EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0438

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tmien Awla) tat-12 ta' Novembru 2009.
Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali SpagO - Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SPA - Raġuni relattiva għal rifjut- Nuqqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni - Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-438/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-04115

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:434

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

12 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali SpagO — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SPA — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T-438/07,

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita fi Spa (il-Belġju), irrappreżentata minn L. De Brouwer, E. Cornu, É. De Gryse, D. Moreau, J. Pagenberg, A. von Mühlendahl u S. Abel, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn B. Schmidt, bħala aġent,

konvenuta,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

De Francesco Import GmbH, stabbilita f’Nuremberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Terheggen u H. Lindner, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-13 ta’ Settembru 2007 (Każ R 1285/2006-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn De Francesco Import GmbH u Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Novembru 2007,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Mejju 2008

wara s-seduta tal-25 ta’ Marzu 2009

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fis-27 ta’ Lulju 2001, l-intervenjenti, De Francesco Import GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali SpagO.

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 33 skont Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birer)”.

4

L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 15/2002, tal-4 ta’ Marzu 2002.

5

Fl-4 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti, Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti minn din tal-aħħar.

6

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark verbali preċedenti SPA, li hija rreġistrata mal-Uffiċċju tal-Benelux tat-trade marks għall-prodotti “ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”, li jaqgħu taħt il-klassi 32.

7

Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009). Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, limitat l-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali SPA li hija rreġistrata mal-uffiċċju tal-Benelux tat-trade marks. Peress illi t-trade marks inkwistjoni għandhom l-element komuni “spa”, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li kien hemm xebh biżżejjed bejniethom. Fir-rigward tax-xorb alkoħoliku kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni qieset illi kien possibbli li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tista’ ssofri dannu minħabba l-effet noċiv li jista’ jkollu l-alkoħol fuq is-saħħa.

8

Fit-28 ta’ Settembru 2006, l-intervenjenti ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9

Permezz tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Peress illi l-grad ta’ xebh bejn, minn naħa, il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 32 u dawk li jaqgħu taħt il-klassi 33, u min-naħa l-oħra, bejn it-trade marks konfliġġenti, kien minimu, it-Tieni Bord tal-Appell qies illi ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009]. Fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell segwa l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li għarfet ir-reputazzjoni tat-trade mark SPA fil-qasam tal-ilmijiet minerali fil-pajjiżi tal-Benelux. Madankollu, il-Bord tal-Appell ikkonstata illi l-grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti kien minimu, illi dan ix-xebh ma kienx biżżejjed sabiex il-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks konfliġġenti u illi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinitx ta’ ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

12

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

13

Ir-rikorrenti essenzjalment issostni illi l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonstata illi x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti ma kienx biżżejjed sabiex il-konsumatur ikkonċernat jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks konfliġġenti u meta kkonkluda illi l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal xorb alkoħoliku ma kienx ta’ ħsara għar-reputazzjoni u għall-potenzjal kummerċjali tat-trade mark preċedenti għall-ilma minerali.

14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li minn kliem l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta illi l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għat-tliet kundizzjonijiet segwenti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks konfliġġenti, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom ħsara. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI — Spa-Finders Travel Arrangements (SPA-FINDERS), T-67/04, Ġabra p. II-1825, punt 30].

15

Għandu jiġi mfakkar ukoll illi mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-8823, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks konfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-grad ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (ara s-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

18

Fil-kawża preżenti, hemm lok li jiġi kkonstatat illi fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ġustament osserva illi l-pubbliku kkonċernat kien il-pubbliku ġenerali tal-pajjiżi tal-Benelux. Fil-fatt, kemm il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li huma rreġistrati fil-pajjiżi tal-Benelux, kif ukoll dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huma prodotti ta’ konsum regolari.

19

Fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, huwa paċifiku bejn il-partijiet illi t-trade mark preċedenti hija trade mark b’reputazzjoni fil-qasam tal-ilmijiet minerali fil-pajjiżi tal-Benelux.

20

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza tal-identiċità jew xebh bejn it-trade marks konfliġġenti, hemm lok li jiġi osservat illi l-grad ta’ xebh bejn it-trade marks konfliġġenti jippresupponi l-eżistenza ta’ elementi ta’ xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, punt 28)

21

Fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punti 44 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata, illi, fid-dawl tax-xebh viżiv u fonetiku bejn l-ewwel tliet ittri tas-sinjali konfliġġenti, kif ukoll tad-differenzi viżivi u fonetiċi introdotti mill-element “go”, il-grad ta’ xebh bejn is-sinjali konfliġġenti kien minimu. Dan ix-xebh ma huwiex biżżejjed sabiex il-konsumatur ikkonċernat jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali konfliġġenti.

22

Din il-konkluzżjoni għandha tiġi approvata.

23

Ovvjament, il-konsumatur ġeneralment jiffoka iktar fuq il-parti inizjali tal-kliem [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Marzu 2004, El Corte Inglés vs UASI — González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, Ġabra p. II-965, punt 81]. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tapplika f’kull każ [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI — Audi (ALLTREK), T-158/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata] u, fi kwalunkwe każ, ma tistax tqiegħed fid-dubju l-prinċipju li l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks għandu jqis l-impressjoni globali mogħtija minn dawn it-trade marks.

24

Fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-fatt illi s-sinjali konfliġġenti huma qosra, il-pubbliku rilevanti sejjer jiffoka fuq il-kelma kollha. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat illi, peress illi l-istruttura tas-sinjal tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija żgħira u sempliċi, il-probabbiltà li l-konsumatur medju jipprova jaqsam is-sinjal SpagO fiż-żewġ kelmiet, “spa” u “go” hija remota.

25

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta illi, skont l-aħħar sentenza tar-Regola 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-element verbali “spago”, miktuba b’ittri kbar fil-bidu u fit-tarf.

26

Fuq il-livell viżiv, l-impressjoni ġenerali prodotta, minn naħa, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, mit-trade mark preċedenti li hija iqsar, hija differenti għaliex fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġie miżjud is-suffiss “go”. Bl-istess mod, fuq il-livell fonetiku, għalkemm iż-żewġ sinjali konfliġġenti jibdew bi “spa”, iż-żieda tal-element “go” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti illi tinħoloq distinzjoni bejniethom. Fil-fatt, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni titlissen bħala kelma qasira, mingħajr pawżi mtawla bejn is-sillabi u li fiha s-sillaba “spa” ma għandhiex rwol awtonomu, iżda hija strettament marbuta mat-tieni sillaba “go”.

27

Barra minn hekk, għalkemm iż-żewġ sinjali konfliġġenti t-tnejn għandhom l-element “spa”, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kelma vvintata għall-pubbliku rilevanti.

28

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar illi fuq il-livell kunċettwali, kif ġie ġustament indikat mill-Bord tal-Appel, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda paragun ma huwa possibbli. F’moħħ il-pubbliku rilevanti, it-trade mark preċedenti tirreferi għall-belt ta’ Spa (il-Belġju), magħrufa għall-ilmijiet minerali u l-banjijiet termali tagħha, għall-korsa tat-tlielaq tal-karozzi Belġjana ta’ Spa-Francorchamps jew għat-tifisra deskrittiva tagħha bħala sors termali bħalma huma l-banjijiet Torok jew is-sawni (sentenza SPA-FINDERS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Min-naħa l-oħra, it-terminu “spago” huwa kelma vvintata li ma għandha l-ebda tifsira f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiżi tal-Benelux.

29

Għaldaqstant, ix-xebh bejn it-trade marks konfliġġenti huwa minimu.

30

Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks konfliġġenti, huwa meħtieġ illi n-natura tal-prodotti inkwistjoni tiġi kkunsidrata wkoll. F’dan ir-rigward, hemm lok illi jiġi mill-ewwel ikkonstatat illi l-kontenut alkoħoliku tax-xorb jippermetti li ssir distinzjoni bejnu u l-ilma u x-xorb li ma huwiex alkoħoliku. Il-karatteristiċi ta’ dawn ix-xarbiet huma differenti. Filwaqt illi x-xorb alkoħoliku huwa ġeneralment ikkunsmat f’sitwazzjonijiet speċjali u soċjali, l-ilma u x-xorb li mhux alkoħoliku jinxorbu kuljum. Barra minn hekk, ix-xorb tal-ilma jikkorrispondi għal ħtieġa vitali. Il-konsumatur medju, meqjus li huwa normalment informat, raġonevolment attent u prudenti, huwa attent għal din id-distinzjoni bejn xarbiet alkoħoliċi u mhux alkoħoliċi, li hija barra minn hekk neċessarja, peress li xi konsumaturi ma jixtiqux, jew saħansitra ma jistgħux, jikkonsmaw alkoħol. Barra minn hekk, il-prezz tax-xorb alkoħoliku huwa ġeneralment ferm ogħla min dak tax-xorb li mhux alkoħoliku. Minbarra dan, il-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol hija ferm iktar regolamentata. Il-kummerċjalizzazzjoni tal-alkoħol hija b’mod partikolari marbuta mal-kisba ta’ liċenzja għall-bejgħ u biex wieħed jixtri xorb alkoħoliku jeħtieġ li jkun ta’ ċerta età. Il-fatt illi x-xarbiet inkwistjoni jistgħu jiġu kkunsmati fl-istess postijiet u fl-istess ħin fis-sens li jistgħu jitħalltu jew jistgħu jiġu servuti flimkien, u li spiss huma kkunsmati mill-istess persuni u jinbiegħu mill-istess bejjiegħa, ma jitfax dubju fuq din il-konstatazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, Lidl Stiftung vs UASI — REWE-Zentral (LINDENHOF), T-296/02, Ġabra p. II-563, punti 54 sa 57].

31

Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenza fin-natura tal-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti, hemm lok li jiġi osservat illi l-element “spa” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ser jiġi pperċepit, mill-konsumatur medju fil-pajjiżi tal-Benelux, bħala li għandu x’jaqsam mal-ilmijiet minerali kkummerċjalizzati taħt it-trade mark preċedenti.

32

Il-paragun li r-rikorrenti tagħmel mar-rifjut tar-reġistrazzjoni minħabba r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti huwa irrilevanti.

33

L-ewwel nett, inkwantu għar-referenzi għall-prassi deċiżjonali tal-UASI, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI — Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, Ġabra p. II-949, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata].

34

It-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fil-kawża preżenti, ma hijiex SPA GO jew, SPA-GO, imma SpagO, miktuba bħala kelma waħda. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat illi r-rappreżentazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija differenti minn dik tat-trade marks invokati mir-rikorrenti fir-rikors, għaliex f’dawn it-trade marks imsemmija fir-rikors l-element “spa” jagħti fl-għajn mill-ewwel, jidher f’pożizzjoni dominanti u flimkien miegħu hemm elementi addizzjonali li huma biss, ġeneralment, deskrittivi. Għalhekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ġunju 2008 Mülhens vs UASI — Spa Monople (MINERAL SPA) (T-93/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 29 sa 39), filwaqt illi t-terminu “spa” kien separat mill-ewwel element u t-terminu “minéral” jiddeskrivi l-kontenut tal-prodotti inkwistjoni, fil-kawża preżenti, il-kelma “spago” hija neoloġiżmu li fiha l-element “spa” jintilef fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

35

Għall-istess raġuni, l-argument tar-rikorrenti, li peress illi t-trade mark preċedenti tidher kollha kemm hi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dawn it-trade marks konfliġġenti għandhom jitqiesu bħala simili, ma għandux jintlaqa’. F’din il-kawża, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-element “spa” ma huwiex l-element dominanti fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Anki jekk il-konsumaturi ma jiftakrux illi l-ittri “s” u “o” huma miktuba, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’ittri kbar, il-pubbliku rilevanti, kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq, sejjer jidentifika s-sinjal SpagO bħala kelma vvintata li ma għandhiex sinjifikat.

36

Għalkemm ir-rikorrenti tippreżenta t-trade mark preċedenti bħala trade mark b’reputazzjoni, jew saħansitra b’reputazzjoni kbira, dan ma jbiddel xejn mill-fatt illi, f’din il-kawża, il-grad ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn din tal-aħħar u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa minimu. Issa, għalkemm il-kriterju tar-reputazzjoni huwa stabbilit sew, dan ma jimplikax illi awtomatikament teżisti rabta bejn it-trade marks konfliġġenti (sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

37

Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament qies illi, għalkemm bil-mogħdija taż-żmien it-trade mark preċedenti kisbet karattur distintiv għoli, ix-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal xorb alkoħoliku, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti għal ilmijiet minerali.

38

Peress illi waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma hijiex sodisfatta, l-eżaminazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kienx hemm xi tip ta’ ħsara mit-tipi msemmija fit-tielet kundizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex neċessarja.

39

Minn dan isegwi li l-motiv waħdieni, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, huwa infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

40

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI u tal-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top