This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TJ0460
Judgment of the General Court (Eighth Chamber) of 20 January 2010. # Nokia Oyj v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community word mark LIFE BLOG - Earlier national word mark LIFE - Relative ground for refusal - Likelihood of confusion - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 40/94 (now, Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 207/2009) - Partial refusal to register. # Case T-460/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta' Jannar 2010.
Nokia Oyj vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LIFE BLOG - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LIFE - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] - Reġistrazzjoni rrifjutata parzjalment.
Kawża T-460/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta' Jannar 2010.
Nokia Oyj vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LIFE BLOG - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LIFE - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] - Reġistrazzjoni rrifjutata parzjalment.
Kawża T-460/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:18
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
20 ta’ Jannar 2010 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali LIFE BLOG — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LIFE — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Reġistrazzjoni rrifjutata parzjalment”
Fil-Kawża T-460/07,
Nokia Oyj, stabbilita f’Helsinki (il-Finlandja), irrappreżentata minn J. Tanhuanpää, avukat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Medion AG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P.-M. Weisse, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-2 ta’ Ottubru 2007 (Każ R 141/2007-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Medion AG u Nokia Oyj,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fit-18 ta’ Diċembru 2007,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fil-21 ta’ Mejju 2008,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fis-7 ta’ Mejju 2008,
wara li rat l-ittri tar-rikorrenti, tal-UASI u tal-intervenjenti, tal-14, 22 u 23 ta’ April 2009 rispettivament, fejn indikaw li ma kinux ser jieħdu sehem fis-seduta,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fis-7 ta’ Jananr 2004, ir-rikorrenti, Nokia Oyj, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali LIFE BLOG. |
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin ta’ Trade marks Komunitarji Nru 2/2005, tal-10 ta’ Jannar 2005. |
5 |
Fl-4 ta’ April 2005, l-intervenjenti, Medion AG, ressqet oppożizzjoni fil-konfront tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fejn allegat probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]. |
6 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti, b’mod partikolari, mir-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 39849644 tat-trade mark verbali LIFE, ippreżentata fid-29 ta’ Awwissu 1998 u rreġistrata fit-22 ta’ Frar 1999, fir-rigward ta’ prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 1, 7 sa 11, 16, 21, 28, 37, 38, 41 u 42. |
7 |
L-oppożizzjoni kienet indirizzata fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bl-eċċezzjoni tat-“tagħmir għat-tifi tan-nar” li jaqa’ fil-klassi 9 u tal-“organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali u sportivi” li taqa’ fil-klassi 41. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni, minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju Ġermaniż, fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi kollha bl-eċċezzjoni tal-“apparat u strumenti tas-salvataġġ” u tal-“magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat imħaddem bil-muniti” li jaqgħu fil-klassi 9 u li ġew ikkunsidrati bħala differenti mill-prodotti tat-trade mark preċedenti. |
9 |
Fit-18 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
10 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Wara li kkonstata li r-rikorrenti ma kienet ressqet ebda argument li permezz tiegħu setgħet tiġi kontradetta l-evalwazzjoni li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jaqgħu fil-klassijiet 9, 38 u 41, u dawk tat-trade mark preċedenti kienu identiċi jew kienu jixxiebhu, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan il-punt. Il-Bord tal-Appell, l-istess bħalma kienet għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, qabbel it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ waħda mit-trade marks preċedenti tal-intervenjenti li kellha l-iktar portata wiesgħa u li r-rappreżentazzjoni tagħha kienet l-eqreb lejn dik tar-rikorrenti. |
11 |
Fir-rigward tal-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “life” jew l-ekwivalenti Ġermaniża tagħha “Leben” ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala deskrittivi tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni. Huwa żied, fil-punt 25 tad-deċiżjoni msemmija, li ftit kien probabbli li l-pubbliku rilevanti Ġermaniż jassoċja l-kelma Ingliża “life” mal-kunċett ta’ ħajja twila. Fir-rigward tal-argument li t-trade mark preċedenti ddgħajfet minħabba l-allegata koeżistenza ta’ numru kbir ta’ trade marks li jixxiebhu, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata (punti 27 u 28 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), li dan l-argument ma kienx issostanzjat mill-estratti tar-reġistru tat-trade marks Komunitarji tal-UASI peress li wħud minn dawn it-trade marks kienu għadhom ma ġewx irreġistrati u oħrajn kienu ġew irtirati. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 29 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C-120/04, Ġabra p. I-8551), kienet irrikonoxxiet il-karattru distintiv normali tal-kelma “life”. |
12 |
Fir-rigward tal-kelma “blog”, il-Bord tal-Appell, fil-punti 30 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata (punti 31 u 33 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), ikkunsidra li kien hemm qbil ġenerali li din il-kelma kienet taqsira tal-kelma “weblog”, li tirreferi għal djarju personali li jkun aġġornat regolarment fuq l-internet u kkonferma l-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fis-sens li, fir-rigward ta’ parti mill-prodotti u mis-servizzi inkwistjoni li tista’ tinkludi prodotti u servizzi marbuta mal-internet, il-kelma “blog” kienet “pjuttost dgħajfa” peress li l-konsumatur medju ta’ prodotti u ta’ servizzi marbuta mat-teknoloġiji tal-informatika jassoċjawha mal-karatteristiċi tal-imsemmija prodotti u servizzi. |
13 |
Fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi l-oħra, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 33 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbiliet, f’deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni bejn l-istess sinjal LIFE u s-sinjal THOMSON LIFE, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet wasslet għal din il-konklużjoni f’kuntest fejn l-element “life” kien jinsab fit-tieni pożizzjoni u fejn il-prodotti kienu wkoll prodotti elettroniċi, is-“saħħa” jew id-“dgħjufija” relattiva tal-kelma “blog” ma għandhiex tinfluwenza b’mod eċċessiv il-konklużjoni finali. |
14 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-trade marks fl-intier tagħhom, il-Bord tal-Appell sostna, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata (punti 34 u 35 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), li, skont is-sentenza Medion, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba li l-kelma “life” kellha rwol distintiv awtonomu fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-elementi dominanti tiegħu, u li l-pubbliku Ġermaniż kien jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala sinjal ekonomikament marbut mat-trade mark preċedenti. Skont il-Bord tal-Appell, din il-konklużjoni hija, qabel kollox, fondata, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li n-natura simili jew identika tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni tpatti għad-differenza fonetika u viżwali evidenti bejn it-trade marks, fit-tieni lok, fuq il-fatt li l-attenzjoni tal-konsumatur tmur iktar fuq il-bidu tas-sinjal, li għalhekk ikun immemorizzat b’mod iktar faċli u, fit-tielet lok, fuq il-fatt li l-kunċetti riflessi fis-sinjali inkwistjoni jikkoinċidu parzjalment. |
It-talbiet tal-partijiet
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
16 |
L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u t-tielet talbiet
L-argumenti tal-partijiet
17 |
L-UASI jitlob li t-tieni u t-tielet talbiet tar-rikorrenti, jiġifieri dawk dwar iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni u dwar l-ordni li tiġi rreġistrata t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li jinvolvu ordnijiet. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
18 |
Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, dan tal-aħħar huwa obbligat, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009], jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti msemmija. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tagħmel ordnijiet lill-UASI [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tal-14 ta’ Frar 2008, Orsay vs UASI — Jiménez Arellano (O orsay), T-39/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 15]. |
19 |
Għalhekk, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli t-tielet talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
20 |
Fir-rigward tat-tieni talba, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa biss jekk tintlaqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li jkun meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni talba. |
Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali
L-argumenti tal-partijiet
21 |
L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Annessi A 1 sa A 4 tar-rikors, li huma intiżi sabiex tiġi pprovata l-koeżistenza fis-suq ta’ trade marks li fihom il-kelma “life”, qatt ma ġew ippreżentati matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI, b’tali mod li għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
22 |
Għandu jiġi mfakkar li r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Frar 2004, Koubi vs UASI — Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, Ġabra p. II-719, punt 52, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Éditions Albert René vs UASI — Orange (MOBILIX), T-336/03, Ġabra p. II-4667, punti 15 u 16]. |
23 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-UASI, ir-rikorrenti kienet invokat l-argument li l-koeżistenza ta’ trade marks preċedenti setgħet tipprova l-“livell tan-natura dilwita” tal-kelma “life” [ara l-punti 11, 23 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata (punti 11, 23 u 28 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni)], b’tali mod li kien imissha ppreżentat il-provi insostenn ta’ dan l-argument quddiem l-UASI. |
24 |
Minn dan isegwi li l-Annessi A 1 sa A 4, li huma intiżi li tiġi pprovata l-koeżistenza fis-suq ta’ trade marks li fihom il-kelma “life” u li qatt ma ġew ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-UASI, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. |
Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti u l-provi ppreżentati preċedentament quddiem l-UASI
L-argumenti tal-partijiet
25 |
L-UASI jikkonstata li r-riferiment ġenerali magħmul mir-rikorrenti, fir-rikors, għad-dokumenti ppreżentati matul il-proċedura quddiem il-UASI ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din il-qorti. Għalhekk, skont l-UASI, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-livell ta’ karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti u d-differenzi bejn it-trade marks inkwistjoni huma inammissibbli. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
26 |
Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Skont il-ġurisprudenza, din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ebda informazzjoni oħra [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2004, Concept vs UASI (ECA) T-127/02, Ġabra p. II-1113, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
27 |
Barra minn hekk, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal estratti minn dokumenti li jkunu mehmuża miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali ta’ argumenti ta’ liġi li, skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors (ara s-sentenza ECA, iċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-similaritajiet u tad-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti sempliċement tindika, fir-rikors (punt 29): “Ir-rikorrenti ma hijiex ser tindirizza d-differenzi u s-similaritajiet bejn it-trade marks ineżami peress li dawn huma evidenti huma s-suġġett ta’ eżami dettaljat fi stadju preċedenti tal-proċedura. Barra minn hekk, sabiex iżżomm man-numru massimu meħtieġ ta’ paġni, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-argumenti u l-provi ppreżentati quddiem l-UASI u quddiem il-Bord tal-Appell.” |
29 |
B’hekk, ir-rikorrenti la tidentifika l-punti speċifiċi tar-rikors li hija tixtieq tikkompleta b’dan ir-riferiment u lanqas id-dokumenti fejn huma esposti l-argumenti eventwali tagħha. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex għalfejn tfittex fl-imsemmija dokumenti u annessi l-argumenti li għalihom ir-rikorrenti tista’ tagħmel riferiment, u lanqas ma għandha teżaminahom, peress li tali argumenti huma inammissibbli. |
31 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti dwar il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti għamlet riferiment, fil-punt 28 tar-rikors, għall-argumenti u għall-provi ppreżentati quddiem l-UASI, hija żviluppat, b’mod partikolari fil-punti 22 sa 27 tar-rikors, l-argumenti insostenn tal-eżistenza ta’ karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark imsemmija. Huwa għalhekk fuq il-bażi ta’ dawn l-argumenti li l-Qorti Ġenerali sejra teżamina l-kritika mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
32 |
Madankollu, għall-istess raġunijiet bħal dawk mogħtija fil-punti 26 sa 30 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun marbuta teżamina l-“argumenti u l-provi ppreżentati quddiem l-UASI u quddiem il-Bord tal-Appell” (punt 28 tar-rikors), li la ġew identifikati u lanqas speċifikati fir-rikors. |
Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
33 |
Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
34 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell żbalja meta bbaża ruħu fuq is-sentenza Medion, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, peress li, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex preżenti f’din il-kawża: din il-kawża ma tikkonċernax trade mark li tgħaqqad trade mark preċedenti mal-isem ta’ impriża, it-trade mark preċedenti ma għandhiex karattru distintiv normali u t-trade mark preċedenti ma għandhiex “rwol awtonomu” fit-trade mark sussegwenti. Ir-rikorrenti tispeċifika li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kelma “blog” ma hijiex l-isem kummerċjali tar-rikorrenti. |
35 |
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “rwol awtonomu” ta’ trade mark ifisser li l-element li ma jikkostitwixxix il-parti komuni tat-trade marks inkwistjoni għandu jkun jista’ wkoll jindika l-oriġini tal-prodotti u tas-servizzi indipendentament mit-trade mark komposta. Bl-addizzjoni ta’ trade mark ġdida mal-isem tal-kumpannija, is-sinjal kompost joħloq għalhekk l-impressjoni li jkopri linja partikolari ta’ prodotti minn fost il-prodotti u s-servizzi tal-kumpannija. Skont ir-rikorrenti, l-analiżi korretta kienet tkun, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li jiġi kkonstatat, sabiex ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-element li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti kien l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-kelma “life” f’din it-trade mark tal-aħħar, li hija, fil-fehma tar-rikorrenti, inqas distintiva mill-kelma “blog”. |
36 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tispeċifika, minn naħa, li, kuntrarjament għall-Bord tal-Appell li kkunsidra t-trade mark preċedenti bħala li għandha karattru distintiv normali, it-trade mark imsemmija hija “trade mark dgħajfa” u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sentenza Medion, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, ma setgħetx tagħmel tali kwalifika peress li l-kawża kienet tikkonċerna rinviju għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, hija tindika li huwa l-Bord tal-Appell li għandu jevalwa l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. |
37 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-element li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti huwa kelma li tintuża b’mod komuni ħafna fis-settur ikkunsidrat u li tikkoeżisti fis-swieq fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll fir-rigward tal-konsumaturi rilevanti. |
38 |
L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
39 |
Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha għandha tiġi rrifjutata jekk, “minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”. |
40 |
Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti huma t-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data tal-preżentata tagħhom hija preċedenti għal dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. |
41 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T-325/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17]. |
42 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza CAPIO, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; Canon, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 18). |
43 |
Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċe versa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 17]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 [li saret il-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009], li tistipula li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi minn numru ta’ fatturi, b’mod partikolari, kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza CAPIO, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li jistipula li “teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku”, jirriżulta li l-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tat-tip ta’ prodott jew ta’ servizz inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Issa, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza CAPIO, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi SABEL, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 23). |
45 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà jagħmel paragun dirett tad-diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI — Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI — Diesel (DIESELIT), T-186/02, Ġabra p. II-1887, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 26]. |
46 |
F’din il-kawża, it-trade mark preċedenti hija trade mark nazzjonali rreġistrata fil-Ġermanja u d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fid-dawl ta’ din it-trade mark. Għaldaqstant, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami għandu jkun limitat għat-territorju Ġermaniż. |
47 |
Huwa paċifiku wkoll li l-pubbliku rilevanti huwa, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fl-istess punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkostitwit mill-konsumatur medju Ġermaniż li huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Madankollu, peress li wħud minn dawn il-prodotti u servizzi jistgħu jkunu oġġetti li jiswew ħafna flus, l-attenzjoni tal-pubbliku tkun neċessarjament ogħla. Dawn il-konstatazzjonijiet, li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, għandhom jiġu kkonfermati. |
48 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti. |
Fuq ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi
49 |
F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-pożizzjoni meħuda mill-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għall-analiżi tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għandha tiġi kkonfermata peress li huwa osservat li r-rikorrenti ma ressqet ebda lment kontra d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-identiċità jew tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati. |
Fuq ix-xebh bejn is-sinjali
50 |
Kif diġà ġie indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI — Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u CAPIO, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, b’analoġija, is-sentenza SABEL, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 23]. |
51 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li żewġ trade marks ikunu jixxiebhu meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejniethom ugwaljanza għall-inqas parzjali għal dak li jirrigwarda aspett jew diversi aspetti rilevanti [sentenzi MATRATZEN, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 30, u CAPIO, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 89; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza SABEL, iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, punt 23). |
52 |
Fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 36 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni), il-Bord tal-Appell ikkonkluda li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali, it-trade marks inkwistjoni kienu jixxiebhu. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi kkonfermata. |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sinjali li għandhom jitqabblu huma, minn naħa, LIFE u, min-naħa l-oħra, LIFE BLOG. |
54 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun viżwali, għandu jiġi kkonstatat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta minn żewġ kelmiet, miktuba b’ittri kapitali, li b’kollox fihom tmien ittri. It-trade mark preċedenti hija komposta minn kelma waħda, li wkoll hija miktuba b’ittri kapitali, li b’kollox fiha erba’ ittri. Madankollu, dawn id-differenzi huma kkumpensati mill-fatt li l-kelma “life” hija komuni għaż-żewġ sinjali u tikkostitwixxi r-riproduzzjoni eżatta tat-trade mark preċedenti. |
55 |
Għalhekk, mill-aspett viżwali, is-sinjali kunfliġġenti għandhom ċertu xebh bejniethom minħabba li l-element li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti huwa l-ewwel komponent tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, peress li huma involuti żewġ trade marks verbali, iż-żewġ trade marks huma miktuba mingħajr stil partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh viżwali bejniethom. Għalhekk, il-konsumatur medju, li normalment ikollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tat-trade marks li huwa jiftakar, jista’ jitfixkel mill-aspett viżwali fir-rigward tat-trade marks inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Reemark vs UASI — Bluenet (Westlife), T-22/04, Ġabra p. II-1559, punt 34]. |
56 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-paragun fonetiku, għandu jiġi osservat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi żewġ kelmiet u li t-trade mark preċedenti tinkludi kelma waħda. Għalhekk, iż-żewġ sinjali jiġu ppronunzjati b’mod differenti. Madankollu, minħabba li l-ewwel kelma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-unika kelma tat-trade mark preċedenti huma l-istess u jiġu ppronunzjati bl-istess mod, jeżisti ċertu xebh fonetiku bejn iż-żewġ sinjali meta kkunsidrati fl-intier tagħhom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI — Laboratoires Goëmar (LA MER), T-418/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 123]. |
57 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kelma “life”, din hija kelma Ingliża ta’ użu kurrenti li tista’ faċilment tinftiehem mill-pubbliku medju li jitkellem bil-Ġermaniż. Meta assoċjata mal-prodotti u mas-servizzi kkonċernati kollha, din il-kelma “life” tirreferi għal kunċett ta’ ħajja (life) pjuttost milli għal tul ta’ ħajja partikolari tal-imsemmija prodotti u servizzi. Dan l-istess kontenut kunċettwali jinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tagħmel riferiment, minn tal-inqas għal dawk li jifhmu s-sens tal-kelma “blog”, għal djarju personali online. |
58 |
Għandu jiġi kkonstatat, kif josserva l-UASI, li l-kunċett addizzjonali ta’ “blog” li huwa miżjud mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ta’ natura li jieħu post ir-riferiment għall-kunċett ta’ ħajja (life) li huwa komuni għaż-żewġ sinjali, liema riferiment ma jistax jitqies bħala li huwa ftit importanti, jekk mhux negliġibbli, b’tali mod li jeżisti ċertu xebh kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni. |
Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni
59 |
Għandu jiġi mfakkar li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni meta, b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn it-trade marks ikunu għolja biżżejjed (sentenza MATRATZEN, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 45). |
60 |
F’dan ir-rigward, anki jekk huwa minnu li l-konsumatur normalment jagħti iktar importanza lill-parti inizjali tal-kliem meta jkollhom iktar importanza [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2008, Citigroup vs UASI — Link Intechange Network (WORLDLINK), T-325/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 82], għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed miż-żewġ elementi “life” u “blog” ma jidher b’mod ċar bħala l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, ikun artifiċjali jekk jiġi kkunsidrat li l-kelma “life” hija dominanti minħabba li hija l-ewwel element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda lanqas ma hemm xi raġuni għalxiex l-element “blog” għandu jiġi kkunsidrat bħala dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westlife, iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, punt 36). |
61 |
Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-kelma “life” hija, b’xi mod jew ieħor, deskrittiva tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. |
62 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kelma “blog”, għandha ssir distinzjoni skont il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, meta applikata għal prodotti jew għal servizzi tal-informatika jew fil-qasam ta’ telekomunikazzjoni, il-kelma “blog” għandha titqies li għandha karattru distintiv limitat peress li, b’riferiment għal dan il-qasam, din il-kelma ġeneralment tinftiehem, anki mill-konsumatur medju Ġermaniż ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, bħala li qiegħda tagħmel riferiment għal djarju online (weblog). F’din il-kategorija, il-kelma “life” ikollha, għalhekk, karattru distintiv ogħla mill-kelma “blog”. |
63 |
Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-prodotti jew servizzi l-oħra kollha li ma jimplikawx element tal-informatika jew ta’ telekomunikazzjoni u li fir-rigward tagħhom il-kelma “blog” ma tagħti ebda tifsira, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed miż-żewġ elementi “life” u “blog” ma jidher b’mod ċar bħala l-element li għandu l-ogħla karattru distintiv. Madankollu, kif osserva ġustament l-UASI, il-livell ta’ karattru distintiv intrinsiku ogħla tal-kelma “blog” huwa, jekk jitqies bħala stabbilit, kemmxejn ikkumpensat mill-fatt li l-kelma “life” tidher fil-bidu tas-sinjal, u dan peress li l-attenzjoni tal-pubbliku normalment tmur fuq il-bidu tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. |
64 |
F’dan il-każ, diġà ġie kkonstatat, fil-punt 49 iktar ’il fuq, li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment simili. Barra minn hekk, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 60 sa 63 iktar ’il fuq, l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjali kunfliġġenti tista’ toħloq, bejniethom, xebh suffiċjenti sabiex tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-konsumatur. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-pubbliku rilevanti, inkluż il-pubbliku li jagħti iktar attenzjoni, jista’ jagħmel distinzjoni bejn is-sinjali kontenzjużi, dan il-pubbliku xorta waħda jista’ jasal sabiex jemmen, kif osserva l-UASI, li t-trade marks ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament bejniethom u identifikati bil-kelma “life”. |
65 |
Kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, f’dan il-każ ma hemm xejn li jippermetti li jingħad li l-kelma “life” ser tingħata inqas importanza mill-kelma “blog” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan il-każ jidher li n-nuqqas ta’ xebh bejn iż-żewġ sinjali inkwistjoni fir-rigward tal-aħħar kelma tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jikkumpensa għax-xebh ikkonstatat bejn wieħed miż-żewġ elementi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-uniku element li jikkostitwixxi t-trade mark preċedenti. |
66 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan il-każ, li, minkejja li teżisti differenza kunċettwali reali bejn is-sinjali, din id-differenza ma tistax titqies bħala li tippermetti li jiġi nnewtralizzat ix-xebh viżwali u fonetiku li diġà ġie kkonstatat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2008, Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 98). |
67 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tipprova li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti ddgħajjef minħabba li ma ġietx ipprovata l-koeżistenza ta’ trade marks li jinkludu l-kelma “life”. |
68 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li huwa minnu li ma huwiex għal kollox eskluż li, f’ċerti każijiet, il-koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata mid-dipartimenti tal-UASI bejn żewġ trade marks kunfliġġenti. Madankollu, tali eventwalità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk, għall-inqas matul il-proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut quddiem l-UASI, l-applikant għat-trade mark Komunitarja jkun debitament wera li l-imsemmija koeżistenza kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks preċedenti invokati minnu u t-trade mark preċedenti tal-intervenjenti li fuqha tkun ġiet ibbażata l-oppożizzjoni u bil-kundizzjoni li t-trade marks preċedenti inkwistjoni u t-trade marks kunfliġġenti jkunu identiċi [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2007, NV Marly vs UASI — Erdal (Top iX), T-57/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
69 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma tressqitx il-prova tal-identiċità tar-reġistrazzjonijiet koeżistenti fis-suq, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appel fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 28 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni). Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, b’ebda mod ma pprovat li din il-koeżistenza kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI — Sadia (GRUPO SADA), T-31/03, Ġabra p. II-1667, punt 87]. |
70 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef u ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li ma tikkostitwixxix riproduzzjoni sħiħa tal-ewwel trade mark, u dan b’mod partikolari minħabba xebh bejn is-sinjal inkwistjoni u bejn il-prodotti jew servizzi koperti (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C-235/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 53). |
71 |
Minn dan isegwi li, meta kkunsidrati b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-identiċità jew il-livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti minnhom huma għolja biżżejjed. Kien għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li kienet teżisti, fir-rigward tal-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni. |
72 |
Għalhekk, fid-dawl tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata (punt 34 tal-verżjoni bl-Ingliż tal-istess deċiżjoni) u mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata r-rilevanza tal-fatt li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Medion, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, minħabba li l-element “blog” la jikkostitwixxi trade mark u lanqas isem ta’ kumpannija magħrufa, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami magħmul mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tax-xebh bejn il-prodotti u bejn is-servizzi, kif ukoll bejn is-sinjali inkwistjoni, għandu jiġi kkonfermat. |
73 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta trade mark komposta tkun ikkostitwita permezz tat-tqegħid ta’ element u ta’ trade mark oħra fejn xulxin, din it-trade mark tal-aħħar, anki jekk ma tkunx l-element dominanti fit-trade mark komposta, tista’ żżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta. F’tali każ, it-trade mark komposta u din it-trade mark l-oħra jistgħu jitqiesu li jixxiebhu [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2008, Harman International Industries vs UASI — Becker (Barbara Becker), T-212/07, Ġabra p. II-3431, punt 37; ara wkoll is-sentenza Medion, iċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq, punti 30 u 37]. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-element “life” iżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
74 |
Għaldaqstant, l-uniku motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud bħala infondat, l-istess bħar-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr mhuwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni talba tar-rikorrenti intiża sabiex titlob lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-oppożizzjoni tal-intervenjenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2008, NewSoft Technology vs UASI — Soft (Presto! Bizcard Reader), T-205/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 70]. |
Fuq l-ispejjeż
75 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Martins Ribeiro Wahl Dittrich Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Jannar 2010. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.