Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0117

    Kawża T-117/07: Rikors ippreżentat fit- 18 ta' April 2007 — Areva et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 140, 23.6.2007, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 140/28


    Rikors ippreżentat fit-18 ta' April 2007 — Areva et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-117/07)

    (2007/C 140/49)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: AREVA SA, AREVA T&D HOLDING SA, AREVA T&D SA (Pariġi, Franza) u AREVA T&D AG (Oberentfelden, l-Isvizzera) (rappreżentanti: A. Schild, Rechtsanwältin, u J.-M. Cot, avocat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent(i)

    tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 billi, minn naħa, jattribwixxi in solidum lil AREVA T&D SA u ALSTOM SA ir-responsabbiltà tal-prattiki anti-kompetittivi mwettqa bejn is-7 ta' Diċembru 1992 u t-8 ta' Jannar 2004 u, min-naħa l-oħra, jattribwixxi in solidum lil AREVA T&D SA, AREVA T&D AG, AREVA T&D HOLDING SA u AREVA SA ir-responsabbiltà tal-prattiki anti-kompetittivi mwettqa bejn id-9 ta' Jannar 2004 u l-11 ta' Mejju 2004;

    sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuq AREVA T&D SA, AREVA T&D AG, AREVA T&D HOLDING SA u AREVA SA;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 6762 finali ta' l-24 ta' Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE u ta' l-Artikolu 53 ŻEE (każ COMP/F/38.899 — (gas insulated switchgear), dwar akkordju fil-qasam ta' proġetti li jirrigwardaw gas insulated switchgear li wassal għall-manipulazzjoni tas-sejħa għall-offerti dwar dawn il-proġetti, l-iffissar tal-prezz minimu ta' l-offerta, l-għoti ta' kwoti u ta' proġetti u ta' skambju ta' informazzjoni. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu t-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata.

    In sostenn ta' l-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu seba' motivi.

    L-ewwel motiv jirriżulta mill-ksur mill-Kummissjoni ta' l-obbligu ta' motivazzjoni prevista mill-Artikolu 253 KE billi l-motivazzjoni kienet kontradittorja u insuffiċjenti f'dak li jikkonċerna l-elementi dwar b'mod partikolari l-attribuzzjoni tal-prattiki antikompetittivi, il-kundanna in solidum ma' ALSTOM SA u ż-żieda ta' l-ammont ta' bażi tal-multa imposta minħabba fir-rwol ta' AREVA T&D SA bħala mexxej tal-ksur.

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 81 KE u, b'mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi dwar l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ta' ksur, meta kkunsidrat AREVA T&D SA, AREVA T&D AG responsabbli tal-prattiċi antikompetittivi qabel it-trasferiment tagħhom minn ALSTOM SA, billi ddeċidiet li dawn il-kumpanniji ma kinux indipendenti minn ALSTOM SA qabel it-trasferiment tagħhom.

    It-tielet motiv invokat mir-rikorrenti huwa l-ksur ta' l-Artikolu 81 KE billi l-Kummissjoni attribwiet lil AREVA SA u AREVA T&D HOLDING SA prattiċi antikompetittivi attribwiti lill-kumpanniji sussidjarji tagħha diretti jew indiretti AREVA T&D SA u AREVA T&D AG, meta, skond ir-rikorrenti, ma werietx li AREVA SA u AREVA T&D HOLDING SA kienu effettivament jikkontrollaw dawn il-kumpanniji sussidjarji matul il-perijodu tal-ksur.

    Ir-raba u l-ħames motivi jirriżultaw mill-ksur ta' l-Artikoli 7 u 81 KE, b'mod partikolari, tar-regoli dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-ksur. Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma tistax tikkundanna in solidum AREVA T&D SA u ALSTOM SA billi dawn ma jifformawx unità ekonomika u li kundanna in solidum bħal din tikkostitwixxi delegazzjoni illegali tal-poter tal-Kummissjoni li tippenalizza kif ukoll ksur tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali, ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    Permezz tas-sitt motiv, il-partijiet jikkontestaw li d-deċiżjoni kkontestata applikat b'mod żbaljat il-kunċett ta' mexxej u li għalhekk tikser l-Artikolu 81 KE kif ukoll il-linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi (1) u numru ta' prinċipji ġenerali ta' dritt.

    Permezz ta' l-aħħar motiv, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-livell ta' kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti matul il-proċedura ta' investigazzjoni tal-ksur ta' l-Artikolu 81 u tal-linji gwida dwar l-kooperazzjoni mħabbra fl-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (2).


    (1)  ĠU C 9 ta' l-14.1.1998, p. 3

    (2)  ĠU C 45 tad-19.2.2002, p. 3


    Top