Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0141

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 14 ta' Mejju 2009.
    Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Appell - Politika kummerċjali - Dumping - Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina - Regolament (KE) Nru 384/96 - Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) - Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq - Drittijiet tad-difiża -Investigazzjoni antidumping - Termini mogħtija lill-impriżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.
    Kawża C-141/08 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09147

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:307

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2009 ( 1 )

    Kawża C-141/08 P

    Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Appell — Politika kummerċjali — Dumping — Importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw miċ-Ċina — Regolament (KE) Nru 384/96 — Artikoli 2(7)(ċ) u 20(4) u (5) — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Investigazzjoni antidumping — Termini mogħtija lill-impriżi sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom”

    1. 

    Fil-qosor, l-appell preżenti ( 2 ) jikkonċerna esportatur Ċiniż suġġett għal investigazzjoni antidumping, li t-talba li għamel biex il-prezzijiet normali tiegħu jiġu evalwati bl-istess mod bħal dawk ta’ esportatur li jopera f’ekonomija tas-suq inizjalment ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, iżda iktar tard ġiet meqjusha b’mod favorevoli, biex wara, kontra kull mistenni, ġiet irrifjutata.

    2. 

    Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-esportatur argumenta li l-Kummissjoni kienet (i) ikkunsidrat b’mod żbaljat illi ma tistax tbiddel l-evalwazzjoni inizjali u (ii) ma tatx żmien biżżejjed lill-esportatur biex jirreaġixxi għall-evalwazzjoni finali.

    3. 

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li (i) kien biss inċidentali li l-Kummissjoni kienet osservat li hija ma kinitx tista’ tevalwa mill-ġdid fatti antiki; konsegwentement, (ii) anki li kieku ngħata żmien biżżejjed għar-reazzjoni tal-esportatur, din ir-reazzjoni kien ikollha x’taqsam biss mal-osservazzjoni inċidentali iktar milli mar-raġunijiet ta’ mertu għar-rifjut, b’tali mod li d-drittijiet tad-difiża tal-esportatur ma ġewx affettwati.

    4. 

    L-esportatur issa jsostni li l-konstatazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet tal-Kummissjoni kienet misinterpretazzjoni manifesta tal-provi, biex b’hekk, li kieku ngħata żmien biżżejjed, ir-reazzjoni setgħet tkun rilevanti.

    5. 

    Din il-Qorti se jkollha tiddeċiedi, l-ewwel u qabel kollox, jekk kienx hemm “żnaturament tal-provi” mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Jekk dan ma jkunx il-każ, fil-prinċipju hija ma għandha ebda ġurisdizzjoni biex tevalwa x’valur għandu jingħata lil dawk il-provi. ( 3 ) Huwa biss jekk kien hemm żnaturament bħal dan li hija tkun tista’ teżamina l-argumenti dwar in-nuqqas li ma ngħatax żmien biżżejjed biex tingħata reazzjoni.

    Il-proċeduri u l-leġiżlazzjoni antidumping

    6.

    Il-protezzjoni tal-industrija tal-Komunità kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping hija essenzjalment irregolata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 ( 4 ) (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

    7.

    Skont l-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jista’ jiġi impost dazju antidumping fuq kull prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità jikkawża ħsara. Prodott ikun oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu lejn il-Komunità huwa anqas mill-prezz paragunabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

    8.

    Skont l-Artikolu 5(1), investigazzjoni biex tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza, il-grad u l-effett ta’ dumping għandha tinbeda fuq ilment bil-miktub li jsir f’isem l-industrija tal-Komunità. L-Artikolu 6 jirregola l-proċeduri ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-Artikoli 2 sa 4 jistabbilixxu, essenzjalment, il-kriterji li għandhom jiġu applikati.

    9.

    L-Artikolu 2 huwa dwar kif jiġi stabbilit id-dumping. Dan jistipula regoli biex jiġi stabbilit il-valur normali (parti A, paragrafi 1 sa 7) u l-prezz tal-esportazzjoni (parti B, paragrafi 8 u 9) li għandu jiġi pparagunat (parti Ċ, paragrafu 10) sabiex jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping (parti D, paragrafi 11 u 12). Parti A biss hija rilevanti għall-kawża preżenti.

    10.

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur. Dan jiġi stabbilit skont ir-regoli stipulati fil-bqija tal-paragrafi 1 sa 6, li huma adattati għall-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq.

    11.

    Għal impriżi oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a) jipprovdi: “Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq, il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.”

    12.

    Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b), f’investigazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ importazzjoni minn, inter alia, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ikkunsidrata bħala ekonomija mhux tas-suq), “il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.”

    13.

    L-Artikolu 2(7)(ċ), li kien deċiżiv biex jiġi stabbilit jekk l-esportatur fil-kawża preżenti kkwalifikax għall-istatus imsemmi iktar ’il fuq (l-“istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq”, imqassar ukoll bħala “MET” għal “market economy treatment”), jistabbilixxi diversi kriterji li għandhom ilkoll jiġu sodisfatti sabiex jikkwalifika. Fost dawn il-kriterji, it-tieni sub-inċiż tal-ewwel subparagrafu jistipula li impriżi għandu jkollhom “sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha”. ( 5 )

    14.

    L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) jispeċifika: “Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.” ( 6 )

    15.

    Fis-sentenza Nanjing Metalink, ( 7 ) il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat din id-dispożizzjoni bħala li “għandha b’mod partikolari bħala għan li tassigura li din il-kwistjoni [jekk jiġix mogħti l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq] ma tiġix deċiża abbażi ta’ l-effett tagħha fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping”. Din kompliet isostni li “l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi lill-istituzzjonijiet milli jevalwaw mill-ġdid l-elementi li huma kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fi żmien id-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprekludix li l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma jinżammx meta bdil fis-sitwazzjoni fattwali li fuq il-bażi tagħha ngħata dan l-istatus ma jippermettix iktar li jiġi kkunsidrat li l-produttur ikkonċernat jopera fil-kundizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq.” ( 8 )

    16.

    Waqt l-investigazzjoni, jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji mill-Kummissjoni konformi mal-Artikolu 7. Madankollu, huwa biss jekk il-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm dumping u minħabba f’hekk ġiet ikkawżata ħsara, u jekk l-interess tal-Komunità jitlob li jsir intervent, li dazju antidumping definittiv għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġġixxi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta’ kwalunkwe dazji provviżorji u wara konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv [Artikolu 9(4)]. Il-proċedura kollha, fl-eventwalità ta’ impożizzjoni ta’ dazju definittiv, għandha tintemm fi kwalunkwe każ fi żmien 15-il xahar mill-bidu [Artikolu 6(9)].

    17.

    L-aħħar dispożizzjoni ta’ rilevanza hija l-Artikolu 20(4) u (5). Skont l-Artikolu 20, partijiet ikkonċernati b’investigazzjoni jistgħu jiksbu mill-Kummissjoni l-iżvelar tad-dettalji dwar il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti miżuri provviżorji (paragrafu 1), u “l-iżvelar finali” tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa maħsub li jiġu rrakkomandati l-miżuri definittivi (paragrafu 2). L-Artikolu 20(4) u (5) jistipula kif ġej:

    “4.   [L-i]żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment mhux iktar tard minn tard minn deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skont l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista’ jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ ttieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista’ jkun malajr.

    5.   Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

    Il-kuntest fattwali

    18.

    Il-fatti huma msemmija fil-punti 4 sa 23 tas-sentenza appellata. Iktar ’l isfel, jien se nagħti sunt tagħhom, billi nirreferi u nikkwota wkoll minn ċerti dokumenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li sar referiment għalihom fl-appell.

    19.

    Fl-4 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni tat bidu għal investigazzjoni dwar l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija, inklużi dawk manifatturati u esportati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd (“Yongjian”), stabbilita f’Foshan, Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    20.

    Yongjian talbet għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fit-23 ta’ Frar 2006. Wara li għamlet stħarriġ, il-Kummissjoni wieġbet fil-11 ta’ Awwissu 2006 li ma qisitx li ntlaħaq il-kriterju stabbilit fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kien ġie sodisfatt, għaliex il-kotba tal-kontijiet u r-rapporti ta’ verifika ta’ Yongjian ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Iktar korrispondenza segwit f’Settembru 2006, imma l-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha.

    21.

    Il-Kummissjoni mbagħad adottat ir-Regolament (KE) Nru 1620/2006, ( 9 ) li kkonferma r-rifjut tat-talba ta’ Yongjian għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u imponiet dazju provviżorju ta’ 18.1% fuq importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija manifatturati minn Yongjian.

    22.

    Yongjian baqgħet tissottometti osservazzjonijiet u statistiċi insostenn tat-talba tagħha għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Imbagħad skont il-punt 13 tas-sentenza appellata:

    “Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrent dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali kif ukoll dokument ta’ informazzjoni partikolari. Fl-ewwel dokument, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tikkonferixxi lir-rikorrenti l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.[ ( 10 )] Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li n-nuqqasijiet fir-reġistrazzjonijiet tal-kontabbiltà ta’ l-impriża, li seħħew fl-istadju tal-miżuri provviżorji ma kellhomx impatt sinjifikattivi fuq ir-riżultati finanzjarji li nkitbu mill-ġdid fil-kontijiet, u min-naħa l-oħra, li l-ewwel nett, il-kontijiet mhux kompluti ma setgħux ifixklu l-informazzjonijiet relatati mal-bejgħ għall-esportazzjoni, safejn il-Kummissjoni kienet diġà aċċettat din l-istatistika uffiċjali meta hija setgħet tivverifika l-affidabbiltà tagħhom u, it-tieni nett, ma kinux determinanti fil-konfront ta’ bejgħ preċedenti, peress li ma kinux partikolarment importanti sabiex setgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li, f’dawn ic-ċirkustanzi, il-valur normali kellu jiġi stabbilit abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni u li element essenzjali tiegħu kien l-ispiża ta’ l-azzar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatistika uffiċjali Ċiniża dwar l-importazzjonijiet ta’ l-azzar immanifatturati matul il-proċedura amministrattiva, jikkonfermaw l-affidabbiltà tad-data ta’ kontabbiltà ta’ l-impriża rigward l-ispejjeż ta’ l-azzar u għalhekk tippermetti li l-kalkolu tal-valur normali fuq il-bażi tal-valur li sar fiċ-Ċina.”

    23.

    Konsegwentement, id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali kien juri rata ta’ dazju definittiva ta’ 0% għat-twavel għall-mogħdija ta’ Yongjian.

    24.

    F’Marzu 2007, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet tal-lanjanti, li, skont il-punt 14 tas-sentenza appellata, “sostnew, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterju msemmi fit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u, min-naħa l-oħra, li fi kwalunkwe każ, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi kienet tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jemendaw id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-impriża li topera f’ekonomija tas-suq matul il-proċedura”.

    25.

    Fis-6 u t-22 ta’ Marzu 2007, il-kumitat konsultattiv eżamina l-proposti tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar. Skont il-punt 15 tas-sentenza appellata: “Numru ta’ membri tal-kumitat konsultattiv ikkontestaw il-fatt li r-rikorrenti tingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.”

    26.

    Hawnhekk jista’ jkun utli li jiġu riprodotti l-punti 13 sa 18 tan-nota ta’ intervent fil-prim’istanza tal-Gvern Taljan: ( 11 )

    “13

    Waqt il-laqgħat tal-kumitat antidumping fis-6 u t-22 ta’ Marzu 2007, uħud mill-membri tiegħu opponew l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lill-impriża rikorrenti.

    14

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ġiet akkużata li kisret l-Artikolu 7(2)(ċ) [sic] tar-regolament antidumping bażiku, kif interpretat mis-sentenza Metalink tal-14 ta’ Novembru 2006 (Kawża T-138/02).

    15

    Essenzjalment, l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma jistax jingħata lil impriżi ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal investigazzjonijiet dwar dumping ġaladarba jkunu għaddew l-ewwel tliet xhur tal-investigazzjoni, sakemm ma jkunx hemm bidla rilevanti fiċ-ċirkustanzi.

    16

    Dan ma kienx il-każ għall-impriżi Ċiniżi li l-Kummissjoni riedet takkordalhom l-istatus MET tard. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ tali status fl-istadju provviżorju kienu serji ħafna u mhux la kemm jiġu riżolti malajr: kontijiet irregolari miżmuma bi ksur tal-prinċipji tal-iSIK.

    17

    Din il-pożizzjoni kienet ġiet sostnuta b’mod sod mid-delegazzjoni Taljana waqt is-seduta tal-kumitat antidumping fis-6 ta’ Marzu 2007 u ġiet segwita mid-delegazzjonijiet tal-Portugall, il-Litwanja, Franza, Spanja, il-Polonja, il-Greċja, il-Belġju u r-Repubblika Ċeka.

    18

    Wara oppożizzjoni qawwija mill-Istati Membri u rinffaċċjata bi ksur ċar tal-ġurisprudenza Metalink, il-Kummissjoni, filwaqt li kkonfermat il-pożizzjoni li kienet diġà ħadet fir-regolament provviżorju, irrifjutat l-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq lit-tlett impriżi Ċiniżi kkonċernati, inkluż ir-rikorrenti, fid-dokument ta’ informazzjoni finali rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007.”

    27.

    Fil-lejla tal-Ġimgħa 23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ffaksjat lil Yongjian dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut u dokument ta’ informazzjoni finali partikolari rivedut. F’dawn id-dokumenti, hija kkonfermat ir-rifjut inizjali tagħha li takkorda status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq essenzjalment għar-raġuni, li l-prattiċi ta’ kontabbiltà ta’ Yongjian kienu bi ksur ċar tal-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Konsegwentement, ġiet imposta rata ta’ dazju definittiva ta’ 18.1% għall-prodotti ta’ Yongjian. Il-Kummissjoni rreferiet għal u rrifjutat l-argumenti ta’ Yongjian favur li tingħata status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, imma ma għamlet ebda riferiment għall-intenzjoni preċedenti tagħha li tipproponi li jingħata tali status u, konsegwentement, ma tat ebda raġunijiet għall-bidla fil-pożizzjoni tagħha mill-20 ta’ Frar ’il quddiem.

    28.

    Għal bidu Yongjian ingħatat sal-Ħamis 29 ta’ Marzu 2007 (sitt ġranet kalendarji) sabiex tikkummenta jew tagħmel osservazzjonijiet. Nhar it-Tnejn 26 ta’ Marzu, talbet biex teżamina l-fajl, u ngħatat aċċess għalih nhar it-Tlieta 27 ta’ Marzu. L-Erbgħa 28 ta’ Marzu talbet biex it-terminu li ngħatat biex tissottometti kummenti jiġi estiż b’ġimgħa.

    29.

    Il-Kummissjoni wieġbet fid-29 ta’ Marzu, billi rrilevat li Yongjian kienet diġà spezzjonat il-fajl erba’ darbiet u li l-uniku informazzjoni ġdida kienu d-dokumenti ta’ informazzjoni riveduti. Hija ddikjarat ukoll li dawk id-dokumenti “essenzjalment ma ppreżentaw xejn ġdid … imma pjuttost ikkonfermaw il-konstatazzjonijiet provviżorji [tal-Kummissjoni]”. Hija kkonkludiet: “Konsegwentement, ma nikkunsidrawx li huma suffiċjenti r-raġunijiet invokati biex jiġġustifikaw din it-talba għal estensjoni. Madankollu, aħna nistgħu naqblu li b’mod eċċezzjonali t-terminu jiġi estiż sat-Tnejn 2 ta’ April 2007.” Għaldaqstant, Yongjian finalment ingħatat 10 ijiem kalendarji li fihom kellha tikkummenta jew tagħmel osservazzjonijiet.

    30.

    Sadattant, fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni kienet bagħtet lill-kumitat konsultattiv id-dokument ta’ ħidma finali rivedut għall-konsultazzjoni. Dan id-dokument ġie approvat mill-kumitat wara proċedura bil-miktub fis-27 ta’ Marzu 2007. Il-Kummissjoni kienet ippreżentat ukoll il-proposta għal miżuri definittivi, ibbażata fuq dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali, lill-Kunsill fid-29 ta’ Marzu 2007.

    31.

    Yongjian ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2007, fejn ikkontestat il-konstatazzjoni li hija ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq u talbet lill-Kummissjoni biex ma taċċettax is-sottomissjoni tal-lanjanti li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienet tipprekludiha milli tirrevedi d-deċiżjoni inizjali tagħha.

    32.

    Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tal-4 ta’ April 2007 lill-avukat ta’ Yongjian. Sa fejn huwa rilevanti, hija ddikjarat dan li ġej:

    “Fl-20 ta’ Frar 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni żvelaw l-intenzjoni tagħhom li jbiddlu d-deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (MET) u, konsegwentement il-marġni tad-dumping u r-rati ta’ dazju ta’ tliet produtturi Ċiniżi li jesportaw, inkluż il-klijent tiegħek, u talbet kummenti mill-partijiet ikkonċernati. Fi kwalunkwe każ dan l-iżvelar ma kienx jikkostitwixxi deċiżjoni ġdida dwar l-MET.

    Kif ġie ddikjarat b’mod ċar fid-Dokument ta’ Informazzjoni Finali Ġenerali Rivedut, il-Kummissjoni baqgħet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa għall-konstatazzjonijiet definittivi tagħha (ara l-premessa 4). B’dan il-mod il-Kummissjoni ma ċaħdet lil ebda parti kkonċernata mid-dritt tagħha li tippreżenta kummenti ssostanzjati kif jixraq.

    Konformi ma’ dan il-prinċipju u wara l-kummenti tal-industrija tal-Komunità f’dan ir-rigward, is-servizzi tal-Komunità ddeċidew li ma jipproċedux bil-bidliet tal-MET imma li jikkonfermaw il-konstatazzjonijiet provviżorji tagħhom. Fil-fatt ġie stabbilit finalment li l-effetti tal-prattiċi ta’ kontabbiltà inkwistjoni, li kif diġà ġie indikat kienu nstabu li jiksru l-iSIK, ma setgħux jitqiesu li huma immaterjali.

    L-ispjegazzjonijiet tal-klijent tiegħek li ġew ipprovduti wara l-informazzjoni provviżorja ġew evalwati mal-kummenti tal-industrija tal-Komunità li ġew ippreżentati wara l-informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007 u ġie stabbilit li l-kontijiet tal-klijent tiegħek ma ġewx vverifikati skont l-iSIK għax il-klijent tiegħek instab li injora l-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti (kuntrarju għal SIK 1.25), wettaq tpaċija (kuntrarju għal SIK 1.32) u li ġabar tranżazzjonijiet flimkien flok ma ppreżentahom separatament (kuntrarju għal SIK 1.13 u SIK 1.29). Ma saru ebda kummenti mill-awdituri dwar dawn l-imsemmija diskrepanzi kollha.

    Il-klijent tiegħek bis-sottomissjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2007 baqa’ jirrepeti l-istess argumenti, li diġà ġew ippreżentati qabel l-informazzjoni finali, dwar id-diskrepanzi fil-kontabbiltà u l-konformità tagħhom jew le mal-iSIK imma kif inti taf sew il-ġurisprudenza ma tippermettix li fl-evalwazzjoni ta’ talbiet għal MET issir rievalwazzjoni ta’ fatti preċedenti.

    Fir-rigward ta’ data ġdida dwar il-prezzijiet tal-azzar ipprovduta mill-klijent tiegħek wara l-informazzjoni provviżorja ninnotaw li din l-informazzjoni kienet evalwata wkoll mal-kummenti tal-industrija tal-Komunità ppreżentati wara l-informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007 u ġie stabbilit li l-informazzjoni ġdida dwar il-prezzijiet tal-azzar ma tippermettix evalwazzjoni ġdida tan-nuqqasijiet kollha fil-kontijiet li nstabu fir-rigward tal-klijent tiegħek.

    Għalhekk, peress li l-provi ġodda dwar il-prezzijiet tal-azzar ma setax ikollhom impatt fuq id-deċiżjoni dwar l-MET, il-valur normali tal-klijent tiegħek kellu jiġi stabbilit skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, ċjoè kellu jiġi stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-valur kostrutt f’pajjiż analogu.

    Fir-rigward biex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni, ninnotaw li l-klijent tiegħek qatt ma kien ikkontesta fis-sottomissjonijiet tiegħu la dwar l-informazzjoni provviżorja u lanqas fuq dik finali, il-prinċipji fundamentali tad-deċiżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ bejgħ għall-esportazzjoni magħmul direttament lill-klijenti mhux relatati. Il-kummenti tal-klijenti tiegħek jagħmlu riferiment biss għar-rata tal-kambju użata jew għad-dettalji tekniċi dwar il-preżentazzjoni Excel tal-PCNs ragruppati użati fil-kalkolazzjonijiet tad-dumping (it-tnejn li huma ġew indirizzati jew fid-dokument ta’ informazzjoni ġenerali jew fid-dokument ta’ informazzjoni finali partikolari). Il-konklużjoni loġika ta’ dan kollu hija li l-klijent tiegħek kien aċċetta l-konstatazzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni. Għalhekk, sottomissjonijiet li saru issa fuq din il-materja ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

    L-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-informazzjoni finali ma għandhiex tippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ ttieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, imma meta tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq xi fatti jew kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista’ jkun malajr. Dan kien l-iskop tad-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007.

    Madankollu, jekk jogħġbok innota li l-Kummissjoni hija lesta terġa’ tistħarreġ is-sitwazzjoni tal-MET tal-klijent tiegħek fi żmien sena jekk provi suffiċjenti jkunu disponibbli f’dan ir-rigward.”

    33.

    Fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha, jista’ jkun utli li jiġi nnotat f’dan l-istadju li, fil-punt 23 tar-risposta tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ( 12 ) il-Kunsill stqarr:

    “Il-Kummissjoni, fi Frar 2007, tabilħaqq ikkontemplat li tbiddel il-pożizzjoni tagħha dwar l-MET b’risposta għall-provi li dak iż-żmien qieset bħala ‘kunsiderevoli’’. Fl-ewwel dokument ta’ informazzjoni, hija indikat li setgħet tikkontempla li tipproponi tali bidla abbażi ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tad-data u tal-konferma ta’ ċerti prezzijiet tal-importazzjoni tal-azzar, meqjusin bħala provi ġodda. Kienet ippreparata li tikkonkludi li kien hemm għaldaqstant ‘data u spjegazzjonijiet ġodda’ li jiġġustifikaw reviżjoni tas-soluzzjoni MET li ġiet adottata. Madankollu, wara li rċeviet osservazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati u wara li kkonsultat mal-kumitat antidumping, il-Kummissjoni biddlet il-fehma tagħha dwar dawk il-kunsiderazzjonijiet u kkonfermat is-soluzzjoni li ġiet adottata inizjalment, ċjoè li r-rikorrenti ma kinitx intitolata għall-MET, meta jitqies it-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), in-nuqqas ta’ provi ġodda biżżejjed u t-test perfettament ċar tal-Artikolu 2(7)(ċ). Hija kkonkludiet li l-kundizzjonijiet rikjesti biex tiġi riveduta s-soluzzjoni adottata inizjalment, kif stabbiliti fis-sentenza Nanjing Metalink International, ma ġewx sodisfatti, u li l-obbligu bażiku stipulat fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ), kif interpretat f’din is-sentenza, għaldaqstant għandu japplika. …”

    34.

    B’ittra tal-5 ta’ April 2007, Yongjian talbet lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri definittivi bbażati fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali tal-20 ta’ Frar 2007, peress li d-deċiżjoni rigward l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet, fil-fehma tagħha, ibbażata fuq żball ta’ liġi.

    35.

    Madankollu, fit-23 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat ( 13 ) u imponiet, inter alia, dazju antidumping definittiv ta’ 18.1% fuq importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija mmanifatturati minn Yongjian.

    Il-proċeduri u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    36.

    Yongjian talbet l-annullament ta’ dak ir-regolament sa fejn jikkonċernaha. Il-Kummissjoni, it-tliet lanjanti li jirrappreżentaw l-industrija tal-Komunità, ( 14 ) u r-Repubblika Taljana lkoll intervjenew insostenn tal-Kunsill.

    37.

    Yongjian ressqet żewġ motivi legali: (i) interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u (ii) ksur tal-Artikolu 20 tar-regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża.

    L-ewwel motiv: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku

    38.

    Yongjian argumentat li l-unika spjegazzjoni mill-Kummissjoni għal bidla għal għarrieda fil-pożizzjoni tagħha kienet l-ittra tal-4 ta’ April 2007: li l-ġuriprudenza ma kinitx tippermetti evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti. (Jekk, madankollu, ir-raġuni vera kienet differenti, il-proposta ppreżentata lill-Kunsill naqset milli tagħti r-raġunijiet li dwarhom kienet ibbażata, bi ksur tal-Artikolu 253 KE.)

    39.

    Ir-riferiment li sar għall-ġurisprudenza seta’ jkun biss għas-sentenza Nanjing Metalink. Madankollu, skont din is-sentenza, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku tfittex li tiżgura li l-kwistjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq tiġi deċiża oġġettivament, u mhux abbażi tal-effett tagħha fuq il-kalkolazzjoni tal-marġni tad-dumping. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet huma preklużi milli jivvalutaw mill-ġdid informazzjoni disponibbli għalihom fiż-żmien tad-deċiżjoni inizjali, imma mhux milli jirrevokaw l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq jekk ikun jidher miċ-ċirkustanzi mibdula jew minn provi ġodda li l-kumpannija kkonċernata ma tissodisfax il-kriterji meħtieġa. Regola bħal din tippresupponi li deċiżjoni dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq tittieħed qabel tittieħed deċiżjoni dwar il-valur normali.

    40.

    Madankollu, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ħadet iż-żewġ passi fl-istess ħin. Għalhekk ma kien hemm ebda raġuni għalfejn jiġu ttrattati b’mod differenti l-istatus ta’ Yongjian taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) u aspetti oħra tal-evalwazzjoni provviżorja li jistgħu jiġu riveduti. Peress li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li d-deċiżjoni inizjali dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma kinitx iġġustifikata għar-raġunijiet mogħtija fid-dokument ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007, u ma kinitx spjegat għalfejn dawn ir-raġunijiet setgħu kienu żbaljati, mhux biss kienet intitolata imma kienet obbligata li tikkoreġi d-deċiżjoni tagħha. Għaldaqstant il-proposta għal miżuri definittivi saret bi ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, u invalidat ir-regolament ikkontestat.

    41.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel osservat li l-premessi 12 sa 14 tar-regolament ikkontestat urew li “ir-rifjut li tiġi emendata d-determinazzjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, li tapplika fir-Regolament provviżorju, ma kienx dovut għall-ostakolu għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti stabbilit mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi, imma għan-nuqqas ta’ konformità tal-kontabbiltà tar-rikorrenti ma’ l-istandards IAS u min-nuqqas ta’ element ġdid li seta’ jaffettwa din l-evalwazzjoni. Konsegwentement dan ir-rifjut jirriżulta minn applikazzjoni tal-kriterji materjali tat-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament.” ( 15 )

    42.

    Lanqas id-dokumenti ta’ informazzjoni riveduti ma jindikaw li r-raġuni għar-rifjut li jingħata status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kienet il-projbizzjoni ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti; l-argumenti tal-Kummissjoni kienu relatati biss man-nuqqas ta’ konformità tal-prattiċi ta’ kontabbiltà ta’ Yongjian. ( 16 )

    43.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza wara rreferiet għall-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007, bħala “[i]d-dokument waħdieni li fih il-Kummissjoni tesponi li l-ġurisprudenza dwar id-determinazzjoni ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma tawtorizzax l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti”. Hija kkwotat il-paragrafu rilevanti: “Fl-osservazzjonijiet tiegħu tat-2 ta’April 2007, il-klijent tiegħek ikompli jirrepeti l-istess argumenti, li kienu diġà tqajmu qabel l-informazzjoni finali, dwar l-anomaliji ta’ kontabbiltà u l-konformità tagħhom jew le ma’ l-istandards IAS, imma kif taf tajjeb, il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma tippermettix l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti preċedenti.” ( 17 )

    44.

    Il-Qorti imbagħad kompliet, fil-punti 47 sa 50 tas-sentenza tagħha:

    “47

    Kif jirriżulta minn din l-ittra, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza li tipprekludi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta-fatti preċedenti sabiex tiċħad l-argumenti li r-rikorrenti kienet diġà ressqet qabel ma bagħtet l-informazzjoni finali. Bħala tweġiba lill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, il-Kummissjoni mingħajr ma kienet ikkontestata mir-rikorrenti, ippreċiżat li l-argumenti msemmija f’din l-osservazzjoni kienu inklużi fl-ittra tal-1 ta’ Settembru 2006, mibgħuta mir-rikorrenti qabel id-determinazzjoni inizjali ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fil-15 ta’ Settembru 2006, u ġiet implementata fir-Regolament provviżorju.

    48

    Madankollu, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tagħha ta’ l-4 ta’April 2007, il-Kummissjoni bbażat ir-rifjut li tirrikonoxxi l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq il-fatt li, bi ksur ta’ l-istandards IAS, il-kontabbiltà tar-rikorrenti li ma kinitx tieħu in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kontabbiltà ta’ kompetenza, kienet tagħti kumpens, u tippreżenta tranżazzjonijiet flimkien mingħajr ma turihom separatament. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-verifiki li saru ma kienu taw lok għal ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tinnota li l-Kummissjoni indikat ukoll li l-informazzjoni dwar prezz tal-azzar ma kienx jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-lakuni kkonstatati fil-kontabbiltà tar-rikorrenti.

    49

    Għalhekk, mill-ittra kollha jirriżulta li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu evalwati mill-ġdid il-fatti preċedenti hija ta’ natura inċidentali, peress li l-istituzzjoni bbażat ir-rifjut tagħha li tipproponi l-għoti ta’ l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx tikkonforma mal-kriterji materjali applikabbli.

    50

    Għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq projbizzjoni li tevalwa mill-ġdid fatti preċedenti, hija nieqsa mill-fatti. Peress li għal din ir-raġuni, l-ewwel motiv ma jistax jiġi milqugħ, il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament ta’ bażi u tal-punt 44 tas-sentenza Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija konsegwentement nieqsa minn kull rilevanza.”

    45.

    Wara li ttrattat fil-qosor numru ta’ punti oħrajn li ma hemmx kwistjoni dwarhom fl-appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ċaħdet l-ewwel motiv ta’ Yongjian.

    It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 20 tar-regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

    46.

    Yongjian argumentat li, skont l-Artikolu 20(4) u (5) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni finali tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni li tirrakkomanda l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi tal-inqas 10 ijiem qabel ma tippreżenta l-proposta tagħha lill-Kunsill, biex tippermetti lill-partijiet jissottomettu osservazzjonijiet u lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidrahom. Madankollu, f’dan il-każ il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal miżuri definittivi bbażata fuq id-dokument ta’ informazzjoni finali rivedut sitt ijiem biss wara li d-dokument intbagħat lil Yongjian, u erbat ijiem qabel id-data stabbilita biex din tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha.

    47.

    Sa dak il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment qablet ma’ Yongjian. Hija osservat l-ewwel li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, għalkemm ma jgħidx li l-Kummissjoni għandha tistenna l-iskadenza tat-terminu ta’ 10 ijiem qabel ma tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill, dan ma għandux jiġi interpretat b’mod inkonsistenti mal-Artikolu 20(4), li jeżiġi li l-Kummissjoni tagħti informazzjoni finali mhux iktar tard minn xahar qabel ma tiġi ppreżentata kwalunkwe proposta għal azzjoni finali lill-Kunsill. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ 10 ijiem. ( 18 )

    48.

    Hi imbagħad ċaħdet l-argument tal-Kunsill li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra osservazzjonijiet billi temenda l-proposta tagħha lill-Kunsill. L-Artikolu 250(2) KE jippermetti li l-Kummissjoni temenda l-proposta tagħha lill-Kunsill sabiex tiffaċilita l-konverġenza ta’ fehmiet fi ħdan l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, imma dan mhux xieraq meta jiġu kkunsidrati b’mod xieraq l-osservazzjonijiet tal-partijiet. ( 19 ) Barra dan, tali osservazzjonijiet jista’ jkollhom konsegwenza sinjifikattiva għall-kontenut tal-att finali. Il-fatt li proposta għal miżuri definittivi diġà ġiet ippreżentata minnu nnifsu x’aktarx jinfluwenza l-konklużjonijiet li jistgħu jsiru minn dawn l-osservazzjonijiet. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni setgħet tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill qabel ma tirċievi l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, dan seta’ jkollu effett negattiv dwar jekk dawn effettivament setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. ( 20 )

    49.

    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kienet obbligata tinforma lil Yongjian bil-pożizzjoni ġdida tagħha, ibbażata fuq kunsiderazzjoni ġdida jew differenti skont it-tifsira tal-Artikolu 20(4) tar-regolament bażiku, ċjoè li l-informazzjoni dwar il-prezz ta’ importazzjoni ta’ azzar ma kinitx tbiddel id-deduzzjonijiet li għandhom isiru, għall-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, min-nuqqas ta’ Yongjian li tikkonforma mal-iSIK. L-Artikolu 20(4) ma kienx jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li s-sempliċi tibdil tal-evalwazzjoni ta’ informazzjoni fattwali li ma nbidlitx ma teħtieġx xi komunikazzjoni lill-partijiet ikkonċernati. Meta evalwazzjoni tal-informazzjoni fattwali rilevanti tkun ikkontemplata għall-ewwel darba, din għandha tintbagħat lill-partijiet ikkonċernati biex dawn ikunu jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dak ir-rigward. Peress li d-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti ntbagħtu lil Yongjian fit-23 ta’ Marzu 2007 u l-proposta għal miżuri definittivi ġiet ippreżentata lill-Kunsill fid-29 ta’ Marzu 2007, sitt ijiem wara, il-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(5). ( 21 )

    50.

    Għalkemm ħadet din il-pożizzjoni, madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tieni motiv ta’ Yongjian.

    51.

    Hi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ konformità mat-terminu ta’ 10 ijiem tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku setgħet tirriżulta fl-annullament tar-regolament ikkontestat biss jekk kien hemm possibbiltà li, minħabba dik l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti li effettivament jaffettwa d-drittijiet ta’ difiża ta’ Yongjian. ( 22 ) Madankollu, id-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti ma kien fihom ebda informazzjoni fattwali ġdida li ma kinitx inġiebet preċedentement għall-attenzjoni ta’ Yongjian, u Yongjian kellha l-opportunità, iktar kmieni fil-proċeduri, li tagħti l-fehma tagħha dwar il-pożizzjoni stabbilita mill-ġdid fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali riveduti tat-23 ta’ Marzu 2007. Barra minn hekk, apparti mill-argumenti li jikkonċernaw l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, Yongjian, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ April 2007, ma ressqet ebda argumenti ġodda b’risposta għall-pożizzjoni ġdida tal-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet tagħha f’dik l-ittra li jikkonċernaw l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) u s-sentenza Nanjing Metalink, bl-ebda mod ma influwenzaw il-kontenut tar-regolament ikkontestat. Kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rifjut li jingħata l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kien ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterji sostantivi fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ). ( 23 )

    L-appell

    52.

    Yongjian ressqet żewġ aggravji għall-appell, li jien se nagħti sunt tagħhom iktar ’il quddiem, flimkien mas-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-lanjanti, u s-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Taljana.

    L-ewwel aggravju tal-appell: konstatazzjoni li b’mod ċar ma taqbilx mal-kontenut tal-proċess

    53.

    Yongjian tissottometti, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u l-punt 44 tas-sentenza Nanjing Metalink kienu irrilevanti, peress li din il-konklużjoni kienet manifestament ma taqbilx mal-kontenut tal-proċess. Konsegwentement, kien ukoll żbaljat li ma ngħatatx deċiżjoni dwar il-kwistjoni fundamentali jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) żammitx il-Kummissjoni milli tirrikunsidra d-deċiżjoni inizjali tagħha li ma tagħtix status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq.

    54.

    L-argumenti tagħha jikkonċentraw fuq l-ewwel parti ta’ din is-sottomissjoni, u jiddependu ħafna fuq l-istqarrijiet li saru mill-Gvern Taljan u mill-Kunsill fis-sottomissjonijiet tagħhom fil-prim’istanza, ( 24 ) fis-sens li l-Kummissjoni marret lura għall-pożizzjoni oriġinali tagħha b’risposta għal oġġezzjonijiet li evalwazzjoni mill-ġdid tmur kontra l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kif interpretata fis-sentenza Nanjing Metalink. Huwa pjuttost evidenti mill-proċess, tissottometti Yongjian, li din il-kwistjoni ma kinitx inċidentali imma fundamentali għal bidla fl-aħħar mument fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, u għaldaqstant għad-deċiżjoni finali li jiġi impost dazju antidumping ta’ 18.1%, pjuttost milli ta’ 0%. Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’sens kuntrarju hija żnaturament ċar tal-provi skont it-tifsira tal-ġurisprudenza, u għalhekk suġġetta għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    55.

    Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-lanjanti lkoll jenfasizzaw il-ġurisprudenza fis-sens li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni esklussiva li tikkonstata l-fatti, ħlief fejn ineżattezza sostantiva fil-konstatazzjonijiet tagħha hija attribwibbli għad-dokumenti ppreżentati lilha jew is-sens ċar tal-provi jkun ġie distort ( 25 ) u li, fejn l-appellant jallega tali żnaturament, dan għandu jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew distorti u juri l-iżbalji fl-evalwazzjoni li, fil-fehma tiegħu wasslu għall-iżnaturament. ( 26 )

    56.

    Il-Kunsill imbagħad jirrileva li Yongjian tagħmel riferiment biss għad-dikjarazzjonijiet, fis-sottomissjonijiet tagħhom, tal-Kunsill (fil-fatt argument ibbażat fuq provi li kienu diġà disponibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza) u tal-Gvern Taljan (riflessi fl-istqarrija ta’ dik il-Qorti li “[n]umru ta’ membri tal-Kumitat Konsultattiv pprotestaw dwar l-għoti tal-MET lir-rikorrenti”). Hija ma tirreferix għat-testi probatorji li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjonijiet tagħha, ċjoè, il-premessi fir-regolament ikkontestat, ir-raġunijiet mogħtija fid-dokument ta’ informazzjoni finali rivedut u l-ispjegazzjoni mogħtija fl-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007.

    57.

    Il-Kummissjoni tkompli tgħid li l-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Gvern Taljan ma jistgħux ikunu prova tar-raġunijiet tal-Kummissjoni stess għalfejn marret lura għall-pożizzjoni oriġinali tagħha. Dawn ir-raġunijiet ingħataw fil-proposta tagħha lill-Kunsill u kienu bbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità ta’ Yongjian mal-kriterji sostantivi applikabbli.

    58.

    Il-Gvern Taljan jirrileva li Yongjian ma kkontestatx il-fatti u l-konstatazzjonijiet ta’ fatt li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, meta marret lura għall-evalwazzjoni inizjali tagħha, il-Kummissjoni ma ddependiet bl-ebda mod fuq l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

    59.

    Fis-seduta, il-lanjanti sostnew li r-raġuni vera għal bidla fil-pożizzjoni kienet li, fid-dokument ta’ informazzjoni finali tal-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni kienet aċċettat il-pożizzjoni ta’ Yongjian li n-nuqqas ta’ konformità mal-istandards internazzjonali ta’ kontabbiltà kien ta’ impediment għall-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq biss kieku kellu effett fuq il-kalkoli ta’ dumping, imma li imbagħad bidlet l-opinjoni bl-argument tagħhom stess li nuqqas ta’ konformità formali kien impediment, indipendentement mill-effett, li kien il-bażi għad-dokument rivedut tat-23 ta’ Marzu.

    60.

    Kemm il-Gvern Taljan u l-lanjanti jenfasizzaw li, skont is-sentenza Nanjing Metalink, rifjut li jingħata status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq jista’ jinbidel biss jekk ikun hemm bidla fil-fatti magħrufa, filwaqt li Yongjian kienet fittxet biss li turi li irregolaritajiet fil-kontabbiltà, li hija ma kkontestatx, ma kellhomx impatt fuq il-prezzijiet tagħha.

    It-tieni aggravju tal-appell: konklużjoni żbaljata rigward l-effett tal-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku

    61.

    Yongjian tenfasizza n-natura fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq fid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari fil-proċeduri antidumping. ( 27 ) Filwaqt li taċċetta li nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dritt jista’ jaffettwa l-validità ta’ miżura kkontesta f’każ biss, li kieku ma kienx għal dik l-irregolarità, ir-riżultat kien ikun differenti, ( 28 ) Yongjian tissottometti li dan huwa veru biss jekk ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ eżitu differenti. ( 29 )

    62.

    Fil-każ preżenti, Yongjian terġa’ ssostni, li l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienet deċiżiva biex tittieħed deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping ta’ 18.1%, minflok ta’ 0%. Konsegwentement, il-fatt li Yongjian iċċaħħdet minn kwalunkwe opportunità li turi li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata kienet ċaħda tad-dritt għal smigħ xieraq. Dak id-dritt, li kieku ġie eżerċitat, seta’ affettwa radikalment l-eżitu tal-kawża.

    63.

    Il-Kunsill jirrileva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġġudikat li l-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku ma kienx jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat jew, konsegwentement, id-dritt ta’ Yongjian għal smigħ xieraq. La huwa hekk, l-argument ta’ Yongjian huwa fil-parti l-kbira tiegħu irrilevanti. Dan hu, fi kwalunkwe każ, ibbażat fuq ipoteżi ta’ suċċess tal-ewwel aggravju tal-appell. Id-dritt ta’ Yongjian li tinstema’ dwar ir-rifjut li tingħata status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma ġiex affettwat, peress li din kellha l-opportunità li tinstema’ iktar qabel. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat bħala fatt — mhux kontestabbli fl-appell — li Yongjian la kienet ippreżentat xi argumenti ġodda b’risposta għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni u lanqas speċifikat liema argumenti setgħet tippreżenta.

    64.

    Il-Kummissjoni tissottometti li l-aggravju tal-appell huwa bbażat fuq premessi foloz. B’mod partikolari, tassumi li Yongjian setgħet tkun f’pożizzjoni li tissottometti argumenti ġodda u deċiżivi li kieku l-Kummissjoni stenniet sa wara t-2 ta’ April 2007 biex tressaq il-proposta tagħha lill-Kunsill, u li l-Kummissjoni kienet konvinta li Yongjian kienet timmerita status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq imma ħasbet li hija prekluża milli tagħti dak l-istatus bis-sentenza Nanjing Metalink. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonstatat li la l-wieħed u lanqas l-ieħor ma kien il-każ, imma Yongjian ma tikkontestax dawk il-konstatazzjonijiet bħala żnaturament tal-provi.

    65.

    Il-Gvern Taljan u l-lanjanti essenzjalment jaqblu mas-sottomissjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-regolament bażiku

    66.

    Barra minn hekk, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-lanjanti ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jimponi terminu ta’ 10 ijiem għall-osservazzjonijiet fil-każijiet kollha meta l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk fid-dokumenti ta’ informazzjoni finali.

    67.

    Fis-seduta, iż-żewġ istituzzjonijiet iddistingwew bejn (i) l-informazzjoni finali msemmija fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 20(4), (ii) il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tiżvela meta tingħata l-informazzjoni finali, imsemmija fit-tielet sentenza tal-Artikolu 20(4), u (iii) il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet differenti li fuqhom tista’ tiġi bbażata deċiżjoni sussegwenti, imsemmija fl-aħħar sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni. Ir-rekwiżit tal-10 ijiem japplika biss, skont is-sottomissjoni tagħhom, għal (i), li jkopri l-investigazzjoni kollha u għalhekk huwa ferm iktar importanti minn kwalunkwe korrezzjonijiet sussegwenti. Fil-każ ta’ (ii) u (iii), jeżisti dejjem dritt ta’ risposta, ( 30 ) imma l-uniku rekwiżit huwa dak li t-terminu mogħti għandu jkun raġonevoli fid-dawl tan-natura tal-fatti jew tal-kunsiderazzjonijiet.

    68.

    Kemm l-istituzzjonijiet u l-lanjanti jenfasizzaw li l-proċeduri antidumping huma suġġetti għal termini stretti, ( 31 ) li jkun diffiċli li jiġu osservati jekk emendi minuri jwasslu għal estensjoni. Il-Kummissjoni tkompli ssostni li setgħet u kienet temenda l-proposta tagħha lill-Kunsill li kieku Yongjian kienet għamlet kummenti rilevanti wara li ġiet ippreżentata l-proposta oriġinali. Il-lanjanti jissottomettu li, jekk l-osservazzjonijiet ta’ Yongjian tat-2 ta’ April 2007 kienu l-kawża għalfejn il-Kummissjoni tbiddel il-pożizzjoni tagħha, kien ikollu jingħata terminu ieħor ta’ 10 ijiem biex l-industrija tal-Komunità tkun tista’ tikkummenta, u b’hekk jinqabeż it-terminu totali tal-proċedura. Huwa biss meta provi ġodda li fuqhom il-partijiet ma setgħux jikkummentaw preċedentement ikunu deċiżivi li l-Kummissjoni għandha tinfurmahom u tagħtihom 10 ijiem għal kummenti meta tbiddel il-pożizzjoni tagħha — mhux meta, kif inhu l-każ hawnhekk, il-provi kollha invokati ikunu ġew dibattuti b’mod sħih.

    L-evalwazzjoni

    L-ewwel aggravju tal-appell: konstatazzjoni li evidentement ma taqbilx mal-kontenut tal-proċess

    69.

    L-element ċentrali u essenzjali ta’ dan l-aggravju tal-appell huwa l-argument li, kuntrarju għal dak li kkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni bbażat il-pożizzjoni finali tagħha dwar status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fuq il-kunsiderazzjoni li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jipprekludiha milli tbiddel id-deċiżjoni inizjali tagħha.

    70.

    Yongjian mhijiex qed tikkontesta l-preċiżjoni ta’ xi konstatazzjoni ta’ fatt mill-Qorti tal-Prim’Istanza imma pjuttost l-evalwazzjoni ta’ dik il-Qorti tal-fatti kkonstatati u l-konklużjoni li hija siltet minnhom.

    71.

    Hu ċar minn ġurisprudenza abbundanti u konsistenti li din il-Qorti “mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi [provi] li ġew imressqa quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturatezza ta’ dawn l-elementi [provi], kwistjoni ta’ dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja”. ( 32 )

    72.

    “Żnaturament tas-sens ċar tal-provi” huwa kunċett li ġie użat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hilti. ( 33 ) Dan jidher li tnebbaħ mill-kunċett tad-dénaturation tal-liġi Franċiża li jikkostitwixxi aggravju tal-appell fil-kassazzjoni. Id-dénaturation iseħħ meta qorti li tittratta l-mertu ta’ każ teċċedi l-kompetenza tagħha billi tinterpreta dokument li huwa miktub b’mod ċar u mhux ambigwu (bħal ma’ huwa ftehim, testment, rapport, sentenza, jew liġi barranija) b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dik il-kitba. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ dokument li mhux miktub ċar jew li huwa ambigwu jaqa’ fil-kompetenza tal-qorti u ma jistax jiġi kkontestat f’appell bħal dan. ( 34 )

    73.

    Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tagħha tal-premessi tar-regolament kontestat, irreferiet għad-dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali rivedut u għall-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2007.

    74.

    Mill-ewwel żewġ dokumenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-uniċi raġunijiet mogħtija għad-deċiżjoni finali dwar l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq jikkonċernaw il-fatt li l-prattiċi ta’ kontabbiltà ta’ Yongjian ma kinux jikkonformaw mal-iSIK. ( 35 )

    75.

    Din il-konstatazzjoni tidher li ħadd ma jista’ jmeriha, u ċertament mhuwiex żnaturament tas-sens ċar tal-provi. Barra minn hekk, lanqas Yongjian ma tallega dan.

    76.

    Mill-ittra tal-4 ta’ April 2007, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni sostniet “li kif inti taf tajjeb il-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni ta’ talbiet għal MET ma tippermettix evalwazzjoni mill-ġdid ta’ fatti preċedenti”, din fil-fatt iġġustifikat ir-rifjut tagħha li tagħti status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq għaliex il-kontijiet ta’ Yongjian kienu jiksru l-iSIK peress li dawn injoraw il-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, wettqu tpaċija, u ġabru tranżazzjonijiet flimkien flok ma ppreżentawhom separatament, punti li dwarhom l-awdituri ma kinux ikkummentaw. Il-Qorti nnotat ukoll id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-azzar ma kinitx tippermetti li ssir evalwazzjoni ġdida tad-diskrepanzi skoperti fil-kontijiet tal-applikant. Hija għalhekk ikkonkludiet li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li ma kienx permissibbli li jiġu evalwati fatti preċedenti kienet inċidentali, peress li r-rifjut li jingħata status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq kien ibbażat fuq evalwazzjoni ta’ jekk Yongjian kkonformatx ruħha mal-kriterji sostantivi rilevanti. ( 36 )

    77.

    Jien ma nista’ nara xejn f’dawn il-konstatazzjonijiet jew il-konklużjonijiet li jagħmel żnaturament tas-sens ċar tas-siltiet rilevanti tal-ittra tal-4 ta’ April 2007, ( 37 ) skont it-tifsira tat-test strett applikabbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    78.

    Huwa veru li jista’ jiġi argumentat li seta’ jkun ukoll possibbli li jiġi konkluż, mill-ittra tal-4 ta’ April 2007, li r-raġuni prinċipali għall-bidla mhux mistennija fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet tabilħaqq il-fehma tagħha li hija kienet prekluża milli tmur lura mid-deċiżjoni oriġinali tagħha. Jien ma nagħmel ebda ġudizzju fuq din l-ipoteżi, ħlief niddikjara li evidentement din mhijiex l-unika konklużjoni possibbli li tista’ ssir mill-mod kif inkitbet l-ittra. Konsegwentement, il-konklużjoni li effettivament saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta minn evalwazzjoni tal-provi li, fin-nuqqas ta’ xi żnaturament tas-sens ċar ta’ dawk il-provi, mhijiex punt ta’ liġi suġġett għall-istħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    79.

    Dan ma jistax jiġi affettwat mill-kontenut tas-sottomissjonijiet fil-prim’istanza tal-Gvern Taljan u tal-Kunsill. Anki jekk l-istqarrijiet imsemmija ( 38 ) setgħu jitqiesu bħala provi, pjuttost milli bħala argument, huwa ċar li l-ebda parti ma setgħet tkun taf eżattament x’kien li effettivament ikkawża l-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni bejn id-dokumenti ta’ informazzjoni finali u dawk riveduti.

    80.

    Tabilħaqq, fis-sottomissjonijiet tagħha stess fil-prim’istanza, il-Kummissjoni — li hija biss setgħet tinforma lill-Qorti b’mod awtorevoli dwar il-motivi tagħha — speċifikament iddikjarat li, iffaċċjata bl-oġġezzjonijiet minn diversi Stati Membri, kemm il-membri u l-impjegati tal-Kummissjoni kienu komplew jirriflettu dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni finali u kienu waslu għall-konklużjoni li d-diskrepanzi fil-kontabbiltà ta’ Yongjian kienu tali li l-kriterju fit-tieni subinċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma setax jiġi kkunsidrat li ntlaqa’. Ir-riferiment għas-sentenza Nanjing Metalink fl-ittra tal-4 ta’ April 2007 kien sempliċement intenzjonat sabiex jindika li l-ebda fatti ġodda ma kienu ġew ippreżentati. ( 39 )

    81.

    Konsegwentement, l-ewwel aggravju tal-appell għandu, fil-fehma tiegħi, jinċaħad. L-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tintlaqa’. Jekk treġi l-evalwazzjoni tal-provi minn din il-Qorti, safejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat il-bidla fil-pożizzjoni tagħha fuq l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kif interpretat fis-sentenza Nanjing Metalink, allura evidentement l-argument rigward l-interpretazzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza, kemm fil-prim’istanza jew fl-appell, mhuwiex rilevanti.

    82.

    Wara li ntqal dan, jien nieħu din l-opportunità biex niddikjara li t-teżi tal-Qorti fil-Prim’Istanza fil-punti 44 u 47 tas-sentenza Nanjing Metalink, kif deskritta fil-punt 15 iktar ’il fuq, jidhirli li hija korretta fil-punti kollha li dwarhom hija espliċita.

    83.

    Fil-fehma tiegħi, din korrettement tiddistingwi bejn l-evalwazzjoni mill-ġdid ta’ provi li ġew evalwati preċedentement (li hija pprojbita) u li tintlaħaq konklużjoni differenti abbażi ta’ tibdil fis-sitwazzjoni fattwali rilevanti (li huwa permess). Kont inżid li — kif ġie aċċettat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub u kkonfermati waqt is-seduta — il-possibbiltà li tintlaħaq tali konklużjoni mibdula għandha tapplika fiż-żewġ direzzjonijiet: din għandha tippermetti bidla fid-deċiżjoni kemm jekk din tkun favorevoli u kemm (bħal fil-każ tas-sentenza Nanjing Metalink) jekk ma tkunx favorevoli għall-esportatur.

    84.

    Konsegwentement, jekk Yongjian kienet stabbiliet li ċ-ċirkustanzi fattwali nbidlu imma l-Kummissjoni, abbażi tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kienet irrifjutat li teħodhom inkunsiderazzjoni, allura Yongjian kienet tkun tista’ titlob stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni dwar status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq fir-regolament ikkontestat.

    It-tieni aggravju tal-appell: konklużjoni żbaljata fir-rigward tal-effett tal-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku

    85.

    Il-konklużjoni tiegħi li l-ewwel aggravju ta’ Yongjian għandu jinċaħad jimplika li jinċaħad ukoll it-tieni aggravju.

    86.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fuq il-fatti, li l-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni bejn id-dokumenti ta’ informazzjoni finali u dawk finali riveduti kienet ibbażata għal kollox fuq kwistjonijiet li fuqhom Yongjian diġà kellha l-opportunità li tikkummenta, u ma kinitx affettwata bl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

    87.

    Jekk treġi din il-konstatazzjoni — kif fil-fehma tiegħi għandha tagħmel — allura Yongjian ma ċċaħħditx mid-dritt għal smigħ fuq kwalunkwe aspett li seta’ jaffettwa l-eżitu. Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li, għalkemm kien hemm ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku, dan ma kienx jaffettwa l-kontenut tar-regolament ikkontestat jew, b’riżultat ta’ dan, id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, biex b’hekk l-irregolarità ma setgħetx tirriżulta fl-illegalità u fl-annullament tar-regolament ikkontestat, hija għal kollox konformi mal--ġurisprudenza li fuqha hija bbażata. ( 40 )

    88.

    Yongjian lanqas ressqet xi argument li ma jiddependix fuq il-preżunzjoni li l-bidla fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet tabilħaqq ibbażata fuq it-teżi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ipprekludietha milli tirrevedi l-evalwazzjoni inizjali tagħha fir-rigward ta’ status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, b’tali mod li Yongjian setgħet tissottometti osservazzjonijiet li jikkontestaw din il-pożizzjoni. Hija tipprova targumenta abbażi tas-sentenza Alrosa ( 41 ) li ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jiġi injorat bħala purament formali f’każ biss jekk ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li l-eżitu seta’ kien differenti; imma li dan ikun difett sostantiv li jinċidi fuq il-validità tal-miżura adottata jekk ikun sempliċement impossibbli li jiġi determinat il-grad preċiż tal-effett possibbli fuq l-eżitu. Madankollu, dak l-argument ma jista’ jkollu ebda rilevanza meta l-uniċi osservazzjonijiet li l-parti kkonċernata ssostni li nżammet milli tagħmel għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet li jkunu ġew ikkonstatati li ma jistgħux jaffettwaw l-eżitu.

    L-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-regolament bażiku

    89.

    Tibqa’ l-kwistjoni li tqajmet mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mil-lanjanti, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx korretta meta kkunsidrat li l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti 10 ijiem biex il-partijiet jirreaġixxu għal kwalunkwe żvelar ġdid ta’ fatti jew kunsiderazzjonijiet qabel ma tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill.

    90.

    Din il-kwistjoni ma tqajmitx bħala appell inċidentali, ( 42 ) u lanqas ma hija rilevanti biex jiġi deċiż l-appell. Jekk sottomissjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma seta’ jkollhom ebda effett fuq l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, u b’hekk fuq il-kontenut tar-regolament ikkontestat, imbagħad il-fatt li Yongjian ma kellha ebda opportunità biex tagħmel sottomissjonijiet bħal dawn huwa irrilevanti — jekk dak in-nuqqas ta’ opportunità kienx jikser formalment l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jew le.

    91.

    Madankollu, din hija kwistjoni ta’ importanza ovvja għall-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati kollha f’proċeduri antidumping. Għalhekk jien hawnhekk se nikkummenta fil-qosor dwarha.

    92.

    L-ewwel nett, m’iniex impressjonat ħafna bl-importanza li l-istituzzjonijiet u l-lanjanti taw lit-termini totali rigorużi applikabbli għal investigazzjonijiet antidumping. Il-leġiżlatura tal-Komunità imponiet dan it-terminu, li jinkludi fih ċerti termini iqsar. Huma l-istituzzjonijiet li għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jiġu osservati dawn il-limitazzjonijiet kollha, u ma hma hemm ebda raġuni li dawn jiġu skużati milli jikkonformaw ma’ termini parzjali għar-raġuni li dan jagħmel il-konformità mat-terminu totali iktar diffiċli.

    93.

    It-tieni, jiena naqbel mal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li osservazzjonijiet minn partijiet ikkonċernati għandhom jaslu qabel ma l-Kummissjoni tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill, flimkien mar-raġunament li bih waslet għal dik il-konklużjoni. ( 43 ) L-osservazzjonijiet li jikkonċernaw fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk inklużi fid-dokument ta’ informazzjoni finali, u li abbażi tiegħu tintlaħaq konklużjoni differenti, evidentement jimmeritaw kunsiderazzjoni tal-inqas daqs osservazzjonijiet li jikkonċernaw l-informazzjoni finali nnifisha. L-istatus prattiku tagħhom, madankollu, jiġi evidentement imminat jekk dawn jiġu rċevuti biss wara li l-Kummissjoni tkun iffinalizzat u ssottomettiet il-proposta tagħha lill-Kunsill — ikun hemm riskju sinjifikattiv li dawn ma jittieħdux inkunsiderazzjoni bl-istess mod.

    94.

    It-tielet, nirrileva li fil-każ preżenti l-Kummissjoni stabbiliet terminu li matulu Yongjian setgħet tissottometti kummenti fuq id-dokumenti riveduti, u għalhekk huwa rrilevanti jekk ir-regolament bażiku kienx jobbligaha tagħmel dan jew le. Madankollu, meta stabbiliet tali terminu, il-Kummissjoni neċessarjament issuġġettat lilha nnifisha għar-rekwiżit fl-Artikolu 20(5) li dan ikun tal-inqas ta’ 10 ijiem. Fil-bidu naqset li tikkonforma ma’ dan ir-rekwiżit meta stabbiliet perijodu ta’ sitt ijiem biss. Meta kkorreġiet dan l-iżball billi estendiet it-terminu għal 10 ijiem, loġikament kienet obbligata li tistenna l-kummenti (u teħodhom inkunsiderazzjoni) qabel ma tissottometti l-proposta tagħha lill-Kunsill.

    95.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li l-proposta kienet ippreżentata fit-2 ta’ April 2007, ftit inqas minn 14-il xahar minn meta nbdiet l-investigazzjoni fl-4 ta’ Frar 2006, u li r-regolament kontestat ġie adottat fid-19 ta’ April 2007, 14-il xahar u 9 ijiem wara li kienet inbdiet. Għaldaqstant xorta kien hemm spazju biex wieħed jimmanuvra qabel ma skada t-terminu ta’ 15-il xahar stabbilit fir-regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, huwa pjuttost ċar li l-Kummissjoni, li hija konxja tal-limitazzjonijiet ta’ termini imposti fuqha, għandha tikkunsidra kemm dawn il-limitazzjonijiet kif ukoll il-bżonn li jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ difiża meta ssir investigazzjoni antidumping. Fejn huwa meħtieġ, din għandha tikkalkola b’lura t-termini imposti sabiex tippermetti lill-partijiet jissottomettu l-osservazzjonijiet neċessarji.

    96.

    Ir-raba’, jidhirli li l-imġiba tal-Kummissjon fil-każ preżenti (meta tikkunsidra partikolarment li d-dokumenti ta’ informazzjoni riveduti kien fihom bidla radikali u kompletament mhux mistennija fil-pożizzjoni, li affettwat b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ Yongjian, u li ntbagħtu bil-faks wara l-ħinijiet normali tal-uffiċċju xi darba l-Ġimgħa filgħaxija) tista’ fi kwalunkwe każ tiġi kklassifikata bħala inkonsistenti mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. Kienx hemm ksur tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jew le, il-Kummissjoni evidentement aġixxiet billi ftit li xejn tat widen għal parti li kienet qed taffettwa negattivament u li kienet ukoll intitolata tistenna iktar effiċjenza u kunsiderazzjoni minn istituzzjoni Komunitarja.

    97.

    Fl-aħħar nett, jiena nista’ madankollu naqbel mal-istituzzjonijiet u mal-lanjanti li mhux kull emenda għall-fatti jew kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill teħtieġ li jiġi stabbilit terminu għaliha biex isiru osservazzjonijiet oħra. Uħud minnhom se jkun tant minuri li ma jeħtieġu ebda kummenti u ma jkollhom ebda effett fuq l-eżitu. Madankollu, f’din l-aħħar eventwalità, ikun irrilevanti għal kollox jekk kienx hemm ksur formali tal-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku jew le, peress li n-nuqqas ta’ kwalunkwe effett possibbli fuq l-eżitu jfisser li l-validità tal-miżura finali ma tiġix affettwata.

    98.

    Fil-każ preżenti, il-bidla fil-pożizzjoni kienet biżżejjed radikali u mhux mistennija, u kellha impatt suffiċjenti, b’tali mod li kien essenzjali li jingħata aktar żmien għal kummenti. Anki kieku Yongjian ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel xi kummenti li setgħu jaffettwaw l-eżitu, dan ma setax jiġi dedott mill-bidu.

    L-ispejjeż

    99.

    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2), il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(4), l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti oħrajn ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    100.

    Fil-każ preżenti, jien nikkunsidra li l-appell għandu jinċaħad. Il-Kunsill għamel talba għall-ispejjeż. Il-lanjanti wkoll għamlu talba għall-ispejjeż, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedimenti tal-appell tidher li hija ġġustifikata, peress li l-interessi tagħhom huma affettwati. Konsegwentement Yongjian għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-lanjanti, filwaqt li l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Il-konklużjoni

    101.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

    tiċħad l-appell;

    tordna lil Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd tħallas l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ta’ Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA u Colombo New Scal SpA;

    tordna lir-Repubblika tal-Italja u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ibatu l-ispejjeż tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-206/07, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (is-sentenza appellata) Ġabra p. II-1.

    ( 3 ) Ara, iktar reċentement, il-Kawża C-487/06 P, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni u Ir-Renju Unit, Ġabra p. I-10505, punt 97.

    ( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1), kif emendat.

    ( 5 ) Dan jidher li huwa relatat mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2003 L 261, p. 1). L-iStandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà SIK 1 jirrigwarda l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji.

    ( 6 ) Il-kumitat konsultattiv stabbilit b’Artikolu 15 tar-regolament bażiku huwa kompost minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru u huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    ( 7 ) Kawża T-138/02, Nanjing Metalink International vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-4347, b’mod partikolari punti 44 u 47.

    ( 8 ) F’din is-sentenza l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellha ebda raġuni biex tikkunsidra (u għaldaqstant ma għamlitx hekk) is-sitwazzjoni bil-maqlub, fejn bidla fis-sitwazzjoni fattwali li abbażi tagħha tali status inċaħad tista’ ma tippermettix iktar il-konstatazzjoni li l-produttur ikkonċernat ma kienx qed jopera taħt kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq.

    ( 9 ) Tat-30 ta’ Ottubru 2006, li impona dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ twavel għall-mogħdija li mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna (ĠU 2006 L 300, p. 13).

    ( 10 ) Id-dokument ta’ informazzjoni partikolari kien jikkonċerna biss il-kalkolazzjonijiet tad-dumping, u mhux il-kwistjonijiet li dan il-każ jittratta kemm fil-prim’istanza jew fl-appell.

    ( 11 ) Iċċitata minn Yongjian fl-appell tagħha u tradotta mill-oriġinal bit-Taljan.

    ( 12 ) Iċċitata minn Yongjian fl-appell tagħha.

    ( 13 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 tat-23 ta’ April 2007 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Ukrajna (ĠU 2007 L 109, p. 12).

    ( 14 ) Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA u Colombo New Scal SpA (il-“persuni li għamlu l-ilment”).

    ( 15 ) Punt 44 tas-sentenza appellata.

    ( 16 ) Punt 45.

    ( 17 ) Punt 46; is-silta rilevanti tal-ittra hija kkwotata fl-intier tagħha iktar ’il fuq, fil-punt 32.

    ( 18 ) Punt 65, li jiċċita s-sentenza T-147/97, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, (Ġabra 1998, p. II-4137, punti 81 sa 83).

    ( 19 ) Punt 66, li jiċċita s-sentenza C-280/93, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (Ġabra 1994, p. I-4973, punt 36).

    ( 20 ) Punt 67.

    ( 21 ) Punti 68 sa 70.

    ( 22 ) Punt 71, li jiċċita s-sentenzi 30/78, Distillers Company vs Il-Kummissjoni, (Ġabra 1980, p. 2229, punt 26), u T-35/01, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, (Ġabra 2004, p. II-3663, punt 331).

    ( 23 ) Punti 72 sa 75.

    ( 24 ) Iċċitati iktar ’il fuq fil-punti 26 u 33, rispettivament.

    ( 25 ) Kawża C-390/95 P, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, Ġabra 1999, p. I-769, punt 29.

    ( 26 ) Kawżi Maqgħuda C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 50.

    ( 27 ) Kawża C-49/88, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, (Ġabra 1991, p. I-3187, punt 16).

    ( 28 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, iktar ’il fuq.

    ( 29 ) Kawża T-170/06, Alrosa vs Il-Kummissjoni, Ġabra 2007, p. II-2601, punt 203.

    ( 30 ) Premessa 5 fil-preambolu għar-regolament bażiku tindika li hija bbażata fuq il-Ftehim AntiDumping tal-1994 tad-WTO, bl-Artikolu 6(9) tiegħu jistipula li: “L-awtoritajiet għandhom, qabel ma ssir id-determinazzjoni finali, jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar il-fatti essenzali li qed jitqiesu, liema fatti jin[f]furmaw il-bażi għad-deċiżjoni ta’ jekk għandhomx jiġu applikati miżuri definittivi. Dan l-isvelar għandu jseħħ fiż-żmien biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet jiddefendu l-interessi tagħhom.”

    ( 31 ) L-Artikolu 6(9) jimponi terminu totali ta’ 15-il xahar fuq l-investigazzjonijiet, u l-Artikolu 7(7) terminu ta’ 9 xhur fuq dazji provviżorji, filwaqt li l-Artikolu 9(4) jeżiġi li proposta għal dazji definittivi tiġi ppreżentata qabel l-iskadenza ta’ dazji provviżorji.

    ( 32 ) Is-sentenza British Aggregates, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 97; ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq.

    ( 33 ) Kawża Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P (Ġabra p. I-667), punt 42.

    ( 34 ) Ara, pereżempju, id-definizzjonijiet f’Cornu, Vocabulaire juridique, Paris, 1987, jew http://www.dictionnaire-juridique.com.

    ( 35 ) Punti 43 sa 45 tas-sentenza appellata.

    ( 36 ) Punti 46 sa 49 tas-sentenza appellata.

    ( 37 ) Punt 32 iktar ’il fuq.

    ( 38 ) Iċċitati iktar ’il fuq fil-punti 26 u 33, rispettivament.

    ( 39 ) Ara b’mod partikolari l-punti 10 u 11 tan-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni bħala intervenuta fil-prim’istanza.

    ( 40 ) Ara l-punt 51 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.

    ( 41 ) Ara l-punt 61 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 iktar ’il fuq.

    ( 42 ) Waqt is-seduta, il-Kunsill sostna, jekk jien fhimt sew, li l-oġġezzjoni tiegħu kienet għad-dikjarazzjoni ta’ prinċipju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u mhux għal konstatazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 20(5) tar-regolament bażiku.

    ( 43 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

    Top