Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TO0326

    Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Diċembru 2007.
    Cheminova A/S et. vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Proċeduri għal miżuri provviżorji - Direttiva 91/414/KEE - Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni - Ammissibbiltà - Nuqqas ta’ urġenza.
    Kawża T-326/07 R.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 II-04877

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2007:364

    DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

    4 ta’ Diċembru 2007 ( *1 )

    Fil-Kawża T-326/07 R,

    Cheminova A/S, stabbilita f’Harboøre (id-Danimarka),

    Cheminova Agro Italia Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja),

    Cheminova Bulgaria EOOD, stabbilita f’Sofia (il-Bulgarija),

    Agrodan, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

    Lodi SAS, stabbilita f’Grand-Fougeray (Franza),

    irrappreżentati minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u L. Parpala, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni 2007/389/KE tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Ġunju 2007, dwar in-non- [nuqqas ta’] inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (ĠU L 146, p. 19), sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża prinċipali,

    Il-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    Il-kuntest ġuridiku

    1

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), tistabbilixxi b’mod partikolari s-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għall-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

    2

    Id-disa’ premessa tad-Direttiva tipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni, li b’mod partikolari, għandha tipprekludi l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti meta r-riskji li dawn għandhom għas-saħħa, l-ilma ta’ taħt l-art u l-ambjent ma kinux is-suġġett ta’ riċerki approprjati. Din il-premessa tindika wkoll li l-għan li tittejjeb il-produzzjoni tal-pjanti ma għandux jippreġudika l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent.

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva jiddefinixxi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti bħala li huma, b’mod partikolari, is-sustanzi attivi intiżi sabiex jeqirdu l-pjanti mhux mixtieqa. Dan l-artikolu jiddefinixxi s-sustanzi attivi bħala li huma sustanzi jew mikroorganiżmi li għandhom azzjoni ġenerali jew speċifika kontra organiżmi li jagħmlu l-ħsara jew fuq pjanti, partijiet minn pjanti jew prodotti mill-pjanti.

    4

    L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti jiġi awtorizzat biss jekk is-sustanzi attivi tiegħu jkunu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva.

    5

    Is-sustanzi attivi li mhumiex elenkati fl-Anness I tad-Direttiva jistgħu jibbenefikaw, f’ċerti kundizzjonijiet, minn sistema derogatorja tranżitorja. Skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, Stat Membru seta’, matul perijodu ta’ 12-il sena wara n-notifika tad-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq nazzjonali tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I, li kienu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva, jiġifieri fil-25 ta’ Lulju 1993. Il-Kummissjoni kellha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati bil-mod dawn is-sustanzi attivi. Sussegwentement, seta’ jiġi deċiż li l-imsemmija sustanza tista’ jew ma tistax tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva. L-Istati Membri kellhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet rilevanti, skond il-każ, ġew mogħtija, irtirati jew varjati.

    6

    Skond dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni bdiet programm ta’ xogħol għall-eżami gradwali tas-sustanzi attivi, li fil-kuntest tiegħu l-partijiet ikkonċernati li jixtiequ jiksbu l-inklużjoni ta’ tali sustanza fl-Anness I kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-informazzjoni neċessarja kollha f’perijodu ta’ żmien determinat.

    7

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (ĠU L 366, p. 10) organizza l-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-ewwel sensiela ta’ sustanzi bl-għan ta’ l-inklużjoni probabbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva.

    8

    Sussegwentement, bir-Regolament tagħha (KE) Nru 451/2000 tat-28 Frar 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (ĠU L 55, p. 25), il-Kummissjoni pprevediet l-evalwazzjoni ta’ tieni u tielet sensiela ta’ sustanzi attivi bl-għan ta’ l-inklużjoni probabbli tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva.

    9

    Fost is-sustanzi attivi li jagħmlu parti mit-tieni sensiela jinsab il-malathion — suġġett ta’ din il-proċedura — prodott kontra l-insetti parassiti użat, prinċipalment fl-agrikoltura, sabiex jiġġieled kontra diversi insetti fuq firxa vasta ta’ pjanti agrikoli u ta’ l-ortikoltura, kif ukoll sabiex jiġġieled kontra n-nemus, id-dubbien u l-insetti tad-dar.

    10

    Il-proċedura stabbilita bir-Regolament Nru 451/2000 bdiet b’notifika ta’ interess, prevista fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li kellha tiġi indirizzata mhux iktar tard mil-31 ta’ Awwissu 2000 lill-Istat Membru relatur indikat fl-Anness I tar-Regolament, jiġifieri r-Repubblika tal-Finlandja, mill-produttur li jixtieq jikseb l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva.

    11

    Skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 451/2000, kull notifikant kellu jissottometti lill-Istat Membru relatur inkartament sommarju u inkartament sħiħ, kif iddefiniti fl-Artikolu 6(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

    12

    It-terminu għas-sottomissjoni ta’ dawn l-inkartamenti, kif ukoll ta’ informazzjoni rilevanti li tista’ tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, ġie stabbilit għat-30 ta’ April 2002, skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 5(4)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 451/2000 u ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 703/2001 tas-6 ta’ April 2001 li jistabbilixxi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti fit-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva u li jirrevedi l-lista ta’ l-Istati Membri magħżula bħala relaturi għal dawk is-sustanzi (ĠU L 98, p. 6).

    13

    Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 451/2000, l-Istat Membru relatur kellu jirraporta lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jaslu l-inkartamenti kollha għal sustanza attiva, dwar il-kompletezza ta’ l-inkartamenti mibgħuta. Għal dawk is-sustanzi attivi li għalihom l-inkartament għandu jiġi kompletat, l-Istat Membru relatur ipproċeda għall-evalwazzjoni ta’ l-inkartament.

    14

    Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000, fil-kitba inizjali tiegħu, l-Istat Membru relatur kellu jibgħat lill-Kummissjoni, mill-iktar fis possibbli, u mhux iktar tard minn 12 il-xahar wara li l-inkartament ikun ġie meqjus komplet, rapport dwar l-evalwazzjoni tiegħu ta’ l-inkartament, li kellu jinkludi rakkomandazzjoni li s-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva jew li ma tiġix inkluża.

    15

    Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000 ġew emendati mill-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002 ta’ l-14 ta’Awwissu 2002 li jwaqqaf regoli oħra għall-implementazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU L 224, p. 23), b’tali mod li ġie introdott stadju proċedurali addizzjonali.

    16

    B’hekk, l-Istat Membru relatur — filwaqt li jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinkludi s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva jew li ma tinkludix tali sustanza — kellu jippreżenta abbozz tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ l-inkartament lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) mill-iktar fis possibbli, u mhux iktar tard minn 12-il xahar wara li l-inkartament ikun ġie meqjus komplet (Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 451/2000). F’dan l-istadju tal-proċedura, għalkemm is-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma kinitx, bħala prinċipju, aċċettata, l-Istat Membru relatur seta’ jitlob lin-notifikanti biex jissottomettu iktar informazzjoni li tkun meħtieġa biex jiġi ċċarat l-inkartament (Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 451/2000).

    17

    L-EFSA kellha mbgħad tissottometti l-abbozz tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ l-Istat Membru relatur lill-Istati Membri l-oħra u setgħet torganizza konsultazzjoni ta’ esperti (reviżjoni esperta). F’dan l-istadju tal-proċedura, is-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma kinitx aċċettata; madankollu, l-Istat Membru relatur seta’, bi ftehim ma’ l-EFSA, jistieden lin-notifikanti biex jissottomettu, f’termini speċifiċi, iktar informazzjoni li l-Istat Membru relatur jew l-EFSA jikkunsidraw li hija meħtieġa biex jiġi ċċarat l-inkartament (Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000).

    18

    L-EFSA kellha tevalwa l-abbozz tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ l-Istat Membru relatur u tissottometti lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-Direttiva fi żmien sena mill-wasla ta’ l-imsemmi rapport. Jekk ikun il-każ, l-EFSA setgħet tifformula opinjoni fuq l-għażliet ikkunsidrati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà (Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000).

    19

    Sa sitt xhur mill-wasla ta’ l-opinjoni ta’ l-EFSA, il-Kummissjoni kellha tipproponi, skond il-każ, deċiżjoni li tirrifjuta l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva u li għandha bħala għan l-irtirar, mill-Istati Membri, ta’ l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza jew direttiva li tikkonċerna l-inklużjoni ta’ l-imsemmija sustanza fl-Anness I tad-Direttiva (Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000).

    20

    L-att finali kellu jiġi adottat b’mod konformi għall-proċedura magħrufa bħala “komitoloġija” prevista mid-dispożizzjonijiet magħquda tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23), ta’ l-Artikolu 19 tad-Direttiva u ta’ l-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1490/2002, jiġifieri fuq opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    21

    Ir-rikorrenti Cheminova A/S hija kumpannija Daniża stabbilita fl-1938 li l-attività tagħha tikkonsisti prinċipalment fil-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Din tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha b’żewġ manjieri: jew tbigħhom fis-suq Komunitarju direttament lil klijenti billi tuża l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali tagħha, jew tagħżel li tbigħhom permezz ta’ kumpanniji sussidjarji, bħal Cheminova Agro Italia Srl, Cheminova Bulgaria EOOD u Agrodan, SA, rikorrenti f’din il-kawża, jew ta’ klijenti. F’dan it-tieni każ, dawn il-kumpanniji sussidjarji u dawn il-klijenti jistgħu wkoll ikunu fil-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali. Ir-rikorrenti jbigħu, barra minn dan, il-prodotti tagħhom lil klijenti fi swieq mhux Komunitarji, b’mod partikolari fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Afrika. Cheminova A/S, Cheminova Agro Italia, Cheminova Bulgaria u Agrodan (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“erba’ rikorrenti Cheminova”) jagħmlu parti minn grupp li l-kumpannija parent tagħhom hija Auriga Industries A/S, filwaqt li din ta’ l-aħħar ma teżerċitax attività kummerċjali tagħha stess.

    22

    Ir-rikorrenti Lodi SAS hija kumpannija Franċiża speċjalizzata fil-manifattura u fil-bejgħ ta’ insettiċidi. Din hija proprjetarja, fi Franza, ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċalizzazzjoni għal diversi prodotti abbażi ta’ malathion.

    23

    Fl-24 ta’ Awwissu 2000, Cheminova A/S innotifikat lill-Kummissjoni x-xewqa tagħha li tikseb l-inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva. Il-Kummissjoni aċċettat din in-notifika u inkludiet l-isem ta’ Cheminova A/S fil-lista tan-“notifikanti”. Cheminova A/S issottomettiet lir-Repubblika tal-Finlandja, l-Istat Membru relatur, l-inkartamenti sommarji u kompleti tagħha, filwaqt li talbet evalwazzjoni ta’ l-użu għal erba’ tipi ta’ prodotti tar-raba’: tuffieħ, frawli, alfalfa u pjanti ornamentali (pjanti tas-serer). Fit-28 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika tal-Finlandja informat lill-Kummissjoni bin-natura kompleta ta’ l-inkartament ippreżentat minn Cheminova A/S.

    24

    Ir-Repubblika tal-Finlandja pproċediet għall-evalwazzjoni tal-malathion u, mingħajr ma talbet lil Cheminova A/S tissottometti iktar informazzjoni xjentifika, issottomettiet l-abbozz tar-rapport dwar l-evalwazzjoni tagħha lill-EFSA fit-2 ta’ Frar 2004 għall-finijiet ta’ reviżjoni esperta. Dan l-abbozz tar-rapport dwar l-evalwazzjoni — li rrikommanda l-inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva filwaqt li llimita l-użu tiegħu għall-pjanti ornamentali fis-serer — kien is-suġġett ta’ reviżjoni esperta mill-Istati Membri u l-EFSA. Din ir-reviżjoni damet mit-2 ta’ Frar 2004 sat-13 ta’ Jannar 2006, mingħajr ma’ l-EFSA jew ir-Repubblika tal-Finlandja ma talbu lil Cheminova A/S tissottometti iktar informazzjoni xjentifika. Matul il-perijodu bejn l-4 ta’ April u l-24 ta’ Novembru 2005, Cheminova A/S, fuq l-inizjattiva tagħha, issottomettiet dokumenti xjentifiċi dwar il-malathion lir-Repubblika tal-Finlandja u lill-EFSA.

    25

    Fit-13 ta’ Jannar 2006, l-EFSA ppreżentat lill-Kummissjoni l-“konklużjonijiet [tagħha] relattivi għar-reviżjoni esperta ta’ l-evalwazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva malathion”. Sussegwentement, l-Istati Membri u l-Kummissjoni pproċedew, fi ħdan il-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, għall-eżami tal-kwistjoni. Fis-17 ta’ Marzu u fil-31 ta’ Lulju 2006, Cheminova A/S reġgħet issottomettiet lill-Kummissjoni dokumenti xjentifiċi relattivi għall-malathion. Fid-29 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ħejjiet ir-rapport ta’ eżami tagħha tal-malathion li fih hija pproponiet li l-malathion ma jiġix inkluż fl-Anness I tad-Direttiva.

    26

    Fl-aħħar, b’mod konformi għall-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Ġunju 2007, adottat id-Deċiżjoni 2007/389/KE, dwar in-non- [nuqqas ta’] inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (ĠU L 146, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jipprovdi dan li ġej:

    Artikolu 1

    Il-malathion ma għandux ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva […]

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-malathion huma rtirati sas-6 ta’ Diċembru 2007;

    (b)

    ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-malathion m’huma se jingħataw jew jiġġeddu mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Kull perijodu ta’ żmien mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva […] għandu jkun mill-iqsar possibbli u għandu jiskadi mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2008.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.”

    27

    In-nuuqas ta’ inklużjoni tal-malathion bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva hija ġġustifikata fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-fatt li, fl-evalwazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġew identifikati għadd ta’ elementi ta’ tħassib, jiġifieri l-ġenotossiċità mhux eskluża mill-isomalathion u l-effetti ta’ ċerti metaboliti tossikoloġikament rilevanti, li ma kienx ippermetta, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, li jiġi konkluż li l-malathion jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva (premessa 5).

    28

    B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tesponi li, minħabba l-preżenza ta’ isomalathion fil-materjal tekniku, li hija impurità li tikkontribwixxi sostanzjalment fil-profil tossiku tal-malathion u li l-ġenotossiċità tagħha ma tistax tiġi eskluża, konklużjonijiet rigward ir-riskji għall-operaturi, għall-ħaddiema u għal dawk li jkunu qegħdin fil-qrib ma setgħux jiġu ffinalizzati. Din tindika li, barra minn dan, skond l-informazzjoni disponibbli ma kienx muri li espożizzjoni mkejla tal-konsumaturi li tirriżulta minn konsum akut u kroniku ta’ ħxejjex li jittieklu huwa aċċettat, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni fuq l-effetti ta’ ċerti metaboliti tossikoloġikament rilevanti (premessa 5).

    29

    Minkejja l-argumenti mressqa minn Cheminova A/S (bejn l-4 ta’ April 2005 u l-31 ta’ Lulju 2006) fir-rigward ta’ l-isomalathion u s-sustanzi metaboliċi, il-Kummissjoni qieset li t-tħassib baqa’ ma ssolviex. Hija kkunsidrat li l-evalwazzjonijiet li saru abbażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata u evalwata matul il-laqgħat ta’ l-esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-malathion kienu jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati mid-Direttiva (premessa 6).

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    30

    B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu 2007, ir-rikorrenti ressqu rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    31

    B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huma jitolbu sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza:

    jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata;

    jadotta kull miżura provviżorja xierqa;

    jordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    32

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-24 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni titlob sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza:

    jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

    jordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

    33

    Fil-31 ta’ Ottubru 2007, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet, li rrispondew għalihom bil-miktub fit-terminu stipulat.

    Id-dritt

    34

    Skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 242 KE u 243 KE, minn naħa, u l-Artikolu 225(1) KE, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, tordna s-sopensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiemha jew tordna l-miżuri provviżorji meħtieġa.

    35

    L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie (fumus boni juris) l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba. B’hekk, is-sospensjoni u l-miżuri provviżorji jistgħu jingħataw mill-imħallef għal miżuri provviżorji jekk ikun stabbilit illi l-għoti tagħhom ikun ġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huma urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu serju u irrimedjabbli għall-interessi tar-rikorrenti, illi huma jiġu deċiżi u jkollhom l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, C-268/96 P(R), Ġabra p. I-4971, punt 30]. L-Imħallef għal miżuri provviżorji, meta hu l-każ, għandu anki jiżen l-interessi involuti (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Barra minn dan, fil-kuntest ta’ dan l-eżami komplessiv, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif dawn id-diversi kundizzjonijiet għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, billi ebda regola tad-dritt Komunitarju ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita għall-evalwazzjoni tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C-149/95 P(R), Ġabra p. I-2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il-Kummissjoni, C-459/06 P(R), Ġabra p. I-53, punt 25].

    37

    Fid-dawl ta’ l-elementi ta’ l-inkartament u b’mod partikolari tar-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jqis li huwa għandu l-elementi kollha meħtieġa sabiex jiddeċiedi fuq din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr mhemm bżonn li jinstemgħu, qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

    Fuq l-ammissibbiltà

    L-argumenti tal-partijiet

    38

    Il-Kummissjoni tqis li t-talba għal miżuri provviżorji hija inammissibbli, peress illi din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet formali ta’ l-Artikolu 104(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, din hija limitata, essenzjalment, sabiex tirreferi għat-test voluminuż tar-rikors prinċipali u ma tippermettix prattikament, fiha nfisha, li jinftehmu l-kritiki diretti kontra d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, il-motivi mqajma fit-talba għal miżuri provviżorji sabiex jiġi stabbilit il-fumus boni juris huma ppreżentati f’disa’ punti biss, filwaqt li r-rikors fil-kawża prinċipali jikkontjeni 88 li jirrigwardaw il-motivi għal annullament. Madankollu, l-imħallef għal miżuri provviżorji m’għandux jieħu in kunsiderazzjoni l-motivi li ma ġewx esposti fit-talba għal miżuri provviżorji nfisha.

    39

    Il-Kummissjoni żżid li ebda mir-rikorrenti barra minn Cheminova A/S mhija individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, bid-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi att ta’ applikazzjoni ġenerali indirizzat lill-Istati Membri biss. Dawn ir-rikorrenti l-oħra huma sempliċi bejjiegħa jew utenti tal-prodott in kwistjoni. Kif jirriżulta mit-tliet listi annessi ma’ l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, jeżistu numru ta’ operaturi oħra barra mill-imsemmija rikorrenti li jużaw il-malathion jew huma awtorizzati jbiegħuh. Għaldaqstant, ir-rikors u, għalhekk, it-talba għal miżuri provviżorji għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli fir-rigward ta’ dawn ir-rikorrenti.

    40

    Fl-opinjoni tar-rikorrenti, ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, billi huwa dirett kontra att li jipproduċi effetti legali vinkolanti li jikkonċernawhom direttament u individwalment. Cheminova A/S bħala n-notifikanta tal-malathion hija indubjament ammissibbli sabiex taġixxi fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali. Issa, meta għandha tiġi stabbilita l-ammissibbiltà għall-istess rikors imressaq minn diversi rikorrenti u r-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ wieħed minnhom, mhemmx bżonn li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra [ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 2007, Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, T-31/07 R, Ġabra p. II-2767, punt 113, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    41

    Barra minn dan, fir-rigward tar-rikorrenti għajr Cheminova A/S, kull wieħed minnhom għandu locus standi fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali, billi huma għandhom l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti abbażi ta’ malathion, li ġew mogħtija lilhom mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Peress li ebda operatur ieħor ma jista’ issa jikseb tali awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, dawn ir-rikorrenti jappartjenu għalhekk għal ċirku magħluq ta’ operaturi. L-awtorizzazzjonijiet kollha tagħhom ser jiġu rtirati lilhom mhux iktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2007 bħala konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata.

    Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji

    42

    Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 104(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talba għal miżuri provviżorji tkun ammissibbli biss jekk din issir minn parti f’kawża li tinsab quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Din ir-regola timplika li r-rikors fil-kawża prinċipali, li miegħu hija marbuta t-talba għal miżuri provviżorji, jista’ jiġi effettivament eżaminat mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    43

    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali m’għandhiex, bħala regola, tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, sabiex ma jiġix iġġudikat minn qabel il-mertu tal-kawża. Jista’, madankollu, ikun neċessarju, meta tiġi mqajma l-inammissibbiltà manifesta tar-rikors fil-kawża prinċipali li miegħu hija marbuta t-talba għal miżuri provviżorji, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jippermettu li tiġi konkluża, prima facie, l-ammissibbiltà ta’ tali rikors [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Il-Kunsill, C-300/00 P(R), Ġabra p. I-8797, punt 34; digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2001, Stauner et vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni, T-236/00 R, Ġabra p. II-15, punt 42, u tat-8 ta’ Awwissu 2002, VVG International et vs Il-Kummissjoni, T-155/02 R, Ġabra p. II-3239, punt 18].

    44

    Tali eżami ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali huwa neċessarjament sommarju, minħabba n-natura urġenti tal-proċeduri għal miżuri provviżorji (digriet Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Il-Kunsill, punt 43 iktar ’il fuq, punt 35).

    45

    Fil-fatt, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, billi l-għan huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw il-konklużjoni a priori li l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. L-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddikjara din it-talba inammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża. Fil-fatt, l-għoti ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċeduri għal miżuri provviżorji meta din mhijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament tammonta li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali tkun ġiet iġġudikata minn qabel (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Petrolessence u SG2R vs Il-Kummissjoni, T-342/00 R, Ġabra p. II-67, punt 17; tad-19 ta’ Diċembru 2001, Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni, T-195/01 R u T-207/01 R, Ġabra p. II-3915, punt 47; u tas-7 ta’ Lulju 2004, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill, T-37/04 R, Ġabra p. II-2153, punt 110).

    46

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkontesta li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk jeżistux xorta waħda elementi li jippermettu li jiġi konkluż, prima facie, li r-rikors fil-kawża prinċipali huwa ammissibbli.

    47

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, filwaqt li tikkontesta li r-rikorrenti għajr Cheminova A/S huma ammissibbli sabiex iressqu r-rikors fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tammetti espressament din l-ammissibbiltà fir-rigward ta’ din ta’ l-aħħar. Fil-fatt, fil-kwalità tagħha ta’ notifikanta tal-malathion li effettivament ipparteċipat fil-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva prevista permezz tad-Direttiva u li tibbenefika mill-garanziji proċedurali previsti permezz tal-leġiżlazzjoni rilevanti, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li Cheminova A/S hija direttament u individwalment ikkonċernata bid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u li r-rikors fil-kawża prinċipali mressaq minnha huwa ammissibbli [digriet Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 112].

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal dak li jirrigwarda l-istess rikors fil-kawża prinċipali, mhemmx bżonn prima facie li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T-374/00, Ġabra p. II-2275, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 82). Din il-ġurisprudenza, ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ l-istruttura ta’ proċedura, hija ġġustifikata mill-fatt li, anki jekk wieħed kellu jippresupponi li waħda minn dawn ir-rikorrenti m’għandhiex locus standi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha madankollu teżamina fil-mertu l-motivi kollha ta’ annullament imressqa (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T-282/06, Ġabra p. II-2149, punt 52).

    49

    Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, għalkemm, jekk hu l-każ, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, mhijiex applikabbli fir-rigward tal-kwistjoni ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-urġenza fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

    50

    Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza għanda tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li tittieħed deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irrimedjabbli jiġi kkawżat lill-parti li titlob il-miżura provviżorja. Din il-parti hi obbligata li ġġib il-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-kawża prinċipali mingħajr ma jkollha tbati personalment dannu li jwassal għal konsegwenzi serji u irrimedjabbli għaliha (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1987, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 142/87 R, Ġabra p. 2589, punt 23, u tat-8 ta’ Mejju 1991, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-356/90 R, Ġabra p. I-2423, punti 20 u 23).

    51

    Minn dan jirriżulta li biss parti, li hija ammissibbli sabiex tressaq ir-rikors fil-kawża prinċipali li miegħu hija marbuta t-talba għal miżuri provviżorji, tista’ tiġi ammessa tistabbilixxi l-urġenza billi tipprova li hija ser tbati personalment dannu gravi u irrimedjabbli jekk tiġi rrifjutata l-miżura provviżorja mitluba. Fin-nuqqas ta’ tali restrizzjoni, huwa biżżejjed, għall-ksib ta’ miżura provviżorja, li impriżi kkonċernati b’att Komunitarju jingħaqdu billi jressqu rikors kollettiv għal annullament, flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji, imressqa mir-rikorrenti li wieħed minnhom biss huwa ammissibbli fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, filwaqt li l-oħrajn jistgħu juru sempliċiment li huma vittmi ta’ dannu gravi u irrimedjabbli.

    52

    F’dan il-kuntest, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għajr Cheminova A/S jidhrux prima facie manifestament inammissibbli sabiex jitolbu l- lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-annullament fil-kawża prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata.

    53

    Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

    54

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti għajr Cheminova A/S humiex, prima facie, individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata, li l-uniċi destinatarji tagħha huma l-Istati Membri (Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkonstatat l-ewwel li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi prima facie att ta’ portata ġenerali safejn din tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u tinkludi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt. Fil-fatt, l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw sustanza attiva, il-malathion, u l-operaturi ekonomiċi li jippossiedu awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni stipulati b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u salv l-eżistenza ta’ karatteristiċi li huma partikolari għalihom, dawn l-operaturi ekonomiċi huma prima facie affettwati bid-deċiżjoni kkontestata bl-istess mod u mqiegħda f’sitwazzjoni identika.

    55

    Madankollu, mhux eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att ta’ portata ġenerali jistgħu jikkonċernaw individwalment xi wħud minnhom (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1991, Extramet Industrie vs Il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I-2501, punt 13; tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorníu vs Il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36).

    56

    Skond ġurisprudenza kostanti, persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex id-destinatarja ta’ att tista’ tippretendi li hija kkonċernata individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, biss jekk hija affettwata, mill-att in kwistjoni, minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak li jkun id-destinatarju ta’ l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Codorníu vs Il-Kunsill, punt 55, iktar ’il fuq, punt 20; Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, punt 55, iktar íl fuq, punt 36, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45).

    57

    F’dan ir-rigward, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tas-suġġetti ta’ dritt li għalihom hija applikabbli miżura ma timplikax bl-ebda mod li dawn is-suġġetti għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, safejn huwa kostanti li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Mejju 1993, Arnaud et vs Il-Kunsill, C-131/92, Ġabra p. I-2573, punt 13; ara, ukoll, digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, C-409/96 P, Ġabra p. I-7531, punt 37, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2000, ACAV et vs Il-Kunsill, T-138/98, Ġabra p. II-341, punt 64).

    58

    F’dan il-każ, jidher li r-rikorrenti għajr Cheminova A/S, mhux talli ma kinux individwalizzati b’kwalitajiet li huma partikolari għalihom, iżda huma affattewati bl-istess mod bħall-bejjiegħa u l-utenti l-oħra kollha tal-malathion li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda element konkret li jippermetti li jiġi konkluż li din ġiet adottata billi ttieħdet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti għajr Cheminova A/S. Jidher għalhekk li huwa biss minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi koperti mid-deċiżjoni kkontestata li dawn ir-rikorrenti jistgħu jippretendu li huma affettwati biha. Tali preġudizzju mhuwiex biżżejjed sabiex wieħed ikun individwalment ikkonċernat fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Ebda mill-argumenti mressqa f’sens kuntrarju mir-rikorrenti ma jippermetti li titqiegħed in kwistjoni din l-evalwazzjoni.

    59

    Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti għajr Cheminova A/S għandhom awtorizzazzjonijiet nazzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-malathion, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-eżistenza waħedha ta’ dawn id-drittijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, potenzjalment imqiegħda in kwistjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tindividwalizza lill-proprjetarju ta’ l-imsemmi dritt in kwantu huwa stabbilit li dan l-istess dritt huwa mogħti, b’applikazzjoni ta’ regola ġenerali u astratta, lil operaturi ddeterminati oġġettivament (ara, f’dan is-sens, digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Novembru 2005, EEB et vs Il-Kummissjoni, T-94/04, Ġabra p. II-4919, punti 53 sa 55). Il-Kummissjoni wriet, billi pproduċiet tliet listi annessi ma’ l-osservazzjonijiet tagħha, li jeżistu numru ta’ impriżi barra mir-rikorrenti li, dawn ukoll, ibiegħu u jużaw il-malathion u jiddisponu għalhekk mill-istess drittijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni bħar-rikorrenti. F’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-preżenza fis-suq ta’ dawn l-impriżi msemmija mill-Kummissjoni.

    60

    F’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti ppreżentaw ukoll ittri li jagħtu lir-rikorrenti għajr Cheminova A/S l-aċċess għal informazzjoni fil-pussess ta’ din ta’ l-aħħar, ittri li kienu intiżi sabiex jiffaċilitawlhom il-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-malathion. Billi jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill (T-13/99, Ġabra p. II-3305, punt 98), ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-ittri assenjaw drittijiet speċifiċi analogi għal dak li setgħet tivokah l-impriża rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Codorníu vs Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq (punt 21).

    61

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-ittri ta’ aċċess in kwistjoni ma kellhomx la bħala għan u lanqas bħala effett li jagħtu lill-impriżi destinatarji l-pożizzjoni ġuridika speċifika ta’ Cheminova A/S. Billi jillimitaw ruħhom sabiex jiffaċilitaw l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-malathion, il-portata tagħhom ma tistax teċċedi dik ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet infushom. Kif ġie deċiż fil-punt 59 iktar ’il fuq, dawn ta’ l-aħħar mhumiex ta’ natura li jindividwalizzaw ir-rikorrenti għajr Cheminova A/S. Fir-rigward tar-riferenza għas-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 60 iktar ’il fuq, din hija irrilevanti, peress li r-rikors fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza ġie ddikjarat ammissibbli biss fir-rigward ta’ grupp ta’ elementi kostituttivi ta’ sitwazzjoni proċedurali partikolari li ddistingwiet lir-rikorrenti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kwalità tagħha ta’ responsabbli ta’ l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott ikkonċernat (sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97, 98 u 105). Dan mhuwiex il-każ tas-sitwazzjoni proċedurali tar-rikorrenti għajr Cheminova A/S.

    62

    Anki jekk jiġi preżuppost li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tipproduċi effetti differenti skond kull bejjiegħ jew utent ikkonċernat, dan il-fatt mhuwiex biżżejjed sabiex juri li r-rikorrenti għajr Cheminova A/S għandhom kwalitajiet partikolari jew jinsabu f’sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom meta mqabbla ma’ l-operaturi msemmija fil-listi mressqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx, fit-talba għal miżuri provviżorji, safejn id-drittijiet tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni huma partikolarment affettwati bil-konsegwenzi negattivi tad-deċiżjoni kkontestata, u dan b’mod li jiddistingwihom minn kull operatur ieħor tal-kategorija in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2007, Fels-Werke et vs Il-Kummissjoni, T-28/07, Ġabra p. II-98, punt 63).

    63

    Fl-aħħar, l-argument dwar l-appartenenza tar-rikorrenti għajr Cheminova A/S f’ċirku magħluq ta’ impriżi kkundannati li jitilfu l-awtorizzazzjonijiet tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni mhux iktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2007 għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, sabiex l-eżistenza ta’ tali ċirku tista’ tkun element ta’ natura li jindividwalizza lill-persuni in kwistjoni fir-rigward ta’ att ta’ portata ġenerali, jeħtieġ, skond ġurisprudenza stabbilita, li l-istituzzjoni li minnha joriġina l-att ikkontestat kellha l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni, matul l-adozzjoni ta’ l-imsemmi att, is-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn il-persuni (ara d-digriet Federación de Cofradías de Pescadores de Guipúzcoa et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Unifruit Hellas vs Il-Kummissjoni, T-489/93, Ġabra p. II-1201, punt 25; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ġunju 1997, Merck et vs Il-Kummissjoni, T-60/96, Ġabra p. II-849, punt 58, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2001, Andres de Dios et vs Il-Kunsill, T-166/99, Ġabra p. II-1857, punt 54). F’dan il-każ, tali obbligu ma kienx impost fuq il-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    64

    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li r-rikorrenti għajr Cheminova A/S ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata. Dawn ir-rikorrenti mhumiex għalhekk ammissibbli sabiex jargumentaw is-sitwazzjoni individwali tagħhom sabiex jistabbilixxu l-urġenza. Huma mhumiex, għaldaqstant, lanqas ammissibbli sabiex iressqu din it-talba għal miżuri provviżorji.

    65

    Safejn il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal miżuri provviżorji ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali ta’ l-Artikolu 104(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi mfakkar li, skond din id-dispożizzjoni, it-talba relattiva għal miżuri provviżorji għandha tispeċifika, b’mod partikolari, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura li tiġi mitluba u għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44 ta’ dan ir-Regolament.

    66

    F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nfisha, tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra in sostenn, peress illi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tibbaża ruħha għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test innifsu tat-talba għal miżuri provviżorji (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza Stauner et vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 34; tas-7 ta’ Mejju 2002, Aden et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-306/01 R, Ġabra p. II-2387, punt 52; tal-25 ta’ Ġunju 2003, Schmitt vs AER, T-175/03 R, ĠabraSP p. I-A-175 u II-883, punt 18, u tat-23 ta’ Mejju 2005, Dimos Ano Liosion et vs Il-Kummissjoni, T-85/05 R, Ġabra p. II-1721, punt 37).

    67

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji tista’ effettivament tiġi kkunsidrata bħala mhux kompluta fir-rigward tal-motivi mressqa sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ fumus boni juris, din tikkontjeni madankollu elementi li jippermettu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jeżaminahom. Fil-fatt, jirriżulta li r-rikorrenti, essenzjalment, isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hi infondata in kwantu din ma tikkunsidrax l-informazzjoni xjentifika rilevanti li Cheminova A/S ippreżentat lill-istanzi kompetenti fi żmien utli. Barra minn dan, huma jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 1490/2002 in kwantu dan ippermetta l-intervent retroattiv ta’ l-EFSA fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-malathion, filwaqt li din il-proċedura kienet diġà bdiet.

    68

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-talba għal miżuri provviżorji kisret ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Isegwi li din it-talba hija ammissibbli fir-rigward ta’ Cheminova A/S.

    Fuq l-urġenza

    L-argumenti tal-partijiet

    69

    Skond ir-rikorrenti, l-urġenza li tiġi milqugħa din it-talba tirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ser tikkawżalhom dannu serju u irrimedjabbli. Dan id-dannu huwa kkostitwit mit-telf ta’ l-awtorizzazzjonijiet tagħhom ta’ bejgħ ta’ prodotti abbażi ta’ malathion, mhux iktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2007, it-telf ta’ klijenti u t-telf irrimedjabbli ta’ ishma tas-suq għall-benefiċċju ta’ l-impriżi konkorrenti li huma b’saħħithom ħafna u li huma diġa preżenti fis-suq. Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata tkisser irrimedjabbilment ir-reputazzjoni tal-prodotti prinċipali ta’ l-erba’ rikorrenti Cheminova. Fl-aħħar, id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika r-reputazzjoni tat-trade marks kummerċjali l-oħra, diġà preċedenti, tar-rikorrenti fis-suq.

    70

    Fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova impost fuqhom, ir-rikorrenti jirreferu għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni [C-365/03 P(R), Ġabra p. I-12389, punt 6], sabiex isostnu li jeħtieġ biss jistabbilixxu li huma ser isofru “probabbilment” dannu gravi u irrimedjabbli billi huma jistgħu “diffiċilment joffru” prodotti ta’ sostituzzjoni lill-klijentela tagħhom u li huma “jirriskjaw” li jitilfu irrimedjabbilment l-ishma tas-suq, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni. Huma jżidu li dan l-iffissar tal-livell ta’ rekwiżit fil-qasam tal-prova ġie kkonfermat permezz tad-digriet Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq.

    71

    Barra minn dan, ir-rikorrenti m’għandhomx għalfejn juru li huma ser isiru probabbilment falluti jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tiġix ordnata, iżda huwa biżżejjed li jistabbilixxu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, huma ser jinsabu f’sitwazzjoni li tista’ “timmodifika b’mod irrimedjabbli l-ishma tas-suq [tagħhom]” (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta-11 ta’ April 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T-392/02 R, Ġabra p. II-1825, punt 107, u tal-5 ta’ Awwissu 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, T-158/03 R, Ġabra p. II-3041, punt 69), jew ser tiġi affettwata l-“pożizzjoni fis-suq” tagħhom jew ir-reputazzjoni tagħhom (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Lulju 2000, Esedra vs Il-Kummissjoni, T-169/00 R, Ġabra p. II-2951, punt 45).

    72

    Fir-rigward ta’ dan il-każ, ir-rikorrenti jindikaw li Cheminova A/S timmanifattura tliet tipi differenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti: insettiċidi, erbiċidi u fungiċidi. Fis-suq ta’ l-insettiċidi, hija tikkumerċjalizza sustanzi attivi differenti, fosthom b’mod partikolari l-malathion, il-chlorpyrifos u d-dimethoate.

    73

    Is-swieq prinċipali fl-Ewropa li fihom Cheminova A/S tikkumerċjalizza l-malathion, permezz tal-kumpanniji sussidjarji tagħha Cheminova Agro Italia u Agrodan, huma l-Italja u Spanja. Cheminova A/S tbigħ ukoll prodotti abbażi ta’ malathion lil Cheminova Bulgaria u lill-kumpanniji sussidjarji tagħha tal-Polonja u tar-Renju Unit. F’dak li jirrigwarda Stati oħra tal-Komunità, Cheminova A/S tikkumerċjalizza l-prodotti tagħha direttament mal-klijenti.

    74

    Fir-rigward tan-natura imminenti u irrimedjabbli tad-dannu, jirriżulta b’mod ċar mill-fatt li, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fil-pussess ta’ l-erba’ rikorrenti Cheminova mhux iktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2007. L-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet iwassal għat-telf irrimedjabbli tat-totalità ta’ l-ishma tas-suq tar-rikorrenti u tal-klijentela tagħhom fir-rigward tal-malathion, billi s-sehem tagħhom fis-suq Komunitarju tal-malathion huwa stmat għal madwar [kunfidenzjali] ( 1 ).

    75

    Għal dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni tal-malathion, ebda sustanza attiva mhija identika għal oħra, minn perspettiva teknika. Fin-nuqqas ta’ sostituzzjoni perfetta, il-klijenti tar-rikorrenti jkollhom iqisu l-karatteristiċi tekniċi tal-prodott ta’ sostituzzjoni qabel ma’ jagħżluh minflok il-malathion. Minn perspettiva legali, ir-rikorrenti għandhom jiddisponu minn awtorizzazzjoni nazzjonali għall-finijiet ta’ l-użu u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ sustanza sostituttiva. Billi l-kisba ta’ tali awtorizzazzjonijiet tieħu ż-żmien, hu probabbli li s-suq ikun, sadakittant, ġie kkonkwistat minn impriżi konkorrenti. L-introduzzjoni ta’ sustanza attiva ġdida mir-rikorrenti tieħu madwar għaxar snin ta’ riċerka u ta’ żvilupp u hi finanzjarjament oneruża ħafna. Minn perspettiva kummerċjali, ma jistax raġonevolment jintalab mir-rikorrenti li huma jiddistribwixxu l-prodotti ta’ manifatturi oħra. Minn perspettiva strutturali, is-suq rilevanti huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni ta’ intensità kbira, billi r-rikorrenti jħabbtu wiċċhom ma’ konkorrenti b’saħħithom li huma kapaċi joffru mhux biss prodotti ta’ sostituzzjoni diretta, iżda prodotti għall-bżonnijiet kollha fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pesti, ħaxix ħażin u mard.

    76

    Fir-rigward tal-prodotti in kompetizzjoni mal-malathion, ir-rikorrenti jipproduċu tabella li tinkludi 22 sustanza sostituttiva probabbli, inkluż il-chlorpyrifos u l-abamectine, li huma kkumerċjalizzati minn kumpanniji b’saħħithom, bħal Dow, Bayer, DuPont, Syngenta u BASF. Dawn ta’ l-aħħar jiddisponu, minn naħa, minn prodotti ta’ trade mark ferm stabbiliti li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-klijenti li r-rikorrenti mhumiex awtorizzati iktar sabiex ibigħulhom prodotti abbażi ta’ malathion u, min-naħa l-oħra, minn riżorsi finanzjarji kunsiderevoli intiżi għar-reklamar neċessarju li jakkompanja dan il-bejgħ. Huma jistgħu għalhekk jikkonkwistaw is-suq mitluf mill-erba’ rikorrenti Cheminova u jikkonsolidaw din il-konkwista.

    77

    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jirreferu għad-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ta’ Cheminova A/S li skondhom il-prodotti prinċipali li għalihom dawn il-klijenti jirrikorru fin-nuqqas tal-malathion huma l-chlorpyrifos, il-phosmet u d- dimethoate.

    78

    Fir-rigward ta’ ritorn eventwali fis-suq tal-malathion, ir-rikorrenti jirreferu għal studju mwettaq ma’ wħud mill-klijenti prinċipali tagħhom. Id-disa’ risposti rċevuti minn klijenti stabbiliti f’sitt Stati Membri tal-Komunità jikkorroboraw il-probabbiltà ta’ telf irrimedjabbli ta’ ishma tas-suq u ta’ klijenti.

    79

    Fir-rigward tal-possibbiltà għall-erba’ rikorrenti Cheminova li jikkumpensaw it-telf tal-prodotti abbażi ta’ malathion billi jissostitwixxuhom bi prodotti oħra tal-firxa tagħhom, huma jsostnu li tali sostituzzjoni hija possibbli biss fir-rigward tal-chlorpyrifos-ethyl u d-dimethoate.

    80

    Madankollu, il-prodotti tagħhom abbażi ta’ chlorpyrifos u d-dimethoate ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala prodotti sostituttiva għal dawk abbażi ta’ malathion. Fil-fatt, huma ma jiddisponux mill-awtorizzazzjonijiet nazzjonali neċessarji f’kull Stat Membru li joperaw fih attwalment. F’dan il-kuntest, tabella turi n-nuqqas ta’ korrispondenza mal-prodotti abbażi ta’ dimethoate u ta’ chlorpyrifos fi Spanja, is-suq prinċipali Komunitarju tagħhom. B’hekk, biss [kunfidenzjali] % ta’ utenti mitlufa jistgħu teoretikament jiġu rkuprati fi Spanja bil-bejgħ ta’ prodotti sostituttiva li jinsabu fil-firxa ta’ prodotti tar-rikorrenti. Din iċ-ċifra tikkorispondi għal [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti Agrodan magħmul bil-malathion.

    81

    Filwaqt li jfakkru li l-malathion ġie użat b’sigurtà sħiħa fis-suq Komunitarju għal madwar 40 sena, ir-rikorrenti jżidu li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa r-reputazzjoni ġenerali tagħhom u l-kunfidenza fil-malathion. Huma jsofru dannu serju fis-suq partikolarment sensittiv għall-kwistjonijiet ta’ saħħa u ambjentali, li jkollu konsegwenzi serji li jissarrfu f’diffikultajiet mhux biss fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-klijentela, iżda wkoll fir-relazzjonijiet mal-persuni li investew bħala azzjonisti. B’mod partikolari, Cheminova A/S hi proprjetarja tat-trade mark Fyfanon®™, irreġistrata mill-1969, li tirrapreżenta l-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-malathion għal madwar 40 sena. Cheminova A/S hija proprjetarja ta’ trade marks rilevanti oħra ta’ malathion, li r-reputazzjoni u l-“goodwill” tagħhom jitnaqqsu fix-xejn bid-deċiżjoni kkontestata.

    82

    Ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li, għalkemm il-malathion kien effettivament ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva, l-Artikolu 13 tad-Direttiva kien ippermetta lil Cheminova A/S, bħala notifikanta, tirrifjuta lill-kompetituri u lill-klijenti tagħha l-aċċess għall-informazzjoni ottenuta — bi spiża kbira — sabiex jiksbu din l-inklużjoni. Normalment, l-aċċess ta’ dawn il-kompetituri u klijenti għal din l-informazzjoni — neċessarja għall-kisba ta’ l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali għall-prodott għall-ħarsien tal-pjanti in kwistjoni — huwa permess biss bi ħlas ikkalkulat b’mod li jikkumpensa lin-notifikant ta’ l-ispejjeż tiegħu. Minħabba n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva, Cheminova A/S issoffri dannu li jikkonsisti f’ċaħda tal-benefiċċju tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data li tirriżulta minn tali inklużjoni.

    83

    Fir-rigward tan-natura serja tad-dannu kkawżat bid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jindikaw li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti Cheminova A/S, inkluż dak magħmul mir-rikorrenti Cheminova Agro Italia, Cheminova Bulgaria u Agrodan, jirrappreżenta madwar [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp kollu għall- 2006. Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mir-rapport ta’ Deloitte & Touche (anness mat-talba għal miżuri provviżorji) li d-dħul mill-bejgħ magħmul bil-malathion matul is-sena 2006 ammonta għal madwar EUR [kunfidenzjali] miljun, li jirrapreżenta [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ l-erba’ rikorrenti Cheminova. [kunfidenzjali] % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ ġie magħmul fis-suq Komunitarju. L-ammont totali tad-dħul mill-bejgħ magħmul fil-pajjiżi affettwati bid-deċiżjoni kkontestata hu ta’ madwar EUR [kunfidenzjali] miljun fl-2006, li jirrappreżenta [kunfidenzjali] % tat-total tad-dħul mill-bejgħ magħmul bil-malathion.

    84

    Huma jippreċiżaw li l-bejgħ magħmul fi ħdan il-Komunità ser jintilef minħabba l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali. Fir-rigward tal-bejgħ magħmul fi Stati terzi, ir-rapport ta’ Deloitte & Touche juri dannu taħt diversi aspetti. B’hekk, ċerti pajjiżi terzi jaderixxu mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod li r-rifjut ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva ta’ sustanza attiva tirriżulta fil-projbizzjoni ta’ din is-sustanza f’dawn il-pajjiżi, li huwa kkonfermat permezz tar-rapport ta’ Phillips McDougall (anness mat-talba għal miżuri provviżorji). Barra minn hekk, skond l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura ta’ kunsens informat minn qabel għal ċerti prodotti kimiċi u pestiċidi għal kummerċ internazzjonali (ĠU 2003, L 63, p. 29), l-Istati firmatarji għandhom jinnotifikaw il-projbizzjonijiet fid-90 ġurnata wara l-adozzjoni tagħhom. Tali notifika tista’ twassal għall-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness III tal-Konvenzjoni, li jkollha bħala effett li s-sustanza in kwistjoni tiġi għalhekk suġġetta għal proċedura ta’ kunsens minn qabel f’każ ta’ esportazzjoni barra mill-Komunità. Il-Kummissjoni kienet ippreparat tali notifika.

    85

    Barra minn dan, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni bħad-deċiżjoni kkontestata hija ġeneralment segwita bl-iffissar ta’ livelli massimi ġodda ta’ residwi (iktar ’il quddiem il-“LMR”) għas-sustanza in kwistjoni fil-prodotti li joriġinaw mill-pjanti. L-iffissar ta’ dawn il-LMR jirriżultaw fil-prattika sabiex jipprojbixxu l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħsad jew ta’ prodotti trattati bil-malathion barra mill-Komunità. F’kull każ, l-inċertezza li hi ta’ piż fuq il-LMR hija biżżejjed sabiex tqajjem dubji fil-moħħ ta’ klijenti barra mill-Komunità, kif jidher minn imejl irċevuta mill-Fundecitrus, organizzazzjoni ta’ koltivaturi taċ-ċitru fil-Brażil. Deloitte & Touche ħadet dawn l-elementi in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dannu li jirriżulta mit-telf ta’ bejgħ ta’ malathion barra mill-Komunità.

    86

    Deloitte & Touche kienet ikkalkulat ukoll telf ta’ qligħ minħabba t-tkabbir mistenni fil-kuntest tal-“proġett kolza”: peress illi Cheminova A/S ikkunsidrat li tipprovdi l-malathion għas-settur tal-kolza mhux iktar tard mill-2009, kien ġie previst li l-“proġett kolza” jżid b’mod sinjifikattiv id-dħul mill-bejgħ u l-profitti magħmula bil-prodotti abbażi ta’ malathion. Deloitte & Touche kienet stmat dan it-telf ta’ qligħ għal iktar minn EUR [kunfidenzjali] miljun sa’ l-2011.

    87

    Billi kkunsidrat l-elementi fattwali kollha neċessarji għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu, Deloitte & Touche kienet stmat l-ammont tad-dannu totali subit mill-erba’ rikorrenti Cheminova minħabba d-deċiżjoni kkontestata għal madwar EUR [kunfidenzjali] miljun.

    88

    Fir-rigward tar-rikorrenti Lodi, ir-rikorrenti jiddikjaraw li hija wkoll issofri dannu serju u irrimedjabbli jekk il-miżura provviżorja mitluba ma tingħatax.

    89

    Il-Kummissjoni tqis li d-dannu allegat mir-rikorrenti huwa ta’ natura purament pekunjarja. Tali dannu ma jistax, in ġenerali, jiġi meqjus bħala irrimedjabbli minħabba li jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri.

    90

    Fir-rigward tan-natura serja tad-dannu allegat, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-deċiżjoni kkontestata twassal għar-rikorrenti f’telf tal-bejgħ tagħhom, tad-dħul tagħhom u ta’ l-ishma tas-suq tagħhom. Madankollu, sehem tas-suq mhuwiex għan minnu nnifsu: l-impriża tista’ tibbenefika minnu biss safejn dan iġibilha profitt. Sabiex tiġi evalwata n-natura serja jew le tat-telf ta’ sehem tas-suq, jeħtieġ, għaldaqstant, li dan is-sehem jiġi mfisser f’termini finanzjarji, u dan fid-dawl tad-daqs finanzjarju ta’ l-impriża kollha kemm hi. F’dan il-każ, parti kbira tal-bejgħ ta’ malathion effettwat mill-erba’ rikorrenti Cheminova mhijiex ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, billi biss [kunfidenzjali] % tal-bejgħ tagħhom ta’ malathion huwa magħmul fis-suq Komunitarju.

    91

    Id-dannu li jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni jammonta biss għal [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Cheminova għat-tliet snin li ġejjin. Tali dannu ma jistax jiġi kkwalifikat bħala serju. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1990, Cosmos-Tank et vs Il-Kummissjoni (C-51/90 R u C-59/90 R, Ġabra p. I-2167).

    92

    Skond il-Kummissjoni, huwa żbaljat li r-rikorrenti jikkunsidraw it-telf ta’ bejgħ u ta’ dħul wara s-sena 2010 fil-kalkolu tad-dannu. Fil-fatt, dan it-telf hu wisq il-bogħod sabiex jiġġustifika l-miżura provviżorja mitluba. Minbarra dan, ir-rikorrenti jħawdu l-bejgħ magħmul fis-suq Komunitarju ma’ dak effettwat fi swieq extrakomunitarji. Id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi l-effetti tagħha biss fis-suq Komunitarju u mhux f’pajjiżi terzi.

    93

    Fir-rigward tan-natura irrimedjabbli tad-dannu invokat, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti kien messhom ipprovaw li ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika jipprekluduhom milli jerġgħu jikkonkwistaw sehem kunsiderevoli ta’ l-ishma tas-suq tagħhom bl-għajnuna, b’mod partikolari, ta’ miżuri adegwati ta’ reklamar. Huma ma jġibu ebda prova f’dan is-sens, iżda jillimitaw ruħhom sabiex jiddikjaraw li kompetituri jikkontrollaw ishma tas-suq għoljin. Madankollu, dan il-fatt mhuwiex, fih innifsu, ostakolu ta’ natura strutturali għall-possibbiltà biex ir-rikorrenti jerġgħu jikkonkwistaw l-ishma tas-suq tagħhom.

    94

    Din it-talba għal miżuri provviżorji hija, barra minn hekk, kontradittorja fir-rigward tas-sustanzi attivi li jistgħu jissostitwixxu l-malathion. B’hekk, iż-żewġ rapporti preżentati mir-rikorrenti in sostenn ta’ l-argument tagħhom iwasslu għal riżultati kompletament opposti. Minbarra dan, ix-xhieda ta’ klijenti invokati sabiex jiġi pprovat li ritorn tal-malathion fis-suq mhuwiex possibbli ma jippermettux b’ebda mod l-interpretazzjoni pessimista tar-rikorrenti. Għall-kuntrarju, tali ritorn jidher kompletament realistiku.

    95

    Barra minn dan, ir-rikorrenti ammettew li s-sustanzi li jistgħu jissostitwixxu l-malathion ma jistgħux jissostitwixxuh perfettament. Dan juri li, jekk il-malathion kien rintrodott fis-suq, dan jista’ jerġa’ jikkonkwista s-sehem tas-suq tiegħu minħabba l-karatteristiċi intrinsiċi tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma pprovawx li kien hemm xkiel li ma jistax jingħeleb li jipprekludihom milli jerġgħu jikkonkwistaw sehem kunsiderevoli tas-suq.

    96

    Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-urġenza mhix stabbilita f’dan il-każ.

    Il-kunsiderazzjonijiet ta’ l-Imħallef għal miżuri provviżorji

    97

    Skond ġurisprudenza stabbilita, l-urġenza għanda tiġi evalwata fir-rigward tan-neċessità li tittieħed deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li dannu serju u irrimedjabbli jiġi kkawżat lill-parti li titlob il-miżura provviżorja. L-imminenza tad-dannu m’għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta; huwa suffiċjenti, b’mod partikolari meta t-twettiq tad-dannu jiddependi fuq it-twettiq ta’ numru ta’ fatturi, li dan ikun prevedibbli b’livell suffiċjenti ta’ probabbiltà (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2007, IMS vs Il-Kummissjoni, T-346/06 R, Ġabra p. II-1781, punti 121 u 123, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-parti li tinvokah għandha tipprova l-fatti li għandhom jiffurmaw il-bażi ta’ dannu serju u irrimedjabbli [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs Il-Kummissjoni, C-335/99 P(R), Ġabra p. I-8705, punt 67; digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, T-151/01 R, Ġabra p. II-3295, punt 188, u tal-25 ta’ Ġunju 2002, B vs Il-Kummissjoni, T-34/02 R, Ġabra p. II-2803, punt 86].

    98

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita ferm li dannu ta’ natura finanzjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi meqjus bħala irrimedjabbli jew anki diffiċilment rimedjabbli, meta jista’ normalment ikun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, C-471/00 P(R), Ġabra p. I-2865, punt 113; digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2001, Bactria vs Il-Kummissjoni, T-339/00 R, Ġabra p. II-1721, punt 94].

    99

    Il-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrent jinsab f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tiegħu qabel ma tingħata s-sentenza li ġġib fi tmiem il-proċedura fil-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il-Kummissjoni, T-181/02 R, Ġabra p. II-5081, punt 84). Billi l-imminenza ta’ l-għejbien tas-suq tikkostitwixxi effettivament dannu kemm irrimedjabbli kif ukoll serju, l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba tidher iġġustifikata f’ipoteżi tali.

    100

    Għalkemm ġie wkoll ikkunsidrat il-fatt li, fin-nuqqas tal-miżura provviżorja mitluba, l-ishma tas-suq tar-rikorrenti jiġu mmodifikati b’mod irrimedjabbli [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99 R, Ġabra p. II-1961, punt 138; Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, punt 71 iktar ’il fuq, punt 107, u Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 175], għandu jiġi ppreċiżat li din l-ipoteżi tista tiġi kkunsidrata bħala ugwali ma’ dik tar-riskju ta’ l-għejbien tas-suq u tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba biss jekk il-modifika irrimedjabbli ta’ l-ishma tas-suq hija wkoll ta’ natura serja. Mhuwiex bizżejjed għalhekk li sehem tas-suq, minimu kemm jista’ jkun, jirriskja li jiġi irrimedjabbilment mitluf, iżda jeħtieġ li dan is-sehem tas-suq ikun suffiċjentement sinjifikanti. Rikorrent li jinvoka t-telf ta’ tali sehem tas-suq għandu juri, barra minn dan, li l-konkwista mill-ġdid ta’ sehem kunsiderevoli ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari b’miżuri adegwati ta’ reklamar, hija impossibbli minħabba ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika (ara, f’dan is-sens, digriet Il-Kummissjoni vs Cambridge Healthcare Supplies, punt 98 iktar ’il fuq, punti 110 u 111, u digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2007, Sumitomo Chemical Agro Europe vs Il-Kummissjoni, T-416/06 R, Ġabra p. II-18, punti 59 u 60).

    101

    Hu fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit li ser jiġi kkawżat dannu serju u irrimedjabbli lil Cheminova A/S jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tiġix ordnata. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-argumenti relatati mar-rikorrenti Lodi, Cheminova Agro Italia, Cheminova Bulgaria u Agrodan għandhom jiġu esklużi minn dan l-eżami (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

    102

    Għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk id-dannu allegat jistax jiġi kkwalifikat bħala serju fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kif ukoll tal-karatteristiċi tal-grupp li għalih hija tappartjeni [ara d-digriet Cosmos-Tank et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 26; digriet Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punti 196 u 203, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    103

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jindikaw li d-dħul mill-bejgħ medju matul it-tliet snin 2004, 2005 u 2006 tal-grupp li għalih tappartjeni l-impriża Cheminova ammonta għal 5,248 biljun ta’ kuruni Daniżi (DKK), jjiġifieri iktar minn EUR 700 miljun. Skond ir-rikorrenti, il-gravità tad-dannu hija stabbilita, b’mod partikolari, permezz tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ magħmul bil-malathion matul is-sena 2006 ammonta għal EUR [kunfidenzjali] miljun, “li jirrapreżenta [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti Cheminova”. Huma jippreċiżaw li “[kunfidenzjali] % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ ġie magħmul fis-suq ta’ l-Unjoni Ewropea”.

    104

    Minn dan jirriżulta li, skond iċ-ċifri ppreżentati mir-rikorrenti, id-dannu annwali kkawżat bid-deċiżjoni kkontestata fis-suq Komunitarju jammonta għal inqas minn 1% tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp tagħhom.

    105

    Il-valur probatorju ta’ l-elementi li fuqhom hija bbażata din iċ-ċifra ta’ anqas minn 1% huwa nettament imnaqqas bil-fatt li ċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati b’mod relattiv, u dan għal żewġ raġunijiet.

    106

    Minn naħa, il-perċentwali msemmija fit-talba għal miżuri provviżorji ġew ikkalkulati f’relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-erba’ rikorrenti Cheminova, filwaqt li dawn kellhom jiġu kkalkulati f’relazzjoni ma’ dak, iktar sinjifikanti, tal-grupp li għalih huma jappartjenu. Minn naħa l-oħra, kif ġie deċiż iktar ’il fuq (punti 64 u 101), l-elementi li jikkonċernaw lil Cheminova A/S biss jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-urġenza. L-informazzjoni ppreżentata fit-talba għal miżuri provviżorji hija relattiva għall-erba’ rikorrenti Cheminova u ma tippermettix li jiġu identifikati ċ-ċifri rilevanti għal Cheminova A/S, filwaqt li dawn iċ-ċifri kellhom jidhru fit-test innifsu tat-talba għal miżuri provviżorji (ara l-punt 66 iktar ’il fuq).

    107

    Isegwi li ċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti dwar id-dannu subit fis-suq Komunitarju ma jidhrux suffiċjentement preċiżi sabiex jistabbilixxu l-urġenza għal Cheminova A/S.

    108

    Sussidjarjament, b’evalwazzjoni approssimattiva tad-dannu annwali kkawżat lil Cheminova A/S biss bid-deċiżjoni kkontestata fis-suq Komunitarju, wieħed jasal għal stima kunsiderevolment inqas minn dik ta’ inqas minn 1% tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Cheminova.

    109

    Safejn ir-rikorrenti jinvokaw tnaqqis tal-bejgħ tagħhom fl-Istati mhux membri tal-Komunità bħala konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li ċerti pajjiżi terzi jsegwu l-leġiżlazzjoni Komunitarja, għandu jiġi kkonstatat li tali komportament mhuwiex allegat fir-rigward tas-swieq ta’ l-Istati Uniti u dak tal-Kanada, li fihom ir-rikorrenti jbigħu, skond ir-rapport Deloitte & Touche, [kunfidenzjali] % tal-prodotti tagħhom abbażi ta’ malathion. Skond it-termini infushom ta’ dan ir-rapport, dawn iż-żewġ swieq mhumiex probabbilment ser jiġu affettwati bin-nuqqqas ta’ inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva. Għaldaqstant, l-allegat impatt negattiv tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bejgħ fi Stati terzi huwa diġà kunsiderevolment imnaqqas, skond l-elementi pprovduti mir-rikorrenti stess.

    110

    Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi oħra li fihom huma jisħqu li jikkumerċjalizzaw prodotti abbażi ta’ malathion, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-miżura provviżorja mitluba, kieku din kellha tiġi mogħtija, tipprekludi l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati milli jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-malathion fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, huma ma wrewx li s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tkun ta’ natura li timpedixxi t-twettiq tad-dannu allegat. F’kull każ, tali projbizzjoni li jiġi kkumerċjalizzat il-malathion hija l-konsegwenza diretta mhux tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż terz fl-eżerċizzju tal-poteri sovrani tagħhom (ara, f’dan is-sens, digriet tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 100 iktar ’il fuq, punt 160).

    111

    L-invokazzjoni mir-rikorrenti ta’ l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam (ara l-punt 84 iktar ’il fuq) mhijiex lanqas ta’ natura li tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skond id-dritt, li l-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ notifika li għandha l-Kummissjoni skond din id-dispożizzjoni jista’ jikkawża dannu previdibbli u li jista’ jiġi kkwantifikat lil Cheminova A/S f’pajjiż terz matul il-proċedura fil-kawża prinċipali. Għalkemm ir-rikorrenti rrimarkaw li l-malathion għadu kif ġie inkluż, skond ir-Regolament (KE) Nru 1376/2007 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Novembru 2007, li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU L 307, p. 14), fil-Parti I ta’ l-Anness I ta’ dan ir-Regolament Nru 304/2003, li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, hu biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skond it-termini ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 304/2003, din l-inklużjoni għandha bħala konsegwenza biss li tistabbilixxi obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ eventwali pajjiżi importaturi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-mekkaniżmu tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam jirriżulta direttament u inevitabbilment f’telf ta’ bejgħ ta’ prodotti abbażi ta’ malathion fis-suq ta’ pajjiżi terzi speċifiċi. Għall-kuntrarju, huma ammettew, f’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, li kien il-pajjiż terz biss li kellu jiddeċiedi fuq l-importazzjoni jew le tal-prodotti kkonċernati.

    112

    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, hija ġeneralment segwita bl-iffissar ta’ LMR ġodda għas-sustanza in kwistjoni fil-prodotti li joriġinaw mill-pjanti, li jsarraf fil-prattika sabiex jipprojbixxi l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħsad jew ta’ prodotti ttrattati bil-malathion barra mill-Komunità u jqajjem dubji fil-moħħ ta’ klijenti ta’ pajjiżi terzi. F’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, huma ppreċiżaw li r-rabta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-iffissar tal-LMR ikkonsistiet fil-preġudizzju għall-bejgħ f’pajjiżi terzi tal-prodotti abbażi ta’ malathion.

    113

    F’dan ir-rigward, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-allegati effetti negattivi ta’ LMR ġodda fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, huwa stabbilit li r-rikorrenti jbigħu [kunfidenzjali] % tal-prodotti tagħhom abbażi ta’ malathion fis-swieq ta’ l-Istati Uniti u tal-Kanada. Skond it-termini stess tar-rapport ta’ Deloitte & Touche, dawn iż-żewġt iswieq mhuma b’ebda mod ser jiġu probabbilment affettwati bil-problematika tal-LMR. Fir-rigward tas-swieq l-oħra, biżżejjed jiġi mfakkar li huma l-pajjiżi terzi ikkonċernati biss li għandhom jiddeċiedu fuq l-importazzjoni jew le tal-prodotti abbażi ta’ malathion (ara l-punti 110 u 111 iktar ’il fuq).

    114

    Bl-istess mod, fis-suq Komunitarju, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata setgħet effettivament tirriżulta fl-iffissar ta’ LMR ġodda għall-malathion, id-dannu allegatament subit minħabba dawn il-LMR mhux konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif ammettew ir-rikorrenti, il-proċedura Komunitarja ta’ ffissar ta’ LMR hija indipendenti minn nuqqas ta’ inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma wrewx, b’mod suffiċjenti skond id-dritt, li n-nuqqas ta’inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva twassal inevitabbilment sabiex jiġu pprojbiti, minħabba LMR ġodda iktar stretti, l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti ttrattati b’din is-sustanza. Huma ma tawx, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li jipprekludu lil-leġiżlatur Komunitarju milli jiffissa, bl-għan li jiffaċilita l-iskambji internazzjonali, “tolleranzi ta’ importazzjoni” li jippermettu l-importazzjoni ta’ ikel u ta’ prodotti li joriġinaw mill-pjanti affettwati bil-LMR preċedenti għall-malathion.

    115

    Isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-problematika tal-LMR huma irrilevanti sabiex juru l-gravità tad-dannu allegatament ikkawżat lil Cheminova A/S bid-deċiżjoni kkontestata.

    116

    Safejn ir-rikorrenti jirreferu għal “proġett kolza” li fil-kuntest tiegħu Cheminova A/S kienet ikkunsidrat li tipprovdi l-malathion għas-settur tal-kolza, billi tipprevedi li żżid b’mod sinjifikanti d-dħul mill-bejgħ u l-profitti magħmula bil-prodotti tagħha abbażi ta’ malathion, għandu jiġi nnotat li t-telf ta’ qligħ invokat f’dan il-kuntest huwa bbażat purament fuq tamiet, billi t-talba għal miżuri provviżorji ma ssemmi ebda kuntratt, jew kuntratt preliminari, ta’ kunsinna ffirmat li għandu bħala għan l-implementazzjoni minn Cheminova A/S ta’ dan il-proġett, li l-eżekuzzjoni tiegħu kien jiġi kompromess bid-deċiżjoni kkontestata. Il-“proġett kolza” għadu għaldaqstant ma ġiex ikkonkretizzat sal-punt li jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala akkwist ta’ Cheminova A/S.

    117

    Id-dannu invokat f’relazzjoni mal-“proġett kolza” għandu għalhekk jiġi kkwalifikat bħala ipotetiku. Issa, dannu ta’ natura purament ipotetika, safejn jiddependi mis-seħħ ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji (digrieti tal-President tat-Tribunal, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 101, u tat-3 ta’ Frar 2004, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T-422/03 R, Ġabra p. II-469, punt 65). Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet effettwati mir-rikorrenti f’dan il-kuntest mhumiex lanqas ta’ natura li jistabbilixxu l-gravità tad-dannu allegatament ikkawżat lil Cheminova A/S bid-deċiżjoni kkontestata.

    118

    Fir-rigward tad-dannu kkawżat bil-preklużjoni tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data allegatament mogħtija bl-Artikolu 13 tad-Direttiva, irid jiġi kkonstatat li r-rikorrenti astjenew ruħhom milli jikkwantifikaw, fit-talba għal miżuri provviżorji, dan l-element tad-dannu li jirriżulta minn nuqqas ta’ inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva, mingħajr madankollu ma sostnew li tali kwantifikar huwa impossibbli. L-affermazzjoni relattiva għall-protezzjoni tad-data għandha għalhekk ukoll tiġi miċħuda.

    119

    Jirriżulta minn hekk li jippreċedi li ebda mill-elementi mressqa sabiex jistabbilixxu l-gravità tad-dannu subit minn Cheminova A/S ma jista’ jiġi milqugħ.

    120

    Barra minn dan, dan id-dannu, stmat approssimattivament għal anqas minn 1% tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Cheminova (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), għandu jerġa’ jkun is-suġġett ta’ tnaqqis, billi r-rikorrenti ammettew li huma f’pożizzjoni li jikkumpensaw parti mill-bejgħ tagħhom ta’ prodotti abbażi ta’ malathion bil-bejgħ ta’ prodotti oħra li huma jimmanifatturaw jew li huma awtorizzati biex jikkumerċjalizzaw, filwaqt li ppreċiżaw li [kunfidenzjali] % ta’ l-użi mitlufa jkunu jistgħu jiġu rkuprati fi Spanja bil-bejgħ ta’ prodotti sostituttivi li jinsabu fil-firxa ta’ prodotti tar-rikorrenti.

    121

    Dawn il-konstatazzjonijiet huma biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-dannu kkawżat lil Cheminova A/S bid-deċiżjoni kkontestata jammonta, f’kull każ, għal nettament anqas minn 1% tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Cheminova u ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala li huwa serju, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi identifikat kull prodott ta’ sostituzzjoni u t-tnaqqis li għandu jiġi effettwat, li huwa wkoll impossibbli fin-nuqqas ta’ ċifri li jirrigwardaw lil Cheminova A/S biss.

    122

    Din il-konklużjoni mhijiex imqiegħda in kwistjoni minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha invokati mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-fatt li Cheminova A/S bdiet tipproduċi l-malathion fl-1968 taħt it-trade mark Fyfanon®™, saret, fl-1991, il-manifattur prinċipali tal-malathion u għalhekk ilha preżenti fis-suq tal-malathion għal 40 sena u tibbenefika minn awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti abbażi ta’ malathion għal numru ta’ użi f’għaxar Stati Membri tal-Komunità. Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet storiċi ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni in kwantu ma tirriżulta minnhom ebda informazzjoni ekonomika u finanzjarja kkwantifikata li tista’ tiġi kkunsidrata biex jiġi evalwat id-dannu li jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ miżura provviżorja.

    123

    Barra minn dan, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx, b’mod suffiċjenti skond id-dritt, li d-dannu stmat b’mod approssimattiv iktar ’il fuq jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa irrimedjabbli.

    124

    F’dan ir-rigward, hu biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li huma jirriskjaw li jitilfu l-ishma tas-suq u r-reputazzjoni miksuba permezz tal-malathion fil-Komunità, huma ma rnexxilhomx jistabbilixxu, b’mod suffiċjenti skond id-dritt, li huwa impossibbli għal Cheminova A/S li terġa’ tikkonkwista din ir-reputazzjoni u dawn l-ishma tas-suq mitlufa, fis-sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata bħala riżultat tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-elementi tal-proċess għal miżuri provviżorji ma jippermettux li jiġi konkluż li dan it-telf huwa irrimedjabbli u li mhux possibbli għall-malathion li jerġa’ jakkwista l-pożizzjoni preċedenti tiegħu.

    125

    Minn naħa, ir-rikorrenti jenfasizzaw huma stess li hu impossibbli li jiksbu, minn perspettiva teknika, sostitwibbiltà tal-malathion perfetta u mingħajr difett. Min- naħa l-oħra, huma jinnotaw li wieħed mill-vantaġġi prinċipali tal-malathion huwa li jiddisponi minn spettru vast ta’ azzjoni u li jista’ jiġi mibjugħ lill-kultivatur għal prezz relattivament modest. Fl-aħħar, huma attiraw espressament l-attenzjoni fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ tliet entitajiet rappreżentattivi tal-klijentela tagħhom fl-Ewropa li jenfasizzaw l-importanza tal-malathion, in-natura indispensabbli tiegħu fil-kaxxa ta’ strumenti kimiċi intiżi sabiex jiġġieldu l-insetti noċivi u jevitaw l-iżvilupp ta’ reżistenzi, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi dannużi tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-malathion fl-Anness I tad-Direttiva.

    126

    Isegwi li l-kwalitajiet tal-malathion huma apparentement apprezzati ħafna mill-klijentela tar-rikorrenti u li ma jeżistix prodott perfett ta’ sostituzzjoni. Dawn l-elementi jiffavorixxu wkoll il-possibbiltà ta’ ritorn fis-suq tal-malathion fil-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tkunx is-suġġett ta’ sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u tkun annullata permezz tas-sentenza fil-kawża prinċipali.

    127

    Din il-konklużjoni hi kkonfermata bir-riżultati ta’ studju mwettaq ma’ ċerti mill-klijenti prinċipali tagħhom u li tirrigwarda l-eventwalità ta’ ritorn fis-suq tal-malathion wara awtorizzazzjoni ġdida ta’ din is-sustanza. Fil-fatt, ebda mill-klijenti li ġew intervistati ma eskludew kategorikament kull possibbiltà ta’ konkwista mill-ġdid permezz tal-malathion ta’ l-ishma tas-suq mitlufa.

    128

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li wieħed mid-disa’ klijenti ammetta, mingħajr riżervi, il-possibbiltà ta’ ritorn fis-suq tal-malathion. Għalkemm klijent ieħor iddikjara li tali ritorn deher improbabbli billi s-suq kien ġie kkonkwistat in parti minn prodotti oħra, il-valur probatorju ta’ din ir-risposta hu mċekken minħabba li din ġiet mogħtija minn Lodi, rikorrenti, li ma tistax tiġi kkwalifikata bħala sors ta’ informazzjoni oġġettiva, safejn hija ssostni preċiżament, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li konkwista mill-ġdid mill-malathion tal-pożizzjoni preċedenti tiegħu hija impossibbli. Tielet klijent irrisponda li, għalkemm il-prodotti ta’ sostituzzjoni u l-malathion kienu komparabbli f’termini ta’ effikaċità u ta’ prezz, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina li l-bdiewa jerġgħu jużaw il-malathion. Dan il-klijent madakollu żied jgħid li ser jerġa’ jbigħ il-malathion f’każ ta’ ritorn tal-malathion fis-suq. Il-klijenti l-oħra kkunsidraw ir-ritorn tal-malathion fis-suq taħt kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-effikaċità tal-prodott u l-kompetittività tal-prezz tiegħu.

    129

    Ir-rikorrenti ma ddikjarawx li l-malathion kien inqas effikaċi mill-prodotti sostituttivi li kienu kkonkwistaw l-ishma tas-suq mitlufa minħabba d-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-livell ta’ prezz, ir-rikorrenti stess jirreferu għal marġni ta’ qligħ relattivament għoli fuq ċerti mill-prodotti tagħhom abbażi ta’ malathion, jiġifieri [kunfidenzjali] %, li jista’ jippermettilhom li jipprattikaw prezzijiet baxxi sabiex jassistu d-dħul mill-ġdid fis-suq ta’ dawn il-prodotti.

    130

    Isegwi li, għalkemm konkwista mill-ġdid mill-malathion ta’ l-ishma tas-suq mitlufa minħabba d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun ekonomikament u finanzjarjament oneruża mhux ħażin, tali ritorn fis-suq, inkluż ir-ripristinar tar-reputazzjoni tal-malathion, ma tidhirx impossibbli (ara, f’dan is-sens, digriet tat-30 ta’ Ġunju 1999, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 100 iktar ’il fuq, punti 161 sa 165).

    131

    Id-dannu allegatament subit minn Cheminova A/S minħabba d-deċiżjoni kkontestata ma jistax għalhekk jiġi meqjus li huwa irrimedjabbli, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kwistjonijiet l-oħra, b’mod partikolari s-sostitwibbiltà, imqajma fil-kuntest ta’ l-urġenza.

    132

    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li r-rikorrenti ma pprovawx, fl-istat attwali, li Cheminova A/S tbati dannu gravi u irrimedjabbli jekk is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni mitluba ma kellhiex tingħata.

    133

    Għaldaqstant, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ urġenza, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ għoti tas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni huma sodisfatti.

     

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

    jordna:

     

    1)

    It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

     

    2)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Mogħti fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Diċembru 2007.

    E. Coulon

    Reġistratur

    M. Jaeger

    President


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    ( 1 ) Data kunfidenzjali maqtugħa.

    Top