar ġenerali, għall-protezzjoni tal-ordni soċjali, fid-dawl tar-realtajiet soċjokulturali ta’ kull Stat Membru (25).

    81.      It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-liġi nazzjonali inkwistjoni li tilħaq l-għanijiet li trid tikseb għandha titħalla f’idejn il-qrati nazzjonali, li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw konkretament il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija liġi u l-effetti konkreti tagħha (26).

    82.      Għalhekk, il-liġi nazzjonali inkwistjoni għandha titqies bħala waħda idonea biex tilħaq l-għanijiet li trid tikseb, jekk il-qorti nazzjonali, kif inhuwa l-każ fl-ewwel kawża, tindika li din il-liġi tikkontribwixxi effettivament biex tilħaq l-għanijiet kollha tagħha. Tali evalwazzjoni tal-qorti timplika, fil-fatt, konstatazzjoni li l-provvista tal-logħob u l-pubbliċità awtorizzati ma jikkostitwixxux għall-konsumatur, provokazzjoni eċċessiva għal-logħob, li realment tista’ twassal għad-dejn jew għad-dipendenza.

    83.      Il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, ma taqbilx għal kollox ma’ din l-analiżi. B’mod partikolari, tqajjem dubji dwar il-possibbiltà tal-liġi Olandiża inkwistjoni li tiġi ġġustifikata abbażi tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi. Tirreferi għall-ġurisprudenza relatata mal-oneru tal-prova impost fuq l-Istat Membru li l-liġi tiegħu tirristrinġi waħda mil-libertajiet ta’ moviment (27). Issostni li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi perfettament trasposta għall-qasam tal-logħob tal-flus, kif jirriżulta mis-sentenza Lindman (28).

    84.      Il-Kummissjoni esponiet li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda element li minnu jippermetti li jiġi dedott li l-logħob klandestin jikkostitwixxi problema serja fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fakkret li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern Taljan kien ikkwota informazzjoni fattwali li turi li l-attivitajiet tal-logħob u tal-imħatri klandestini jikkostitwixxu problema gravi fl-Italja.

    85.      Ma naqbilx ma’ dawn id-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà tal-Gvern Olandiz li jiġġustifika l-liġi tiegħu permezz tal-ġlieda kontra l-frodi.

    86.      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, huwa l-kompitu tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tirristrinġi waħda mil-libertajiet tal-moviment, li juri l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ din ir-restrizzjoni. Madankollu, il-portata ta’ dan l-obbligu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-interess li l-liġi inkwistjoni trid tipproteġi.

    87.      Għaldaqstant, meta l-kwistjoni hija waħda li tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, huwa aċċettat li Stat Membru jkun jista’ jadotta liġi li tirristrinġi waħda mil-libertajiet tal-moviment, mingħajr il-ħtieġa li jistenna li jseħħ ir-riskju (29). Huwa biżżejjed li r-riskju jkun jeżisti potenzjalment. Fl-opinjoni tiegħi għandha tipprevali l-istess interpretazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tas-soċjetà kontra r-riskju ta’ tfixkil serju tal-ordni pubbliku.

    88.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-logħob tal-flus, Stat Membru huwa intitolat li jqis l-eżistenza, fil-popolazzjoni tiegħu, tal-ġibda lejn dan il-logħob, li jekk ma tiġix sodisfatta f’ċirkwit legali, tfittex li tiġi sodisfatta f’ċirkwiti klandestini. Barra minn hekk, l-ammonti konsidrevoli li din l-attività tiġġenera, jistgħu, b’mod leġittimu, joħolqu biża’ li n-networks klandestini jiżvulppaw u joħolqu tfixkil serju għall-ordni pubbliku.

    89.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-lotteriji organizzati fuq livell mifrux (30), il-magni tal-logħob (31), l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi (32) u l-logħob tal-każino (33) jistgħu joħolqu riskju għoli ta’ reati u ta’ frodi minħabba l-ammonti konsiderevoli li jiġġeneraw.

    90.      Stat Membru jista’ wkoll iqis, b’mod leġittimu, li l-ġibda ta’ parti mill-popolazzjoni lejn il-logħob tal-flus u r-riskji riżultanti min-nuqqas ta’ ċirkwit ikkontrollat għal din l-attività, jiżdiedu minħabba l-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari l-internet. Din is-sistema ta’ komunikazzjoni tippermetti, fil-fatt, lill‑persuni kollha li għandhom l-internet, li jkollhom aċċess għal numru konsiderevoli ta’ logħob permezz tal-internet. In-natura potenzjalment perikoluża ta’ dan il-logħob ġiet irrikonoxxuta b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International, iċċitata iktar ’il fuq, fejn ikkunsidrat li fin-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-flus aċċessibbli permezz tal-internet, jinvolvi riskji ta’ natura differenti u ta’ ammonti ogħla, meta mqabbel mas-swieq tradizzjonali għall-istess logħob, għal dak li għandu x’jaqsam mal-frodi li jista’ potenzjalment jitwettaq mill-operaturi kontra l-konsumaturi (34).

    91.      Barra minn hekk, rajt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiddeterminaw il-ħtiġijiet li ġġib magħha l-protezzjoni tal-persuni li jilagħbu, kif ukoll l-ordni soċjali skont ir-realtajiet soċjokulturali.

    92.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u ta’ din il-ġurisprudenza, il-ħarsien tal-libertajiet fundamentali tal-moviment ma jiġġustifikax għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, l-impożizzjoni tal-obbligu fuq l-Istati Membri li jistennew li fil-fatt jiżviluppaw in-netwerks ta’ logħob klandestin fit-territorju tagħhom biex jadottaw miżuri li joħolqu qafas għall-eżerċizzju ta’ din l-attività u li jiġġieldu kontra dawn il-prattiċi. Stat Membru jista’ jinvoka r-riskju tal-frodi marbut mal-logħob, bħala ġustifikazzjoni għal-liġi li tirristrinġi din l-attività, anki jekk ma jkunx f’pożizzjoni li jipprova li din il-frodi ġiet effettivament imwettqa fit-territorju tiegħu.

    93.      Fi kliem ieħor, Stat Membru huwa ġġustifikat li jieħu l-miżuri restrittivi maħsuba biex jiġġieldu kontra l-frodi fil-qasam tal-logħob tal-flus, bħala prevenzjoni.

    94.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li liġi ta’ Stat Membru li tirristrinġi l-provvista ta’ logħob tal-flus biex tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u biex tiġġieled il-frodi u li bis-saħħa tagħha d-detenturi tad-dritt esklużiv li jipprovdu dan il-logħob huma awtorizzati li jirrendu l-offerta tagħhom attraenti billi jintroduċu logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità, għandha titqies li qed tilħaq dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku jekk, skont l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, imwettqa fid-dawl tal-kontenut u tal-implementazzjoni tagħha, tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tikseb dawn iż-żewġ għanijiet.

    B –    Dwar il-portata tal-istħarriġ tal-konformità tal-liġi nazzjonali (Kawża C‑258/08)

    95.      Fil-punt 75 tas-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biex tivverifika jekk il-liġi nazzjonali inkwistjoni, fid-dawl tal-mod konkret ta’ kif hija applikata, tweġibx verament għall-għanijiet li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet minnha imposti jidhrux li huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet. Il-Hoge Raad der Nederlanden tistaqsi dwar il-portata ta’ dan l-obbligu.

    96.      Tistaqsi wkoll, fid-domanda 2(a) tagħha, jekk il-qorti nazzjonali, wara li tkun iddikjarat li l-liġi tagħha hija konformi mal-Artikolu 49KE, għandhiex ukoll tivverifika, f’kull każ konkret ta’ applikazzjoni, li miżura li hija maħsuba biex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi, bħal ordni mogħtija lil operatur ekonomiku biex ma jagħtix aċċess lill-persuni residenti fit-terrtiorju nazzjonali tiegħu għas-sit tiegħu tal-internet li joffri l-logħob tal-flus, hijiex idonea biex tilħaq l-għanijiet li l-imsemmija liġi trid tikseb u hijiex proporzjonata.

    97.      Tistaqsi wkoll, permezz tad-domanda 2(b) tagħha, jekk ir-risposta għal din id-domanda għandhiex tkun differenti jekk il-miżura li trid tittieħed tkun mitluba fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili mill-operatur ekonomiku, li huwa d-detentur tad-dritt esklużiv tal-operat ta’ logħob tal-flus u mhux mill-awtorità pubblika.

    98.      Dawn id-domandi joriġinaw mill-argument imressaq minn Ladbrokes fil-kuntest tal-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑258/08, li skontu l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 75 tas-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, kellha tiġi evalwata in concreto mill-qorti tal-mertu inkwantu tikkonċerna l-ordni mitluba minn De Lotto. Skont Ladbrokes, il-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, kellha wkoll tqis il-fatt li kienet ġiet awtorizzata tipprovdi l-logħob tal-flus permezz tal-internet fir-Renju Unit.

    99.      Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tal-mertu li quddiemha De Lotto ressqet il-proċeduri, ma kinitx marbuta tivverifika u turi li sempliċi miżura eżekuttiva, bħall-ordni imposta fuq Ladbrokes, kienet idonea biex tilħaq l-għanijiet li l-liġi Olandiża trid tikseb u lanqas li kienet proporzjonata. Nissottometti wkoll li din ir-risposta ma tiddependix mill-fatt li din l-ordni ġiet mitluba u deċiża fil-kuntest ta’ kawża privata u mhux fuq talba mressqa mill-awtoritajiet tal-Istat.

    100. Qed insejjes dawn il-pożizzjonijiet tiegħi fuq il-portata tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità li huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza u b’mod partikolari mill-punt 75 tas-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fuq il-kontenut u l-effetti tal-ordni mogħtija fil-konfont ta’ Ladbrokes.

    101. Skont il-ġurisprudenza, meta Stat Membru, fil-kuntest tat-twettiq tal-kompetenzi tiegħu, jirristrinġi l-eżerċizzju ta’ waħda mil-libertajiet tal-moviment biex jipproteġi xi interess imsemmi fit-Trattat jew meqjus bħala leġittimu mill-ġurisprudenza, irid ikun kapaċi juri li r-restrizzjoni li jimponi hija idonea biex tipproteġi effettivament dan l-interess leġittimu u li hija proporzjonata għal dan il-għan.

    102. Il-kundizzjoni tal-kapaċità tiddetermina d-dritt ta’ dak l-Istat Membru li jipprevalixxi ruħu mill-interess leġittimu invokat bħala r-raġuni għar-restrizzjoni. Dik tal-proporzjonalità, fis-sens strett, għandha l-għan li tillimita r-restrizzjoni għal dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ dan l-interess. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma imposti għaliex l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tal-obbligi tagħhom taħt it-Trattat u b’mod partikolari tal-libertajiet fundamentali tal-moviment. Meta Stat Membru jirristrinġi waħda minn dawn il-libertajiet, l-imsemmija kundizzjonijiet jippermettu li jinstab ekwilibriju bejn dak li titlob il-protezzjoni tal-interess inkwistjoni u l-libertà fundamentali kkonċernata.

    103. Nista’ għalhekk niddeduċi, f’dan l-istadju tal-analiżi, li hija l-eżistenza ta’ restrizzjoni, għal waħda mil-libertajiet tal-moviment, li għandha l-effett li tissottometti l-azzjoni ta’ Stat Membru, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet hawn fuq imsemmija, jiġifieri l-prinċipju Komunitarju u dak tal-proporzjonalità fis-sens wiesa’ (35). Fin-nuqqas ta’ restrizzjoni, dan il-prinċipju m’għandux għalfejn jiġi applikat u huwa biss fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tal-liġi nazzjonali tiegħu, li l-azzjoni tal-Istat Membru għandha tiġi mistħarrġa (36).

    104. Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll, sussegwentement, il-portata tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità li għandu jitwettaq mill-qorti nazzjonali. Minn naħa, għandha teżamina separatament kull waħda mir-restrizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali tagħha (37). B’hekk, għal dak li għandu x’jaqsam mal-liġi Taljana inkwistjoni, fis-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, dan l-obbligu wassal lill-qorti nazzjonali biex tevalwa suċċessivament, jekk l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi li jieħdu l-konċessjoni kienx iġġustifikat jew le, il-mod tal-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet u b’mod partikolari tal-esklużjoni tal-kumpanniji li l-azzjonisti individwali tagħhom mhux dejjem kienu identifikabbli, l-obbligu tal-ksib tal-awtorizzazzjoni tal-pulizija u finalment is-sanzjonijiet penali li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-ksur ta’ din il-liġi.

    105. Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali trid twettaq eżami doppju. Fl-ewwel lok, trid teżamina l-kontenut tal-liġi tagħha, kif miktuba. Liġi li tirristrinġi waħda mil-libertajiet tal-moviment ma tistax tkun konformi mad-dritt Komunitarju jekk, bil-mod ta’ kif ġiet stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, hija diskriminatorja jew mhix idonea biex tilħaq l-għanijiet li trid tikseb, jew hija sproporzjonata.

    106. Madankollu, dan l-eżami teoretiku mhuwiex biżżejjed. Il-qorti nazzjonali, fit-tieni lok, għandha wkoll teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-liġi nazzjonali tagħha tiġi applikata konkretament. Huwa l-kompitu tagħha li tivverifika li, fl-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet kompetenti u, jekk ikun il-każ, mill-operaturi ekonomiċi, il-liġi inkwistjoni hija applikata b’mod li ma jiddiskriminax, f’konformità mal-għanijiet tagħha u b’mod proporzjonat (38).

    107. Dan l-istħarriġ tal-implementazzjoni tal-liġi inkwistjoni huwa neċessarju, loġikament, biex ir-restrizzjoni għal-libertà tal-moviment tkun realment iġġustifikata abbażi tal-ħarsien tal-interess leġittimu invokat insostenn ta’ din ir-restrizzjoni. B’hekk, skont l-punt 69 tas-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, jekk, fattwalment, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jħajru u jinkuraġġixxu lill-konsumaturi biex jipparteċipaw f’logħob tal-flus biex it-teżor pubbliku jkun jista’ jgwadi mill-profitti, dan l-Istat ma jkunx jista’ jiġġustifika r-restrizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali tiegħu, abbażi tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku soċjali bl-għan tat-tnaqqis tal-opportunitajiet tal-logħob.

    108. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju esponiet li dawn il-kontrolli kienu twettqu u li skonthom, il-qorti fuq il-mertu kienet ikkonkludiet li l-liġi Olandiża kienet konformi mal-Artikolu 49 KE. Kif diġà indikajt, din l-evalwazzjoni taqa’ fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.

    109. Jeħtieġ għalhekk, għall-prosegwiment tal-analiżi tad-domanda eżaminata, li mitlaq mill-premessa li din l-evalwazzjoni hija fondata, mingħajr preġudizzju, f’dan l-istadju, għall-konsegwenzi li jridu jinstiltu mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda, relatata mal-portata, f’din il-kawża, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu tat-trasparenza riżultanti mill-Artikolu 49 KE.

    110. Il-kwistjoni li tqum għalhekk hija dik li jiġi stabbilit jekk, wara li tkun saret il-verifika, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-liġi Olandiża hija konformi mal-Artikolu 49 KE, il-qorti nazzjonali għandhiex teżamina wkoll u turi li l-ordni imposta fuq Ladbrokes biex tipprojbixxi l-aċċess għas-sit tagħha tal-internet lil persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, hijiex idonea u proporzjonata biex jintlaħqu l-għanijiet li din il-liġi trid tikseb.

    111. Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti nazzjonali m’għandhiex tkun marbuta li twettaq tali eżami, għaliex din l-ordni hija limitata biss biex tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(a), tal-liġi Olandiża, li jipprojbixxi lil kull persuna li mhijiex awtorizzata, tkun min tkun, milli toffri l-logħob tal-flus fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fiha nnifisha ma toħloq l-ebda restrizzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi, li mhijiex diġà stabbilita f’din id-dispożizzjoni. Għandha biss l-għan u l-effett li tiżgura l-applikazzjoni tagħha.

    112. Konsegwentement, mhux meħtieġ li l-qorti nazzjonali teżamina u turi li l-miżura eżekuttiva inkwistjoni hija konformi mal-prinċipju Komunitarju tal-proporzjonalità fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li jkollha quddiemha u b’mod partikolari fir-rigward tal-operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu trid tiġi applikata. L-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, li skontha l-liġi Olandiża hija konformi mal-Artikolu 49 KE għandha loġikament tiġi estiża għall-miżuri kollha li jillimtaw ruħhom strettament biex jiżguraw l-osservanza tagħha, ikun min ikun l-operatur ekonomiku kkonċernat u ikun x’ikun il-kuntest tal-kawża li fih qed tintalab l-eżekuzzjoni.

    113. Huwa biżżejjed, biex wieħed jikkonvinċi ruħu min-nuqqas ta’ utilità ta’ tali eżami, li jingħad li t-teżi ta’ Ladbrokes, li kieku kellha tiġi segwita, twassal għall-kunsiderazzjoni li l-ordni kkontestata għandha tkun tista’ tiġi annullata, bil-konsegwenza li l-liġi Olandiża tiġi mxejna minn kull effett, fir-rigward tal-operatur ekonomiku, meta fil-fatt ġie stabbilit li din il-liġi hija konformi mad-dritt Komunitarju. Fi kliem ieħor, it-teżi ta’ Ladbrokes twassal, fir-realtà, biex tqajjem dubji dwar din il-konformità.

    114. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettuli wkoll li niddeduċi li din l-analiżi ma tistax tiddependi fuq il-fatt li l-miżura eżekuttiva inkwistjoni hija mitluba mill-awtoritajiet pubbliċi jew, bħal fil-każ preżenti, fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati, mill-operatur ekonomiku, awtorizzat li jipprovdi l-logħob tal-flus fl-Istat Membru kkonċernat.

    115. Dak li huwa importanti huwa li l-liġi nazzjonali li tirristrinġi waħda mil-libertajiet tal-moviment u li l-miżura restrittiva tagħha għandha l-għan esklużiv li tiżgura l-appikazzjoni tagħha, hija konformi mad-dritt Komunitarju. Sakemm din il-kundizzjoni ġiet ivverifikata skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla mill-Istat Membru kkonċernat tal-miżuri li huma limitati biex jiżguraw l-appikazzjoni ta’ din il-liġi taqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu. Huwa l-kompitu tiegħu għalhekk li jiddeċiedi liberament jekk miżuri bħal dawn jistgħux jittieħdu biss fuq talba tal-awtorità pubblika jew, bħall‑każ tal-kawża preżenti, fuq talba ta’ persuna privata fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati.

    116. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi 2(a) u (b) tal-Hoge Raad der Nederlanden. Minn naħa, il-qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat li l-liġi tagħha hija konformi mal-Artikoku 49 KE, mhijiex marbuta li tivverifika, f’kull każ konkret ta’ applikazzjoni, li miżura partikolari maħsuba biex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi, bħal ordni maħruġa fil-konfront ta’ operatur ekonomiku biex ma jagħtix aċċess lill-persuni residenti fit-territorju nazzjonali għas-sit tal-internet tiegħu li joffri l-logħob tal-flus hija idonea biex tilħaq l-għanijiet li din il-liġi trid tikseb u hija proporzjonata, sakemm din il-miżura eżekuttiva hija strettament limitata biex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi. Min-naħa l-oħra, ir-risposta għal din id-domanda ma tistax tkun differenti kemm jekk il-miżura inkwistjoni hija mitluba mill-awtorità pubblika kemm jekk mitluba minn persuna privata, fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati.

    C –    Dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-awtorizzazzjoni tal-provvista ta’ logħob permezz tal-internet, maħruġa lil operatur ekonomiku mill-Istat Membru fejn huwa stabbilit (il-kawżi C‑203/08 u C‑258/08)

    117. Ir-Raad van State, fl-ewwel domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑203/08, kif ukoll il-Hoge Raad der Nederlanden, fit-tielet domanda preliminari tagħha fil-Kawża C‑258/08, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49KE għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza ta’ fornitur li joffri l-logħob tal-flus permezz tal-internet huwa awtorizzat li jwettaq din l-attività mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan huwa stabbilit, tippermettix lil awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih il-logħob tal-flus huwa suġġett għal sistema ta’ liċenzja limitata għal operatur wieħed, li jipprojbixxu lil dan il-fornitur milli joffri l-logħob permezz tal-internet, lill-persuni residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

    118. Din id-domanda qed issir lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex Betfair sostniet li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li jirriżulta mis-sentenza Rewe-Zentral magħrufa bħala “Cassis de Dijon” (39), kien obbligat li jirrikonoxxi l-liċenzji li nħarġulha minn Stati Membri oħra.

    119. Fl-opinjoni tiegħi din il-pożizzjoni ma tistax tiġi sostnuta u dan għaż-żewġ raġunijiet segwenti.

    120. Minn naħa, skont il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International, iċċitata iktar ’il fuq, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ma japplikax għall-awtorizzazzjoni biex jiġi pprovdut il-logħob tal-flus permezz tal-internet.

    121. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi l-logħob tal-flus ipprovdut permezz tal-internet mhuwiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, Stat Membru jista’ jikkunsidra li l-fatt biss li operatur joffri, b’mod legali, servizzi bħal dawn fi Stat Membru ieħor fejn huwa stabbilit u fejn huwa, fil-prinċipju, diġà suġġett għal kundizzjonijiet legali u għal kontrolli min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat l-ieħor, ma jistax jitqies bħala garanzija suffiċjenti ta’ protezzjoni għall-konsumaturi nazzjonali, kontra r-riskji tal-frodi u tal-kriminalità, fid-dawl tad-diffikultajiet li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ stabbiliment jistgħu jiltaqgħu magħhom f’dan il-kuntest, biex jevalwaw l-kwalitajiet u l-integrità professjonali tal-operatur partikolari (40).

    122. Minn dan isegwi li ċ-ċirkustanza ta’ Ladbrokes u Betfair huma awtorizzati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u mill-Irlanda ta’ Fuq, fejn huma stabbiliti, biex joffru il-logħob permezz tal-internet, ma tistax tqajjem dubji dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ regola bħalma hija l-liġi Olandiża, li tissuġġetta d-dritt tal-provvista ta’ logħob tal-flus lill-persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għal sistema ta’ liċenzja limitata għal operatur ekonomiku wieħed.

    123. Min-naħa l-oħra, is-sistema tad-drittijiet esklużivi għandha preċiżament l-għan li tipprojbixxi lil kull operatur, għajr dak jew dawk li għandhom dawn id-drittijiet, milli jwettqu l-attività koperta b’din is-sistema. Peress li sistema bħal din hija ġġustifikata u għaldaqstant hija konformi mad-dritt Komunitarju, huwa irrilevanti li l-operaturi li jixtiequ jipprovdu l-logħob tal-flus fl-Istat Membru fejn jeżisti tali monopolju, ikunu awtorizzati biex iwettqu din l-attività fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti.

    124. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fornitur li joffri l-logħob tal-flus permezz tal-internet huwa awtorizzat li jwettaq din l-attività mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit ma jipprekludix lil awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih il-logħob tal-flus huwa suġġett għal sistema ta’ liċenzja limitata għal operatur wieħed, li jipprojbixxu lil dan il-fornitur milli joffri l-logħob permezz tal-internet lil persuni residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    D –    Dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza (Kawża C‑203/08)

    125. Ir-Raad van State trid teżamina l-konformità, mad-dritt Komunitarju, tal-proroga tal-liċenzji ta’ De Lotto u ta’ SGR, permezz tad-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2004 u tal-21 ta’ Ġunju 2005, rispettivament, billi titlaq mill-premessa li dawn id-deċiżjonijiet ma ġewx preċeduti minn sejħa għal offerti.

    126. Permezz tat-tieni domanda tagħha, din qed tistaqsi, b’hekk, jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza li jirriżulta minnu, li skont il-ġurisprudenza huma imposti fuq l-Istati Membri, meta fil-qasam tal-logħob tal-flus jattribwixxu konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi, japplikawx ukoll fil-kuntest ta’ sistema għal-liċenzji ta’ operatur uniku.

    127. Permezz tad-domanda 3 (a) tagħha, din tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk f’sistema limitata għal operatur wieħed, il-proroga tal-liċenzja tad-detentur awtorizzat, mingħajr ma titpoġġa f’kompetizzjoni ma’ fornituri oħra, tistax tikkostitwixxi mezz idoneju u proporzjonat għat-twettiq tal-għanijiet, meqjusa mill-ġurisprudenza bħala raġunijiet leġittimi għar-restrizzjoni tal-libertajiet tal-moviment fil-qasam tal-logħob tal-flus u jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

    128. Permezz tad-domanda 3(b) tagħha, hija tistaqsi jekk r-risposta għat-tieni domanda għandhiex impatt fuq ir-risposta għad-domanda 3(a).

    129. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta dawn it-tliet domandi kif ġej. L-ewwel nett, ir-Raad van State qed tagħmel domanda ta’ prinċipju biex tistabbilixxi jekk l-obbligu tat-trasparenza għandux jiġi applikat f’sistema ta’ liċenzja lil operatur uniku, fil-qasam tal-logħob tal-flus. It-tieni nett, f’każ ta’ risposta affermattiva, trid tistabbilixxi jekk u fil-każ, taħt liema kundizzjonijiet, il-proroga tal-liċenzja għall-provvista ta’ logħob tal-flus, mingħajr sejħa għal offerti kompetittiva, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet leġittimi, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskju tal-vizzju tal-logħob u l-ħarsien tal-ordni pubbliku.

    130. Qabel ma jiġu eżaminati dawn iż-żewġ domandi, huwa meħtieġ li nfakkru l-prinċipji ġenerali tal-ġurisprudenza relatati mal-obbligu tat-trasparenza, fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi jew tal-konċessjonijiet.

    1.      Il-prinċipji ġenerali tal-ġurisprudenza relatata mal-obbligu tat-trasparenza

    131. L-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru li jridu jikkonkludu kuntratt pubbliku jew jagħtu konċessjoni, huma marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat u b’mod partikolari l-libertajiet ta’ moviment (41).

    132. Skont il-ġurisprudenza, sa fejn tali kuntratt jew tali konċessjoni jkunu suxxettibbli li jinteressaw ukoll impriżi stabbiliti fi Stat Membru, għajr dak li fih tinsab l-awtorità aġġudikattiva, l-għoti tal-imsemmi kuntratt jew tal-imsemmija konċessjoni, jekk ma jkunx hemm trasparenza, lil impriża stabbilita fl-Istat Membru fejn tinsab din l-awtorità, jikkostitwixxu trattament differenti għad-detriment tal-ewwel impriża (42).

    133. Fil-fatt, minħabba n-nuqqas tat-trasparenza, din l-aħħar impriża m’għandha l-ebda possibbiltà reali li turi l-interess tagħha fl-akkwist tal-kuntratt pubbliku jew tal-konċessjoni inkwistjoni.

    134. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali trattament differenti, li jeskludi lill‑impriżi kollha stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huwa prinċipalment ta’ detriment għalihom, u jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, ipprojbita taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE, sakemm ma tistax tiġi ġġustifikata b’ċirkustanzi oġġettivi (43).

    135. L-obbligu tat-trasparenza huwa impost, konsegwentement, biex jippermetti lill-impriżi kollha stabbiliti fi Stat Membru, għajr dak tal-awtorità aġġudikattiva, li jistgħu jkunu potenzjalment interessati fil-kuntratt pubbliku jew fil-konċessjoni, biex jakkwistaw il-kuntratt. Dan jikkostitwixxi għalhekk espressjoni konkreta u speċifika tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, maħsub biex jippermetti lill-impriżi jeżerċitaw, b’mod effettiv, id-drittijiet konferiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE.

    136. Meta l-kuntratti pubbliċi jew ta’ konċessjonijiet huma koperti permezz ta’ waħda mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, dawn it-testijiet ta’ koordinazzjoni jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-mod ta’ kif dan l-obbligu tat-trasparenza għandu jiġi implementat billi jiġu imposti regoli preċiżi ta’ għoti ta’ kuntratti.

    137. Meta l-kuntratt pubbliku jew il-konċessjoni mhumiex koperti permezz tal-imsemmija testijiet ta’ koordinazzjoni, l-Istati Membri xorta huma obbligati li josservaw l-obbligu tat-trasparenza inkwantu dan jirriżulta mir-regoli fundamentali tat-Trattat kif ukoll mill-prinċipju ta’ trattament ugwali (44).

    138. B’hekk, fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (45), iċċitata mir-Raad van State, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-konċessjoni għall-amministrazzjoni u l-ġbir tal-imħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel fl-Italja, kienet tikkostitwixxi konċessjoni ta’ servizz pubbliku u fakkret li l-kuntratti għall-konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi huma esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE (46). Sussegwentement, indikat li l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu kuntratti bħal dawn huma marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat b’mod ġenerali, b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi tan-nazzjonalità, li huma espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li dawn iż-żewġ prinċipji jimplikaw l-obbligu tat-trasparenza (47).

    139. Il-portata ta’ dan l-obbligu, meta l-kuntratt ma jkunx kopert permezz ta’ waħda mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, ġiet iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-għanijiet li l-imsemmi obbligu jrid jikseb. Minn naħa, huwa intiż sabiex jippermetti lil kull impriżapotenzjalment interessata li tiġi informata u li tippreżenta l-att ta’ kandidatura. Min-naħa l-oħra, huwa intiż li jiżgura l-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ attribuzzjoni.

    140. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu tat-trasparenza mhux bilfors li jimponi s-sejħa għal offerti, iżda jeħtieġ mill-awtorità aġġudikattiva li tiggarantixxi, favur kull impriża li tista’ tkun potenzjalment interessata, livell adegwat ta’ pubbliċità li jippermetti l-ftuħ tal-kuntratt pubbliku jew tal-konċessjoni tas-servizzi, għall-kompetizzjoni kif ukoll għall-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni (48).

    141. Impriza li hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru għandu għalhekk ikollha aċċess għal informazzjoni adegwata relatata mal-kuntratt jew mal-konċessjoni inkwistjoni, qabel ma dawn jiġu attribwiti, b’mod li, jekk din l-impriża riedet, kienet tkun f’pożizzjoni li turi l-interess tagħha biex tikseb dak il-kuntratt jew dik il-konċessjoni (49).

    142. Barra minn hekk, il-kriterji li abbażi tagħhom il-kuntratt jew il-konċessjoni inkwistjoni huma attribwiti, għandhom ikunu oġġettivi, m’għandhomx ikunu diskriminatorji u għandhom ikunu magħrufa minn qabel, biex jiġi stabbilit qafas li fih l-awtorità aġġudikattiva tkun tista’ teżerċita l-poter tagħha ta’ evalwazzjoni u b’hekk dan il-poter ma jiġix użat arbitrarjament (50).

    143. Jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet għall-obbligu tat-trasparenza.

    144. Minn naħa, dan l-obbligu, kif jirriżulta mir-regoli tat-Trattat, ma jeżistix jekk il-kuntratt pubbliku jew il-konċessjoni inkwistjoni huma nieqsa mill-element traskonfinali (51). Fi kliem ieħor, ma japplikax jekk dan il-kuntratt jew konċessjoni x’aktarx li mhumiex ta’ interess għal impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor (52), b’mod partikolari minħabba valur baxx ħafna (53).

    145. Min-naħa l-oħra, l-obbligu tat-trasparenza, anki jekk il-kuntratt jew il-konċessjoni kkonċernati huma koperti permezz ta’ direttiva, ma japplikax jekk, fl-istess ħin, l-awtorità pubblika li għandha s-setgħa aġġudikattiva, teżerċita fuq l-entità aġġudikattiva kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq is-servizzi tagħha u jekk din l-entità twettaq il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (54).

    146. Din it-tieni eċċezzjoni toriġina mill-fatt li awtorità pubblika għandha l-possibbiltà li twettaq kompiti ta’ interess pubbliku li jaqgħu fl-ambitu tal-kompitu tagħha permezz tal-mezzi tagħha, amministrattivi jew tekniċi, mingħajr l-obbligu li tagħmel sejħa lill-entitajiet esterni li ma jappartjenux lis-servizzi tagħha (55).

    147. Irid issa jiġi eżaminat jekk din il-ġurisprudenza tapplikax fil-qasam tal-logħob tal-flus, fil-kuntest ta’ sistema tad-dritt esklużiv lil operatur uniku.

    2.      Dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza fil-qasam tal-logħob tal-flus fil-kuntest ta’ sistema tad-dritt esklużiv lil operatur uniku

    148. Ir-Raad van State, permezz tat-tieni domanda tagħha, tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza li jirriżulta minnu japplikawx ukoll għal sistema ta’ liċenzji fil-qasam tal-logħob tal-flus, li tikkonċedi din il-liċenzja lil operatur wieħed biss.

    149. Skont il-Gvern Olandiż, dan il-prinċipju u dan l-obbligu ma japplikawx għall‑każ ineżami. Dan il-gvern isostni li huma limitati għall-konċessjonijiet li mhumiex koperti mit-testijiet Komunitarji ta’ koordinazzjoni, peress li dawn il-konċessjonijiet ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat. Madankollu, l-imsemmi obbligu ma jistax jiġi estiż għal sistema ta’ liċenzja li toħroġ mill-awtorizzazzjoni tal-pulizija u mhux minn kuntratt. Jesponi, barra minn hekk, li jekk il-kuntratt jinfetaħ għall-kompetizzjoni, jirriżultaw l-istess effetti ta’ preġudizzju, bħal dawk tal-kompetizzjoni fis-suq. B’mod partikolari, id-detentur tal-liċenzja, jekk din il-liċenzja tkun temporanja, jipprova jagħmel kemm jista’ jkun profitti, matul il-perjodu ta’ validità tagħha.

    150. Il-Gvern Olandiz u De Lotto jsostnu li l-obbligu tat-trasparenza ma japplikax għaliex, skont il-liġi Olandiża, id-detenturi tal-liċenzja għandhom japplikaw id-dħul mill-konċessjoni, għal xogħlijiet partikolari. Jenfasizzaw, barra minn hekk, li De Lotto ma tista’ tagħmel ebda profitt, u għalhekk l-ebda impriża kummerċjali ma jista’ jkollha interess f’konċessjoni, f’dawn il-kundizzjonijiet.

    151. Il-Gvernijiet Daniż, Grieg, Awstrijak, Finlandiż u Norveġiż huma wkoll tal-opinjoni li l-obbligu tat-trasparenza mhuwiex applikabbli f’sistema ta’ liċenzja lil operatur uniku.

    152. Ma naqblix ma’ dawn il-pożizzjonijiet. Il-gurisprudenza relatata mal-obbligu tat-trasparenza hija applikabbli, fl-opinjoni tiegħi, għal sistema ta’ liċenzja limitata għal operatur wieħed, fil-qasam tal-logħob tal-flus, u dan fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet segwenti.

    153. Fl-ewwel lok, din il-ġurisprudenza hija msejsa fuq l-effetti ta’ kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi jew ta’ konċessjoni dwar il-libertajiet tal-moviment u mhux l-oriġini kuntrattwali ta’ dawn l-effetti. Kif diġà rajt, kuntratti bħal dawn għandhom jiġu preċeduti minn sejħa għal offerti, għaliex għandhom bħala għan u effett li jattribwixxu t-twettiq ta’ attività lil wieħed jew għadd ta’ operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari. Jekk il-pubbliċità ma tkunx adegwata, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jkun injorat, għaliex l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jistgħu jkunu potenzjalment interessati f’din l-attività, ma jkunux jistgħu juru l-interess tagħhom u għaldaqstant jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

    154. L-obbligu tat-trasparenza jidher għalhekk bħala kundizzjoni obbligatorja preliminari tad-dritt ta’ Stat Membru li jattribwixxi lil operatur wieħed jew bosta operaturi privati, id-dritt esklużiv li jwettqu attività ekonomika, ikun xi jkun il-mod ta’ kif jintgħażel jew jintgħażlu dawn l-operaturi.

    155. Għalhekk għandha tapplika wkoll, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja lil operatur uniku, konċessa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, permezz tal-poteri eżerċitati mill-pulizija, għaliex l-effetti ta’ din il-konċessjoni fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jistgħu jkunu potenzjalment interessati f’din l-attività, huma l-istess bħal dawk ta’ kuntratt ta’ konċessjoni.

    156. Barra minn hekk, il-fatt li l-monopolju kummerċjali jirriżulta minn liċenzja maħruġa fil-kuntest ta’ proċedura tal-pulizija u mhux minn kuntratt ta’ konċessjoni, ma jneħħix ir-riskju tal-parzjalità, li l-obbligu tat-trasparenza għandu wkoll l-għan illi jħares.

    157. Fit-tieni lok, fl-opinjoni tiegħi, in-natura partikolari tal-logħob tal-flus ma tiġġustifikax li Stat Membru jiġi awtorizzat li jidderoga minn dan l-obbligu.

    158. Ir-riskji marbuta ma’ din l-attività u l-kunsiderazzjonijiet tal-ordni morali, għandhom iwasslu, fl-opinjoni tiegħi, biex Stat Membru jkollu d-dritt li jwettaq huwa stess l-imsemmija attività, permezz ta’ intermedjarju tal-entità tiegħu. Huwa inekwivoku, fil-fatt, li Stat Membru jista’ jmexxi u jikkontrolla l-attività ta’ entità bħal din iktar faċilment milli jista’ jagħmel dan fir-rigward ta’ operatur privat. Sistema bħal din tista’ għalhekk tippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ogħla lill-konsumaturi kontra r-riskju tal-vizzju tal-logħob u tal-ordni pubbliku, kontra r-riskji tal-frodi u tal-logħob klandestin (56).

    159. In-natura partikolari tal-logħob tal-flus tiġġustifika wkoll, kif diġà għid, li l-Istat Membru jkun awtorizzat jikkonferixxi lil operatur privat, il-monopolju kummerċjali.

    160. Mandankollu, mill-mument li Stat Membru jiddeċiedi li jikkonferixxi l-attività kummerċjali ta’ tip ta’ logħob tal-flus lis-settur privat, għandu josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-operaturi ekonomiċi kollha li jistgħu jkunu interessati.

    161. Ma nemminx, fil-fatt, li l-ftuħ tal-kompetizzjoni għall-kuntratt, għandu jipproduċi effetti ta’ preġudizzju komparabbli ma’ dawk tal-kompetizzjoni fis-suq. Il-preġudizzju tal-ftuħ tal-kompetizzjoni fis-suq, jiġifieri bejn diversi operaturi li jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu l-istess logħba tal-flus, jiġi mill-fatt li dawn l-operaturi jkollhom jikkompetu fuq livell kreattiv biex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti u b’hekk iżidu l-infiq marbut mal-logħob u r-riskji tal-vizzju. Iżda dawn il-konsegwenzi m’għandhomx ikunu ta’ inkwiet fl-istadju tal-għoti tal-appovazzjoni.

    162. Fil-kuntest ta’ sistema tad-dritt esklużiv konċess lil operatur uniku, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskju tal-vizzju tal-logħob, u l-ġlieda kontra l-frodi huma żgurati permezz tal-kundizzjonijiet imposti mill-Istat Membru fuq l-operatur uniku, biex l-attività tiegħu tkun, kemm jista’ jkun, ikkontrollata. Huma wkoll fil-mira ta’ mezzi stabbiliti mill-Istat Membru biex jevalwa l-effetti ta’ din l-attività u jivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet imposti fuq l-operatur. Ma narax il-mod ta’ kif l-appell għal sejħa għal offerti fl-istadju tal-għażla ta’ dak l-operatur uniku, tista’ bilfors tikkomprometti l-osservanza tiegħu tal-kundizzjonijiet li għalihom din l-attività hija suġġetta.

    163. Wieħed jista’ wkoll jirrikonoxxi li tali kompetizzjoni tkun tista’ tippermettti lill-awtortitajiet kompetenti, jikkonferixxu l-liċenzja lill-persuna li jidhrilhom li l-iktar tista’ tosserva l-kundizzjonijiet, fil-kumplessità tagħhom. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ammonti konsiderevoli marbuta mal-logħob tal-flus, ikun ideali jekk il-kundizzjonijiet li bihom Stat Membru jiddeċiedi li jikkonċedi l-monopolju lil entità privata, ikunu trasparenti u li l-imparzjalità tagħhom tkun tista’ tiġi vverifikata.

    164. Fl-aħar nett, l-argument tal-Gvern Olandiż u ta’ De Lotto, li l-obbligu tat-trasparenza għandu jiġi eliminat minħabba l-obbligi imposti mil-liċenzja lid-detenturi tal-monopolju, fir-rigward tal-attribuzzjoni tad-dħul, ma jqiegħedx inkwistjoni, fl-opinjoni tiegħi, l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

    165. Ċertament, Stat Membru jista’ jistabbilixxi li d-dħul mill-attività tal-logħob tal-flus fit-territorju tiegħu, għandu jiġi attribwit parzjalment jew kollu kemm hu lil kawżi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu tat-trasparenza ma japplikax jekk il-kuntratt inkwistjoni jkun nieqes mill-interess transkonfinali, b’mod partikolari jekk l-ammonti involuti jkunu żgħar.

    166. Madankollu, dan il-kunċett tal-interess ekonomiku limitat ħafna, jikkonċerna biss, fl-opinjoni tiegħi, il-valur ekonomiku tal-kuntratt ikkonċernat (57). Jikkonċerna pereżempju, it-twettiq ta’ kostruzzjoni modesta, f’distanza relattivament konsiderevoli mill-fruntieri ta’ Stat Membru. Il-modestja tax-xogħlijiet li jridu jitwettqu u d-distanza li jridu jkopru, jippermettu li jiġi preżunt li x’aktarx li l-ebda impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor m’għandha tkun interessata f’din il-kostruzzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kunċett tal-interess ekonomiku baxx ħafna, ma jkoprix is-sitwazzjoni fejn il-limitazzjoni tal-interess ekonomiku fil-kuntratt, ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet marbuta mat-twettiq tal-attività inkwistjoni u mill-kriterji tal-għażla tal-operatur.

    167. Dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-kriterji, fl-opinjoni tiegħi, jiffurmaw parti, preċiżament, mill-elementi tal-obbligu tat-trasparenza, li għandu l-għan li l‑fornituri tas-servizzi li jistgħu jkunu potenzjalment interessati fil-kuntratt ikkonċernat jiġu informati. Anki jekk, fil-prattika, il-kundizzjonijiet imposti mill-Istat Membru huma ta’ natura li jiskuraġġixxu lill‑impriżi milli juru l-interess tagħhom fl-attività kkonċernata, xorta għandhom jinġiebu għall-għarfien tagħhom, biex ikunu jistgħu jieħdu tali deċiżjoni.

    168. Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, jidher ċar li l-kuntratti fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-provvista tal-lottu, tal-imħatri sportivi u tal-logħob tan-numri, kif ukoll tal-imħatri fuq it-tlielaq taż-żwiemel, peress li huma f’sitwazzjoni ta’ monopolju, jistgħu iktar jinteressaw lill-fornituri tal-logħob, stabbiliti fi Stati Membri oħra, minħabba d-dħul konsiderevoli li dawn l-attivitajiet jipproduċu (58).

    169. Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, il-Gvern Olandiż mhuwiex iġġustifikat li jipprevalixxi ruħu mill-eċċezzjoni tan-nuqqas tal-interess transkonfinali.

    170. Din l-interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmija eċċezzjoni tidher ukoll iġġustifikata, fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tas-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandhom ikollhom l-Istati Membri fil-qasam tal-logħob tal-flus, kemm fid-determinazzjoni tal-għanijiet tal-liġi tagħhom, kif ukoll fl-għażla tal-mezzi biex jiksbuhom. It-trasparenza, li dejjem qed tilgħab rwol akbar fil-ħajja pubblika tas-soċjetajiet moderni, sal-punt li saret wieħed miir-riferimenti viżibbli tad-demokrazija, tidher hawnhekk li toħloq il-bilanċ ideali għall-preġudizzji li, fit-twettiq tal-poteri tagħhom sovrani f’dan il-qasam ta’ attività, jistgħu jikkawżaw lil-libertajiet tal-moviment. Fi kliem ieħor, l-obbligu tat-trasparenza huwa impost iktar u iktar peress li fil-qasam tal-logħob tal-flus, l-Istati Membri jgawdu setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni. L-esklużività mhijiex sinonimu man-nuqqas ta’ trasparenza.

    171. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, li huma inkarigati mill-ħruġ tal-liċenzja għall-provvista ta’ logħob tal-flus fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandhom jipproċedu għal sejħa għal offerti adegwata, ħlief jekk ikunu f’pożizzjoni li jippruvaw li huma jeżerċitaw fuq l-entità aġġudikattiva, kontroll analogu għal dak li jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom u li din l-entità twettaq l-essenzjal tal-attività tagħha ma’ dawn l-awtoritajiet.

    172. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, eventwalment, dan il-punt inkwantu jikkonċerna lil De Lotto.

    173. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hija l-opinjoni tiegħi li l-Artikolu 49 KE għandu jiġu interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza li jirriżulta minnu, japplikaw ukoll fil-qasam tal-logħob tal-flus, fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja maħruġa lil operatur wieħed.

    3.      Fuq il-proroga tal-liċenzja relatata mal-konċessjoni tal-logħob tal-flus mingħajr sejħa għal offerti

    174. Skont il-liġi Olandiża, il-liċenzji jinħarġu, fil-prinċipju, għal perijodu ta’ ħames snin. Betfair issostni li l-liċenzji ta’ De Lotto u ta’ SGR ġew prorogati fix-xahar ta’ Diċembru 2004 u ta’ Ġunju 2005, rispettivament, mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-att ta’ kandidatura tagħha biex dawn il-liċenzji jingħataw lilha.

    175. Ir-Raad van State tistaqsi, essenzjalment, jekk u eventwalment, taħt liema kundizzjonijiet, il-proroga tal-liċenzja għall-konċessjoni tal-logħob tal-flus, mingħajr sejħa għall‑offerti, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet leġittimi ta’ restrizzjoni għal-libertajiet tal-moviment fil-qasam tal-logħob tal-flus.

    176. Preliminarjament, irid jingħad li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu ssottomettew, quddiem il-qorti kompetenti, li l-limitazzjoni ta’ ħames snin għal-liċenzja, għandha biss l-għan li tipprovdi data ta’ referenza lill-awtoritajiet kompetenti biex jadattaw, eventwalment, ir-regoli marbuta magħha, b’mod li fir-realtà, l-approvazzjonijiet ikollhom karattru kważi permanenti.

    177. Il-qorti tar-rinviju, li għandha l-kompitu li tinterpreta l-liġi interna applikabbli u li tevalwa l-fatti tal-kawża li trid tiddeċiedi, ma laqgħatx din l-analiżi. Billi tistaqsi jekk u f’liema miżura, wieħed jista’ jidderoga mill-obbligu tat-trasparenza, hija tammetti b’mod impliċitu iżda inekwivoku li l-liċenzji ta’ De Lotto u ta’ SGR jikkostitwixxu proroga jew tiġdid.

    178. F’każ kuntrarju, kienet tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju ta’ sistema tad-dritt esklużiv pratikament permanenti.

    179. Li kieku għamlet dan, kont nesprimi d-dubji tiegħi dwar il-kompatibbiltà ta’ sistema bħal din mal-libertajiet tal-moviment.

    180. Ir-raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertajiet tal-moviment fil-qasam tal-logħob tal-flus, jistgħu jilleġittimizzaw, fl-opinjoni tiegħi, il-konċessjoni tad-drittijiet esklużivi għal perijodu pjuttost twil, għal numru ta’ snin. Għaldaqstant, Stat Membru jista’ jqis li l-protezzjoni tal-konsumaturi mir-riskji marbuta mal-logħob mhux awtorizzat, b’mod partikolari l-logħob permezz tal-internet, tinħtieġ ċerta stabbiltà fl-għażla tad-detentur tad-dritt jew drittijiet esklużivi.

    181. Bl-istess mod, rajt li, f’sistema ta’ monopolju, il-profitti li x’aktarx jirriżultaw huma limitati. Meta Stat Membru jagħżel li jattribwixxi dan il-monopolju lil entità privata indipendenti, il-perijodu tal-liċenzja jista’ jidher bħala mezz utli biex jikkumpensa għal-limitazzjoni tal-interess ekonomiku ta’ dak il-kuntratt, biex iqajjem l-interess ta’ bosta operaturi ekonomiċi u b’hekk ikun jista’ jipproċedi għall-għażla.

    182. Għal din ir-raġuni, fl-opinjoni tiegħi, il-konċessjoni tad-drittijiet esklużivi għal perijodu indeterminat jidher, a priori, li diffiċilment jista’ jiġi ġġustifikat, peress li jagħlaq is-suq ta’ Stat Membru lil operaturi ekonomiċi kollha li jistgħu jkunu potenzjalment interessati, mingħajr ebda limitazzjoni fiż-żmien. Mill-mument li Stat Membru jiddeċiedi li jikkonferixxi l-konċessjoni tal-logħob tal-flus lil entità privata indipendenti, insibu diffikultà biex nimmaġinaw ir-raġunijiet li għalihom l-istess operatur għandu jingħata dan id-dritt esklużiv b’mod indefinittiv (59).

    183. Fir-rigward, issa, tal-kwistjoni ta’ sa fejn il-liċenzja konċesssa għal perijodu determinat tiġi prorogata jew tista’ tiġġedded mingħajr sejħa għall‑offerti, il-ġurisprudenza, b’mod partikolari s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, tipprovdi l-bidu tar-risposta għal din id-domanda.

    184. Fl-ewwel lok, mhux eskluż li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni esklużiva għall-provvista ta’ logħob tal-flus mingħajr sejħa għal offerti, jista’ jiġi ġġustifikata abbażi tal-ħarsien ta’ interess essenzjali, stabbilit fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, stabbilita fil-ġurisprudenza, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskji tal-infiq eċċessiv u tal-vizzju tal-logħob, kif ukoll il-prevenzjoni tal-frodi (60).

    185. Fit-tieni lok, huwa l-kompitu tal-Istat Membru li juri li din id-deroga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza, hija ġġustifikata abbażi ta’ waħda minn dawn ir-raġunijiet u hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità (61).

    186. Fil-każ preżenti, il-Gvern Olandiż jillimita ruħu għall-argument li ppreżenta fil-kuntest tad-domanda preċedenti. Diġà indikajt r-raġunijiet għalfejn dan l-argument ma jikkonvinċiniex.

    187. Ma narax, fil-fatt, għaliex il-ftuħ ta’ sejħa għal offerti kompetittiva għall-għoti ta’ liċenzja għal terminu limitat ta’ ħames snin, jista’ jkun tali li tikkomprometti l-għanijiet tal-liġi Olandiża relatata mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-vizzju tal-logħob u l-prevenzjoni tal-kriminalità. Dawn l-għanijiet, kif sottomess, huma miksuba effettivament permezz tal-għoti ta’ monopolju għall-operat, kif ukoll permezz tal-kundizzjonijiet li jkopru l-attività tal-operatur approvat u l-mod ta’ kif isiru l-evalwazzjoni u l-kontroll mill-Istat Membru. Il-Gvern Olandiż ma jurix li din is-sistema se tiġi ppreġudikata b’sejħa għal offerti fl-iskadenza tal-liċenzja.

    188. Jista’ wkoll jingħad li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tkun iktar garantita bil-ftuħ għall-kompetizzjoni, jekk il-kapaċità li jiġu osservati b’mod rigoruż l-imsemmija kundizzjonijiet tkun tagħmel parti mill-kriterji li abbażi tagħhom tinħareġ il-liċenzja.

    189. Il-fatt li sistema ta’ liċenzja unika stabbilita fi Stat Membru, fil-konċepiment u fl-implementazzjoni tagħha tippermetti, bħal fil-każ tal-kawżi preżenti, li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, m’għandux ikun biżżejjed, fl-opinjoni tiegħi, biex jiġġustifika l-proroga tal-liċenzji mingħajr sejħa għal offerti kompetittiva. Huwa l-kompitu tal-Istat Membru li jispjega kif il-motivi mfittxija mil-liġi nazzjonali tiegħu fil-qasam tal-logħob tal-flus ma jippermettux li jkun hemm il-possibbiltà li jinbidel l-operatur ma’ kull skadenza.

    190. Ma rridx għalhekk neskludi l-possibbiltà li din il-ġustifikazzjoni tingħata f’ċirkustanzi partikolari. Irrid sempliċiment ngħid li l-imsemmija ġustifikazzjoni tista’ biss tintlaqa’ jekk jiġi stabbilit li s-sejħa għal offerti ser tkun effettivament ta’ natura li tippreġudika wieħed mill-interessi stabbiliti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew irrikonoxxuti bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali mill-ġurisprudenza.

    191. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta għad-domanda magħmula, li ssegwi l-proposta tal-Kummissjoni u li tieħu l-punt 33 tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, li tistabbilixxi li l-Artikolu 49 KE jipprekludi liġi nazzjonali, li abbażi tagħha l-liċenzja tal-operatur uniku awtorizzat hija prorogata mingħajr sejħa għal offerti, sakemm din il-proroga ma tissodisfax interess essenzjali fis-sens tal-Artikoli 45 KE u 46 KE jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, stabbilita fil-ġurisprudenza, u sakemm din tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk dan ikunx il-każ.

    IV – Konklużjoni

    192. Fid-dawl tal-kunsiderazzjionijiet preċedenti nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

    “1)      Liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li tirristrinġi l-provvista ta’ logħob tal-flus, bl-għan li tikkontrolla d-dipendenza fuq il-logħob u tiġġieled il-frodi u li abbażi tagħha, id-detentur jew id-detenturi tad-dritt esklużiv għall-provvista ta’ dan il-logħob, huma awtorizzati li jrendu l-offerta tagħhom attraenti billi jintroduċu logħob ġdid u billi jirrikorru għall-pubbliċità, għandha titqies bħala waħda li tilħaq dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku jekk, skont l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, din il-liġi, fid-dawl tal-kontenut u tal-implementazzjoni tagħha, tikkontribwixxi b’mod effettiv biex jintlaħqu dawn iż-żewġ għanijiet.

    2)      Il-qorti nazzjonali, wara li tkun ikkonstatat li l-liġi tagħha hija konformi mal-Artikoku 49 KE, mhijiex marbuta li tivverifika, f’kull każ konkret ta’ applikazzjoni, li miżura partikolari maħsuba biex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi, bħal ordni maħruġa fil-konfront ta’ operatur ekonomiku biex ma jagħtix aċċess lill-persuni residenti fit-territorju nazzjonali għas-sit tal-internet tiegħu li joffri l-logħob tal-flus, hija idonea biex tilħaq l-għanijiet li din il-liġi trid tikseb u hija proporzjonata, sakemm din il-miżura eżekuttiva hija strettament limitata biex tiżgura l-osservanza ta’ din il-liġi.

    Ir-risposta għal din id-domanda ma tistax tkun differenti il-miżura inkwistjoni hija mitluba mill-awtorità pubblika kemm jekk mitluba minn persuna privata, fil-kuntest ta’ kawża bejn persuni privati.

    3)      Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fornitur li joffri l-logħob tal-flus permezz tal-internet huwa awtorizzat li jwettaq din l-attività mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit ma jipprekludix lil awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, li fih il-logħob tal-flus huwa suġġett għal sistema ta’ liċenzja limitata għal operatur wieħed, li jipprojbixxu lil dan il-fornitur milli joffri l-logħob permezz tal-internet lil persuni residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    4)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza li jirriżulta minnu japplikaw ukoll fil-qasam tal-logħob tal-flus fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja maħruġa lil operatur uniku.

    L-Artikolu 49 KE jipprekludi liġi nazzjonali, li abbażi tagħha l-liċenzja tal-operatur uniku awtorizzat hija prorogata mingħajr sejħa għal offerti, sakemm din il-proroga ma tissodisfax interess essenzjali fis-sens tal-Artikoli 45 KE u 46 KE jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, stabbilita fil-ġurisprudenza, u sakemm din tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk dan ikunx il-każ.”



    1 – Lingwa oriġinali: Il-Franċiż.


    2 – Ara l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Winner Wetten (C‑409/06); Markus Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07); Carmen Media Group (C‑46/08); Santa Casa da Misericórdia de Lisboa (C‑55/08); Zeturf (C‑212/08), kif ukoll Sjöberg u Gerdin (C‑447/08 u C‑448/08).


    3 – Fondazzjoni għal-logħob tal-pronostiku sportiv (iktar ’il quddiem “De Lotto”).


    4 – Iktar ’il quddiem “SGR”. SGR hija sussidjarja tal-kumpannija Scientific Games Corporation Inc., stabbilita fi New York (l-Istati Uniti).


    5 – Iktar ’il quddiem “Betfair”.


    6 – Iktar ’il quddiem “Ladbrokes”.


    7 – C‑42/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.


    8 – Iktar ’il quddiem il-“liġi Olandiża ”.


    9 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tindika li, skont ir-rapport annwali tal-kummissjoni għall-kontroll tal-logħob, l-imħatri reċiproki ġġeneraw, fl-2007, turnover ta’ EUR 34.3 miljun, li wara it-tnaqqis ta’ EUR 25 miljun iddistribwit f’rebħ u ta’ EUR 6.2 miljun rappreżentanti spejjeż, ħallew qligħ fuq il-logħob ta’ EUR 3.1 miljun u dħul nett ta’ EUR 3.4 miljun. Fuq dan l-ammont, EUR 3.2 miljun jingħataw, skont il-liġi Olandiża u skont l-awtorizzazzjoni konċessa, lil istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet karitattivi fil-qasam tal-isport taż-żwiemel, kif ukoll lill-federazzjoni għall-isport taż-żwiemel. Il-benefiċċju ta’ SGR tela’ għal EUR 200 000.


    10 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punti 46 u 47).


    11 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


    12 – Idem.


    13 – Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    14 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, Ġabra p. I‑10341, punt 49).


    15 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 37). Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 35), u Anomar et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).


    16 – Sentenza Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


    17 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et (punti 35 u 39); Zenatti (punt 33), u Anomar et (punt 87).


    18 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et (punt 36) u Zenatti (punt 34).


    19 – Sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).


    20 – Sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).


    21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).


    22 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, Ġabra p. I‑5785, punt 40).


    23 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63).


    24 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et (punt 33) kif ukoll Zenatti (punt 31).


    25 – Sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).


    26 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti (punt 37) u Gambelli et (punt 66).


    27 – Il-Kummissjoni ssemmi s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969), li tistabbilxxi li “huma l-awtoritajiet nazzjonali li jinvokaw deroga għall-prinċipju fundamentali ta' moviment liberu ta’ persuni li għandhom jipprovaw, f'kull każ partikolari, li r-regoli tagħhom huma neċessarji u proporzjonati ma’ l-għan imfittex. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikollhom magħhom analiżi ta’ l-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu” (punt 63).


    28 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003 (C‑42/02, Ġabra p. I‑13519).


    29 – Sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑531/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54), u Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).


    30 – Sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, Ġabra p. I‑1039).


    31 – Sentenza Läärä et, iċċitata iktar ’il fuq.


    32 – Sentenza Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq.


    33 – Sentenza Anomar et, iċċitata iktar ’il fuq.


    34 – Sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70).


    35 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).


    36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, Ġabra p. I‑2753, punt 63).


    37 – Is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).


    38 – Is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti (punt 37) u Gambelli et (punt 75).


    39 – Sentenza tal-20 ta’ Frar 1979 (120/78, Ġabra p. 649).


    40 – Is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Baw International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69).


    41 – Is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑507/03, Ġabra p. I‑9777, punt 26), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea (C‑573/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).


    42 – Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 17), u tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C‑347/06, Ġabra p. I‑5641, punt 59).


    43 – Is-sentenza ASM Brescia, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    44 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    45 – C‑260/04, Ġabra p. I‑7083.


    46 – Direttiva tat-18 ta’ Ġunju 2002, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).


    47 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 22 sa 24).


    48 – Is-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


    49 – Is-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 28).


    50 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑389/05, Ġabra p. I‑5397, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    51 – Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


    52 – Ibidem (punt 32).


    53 – Is-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20).


    54 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 50); tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punt 49), u tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 62).


    55 – Is-sentenza Coditel Brabant, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


    56 – Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja AELE tal-14 ta’ Marzu 2007, EFTA Surveillance Authority vs Norway (E‑1/06, Report of EFTA Court, p. 7, punt 51).


    57 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso (C‑147/06 u C‑148/06, Ġabra p. I‑3565, punt 31).


    58 – Il-Kummissjoni indikat li, fl-2007, skont rapport annwali tal-kummissjoni għall-kontroll tal-logħob, it-turnover ġġenerat mill-imħatri sportivi tela’ għal EUR 22.3 miljun u t-turnover totali ta’ De Lotto għal EUR 270 miljun. It-turnover ta’ SGR, skont hi, tela’ f’din l-istess sena għal EUR 34.3 miljun.


    59 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, Ġabra p. I‑4401, punt 73).


    60 – Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 sa 32).


    61 – Ibidem (punt 33).

    Top