EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0484

Kawża T-484/07: Rikors ippreżentat fit- 22 ta' Diċembru 2007 — Ir-Rumanija vs Il-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 51, 23.2.2008, p. 57–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 51/57


Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2007 — Ir-Rumanija vs Il-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-484/07)

(2008/C 51/103)

Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: Aurel Ciobanu Dordea, aġent, Emilia Gane u Dumitra Mereuță, kunsilliera)

Konvenuta: Il-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5253 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' għoti ta' ċertifikati rigward emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-perijodu 2008-2012, innotifikat mir-Rumanija abbażi tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE;

tikkundanna l-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment il-pjan nazzjonali ta' għoti ta' ċertifikati ta' emissjoni ta' gass serra għall-perijodu 2008-2012, innotifikat mir-Rumanija abbażi tad-Direttiva Nru 2003/87/KE (1), billi naqqset, għal 19 754 248 tunnellata ta' ekwivalenti għal CO2 fis-sena, in-numru totali ta' ċertifikati mogħtija għas-sistema Komunitarja, u ddeċidiet li mhux ser tinqabeż il-kwantità medja totali fis-sena ta' 75 944 352 tunnellata ta' kwoti ta' emissijoni li tista' tingħata.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem il-motivi li ġejjin:

il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(1) u (3), u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, billi stabbilixxiet, b'mod vinkolanti, abbażi ta' metodu tagħha, il-kwantità totali ta' kwoti ta' emissjoni li jistgħu jingħataw lir-Rumanija, u marret b'hekk lil hinn mill-kompetenzi tagħha;

il-Kummissjoni applikat metodu li huwa nieqes mit-trasparenza sabiex tistabbilixxi l-kwantità totali ta' kwoti ta' emissjoni, b'mod li kisret kemm l-Artikolu 9(3), kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE;

fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-metodu tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni;

il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u l-Artikolu 253 KE billi ma mmotivatx b'mod xieraq id-Deċiżjoni C(2007) 5240 finali.


(1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/87/KE, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).


Top