This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TN0130
Case T-130/07: Action brought on 19 April 2007 — Aughinish Alumina v Commission
Kawża T-130/07: Rikors ippreżentat fid- 19 ta' April 2007 — Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni
Kawża T-130/07: Rikors ippreżentat fid- 19 ta' April 2007 — Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni
ĠU C 140, 23.6.2007, p. 35–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
23.6.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 140/35 |
Rikors ippreżentat fid-19 ta' April 2007 — Aughinish Alumina vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-130/07)
(2007/C 140/60)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Aughinish Alumina (Askeaton, l-Irlanda) (rappreżentanti: J. Handoll, C. Waterson, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
It-talbiet tar-rikorrenti
Fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet tagħha, AAL bir-rispett titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' Frar 2007 li tikkonċerna l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żejt minerali li jintuża bħala karburanti għall-produzzjoni ta' l-allumina f'Gardanne, fir-Reġjun ta' Shannon u f'Sardenja safejn dan jirrigwarda AAL. |
— |
tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)286 Finali tas-7 ta' Frar 2007, li tikkonċerna l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żejt minerali li jintuża bħala karburanti għall-produzzjoni ta' l-allumina f'Gardanne, fir-Reġjun ta' Shannon u f'Sardenja rispettivament, implementata minn Franza, l-Irlanda u l-Italja safejn dan jirrigwarda Aughinish Alumina Ltd. (iktar 'il quddiem “AAL”).
AAL issostni li hemm tmien motivi għal annullament in sostenn tat-talbiet tagħha:
L-ewwel nett, il-Kummissjoni naqset, skond ir-rikorrenti, milli tosserva li l-eżenzjoni taqa' taħt in-natura u l-loġika tas-sistema ta' tassazzjoni Irlandiża u għaldaqstant ma tikkostitwixxix għajnuna.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza kif suppost is-swieq rilevanti u l-istruttura kompetittiva tagħhom. F'ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni nnifisha kienet preċedentement aċċettat li ma kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, u fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill awtorizza l-eżenzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2006, ir-rikorrenti ssostni li kienet il-Kummissjoni li jmissha pprovat li kienet fasslet analiżi ekonomika ddettaljata li kien juri b'mod ċar li kien hemm distorsjoni attwali jew probabbli tal-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti għaldaqstant issostni li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna.
It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li, kieku l-eżenzjoni xorta waħda titqies li tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni naqset milli tittratta l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna li taqa' taħt l-Artikolu 88 (1) KE. L-għajnuna kienet suġġetta għal impenn vinkolanti mogħti qabel l-adeżjoni ta' l-Irlanda fil-Komunitajiet Ewropej, innotifikat f'Jannar 1983. Billi l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni sas-17 ta' Lulju 2000, il-perijodu ta' deroga ta' għaxar snin inqabeż u l-irkupru ġie, għaldaqstant, prekluż. Ir-rikorrenti ssostni għaldaqstant li l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata bħala skema ta' għajnuna.
Ir-raba' nett, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni jmissha ħadet in kunsiderazzjoni l-acquis kollu fuq l-armonizzazzjoni tas-sisa, sabiex tiddetermina jekk għandhiex u kif għandha teżerċita s-setgħat tagħha taħt id-dispożizzjonijiet ta' Għajnuna mogħtija mill-Istat tat-Trattat KE. Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju ta' ċertezza legali peress li tidher li tmur kontra l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill taħt l-Artikolu 93 KE, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidher li naqset milli tifhem li l-miżuri li ttieħdu mill-Kunsill taħt l-Artikolu 93 KE jikkostitwixxu lex specialis li kienet tipprevali fuq kull applikazzjoni tar-regoli konfliġġenti ta' għajnuna mogħtija mill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset, skond dak li ssostni r-rikorrenti, milli tuża l-proċedimenti li tiddisponi minnhom skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/81/KE sabiex issolvi għajnuna mogħtija mill-Istat jew kwistjonijiet oħra, jew saħansitra li titlob l-annullament ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill applikabbli u, għaldaqstant, marret kontra l-effett utli tal-miżuri tal-Kunsill.
Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni r-rekwiżiti fundamentali ta' l-Artikoli 3 u 157 KE, sabiex issaħħaħ il-kompetittività ta' l-industrija tal-Komunità u sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività ta' l-industrija tal-Komunità jeżistu.
Is-sitt nett, billi sabet li 20 % ta' l-eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni tidher li naqset milli tikkunsidra li r-rikorrenti kienet suġġetta għal numru ta' obbligi ambjentali u li tikkunsidra miżuri li kien ikollhom l-istess effett inċentiv bħala rekwiżit sabiex titħallas proporzjoni sinjifikattiva ta' taxxa nazzjonali.
Is-seba' nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta' ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.
It-tmien nett, it-tul eċċessiv tal-proċediment taħt l-Artikolu 88(2) KE imur kontra l-prnċipji ta' l-amministrazzjoni ġusta u ta' ċertezza legali u hija iżjed serja, skond ir-rikorrenti, minħabba li l-Kummissjoni, qabel ma bdiet il-proċediment, kienet diġà naqset milli tieħu azzjoni fir-rigward tan-notifika ta' l-1983.