EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0342

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tas-6 ta' Lulju 2010.
Ryanair Holdings plc vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Konċentrazzjonijiet - Trasport bl-ajru - Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni - Valutazzjoni tal-effetti ta' konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni - Ostakoli għad-dħul - Effiċjenzi - Impenji.
Kawża T-342/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-03457

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:280

Kawża T-342/07

Ryanair Holdings plc

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Trasport bl-ajru — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni — Ostakoli għad-dħul — Żieda fl-effiċjenza — Impenji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Analiżi prospettiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(3) u 8(3))

2.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-konċentrazzjoni kif modifikata mill-impenji

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

3.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika — Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 2)

4.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

5.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Indizji — Ishma kbar tas-suq — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

6.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Konċentrazzjoni bejn żewġ kumpanniji tal-ajru

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

7.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Kriterji — Evalwazzjoni ġenerali — Evalwazzjoni bbażata fuq indizji

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

8.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Teħid inkusiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali — Eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

9.      Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Teħid inkusiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali — Eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 74)

10.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Natura kumulattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, premessa 29; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 78)

11.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji —Natura li tista’ tiġi vverifikata

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 86)

12.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Natura speċifika għall-konċentrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punt 85)

13.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti — Teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza — Kriterji — Vantaġġ għall-konsumaturi

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 31/03, punti 79, 80 u 84)

14.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ impenji ppreżentati wara d-data ta’ skadenza — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2(2), 6(2), 8(2) u 18(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri korrettivi ammissibbli b’mod konformi mar-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 447/98, punt 43)

15.    Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Eżami mill-Kummissjoni — Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)

1.      Sabiex tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha turi, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

Deċiżjoni bħal din, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004 hija bbażata fuq ir-riżultat ta’ analiżi prospettiva li saret mill-Kummissjoni. Din l-analiżi prospettiva tikkonsisti f’li jiġi eżaminat b’liema mod il-konċentrazzjoni nnotifikata tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk jirriżultax xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Analiżi bħal din teħtieġ li jiġu immaġinati d-diversi sekwenzi ta’ kawża u effett, sabiex jiġi kkunsidrat dak li huwa l-iktar probabbli.

(ara l-punti 26, 27)

2.      Fis-sitwazzjoni fejn ġew debitament proposti impenji mill-partijiet li se jingħaqdu fil-proċedura amministrattiva sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina l-konċentrazzjoni kif modifikata minn dawn l-impenji. B’hekk hija l-Kummissjoni li għandha turi li dawn l-impenji ma jagħmlux il-konċentrazzjoni, b’hekk modifikata, kompatibbli mas-suq komuni.

(ara l-punt 28)

3.      Ir-regoli li huma l-bażi sostantiva tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali skont id-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.

Jekk il-qorti tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi mressqa, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkontjenux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom.

(ara l-punti 29, 30)

4.      Sabiex tiġi analizzata r-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru partijiet għall-konċentrazzjoni nnotifikata, fejn waħda toffri servizzi bi prezz baxx u s-servizzi minimi, u l-oħra toffri servizzi medji, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li dawn iż-żewġ kumpanniji huma, mill-kompetituri kollha preżenti fir-rotot differenti tal-ajru affettwati mill-konċentrazzjoni, l-“eqreb kompetituri”, anki jekk l-ispejjeż tal-operat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom huma differenti, dment li l-ispejjeż tal-operat tagħhom u l-prezzijiet tagħhom li joqorbu għal ta’ xulxin, jiddistingwu ruħhom minn dawk tal-kumpanniji tal-ajru fuq netwerk preżenti fl-imsemmija rotot.

Il-fatt li jkollhom l-istess ajruport “bażi” jippermetti liż-żewġ kumpanniji tal-ajru b’mod partikolari li jibbenefikaw minn vantaġġi simili u b’hekk jista’ jikkorrabora l-evalwazzjoni li skont din iż-żewġ kumpanniji huma l-“eqreb kompetituri”.

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel ukoll użu mill-eżistenza tas-sistemi simili ta’ ġestjoni tal-effettività, tas-sorveljanza tal-imġiba kompetittiva tal-kompetituri, tar-reazzjonijiet ta’ kull waħda mill-partijiet li se jingħaqdu għall-offerti li saru mill-parti l-oħra jew ta’ monitoraġġ tal-imġiba kompetittiva ta’ parti mill-oħra. Dawn l-elementi jistgħu mingħajr problema ta’ xejn jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet li hija użat sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 35, 79, 83, 85, 94, 124, 133)

5.      Jekk id-daqs tal-ishma tas-suq jista’ jvarja minn suq għal ieħor, jista’ jkun ġustament ikkunsidrat li l-ishma tas-suq estremament kbar jammontaw fihom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Dan jista’ jkun il-każ f’sehem mis-suq ta’ 50 % jew iktar.

Meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-konċentrazzjoni tinvolvi ishma tas-swieq kbar f’numru kbir tas-swieq affettwati, kif ukoll livell għoli ta’ konċentrazzjoni, hija b’hekk ma tkunx injorat l-oneru tal-prova billi tikkunsidra li ishma tas-suq bħal dawn fihom infushom huma prova ta’ pożizzjoni dominanti. Prova bħal din tista’ tiġi miċħuda jekk jeżistu ċirkustanzi li jistgħu jeskludu pożizzjoni dominanti fil-kawża preżenti minkejja l-ishma kbar tas-suq.

Fir-rigward ta’ konċentrazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, billi tipproċedi b’analiżi tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq kull rotta tal-ajru affettwata, li l-konċentrazzjoni xekkel b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq numru ta’ rotot. Dawn il-pożizzjonijiet huma monopolistiċi, jew kważi-monopolistiċi jew kunsiderevoli u huma suffiċjenti, fihom infushom, sabiex jissostanzjaw il-konklużjoni li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, suġġett għar-riżultat tal-analiżi taż-żieda fl-effiċjenza u tal-impenji eventwali.

(ara l-punti 41, 53-56, 336, 383-385, 445)

6.      Il-Kummissjoni ma eċċedietx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ddefinixxiet, għall-finijiet tal-eżami tal-konċentrazzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, is-swieq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru fuq il-bażi ta’ rotot individwali jew ta’ grupp ta’ rotot, sa fejn huma sostitwibbli bejniethom, skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-konċentrazzjoni, u billi jintużaw kriterji differenti sabiex tiġi kkaratterizzata s-sostitwibbiltà tar-rotot, b’mod partikolari d-distanza u l-ħin tal-vjaġġ bejn l-ajruporti, l-istima minn naħa tal-passiġġieri tal-ħin liberu f’rotta, il-kunċett ta’ “sistema ta’ ajruporti” u l-prattiċi kummerċjali, ta’ kull waħda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni, analizzati bl-għajnuna tat-teknika ta’ sensiela ta’ indikazzjonijiet.

Teknika bħal din tista’ naturalment tinkludi elementi pożittivi u elementi negattivi. Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni madankollu ma tkunx ikkontestata minħabba l-fatt biss li element negattiv jirriżulta mill-investigazzjoni tagħha, hekk kif ġie debitament rapportat u kkunsidrat fid-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma ġiet żnaturata.

B’mod partikolari, fir-rigward tad-distanza u tal-ħin tal-vjaġġ bejn l-ajruporti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li tutilizza “r-regola” li hija tirrikonoxxi speċifikament in-natura approsimattiva tagħha, li skont din, iż-żona li tattira l-klijenti ta’ ajruport tista’ tiġi ddefinita bħala ż-żona li fiha wieħed jista’ jasal sal-ajruport billi jivvjaġġa għal 100 km jew għal massimu ta’ siegħa, li jindika li dan huwa biss l-ewwel varjabbli rappreżentattiv u li ż-żona li tattira l-klijenti tista’ tkun differenti minħabba d-dettalji ta’ kull ajruport ikkunsidrat.

Bl-istess mod, l-analiżi tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet hija element li, jekk hija waħidha ma turix li żewġ ajruporti jaqgħu taħt l-istess suq, tammonta, flimkien ma’ oħrajn, għal fattur rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għall-finijiet tad-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni.

(ara l-punti 99, 102, 103, 108, 110, 112, 113, 115-117, 119)

7.      Fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tuża sensiela ta’ indikazzjonijiet sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni u hija għandha l-kompitu li tevalwa b’mod ġenerali r-riżultat tas-sensiela ta’ indikazzjonijiet. Jista’ jkun, f’dan ir-rigward, li ċerti elementi jkunu pprivileġġjati u oħrajn ikunu mwarrba. F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tiġi stabbilita ġerarkija bejn il-“provi tekniċi” u l-“provi mhux tekniċi”. L-allegazzjoni li skont din, dawn tal-aħħar ma jkunux ikkunsidrati jekk ma jkunux akkumpanjati minn “provi tekniċi” b’hekk ma tistax tintlaqa’.

Dan l-eżami u l-motivazzjoni li saret fiha huma s-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet.

(ara l-punti 133, 136)

8.      Meta, wara li tkun evalwat il-kompetizzjoni eżistenti bejn il-partijiet għall-konċentrazzjoni u l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq din il-kompetizzjoni u tikkunsidra li l-konċentrazzjoni xxekkel il-kompetizzjoni bejn il-partijiet għad-detriment tal-klijenti, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni dwar id-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq inkwistjoni, hija tieħu bħala punt tat-tluq is-sitwazzjoni ta’ kumpannija ġdida fis-suq li tipprova tidħol fis-suq fejn tkun preżenti l-konċentrazzjoni. Hija b’hekk teżamina jekk id-dħul ta’ kompetituri ġodda jistax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti sabiex tipprevjeni jew tostakola l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni.

Sabiex tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni, huwa importanti li tiġi kkaratterizzata perspettiva ta’ dħul li tikkumpensa l-effetti antikompetittivi konkretement definiti. Konsegwentement, is-sempliċi “theddida” ta’ dħul ta’ kompetitur mhux suffiċjenti. L-argument li skont dan in-nuqqas ta’ dħul huwa attribwit għall-effiċjenza attwali tal-partijiet għall-konċentrazzjoni fis-swieq affettwati u għas-sodisfazzjon tal-klijienti li jeliminaw kull prospett ta’ gwadann għal kompetitur ġdid, lanqas ma huwa suffiċjenti.

Bl-istess mod, l-allegazzjoni li waħda mill-partijiet għall-konċentrazzjoni ma għandhiex l-intenzjoni tapplika prezzijiet ogħla mil-livell meħtieġ sabiex tkun kompetittiva wara li sseħħet il-konċentrazzjoni, ma tistax tpoġġi dubji fuq l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għad-dħul. Fil-fatt, issir distinzjoni tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet mill-kontroll tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens li tiffoka fuq l-istħarriġ tal-istrutturi tas-suq u mhux fuq l-istħarriġ tal-imġiba tal-impriżi. Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jevita, fuq il-bażi ta’ analiżi prospettiva ta’ strutturi tas-suq, it-twettiq ta’ konċentrazzjoni li xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, il-kriterju rilevanti huwa b’hekk dak li jippermetti li jiġi stabbilit jekk id-dħul fis-suq ta’ kompetitur ġdid ikun jista’ jwaqqaf żieda fil-prezzijiet iktar mil-livell li kien hemm qabel il-konċentrazzjoni. Il-kriterju tal-prezzijiet ma huwiex biss l-uniku kriterju li jista’ jiġi kkunsidrat, peress li t-twettiq tal-konċentrazzjoni jista’ jaffettwa wkoll il-kapaċità disponibbli, l-għażla jew il-kwalità tas-servizzi, u l-innovazzjoni.

(ara l-punti 237-239, 248-250, 279)

9.      Fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul fis-suq tiddependi mill-karatteristiċi tiegħu kif ukoll mill-kapaċitajiet tal-kumpanniji li potenzjalment jikkunsidraw jidħlu fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-dħul f’waqtu, fil-punt 74 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali, il-Kummissjoni invokat terminu li ma għandux jaqbeż sentejn. Madankollu, dan it-terminu jiddependi mis-sitwazzjoni eżaminata. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fl-imsemmija linji ta’ gwida, li tforni qafas tal-analiżi li jista’ jiġi applikat, żviluppat u irfinat minnha fil-każijiet li tintalab teżamina.

(ara l-punti 293-295)

10.    Skont il-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, sabiex ikun determinat l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa xieraq li tiġi kkunsidrata ż-żieda fl-effiċjenza sostanzjata u probabbli li tiġi mqajma mill-impriżi kkonċernati. Jista’ jkun li ż-zieda fl-effiċjenza li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tpatti għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, l-ħsara potenzjali għall-konsumaturi, li jista’ jkollha, inkella jista’ jkun li minħabba f’hekk din ma tfixkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-punt 78 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni jindika li, sabiex il-Kummissjoni tqis iż-żieda fl-effiċjenza fl-istima tagħha tal-konċentrazzjoni u tkun f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni li bħala konsegwenza taż-żieda fl-effiċjenza, ma hemm l-ebda raġuni biex tiddikjara l-konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni, iż-żieda fl-effiċjenza trid tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, tkun speċifika għall-konċentrazzjoni u tkun verifikabbli. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi.

Il-prova tal-fatt li ż-żieda fl-effiċjenza allegata tista’ tagħmel tajjeb għall-effetti negattivi li l-konċentrazzjoni tista’, f’nuqqas ta’ dan, tikkawża fuq il-kompetizzjoni taqa’ fuq il-partijiet li jinnotifikaw.

(ara l-punti 386, 387, 412)

11.    Jirriżulta mill-punt 86 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni li ż-żieda fl-effiċjenza għandha tkunu verifikabbli sabiex il-Kummissjoni tkun ċerta b’mod raġonevoli li ż-żieda fl-effiċjenza x’aktarx ser timmaterjalizza, u ser tkun sostanzjali biżżejjed sabiex tirribatti l-ħsara potenzjali tal-konċentrazzjoni għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tevalwa dawn il-pretensjonijiet. Sa fejn huwa possibbli, ż-żieda fl-effiċjenza u l-vantaġġi għall-konsumaturi għandhom ikunu kwantifikati u, meta ma tkunx disponibbli d-data neċessarja li tippermetti analiżi kwantitattiva speċifika, għandu jkun possibbli li jiġi previst effett pożittiv fuq il-konsumaturi identifikabbli b’mod ċar u mhux effett marġinali.

Il-kundizzjoni dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza b’hekk ma teħtieġx li l-parti li tinnotifika tagħti data li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew dokumenti li jmorru lura qabel il-konċentrazzjoni li jippermettu li tiġi evalwata b’mod oġġettiv u indipendenti l-portata taż-żieda fl-effiċjenza kkawżata mix-xiri.

Jirriżulta, fil-fatt, minn dawn il-linji ta’ gwida li ħafna mill-informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa ż-żieda fl-effiċjenza hija esklużivament f’idejn il-partijiet li se jingħaqdu u li b’hekk huma l-partijiet li jinnotifikaw li għandhom jikkomunikaw, f’waqtu, l-informazzjoni neċessarja. Bl-istess mod, il-lista mhux eżawrjenti tal-provi rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza tinkludi provi ta’ natura differenti, mingħajr mal-enfasi jaqa’ fuq in-neċessità li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifika indipendenti jew li jkunu preċedenti għall-konċentrazzjoni.

Impriża li hija parti għal konċentrazzjoni hija b’hekk iġġustifikata li tippreżenta lill-Kummissjoni d-data tagħha dwar iż-żieda fl-effiċjenza mistennija mill-konċentrazzjoni, mingħajr ma neċessarjament tirrikorri għal evalwazzjoni li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew li seħħet qabel ma ġiet imħabbra l-konċentrazzjoni. Id-dinja tal-kummerċ mhux neċessarjament tippermetti l-produzzjoni f’waqtha ta’ dokumenti bħal dawn u, b’mod partikolari, id-dokumenti użati minn impriża sabiex tinbeda offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, provenjenti minn din l-impriża jew mill-avukati tagħha, fihom infushom jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza sabiex jiġi sostnut il-kontenut tal-allegazzjonijiet dwar iż-żieda fl-effiċjenza.

(ara l-punti 406-408, 410)

12.    Jirriżulta mill-punt 85 tal-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni li ż-żieda fl-effiċjenza hija rilevanti għall-istima kompetittiva meta hija konsegwenza diretta tal-konċentrazzjoni nnotifikata u ma tistax tinkiseb b’mezz simili permezz ta’ prattiċi inqas anti-kompetittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda fl-effiċjenza hija meqjusa li hija kkawżata mill-konċentrazzjoni u allura, speċifika għall-konċentrazzjoni. Il-partijiet għall-konċentrazzjoni jridu jipprovdu fi żmien propizju l-informazzjoni rilevanti kollha li hija neċessarja sabiex turi li ma hemmx mezzi realistiċi li huma inqas anti-kompetittivi mill-konċentrazzjoni nnotifikata. Il-Kummissjoni tikkunsidra biss mezzi li huma raġonevolment prattiċi fis-sitwazzjoni kummerċjali li fihom jinsabu l-partijiet għall-konċentrazzjoni, wara li jiġu kkunsidrati l-prattiċi kummerċjali li huma stabbiliti fl-industrija inkwistjoni.

(ara l-punt 427)

13.    Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ għall-konsumaturi, mil-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali stabbiliti mill-Kummissjoni jirriżulta li, meta ssir evalwazzjoni tal-argumenti bbażati fuq iż-żieda fl-effiċjenza, huwa importanti li jiġi vverifikat li l-konsumaturi ma jkunux iktar agħar bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Għal dak il-għan, iż-żieda fl-effiċjenza teħtieġ li tkun sostanzjali u fi żmien raġonevoli, u teħtieġ, bi prinċipju, li tagħti vantaġġ lill-konsumaturi f’dawk is-swieq rilevanti fejn, fin-nuqqas ta’ tali żieda fl-effiċjenza, il-konċentrazzjoni x’aktarx twassal għal problemi ta’ kompetizzjoni. Il-konċentrazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom diversi tipi ta’ żidiet fl-effiċjenza li jistgħu jwasslu għal prezzijiet iktar baxxi jew benefiċċji oħra lill-konsumaturi. Pereżempju, riżerva ta’ spejjeż fuq il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tista’ tagħti lill-konċentrazzjoni l-kapaċità u l-inċentiv sabiex timponi prezzijiet iktar baxxi wara l-formazzjoni tal-konċentrazzjoni. Minbarra l-bżonn li taċċerta li ż-żieda fl-effiċjenza ser twassal għal benefiċċju nett lill-konsumaturi, huwa x’aktarx iktar rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza, titjib li jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli jew marġinali mit-tnaqqis fi spejjeż fissi; peress li dawn tal-ewwel huma, bi prinċipju, iktar probabbli li jirriżultaw fi prezzijiet iktar baxxi għal konsumaturi. Tnaqqis ta’ spiża, li huwa sempliċement il-konsegwenza ta’ tnaqqis anti-kompetittiv fil-produzzjoni, ma jistax jiġi meqjus bħala żieda fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnha l-konsumaturi.

Barra minn hekk, l-inċentiv min-naħa tal-entità ġdida li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni sabiex tgħaddi żieda fl-effiċjenza lill-konsumaturi huwa spiss relatat mal-eżistenza tal-pressjoni kompetittiva mill-impriżi li jibqgħu fis-suq u mill-kompetituri potenzjali. Iktar ma huwa possibbli li jkun hemm effetti negattivi kbar fuq il-kompetizzjoni, iktar il-Kummissjoni trid tkun ċerta li ż-żieda fl-effiċjenza li hija pretiża hija sostanzjali, illi x’aktarx tkun ser iseħħ u li ser tkun mgħoddija, sa ċertu punt suffiċjenti, lill-konsumatur. Fuq dan il-punt, il-linji ta’ gwida jindikaw li ma tantx huwa probabbli li konċentrazzjoni li qiegħda timmira għal pożizzjoni fis-suq li qiegħda tapproċċja dik ta’ monopolju, jew li timmira għal livell simili tal-qawwa fis-suq, tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi li ż-żieda fl-effiċjenza tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-effetti anti-kompetittivi potenzjali tagħha.

(ara l-punti 434-436)

14.    Fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni, l-impriżi kkonċernati jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni. Skont l-istadju li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami fil-fond. Dawk l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami fil-fond jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, fil-fatt, jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterji definiti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni.

Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa fl-interess tal-impriżi kkonċernati li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni li tuża l-akbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

Fir-rigward tal-impenji li huma sottomessi tard, jirriżulta mill-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 4064/89 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, li s-soluzzjonijiet ġew adottati mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 139/2004 u r-Regolament Nru 802/2004, li l-partijiet għal konċentrazzjoni nnotifikata setgħu jikkunsidraw impenji bħal dawn b’żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawn isolvu b’mod ċar u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni supplimentari l-problemi kompetittivi identifikati minn qabel u, min-naħa l-oħra, li jeżisti żmien biżżejjed sabiex l-Istati Membri jiġu kkonsultati dwar dawn l-impenji.

(ara l-punti 448-451, 455)

15.    Fil-kuntest tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-Kummissjoni hija awtorizzata taċċetta biss impenji ta’ natura li jagħmlu l-konċentrazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, l-impenji proposti minn wieħed mill-partijiet li se jingħaqdu jissodisfaw dan il-kriterju biss meta l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li jimplementawhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, jew ta’ xkiel għall-kompetizzjoni effettiva, li l-impenji għandhom l-għan li jwaqqfu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib.

(ara l-punti 452, 453)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

6 ta’ Lulju 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Trasport bl-ajru – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Ostakoli għad-dħul – Żieda fl-effiċjenza – Impenji”

Fil-Kawża T-342/07,

Ryanair Holdings plc, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn J. Swift, QC, V. Power, A. McCarthy u D. Hull, solicitors, u G. Berrisch, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Aer Lingus Group plc, stabbilita f’Dublin, irrappreżentata inizjalment minn A. Burnside, solicitor, B. van de Walle de Ghelcke u T. Snels, avukati, sussegwentement minn M. Burnside u B. van de Walle de Ghelcke,

u minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan u J. Buttimore, bħala aġenti, assistiti minn M. Cush, D. Barniville u N. Travers, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3104, tas-27 ta’ Ġunju 2007, li tiddikjara konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-partijiet fil-kawża

1        Ryanair Holdings plc (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Ryanair”) hija kumpannija kkwotata fil-Borża, li fl-2006 kellha flotta ta’ 120 ajruplan (dan apparti mill-161 ajruplan ordnati u li kienu ser jiġu kkonsenjati fis-sitt snin segwenti). F’dak iż-żmien, dawn l-ajruplani kienu joperaw titjiriet regolari lejn iktar minn 400 destinazzjoni f’40 pajjiż, inkluż fosthom 75 rotta bejn l-Irlanda (prinċipalment bit-tluq mill-ajruport ta’ Dublin, iżda wkoll minn dak ta’ Shannon, ta’ Cork, ta’ Kerry u ta’ Knock) u minn pajjiżi oħra Ewropej.

2        Aer Lingus Group plc hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Irlandiż. Wara l-privatizzazzjoni tagħha mill-Gvern Irlandiż fl-2006, l-istat żamm 25.35 % mill-kapital, u l-azzjonijiet ta’Aer Lingus Group ġew ikkwotati fil-Borża fit-2 ta’ Ottubru 2006. Aer Lingus Group hija l-kumpannija holding ta’ Aer Lingus Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Aer Lingus”), kumpannija tal-ajru bbażata fl-Irlanda li topera titjiriet regolari minn jew b’destinazzjoni tal-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon. Fl-2006, Aer Lingus kienet topera netwerk ta’ trasport ta’ distanza qasira b’70 rotta bejn l-Irlanda u r-Renju Unit u l-Istati Membri l-oħra bi flotta ta’ 28 ajruplan (li kellhom jiżdiedu għal 32 ajruplan mill-aħħar tal-2007). Il-flotta tagħha ta’ 7 ajruplani ta’ distanza twila (li kellha tkun ta’ 9 mill-aħħar tal-2007) kienet tippermettilha li ttir għal iktar destinazzjonijiet fl-Istati Uniti u f’Dubai.

B –  Il-proċedura amministrattiva

3        Fil-5 ta’ Ottubru 2006, Ryanair annunzjat l-intenzjoni tagħha li titfa’ offerta pubblika għall-kapital azzjonarju fuq il-kapital kollu ta’ Aer Lingus Group. Din l-offerta pubblika għall-kapital azzjonarju ntefgħet fit-23 ta’ Ottubru 2006.

4        Fit-30 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġiet innotifikata dwar il-konċentrazzjoni.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami fil-fond, skont l-Artikolu 6(1)(ċ), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“regolament dwar il-konċentrazzjonijiet”).

6        Fis-27 ta’ Marzu 2007, intbagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Ryanair, skont l-Artikolu 18 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Ryanair irrispondiet għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fis-17 ta’ April 2007.

7        Permezz tad-Deċiżjoni C (2007) 3104, tas-27 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni notifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni (Każ COMP/M.4439 – Ryanair/Aer Lingus) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C –  Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

8        Wara li fakkret li l-konċentrazzjoni notifikata kienet tammonta għal konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja (punti 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni esponiet il-mezzi ta’ investigazzjoni użati fl-investigazzjoni (punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija fakkret li din l-investigazzjoni kienet teħtieġ li jintbagħtu numru kbir ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari lil kumpanniji oħra regolari tal-ajru, lill-kumpanniji taċ-charters, lil ajruporti u lill-klijentela tal-impriża, kif ukoll ta’ kuntatti mal-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni ta’ slottijiet fl-iskeda, mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili u mal-awtoritajiet responsabbli mit-trasport. Il-Kummissjoni għamlet ukoll analiżi tal-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet sabiex tiddefinixxi is-swieq rilevanti (punt 6.3 u l-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata) u qabbdet lil konsulent indipendenti jagħmel investigazzjoni rigward il-klijenti tal-ajruport ta’ Dublin (punt 7.3.5 u l-Annessi I u II tad-deċiżjoni kkontestata). Hija eżaminat ukoll l-osservazzjonijiet ekonometriċi, ippreżentati minn Ryanair u minn Aer Lingus, u wettqet żewġ serje ta’ analiżi tar-rigressjoni sabiex tittestja b’mod empiriku l-effetti probabbli tal-konċentrazzjoni (punt 7.4.3 u l-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata).

1.     Swieq rilevanti

9        Fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq rilevanti (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ssostni li Ryanair u Aer Lingus it-tnejn li huma jipprovdu servizzi tat-trasport regolari bl-ajru ta’ passiġġieri fl-Ewropa. B’mod konformi mal-prassi tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment eżaminat is-sostitwibbiltà f’dak li jirrigwarda d-domanda. Hija ddefinit is-swieq fuq il-bażi tal-approċċ “punt tal-oriġini – punt tad-destinazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], magħruf bħala “approċċ O & D”, li skont dan kull rotta bejn punt tal-oriġini u punt tad-destinazzjoni hija kkunsidrata bħala suq distint. Sabiex jiġi stabbilit jekk par O & D partikolari kienx jammonta għal suq rilevanti, il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltajiet differenti li kellhom il-konsumaturi sabiex jivvjaġġaw bejn dawn iż-żewġ punti. Hija vverifikat ukoll jekk it-titjiriet li jitilqu minn Dublin (jew minn Shannon jew minn Cork, iż-żewġ ajruporti l-oħra Irlandiżi użati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni) b’destinazzjoni ta’ żewġ ajruporti (jew normalment) li jaqdu l-istess belt ikunux sostitwibbli (punt 6.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif jirriżulta mis-servizzi proposti minn Ryanair u minn Aer Lingus, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konċentrazzjoni proposta twassal għal sovrapożizzjoni orizzontali f’35 par belt li jammontaw għas-swieq rilevanti (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija tista’ tkun il-kawża ta’ preokkupazzjoni fir-rigward ta’ numru kbir ta’ pari ta’ bliet li jammontaw għal swieq rilevanti, li fihom wieħed biss mill-partijiet fit-tranżazzjoni huwa preżenti (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni

10      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-qafas tal-analiżi definit fil-linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet [konċentrazzjonijiet] orizzontali taħt ir-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10; iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

11      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni analizzat l-ishma tas-suq ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus f’35 rotta li fihom it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom. Hija kkonstatat li l-konċentrazzjoni tikkrea monopolju f’22 rotta u twassal għal sehem tas-suq kbir ħafna f’13-il rotta oħra (punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li ż-żewġ kumpanniji kienu l-“eqreb kompetituri” fir-rotot kollha kkonċernati (punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, dawn iż-żewġ kumpanniji attwalment jikkompetu (punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat l-effett tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq fejn Ryanair u Aer Lingus huma kompetituri attwali jew potenzjali u kkonstatat li l-konċentrazzjoni telimina l-kompetizzjoni attwali fil-35 rotta fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom kif ukoll il-kompetizzjoni potenzjali f’15-il rotta fejn waħda biss minnhom toffri s-servizzi tagħha (punti 7.5 u 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-“klijentela frammentata” ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus ma għandhiex “saħħa ta’ xiri kompensatriċi” u għandha biss possibbiltà limitata, saħansitra l-ebda possibbiltà, li tbiddel il-fornitur (punt 7.7 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-dħul tal-kompetituri ġodda fis-suq jew it-tkabbir tal-kompetituri eżistenti setgħux jeliminaw l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni, qabel ma waslet għall-konklużjoni li dan ma jkunx il-każ (punt 7.8 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni individwali tal-35 rotta fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom. Hija kkonstatat li l-konċentrazzjoni kienet ixekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’kull wieħed minnhom (punt 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żieda fl-effiċjenza allegata minn Ryanair kinitx suffiċjenti sabiex tagħmel tajjeb għall-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati mill-konċentrazzjoni. Hija kkonkludiet li dan ma kienx il-każ peress li din iż-żieda fl-effiċjenza ma setgħetx tiġi vverifikata, li ma kinitx marbuta direttament mal-konċentrazzjoni u li ma setgħetx tkun ta’ vantaġġ għall-konsumaturi (punt 7.10 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Evalwazzjoni tal-impenji

16      Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-impenji proposti minn Ryanair fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Hija kkunsidrat li huma ma kinux suffiċjentement ċari sabiex ikunu jistgħu jiġu implementati u li fi kwalunkwe każ ma kinux ta’ tip li jeliminaw il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati (punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-twettiq tal-konċentrazzjoni xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari wara, minn naħa, tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’35 rotta bi tluq u b’destinazzjoni minn Dublin, minn Shannon u minn Cork, u, min-naħa l-oħra, ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fil-15-il rotta bi tluq u b’destinazzjoni minn Dublin u minn Cork. Hija b’hekk iddikjarat il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni (punt 9 u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

19      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Frar 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lill-Irlanda u lill-Aer Lingus Group jintervjenu fil-kawża insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

20      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2009.

22      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-Irlanda u lill-Aer Lingus Group għall-ispejjeż li rriżultaw mill-interventi tagħhom.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Aer Lingus Group titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      L-Irlanda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Sabiex tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha turi, skont l-Artikolu 2(3) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni notifikata xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

27      Deċiżjoni bħal din, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, hija bbażata fuq ir-riżultat ta’ analiżi prospettiva li saret mill-Kummissjoni. Din l-analiżi prospettiva tikkonsisti f’li jiġi eżaminat b’liema mod il-konċentrazzjoni notifikata tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk jirriżultax xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Analiżi bħal din teħtieġ li jiġu immaġinati d-diversi sekwenzi ta’ kawża u effett, sabiex jiġi kkunsidrat dak li huwa l-iktar probabbli [ara, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (verżjoni rettifikata ĠU 1990, L 257, p. 13), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet”), sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 43].

28      Fis-sitwazzjoni fejn ġew debitament proposti impenji mill-partijiet fit-tranżazzjoni waqt il-proċedura amministrattiva sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina l-konċentrazzjoni kif modifikata minn dawn l-impenji. B’hekk hija l-Kummissjoni li għandha turi li dawn l-impenji ma jagħmlux il-konċentrazzjoni, b’hekk modifikata, kompatibbli mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punti 63 sa 65).

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli li huma l-bażi sostantivi tar-regolament u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali skont id-definizzjoni tar-regoli fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, għandu jsir hekk kif jirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Kali & Salz”, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punti 223 u 224, u Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 27 iktar ’il fuq, punt 38).

30      Jekk il-qorti tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi mressqa, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkontjenux id-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 27 iktar ’il fuq, punt 39, u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 69).

31      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, id-dritt tal-parti kkonċernata li tikkomunika l-veduti tagħha, kif ukoll dak li d-deċiżjoni tiġi mmotivata b’mod suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra p. II-1219, punt 163).

32      Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji dwar l-istħarriġ tal-legalità fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tal-partijiet.

33      Ir-rikorrenti tressaq ħames motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn Ryanair u Aer Lingus, it-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul, it-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-analiżi li saret rotta b’rotta (iktar ’il quddiem l-“analiżi rotta b’rotta”), ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-eżami taż-żieda fl-effiċjenza li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u l-ħames motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-impenji proposti minn Ryanair (ara punti 11 u 13 sa 16 iktar ’il fuq).

34      Id-definizzjoni tas-swieq rilevanti u l-analiżi tar-reazzjonijiet tal-klijenti ma humiex ikkontestati fihom infushom mir-rikorrenti (ara punti 9 u 12 iktar ’il fuq).

A –  Fuq l-ewwel motiv, dwar l-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus

35      L-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-motiv preżenti, hija bbażata fuq l-istadji segwenti: l-ewwel nett, il-konstatazzjoni li l-konċentrazzjoni tinvolvi ishma tas-swieq kbar ħafna f’numru kbir ta’ rotot (punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni nett, il-konstatazzjoni li Ryanair u Aer Lingus huma l-“eqreb kompetituri” f’dawn ir-rotot kollha (punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tielet nett, l-eżami tal-kompetizzjoni attwali bejn Ryanair u Aer Lingus (punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata); u r-raba’ nett, l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni attwali bejn Ryanair u Aer Lingus u l-effetti negattivi li din ikollha fuq il-klijenti (punti 7.5 u 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni rrispondiet għall-argument ta’ Ryanair ibbażat fuq id-differenza fl-offerta ta’ servizzi bejn l-offerta tagħha bi prezz baxx u s-servizzi minimi u l-offerta għal servizzi medji ta’ Aer Lingus (punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata fejn issostni li l-Kummissjoni tat wisq importanza lill-ishma kbar tas-suq li għandhom il-partijiet fil-konċentrazzjoni u li din ma ppreżentatx il-provi li jistabbilixxu b’mod suffiċjenti li, minkejja d-differenzi tagħhom, Aer Lingus u hi jeżerċitaw fuq xulxin restrizzjoni kompetittiva tant kbira b’probabbiltà ta’ dħul fis-swieq rilevanti tant żgħir li l-konċentrazzjoni xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq.

37      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, issostni li l-ishma tas-suq jammontaw għall-“ewwel indikazzjoni utli”, li huwa kkorroborat minn indizji oħra li juru li Aer Lingus hija l-eqreb kompetitriċi ta’ Ryanair fir-rotot li fihom it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom. Il-konċentrazzjoni jkollha b’hekk bħala konsegwenza li tneħħi r-restrizzjoni kompetittiva attwalment eżerċitata minn Aer Lingus fuq Ryanair.

38      Hemm lok għall-Qorti Ġenerali li tevalwa, min-naħa tagħha, l-argumenti tal-partijiet dwar, l-“importanza eċċessiva” mogħtija lill-ishma tas-suq, in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-“differenzi fundamentali” eżistenti bejn Ryanair u Aer Lingus, il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-eżistenza ta’ bażi f’Dublin għall-“provi mhux tekniċi”, l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni, għad-data ekonometrika ppreżentata minn Ryanair, il-limitazzjonijiet għall-kompetizzjoni eżerċitata mill-kumpanniji taċ-charter, l-investigazzjoni li saret fir-rigward tal-passiġġieri fl-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti u, fl-aħħar nett, id-dannu għall-konsumaturi.

1.     Fuq l-“importanza eċċessiva” mogħtija lill-ishma tas-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li Aer Lingus u hi huma kumpanniji tal-ajru identiċi, li ppermettilhom jiddeduċu “awtomatikament” mill-ishma tagħhom kbar tas-suq il-fatt li l-konċentrazzjoni twassal għal xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Anki jekk l-ishma tas-suq huma rilevanti fil-każ tal-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni, dan madankollu jammonta biss għal “punt tat-tluq”. Li jkun hemm fir-rigward ta’ ishma tas-suq bħal dawn, preżunzjoni negattiva b’saħħitha fir-rigward tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, tmur kontra r-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova. Fi kwalunkwe każ, din il-preżunzjoni ġiet imwaqqa’ mir-rikorrenti li stabbilixxiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tad-“differenzi fundamentali” bejn iż-żewġ kumpanniji u ostakoli dgħajfa għad-dħul. Is-servizzi proposti minn Ryanair u minn Aer Lingus ikunu “distinti ħafna” minn xulxin u jirrigwardaw kategoriji distinti ta’ passiġġieri. Konsegwentement, l-ishma tas-suq biss ma jippermettux lil dawn li jistabbilixxu b’liema mod il-partijiet jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva waħda fuq l-oħra. Barra minn hekk, il-preżenza ta’ kumpannija waħda tal-ajru f’rotta partikolari ma tammontax għal pożizzjoni dominanti, hekk kif jirriżulta mill-faċilità tad-dħul.

40      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, issostni li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ishma tas-suq jammontaw għal “ewwel indikazzjoni utli”, li jkunu kkorroborati minn elementi oħra li juru li Aer Lingus hija l-eqreb kompetitriċi ta’ Ryanair fir-rotot rilevanti fil-kawża preżenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

41      Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, jekk id-daqs tal-ishma tas-suq jista’ jvarja minn suq għal ieħor, jista’ jkun ġustament ikkunsidrat li l-ishma tas-suq estremament kbar jammontaw fihom infushom, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara, fil-qasam ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 41, u, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 205, u tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni, T‑221/95, Ġabra p. II‑1299, punt 134). Dan jista’ jkun il-każ f’sehem mis-suq ta’ 50 % jew iktar (ara, fil-qasam ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 60, u, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 115).

42      Fil-każ preżenti, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fuq l-idea li jkun permess li jiġi dedott “awtomatikament” mill-ishma tas-suq kbar, il-fatt li l-konċentrazzjoni twassal għal xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat speċifikament li kemm l-ishma tas-suq kif ukoll il-livelli ta’ konċentrazzjoni li huma assoċjati fiha jagħtu l-“ewwel indikazzjoni utli” fuq l-istruttura tas-suq u fuq id-daqs tal-kompetizzjoni taż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni, kif ukoll fuq dak tal-kompetituri tagħhom (ara l-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 364, li fihom saret referenza għall-punt 14 tal-linji gwida). L-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti wkoll li jingħad li l-Kummissjoni tat attenzjoni sabiex tagħmel analiżi fil-fond tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fejn ikkunsidrat elementi oħra minbarra l-ishma tas-suq, jiġifieri, b’mod partikolari, l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus, ir-reazzjonijiet li jistgħu jiġu mistennija mill-klijenti u mill-kompetituri u s-sitwazzjoni konkreta fuq kull rotta affettwata mill-konċentrazzjoni (ara punti 11 sa 14 iktar ’il fuq).

43      B’hekk ma jistax jiġi allegat li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq konstatazzjonijiet ibbażati biss fuq l-ishma tas-suq li jistgħu jkollhom Ryanair-Aer Lingus flimkien f’każ ta’ twettiq tal-konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem “Ryanair-Aer Lingus flimkien” jew l-“entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni”). Il-Kummissjoni eżaminat kemm id-data statika, li turi s-sitwazzjoni tas-swieq affettwata minn konċentrazzjoni f’mument partikolari, kif ukoll data dinamika, li tindika l-evoluzzjoni probabbli ta’ dawn is-swieq f’każ ta’ twettiq tal-konċentrazzjoni.

44      Dan l-approċċ huwa konformi mal-passi analitiċi li għandha tieħu l-Kummissjoni sabiex tevalwa l-effetti antikompetittivi ta’ konċentrazzjoni, li jikkonsisti fl-eżami ta’ kif il-konċentrazzjoni notifikata tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi vverifikat jekk ikunx ser jirriżulta xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva (ara punt 27 iktar ’il fuq).

45      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tinjora l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-ewwel indikazzjonijiet, li juru li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni notifikata tippermetti lil Ryanair takkwista ishma tas-suq estremament kbar.

46      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat 35 rotta li fihom iż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni, it-tnejn kienu joperaw. Il-konċentrazzjoni toħloq monopolju fi 22 minnhom u twassal għal ħolqien ta’ ishma tas-suq akkumulati kbar ħafna, ogħla minn 60 %, fit-13 l-oħra (ara premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari tabella nru 2 u noti ta’ qiegħ il-paġna korrispondenti). Barra minn hekk, fir-rotot fejn ir-Ryanair biss jew l-Aer Lingus biss hija attwalment preżenti, il-parti l-oħra għall-konċentrazzjoni hija l-kompetitriċi potenzjali l-iktar probabbli. B’hekk għandu jiġi rrilevat li minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni twassal għal ishma tas-suq kbar ħafna f’numru kbir minn dawn ir-rotot (punt 7.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Il-Kummissjoni sostniet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li, anki f’dawk ir-rotot fejn ma hemmx monopolju, fejn huma attivi ċertu numru ta’ kompetituri, bħar-rotta Dublin-Londra fejn is-sehem akkumulat tas-suq ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus huwa bejn 70 u 80 % u fejn British Midland Airways (bmi), British Airways u CityJet joffru s-servizzi tagħhom, l-indiċi ta’ Herfindahl-Hirschmann, ta’ spiss użat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sabiex jikkalkulaw il-livell ta’ konċentrazzjoni ta’ suq li jikkunsidra l-piż rispettiv ta’ kull waħda mill-impriżi li huma preżenti fiha, huwa għoli ħafna (bejn 6 000 u 6 500) bħalma huwa l-varjazzjoni ta’ dan il-livell ta’ konċentrazzjoni qabel u wara mas-seħħ il-konċentrazzjoni (il-livell l-iktar baxx ikun bejn 3 000 u 3 500). Il-livell ta’ konċentrazzjoni maħluq minn din il-konċentrazzjoni fil-35 rotta fejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, it-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom huwa b’hekk għoli ħafna (premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      B’hekk, fis-sittax-il rotta, is-sehem akkumulat tas-suq tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien jitla’ għal 100 %. Dan jirrigwarda rotot Dublin-Berlin, Dublin-Bilbao (Vitoria), Dublin-Birmingham, Dublin-Bologna, Dublin-Brussell, Dublin-Edinburgh, Dublin-Hamburg (Lübeck), Dublin-Marsilja, Dublin-Newcastle, Dublin-Poznań, Dublin-Ruma, Dublin-Sevilja, Dublin-Toulouse (Carcassonne), Dublin-Venezja, Shannon-Londra u Cork-Londra.

49      F’sitt rotot oħra, jiġifieri r-rotta Dublin-Alicante, Dublin-Faro, Dublin-Lyon, Dublin-Milan, Dublin-Salzburg, Dublin-Tenerife, is-sehem akkumulat tas-suq tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien kien qrib il-100 % mingħajr ma jilħaq dan il-livell minħabba l-bejgħ ta’ dry seats offruti mill-kumpanniji taċ-charter.

50      Fir-rotta l-iktar importanti, jiġifieri r-rotta Dublin-Londra, li waħedha tammonta għal 30 % tal-passiġġieri ttrasportati bl-ajru bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, is-sehem tas-suq tal-entità li jirriżulta mill-konċentrazzjoni jkun bejn 70 u 80 %.

51      Fir-rotot l-oħra, is-sehem akkumulat tas-suq ikun ukoll kbir ħafna. Fir-rotta Dublin-Manchester, pereżempju, dan is-sehem mis-suq ikun bejn 90 u 100 %, l-unika kompetitriċi eżistenti tkun Luxair, li topera ajruplan bi tluq u b’destinazzjoni mil-Lussemburgu, li jieqaf f’Manchester.

52      Kull persuna li tixtieq tmur waħda mid-destinazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandha l-għażla li faċilment tevalwa prima facie d-daqs kemm qabel kif ukoll wara l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni. Ħafna drabi, dan l-element ta’ għażla jisparixxi purament u sempliċment bix-xiri ta’ Aer Lingus minn Ryanair, peress li s-sehem ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien jitla’ għal 100 % jew kważi 100 %.

53      Fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, li huma stess ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li l-ksib tal-ishma tas-suq kbar ħafna minħabba t-twettiq tal-konċentrazzjoni bħal-livell ta’ konċentrazzjoni li huma assoċjati jkunu indikaturi rilevanti tas-setgħa fis-suq li tkun ġiet akkwistata mir-Ryanair-Aer Lingus flimkien.

54      Dawn il-konstatazzjonijiet għandhom ikunu debitament ikkunsidrati mill-Kummissjoni u jippermettu li jiġi kkunsidrat li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn l-ishma tas-suq kbar ħafna fihom infushom jammontaw għal prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara punt 41 iktar ’il fuq).

55      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li injorat l-oneru tal-prova meta, hekk kif jirriżulta mit-titolu tal-punt 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, kkunsidrat li “[l]-ishma tas-suq kbar ħafna fir-rotot kollha li fihom iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom, fihom infushom huma prova ta’ pożizzjoni dominanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

56      Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, il-konsegwenza ta’ din il-prova fuq l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni bl-ebda mod ma ġiet ikkunsidrata bħala awtomatika. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li prova bħal din tkun tista’ tiġi injorata jekk din l-“ewwel indikazzjoni utli” fuq l-istruttura tas-suq u fuq l-importanza kompetittiva taż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni u mill-kompetituri tagħhom tkun kontradita mill-informazzjoni l-oħra tal-kawża. Il-Kummissjoni b’hekk esponiet b’mod ċar ir-raġunament tagħha fuq dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata fejn sostniet li hija “kienet ivverifikat fid-dettal jekk kinux jeżistu ċirkustanzi li jistgħu jeskludu pożizzjoni dominanti fil-kawża preżenti minkejja l-ishma kbar tas-suq” (premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-verifika saret fil-kuntest tal-punti 7.3 sa 7.8 tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-eżami tal-fatturi rilevanti fuq livell ġenerali u fil-kuntest tal-punt 7.9 għal dak li jirrigwarda l-analiżi rotta b’rotta.

57      Huwa minn din il-perspettiva li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tiġi kkonfutata l-importanza li għandha tingħata lill-ishma tas-suq ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien.

58      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda r-rotot fejn Aer Lingus u Ryanair huma fil-preżent it-tnejn preżenti, ir-rikorrenti ssostni li s-servizzi offruti minn dawn l-operaturi huma “distinti ħafna” u b’hekk fir-realtà jirrigwardaw kategoriji distinti ta’ passiġġieri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni dwar id-differenza fis-servizzi tirrigwarda s-sostitwibbiltà kemxejn kbira tagħhom għall-klijenti kkonċernati. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat it-teżi tar-rikorrenti fuq dan il-punt (punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, jekk jiġi ammess li din it-teżi hija fondata, id-differenzi eventwali bejn is-servizzi pprovduti minn Ryanair u Aer Lingus ma jkunux ta’ natura li jeliminaw ir-riskju li konċentrazzjoni bejn dawn iż-żewġ operaturi xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti. L-argument tar-rikorrenti dwar id-differenza fis-servizzi huwa eżaminat iktar ’il quddiem (ara punti 61 et seq iktar ’il quddiem).

59      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda r-rotot fejn fil-preżent waħda biss minn dawn il-kumpanniji hija preżenti, ir-rikorrenti ssostni li din il-preżenza biss ma tagħtix pożizzjoni dominanti sakemm id-dħul fis-suq ikun faċli. Dan l-argument jirrigwarda l-kwistjoni tad-dħul fis-suq u jiġi ttrattat fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv li jirigwarda din il-problema.

60      B’hekk, huwa biss jekk dawn l-argumenti jkunu ammessi mill-Qorti Ġenerali li jista’ jiġi konkluż li r-rikorrenti ġustament ikkontestat l-importanza li għandha tingħata lill-ishma tas-suq tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. F’dan l-istadju tal-analiżi, ma jkunx madankollu attribwit lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat l-importanza tal-ishma tas-suq u tal-livelli ta’ konċentrazzjoni dwar is-swieq rilevanti differenti.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-“differenzi fundamentali” bejn Ryanair u Aer Lingus

61      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, minħabba d-differenza fis-servizzi tagħha b’paragun ma’ dawk ta’ Aer Lingus, dawn il-kumpanniji tal-ajru ma jikkompetux bejniethom sal-punt li l-konċentrazzjoni xxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi bil-kontra, peress li ma rnexxiliex turi l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus.

62      Hemm lok għall-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa min-naħa tagħha, l-argumenti tal-partijiet dwar l-użu tal-kunċett tal-“eqreb kompetituri” u tad-deduzzjoni “awtomatika” tal-eżistenza tal-limitazzjonijiet għall-kompetizzjoni sinjifikattivi li jkunu saru, li jirrigwardaw id-“differenzi fundamentali” għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-operat, il-prezzijiet applikati u l-livell tas-servizzi, kif ukoll dawk li jirrigwardaw id-differenza bejn l-ajruporti tad-destinazzjoni.

a)     Fuq l-użu tal-kunċett ta’ “eqreb kompetituri” u tad-deduzzjoni “awtomatika” tal-eżistenza tal-limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-kompetizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet “żball fundamentali” meta kkunsidrat li, jekk jista’ jiġi muri li Aer Lingus u hija huma l-“eqreb kompetituri”, “awtomatikament” jirriżulta li huma kompetituri mill-qrib li jeżerċitaw limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-kompetizzjoni fuq xulxin mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat kemm hija mill-qrib ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-offerta tas-servizzi ta’ Aer Lingus ma tkunx sostitwibbli b’dik tar-Ryanair, iżda tkun iktar tixbah l-offerti tas-servizzi kompluti tal-kumpanniji tal-ajru tradizzjonali. “Differenzi fundamentali” bejn iż-żewġ kumpanniji jippermettu lill-Aer Lingus li titlob prezzijiet nettament ogħla minn dawk ta’ Ryanair. Għalhekk għandu jiġi analizzat kemm hija mill-qrib ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus sabiex jiġi analizzat l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni effettiva. Jekk, skont ir-rikorrenti, is-servizzi tagħha u dawk ta’ Aer Lingus huma sostanzjalment differenti, huma ma jkunux ikkunsidrati bħala “sostituti adegwati”, u dan anki meta dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru huma l-uniċi li joperaw f’rotta partikolari. Fi kliem ieħor, il-passiġġieri kkonċernati jistgħu jagħżlu li ma jivvjaġġawx minflok jużaw il-kumpannija tal-ajru l-oħra.

64      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija analizzat fid-dettal ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru, qabel ma waslet għal konklużjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi li Ryanair u Aer Lingus kienu kompetituri mill-qrib li jeżerċitaw fuq xulxin limitazzjonijiet għall-kompetizzjoni, li jisparixxu f’każ ta’ twettiq tal-konċentrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      Skont ir-rikorrenti, anki jekk jiġi ammess li Aer Lingus u hi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-“eqreb kompetituri” fir-rotot kollha kkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li, minħabba d-“differenzi fundamentali” li jeżistu bejniethom, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel użu minn din il-konstatazzjoni u tiddeduċi “awtomatikament” li huma jeżerċitaw fuq xulxin restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva li l-konċentrazzjoni tneħħi mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat kemm din ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni hija stretta.

66      Qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti stess dwar id-differenzi allegati mir-rikorrenti u għall-effett tagħhom fuq ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni eżistenti bejn Aer Lingus u din (ara punti 70 et seq iktar ’il quddiem), għandu l-ewwel nett jingħad li l-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex dik li tiddeskrivi r-rikorrenti.

67      Din l-analiżi għandha żewġ stadji. L-ewwel nett, il-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fir-rigward tar-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus huma s-suġġett ta’ ħafna żviluppi (punti 7.3 u 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kuntest ta’ dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall l-argumenti ta’ Ryanair inklużi fil-qafas tar-rikors preżenti għal dak li jirrigwarda d-differenza fis-servizzi. Imbagħad, l-evalwazzjoni tal-effett tal-konċetrazzjoni fuq il-kompetizzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata ma saritx “awtomatikament” fuq il-bażi tal-konstatazzjoni biss li Ryanair u Aer Lingus huma l-“eqreb kompetituri”, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet b’attenzjoni fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom il-konċentrazzjoni ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni fil-35 rotta fejn it-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom u fil-15-il rotta fejn topera Aer Lingus fejn hi biss toffri s-servizzi tagħha (punti 7.5, 7.6 u 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Konsegwentement, bħal fil-każ tal-importanza li għandha tingħata lill-ishma tas-suq akkumulati (ara punt 58 iktar ’il fuq), hija r-risposta mogħtija għall-argumenti tar-rikorrenti fuq l-effett tad-differenza tas-servizzi allegati fuq ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Aer Lingus u din (ara punti 70 et seq iktar ’il quddiem) li tippermetti li jiġu fondati jew le l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

69      Fi kwalunkwe każ, peress li d-differenza fis-servizzi allegata minn Ryanair ġiet eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi allegat li fil-kawża preżenti l-Kummissjoni ddeduċiet “awtomatikament” mill-konstatazzjoni li Ryanair u Aer Lingus huma l-“eqreb kompetituri” fir-rotot kollha kkonċernati li huma jeżerċitaw fuq xulxin limitazzjoni sinjifikattiva għall-kompetizzjoni li l-konċentrazzjoni telimina mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat kemm hija mill-qrib din ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni.

b)     Fuq id-“differenzi fundamentali” dwar l-ispejjeż tal-operat, il-prezzijiet applikati u l-livell tas-servizzi

 L-argumenti tal-partijiet

70      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza bejn l-ispejjeż tal-operat tagħha u dawk ta’ Aer Lingus turi li ma hemmx limitazzjoni sinjifikattiva għall-kompetizzjoni bejn dawn il-kumpanniji. L-ispejjeż iktar baxxi ta’ Ryanair jippermettulha tapplika prezzijiet nettament inqas għolja minn dawk ta’ Aer Lingus u, b’hekk, isservi parti distinta mis-suq. Il-Kummissjoni allegatment naqset milli twettaq analiżi tal-impatt ta’ din id-differenza fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, wara li wriet li l-ispejjeż tal-operat ta’ Aer Lingus kienu konformi ma’ dawk ta’ trasportaturi oħra tal-ajru bi prezz baxx (tal-low fares) bħal easyJet jew Virgin Express, il-Kummissjoni ma kelliex tiddeduċi, fil-punt 7.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li Aer Lingus tidher “fost l-eqreb kompetituri ta’ Ryanair anki f’termini tal-ispejjeż għal kull unità”. L-użu ta’ dan il-kunċett ta’ “eqreb kompetituri” jirriżulta minn żball fl-analiżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament inkludiet it-titjiriet ta’ distanza twila ta’ Aer Lingus fil-kalkolu tal-ispejjeż medji tal-operat tagħha. L-ispejjeż tal-operat skont seats-kilometri offerti (iktar ’il quddiem “SKO”) peress li huma sostanzjalment iktar baxxi fit-titjiriet ta’ distanza twila milli fit-titjiriet ta’ distanza qasira, l-inklużjoni tagħhom twassal għal evalwazzjoni baxxa kunsiderevoli tal-ispejjeż medji għall-SKO ta’ Aer Lingus għall-finijiet tal-paragun mat-trasportaturi bi prezz baxx li joperaw biss rotot ta’ distanza qasira. Barra minn hekk, jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-ispejjeż medji ta’ Aer Lingus huma komparabbli ma’ dawk tat-trasportaturi bi prezz baxx u ogħla biss bejn wieħed u ieħor b’50 % minn dawk ta’ Ryanair, Aer Lingus tkun f’pożizzjoni li tagħmel qligħ kunsiderevolment ogħla minn dak ta’ Ryanair, peress li l-prezz medju tagħha jkun iktar minn 100 % ogħla minn dak ta’ Ryanair. Fir-realtà, Ryanair tkun tagħmel ħafna iktar qligħ minn Aer Lingus.

71      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tisħaq fuq id-differenza bejn il-prezzijiet li hija tapplika u dawk applikati minn Aer Lingus. Din id-differenza, li tirriżulta mid-differenza fl-ispejjeż tal-operat, tiżvela “livell għoli ta’ differenza”. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat, fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, li differenza fil-prezz ta’ EUR 30 mhix sinjifikattiva, peress li l-prezz medju ta’ biljett tar-Ryanair huwa ta’ EUR 41. Il-prezzijiet iktar baxxi tar-Ryanair, iktar baxxi minn nofs dawk ta’ Aer Lingus, jippermettulha tattira klijenti li, fin-nuqqas ta’ dawn il-prezzijiet moderati, ma kinux jaqbdu ajruplan. Il-Kummissjoni kellha tiddeduċi minn dan l-element li Aer Lingus ma kienet teżerċità l-ebda restrizzjoni kompetittiva fuq Ryanair. Billi rrikonoxxiet fil-premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata li l-prezzijiet tar-Ryanair kienu, bħala medja, iktar baxxi minn dawk ta’ Aer Lingus, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li ż-żewġ kumpanniji kienu jindirizzaw żewġ setturi tas-suq totalment differenti. Barra minn hekk, Ryanair u Aer Lingus joperaw taħt mudelli ekonomiċi differenti ħafna. Aer Lingus ċertament iddevjat minn mudell ekonomiku tradizzjonali ta’ kumpannija tal-ajru nazzjonali li toffri firxa kompluta ta’ servizzi sabiex tadotta ċerti karatteristiċi ta’ trasportaturi bi prezz baxx. Hija madankollu tkompli tuża ajruporti prinċipali u toffri ċerti servizzi li jippermettulha timponi fuq il-klijenti tagħha prezzijiet nettament ogħla minn dawk ta’ Ryanair. Il-klijenti ta’ Aer Lingus ikunu b’hekk ippreparati jħallsu suppliment meta kkomparat mat-tariffi tal-kompetituri tagħha bi prezz baxx għal offerta ta’ servizzi iktar kompluta.

72      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija kumpannija tal-ajru b’“servizzi minimi” (low-frills) u Aer Lingus hija kumpannija tal-ajru b’“servizzi medji” u li l-Kummissjoni tipprova timminimizza l-impatt ta’ din id-differenza fuq il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn iż-żewġ kumpanniji. Il-Kummissjoni allegatament naqset milli tanalizza l-mod li permezz tiegħu din id-differenza hija rilevanti jew li tressaq provi konvinċenti sabiex turi għaliex din id-differenza kunsiderevoli tkun irrilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva. Differenza bħal din bejn l-offerti tas-servizzi tkun attestata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Aer Lingus u tal-Gvern Irlandiż redatti qabel l-offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, u dan qabel mal-gvern u l-kumpannija “ma għamlu U-turn” fejn sostnew li Aer Lingus kienet kumpannija li toffri s-servizzi tagħha bi prezz baxx.

73      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74      Jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni aċċettat li tagħraf l-eżistenza tad-differenzi bejn Ryanair u Aer Lingus, hija ma tasalx għall-istess konklużjonijiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn id-differenzi ma pprekludewx lill-Kummissjoni milli tikkunsidra li, mill-kompetituri preżenti fir-rotot differenti affettwati mill-konċentrazzjoni, Aer Lingus hija l-iktar importanti u l-eqreb għal Ryanair.

75      Fir-rigward tad-differenza bejn l-ispejjeż tal-operat ta’ Aer Lingus u dawk ta’ Ryanair, din tal-aħħar terġa’ ssostni l-analiżi tagħha li din id-differenza fl-ispejjeż jippermettulha sservi parti distinta mis-suq. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tanalizza l-impatt ta’ din id-differenza fuq ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Aer Lingus u r-Ryanair.

76      Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-ispejjeż tal-operat ta’ Ryanair kienu iktar baxxi minn dawk ta’ Aer Lingus għalkemm sostniet li, meta kkomparati ma’ tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra, l-ispejjeż ta’ Aer Lingus kienu ġeneralment baxxi ħafna u kienu pjuttost ipoġġuha fil-grupp tat-trasportaturi bi prezz baxx milli f’dik tat-trasportaturi fuq netwerk (ara punt 7.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari premessa 374).

77      B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat, fid-dawl tad-data disponibbli, li jekk l-ispejjeż tal-operat minn SKO ta’ Ryanair kienu iktar baxxi minn 4 ċenteżmi tal-Euro, dawk ta’ Aer Lingus kienu jitilgħu għal bejn wieħed u ieħor 5.9 ċenteżmi tal-Euro. Il-Kummissjoni sostniet li l-oġġezzjoni ta’ Ryanair ibbażata fuq il-fatt li din id-data tinkludi wkoll titjiriet ta’ distanza twila ta’ Aer Lingus, li ġeneralment għandhom spejjeż SKO iktar baxxi, kienet ġustifikata. Hija madankollu ppreċiżat li 87 % tal-passiġġieri ta’ Aer Lingus jivvjaġġaw f’titjiriet ta’ distanza qasira u li ċ-ċifra mressqa minn Ryanair ta’ kważi 8 ċenteżmi tal-Euro SKO ma kinitx sostnuta (ara l-punt 7.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessi 375 u 377).

78      Fi kwalunkwe każ, mill-grafika nru 1 li tidher fil-premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ispejjeż tal-operat SKO ta’ trasportatur fuq netwerk (bħal British Airways, Air France jew Lufthansa) joqorbu t-12-il ċenteżmi tal-Euro filwaqt li dawk ta’ Virgin Express jew ta’ easyJet huma rispettivament ta’ bejn wieħed u ieħor 7 jew ta’ ftit iktar minn 6 ċenteżmi tal-Euro. Il-marġni definita mill-Kummissjoni u minn Ryanair, bejn 5.9 u 8 ċenteżmi tal-Euro SKO, b’hekk tpoġġi lil Aer Lingus fl-istess grupp bħal Virgin Express jew easyJet, liema spejjeż tal-operat huma ferm “iktar baxxi” (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata) jew “ħafna iktar baxxi” (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata) minn dawk tal-kumpanniji l-kbar fuq netwerk (differenza ta’ għall-inqas 4 ċenteżmi tal-Euro SKO), anki jekk huma “ogħla” jew “nettament ogħla” għal dawk ta’ Ryanair (differenza li tvarja bejn wieħed u ieħor bejn 2 u 4 ċenteżmi tal-Euro SKO).

79      Konsegwentement, għalkemm hemm differenza fl-ispejjeż tal-operat bejn Ryanair u Aer Lingus, hekk kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li Aer Lingus u hi huma l-“eqreb kompetituri”, peress li l-ispejjeż tal-operat ta’ Aer Lingus huma effettivament iktar baxxi minn dawk tal-kumpanniji fuq netwerk u li la Virgin Express u lanqas easyJet ma huma f’kompetizzjoni ma’ Ryanair fir-rotot fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom bi tluq mill-Irlanda (premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Din l-ossservazzjoni hija wkoll sostnuta fid-deċiżjoni kkontestata mill-konstatazzjoni li l-evoluzzjoni tal-ispejjeż għal kull unità ta’ Aer Lingus matul iż-żmien turi l-“migrazzjoni progressiva” tagħha minn mudell ekonomiku tradizzjonali lejn mudell bi prezz baxx (ara l-premessa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-grafika nru 2 fuq l-ispejjeż tal-operat ta’ Aer Lingus matul iż-żmien mill-2001 sal-2005).

81      Barra minn hekk, jekk, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, l-ispejjeż tal-operat baxxi ħafna għandhom effett fuq il-qligħ tal-impriża (ara punt 70 iktar ’il fuq), dan ma jippermettix li jiġi konkluż li s-servizzi li hija toffri ma humiex f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ Aer Lingus. Din tal-aħħar fil-fatt toffri servizzi ta’ livell ogħla billi tipprova talinja ruħha mal-istruttura tal-ispejjeż ta’ Ryanair, li tbiegħdha mill-istruttura tal-ispejjeż tal-kumpanniji tal-ajru fuq netwerk.

82      Fir-rigward tad-differenza bejn il-prezzijiet li hija tapplika u dawk applikati minn Aer Lingus, ir-rikorrenti ssostni li din id-differenza hija dik li l-Kummissjoni kellha tiddeduċi li Aer Lingus ma kinitx teżerċita fuqha restrizzjoni kompetittiva. Skont ir-rikorrenti, differenza ta’ prezz medju ta’ EUR 30 hija sinjifikattiva, peress li l-prezz medju ta’ biljett tar-Ryanair huwa ta’ EUR 41. Barra minn hekk, il-prezzijiet l-iktar baxxi ta’ Ryanair, iktar baxxi b’iktar minn nofs ikkomparati ma’ dawk ta’ Aer Lingus, jippermettu lir-rikorrenti tattira klijenti li, fin-nuqqas ta’ prezzijiet bħal dawn, ma kinux jaqbdu ajruplan.

83      Hekk kif ammettiet l-eżistenza ta’ differenza fl-ispejjeż tal-operat, il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li teżisti differenza bejn il-prezzijiet medji applikati minn Aer Lingus u dawk applikati minn Ryanair. Dan il-punt ma ġiex ikkontestat mill-partijiet.

84      Madankollu għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat, minn naħa, li, jekk it-tariffi applikati minn Aer Lingus kienu ġeneralment ogħla minn dawk ta’ Ryanair, dan ma kienx dejjem il-każ, u, min-naħa l-oħra, li l-paragun tal-prezzijiet kien proċess delikat peress li kien diffiċli li jkun stabbilit liema taxxi u spejjeż kienu ġew ikkunsidrati sabiex jiġi kkalkulat il-prezz medju tat-titjiriet ta’ distanza qasira ta’ EUR 41 fl-2006 indikat minn Ryanair, filwaqt li kien ippreċiżat li l-prezz medju ta’ Aer Lingus kien ta’ EUR 91, jew bejn EUR 65 u 75 qabel l-ispejjeż u t-taxxi (ara l-punt 7.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessa 371 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 385 u 386).

85      Wara li saru dawn il-preċiżjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-kontestazzjoni li tirrigwarda d-differenza bejn il-prezzijiet medji applikati minn Ryanair u dawk ipprattikati minn Aer Lingus tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ din id-differenza fil-prezz. Għalkemm ir-rikorrenti tallega li din id-differenza tippermetti li jiġi konkluż nuqqas ta’ restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Aer Lingus fuqha, il-Kummissjoni tikkunsidra li mill-analiżi tal-prezzijiet applikati jirriżulta li Aer Lingus hija eqreb għal Ryanair milli jista’ jkunu l-kompetituri l-oħra preżenti fir-rotot fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom (ara l-premessi 368 sa 370 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-mudell ekonomiku, li huwa traspost fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-paragun tal-prezzijiet medji: “[l]-istess kunsiderazzjoni tapplika għall-fatt li l-prezzijiet medji ta’ Aer Lingus huma ogħla minn dawk ta’ Ryanair”).

86      Għal dak li jirrigwarda r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Aer Lingus, din il-kwistjoni hija trattata fil-punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-kompetizzjoni attwali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u fil-punti 7.5, 7.6 u 7.9 tagħha, li fihom il-Kummissjoni eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Din il-kwistjoni b’hekk ma ġietx ittrattata fil-punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li Ryanair u Aer Lingus kienu l-“eqreb kompetituri” fir-rotot kollha kkonċernati.

87      Konsegwentement, il-konstatazzjonijiet li saru fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu l-bażi għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li hija s-suġġett tal-punt 7.3 ta’ din id-deċiżjoni, fis-sens li mid-data esposta fiha jirriżulta li l-prezzijiet applikati mit-trasportaturi fuq netwerk li jagħtu servizz sħiħ, liema prezzijiet ġew ikkomunikati minn Ryanair, huma ħafna iktar ogħla minn dawk applikati minn Aer Lingus (jiġifieri EUR 216 għal Air France, EUR 225 għal Lufthansa u EUR 268 għal British Airways). It-tariffi ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus huma effettivament “sew taħt il-livell tal-prezzijiet tal-kompetituri li jridu jikkompetu magħhom fuq ir-rotot rispettivi tagħhom” (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni spjegat ukoll li d-differenza bejn il-prezzijiet applikati minn Ryanair u dawk applikati minn Aer Lingus jeħtieġu li jiġu kkunisdrati l-vantaġġi żgħar kwalitattivi li jikkaratterizzaw l-offerta ta’ Aer Lingus, bħas-servizz tal-ajruporti prinċipali, il-business lounges jew servizz ta’ livell ogħla (premessi 371 u 372 tad-deċiżjoni kkontestata). L-analiżi tal-prezzijiet applikati minn Ryanair u minn Aer Lingus li saret fid-deċiżjoni kkontestata b’hekk tkun il-bażi tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li Ryanair u Aer Lingus huma l-“eqreb kompetituri” fir-rotot kollha kkonċernati.

88      Skont ir-rikorrenti, analiżi bħal din hija madankollu inkompatibbli mal-konstatazzjoni li saret fit-tieni sentenza tal-premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-imsemmija premessa jirriżulta dan li ġej:

“L-elementi msemmija iktar ’il fuq [fir-rigward tal-perċezzjoni tal-klijenti ta’ Aer Lingus u ta’ Ryanair (punt 7.3.5 tad-deċiżjoni kkontestata)] jindikaw b’mod ċar li Ryanair u Aer Lingus huma kompetituri qrib xuxlin. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Ryanair tapplika tariffi li bħala medja huma iktar baxxi minn dawk ta’ Aer Lingus, u li, ipotetikament, ikun possibbli li Aer Lingus u Ryanair iservu żewġ kategoriji ta’ klijenti totalment differenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

89      Din ir-referenza għal kategoriji fl-offerta fuq il-bażi tat-tariffi applikati madankollu ma tippermettix li tasal għall-konklużjoni li Ryanair u Aer Lingus ma humiex kompetituri qrib xulxin. Il-kunċett ta’ kompetitur għandu jiftiehem b’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni tal-kawża. Tressqu ħafna provi mill-Kummissjoni insostenn ta’ din il-konstatazzjoni inkluża fil-konklużjoni tal-punt 7.3 tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jingħad pereżempju li fit-22 rotta fejn Ryanair u Aer Lingus huma l-uniċi kumpanniji preżenti, attwalment ma hemmx kumpanniji oħra li huma f’pożizzjoni li joffru servizzi ta’ trasport regolari bl-ajru. F’dawn is-swieq fejn id-definizzjoni fiha nnfisha ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti (ara madankollu, fir-rigward tal-argument dwar l-ajruporti tad-destinazzjoni, punti 95 et seq iktar ’il quddiem), Aer Lingus tibqa’ l-eqreb kompetitur ta’ Ryanair. Il-kwistjoni dwar id-dħul tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv li jitratta din.

90      Fir-rigward tad-differenza fil-livell tas-servizzi, l-argumenti tar-rikorrenti kull ma jagħmlu huwa li jirreferu għal differenza magħrufa mill-Kummissjoni u msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Pereżempju, fil-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni rreferiet għat-titjiriet ta’ Ryanair bħala t-titjiriet “mingħajr servizz” u s-servizzi ta’ Aer Lingus bħala “servizzi medji”, hija ppreċiżat immedjatament wara, li għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, “iż-żewġ kumpanniji setgħu jiġu kkunsidrati bħala trasportaturi b’‘servizzi minimi’, peress li wara adattamenti reċenti tal-mudell tas-servizz ta’ Aer Lingus, is-servizzi inklużi fit-tariffa bażika ta’ Aer Lingus huma fil-parti l-kbira konformi ma’ dawk inklużi f’dik tar-Ryanair u differenti ħafna minn dik tal-kumpanniji li joffru ‘servizzi kompluti’ tradizzjonali bħall-British Airways jew Lufthansa” (premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Fil-kitbiet tagħha, ir-rikorrenti barra minn hekk tirrikonoxxi li “Aer Lingus ċertament iddevjat minn mudell ekonomiku tal-kumpannija tal-ajru nazzjonali tradizzjonali ta’ servizzi kompluti sabiex tadotta ċerti karatteristiċi ta’ trasportaturi bi prezz baxx” (ara punt 71 iktar ’il fuq). Dan il-punt ġie kkonfermat fis-seduta.

92      Fi kwalunkwe każ, l-evoluzzjoni tal-ispejjeż għal kull unità ta’ Aer Lingus matul iż-żmien turi l-“migrazzjoni progressiva” tagħha ta’ mudell ekonomiku tradizzjonali lejn mudell bi prezz baxx (ara punt 80 iktar ’il fuq) u l-offerta ta’ servizzi ta’ Aer Lingus tinsab għall-inqas bejn dik proposta minn Ryanair u dik proposta mit-trasportaturi fuq netwerk li jagħtu servizz sħiħ.

93      Konsegwentement, anki jekk Aer Lingus ma għandhiex l-ispejjeż tal-operat baxxi ħafna ta’ Ryanair, ma tapplikax l-istess prezzijiet bħal Ryanair jew ma toffrix ukoll ftit servizzi, xorta jibqa’ l-fatt li din l-impriża torjenta ruħha lejn l-istess mudell ekonomiku bħall-kompetitriċi tagħha.

94      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet fil-premessa 431 tad-deċiżjoni kkontestata li Aer Lingus u hi kienu l-“eqreb kompetituri” fir-rotot affettwati bi tluq mill-Irlanda. Din il-konklużjoni b’hekk tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, u l-kritiki mressqa mir-rikorrenti fuq dan il-punt għandhom jiġu miċħuda (ara punti 58 u 63 iktar ’il fuq).

c)     Fuq id-differenza bejn l-ajruporti tad-destinazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

95      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija tuża ajruporti fundamentalment differenti minn dawk użati minn Aer Lingus. Aer Lingus tuża ajruporti prinċipali, iktar qrib għall-bliet u toffri servizzi aħjar minn l-ajruporti sekondarji. Dawn tal-aħħar, użati minn Ryanair, jippermettulha żżomm l-ispejjeż tagħha baxxi u jwaqqfuha milli tikkompeti ma’ Aer Lingus fil-każ ta’ passiġġieri li jixtiequ jużaw biss ajruporti prinċipali. Bix-xiri ta’ Aer Lingus, Ryanair tkun f’pożizzjoni li tikkompeti fl-ajruporti prinċipali. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni allegatament naqset milli tressaq provi ċari u konvinċenti li juru li t-titjiriet ta’ Aer Lingus b’destinazzjoni ta’ ajruporti prinċipali u t-titjiriet ta’ Ryanair b’destinazzjoni ta’ ajruporti sekondarji jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq xulxin. Id-data invokata fid-deċiżjoni kkontestata ma sostnietx il-konklużjoni li dawn it-titjiriet huma sostituti suffiċjentement simili sabiex ikollhom jiġu inklużi fl-istess suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet użat l-informazjoni disponibbli “b’mod selettiv u inkoerenti ħafna”. Peress li ma setgħetx issib xi serje uniformi ta’ kriterji, hija allegatament użat numru ta’ kriterji differenti sabiex tistabbilixxi li l-ajruporti prinċipali u sekondarji jaqgħu fl-istess suq. Il-Kummissjoni allegatament injorat jew iddevjat mill-avviżi tal-ajruporti ta’ Birmingham u ta’ Vjenna u tal-UK Civil Aviation Authority (awtorità tal-avjazzjoni ċivili tar-Renju Unit) sabiex tikkonkludi li l-ajruporti prinċipali u l-ajruporti sekondarji huma sostitwibbli. B’hekk hija ma kinitx ibbażata fuq data li wieħed jista’ joqgħod fuqha u lanqas fuq metodu b’saħħtu. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti tal-kompetituri sabiex tallega li l-ajruporti huma sostitwibbli, dawn ir-risposti juru għall-kuntrarju n-nuqqas ta’ prova ċara u konvinċenti fuq dan il-punt (ara r-risposta ta’ British Airways u s-sitwazzjoni tal-ajruporti ta’ Londra). It-tabella indirizzata lill-kompetituri ma turix b’mod ċar, fil-preżentazzjoni tagħha, jekk kienx mistenni mill-kumpanniji mistoqsija li jindikaw l-ajruporti bħala xierqa għal kull tip ta’ passiġġier jew l-ajruporti li huma sostitwibbli għal xulxin. F’xi każijiet, il-kumpanniji kienu biss indikaw wieħed mill-ajruporti għal kull par bliet, li b’hekk juri l-konfużjoni.

96      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-użu li l-Kummissjoni għamlet ta’ dawn iż-żoni li jattiraw l-klijenti tal-ajruporti sabiex tiddetermina jekk dawn it-titjiriet b’destinazzjoni ta’ ajruporti differenti jaqgħux fl-istess suq kien żbaljat. Skont “regola approssimattiva” (rule of thumb) mhux sostnuta minn fatti, il-Kummissjoni ddefinit iż-żona li tattira l-klijenti ta’ ajruport bħala ż-żona li fiha l-ajruport jista’ jintlaħaq billi wieħed jivvjaġġa massimu ta’ 100 km jew billi jivvjaġġa massimu ta’ siegħa (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). Din ir-regola tkun “vaga wisq sabiex tkun utli”. Hija tinjora d-distribuzzjoni reali tal-passiġġieri fi ħdan iż-żona u ma tkunx realistika fil-kuntest tar-rotot bejn l-Irlanda u r-Renju Unit, it-tul tat-titjira f’dan il-każ ma jaqbiżx siegħa. Il-Kummissjoni b’hekk ippreżumiet b’mod żbaljat li l-passiġġieri “jevitaw li jużaw l-ajruport l-iktar qrib tagħhom, jagħmlu vjaġġ ta’ siegħa u b’hekk jieħdu titjira ta’ forsi bejn wieħed u ieħor 50 minuta”. Barra minn hekk, il-kalkolu taż-żmien neċessarju sabiex wieħed imur l-ajruport permezz tat-trasport pubbliku jew bil-karozza, espost fil-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jikkunsidrax id-dewmien varju u lanqas l-ispiża marbuta mal-użu tat-trasport pubbliku. Fl-aħħar nett, fil-premessi 114 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestatat, il-Kummissjoni ma kkunsidratx ċifri reali li jirrigwardaw l-ajruporti partikolari inkwistjoni, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-data mogħtija mill-UK Civil Aviation Authority.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika ċerti evalwazzjonijiet jew konstatazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, hija takkuża lill-Kummissjoni li fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat il-prattiċi kummerċjali tagħha billi ppreżentat it-titjiriet tagħha bħala sostituti għat-titjiriet b’destinazzjoni ta’ ajruporti prinċipali. Fil-fatt, l-ismijiet li impriża kummerċjali tuża sabiex tippreżenta fis-suq il-prodotti tagħha ma jammontawx għal bażi suffiċjentement ċerta u solida għad-definizzjoni tas-swieq. Pereżempju, l-ajruporti ta’ Vjenna u ta’ Bratislava ma jistgħux jappartjenu għall-istess suq sempliċement għaliex Ryanair tbiegħ biljetti b’destinazzjoni ta’ Bratislava taħt l-isem “Bratislava (Vjenna)”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kelliex tuża fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata l-kunċett tas-“sistema ta’ ajruporti”, previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 420), sabiex tibbaża l-konstatazzjoni tas-sostitwibbiltà ta’ ċerti ajruporti. Dan il-kunċett ma jkunx xieraq għad-definizzjoni tas-swieq u r-redazzjoni mill-ġdid tar-Regolament Nru 2408/92 u tar-regolamenti konnessi tiegħu għandha ġġib dan fi tmiem. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-analiżi tal-prezzijiet li saret mill-Kummissjoni hija “difettuża” u ma tagħtix raġunijiet li wieħed jista’ joqgħod fuqhom li jikkonkludu li t-titjiriet li hija tipprovdi b’destinazzjoni ta’ ajruporti sekondarji u t-titjiriet ipprovduti minn Aer Lingus b’destinazzjoni ta’ ajruporti prinċipali huma “faċilment sostitwibbli”. L-analiżi ma tipprovdi l-ebda mezz sabiex jiġi ddeterminat jekk evoluzzjoni parallela tal-prezzijiet tirriżulta minn sostitwibbiltà jew influwenzi komuni. Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri hija “serjament difettuża” fir-rigward tad-domandi li saru u tat-teknika użata tat-teħid ta’ kampjuni. Din l-investigazzjoni ma kellhiex bħala għan li tikkalkola l-livell ta’ sostitwibbiltà tal-ajruporti, peress li l-passiġġieri qatt ma ġew mistoqsija jekk huma qatt ħasbu li jtiru b’destinazzjoni ta’ ajruporti differenti. F’ħafna każijiet, id-data invokata mill-Kummissjoni fuq dan il-punt twassal għall-konklużjoni opposta.

98      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Ir-rikorrenti terġa’ tinkludi fil-kitbiet tagħha l-argumenti preċedentement esposti fil-proċedura amministrattiva fil-kritika tagħha tad-definizzjoni tas-suq skont il-belt tal-oriġini u tal-belt tad-destinazzjoni. Dawn l-argumenti ġew eżaminati u rrifjutati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u l-inklużjoni ta’ dawn il-argumenti biss quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex suffiċjenti sabiex din l-analiżi tiġi kkontestata għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

100    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ produzzjoni mill-Kummissjoni ta’ provi ċari u konvinċenti li juru li t-titjiriet ta’ Aer Lingus b’destinazzjoni ta’ ajruporti prinċipali u t-titjiriet tar-Ryanair b’destinazzjoni ta’ ajruporti sekondarji jagħmlu limitazzjoni sinjifikattiva għall-kompetizzjoni fuq xulxin, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment ultimament jikkritika l-użu li sar mill-Kummissjoni tad-definizzjoni tas-suq li ntużat fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tevalwa l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-swieq rilevanti. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi dan impliċitament meta hija ssostni li d-data invokata fid-deċiżjoni kkontestata “ma tappoġġax il-konklużjoni li dawn it-titjiriet huma sostituti suffiċjentement qrib sabiex ikollhom jiġu inklużi fl-istess suq” (ara punt 95 iktar ’il fuq).

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel nett il-portata ta’ dan l-ilment għandu jitpoġġa fil-perspettiva b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, f’16 mill-35 rotta kkonċernata, Ryanair u Aer Lingus iservu l-istess ajruporti (premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-ilment b’hekk jikkonċerna 19 biss minn dawn il-35 rotta (jiġifieri 54.2 %) u b’hekk m’għandux effett għal dak li jirrigwarda s-16-il rotta oħra affettwata mit-twettiq tal-konċentrazzjoni.

102    Għal dawn id-19-il rotta, l-ilment tar-rikorrenti jikkonsisti biss f’li jiġi kkonstatat li teżisti differenza fir-rigward tal-ajruport tad-destinazzjoni mingħajr ma jkun hemm tentattiv li jiġi konkretement irrifjutat r-raġunament li ġie espost fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-impatt ta’ din id-differenza fil-livell kemm tad-definizzjoni tas-suq kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li s-swieq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru setgħu jiġu ddefiniti fuq il-bażi ta’ rotot individwali jew ta’ grupp ta’ rotot, sa fejn huma sostitwibbli bejniethom, skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra p. II‑1931, punti 54 sa 61).

103    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni l-ewwel nett fasslet qafas analitiku applikabbli għad-definizzjoni tas-suq rilevanti sa fejn jirrigwarda rotot differenti kkonċernati, kemm jekk jirrigwarda pari ta’ ajruporti jew pari ta’ bliet (punt 6.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kriterji differenti użati sabiex jikkaratterizzaw is-sostitwibbiltà tas-servizzi tat-trasport regolari bl-ajru bi tluq minn ajruporti varji huma esposti fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn jirrigwardaw id-distanza u ż-żmien tal-vjaġġ skont il-kriterju ta’ referenza ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa, mill-perspettiva tal-kompetituri, mill-perspettiva tal-ajruporti kkonċernati u dik tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri, tal-istima minn naħa tal-passiġġieri tal-ħin liberu f’rotta, tal-kunċett ta’ “sistema ta’ ajruporti” fis-sens tal-Anness II tar-Regolament Nru 2408/92, tal-prattiċi kummerċjali, tal-eżistenza jew le ta’ servizzi ta’ trasport bejn l-ajruporti u ċerti bliet, kif ukoll tar-riżultat tal-istudju ta’ korrelazzjoni bejn il-prezzijiet miksuba mill-Kummissjoni għal 17-il par bliet bi tluq minn Dublin.

104    Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat b’mod dettaljat liema kien is-suq rilevanti f’kull wieħed mir-rotot ikkonċernati (punt 6.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal kull każ fejn hija ikkonstatat sostitwibbiltà, il-Kummissjoni applikat numru ta’ kriterji abbażi tal-informazzjoni disponibbli. L-għażla tal-passiġġieri għal wieħed jew l-ieħor tas-servizzi tal-ajru jirriżultaw minn dawn il-fatturi flimkien.

105    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kemm il-darba waslet għall-konklużjoni li t-titjiriet b’destinazzjoni ta’ ajruporti differenti li jinsabu qrib belt ma jaqgħux fl-istess suq. Fil-premessi 178 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat, essenzjalment, li l-ajruporti ta’ Rennes u ta’ Nantes Atlantique ma kinux sostitwibbli għar-raġunijiet segwenti: il-kriterju ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa ma kinux sodisfatti bi ftit, Ryanair ma kinitx tbigħ is-servizz tagħha b’destinazzjoni ta’ Nantes billi kienet tagħmel referenza għal Rennes, u bil-kontra, l-ebda differenza sinjifikattiva bejn iż-żewġ ajruporti ma kienet tinkoraġixxi lill-passiġġieri ta’ Rennes imorru Nantes sabiex jaqbdu titjira, u bil-kontra, u li d-data disponibbli ma kinitx suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel analiżi fil-fond tal-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet. Il-fatt biss li Aer Lingus tikkunsidra l-ajruporti ta’ Rennes u ta’ Nantes Atlantique bħala sostituti ma kinitx, skont il-Kummissjoni, suffiċjenti sabiex tikkonkludi li kien hemm sostitwibbiltà. Fil-premessi 197 sa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn l-ajruport ta’ Amsterdam Schiphol minn dak ta’ Eindhoven, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tal-ajruporti ta’ Nantes Atlantique u ta’ Rennes u l-fatt li hija kienet ikkunsidrat li kien jeżisti livell dgħajjef ta’ sostitwibbiltà f’deċiżjoni preċedenti (Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 1997, Każ COMP/M.967 – KLM/Air UK, punt 24).

106    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-perspettiva tal-ajruporti hija esposta numru ta’ drabi fid-deċiżjoni kkontestata (ara, pereżempju, premessi 132, 145 u 151 tad-deċiżjoni kkontestata), bħall-perspettiva tal-UK Civil Aviation Authority (ara, pereżempju, premessi 128 u 138 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tar-referenza għad-distinzjoni bejn passiġġieri li jagħtu każ il-fattur taż-żmien u passiġġieri li ma jagħtux każ dan il-fattur li saret mill-UK Civil Aviation Authority, il-Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata numru ta’ raġunijiet li jippermettu li jiġi spjegat kif din id-distinzjoni setgħet tkun ikkunsidrata bħala irrilevanti fil-kawża preżenti (premessi 85 u 316 sa 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

107    B’mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet, b’mod konvinċenti, li din id-distinzjoni, preċedentement netta bejn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri, kellha t-tendenza li ssir inqas ċara. Din it-tendenza kienet diġà ġiet invokata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża preċedenti (Każ COMP/M.3280 – Air France/KLM u Każ COMP/M.3770 – Lufthansa/Swiss, invokati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 329 tad-deċiżjoni kkontestata) u ġiet ikkonfermata fir-risposti, mhux ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża preżenti, għall-kwestjonarji indirizzati lill-kompetituri fis-6 ta’ Novembru 2006 (risposti inklużi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 328 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-risposti tal-klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni jindikaw ukoll li l-kriterju tal-aħjar tariffa hija importanti ħafna. Skont l-ordni tal-importanza espressa minn dawk il-klijenti, dak il-kriterju jidher qabel il-kriterju tal-ajruport tad-destinazjoni u qabel dak tal-aħjar skeda, li sar relattiv hekk kif jirriżulta minn numru għoli ta’ titjiriet irreklamati ta’ spiss mit-trasportaturi tas-servizzi minimi (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    Barra minn hekk, fir-rigward tal-opinjonijiet tal-ajruporti ta’ Birmingham (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ Vjenna (premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ma tesponix b’liema mod dawn l-opinjonijiet kienu ġew żnaturati. Min-naħa l-oħra, fis-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat espressament li tiżviluppa dan l-argument. Dawn l-opinjonijiet li ma jaslux għall-konklużjoni tas-sostitwibbiltà, huma inklużi fedelment fid-deċiżjoni kkontestata u barra minn hekk il-Kummissjoni kellha elementi oħra li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li waslet għaliha fid-deċiżjoni kkontestata. It-teknika ta’ sensiela ta’ indizji użata mill-Kummissjoni sabiex tevalwa konċentrazzjoni tista’ naturalment tinkludi elementi pożittivi bħal elementi negattivi. Il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fl-aħħar tal-analiżi tagħha ta’ indizji differenti kkunsidrati madankollu ma tkunx ikkontestata minħabba l-fatt biss li element negattiv jirriżulta mill-investigazzjoni. Dan l-element huwa debitament rapportat u ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, u dan mingħajr ma ġie żnaturat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti mingħajr forma oħra ta’ prova.

109    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, huwa ċar mir-risposta ta’ British Airways għall-kwestjonarju indirizzat lilha mill-Kummissjoni li, fir-rigward tal-ajruporti ta’ Londra, “kien hemm ħafna sovrapożizzjoni ta’ rotot fiż-żoni li jattrajixxu l-klijenti”, u [li] “l-ajruporti kollha ta’ Londra [setgħu] jikkompetu, ħaġa li wara kollox jagħmlu, kemm fil-każ tat-traffiku ta’ distanza twila kif ukoll fil-każ tat-traffiku ta’ distanza qasira”. Fir-rigward tal-ajruporti l-oħra li l-lista tagħhom tidher fid-domanda nru 22 tal-imsemmija kwestjonarju, jirriżulta wkoll li din il-kumpannija tal-ajru tikkunsidra li, “b’mod ġenerali, l-ajruporti kollha elenkati jinsabu f’kompetizzjoni għat-tipi kollha ta’ passiġġieri”. Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li r-risposti tal-kompetituri ma jurux li l-ajruporti kollha prinċipali u sekondarji jkunu sostitwibbli, fir-rigward b’mod partikolari ta’ Londra, ir-risposti tal-kompetituri ta’ Ryanair fuq din ir-rotta jattestaw il-kuntrarju.

110    Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti dwar l-użi ta’ “regola approssimattiva” għall-finijiet tad-definizzjoni taż-żoni ta’ ajruporti li jattiraw il-klijenti sabiex jiġu determinati s-swieq rilevanti, hemm lok li jingħad li din in-natura approssimativa hija rikonoxxuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata: “Madankollu għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tuża r-‘regola’ ta’ 100 km jew ta’ vjaġġ ta’ siegħa biss bħala l-ewwel ‘varjabbli rappreżentattiv’ sabiex tiġi ddefinita żona li tattira l-klijenti. Minħabba d-dettalji ta’ kull ajruport ikkunsidrat, u ta’ provi oħra, ż-żona li tattira l-klijenti tista’ fir-realtà tkun ikbar u konsegwentement tkun is-suġġett ta’ eżami dettaljat, każ b’każ, fl-analiżi tal-pari differenti ta’ ajruporti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

111    Bħala risposta għall-kritika li saret fuq dan il-punt minn Ryanair fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li l-kriterju ta’ 100 km jew vjaġġ ta’ siegħa kien indikatur ibbażat fuq dak li l-ajruporti jikkunsidraw bħala żona raġjonevoli li tattira l-klijenti (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). Mir-risposti għall-kwestjonarju indirizzat lill-ajruporti jirriżulta wkoll li għall-kumpanniji tal-ajru, iż-żona li tattira l-klijenti hija ta’ għall-inqas 100 km jew ta’ vjaġġ ta’ siegħa (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni bħala risposta għall-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kitbiet tagħha, iċ-ċirkustanza li t-tul tat-titjira fir-rotot bejn l-Irlanda u r-Renju Unit huwa relattivament qasir bl-ebda mod ma jbiddel din l-evalwazzjoni. F’ħafna każijiet, fil-fatt jeżistu servizzi speċjali tax-xarabank bejn l-ajruport sekondarju u ċ-ċentru tal-belt, li jaħdmu bi skeda skont it-titjiriet. L-approċċ tal-Kummissjoni jaqbel mar-risposta tal-UK Civil Aviation Authority.

112    Fid-dawl ta’ din id-data u ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li użat il-kriterju ta’ 100 km jew ta’ vjaġġ ta’ siegħa fil-kuntest tad-definizzjoni taż-żona li tattira l-klijenti tal-ajruporti.

113    Fir-rigward tal-kritika li saret kontra l-Kummissjoni li kkunsidrat, fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattika kummerċjali ta’ Ryanair li tikkonsisti f’li tippreżenta t-titjiriet tagħha bħala sostituti għal titjiriet b’destinazzjoni ta’ ajruporti prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija prattika tammonta biss għal waħda minn ħafna elementi li ġew ikkunsidrati. Dawn il-prattiċi effettivament jippreżentaw l-interess li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tad-destinazzjonijiet tat-titjiriet mill-klijenti li jistgħu jkunu kkonċernati minn l-offerta ta’ Ryanair. Dan l-interess ma jkunx ikkontestat biss minħabba l-fatt li Ryanair issostni, mingħajr forma oħra ta’ prova, li l-ismijiet li taħthom toffri fis-suq is-servizzi tagħha lejn ċerti ajruporti ma jammontawx għal bażi suffiċjentement ċerta u b’saħħita għad-definizzjoni tas-swieq. Din l-affermazzjoni fil-fatt ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tinnega kull rilevanza ta’ dan l-element fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indizji użati mill-Kummissjoni. Għal dak li jirrigwarda l-eżempju ta’ Vjenna u ta’ Bratislava invokat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi oħra milli fuq il-prattika kummerċjali biss ta’ Ryanair. Hija eżaminat ukoll il-limitu indikattiv ta’ 100 km jew ta’ vjaġġ ta’ siegħa, il-perspettiva tal-awtoritajiet nazzjonali u dik tal-kompetituri, kif ukoll ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-klijentela (punt 6.3.4.15 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fl-analiżi tagħha rotta b’rotta (punt 6.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq il-kriterju ta’ 100 km jew ta’ vjaġġ ta’ siegħa, fuq il-perspettiva tal-awtoritajiet nazzjonali u dik tal-kompetituri, kif ukoll fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-klijentela. L-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt huma dejjem ibbażati fuq l-użu ta’ sensiela ta’ indizji fejn l-elementi differenti kkunsidrati huma esposti u analizzati.

114    Għal dak li jirrigwarda l-kritika li saret għar-referenza li saret fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata għall-kunċett tas-“sistema ta’ ajruporti”, użat fir-Regolament Nru 2408/92 sabiex tiġi fondata l-konstatazzjoni tas-sostitwibbiltà bejn ċerti ajruporti, jirriżulta mill-imsemmija premessa li l-appartenenza tal-ajruporti inkwistjoni għal “sistema ta’ ajruporti” fis-sens tar-Regolament Nru 2408/92 tammonta għal “prova addizzjonali li tikkonferma l-konklużjoni li l-ajruporti indikati taħt dan ir-regolament jappartjenu għall-istess konurbazzjoni u jistgħu jkunu kkunsidrati bħala sostitwibbli minn naħa tad-domanda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fir-Regolament Nru 2408/92, li kien fis-seħħ fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, is-sistema ta’ ajruporti hija definita li tirreferi għal “tnejn jew aktar ajruporti aggruppati flimkien biex iservu l-istess belt jew metropoli, kif indikat fl-Anness II”. Il-fatt li żewġ ajruporti jew iktar huma msemmija fl-Anness II bħala sistema ta’ ajruporti jista’ b’hekk jiġi kkunsidrat sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jiġi kkunsidrat li dawn l-ajruporti jservu l-istess destinazzjoni, li jammonta għal fattur li jindika li l-imsemmija ajruporti huma sostitwibbli għall-passiġġieri li jixtiequ jmorru fid-destinazzjoni inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni ma tkunx ikkontestata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-inizzjattiva li tikkjarifika u tissimplifika r-regoli dwar it-tqassim tat-traffiku bejn l-ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni, peress li l-proposta tagħha f’dan is-sens kienet diġà ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1008/2008, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, p. 3), li, minn l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ħassar ir-Regolament Nru 2408/92, saret referenza għall-prinċipju tat-tqassim tat-traffiku bejn ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni, anki jekk ma saritx referenza iktar għall-espressjoni “sistema ta’ ajruporti”.

115    Għal dak li jirrigwarda l-kritika tal-analiżi tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet li saret fil-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ma hijiex prova li żewġ ajruporti jaqgħu taħt l-istess suq. Madankollu l-Kummissjoni ġustament sostniet li element bħal dan assoċjat ma’ oħrajn jammonta għal fattur rilevanti għall-analiżi. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-analiżi stess mill-Kummissjoni hija kklassifikata bħala “analiżi empirika” (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata). In-nota ta’ qiegħ il-paġna mdaħħla taħt il-premessa 121 tindika wkoll dan:

“Fir-rigward tal-pari tal-ibliet kollha analizzati, huwa importanti li jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat il-provi ekonomiċi fil-qasam tal-korrelazzjoni tal-prezz bħala provi supplimentari li jikkorroboraw l-perspettiva tagħha. […] Dan għaliex it-tibdil fil-prezzijiet jista’ jiġi influwenzat minn fatturi oħra li jistgħu jwasslu għal korrelazzjoni żgħira bejn il-prezzijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

116    Hija f’din is-sitwazzjoni li l-evalwazzjonijiet ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tar-riżultati tal-“analiżi empirika” tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet għandhom jiġu kkunsidrati. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-analiżi tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet setgħet tagħti riżultati limitati li jsostnu li dawn ir-riżultati, għalkemm huma limitati, madankollu setgħu jiġu kkunsidrati taħt ċerti kundizzjonijiet.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku (ara punti 31 u 32 iktar ’il fuq). Il-kritika li saret fuq dan il-punt mir-rikorrenti tibqa’ ġenerali u ma tirrigwardax l-użu li sar mill-Kummissjoni tar-riżultati tal-analiżi tal-korrelazzjoni tal-prezzijiet.

118    Għal dak li jirrigwarda l-kritika tar-riżultati tal-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt huwa wkoll is-suġġett ta’ żvilupp ieħor min-naħa tar-rikorrenti u jkun eżaminat f’dan il-kuntest (ara punti 202 et seq iktar ’il quddiem). Fi kwalunkwe każ, mill-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tkun totalment konxja tal-limiti tal-investigazzjoni li saret tal-klijenti tal-ajruport ta’ Dublin, fejn investigazzjoni bħal din saret essenzjalment bil-għan li tiġi vverifikata l-affermazzjoni ta’ Ryanair li, mill-perspettiva tal-klijent, Ryanair u Aer Lingus ma kinux f’kompetizzjoni. Il-grupp tar-rotot tinkludi l-ajruporti kollha ta’ Londra u numru żgħir ta’ rotot li għalihom il-partijiet fil-konċentrazzjoni pproponew titijiriet lejn ajruporti differenti qrib l-istess belt. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta l-passiġġieri jikkunsidraw kumpannija tal-ajru li topera rotta lejn ajruport differenti bħala soluzzjoni alternattiva, seta’ jiġi dedott li s-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri inkwistjoni setgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva bejniethom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li “dawn il-provi kienu ta’ tip indiretti peress li ma ġewx mistoqsija lill-persuni li kienu qed jirrispondu għall-kwestjonarju […] sabiex jindikaw espliċitament jekk huma jikkunsidrawx li jaqbdu titjira lejn ajruport differenti”. Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, saret ukoll referenza għal din l-investigazzjoni bħala “prova indiretta”. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet ukoll li l-investigazzjoni tal-klijenti kienet tikkonċerna biss parti mir-rotot li fihom il-partijiet fil-konċertazzjoni jtiru lejn ajruporti differenti u li, konsegwentement, din l-investigazzjoni għandha “valur informattiv” għal dawn ir-rotot biss. Huwa f’dan il-kuntest li l-evalwazzjonijiet ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tal-klijenti għandhom jiġu kkunsidrati. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-investigazzjoni tal-klijenti għandhom ċerti limitazzjonijiet fejn hija stess indikat li dawn ir-riżultati joffru madankollu ċertu valur għar-rotot ikkonċernati.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku. Il-kritika li saret fuq dan il-punt mir-rikorrenti tibqa’ ġenerali u ma tippermettix li jiġi mifhum kif, fil-kuntest ta’ dan l-iżvilupp, il-mod kif ġew ippreparati dawn id-domandi u t-teknika tat-teħid tal-kampjuni użati kienu “serjament difettużi”.

3.     Fuq il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-eżistenza ta’ bażi fl-ajruport ta’ Dublin

a)     L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti tikkontesta li l-fatt li Aer Lingus u hi għandhom bażijiet fl-ajruport ta’ Dublin jippermetti li jiġi kkunsidrat li huma kompetituri qrib ħafna ta’ xulxin. Il-post fejn l-ajruplan huwa bbażat ikun kompletament mingħajr importanza għall-passiġġieri u jkollu relattivament ftit importanza għall-kumpanniji tal-ajru. Kumpannija tal-ajru li għandha bażi fit-tarf l-ieħor tar-rotta tista’ tammonta għal kompetitriċi kredibbli ta’ Ryanair. B’hekk, bmi, li għandha bażi fl-ajruport ta’ Heathrow u ajruplan stazzjonat matul il-lejl f’dak ta’ Dublin, tammonta għall-eqreb kompetitriċi ta’ Aer Lingus kif inhi Ryanair fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow), peress li Ryanair ma ttrix lejn dan l-ajruport.

121    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument fejn issostni li l-kumpanniji tal-ajru normalment ma jiftħux rotta sakemm din ma tkunx konnessa ma’ bażi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

122    Il-Kummissjoni esponiet fil-premessi 380 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom il-fatt li jkun hemm bażi importanti fl-ajruport ta’ Dublin jikkorrobora l-evalwazzjoni li ż-żewġ kumpanniji huma l-“eqreb kompetituri”. Skont id-deċiżjoni kkontestata, bażi bħal din (ukoll magħrufa bħala “ajruport tal-oriġini”) tippermetti li jinkisbu ekonomiji fil-kobor u l-iskala u tagħti iktar flessibbiltà għall-varjazzjonijiet fid-domanda, dawn il-vantaġġi jkunu proporzjonali għad-daqs tal-bażi. Il-Kummissjoni sostniet li l-parti l-kbira tat-trasportaturi jirrikorru għal bażijiet (premessi 393 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata) u rrifjutat l-osservazzjonijiet esposti mir-Ryanair fil-proċedura amministrattiva li skonthom, minn naħa, huwa meħtieġ li l-kompetituri li jistazzjonaw l-ajruplani tagħhom matul il-lejl fl-ajruport ta’ Dublin huma qrib tagħha daqs kemm hija Aer Lingus u, min-naħa l-oħra, ma huwiex rilevanti ħafna jekk il-bażi tkun tinstab fl-Irlanda jew fit-tarf l-ieħor tar-rotta (punti 7.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti ppreżentati minn Ryanair fil-kuntest tar-rikors preżenti kull ma jagħmlu huwa li jirrepetu l-osservazzjonijiet li hija fformulat fil-proċedura amministrattiva mingħajr madankollu ma tiġi kkontestata l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet motivati magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tirrifjutahom.

124    Fil-fatt, mill-analiżi esposta fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li rarament ikun hemm trasportaturi li joperaw rotot mingħajr ma jagħmlu użu minn ajruport tal-oriġini, li jagħti vantaġġ ekonomiku. Il-fatt li kemm Ryanair kif ukoll Aer Lingus għandhom bażi importanti fl-ajruport ta’ Dublin kellu b’hekk jiġi kkunsidrat peress li dan jippermetti b’mod partikolari lil dawn il-kumpanniji li jibbenefikaw minn vantaġġi simili (punti 7.3.4.1 u 7.3.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Għar-raġunijiet indikati fid-deċiżjoni kkontestata, din is-sitwazzjoni ma hijiex komparabbli ma’ dik tal-kompetituri li jistazzjonaw l-ajruplani tagħhom matul il-lejl fl-ajruport ta’ Dublin, b’mod partikolari hekk kif jirriżulta mid-differenzi sinjifikattivi f’dak li jirrigwarda vantaġġi tal-iskala u tal-iskop offerti minn bażi (punt 7.3.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata), u lanqas għal dik tal-kompetituri li għandhom bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni, minħabba l-partikolaritajiet tal-ajruport ta’ Dublin (punt 7.3.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Fuq dan l-aħħar punt, l-argumenti tar-rikorrenti ma jidhrux li huma suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-analiżi esposta fil-premessi 404 sa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-flessibiltà żejda offruta mill-bażi ta’ Dublin tagħti vantaġġ speċifiku lill-partijiet fil-konċentrazzjoni. L-elementi kkunsidrati f’dan ir-rigward huma s-segwenti:

–        fi tnax-il rotta li fihom il-partijiet fil-konċentrazzjoni t-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom mingħajr ma jagħmlu monopolju, il-kompetituri li jibqgħu, mhux neċessarjament jipprovdu r-rotta tagħhom minn bażi (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata), li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-kompetituri japplikaw fuq Ryanair pressjoni kompetittiva inqas minn dik li hija eżerċitata minn Aer Lingus;

–        ċerti ekonomiji huma iktar sinjifikattivi fl-ajruport ta’ Dublin minn postijiet oħra minħabba l-fatt tal-asimmetrija tal-oriġini tat-traffiku fuq ħafna rotot fejn is-servizzi huma pprovduti mit-tnejn (fuq għall-inqas 15 mill-35 rotta, il-maġġoranza tal-klijenti ġejjin mill-Irlanda) (premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata), li jippermetti li jiġi spjegat kif bażi fl-ajruport ta’ Dublin jagħti vantaġġ ikbar minn bażi li jinsab fit-tarf l-ieħor tar-rotta;

–        it-trasportaturi li għandhom bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni normalment joperaw biss rotta b’destinazzjoni ta’ Dublin, li jnaqqas il-livell ta’ impenn lejn ir-rotot bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ Dublin (premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, sabiex ikun l-iktar ta’ qligħ possibbli u jipprovdi l-fatturat massimu fil-ġurnata, l-ajruplan, il-manutenzjoni u l-ekwipaġġ għandu jkun qiegħed fl-ajruport ta’ Dublin, minn fejn jitilqu l-parti l-kbira tal-klijenti, milli fit-tarf l-ieħor tar-rotta;

–        it-trasportaturi li għandhom bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni rreġistraw riżultati medjokri b’sehem żgħir mis-suq. Fuq għall-inqas 9 mill-35 rotta fejn iktar trasportaturi joffru s-servizzi tagħhom, trasportatur kompetitur waqaf jipprovdi s-servizzi tiegħu f’dik ir-rotta, peress li ma kienx kapaċi jikkompeti ma’ Aer Lingus u Ryanair (premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżami tal-passat jippermetti li jiġi evalwat dak li jista’ jseħħ fil-futur.

126    L-ebda argument invokat mir-rikorrenti, fil-kritika tagħha tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, ma jippermetti li tiġi kkontestata l-konklużjoni ċċitata u l-elementi invokati insostenn tagħha. Ma ġiex muri li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat il-vantaġġ kompetittiv li tagħti l-bażi ta’ Dublin lill-partijiet fil-konċentrazzjoni.

127    Konsegwentement, il-Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, kif il-fatt li wieħed ikollu bażi kbira fl-ajruport ta’ Dublin jammonta għal vantaġġ kunsiderevoli għal dak li jirrigwarda rotot b’destinazzjoni u bi tluq minn Dublin u għall-klijenti fil-parti l-kbira Irlandiżi li jivvjaġġaw f’dawn ir-rotot.

4.     Fuq il-“provi mhux tekniċi”

a)     L-argumenti tal-partijiet

128    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, għal kategorija limitata ta’ passiġġieri, hija tikkompeti ma’ Aer Lingus, kif hija tikkompeti ma’ trasportaturi fuq netwerk bħal Air France, Lufthansa u British Airways. Il-“provi mhux tekniċi” mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta ikunu biss riflessjoni ta’ din il-kompetizzjoni. B’hekk is-sistemi ta’ ġestjoni tal-effiċjenza u tas-sorveljanza tat-tariffi tikkorrispondi mal-prattiċi abitwali tas-settur, b’mod li dan ma jistabbilixxix li Ryanair u Aer Lingus jeżerċitaw fuq xulxin “limitazzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi reċiproċi”. Is-sorveljanza tkopri t-tariffi kollha u mhux biss dawk ta’ Aer Lingus. Dan jippermetti lil Ryanair li tirreaġixxi għall-“każijiet rari li fihom Aer Lingus jew kumpanniji oħra tal-ajru japplikaw tariffi promozzjonali iktar baxxi”. Barra minn hekk, jekk ix-xebh fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-effiċjenzi kellu juri li teżisti kompetizzjoni intensa bejn Ryanair u Aer Lingus, din tkun ikkorroborata mir-riżultati ekonometriċi tal-Kummissjoni, li ma jkunx il-każ. Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti ma tinnegax li kull tant żmien taġġusta t-tariffi tagħha bħala reazzjoni għal promozzjoni partikolari jew kull tant żmien tagħmel kampanji ta’ pubbliċità komparattiva, hija ssostni li dawn l-attivitajiet promozzjonali jirrigwardaw kemm Aer Lingus kif ukoll it-trasportaturi nazzjonali l-oħra. Dawn l-eżempji madankollu ma jaqgħux fil-kategorija tal-“provi eżatti, li wieħed jista’ joqgħod fuqhom u koerenti” li l-Kummissjoni hija marbuta li tressaq. Jekk Aer Lingus teżerċita xi pressjoni kompetittiva fuq Ryanair, il-provi għandhom juru li Ryanair sistematikament toffri tariffi iktar baxxi meta Aer Lingus ittir f’rotta. Issa, sitwazzjoni bħal din tkun ikkontradita mill-provi ekonometriċi ppreżentati minn Ryanair. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dokumenti interni ta’ Ryanair, li għandhom biss “karattru aneddottali”. Is-siltiet invokati mill-Kummissjoni ma jurux li Ryanair u Aer Lingus jeżerċitaw fuq xulxin “limitazzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi reċiproċi”. F’ċerti każijiet, id-diskussjonijiet li għalihom l-imsemmija siltiet jagħmlu referenza ma jikkonċernawx esklużivament Aer Lingus, iżda s-sitwazzjoni ġenerali ta’ rotta partikolari. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax tagħmel użu minn dawn id-dokumenti sabiex tagħti x’tifhem li ż-żewġ kumpanniji tal-ajru għandhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni mill-qrib u tikkunsidra li t-trasportaturi nazzjonali li huma ċċitati f’dawn id-dokumenti ma jikkompetux ma’ Ryanair.

129    Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li Ryanair u Aer Lingus huma l-uniċi impriżi preżenti f’22 rotta fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom u li huma għandhom flimkien ishma tas-suq kbar fi 13-il rotta oħra għandu bħala konsegwenza loġika li dawn iż-żewġ impriżi jeżerċitaw limitazzjonijiet kompetittivi fuq xulxin. Dan ikun muri mill-fatt li Ryanair u Aer Lingus japplikaw sistemi simili ta’ ġestjoni tal-effiċjenża, il-fatt li huma jissorveljaw regolarment l-imġiba kompetittiva tal-kompetituri prinċipali tagħhom u konsegwentement jaddattaw it-tariffi tagħhom, kif ukoll mill-fatt li huma regolarment jagħmlu riklami fejn huma jikkomparaw is-servizzi u t-tariffi tagħhom. Barra minn hekk, id-dokumenti interni ta’ Ryanair jikkontjenu provi evidenti tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni ma’ Aer Lingus. L-affermazzjoni ta’ Ryanair li, minħabba l-mudell tagħha bi prezz baxx, il-kompetituri tagħha ma jkollhomx effett tanġibbli fuq l-imġiba kompetittiva tagħha, tkun b’hekk infondata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

130    Sabiex wieħed jistabbilixxi l-konklużjoni li Ryanair u Aer Lingus huma f’kompetizzjoni f’ċerti rotot fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom (punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tfakkar l-eżistenza ta’ numru ta’ provi li ġew esposti fid-deċiżjoni kkontestata u li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti fir-rikors. Dawn l-elementi jirrigwardaw:

–        l-użu, “bħal ħafna trasportaturi oħra”, tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-effettività simili: sistema ta’ monitoraġġ tal-istat tal-bookings għal kull titjira u sistema ta’ ġestjoni tad-dħul (premessi 438 sa 443 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-użu tal-istess software li jikkompara l-prezzijiet (QL2) li jippermettilhom jissorveljaw l-imġiba kompetittiva tal-kompetituri u l-addattament għall-evoluzjoni tal-offerta (premessi 444 u 445 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-sorveljanza reċiproka minn Ryanair u Aer Lingus tal-offerti tagħhom tal-kampanji pubbliċitarji rispettivi tagħhom u r-reazzjonijiet reċiproċi tagħhom għall-promozzjonijiet ta’ dawn it-tnejn (premessi 448 u 449 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-referenzi li saru għal Aer Lingus fil-kuntest tal-laqgħat tal-bord tad-diretturi ta’ Ryanair fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq u tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 471 imdaħħla fil-premessa 446 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 474 imdaħħla fil-premessa 448 tal-imsemmija deċiżjoni).

131    Fuq il-bażi ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni għamlet il-konstatazzjonijiet segwenti: it-tariffi ta’ Aer Lingus u ta’ Ryanair huma direttament influwenzati mit-tariffi tal-kompetitur ewlieni tagħhom, fejn Aer Lingus u Ryanair it-tnejn jikkunsidraw il-prezzijiet ta’ xulxin meta huma jiffissaw it-tariffi tagħhom f’rotta (punti 7.4.1 u 7.4.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-partijiet fil-konċentrazzjoni t-tnejn jirreaġixxu għall-promozzjonijiet u għall-kampanji pubbliċitarji ta’ xulxin (punt 7.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà tal-“provi mhux tekniċi” iċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Hija madankollu ssostni li, essenzjalment, dawn il-provi ma humiex prova suffiċjenti sabiex jiġu kkunsidrati li fi kwalunkwe każ jeħtieġ li konklużjonijiet jinħarġu biss minn “provi tekniċi”, li jirriżultaw minn analiżi ekonometriċi differenti li saru fil-proċedura amministrattiva. Hija ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-“provi mhux tekniċi” ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “limitazzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi reċiproċi” bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel nett li l-Kummissjoni setgħet tagħmel użu mill-eżistenza tas-sistemi simili ta’ ġestjoni tal-effettività, tas-sorveljanza tal-imġiba kompetittiva tal-kompetituri, tar-reazzjonijiet ta’ kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni għall-offerti li saru mill-parti l-oħra jew ta’ monitoraġġ tal-imġiba kompetittiva ta’ Aer Lingus li jirriżultaw mid-dokumenti interni ta’ Ryanair. Dawn l-elementi jistgħu mingħajr problema ta’ xejn jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indizji li hija użat sabiex tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni.

134    Il-fatt li xi wħud minn dawn il-“provi mhux tekniċi” jirrigwardaw kemm ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus kif ukoll dawk eżistenti bejn Ryanair u t-trasportaturi l-oħra tal-ajru huwa bla effett, sa fejn hija r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus, li huma partijiet fil-konċentrazzjoni, fir-rotot fejn huma t-tnejn preżenti, li hija eżaminata mill-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-analiżi.

135    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-provi ċċitati iktar ’il fuq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-“limitazzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi reċiproċi”, iżda sabiex tistabbilixxi li l-partijiet fil-konċentrazzjoni attwalment jikkompetu bejniethom (titolu tal-punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll punt 131 iktar ’il fuq). B’hekk, ma hemmx lok li jsir tentattiv li jipprova jiġi vverifikat jekk dawn il-provi jistgħux jiġu kkontestati f’li huma ma jipprermettux li wieħed jasal għal konklużjoni li ma tirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata.

136    Barra minn hekk, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-“provi mhux tekniċi” ma jistgħux jiġu kkunsidrati sakemm ma humiex sostnuti minn “provi tekniċi” ma tistax tiġi ammessa. Fil-fatt, ma hemmx lok li tiġi stabbilita ġerarkija bħal din. Hija l-Kummissjoni li għandha l-kompitu li tevalwa b’mod ġenerali r-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li ċerti elementi jkunu pprivileġġjati u oħrajn ikunu mwarrba. Dan l-eżami u l-motivazzjoni li saret fiha huma s-suġġett ta’ stħarriġ tal-legalità eżerċitata mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Huwa b’hekk f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konklużjonijiet li kellha tasal għalihom il-Kummissjoni skont analiżijiet ekonometriċi varji li saru fil-proċedura amministrattiva u l-effett li dawn il-konklużjonijiet kellhom ikollhom fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni (ara punt 181 iktar ’il quddiem).

137    Konsegwentement, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jibqgħu ġenerali, din tal-aħħar tillimita ruħha li tindika li l-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha japplikaw kemm għal Aer Lingus kif ukoll għall-kompetituri l-oħra kollha mingħajr kunsiderazzjoni tal-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni li, għar-rotot eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, Aer Lingus hija l-eqreb kompetitriċi ta’ Ryanair, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma rnexxiliex tikkontestata l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

138    Dawn il-provi, u b’mod partikolari s-siltiet tad-diskussjonijiet li jirrigwardaw Aer Lingus li seħħew fil-kuntest tal-bord tad-diretturi ta’ Ryanair li jidhru fil-proċess, huma partikolarment importanti f’li jsaħħu l-konstatazzjonijiet li saru fl-istadju tal-analiżi tal-ishma tas-suq u tal-livell ta’ konċentrazzjoni u f’li jipproċedu bl-analiżi tad-data ekonometrika. Huma kkunsidrati fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indizji użati mill-Kummissjoni sabiex jeżaminaw l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

5.     Fuq l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

139    Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi ekonometrika tippermetti li fl-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni jiġu “evitati d-diskussjonijiet spekolattivi” fuq l-importanza tad-differenzi dwar il-livell tal-prezzijiet, tal-ispejjeż tal-operat, tal-livell tas-servizzi u tal-post fejn tkun il-bażi. Ħafna żbalji jivvizzjaw l-analiżi ekonometrika li saret mill-Kummissjoni bil-metodu imsejjaħ “effetti ffissati” (jew “fuq data tal-panel”). Il-Kummissjoni ma tasalx li tipprovdi provi tal-impatt ta’ Aer Lingus fuq il-prezzijiet ta’ Ryanair. Dan ikun konformi mal-affermazzjoni ta’ Ryanair li l-politika tagħha tal-prezz hija ggwidata mix-“xewqa tagħha li testendi l-mudell tagħha bi prezz baxx” għal swieq ġodda u ta’ rotot ġodda u “ma hijiex materjalment influwenzata” mill-attività tal-kompetituri tagħha. Il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tidentifika “relazzjoni sistematika” li tirrigwarda ż-żewġ serje distinti ta’ mudelli li jirrigwardaw, rispettivament, in-“numru tat-titjiriet” u l-“preżenza” ta’ Ryanair. Hija ssostni, minn naħa, li jekk in-numru tat-titjiriet ta’ Ryanair jiżdied b’1 %, il-prezzijiet ta’ Aer Lingus jonqsu b’0.025 % (jiġifieri b’mod negliġibbli ħafna) u, min-naħa l-oħra, li l-preżenza ta’ Ryanair f’rotta ġġiegħel lil Aer Lingus tapplika prezzijiet marġinalment iktar baxxi (jiġifieri bejn 5 u 8 %) minn dawk li hija altrimenti tapplika. Minkejja li dawn iċ-ċifri ma jindikawx kompetizzjoni limitata, il-Kummissjoni kienet tat wisq importanza lill-impatt kompetittiv reali li ż-żewġ kumpanniji tal-ajru jkollhom fuq xulxin.

140    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat effett tan-“numru tat-titjiriet” fuq il-prezzijiet, il-preżentazzjoni li saret mill-Kummissjoni “tqarraq ħafna”. Għalkemm l-impatt li kkonstatat il-Kummissjoni jista’ jkun statistikament sinjifikattiv, l-effett reali tiegħu f’termini ekonomiċi jkun negliġibbli. Filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata ma semmiex wieħed mill-iżbalji tagħha mwettqa inizjalment, il-Kummissjoni ssostni li jekk Ryanair kellha tirtira kompletament mir-rotot kollha fejn it-tnejn li huma joperaw u tabbanduna l-profitt kollu tagħha minn dawn ir-rotot, dan ikollu l-impatt li t-tariffi ta’ Aer Lingus jiżdiedu bejn 10 sa 12 %. Dan ir-riżultat ikun “improbabbli ħafna”, peress li Ryanair tkun intrabtet li ma tnaqqasx in-numru tat-titjiriet tagħha fir-rotot fejn it-tnejn li huma jipprovdu s-servizzi tagħhom, u għamlet “interpretazzjoni qarrieqa ħafna”, peress li l-mudelli użati ma jkunux iktar suxxettibbli li jikkalkolaw l-impatti tat-tibdiliet tant importanti. Barra minn hekk, it-tnaqqis fin-numru tat-titjiriet juri li anki t-tibdiliet kbar fin-numru tat-titjiriet ta’ Ryanair ikollhom biss effett żgħir fuq il-prezzijiet applikati minn Aer Lingus.

141    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tnaqqis tal-“preżenza”, l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni turi li l-prezzijiet applikati minn Aer Lingus fuq ir-rotot li fihom Ryanair hija preżenti kienu iktar baxxi b’5 sa 8 % għal dawk li hija tapplika f’rotot fejn Ryanair ma toperax. Ryanair ġeneralment tammonta għal nofs il-kapaċità ta’ kull rotta kkonċernata. Konsegwentement, jekk Ryanair tneħħi frazzjoni sostanzjali ħafna tal-kapaċità, dan ikollu biss effett baxx fuq il-prezzijiet ta’ Aer Lingus. Effett tant dgħajjef li jirriżulta minn preżenza tant b’saħħitha ma tindikax li Ryanair teżerċita limitazzjoni sinjifikattiva għall-kompetizzjoni fuq Aer Lingus.

142    Fit-tielet lok, fuq livell teoriku, il-mudelli tal-Kummissjoni jwasslu għal riżultat li jkun f’kontradizzjoni diretta mal-prinċipji ekonomiċi. B’hekk ikun żbaljat li jiġi kkunsidrat li, jekk il-fatturi l-oħra jkunu kostanti, żieda fil-kapaċità twassal għal żieda fil-prezzijiet. Skont prinċipju ekonomiku magħruf sew, żieda fil-bejgħ għal kuntrarju teżiġi tnaqqis fil-prezzijiet.

143    Fir-raba’ lok, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jirreżistux għal tibdiliet żgħar bil-mod kif l-effetti staġjonali ġew ikkunsidrati fil-mudell użat. Il-prezzijiet imposti fuq rotta jistgħu fil-fatt ivarjaw sistematikament skont ix-xhur ikkunsidrati fuq il-bażi li ma jaffettwawx l-importanza tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet. Mudell empiriku destinat sabiex jiġġustifika l-prezzijiet għandu jikkunsidra l-effetti staġjonali, anki jekk ma hemmx mod “korrett” kif dan isir. Issa, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kienet assumiet li kull xahar ta’ kull sena kien differenti, iżda li r-rotot kollha kienu affettwati b’mod simili f’sena partikolari. B’hekk, pereżempju, f’Diċembru, il-Kummissjoni kienet assumiet li r-rotot lejn ċentri ta’ sports xitwi kienu jaraw żieda fid-domanda simili għal dik tar-rotot għal destinazzjonijiet sajfin, li kienet konklużjoni manifestament skorretta. Ir-rapport ta’ RBB Economics, ta’ Settembru 2007, li ppreżenta kritika ekonomika tad-deċiżjoni kkontestata u mehmuż bħala anness għar-rikors, indika wkoll li, jekk l-effett staġjonali kien immudellat b’mod raġonevoli, iżda differenti, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Ryanair teżerċita influwenza sistematika fuq il-prezzijiet ta’ Aer Lingus ma tkunx iktar valida. L-effetti staġjonali ma kinux korrettement immudellati.

144    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat kriterji inkoerenti sabiex taċċetta jew tiċħad il-fatti. Ir-rikorrenti tirreferi f’dan ir-rigward għall-kritika ekonomika ta’ RBB Economics, ta’ Settembru 2007. L-analiżi ekonometrika li saret mill-Kummissjoni ma turix b’mod ċar li Ryanair u Aer Lingus rispettivament jirreaġixxu għall-offerti li jsiru minn kumpannija l-oħra. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ir-reazzjonijiet għall-offerti huma rari ħafna, u limitati ħafna sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala evidenza ta’ kompetizzjoni sinjifikattiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

145    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet li saret mill-Kummissjoni skont il-metodu magħruf bħala tal-“effetti fissi”. Skont din, l-ebda element li jippermetti li jiġi evalwat l-impatt ta’ Aer Lingus fuq il-prezzijiet tagħha ma jirriżulta minn din l-analiżi, li jikkonferma l-affermazzjoni tagħha li hija ma tkunx influwenzata mill-attività tal-kompetituri tagħha. Minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni tat wisq importanza lill-impatt kompetittiv reali li l-kumpanniji tal-ajru għandhom fuq xulxin.

147    Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti tkompli b’argumenti li hija esponiet fil-proċedura amministrattiva u li ġew eżaminati u miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jirreferi għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex wieħed jifhem ir-rwol tal-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet fil-fażi ta’ investigazzjoni fil-fond. Dan ir-rwol huwa evalwat fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku (ara punti 29 u 30 iktar ’il fuq).

148    Il-Kummissjoni esponiet fil-premessi 450 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata r-riżultati tal-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet li hija għamlet bl-użu tat-teknika tat-tnaqqis trażversali propost minn Ryanair (punt 7.4.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata) u dak miksub bl-użu tat-teknika tat-tnaqqis b’effetti fissi li hija ffavoriet (punt 7.4.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ir-riżultati wassluha għall-konklużjoni li l-analiżi tagħha tikkonferma interazzjoni kompetittiva sinjifikattiva bejn Ryanair u Aer Lingus (titolu tal-punt 7.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

149    Fil-premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bdiet billi ssostni li hija “tikkunsidra li l-elementi desritti fil-punt[i] preċedent[i] jfornu provi suffiċjenti tal-kompetizzjoni li Aer Lingus u Ryanair jipprovdu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet saret sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika u tevalwa l-osservazzjonijiet ekonometriċi ppreżentati minn Ryanair u Aer Lingus, kif ukoll sabiex tevalwa x’jista’ jkun l-impatt probabbli ta’ kull parti fil-konċentrazzjoni fuq it-tariffi tal-parti l-oħra.

150    Skont il-premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet kellha bħala għan li tivverifika:

–        jekk il-preżenza ta’ kull parti fil-konċentrazzjoni fuq rotta tkun assoċjata ma’ tnaqqis sinjifikattiv mill-perspettiva tal-istatistika u dik ekonomika tat-tariffi tal-parti l-oħra;

–        jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni jeżerċitaw fuq xulxin limitazzjoni ikbar għall-kompetizzjoni minn kwalunkwe kompetitur ieħor eżistenti;

–        jekk l-eżistenza ta’ kompetitur attwali jew potenzjali li għandu preżenza sinjifikattiva fl-ajruport tad-destinazzjoni fuq rotta bi tluq minn Dublin ikollha impatt sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tal-partijiet fil-konċentrazzjoni;

–        jekk preżenza iktar b’saħħitha ta’ waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni (f’termini ta’ numru tat-titjiriet) ikollha effett kunsiderevoli fuq it-tariffi tal-parti l-oħra.

151    Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, it-teknika tat-tnaqqis trażversali tikkonsisti fl-eżami tad-differenzi fil-prezzijiet fuq ċertu numru ta’ rotot ikkonċernati f’mument partikolari (premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata). Din tinvolvi li jiġu kkomparati l-prezzijiet applikati f’rotot fejn il-kompetizzjoni teżisti ma’ dawk applikati f’rotot fejn ma hemmx kompetizzjoni. L-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi tikkonsisti f’li jiġu eżaminati d-differenzi fil-prezzijiet fir-rotot ikkonċernati f’perijodu partikolari, jiġifieri l-perijodu bejn Jannar 2002 sa Diċembru 2006 (premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata). Din tinvolvi li jiġu kkomparati l-prezzijiet applikati f’rotta partikolari f’perijodi li fihom ma hemmx kompetizzjoni ma’ dawk ipprattikati f’perijodi li matulhom ikun hemm kompetizzjoni.

152    Għal dak li jirrigwarda l-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi, il-Kummissjoni sostniet li tnaqqis ibbażat fuq kampjun b’effetti fissi speċifiku għal rotta setgħa jnaqqas il-preġudizzju tal-ommissjoni tal-varjabbli li jaffettwa t-tnaqqis trażversali. Hija kkunsidrat li dan il-metodu kien “l-iktar xieraq sabiex tiġi evalwata r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Ryanair fuq Aer Lingus” (premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

153    Mill-argumenti tal-partijiet dwar l-analiżi tat-tnaqqis trażversali li mbagħad ġew invokati u evalwati (ara punti 183 et seq iktar ’il quddiem), l-analiżi biss tat-tnaqqis b’effetti fissi ġiet evalwata fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati.

154    Sabiex tikkritika l-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi li saret mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tressaq ċertu numru ta’ argumenti, li għandhom jiġu eżaminati skont ordni loġika segwita fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni l-ewwel nett ikkunsidrat il-kriterju tal-preżenza (ara l-punt 482 tad-deċiżjoni kkontestata) qabel ma eżaminat il-kriterju tan-numru tat-titjiriet (ara l-punt 485 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Għal dak li jirrigwarda l-effett tal-“preżenza” fuq il-prezzijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi li saret mill-Kummissjoni wriet li l-prezzijiet applikati minn Aer Lingus fir-rotot li fihom hija preżenti kienet iktar baxxa minn 5 sa 8 % minn dawk applikati minn Aer Lingus fir-rotot fejn hija assenti. Issa, peress li Ryanair kienet tammonta ġeneralment għal nofs il-kapaċità ta’ kull rotta kkonċernata, jekk Ryanair tneħħi frazzjoni sostanzjali ħafna tal-kapaċità, il-prezzijiet ta’ Aer Lingus kienu jiġu affettwati bi ftit. Effett tant dgħajjef li jirriżulta minn preżenza tant importanti ma tindikax li Ryanair teżerċita restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq Aer Lingus. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tkunx waslet li tforni prova tal-impatt ta’ Aer Lingus fuq il-prezzijiet ta’ Ryanair (ara punti 139 u 141 iktar ’il fuq).

156    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis b’effetti fissi ma jfornix stimi li wieħed jista’ joqgħod fuqhom fuq impatt possibbli tal-preżenza ta’ Aer Lingus fuq il-prezzijiet ta’ Ryanair. Hija sostniet f’dan ir-rigward li kien jeżisti numru mhux suffiċjenti ta’ eżempji tad-dħul jew tal-ħruġ ta’ Aer Lingus f’rotta fejn Ryanair kienet diġà preżenti (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-aħħar punt ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

157    B’hekk għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tforni prova ekonometrika tal-impatt ta’ Aer Lingus fuq il-prezzijiet ta’ Ryanair u li dan kien dovut għar-raġuni ċċitata iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni madankollu sostniet li “dan ma jinvalid[ax] u lanqas ma jikkonfuta l-ipoteżi li Aer Lingus teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq il-prezzijiet ta’ Ryanair” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni sostniet din l-affermazzjoni billi sostniet b’mod partikolari li “l-provi ppreżentati [fil-punt 7.4.2. tad-deċiżjoni kkontestata] li jistabbilixxu b’mod ċar li Ryanair, bħall-Aer Lingus, tosserva permanentement ir-rata rispettiva tagħha tal-mili tal-ajruplani u l-prezzijiet ta’ xulxin u konsegwentement jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom” (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 487, li fiha għamlet referenza fil-punt 7.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-fatt li kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni tirreaġixxi għall-promozzjonijiet u għall-kampanji pubbliċitarji tal-oħra).

158    Ir-rikorrenti b’hekk tillimita ruħha f’dan ir-rigward li tirrepeti punt espost fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jkun possibbli li jiġi dedott li ma teżistix restrizzjoni kompetittiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. In-nuqqas ta’ data suffiċjenti dwar id-dħul jew il-ħruġ ta’ Aer Lingus f’rotta fejn Ryanair hija diġà preżenti hija attribwita għal raġuni oġġettiva mhux ikkontestata mir-rikorrenti u ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi allegat li r-restrizzjoni kompetittiva bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, tirriżulta minn provi oħra esposti fid-deċiżjoni kkontestata ngħatat wisq importanza mill-Kummissjoni.

159    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li, peress li hemm numru ta’ eżempji tad-dħul jew tal-ħruġ ta’ Ryanair fuq ir-rotot fejn Aer Lingus kienet diġà preżenti, l-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi kienet perfettament xierqa sabiex tevalwa jekk il-preżenza ta’ Ryanair hija “assoċjata b’mod negattiv” bil-prezzijiet ta’ Aer Lingus (premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-punt ma huwiex ikkontestat iktar mir-rikorrenti.

160    L-analiżi ta’ tnaqqis b’effetti fissi ppermettiet b’mod partikolari li tivvalida s-sitwazzjoni fejn, “skont il-kriterju, il-preżenza ta’ Ryanair hija marbuta mal-fatt li Aer Lingus tapplika prezzijiet iktar baxxi b’7-8 % fil-każ ta’ pari ta’ ibliet li jirreflettu d-definizzjoni tas-suq ikkunsidrat mill-Kummissjoni u ta’ bejn wieħed u ieħor 5 % iktar baxx fil-każ ta’ pari ta’ ajruporti”. Skont il-Kummissjoni, dan l-effett huwa ekonomikament u statistikament sinjifikattiv fit-tnaqqis kollu vverifikat (premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li r-rikorrenti ssostni li dan jindika biss kompetizzjoni limitata.

161    Ir-rikorrenti b’hekk ma tikkritikax dawn ir-riżultati fihom infushom, iżda biss it-tifsira tagħhom. Issa, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti fuq dan il-punt ma jippermettux li jiġi mifhum b’liema mod l-effett tal-preżenza tagħha fuq it-tariffi ta’ Aer Lingus ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ekonomikament u statistikament sinjifikattiv hekk kif issostni l-Kummissjoni.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-effett fuq il-prezzijiet ta’ 7 sa 8 % mill-bidu jidher sinjifikattiv. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li dan l-effett jingħata wisq importanza, peress li huwa mezz li ma jieħux inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-rotot fejn il-konċentrazzjoni twassal għall-ħolqien ta’ monopolju. Bl-istess mod, hekk kif intqal fil-premessa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, il-paragun li sar mill-Kummissjoni ma jieħux inkunsiderazzjoni l-influwenza fuq it-tariffi ta’ Aer Lingus tal-preżenza ta’ Ryanair bħala kompetitriċi potenzjali f’rotot bi tluq minn Dublin (punt 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn ir-rotot, huwa effettivament probabbli li Aer Lingus tiffissa prezzijiet iktar baxxi minn dawk li altrimenti titlob kieku Ryanair ma kellhiex bażi fl-ajruport ta’ Dublin. Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax tillimita ruħha li tikkontesta l-interpretazzjoni li saret għall-effett ikkonstatat peress li skont din, dan ma jkunx tant sinjifikattiv fuq il-livell ekonomiku.

163    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol mogħti lill-analiżi tat-tnaqqis għall-effetti fissi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni b’hekk indikat fid-deċiżjoni kkontestata li din l-analiżi tikkonferma u tikkompleta l-konklużjonijiet ibbażati fuq provi kwalitattivi li skont dawn Ryanair u Aer Lingus huma kompetituri qrib xulxin. Hija sostniet li dawn ir-riżultati kienu wkoll konformi mal-opinjoni tal-parti l-kbira tal-persuni mistoqsija fl-investigazzjoni li saret lill-klijentela, fejn irriżulta li l-partijiet fil-konċentrazzjoni huma l-“eqreb kompetituri” meta kumpanniji oħra huma attivi fir-rotta. F’dan ir-rigward, hija kkonkludiet li “[i]t-tnaqqis tal-effetti fissi konsegwenti jipprovdi prova ċara u korroboranti li l-prezziiet ta’ Aer Lingus huma attwalment limitati minħabba l-kompetizzjoni ta’ Ryanair” (premessi 489 u 490 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa f’dan il-kuntest li jeħtieġ li jiġi evalwat ir-rwol mogħti lill-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi. B’hekk jirriżulta li l-intensità tal-kompetizzjoni li teżisti bejn Ryanair u Aer Lingus hija inqas minn dik li tressqet fid-deċiżjoni kkontestata mill-fatt li dawn iż-żewġ impriżi huma l-“eqreb kompetituri” u li teżisti restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Ryanair fuq Aer Lingus. Ir-riżultati miksuba mill-Kummissjoni f’kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-preżenza jappoġġaw dawn l-aħħar żewġ evalwazzjonijiet.

164    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku liema setgħa diskrezzjonali ġiet rikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.

165    Għal dak li jirrigwarda l-effett tan-“numru tat-titjiriet” fuq il-prezzijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-preżentazzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata “tqarraq ħafna”, sa fejn, anki jekk l-impatt li kkonstatat il-Kummissjoni kien statistikament sinjifikattiv, l-effett ekonomiku tiegħu jkun negliġibbli. Il-Kummissjoni kienet ukoll naqset milli ssemmi fid-deċiżjoni kkontestata żball inizjalment imwettaq fil-proċedura amministrattiva u kienet waslet għal riżultat “improbabbli ħafna”. Barra minn hekk, it-tnaqqis tan-numru tat-titjiriet juri li anki tibdiliet kbar fin-numru tat-titjiriet ta’ Ryanair ikollhom biss effett żgħir fuq il-prezzijiet applikati minn Aer Lingus (ara punt 140 iktar ’il fuq).

166    Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li kriterju ieħor milli l-kriterju inizjali tal-preżenza, eżaminat iktar ’il fuq, intuża mill-Kummissjoni fl-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi. Dan huwa l-kriterju tan-numru tat-titjiriet, li għandu bħala għan li jivverifika jekk in-numru tat-titjiriet ta’ kull wieħed mill-partijiet fil-konċentrazzjoni f’rotta partikolari jwassalx għal tnaqqis fit-tariffi applikati mill-parti l-oħra (premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni indikat speċifikament fid-deċiżjoni kkontestata li l-effett iġġenerat mit-tnaqqis ibbażat fuq in-numru tat-titjiriet isaħħaħ l-affidabbiltà tar-riżultati miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-preżenza (ir-raba’ subparagrafu tal-premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont din, l-effett fuq il-prezzijiet indikat mill-kriterju tan-numru tat-titjiriet b’hekk iforni element komplimentari li jippermetti li tiġi vverifikata l-“affidabbiltà” ta’ dak miksub bl-użu tal-kriterju tal-preżenza.

167    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li jekk jiġi kkalkulat il-livell tal-preżenza ta’ Ryanair fir-rigward tan-numru tat-titjiriet fir-rotta, użat bħala varjabbli tas-sostituzzjoni, dan jippermetti li jiġi kkonfermat li Ryanair teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq Aer Lingus. Il-Kummissjoni sostniet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li, “[s]kont il-kriterju, l-effett, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet tal-konċentrazzjoni, iġġenerat mit-tnaqqis ibbażat fuq in-numru tat-titjiriet jitla’ għal bejn wieħed u ieħor 5-6 % (bħala medja fir-rotot kollha) jew 10-12 % (jekk wieħed jikkunsidra biss ir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom)” (ir-raba’ subparagrafu tal-premessa 485 tad-deċiżjoni kkontestata).

168    Din l-analiżi tal-Kummissjoni ma ġietx ikkontestata mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-preżentazzjoni tagħha “tqarraq ħafna” u r-riżultat tagħha huwa “improbabbli ħafna”. Sabiex issostni dan il-karattru “improbabbli ħafna”, ir-rikorrenti issostni li hija impenjat ruħha li ma tnaqqasx in-numru tat-titjiriet tagħha fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu titjiriet wara l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni. Issa, dan l-impenn, li japplika għall-futur, ma jpoġġix fid-dubju r-riżultati tal-analiżi ekonometrika mwettqa mill-Kummissjoni permezz tad-data li tkopri l-perijodu minn Jannar 2002 sa Diċembru 2006. F’dan l-istadju tal-analiżi, il-Kummissjoni kull m’għamlet kien li esponiet l-elementi differenti kkunsidrati fis-sensiela ta’ indizji użati sabiex waslet għall-konklużjoni li l-partijiet attwalment jikkompetu (punt 7.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

169    Sabiex tallega n-natura tal-preżentazzjoni li “tqarraq ħafna”, ir-rikorrenti ssostni li l-mudelli użati ma jistgħux jikkalkolaw l-impatti tat-tibdiliet tant importanti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tippreżenta “interpretazzjoni alternattiva u li tqarraq” tat-tnaqqis tan-numru tat-titjiriet meta tipprova tikkalkola ż-żieda fil-prezzijiet mistennija fil-każ fejn hija tisparaxxi mir-rotot kollha servuti minn Aer Lingus. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-paragrafu 290 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet fl-imsemmi anness ir-raġunijiet għaliex użat l-ipoteżi kkritikata mir-rikorrenti. Fil-każ preżenti, kien każ li b’analoġija jitkompla l-metodu użat mill-esperti ekonomiċi involuti fil-kawża FTC vs Staples/Office Depot fl-Istati Uniti (ara l-paragrafi 288 sa 290 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata u r-referenzi li saru għall-pubblikazzjonijiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 tal-imsemmi anness). Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax tikkuntenta ruħha li ssostni li din l-ipoteżi tammonta għal “interpretazzjoni alternattiva u li tqarraq” tat-tnaqqis tan-numru tat-titjiriet mingħajr ma tippronunċja ruħha fuq ir-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni sabiex tuża l-imsemmija ipoteżi fil-kuntest tal-kawża preżenti. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll ir-rwol aċċessorju mogħti mill-Kummissjoni għall-analiżi tal-effett tan-numru tat-titjiriet fuq il-prezzijiet, li ġie invokat biss sabiex jiġi kkonfermat li Ryanair teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq Aer Lingus u sabiex issaħħaħ l-affidabbiltà tar-riżultati bbażati fuq użu tal-kriterju tal-preżenza (ara punti 166 u 167 iktar ’il fuq). Kemm jekk jirriżultaw mill-użu tal-kriterju tal-preżenza jew minn dawk tal-kriterju tan-numru tat-titjiriet, dawn ir-riżultati għandhom biss fi kwalunkwe każ rwol limitat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara punt 163 iktar ’il fuq).

170    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku, liema setgħa diskrezzjonali ġiet rikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.

171    Fir-rigward tal-ilment dwar l-iżball inizjalment imwettaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan jirriżulta mill-paragrafu 64 tal-Anness IV tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata fil-proċedura amministrattiva, li fiha l-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

“[…] Dan l-approċċ jippermettilna […] li l-koeffiċjenti tal-varjabbli tan-numru tat-titjiriet jiġi interpretat bħala l-elastiċità tal-prezzijiet fir-rigward tan-numru tat-titjiriet mensili li kompetitur joffri f’rotta partikolari. B’hekk, jekk il-koeffiċjenti hija ta’ 0.02, pereżempju, dan ifisser li żieda ta’ 1 % tan-numru tat-titjiriet mensili ta’ kompetitur iwassal għal żieda ta’ 2 % tat-tariffi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

172    Fit-tieni frażi, il-Kummissjoni kellha tikteb “jekk il-koeffċjenti hija ta’ 2”. Dan l-iżball xorta jibqa’ mhux gravi. Dan jirrigwarda eżempju ipotetiku użat sabiex jintwera l-funzjonament ta’ koeffiċjenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tan-numru tat-titjiriet. Dan l-iżball ma jirrigwardax l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tar-riżultati effettivi. Min-naħa l-oħra, huwa ma ġiex moħbi, iżda ġie speċifikament imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafi 285 u 286 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, dan l-iżball ma jirreferix għall-kriterju tal-preżenza, li huwa kkunsidrat bħala iktar rilevanti (ara punt 166 iktar ’il fuq).

173    B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ppreżentat analiżi vvizzjata fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt ta’ żball minuri, li jirrigwarda żball tal-kitba, imwettaq fi stadju preċedenti.

174    Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-mudelli tal-Kummissjoni jkunu kontradittorji għat-teorija ekonomika, peress li huma jwasslu għal riżultat paradossali li żieda fil-kapaċità twassal għal żieda fil-prezzijiet (ara punt 142 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li, peress li l-kapaċità tkun iddeterminata qabel il-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, il-kriterji ekonometriċi użati jsaħħu r-rabta bejn it-tariffi u d-domanda prevista fil-mument meta l-kapaċità hija ddeterminata (u mhux tad-domanda vera). L-argument tar-rikorrenti b’hekk ma jieħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi proprji għas-settur inkwistjoni, li fih id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-kapaċità għandhom ċerti karatteristiċi.

175    Fil-kuntest tal-argument li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jifilħux għal modifiki żgħar tal-ipoteżi li fuqha kien ibbażat il-mudell, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet assumiet li kull xahar ta’ kull sena kien differenti, iżda li r-rotot kollha kienu affettwati b’mod simili matul xahar partikolari. Issa, skont ir-rikorrenti, jekk l-effett staġjonali kien immudellat b’mod raġonevoli, iżda differenti, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Ryanair teżerċita influwenza sistematika fuq il-prezzijiet ta’ Aer Lingus ma tkunx iktar valida (ara punt 143 iktar ’il fuq).

176    Fuq dan il-punt, għandu jiġi nnotat li l-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi li saret mill-Kummissjoni tammonta f’li jiġu mfittxija d-differenzi fuq ir-rotot diversi li jaffettwaw il-prezzijiet u ma jvarjawx fiż-żmien. Il-Kummissjoni esponiet fl-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li r-riżultati miksuba jirreżistu l-introduzzjoni ta’ varjabbli oħra ta’ kontroll li jirrigwardaw fatturi ta’ domanda u ta’ offerta li jistgħu jvarjaw fiż-żmien u skont ir-rotta. Hija indikat li l-użu ta’ effetti fissi fiż-żmien jippermetti li tiġi kkontrollata b’mod sodisfaċenti n-natura staġjonali u l-iskossi esterni għal kwalunkwe xahar. Dawn ir-riżultati jirreżistu wkoll għall-użu tal-mudelli ta’ sostituzzjoni għall-kunsiderazzjoni tan-natura staġjonali propost minn Ryanair fil-proċedura amministrattiva (paragrafi 255 sa 267 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata).

177    Ir-rikorrenti b’hekk tillimita ruħha li ssostni li approċċ ieħor tal-effetti staġjonali jista’ jbiddel ir-riżultati miksuba. Issa, saret referenza għal dan l-approċċ fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata u r-rikorrenti ma esponietx kif ir-rimarki li saru f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni jkunu żbaljati.

178    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku, liema setgħa diskrezzjonali ġiet rikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.

179    Bħala risposta għall-argument ibbażat fuq l-użu tal-kriterji inkoerenti sabiex jiġu aċċettati jew miċħuda fatti (ara punt 144 iktar ’il fuq), għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni pproċediet fid-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness IV tagħha għal eżami dettaljata tad-data ekonometrika kollha ppreżentata mill-partijiet kif ukoll tal-osservazzjonijiet li huma setgħu jippreżentaw fuq id-data tagħhom. Il-Kummissjoni wettqet b’mod partikolari testijiet u estensjonijiet oħra tat-tnaqqis bażiku li jidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex twieġeb għal dawn l-osservazzjonijiet (ara l-punt 7.3 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata li jitratta dawn l-osservazzjonijiet).

180    Fid-dawl ta’ dan l-eżami, u hekk kif jirriżulta mill-fatt li, fil-kuntest tar-rimarki tagħha f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tillimita ruħha li terġa’ titratta l-ilmenti esposti band’oħra fuq l-aspetti differenti tal-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi li twettqet mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx kif il-Kummissjoni eċċediet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’sitwazzjonijiet ta’ tip ekonomiku li ġew rikonoxxuti lilha mill-ġurisprudenza.

181    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-analiżi ekonometrika li wettqet il-Kummissjoni ma turix b’mod ċar li Ryanair u Aer Lingus t-tnejn jirreaġixxu għall-promozzjonijiet proposti mill-parti l-oħra, għandu jiġi rrilevat li dan ma kienx is-suġġett ta’ din l-analiżi (ara punt 150 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżami tal-promozzjonijiet u tal-kampanji pubbliċitarji fuq l-analiżi tat-tnaqqis b’effetti fissi, iżda fuq l-analiżi tal-istrateġija pubbliċitarja ta’ Aer Lingus u ta’ Ryanair (ara l-punt 7.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ir-referenzi varji li saru fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 474 sa 477 għall-istqarrijiet għall-istampa, għad-dokumenti interni ta’ Ryanair u għar-risposta ta’ Aer Lingus li saret għal kwestjonarju tal-Kummissjoni). Il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni f’din il-parti fihom infushom ma jistgħux jiġu kkontestati mir-riżultati ta’ analiżi ekonometrika fejn l-għan ma kienx li tiġi eżaminata din id-domanda.

182    B’hekk jirriżulta mill-eżami tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Anness IV tagħha li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjonijiet li għalihom waslet il-Kummissjoni, kemm jekk jirrigwarda l-metodu użat, ir-riżultati miksuba jew tal-użu li jsir fid-deċiżjoni kkontestata għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, ir-riżultati tal-analiżi tat-tnaqqis li wettqet il-Kummissjoni ġew użati biss sabiex jikkonfermaw u jikkompletaw il-konklużjonijiet li ħarġu mill-provi kwalitattivi li Ryanair u Aer Lingus huma kompetituri qrib xulxin.

6.     Fuq l-analiżi ekonometrika ppreżentata minn Ryanair

a)     L-argumenti tal-partijiet

184    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għażlet li tinjora d-data ekonometrika li hija ppreżentat fil-proċedura amministrattiva. Din id-data kienet intenzjonata li tivverifika jekk il-preżenza ta’ Aer Lingus f’rotta kienet twaqqaf lil Ryanair milli tapplika prezzijiet ogħla. Din tinkludi data trażversali li tikkompara rotta ma’ oħra għal dak li jirrigwarda iktar minn 300 rotta fl-Ewropa kif ukoll mudell ta’ panel. Skont ir-rikorrenti, dawn iż-żewġ elementi juru invarjabbilment li, peress li huma jiffissaw il-prezzijiet, huma ma jiffurmawx parti minn restrizzjoni kompetittiva li tirriżulta mill-preżenza ta’ Aer Lingus f’rotta. L-informazzjoni mogħtija minn Ryanair għandha ħafna vantaġġi meta kkomparata mal-mudell użat mill-Kummissjoni (kritika ekonomika tar-RBB Economics, ta’ Settembru 2007).

185    Fl-ewwel lok, il-mudell trażversali ta’ Ryanair juża informazzjoni li tirrigwarda rotot li hija topera. Din l-informazzjoni allegatament ġiet miċħuda mill-Kummissjoni għal “raġunijiet teoriċi”, ibbażati fuq il-fatt li huma ma jirrigwardawx direttament l-Irlanda, minn fejn jitilqu r-rotot affettwati mill-konċentrazzjoni, u li kien possibbli li “differenzi mhux osservati” bejn ir-rotot jinfluwenzaw ir-riżultati. Dawn iż-żewġ għanijiet ikunu manifestament infondati, peress li Ryanair tuża l-istess mudell ekonomiku fl-Ewropa kollha mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn ir-rotot Irlandiżi u dawk mhux Irlandiżi u li l-oġġezzjoni dwar id-“differenzi mhux osservati” tapplika wkoll għall-mudell tal-Kummissjoni, peress li din kienet ammettiet fir-rigward ta’ dan il-mudell “problema fl-għażla” u “problema interna” fir-rigward tan-numru tat-titjiriet.

186    Fit-tieni lok, it-tnaqqis tal-panel ippreżentat minn Ryanair jippermetti li jsir stħarriġ tal-varjazzjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet applikati fuq rotta. Dan l-element jagħmel metodu superjuri għall-mudelli tal-Kummissjoni li fihom, probabbilment, ma jkunux ġew ikkunsidrati b’mod adegwat il-fatturi li jirrigwardaw id-domanda. Bħala prinċipju, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-vantaġġi ta’ din il-“proxy” mid-domanda fir-rotot, iżda tagħżel arbitrarjament li tirrifjutaha peress li jkun teoretikament possibbli li l-varjabbli “jfalli f’ċerti” ċirkustanzi. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-konklużjoni ta’ Ryanair li Aer Lingus ma għandha l-ebda effett sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni li “l-inkapaċità li tressaq il-provi tal-eżistenza ta’ rabta ta’ statistika ma tfissirx li din ir-rabta ma teżistix” (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni b’hekk timponi kriterju li huwa impossibbli li jiġi sodisfatt.

187    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikklassifika l-metodu ekonometriku tar-Ryanair bħala “mhux konvenzjonali”, għalkemm dan huwa l-metodu applikat mill-ekonomisti għax-xogħlijiet li hija bbażata fuqhom l-analiżi tagħha (paragrafi 117 u 288 tal-Anness IV tad-deċiżjoni kkontestata).

188    Konsegwentement, id-data ta’ Ryanair tkun ibbażata fuq mudelli iktar solidi minn dawk tal-Kummissjoni, ikunu rappreżentattivi tal-mudell ekonomiku tagħha, jippermettu li jiġu kkunsidrati l-varjazzjonijiet fid-domanda u jkunu iktar “affidabbli” fir-rigward tat-tibdil tal-assunzjonijiet tal-mudellar. L-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni min-naħa l-oħra ma tikkontradixxix il-konklużjoni bbażata fuq din id-data u li skont din, Aer Lingus ma teżerċitax restrizzjoni kompetittiva fuq Ryanair.

189    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti li jirreferu għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

190    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora d-data ekonometrika tagħha hekk kif għamlet din għar-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata (punt 7.4.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 5 tal-Anness IV tagħha għal dak li jirrigwarda l-analiżi tat-tnaqqis trażversali; punt 7.4.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 6 tal-Anness IV tagħha għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis f’żewġ fażijiet).

191    Ir-rikorrenti tkompli, fuq dan il-punt ukoll, b’argumenti li hija esponiet fil-proċedura amministrattiva u li ġew eżaminati u miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward għandha ssir referenza għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi mifhum ir-rwol tal-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet fil-fażi ta’ investigazzjoni iktar fil-fond. Dan ir-rwol għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-ġurisprudenza dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ekonomiku (ara punti 29 u 30 iktar ’il fuq).

192    Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jingħad li l-Kummissjoni eżaminat fid-dettall fid-deċiżjoni kkontestata iż-żewġ studji ekonometriċi kkomunikati minn Ryanair. B’hekk, sabiex tiċħad l-analiżi tat-tnaqqis trażversali, il-Kummissjoni indikat li Ryanair tipprova tistabbilixxi jekk it-tariffi tagħha kinux inqas għoljin fir-rotot fejn hija tikkompeti ma’ Aer Lingus u li Ryanair kienet issostni li tikseb dan ir-riżultat billi tanalizza t-tariffi f’313-il rotta Ewropea li fihom topera, qabel ma kkonkludiet li ma kinitx teżisti rabta statistikament sinjifikattiva bejn it-tariffi tagħha u l-preżenza ta’ Aer Lingus fuq rotta speċifika (premessi 457 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rrifjutat li tametti li din il-konstatazzjoni kienet tammonta għal prova li Aer Lingus ma kinitx teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq Ryanair għar-raġunijiet segwenti: l-ewwel nett, ir-riżultati tal-istudju ma kinux “affidabbli ħafna”, jiġifieri li huma ma kinux tajbin f’każ ta’ tibdila żgħira fl-ipoteżi tat-tluq, u ċerti problemi tekniċi speċifiċi jneħħu l-affidabbiltà tal-imsemmija riżultati; it-tieni nett, il-fatt li jiġu kkomparati rotot differenti (metodu trażversali) ikun problematiku, peress li l-karatteristiċi tar-rotot ma kinux kkunsidrati; u t-tielet nett, id-data ppreżentata ma kinitx limitata għar-rotot bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Dublin, iżda kienu jirrigwardaw ukoll numru kbir ta’ rotot Ewropej li la jitilqu minn Dublin u lanqas ma huma b’destinazzjoni ta’ Dublin” (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 5.2 tal-Anness IV tagħha).

193    Bil-għan li kemm jista’ jkun tirranġa dawn il-problemi, il-Kummissjoni għamlet l-analiżi trażversali tagħha tar-rotot bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Dublin. Ir-riżultati miksuba ma kkonfermawx il-konstatazzjonijiet ta’ Ryanair. Huma taw stampa li t-tariffi ta’ Aer Lingus kienu iktar baxxi fir-rotot fejn hija preżenti Ryanair u li Ryanair tapplika prezzijiet inqas għolja meta hija suġġetta għall-kompetizzjoni ta’ Aer Lingus. Għal raġunijiet tekniċi, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-ebda konklużjoni definittiva ma setgħet tirriżulta la mill-analiżi trażversali ta’ Ryanair u lanqas minn tagħha (premessi 463 sa 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

194    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ċaħditx b’mod arbitrarju fid-deċiżjoni kkontestata ż-żewġ rapporti tagħha dwar it-tnaqqis f’żewġ fażijiet (ukoll imsejħa “tnaqqis tal-panel”). Dawn ir-rapporti ġew eżaminati b’attenzjoni u ma ġewx ikkunsidrati li jammontaw għal prova, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 473 sa 475 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punt 6 tal-Anness IV tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet li l-metodu applikat minn Ryanair de facto naqqas l-approċċ b’teħid ta’ kampjuni għal sempliċi analiżi trażversali. In-nuqqas li wassal lill-Kummissjoni sabiex tiċħad kemm l-analiżi trażversali ta’ Ryanair kif ukoll l-analiżi tagħha stess, jiġifieri l-kunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-karatteristiċi tar-rotot, jagħmel ukoll invalida l-analiżi tat-tnaqqis f’żewġ fażijiet ta’ Ryanair. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li, billi għażlet metodu kumpless f’żewġ fażijiet u ġabra ta’ data li tirrigwarda rotot bi tluq mill-Irlanda, Ryanair żiedet il-probabbiltà li t-tnaqqis tagħha ma jagħtix riżultati statistikament sinjifikattivi.

195    B’hekk, mill-eżami tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness IV tagħha jirriżulta li l-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontestata l-fondatezza tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li skont dawn, minn naħa, la l-analiżi trażversali ta’ dawn tal-aħħar u lanqas dik ta’ Ryanair ma jilħqu l-livell ta’ affidabbiltà neċessarja (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, l-analiżi tat-tnaqqis f’żewġ fażijiet ta’ Ryanair ma għandhiex valur probatorju suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li Ryanair ma ġarrbet ebda restrizzjoni kompetittiva minn naħa ta’ Aer Lingus fir-rotot bi tluq mill-Irlanda (premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

7.     Fuq il-limitazzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kumpanniji taċ-charter

a)     L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrenti ssostni li l-kumpanniji taċ-charter jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni “fil-kuntest, pereżempju, tad-destinazzjonijiet fejn l-attrazzjoni hija x-xemx jew l-iskijjar”. Il-Kummissjoni wettqet żball billi fil-punt 6.7 tad-deċiżjoni kkontestata, eskludiet lill-kumpanniji taċ-charter tas-suq rilevanti. Fil-fatt, il-parti l-kbira tas-seats taċ-charters jitpoġġew fis-suq fil-forma ta’ vjaġġi organizzati offerti mill-operaturi tat-tours. Il-Kummissjoni tinnega fid-deċiżjoni kkontestata kull importanza għal dawn is-seats peress li “[i]s-suq tal-bejgħ ta’ lottijiet ta’ postijiet lill-operaturi tat-tours huwa suq ikbar minn dak tal-bejgħ tal-postijiet lil indivdwi” (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-klijenti jirriżervaw titjiriet charter mingħand operaturi tat-tours li jistgħu faċilment jirriżervaw titjiriet regolari għand trasportaturi bħal Ryanair [ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2007 (Każ COMP/M.4601 – KarstadtQuelle/MyTravel)]. Il-Kummissjoni tindika wkoll fid-deċiżjoni kkontestata li “[l]-fatt li l-operaturi tat-tours ikunu affettwati b’mod negattiv mit-trasportaturi li joffru servizzi minimi ma jfissirx madankollu, li l-operaturi tat-tours jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni” (premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, l-effetti negattivi li l-operaturi tat-tours jkunu ħassew minn naħa tat-trasportaturi bi prezz baxx jirriżulta mingħajr dubju mit-“tneħħija tal-intermedjarji” (jiġifieri li xi konsumaturi jkunu għażlu li jirriżervaw b’mod independenti vaganzi f’pajjiżi oħra pjuttost milli li jixtru tour). Jekk, hekk kif jidher probabbli, l-operaturi tat-tours jirreaġixxu għat-telf tal-bejgħ billi jbaxxu l-prezzijiet tagħhom sabiex jimlew l-ajruplani tagħhom taċ-charter, dan ikollu bħala konsegwenza li ċerti konsumaturi ma jagħżlux lit-trasportaturi regolari bi prezz baxx sabiex jagħżlu l-prodotti tal-operaturi tat-tours. Fi kliem ieħor, l-operaturi tat-tours ikunu jistgħu jeżerċitaw ċerti limitazzjonijiet fuq it-trasportaturi regolari meta dawn jittrasportaw konsumaturi lejn destinazzjonijiet tal-vaganzi.

197    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti li jirreferu għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

198    Ir-rikorrenti ssostni li l-kumpanniji taċ-charter jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni “fil-kuntest, pereżempju, tad-destinazzjonijiet fejn l-attrazzjoni hija x-xemx jew l-iskijjar”. Dawn il-kumpanniji tal-ajru b’hekk kellhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti u tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni.

199    Madankollu, din il-kritika tikkonsisti biss f’li tirreferi għas-sitwazzjoni fattwali eżaminata mill-Kummissjoni fil-punt 6.7 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest tagħha hija kkonkludiet, minn naħa, li “l-parti l-kbira tas-servizzi offruti mill-kumpanniji taċ-charter ma jaqgħux fl-istess suq bħas-servizzi tat-trasport bl-ajru regolari (bejgħ tal-vaganzi kollox inkluż (package travel), bejgħ tas-seats lill-operaturi tat-tours)” u, min-naħa l-oħra, li “l-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ ta’ dry seats jiffurmax parti mill-istess suq rilevanti [setgħa jitħalla miftuħ], meta l-evalwazzjoni li saret f’dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni kienet ma tbiddlitx” (premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-tieni konklużjoni hija bbażata fuq l-osservazzjoni, mhux ikkontestata mir-rikorrenti fil-kawża preżenti, li l-kumpanniji taċ-charter, joffru ftit wisq dry seats fir-rotot inkwistjoni, ma jeżerċitawx restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq ir-Ryanair-Aer Lingus flimkien (premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata).

200    Il-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti sabiex ikunu l-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li l-kunsiderazzjoni tal-kumpanniji taċ-charter kellha effett fuq l-evalwazzjoni tal-istat tal-kompetizzjoni li saret mill-Kummissjoni.

201    Konsegwentement, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

8.     Fuq l-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri

a)     L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti tindika l-“importanza eċċessiva” mogħtija lill-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri li wasslet lill-Kummissjoni tikkonkludi li kien hemm l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Aer Lingus u hi li kienet ħafna iktar stretta milli fil-fatt hija. Din l-investigazzjoni kienet “mhux suffiċjenti u difettuża” għal ħafna raġunijiet, hekk kif jirriżulta mir-rapport ta’ York Aviation, ta’ Settembru 2007, dwar ċerti aspetti tad-deċiżjoni kkontestata, anness mar-rikors.

203    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li din l-investigazzjoni kienet imfassla b’mod tant ħażin li xi domandi indirizzati lill-passiġġieri kienu “ambigwi u jqarrqu”. Il-Kummissjoni ma setgħetx raġonevolment tinjora dawn l-ambigwitajiet f’każ fejn waħda mill-problemi prinċipali li trid tiġi solvuta tirrigwarda jekk ajruport sekondarju speċifiku kienx sostitut tant qrib ta’ ajruport prinċipali partikolari. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stess innotat li l-investigazzjoni ma kinitx destinata li tevalwa s-sostitwibbiltà tal-ajruporti.

204    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-investigazzjoni kellha numru ta’ nuqqasijiet. L-ewwel nett, il-portata tal-investigazzjoni kienet limitata wisq sabiex tkun rappreżentattiva tal-popolazzjoni globali, b’mod li r-riżultati tagħha ma jkunux ta’ tip li wieħed jista’ joqgħod fuqhom. Wieħed biss minn xi 50 ajruport inkwistjoni (jiġifieri l-ajruport ta’ Dublin) kien involut fl-investigazzjoni (u mhux dawk ta’ Cork, ta’ Shannon, tar-Renju Unit jew tal-Ewropa kontinentali), li jista’ jwassal għal sottoevalwazzjoni kbira tan-numru ta’ passiġġieri li ma joriġinawx mill-Irlanda u tal-miżura li fiha l-passiġġieri jikkunsidraw it-trasportaturi mhux Irlandiżi bħala sostituti fir-rotot bejn Dublin u r-Renju Unit jew l-Ewropa kontinentali. Barra minn hekk, jekk kien possibbli, bħala prinċipju, li l-investigazzjoni tiġi organizzata billi l-persuni mistoqsija jintalbu li huma stess jimlew il-kwestjonarju, dan il-metodu kien jirriżulta manifestament mhux xieraq f’dan il-każ minħabba r-redazzjoni ambigwa u/jew orjentata tal-kwestjonarju finali (ara d-domanda nru 8 tal-kwestjonarju dwar is-sostitwibbiltà) u kien ikun mhux konformi ma’ prattika tajba. Bl-istess mod, minħabba l-perijodi li fihom saret l-investigazzjoni, il-kopertura tal-jum u tal-ġimgħa kienet varjabbli, li jikkomprometti l-affidabbiltà tar-riżultati [pereżempju, fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow), li ħafna passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol jieħdu, l-investigazzjoni ġiet organizzata fi tmiem il-ġimgħa, perijodu li fih huma inqas probabbli li jivvjaġġaw]. Barra minn hekk, il-kwestjonarju kien imqassam biss bl-Ingliż, li jfisser li l-proporzjon tal-passiġġieri li ma jitkellmux bl-Ingliż li rrispondew għall-kwestjonarju (pereżempju, ir-residenti ta’ pajjiżi oħra u ċerti ħaddiema migranti residenti fl-Irlanda) kien imnaqqas u li żdied ir-riskju li l-kwestjonarju jkun interpretat ħażin.

205    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi ulterjuri tar-riżultati tal-investigazzjoni hija wkoll “manifestament difettuża”. B’mod partikolari, “persuna raġonevoli” ma setgħex tasal għall-konklużjonijiet li l-Kummissjoni waslet għalihom minn dawn ir-riżultati mingħajr ma qabel taħseb dwarhom bil-mod indikat mir-Ryanair, jiġifieri hekk kif ġie espost fir-rapport ta’ York Aviation, ta’ Settembru 2007.

206    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

207    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal investigazzjoni li saret mis-servizzi tagħha tal-passiġġieri, qabel ma kkonkludiet li jirriżulta li l-passiġġieri li jieħdu titjira bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ Dublin jikkunsidraw Aer Lingus u Ryanair bħala l-“eqreb kompetituri” (punt 7.3.5 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessa 416 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 450, kif ukoll il-punt 3 tal-Anness I u t-tabella A.4.5 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-riżultati huma kkunsidrati b’kunsiderazzjoni tad-data mhux analizzata (punt 7.3.5.1 tad-deċiżjoni kkontestata), tad-data mhux analizzata skont il-kategorija tar-rotta (punt 7.3.5.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ data analizzata, u jibqgħu sinjifikattivi (premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn ir-riżultati jibqgħu kkorroborati minn investigazzjoni oħra li saret minn Aer Lingus (premessa 430 tad-deċiżjoni kkontestata).

208    Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar il-mod kif saret l-investigazzjoni u għad-domandi li saru, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata x’kien l-għan prinċipali tal-investigazzjoni, jiġifieri li tiġi kkonfermata jew miċħada l-allegazzjoni ta’ Ryanair li din u Aer Lingus ma kinux ikkunsidrati bħala sostituti mill-klijenti rispettivi tagħhom fir-rotot bi tluq minn Dublin. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li tistaqsi direttament lill-passiġġieri jekk huma kinux jikkunsidraw lil Aer Lingus jew Ryanair fl-għażla ta’ titjira f’rotta partikolari bi tluq minn Dublin kienet l-aħjar mod li tevita risposta ppreġudikata għad-domanda li għandha l-għan li tivverifika l-allegazzjoni ta’ Ryanair li l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jeżerċitawx restrizzjoni kompetittiva fuq xulxin. L-għażla ta’ domanda bħal din ma tistax konsegwentement tiġi kkritikata mir-rikorrenti.

209    Bl-istess mod, ma jistax jiġi allegat li l-portata tal-investigazzjoni kienet limitata ħafna sabiex tkun rappreżentattiva peress li l-Kummissjoni ġabret bejn wieħed u ieħor 2 500 risposta għall-kwestjonarju ippreparat speċifikament għall-każ u b’mod konformi ma’ domanda li ġiet ippreżentata f’dan is-sens minn Ryanair. Il-kritiki l-oħra li saru mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-investigazzjoni, jiġifieri t-twettiq tagħha f’tmiem il-ġimgħa, bl-Ingliż, f’Dublin biss u billi intużat it-teknika tal-awto-kwestjonarju, ġew inklużi fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata li jispjega l-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri (premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata) u li fiha l-Kummissjoni sostniet essenzjalment u b’mod konvinċenti li dawn id-dettalji setgħu jiġu spjegati minn nuqqas ta’ żmien neċessarju sabiex tagħmel investigazzjoni fuq skala ikbar, f’xahar sħiħ, f’ħafna lingwi, fl-ajruporti l-oħra u mingħajr ma jsir użu tat-teknika tal-awto-kwestjonarju li minkejja dan huwa komunement użat fit-trasport bl-ajru.

210    Bħala risposta għall-ilment meħud minn nuqqas ta’ analizi tar-riżultati tal-investigazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, wara r-risposta ta’ Ryanair għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni analizzat ir-riżultati bil-mod propost minn Ryanair u kkonstatat li l-konklużjonijiet ewlenin ma kinux mibdula. Dan ġie espost fil-premessi 426 sa 430 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr mar-rikorrenti kkontest dan fil-kuntest tar-rikors preżenti.

211    Konsegwentement, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti jibqgħu ġenerali, u li dawn jillimitaw ruħhom li jsostnu l-possibbiltà li setgħet issir investigazzjoni iktar eżawrjenti mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi marbuta mat-termini previsti fil-qasam tal-istħarriġ tal-konċentrazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati iktar ’il fuq huma żbaljati.

9.     Fuq l-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

212    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni ma ġabitx ruħha bħala “investigatriċi indipendenti, diliġenti u oġġettiva” meta hija evalwat ir-riżultati tal-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti (fir-rigward, b’mod partikolari, tar-risposti għad-domandi Nri 15, 19 u 21 tal-kwestjonarju). Hija allegatament aġixxiet b’mod selettiv u inkoerenti meta invokat dawn ir-riżultati insostenn tat-teżi tagħha li għadha teżisti “differenza fid-ditta u l-offerta tas-servizzi bejn Aer Lingus u Ryanair” (premessa 366 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 377 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma kkunsidrat aspetti oħra, pereżempju għal dak li jirrigwarda s-sostitwibbiltà tal-ajruporti, għar-raġuni li dawn ir-risposti “kienu jkunu ta’ ftit interess fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-investigazzjoni” (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi għażlet li tinjora dawn ir-risposti għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta’ kemm hija qrib ir-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-opinjoni tal-impriżi li ma jikkunsidrawx lil Ryanair u Aer Lingus u l-ajruporti li huma joperaw minnhom bħala kompetituri qrib ta’ xulxin. Skont il-Kummissjoni, l-opinjonijiet tal-impriżi li huma klijenti kbar ma humiex “neċessarjament rappreżentattivi” ta’ dawk tal-klijenti ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus, għaliex ġeneralment dawn jagħtu iktar importanza lil ħin tat-trasport u li ħafna minnhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet speċjali (kundizzjonijiet riżervati għall-impriżi) mit-trasportaturi fuq netwerk, kundizzjonijiet li jneħħulhom kull imparzjalità fir-rigward tat-trasportaturi tagħhom (premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jkunux ġew murija u jeskludu kategorija importanti ħafna ta’ passiġġieri, b’mod partikolari għal Aer Lingus, jiġifieri dik tal-passiġġieri li jagħtu importanza lil ħin tat-trasport. Billi teskludi din id-data, il-Kummissjoni kienet sopravalutat il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn Ryanair u Aer Lingus, b’mod partikolari fir-rotot fejn il-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol li jagħtu importanza lil ħin tat-trasport jammontaw għal perċentwali kbir minn numru totali ta’ passiġġieri. Pereżempju, bejn Ġunju 2005 u Ġunju 2006, Microsoft irriżervat 3268 titjira Dublin-Londra (Heathrow) tal-Aer Lingus u 34 titjira biss Dublin-Londra (Stansted) tar-Ryanair.

213    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

214    Ir-rikorrenti tikkritika l-użu li sar mill-Kummissjoni tar-risposti tal-impriżi klijenti għall-kwestjonarju li ġie indirizzat lilhom. Jekk xi wħud minn dawn ir-risposti intużaw fid-deċiżjoni kkontestata, pereżempju sabiex jiġi kkunsidrat li dejjem teżisti ċerta differenza bejn Aer Lingus u Ryanair f’dak li jirrigwarda d-ditta u l-offerta tas-servizzi (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata), oħrajn ma ġewx ikkunsidrati sa fejn huma ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li għandhom valur limitat, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda s-sostitwibbiltà tal-ajruporti (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tat numru ta’ spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata.

215    Jidher perfettament logiku li r-risposti tal-passiġġieri jew tal-kompetituri għal ċerti domandi kienu iktar jew inqas raġonevoli jew konvinċenti minn dawk li taw għal domandi oħra. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li aġixxiet b’mod inkoerenti jew mhux raġonevoli għar-raġuni biss li hija tagħti inqas importanza lir-risposti li hija tikkunsidra bħala inqas rilevanti.

216    Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma tistax tinjora r-raġunijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-affermazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda r-riżultati tal-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti (premessi 36, 97 u 414 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni li l-opinjoni tal-klijenti li huma impriżi kbar ma hijiex neċessarjament rappreżentattiva tal-opinjoni tal-klijenti ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus, għaliex il-klijentela ta’ impriża tista’ tagħti iktar importanza għall-fattur tal-ħin u li kkonkludiet ftehim ma’ trasportaturi fuq netwerk, ma tkunx ikklassifikata bħala ipoteżi mhux ippruvata. Il-klijenti li jkunu impriżi ġeneralment jagħtu iktar importanza lil fattur tal-ħin milli passiġġieri oħra, u ħafna impriżi kkonkludew ftehim ma’ kumpannija tal-ajru waħda jew iktar.

217    Il-fatt li impriża klijenta tkun irriżervat numru ta’ titjiriet ħafna iktar mal-Aer Lingus b’destinazzjoni ta’ Londra-Heathrow milli mar-Ryanair b’destinazzjoni ta’ Londra-Stansted ma jammontax għal indizju serju li ż-żewġ servizzi ma humiex sostitwibbli, fil-każ fejn din l-impriża tkun għamlet ftehim ma’ Aer Lingus li turi l-preferenza attwali tagħha għat-titjiriet ta’ din il-kumpannija tal-ajru. Barra minn hekk, il-bejgħ li sar fil-kuntest tal-ftehim ta’ impriża jirrapreżenta inqas minn 5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Aer Lingus (nota ta’ qiegħ il-paġna 331 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li l-parti l-kbira tal-passiġġieri tagħha ma jaqgħux fi ftehim bħal dan. Fi kwalunkwe każ, mir-risposti tal-impriżi kljenti jirriżulta li bejn wieħed u ieħor 80 % tal-parteċipanti fl-investigazzjoni indikaw li huma jikkunsidraw lil Ryanair u Aer Lingus bħala kompetituri qrib xulxin fir-rotot bi tluq u b’destinazzjoni tal-Irlanda (risposta għad-domanda nru 2 tal-kwestjonarju).

218    L-ebda waħda mill-argumenti ppreżentati fuq dan il-punt mir-rikorrenti b’hekk ma tippermetti li tiġi kkontestata l-analiżi esposta fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-raġunijiet esposti mill-Kummissjoni fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-għażla tagħha li ma tikkunsidrax ċerti riżultati tal-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti huma fondati b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

10.  Fuq id-dannu għall-konsumaturi

a)     L-argumenti tal-partijiet

219    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx fid-deċiżjoni kkontestata li l-allegata eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva bejn Aer Lingus u hi tikkawża dannu lill-konsumaturi billi twassal għal żieda fil-prezzijiet u/jew tnaqqis tan-numru tat-titjiriet (premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata). L-analiżi tat-tnaqqis li sar mill-Kummissjoni kienet “serjament difettuża” u ma tippermettix li jkun hemm konklużjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni injorat studju fil-fond li juri li l-prezzijiet ma kinux iktar għoljin fir-rotot operati minn operatur wieħed milli f’dawk operati minn numru ta’ trasportaturi. Il-Kummissjoni ma stabbilixxitx lanqas fid-deċiżjoni kkontestata li l-multipliċità tat-titjiriet u l-ftuħ ta’ rotot ġodda kienu dovuti għar-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus (premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata).

220    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni potenzjali bejn Aer Lingus u hi fil-ħmistax-il rotta attwalment operati minn żewġ kumpanniji tal-ajru biss (premessi 498 sa 540 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ssopravalutat ir-restrizzjoni kompetittiva li dawn il-kumpanniji tal-ajru jeżerċitaw fuq xulxin u ssottovalutat ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn terzi u l-kapaċità tagħhom li jidħlu f’dawn ir-rotot. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat li Ryanair u Aer Lingus jibbenefikaw fir-rotot Irlandiżi minn vantaġġi speċifiċi li jagħmlu d-dħul tal-kumpanniji terżi “ftit probabbli”. Il-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi, fuq il-bażi tal-provi li għandhom is-saħħa probatorja meħtieġa, li l-konċentrazzjoni xxekkel il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv billi telimina l-kompetizzjoni potenzjali fil-ħmistax-il rotta indikata minnha.

221    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

222    Ir-rikorrenti tillimita ruħha fir-rigward tad-dannu għall-konsumaturi li tirrepeti l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fejn issostni li ma huwiex suffiċjenti li tistabbilixxi l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni.

223    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu esponiet fid-dettall ir-raġunijiet għaliex il-konċentrazzjoni xxekkel il-kompetizzjoni attwali bejn Ryanair u Aer Lingus għad-detriment tal-klijenti, kemm fil-każ ta’ rotot fejn iż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni t-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom (punt 7.5 tad-deċiżjoni kkontestata) jew ta’ rotot fejn waħda minnhom biss hija preżenti (punt 7.6 tad-deċiżjoni kkontestata). Analiżi rotta b’rotta saret ukoll fid-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni waslet għall-istess konkużjonijiet (punt 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Fil-kuntest ta’ dan ir-raġunament, il-Kummissjoni sostniet li x-xkiel għall-kompetizzjoni u b’hekk id-dannu għall-konsumaturi jirriżulta mit-tmiem tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn Ryanair u Aer Lingus u mill-fatt li l-ebda kompetitur potenzjali li jibqa’ jew li jkun dieħel ma jkun f’pożizzjoni li jikkompeti b’mod effettiv mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Barra mill-effetti fuq il-prezzijiet, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li ma hijiex ikkonfrontata iktar bil-pressjonijiet li kienu jeżistu preċedentement bejn Ryanair u Aer Lingus, il-konċentrazzjoni jkollha wkoll riperkussjonijiet fuq il-kwalità tal-offerta u tal-għażla offerta lill-klijenti.

225    Għal dak li jirrigwarda l-kummenti dwar l-analiżi ekonometrika, kemm fil-każ ta’ studju tal-Kummissjoni jew tal-analiżi tar-rikorrenti, dawn l-argumenti ġew diġà eżaminati iktar ’il fuq. Peress li r-rikorrenti ma ressqux provi ġodda fuq dan il-punt, għandha ssir referenzza għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati f’dan ir-rigward iktar ’il fuq (ara punti 138 sa 194 iktar ’il fuq).

226    L-ebda argument ippreżentat mir-rikorrenti b’hekk ma jippermetti li tiġi kkontestata l-analiżi esposta fid-deċiżjoni kkontestata.

227    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

228    L-effett ta’ din ir-risposta fuq l-evalwazzjoni tal-analiżi tal-effett tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni madankollu jeħtieġ li jiġu eżaminati t-tliet motivi l-oħra li jirrigwardaw din id-domanda.

B –  Fuq it-tieni motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul

229    Wara li evalwat is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni attwali fuq is-swieq rilevanti u esponiet ir-raġunijiet li għalihom il-konċentrazzjoni xxekkel il-kompetizzjoni attwali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni għad-detriment tal-klijenti, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar b’liema mod id-dħul jista’ jwassal għal-limitazzjoni fl-imġiba tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (punt 7.8 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni sostniet li, sabiex id-dħul ikun ikkunsidrat bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni, hija għandha tiġi meqjusa bħala probabbli, isseħħ b’mod effettiv u tkun suffiċjenti sabiex tiskoraġixxi jew tikkumbatti l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni (premessa 545 tad-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 547, li fiha hija tagħmel referenza għall-punt 68 tal-linji gwida).

230    L-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motiv preżenti, hija bbażata fuq l-istadji segwenti: l-ewwel nett, il-konstatazzjoni li l-ostakoli leġiżlattivi ma għandhomx rwol importanti bħala ostakoli għad-dħul (punt 7.8.2 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-ostakoli għad-dħul assoċjati mal-“pożizzjoni ta’ saħħa” ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus li għandhom bażijiet kbar fl-Irlanda (punt 7.8.3 tad-deċiżjoni kkontestata); it-tielet nett, l-ispejjeż u r-riskji tad-dħul ikunu sinjifikattivi f’suq li diġà joperaw fih żewġ kumpanniji tal-ajru b’saħħithom b’ditti stabbiliti sew (punt 7.8.4 tad-deċiżjoni kkontestata); ir-raba’ nett, ir-riskju tar-“ritaljazzjoni aggressiva” min-naħa ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien tkun għolja [fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni evokat it-tentattivi ta’ dħul ta’ easyJet, ta’ MyTravelLite u ta’ Go Fly (punt 7.8.5 tad-deċiżjoni kkontestata)]; il-ħames nett, il-konstatazzjoni li l-kompetituri jikkunsidraw lis-swieq l-oħra bħala iktar attrajenti mis-suq żgħir Irlandiż (punt 7.8.6 tad-deċiżjoni kkontestata); is-sitt nett, il-konstatazzjoni li konġestjoni tal-ajruporti jammonta għal ostakolu importanti għad-dħul fis-suq, kemm jekk huwa l-ajruport ta’ Dublin jew ta’ ċerti ajruporti tad-destinazzjoni (punt 7.8.7 tad-deċiżjoni kkontestata); u s-seba’ nett, il-konstatazzjoni li l-pożizzjoni solida tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fl-ajruport ta’ Dublin tista’ xxekkel l-iżvilupp tal-kompetituri (punt 7.8.8 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Bħala konklużjoni fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-operat ta’ titjiriet bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ Dublin f’kompetizzjoni mar-Ryanair-Aer Lingus flimkien twassal għal numru ta’ ostakoli kbar għad-dħul. Dawn l-ostakoli ma jikkonsistux biss fil-problema ta’ konġestjoni parzjali tal-ajruport u jkunu marbuta b’mod partikolari mal-pożizzjoni stabbilita sew tar-Ryanair u ta’ Aer Lingus fil-pajjiż tagħhom fejn huma bbażati. L-investigazzjoni wriet li, minħabba dawn l-ostakoli, kull dħul ġdid kien ftit probabbli, saħansitra improbabbli, fir-rotot kważi kollha fejn it-tnejn joffru s-servizzi tagħhom. Fin-nuqqas ta’ operaturi ġodda potenzjali fil-parti l-kbira tar-rotot fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom u hekk kif jirriżulta mill-fatt li l-kompetituri indikaw unanimament li huma ma għandhomx l-intenzjoni li jidħlu f’kompetizzjoni diretta u fuq skala kbira mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (b’mod partikolari bil-ftuħ ta’ bażi f’Dublin), il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dħul kollu ġdid kien improbabbli, ma jseħħx f’waqtu u jkun insuffiċjenti sabiex jammonta għal restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u telimina l-effetti antikompetittivi probabbli tal-konċentrazzjoni proposta (premessa 784 tad-deċiżjoni kkontestata).

1.     Fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata għan-nuqqas ta’ dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq rilevanti

a)     L-argumenti tal-partijiet

232    Preliminarjament, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, sabiex dħul jista’ ikun ikkunsidrat bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti, huwa għandu jkun probabbli, isseħħ f’waqtu u jkun suffiċjenti sabiex jipprevjeni jew jilqa’ għall-effetti antikompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni proposta (premessa 545 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta hija evalwat jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti fil-każ preżenti, fejn ikkonkludiet li kull dħul ġdid ma kienx probabbli, ma seħħx f’waqtu u kien insuffiċjenti sabiex jirrapreżenta restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u telimina l-effetti probabbli antikompetittivi tal-konċentrazzjoni proposta (premessa 784 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont ir-rikorrenti, il-konċentrazzjoni proposta ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, peress li r-riskju ta’ dħul kien suffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għal kull telf fil-kompetizzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija ma hijiex f’nuqqas ta’ qbil mal-Kummissjoni fuq dan il-fatt li, wara li sseħħ il-konċentrazzjoni, ikun “ftit probabbli” li f’ħafna rotot ikun hemm dħul.

233    Fir-realtà, skont ir-rikorrenti, il-kwistjoni essenzjali tirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata għan-nuqqas ta’ dħul. Filwaqt li l-Kummissjoni tikkunsidra li din tfisser li jeżistu ostakoli għad-dħul, ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ dħul jiġi pjuttost spjegat mill-preżenza ta’ kumpannija tal-ajru effiċjenti fir-rotot inkwistjoni, fejn is-servizzi lill-klijenti jkunu tant sodisfaċenti li ma jkunx hemm iktar post għal dħul redditizju. L-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi allegati u dawk tal-ostakoli għad-dħul ikunu marbuta mill-qrib, id-dħul ta’ kumpannija ġdida jkun rilevanti biss jekk hija tkun ikkunsidrata neċessarja sabiex tikkumpensa l-eliminazzjoni tal-limitazzjonijiet kompetittivi li l-konċentrazzjoni hija preżunta li tikkawża. Issa, il-Kummissjoni kienet kunsiderevolment sopravalutat il-limitazzjonijiet kompetittivi qabel ma allegatament jisparixxu minħabba l-konċentrazzjoni u minħabba dan il-fatt kienet issopravalutat b’mod konsiderevoli l-livell tad-dħul meħtieġ sabiex tikkompensa din l-isparizzjoni. F’suq liberalizzat, li huwa kkaratterizzat minn dħul potenzjali multiplu, is-sempliċi theddida ta’ dħul f’waqtu ikun suffiċjenti sabiex jimpedixxi lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tieħu vantaġġ mill-isparizzjoni tal-limitazzjonijiet kompetittivi allegati. B’hekk il-Kummissjoni ma kinitx ġustifikata li tinsisti fuq in-neċessità ta’ dħul li għandu “jseħħ f’waqtu” u b’mod “ċert” jew li hija tikkunsidra li d-dħul f’xi wħud biss mill-50 rotta kkonċernata mill-konċentrazzjoni ma jkollhiex daqs suffiċjenti sabiex tagħmel tajjeb għall-effett antikompetittiv allegat.

234    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

235    Li jiġi ammess l-argument imressaq mir-rikorrenti, preliminarjament, jeħtieġ fir-realtà li terġa’ tiġi ttrattata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fl-eżami tal-ewwel motiv.

236    Ċertament, hekk kif issostni r-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi allegati u dik tal-ostakoli għad-dħul huma marbuta mill-qrib. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jingħad li r-rikorrenti taqbel mal-idea esposta mill-Kummissjoni, li d-dħul ta’ kumpannija ġdida huwa rilevanti fil-livell teoriku meta dan id-dħul jippermetti li tiġi kkumpensata l-eliminazzjoni tal-limitazzjonijiet kompetittivi li l-konċentrazzjoni hija preżunta li tikkawża. Hija minn din il-prespettiva li l-Kummissjoni eżaminat, fil-punt 7.8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq rilevanti.

237    Madankollu, fl-eżami tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni eżistenti fil-preżent bejn Ryanair u Aer Lingus u, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq din il-kompetizzjoni.

238    F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq rilevanti tieħu bħala punt tat-tluq l-ipoteżi ta’ kumpannija ġdida li tipprova tidħol fis-suq jew fejn tkun preżenti l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, entità li preċedentement ġiet meqjusa li xxekkel il-kompetizzjoni attwali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni għad-detriment tal-klijenti.

239    Konsegwentement, is-sempliċi “theddida” ta’ dħul invokata mir-rikorrenti ma hijiex suffiċjenti. L-ispjegazzjoni mressqa mir-rikorrenti, li n-nuqqas ta’ dħul huwa attribwit għall-effiċjenza tagħha fir-rotot inkwistjoni u li l-fatt li l-klijienti huma sodisfatti jelimina kull prospett ta’ gwadann għal kompetitur ġdid, lanqas ma hija suffiċjenti. Li huwa importanti huwa li tiġi kkaratterizzata perspettiva ta’ dħul li tikkumpensa l-effetti antikompetittivi konkretement definiti fid-deċiżjoni kkontestata f’dan l-istadju ta’ evalwazzjoni.

2.     Fuq id-dħul u l-ħruġ fis-settur tat-trasport bl-ajru

a)     L-argumenti tal-partijiet

240    Ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul imsemmija mill-Kummissjoni hija kkontradita minn ħafna dħul u ħruġ li jikkaratterizzaw is-settur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa wara t-tneħħija tar-regoli (ara r-rapport ta’ York Aviation, tal-31 ta’ Lulju 2008, dwar id-dħul u l-ħruġ fit-trasport bl-ajru Ewropew). Dan is-settur huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni dinamika u l-livell dgħajjef ta’ ostakoli għad-dħul, kif muri mit-“tkabbir f’daqqa” ta’ Ryanair fl-Ewropa. Barra minn hekk, numru ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni kkunsidraw li l-ishma tas-suq ma kellhomx jiġu kkunsidrati bħala li neċessarjament juru l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul. Dawn l-awtoritajiet sostnew li kien hemm numru ta’ dħul u ħruġ fis-settur tat-trasport bl-ajru, li jikkrea theddida ta’ dħul fin-nuqqas ta’ limitazzjonijiet marbuta mal-ajruporti jew mas-slottijiet fl-iskeda [ara, pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2004 (Każ COMP/M.3280 – Air France/KLM)]. Barra minn hekk, ma jkunx preċiż li jingħad li l-kumpanniji tal-ajru ma jidħlux fi swieq fejn Ryanair hija diġà preżenti: minn April 2003 sa Ottubru 2006, kien hemm 63 eżempju ta’ dħul bħal dan f’pari ta’ ibliet u 9 f’pari ta’ ajruporti, inkluż dħul fl-Irlanda (ara r-rapport ta’ RBB Economics, tal-20 ta’ Frar 2007, dwar l-ostakoli għad-dħul).

241    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni b’mod partikolari li l-Każ Air France/KLM huwa differenti mill-każ preżenti għar-raġunijiet segwenti: it-trasferiment tas-slottijiet proposti mill-partijiet lill-imsemmija konċentrazzjoni fir-rotta Pariġi-Amsterdam kienet biss waħda minn ħafna miżuri korrettivi applikati; l-entità li tirriżulta mill-imsemmija konċentrazzjoni kienet ġiet ipparagunata mal-kompetizzjoni tal-ferrovija ta’ veloċità kbira; u, diversi kompetituri kienu wrew interess għal dħul fis-suq rilevanti jew talbu slottijiet f’din ir-rotta.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

242    Ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi esposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tad-dħul fis-swieq rilevanti, fejn sostniet li ħafna dħul u ħruġ jikkaratterizza s-settur tat-trasport bl-ajru wara t-tneħħija ta’ regoli tagħha.

243    Din l-allegazzjoni hija ġenerali wisq sabiex ikun possibbli li jiġi mifhum kif l-analiżi tal-Kummissjoni hija żbaljata. Fil-fatt, din l-analiżi ma tirrigwardax is-settur tat-trasport bl-ajru, iżda tikkonċentra b’mod partikolari fuq 35 rotta fejn il-partijiet fit-tranżazzjoni t-tnejn joffru s-servizzi tagħhom bi tluq mill-Irlanda. Il-karatteristiċi ta’ dawn ir-rotot u tal-kumpanniji tal-ajru li huma preżenti fihom ġew spjegati fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni enfasizzat il-vantaġġ li jirriżulta mill-fatt li kumpannija jkollha bażi fl-Irlanda, ir-reputazzjoni tad-ditti Ryanair u Aer Lingus f’dawn is-swieq, numru ta’ tentattivi ta’ dħul li fallew, il-fatt li l-kompetituri unanimament indikaw li huma lanqas ma jikkunsidraw li jidħlu f’kompetizzjoni diretta u fuq skala kbira mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. L-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni u dik tad-dħul b’hekk ġew ibbażati fuq evalwazzjoni mmirata fis-swieq rilevanti u mhux fis-settur tat-trasport bl-ajru inġenerali.

244    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-data li toħroġ mir-rapport tar-RBB Economics li rreferiet għaliha r-rikorrenti ma ssostnix it-teżi tagħha (ara r-rapport tar-RBB Economics, tal-20 ta’ Frar 2007, dwar l-ostakoli għad-dħul). Mit-tabella preżenti fl-Anness III ta’ dan ir-rapport (intitolat “Eżempji reċenti ta’ dħul f’kompetizzjoni mar-Ryanair”) jirriżulta li l-parti l-kbira tal-eżempji ċċitati għal dak li jirrigwarda r-rotot bi tluq mill-Irlanda (ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork jew ta’ Shannon) kienu tentattivi ta’ dħul li fallew peress li l-kumpannija tal-ajru ma baqgħatx preżenti fl-istess xahar tas-sena ta’ wara (fir-rotta Cork-Londra: bmibaby; fir-rotta Dublin-Londra: CityJet; fir-rotta Dublin-Bristol: Air Southwest; fir-rotta Dublin-Glasgow: British Airways; fir-rotta Shannon-Londra: easyJet) jew dħul ta’ Aer Lingus (fir-rotot Dublin-Bristol u Dublin-Liverpool). Kien hemm biss tliet eċċezzjonijiet (ir-rotta Dublin-Londra: Air France, imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rotta Dublin-Malaga: Spanair u r-rotta Dublin-Faro: TAP Portugal mingħajr indikazzjoni tal-preżenza s-sena ta’ wara). L-eżempji l-oħra kollha li jirrigwardaw destinazzjonijiet li ma għandhomx bħala punt tat-tluq jew tal-wasla l-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork jew ta’ Shannon. Mill-kompetituri kollha preżenti fis-suq, hija b’hekk Aer Lingus li teżerċita l-pressjoni prinċipali ta’ kompetizzjoni fuq Ryanair għal dak li jirrigwarda l-35 rotta fejn il-partijiet fit-tranżazzjoni t-tnejn joffru s-servizzi tagħhom. Il-każijiet l-oħra reċenti ta’ dħul jibqgħu marġinali.

245    Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul li rreferiet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija kkontradita minn numru ta’ dħul u ħruġ li jikkaratterizzaw is-settur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa mit-tneħħija ta’ regoli tagħha.

3.     Fuq il-kunsiderazzjoni tal-mudell ekonomiku ta’ Ryanair

a)     L-argumenti tal-partijiet

246    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li naqset milli tevalwa d-dħul fil-kuntest tal-mudell ekonomiku (low cost/bi prezz baxx) li hija timponi. Ostakolu għad-dħul jiġi ddefinit bħala fattur li jagħmel “id-dħul impossibbli jew mhux ta’ qligħ, li jippermetti lill-impriżi preżenti li japplikaw prezzijiet għola mil-livell li jirriżulta mill-kompetizzjoni” (punt 38 tad-dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE). In-nuqqas ta’ dħul attwalment fir-rotot li Ryanair topera minn Dublin ma jkunx is-sinjal ta’ ostakoli għad-dħul għoli, u lanqas ta’ dgħjufija fil-proċess ta’ kompetizzjoni. Għal kuntrarju, hija turi li Ryanair tipproponi prezzijiet u kapaċità tant kompetittiva li l-kumpanniji l-oħra tal-ajru jikkunsidraw li ma jkunx jagħmel sens li jidħlu fis-suq, peress li huma ma jkunux f’pożizzjoni li jikkompetu ma’ Ryanair fuq il-prezz u d-domanda ma tkunx suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat li tiġi miżjuda kapaċità. Jekk Ryanair tbiddel il-mudell ekonomiku fejn tapplika “prezzijiet għola mil-livell li jirriżulta mill-kompetizzjoni”, kumpanniji tal-ajru terżi jistgħu b’hekk jidħlu liberament fir-rotot li hija topera. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni injorat jew tirrifjuta l-provi li juru li, fir-rotot li fihom hija l-uniku trasportatriċi, il-prezzijiet li hija tapplika huma baxxi daqs, jew iktar baxxi minn dawk li hija tapplika fir-rotot li fihom għandha l-kompetituri (ara l-kritika ekonomika ta’ RBB Economics, ta’ Settembru 2007). Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-volontà ta’ Ryanair li żżomm lill-Aer Lingus bħala “ditta separata u distinta”. Il-konċentrazzjoni b’hekk kellha l-għan li tippenetra f’parti mis-suq differenti u li tikkompeti mal-kumpanniji tal-ajru li joffru “servizzi kompluti”, mhux bħala trasportatriċi bi prezz baxx, iżda billi toffri servizzi simili għal dawk tal-kumpanniji bi prezzijiet madankollu iktar baxxi. Dan il-għan jintlaħaq iktar faċilment mill-konċentrazzjoni b’trasportatur nazzjonali eżistenti milli billi tiġi kkreata kumpannija ġdida tal-ajru u ditta ġdida, b’mod partikolari hekk kif jirriżulta minn nuqqas tas-slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti prinċipali.

247    Il-Kummissjoni ssostni li, jekk id-definizzjoni ċċitata mir-rikorrenti hija valida sabiex tevalwa l-imġiba ta’ impriża fir-rigward tal-Artikolu 82 KE, hija ma hijiex direttament applikabbli fil-qasam ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-kriterju rilevanti huwa li jiġi stabbilit jekk id-dħul fis-suq jwaqqafx żieda fil-prezziijiet iktar mil-livell li jkun hemm qabel il-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li Ryanair tirreġistra regolarment profitti għolja tkun f’kontradizzjoni ma’ dak li qed issostni li timmassimizza t-tkabbir tan-numru tal-passiġġieri billi ma tapplikax prezzijiet għolja fejn hija tkun l-unika operatriċi. Barra minn hekk, l-ebda trasportatur ieħor barra minn Aer Lingus ma jkollu bażi ta’ nefqa u assi kommessi komparabbli għal dawk ta’ Ryanair bil-għan li tikkompeti bi tluq minn Dublin. Għal kompetitur ġdid fejn l-ajruport tal-oriġini jinstab fid-destinazzjoni tar-rotta, l-“ispejjeż tal-opportunità” marbuta ma’ dħul ikunu iktar għolja minn dawk ta’ Aer Lingus, peress li jkollu iktar possibbiltajiet li juża ajruplani f’rotot fejn il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet hija inqas ħarxa. Dħul fis-suq f’kompetizzjoni mal-operatur fejn l-ispejjeż huma l-iktar baxxi huwa riskjuż u potenzjalment mhux ta’ qligħ meta kkomparat mal-investiment meħtieġ. Din l-assoċjazzjoni ta’ investimenti b’fondi li jintilfu u ta’ dħul potenzjalment baxx tammonta għal ostakolu għad-dħul.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

248    Fir-rigward tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni teżamina jekk id-dħul ta’ kompetituri ġodda jista’ jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti sabiex tipprevjeni jew tostakola l-effetti antikompetittivi potenzjali tal-konċentrazzjoni. Fil-kawża preżenti, dawn l-effetti antikompetittivi jirriżultaw mid-disparizzjoni tar-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus, li twassal għal tisħiħ tas-setgħa fis-suq ta’ Ryanair fuq numru kbir ta’ rotot. L-ilmenti tar-rikorrenti diretti kontra din il-parti tal-evalwazzjoni ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv. Huma jiffurmaw parti wkoll mill-evalwazzjoni rotta b’rotta fil-kuntest tat-tielet motiv.

249    F’dak ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti, li n-nuqqas ta’ dħul fir-rotot li hija topera minn Dublin juri li l-prezzijiet u l-kapaċità li hija tipproponi huma tant kompetittivi li l-ebda kompetitur ma għandu interess jikkompeti, mhux rilevanti għall-analiżi. Anki fis-sitwazzjoni fejn din l-allegazzjoni tkun fondata, hija tirreferi għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fejn Aer Lingus hija preżenti bħala kompetitriċi ta’ Ryanair jew tammonta għall-kompetitriċi potenzjali l-iktar probabbli. Issa, din ma hijiex is-sitwazzjoni attwali li f’dan l-istadju għandha tiġi analizzata, iżda s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq rotot dominati minn Ryanair-Aer Lingus flimkien.

250    Bl-istess mod, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma għandhiex l-intenzjoni tapplika prezzijiet ogħla mil-livell meħtieġ sabiex tkun kompetittiva wara li sseħħet il-konċetrazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-fatt li, fir-rotot fejn hija attwalment l-unika transportatriċi, il-prezzijiet li hija tapplika huma baxxi tant, jew iktar baxxi minn dawk li hija tapplika fir-rotot fejn hija għandha kompetizzjoni, ma tistax tpoġġi dubji fuq l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għad-dħul. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Kummissjoni, issir distinjoni tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet mill-kontroll tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens li tiffoka fuq l-istħarriġ tal-istrutturi tas-suq u mhux fuq l-istħarriġ tal-imġiba tal-impriżi. Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jevita, fuq il-bażi ta’ analiżi prospettiva ta’ strutturi tas-suq, it-twettiq ta’ konċentrazzjoni li xxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, il-kriterju rilevanti huwa b’hekk dak li jippermetti li jiġi stabbilit jekk id-dħul fis-suq ta’ kompetitur ġdid ikun jista’ jwaqqaf żieda fil-prezzijiet iktar mil-livell li kien hemm qabel il-konċentrazzjoni. Il-kriterju tal-prezzijiet ma huwiex biss l-uniku kriterju li jista’ jiġi kkunsidrat, peress li t-twettiq tal-konċentrazzjoni jista’ jaffettwa wkoll il-kapaċità disponibbli, l-għażla jew il-kwalità tas-servizzi, u l-innovazzjoni.

251    Fin-nuqqas ta’ Aer Lingus, ikun hemm tentazzjoni kbira għal Ryanair li timmassimizza l-profitti tagħha sabiex tikkunsidra n-nuqqas tal-pressjoni kompetittiva marbuta max-xiri tal-kompetitriċi prinċipali tagħha attwali jew potenzjali fis-swieq rilevanti. L-intenzjonijiet ta’ Ryanair għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ Aer Lingus jew il-prassi tagħha fil-passat fil-qasam tat-tariffi ma tpoġġix fid-dubju l-kredibbiltà ta’ dan ir-riskju strutturali, li jirriżulta mill-analiżi tal-effetti antikompetittivi marbuta mat-tneħħija tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

252    Konsegwentement, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet evalwazzjoni żbaljata tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-mudell ekonomiku ta’ Ryanair fl-evalwazzjoni tal-probabbiltajiet tad-dħul fis-suq rilevanti.

4.     Fuq il-vantaġġi marbuta mal-fatt li kumpannija jkollha bażijiet minn fejn topera fl-Irlanda

a)     L-argumenti tal-partijiet

253    Preliminarjament, ir-rikorrenti tikkontesta li l-allegata “pożizzjoni ta’ saħħa” li għandha hija u Aer Lingus hija dovuta għall-bażijiet kbar tagħhom fl-Irlanda. Il-Kummissjoni naqset milli tagħti definizzjoni tal-kunċett bażiku u llimitat ruħha li tgħid li l-preżenza b’saħħitha ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus fl-ajruport ta’ Dublin jagħtihom vantaġġ fuq il-kumpanniji tal-ajru kompetituri. Issa, l-allegati vantaġġi jirriżultaw minn netwerk ta’ Ryanair u mhux mill-bażijiet tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat importanza ikbar lir-risposti tal-kompetituri u tat-terzi kkonċernati għall-kwestjonarju dwar il-bażijiet, b’mod partikolari għal dak tal-Ministeru tat-Trasport Irlandiż, li kien kontra l-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll ir-rilevanza tad-data mogħtija minn Ryanair sabiex turi n-nuqqas ta’ kull vantaġġ ibbażat fuq li kumpannija jkollha bażi f’Dublin jew sabiex tikkompara s-sitwazzjoni ma’ dik tal-bażijiet ta’ Charleroi u ta’ Hahn (ara r-rapport ta’ RBB Economics, tal-20 ta’ Frar 2007, dwar l-ostakoli għad-dħul, u n-nota tal-assistent direttur ġenerali ta’ Ryanair, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar l-aspetti ekonomiċi ta’ bażi tal-ajru). Il-Kummissjoni b’hekk dawret l-oneru tal-prova u ma aġixxietx bħala “entità li tiddeċiedi b’mod oġġettiv u imparzjali”.

254    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinnega l-eżistenza ta’ ekonomija fil-kobor fil-livell tal-bażijiet. Il-kalkolu tal-ekonomiji tal-ispejjeż li saru minn Aer Lingus u ddatati d-19 ta’ Frar 2007, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 414 tad-deċiżjoni kkontestata, sar fuq il-bażi ta’ assunzjonijiet. Aer Lingus, li l-flotta tagħha tkun essenzjalment ibbażata f’Dublin, ma setgħetx tiddistingwi bejn l-ekonomiji fil-kobor marbuta mad-daqs tal-flotta u dawk marbuta mad-daqs tal-bażi. Fil-fatt, is-servizzi għall-klijentela jew is-servizzi li joffri l-ajruport jistgħu jiġu sub-appaltati faċilment fl-ajruport ta’ Dublin mingħajr ma din tippenalizza lill-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx bażi. Ryanair stess tagħmel użu minn sub-appaltar għal servizzi ta’ manutenzjoni fl-ajruport. Id-Dublin Airport Authority plc (kumpannija li topera l-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon) ma toffrix lil Ryanair kundizzjonijiet aħjar ta’ aċċess għas-sistemi taċ-check-in milli toffri lill-kumpanniji l-oħra u l-information desks jistgħu jintużaw flimkien ma’ trasportaturi oħra mingħajr diffikultà. Għal dak li jirrigwarda titjiriet li ma jkunux jistgħu jsiru, ir-rikorrenti tfakkar li hija “iddawwar” erba’ ajruplani ta’ riżerva fit-23 bażi tagħha. Konsegwentement, ekonomiji eventwali ta’ spejjeż li jirriżultaw mir-ragruppament tal-ajruplani ta’ riżerva jkunu marbuta ma’ flotta u mhux mal-bażi. Għal dak li jirrigwarda s-slottijiet fl-iskeda u l-postijiet ta’ parkeġġ, ir-rikorrenti l-ewwel nett tosserva li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93, tat-18 ta’ Jannar 1993, dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), jeżiġi li, fl-allokar ta’ slottijiet fl-iskeda, il-kumpanniji ġodda għas-suq ikunu ffavoriti meta kkomparati mat-trasportaturi li diġà qed joperaw. Barra minn hekk, it-trasportaturi li diġà qed joperaw u l-operaturi ġodda għas-suq jitpoġġew fuq l-istess livell għal dak li jirrigwarda l-allokar tal-postijiet ta’ parkeġġ u trasportatur diġà preżenti f’ajruport ma jibbenefika minn ebda vantaġġ ikkomparat ma’ operatur ġdid għas-suq. Ir-rikorrenti tiċħad ukoll li għandha “pożizzjoni ta’ negozjar iktar b’saħħitha” ma’ ajruporti u awtoritajiet regolatorji, kuntrarjament għal dak indikat fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata. Ryanair ma tibbenefikax, fl-ajruport ta’ Dublin, minn roħs marbut mad-daqs tagħha u lanqas ma tistenna li tikseb dan wara li sseħħ il-konċentrazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġi miksuba fil-kuntest ta’ negozjati li jsiru ma’ fornituri, l-elementi ta’ spejjeż l-iktar importanti ta’ Ryanair jirrigwardaw it-totalità tan-netwerk tagħha u ma humiex stabbiliti f’livell tal-ajruport.

255    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-ajruport ta’ Dublin, hija ma tieħu l-ebda vantaġġ kompetittiv eċċezzjonali minħabba d-daqs tagħha, kuntrarjament għal dak li tindika fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata. Pereżempju, Ryanair tagħmel sitt vjaġġi fiż-żewġ direzzjonijiet kull jum permezz tal-ajruplan wieħed tagħha bbażat f’Cork, filwaqt li tagħmel biss erba’ bħala medja mid-19-il ajruplan tagħha bbażati f’Dublin. L-ispejjeż tagħha fl-ajruporti diversi minn fejn hija tipprovdi biss wieħed jew żewġ titjiriet kuljum ikunu wkoll simili, jew f’xi każijiet iktar baxxi mill-ispejjeż li hija tħallas fil-bażijiet tagħha. Barra minn hekk, kumpanniji oħra tal-ajru jistgħu jużaw ajruplan mir-rotot eżistenti tagħhom jew iżidu ajruplan addizzjonali u jużaw il-bażijiet tagħhom fit-tarf l-ieħor tar-rotot li jservu l-ajruporti ta’ Dublin, ta’ Shannon u ta’ Cork sabiex jikkompetu mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, Ryanair ssostni li wriet li żieda fin-numru tal-ajruplani tagħha bbażati f’Dublin ma jkollhiex effett kunsiderevoli fuq l-ispejjeż tal-operat tagħha. Fl-aħħar nett, il-fatt li Ryanair topera volontarjament titjiriet b’destinazzjoni ta’ Dublin bi tluq mit-tarf l-ieħor tar-rotta ikun diffiċilment kompatibbli mal-eżistenza ta’ vantaġġ f’Dublin.

256    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ma għandhiex kapaċità ta’ reazzjoni iktar rapida fir-rigward tat-tibdil fid-domanda bħala riżultat ta’ operat ikbar bi tluq minn ajruport, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-premessi 389 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata. It-trasportaturi li ma għandhomx bażi fl-Irlanda fil-fatt ikollhom l-istess aċċess għall-informazzjoni bħal dawk li għandhom waħda. Barra minn hekk, l-effetti staġjonali jkunu faċilment prevedibbli tkun xi tkun il-kumpannija tal-ajru. Fl-aħħar nett, il-kumpanniji taċ-charter jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva effettiva fl-istaġun fejn ikun hemm l-iktar domanda (high season) u għall-avvenimenti eċċezzjonali. Pereżempju, għalkemm ma għandhomx bażi f’Dublin, dawn il-kumpanniji jkunu kapaċi li jipprovdu titjiriet fil-perijodu tax-xitwa meta jkun hemm is-silġ u jkun ta’ ftit importanza jekk huma jipprovdux numru ta’ titjiriet kuljum matul is-sena.

257    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kompetituri li għandhom bażi f’Dublin jeżerċitaw limitazzjoni fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, kuntrarjament għat-teżi esposta fil-premessi 555 sa 560 tad-deċiżjoni kkontestata. Ikun żbaljat li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-mudelli ekonomiċi differenti u ta’ operat attwali ta’ ammont insinjifikanti, CityJet u Aer Arann ma jkunux jistgħu jżidu s-servizzi tagħhom f’Dublin sabiex jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva ikbar fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ikkonċentrat wisq b’mod partikolari fuq il-klijenti kummerċjali kbar ta’ Aer Arann, mingħajr ma ttieħed suffiċjentement inkunsiderazzjoni t-tkabbir mgħaġġel ta’ din il-kumpannija u l-volontà ta’ din li tikkompeti b’mod aggressiv fir-rigward ta’ Ryanair. Barra minn hekk, il-kumpanniji li għandhom ajruplan stazzjonat matul il-lejl fl-ajruport ta’ Dublin jammontaw huma wkoll għal limitazzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessi 400 u 560 tad-deċiżjoni kkontestata. Kumpannija fil-fatt ma għandhiex bżonn tuża bażi sabiex tipprovdi titjiriet filgħodu jew filgħaxija.

258    Fil-ħames lok, skont ir-rikorrenti, il-kompetituri li għandhom bażi fit-tarf l-ieħor tar-rotta ma’ Dublin jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Peress li l-Irlanda hija fil-fatt “destinazzjoni turistika netta”, il-parti l-kbira tal-passiġġieri joriġinaw minn pajjiżi oħra barra mill-Irlanda, għall-inqas għar-rotot li dwarhom inġabret informazzjoni. Skont ir-raġunament tal-Kummissjoni, il-fatt li kumpannija jkollha bażi fl-Irlanda b’hekk fir-realtà jammonta għal inkonvenjent. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, jekk il-parti l-kbira tal-kumpanniji tal-ajru li jservu l-ajruport ta’ Dublin ma jkunux stabbilixxew bażi hemmhekk, dan huwa għaliex huma ma jkunux ikkunsidrawh utili għalihom.

259    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kumpanniji li joperaw rotot minn punt sa punt mingħajr bażi, magħrufa bħala “rotot W”, jammontaw għal restrizzjoni kompetittiva effettiva f’ċerti rotot. Rotot bħal dawn ikunu vijabbli anki jekk kull jum isir vjaġġ wieħed jew tnejn lejn iż-żewġ naħat bejn id-destinazzjonijiet fejn il-kumpanniji ma għandhomx bażi, hekk kif tagħmel Ryanair f’ċerti rotot.

260    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata. Hija barra minn hekk tirrikonoxxi li ekonomiji fil-kobor jistgħu jseħħu fil-livelli tan-netwerk u tal-flotta. EasyJet b’hekk tkun l-unika kumpannija tal-ajru b’servizzi minimi li topera f’livell simili għal dak ta’ Ryanair. Madankollu, Ryanair ma tistax tinnega l-eżistenza ta’ ekonomija fil-kobor provenjenti mill-operat ta’ bażi jew ta’ netwerk mingħajr ma tikkontradixxi l-argumenti tagħha dwar iż-żieda fl-effiċjenza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

261    Fil-kuntest tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul, li huwa s-suġġett tal-motiv preżenti, il-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata l-“[o]stakoli għad-dħul assoċjat mal-pożizzjoni ta’ saħħa ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus li għandhom bażijiet kbar fl-Irlanda” (punt 7.8.3 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, il-fatt li Ryanair u Aer Lingus joperaw mill-istess bażi f’Dublin u li huma wkoll preżenti f’Cork u f’Shannon hija waħda mir-raġunijiet għaliex dawn iż-żewġ kumpanniji tal-ajru huma l-“eqreb kompetituri” fir-rotot bi tluq jew b’destinazzjoni tal-Irlanda (premessa 552 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li l-ekonomija fil-kobor li tirriżulta mill-flessibiltà tar-riżorsi f’bażi u tal-possibbiltà li taqsam l-ispejjeż fissi bejn ħafna rotot tammonta għal ostakolu għad-dħul, fis-sens li “trasportatur li għandu bażi operattiva stabbilita f’ajruport speċifiku jibbenefika minn vantaġġi ċari f’dak li jirrigwarda spejjeż”. Dan ir-rwol tal-ostakolu għad-dħul ikun imsaħħaħ fil-każ preżenti hekk kif jirriżulta mill-alleanza taż-żewġ trasportaturi li għandhom preżenza b’saħħitha fl-uniku u l-istess ajruport (premessa 553 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 557 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata l-kundizzjonijiet li fihom trasportaturi oħra setgħu jissostitwixxu r-restrizzjoni kompetittiva li kienet tisparixxi minħabba l-konċentrazzjoni u b’liema mod in-nuqqas ta’ bażi f’Dublin seta’ jammonta għal ostakolu għad-dħul. Hija eżaminat tliet sitwazzjonijiet: dik ta’ kumpannija ġdida għas-suq li tistabbilixxi bażi f’Dublin, dik ta’ kumpannija ġdida għas-suq li diġà għandha bażi fit-tarf l-ieħor tar-rotta u dik ta’ kumpannija ġdida għas-suq li tidħol fis-suq fuq bażi ta’ rotta b’rotta mingħajr ma jkollha bażi f’tarf jew l-ieħor tar-rotta (premessa 554 u punti 7.8.3.1 sa 7.8.3.5 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-indikazzjonijiet ma kinux suffiċjenti sabiex jagħtu x’wieħed jifhem li trasportatur ġdid li jidħol fis-suq jidħol b’bażi f’Dublin, f’Cork jew f’Shannon (punt 7.8.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dħul fis-suq ibbażat fuq ajruport ta’ destinazzjoni u dħul mhux ibbażat fuq ajruport ta’ destinazzjoni b’mod ġenerali ma jkunx suffiċjenti sabiex jissostitwixxu r-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni qabel it-tranżazzjoni proposta (punt 7.8.3.5 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari premessa 584).

263    L-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra din l-evalwazzjoni jikkonċernaw kemm il-konstatazzjoni preċedenti li Aer Lingus u hija għandhom bażi kbira f’Dublin, li tkun ta’ natura li tagħti vantaġġ kompetittiv (punti 7.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll, b’mod superfiċjali, il-konstatazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul, li l-kompetituri li diġà għandhom bażi f’Dublin probabbilment ma jkunux f’pożizzjoni li jeżerċitaw limitazzjoni effettiva fuq il-partijiet fil-konċentrazzjoni, u l-konklużjonijiet li waslet għalihom (punti 7.8.3.1 u 7.8.3.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

264    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-vantaġġ kompetittiv mogħti lil Aer Lingus u lilha mill-eżistenza ta’ bażi f’Dublin ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv. Huma jkunu wkoll is-suġġett ta’ evalwazzjoni rotta b’rotta fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv. L-evalwazzjoni li ssir sussegwentement hija valida biss sa fejn huma kkritikati provi użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tibbaża l-analiżi tagħha tal-ostakoli għad-dħul assoċjati mal-“pożizzjoni ta’ saħħa” ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus fl-Irlanda.

265    B’hekk, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ddefinitx il-kunċett bażiku (ara punt 253 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jingħad li definizzjoni bħal din tidher, pereżempju, fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija użata l-kelma “bażi” sabiex tikklassifika l-ajruporti li fihom kumpanniji tal-ajru jibbażaw l-ajruplani tagħhom u l-attivitajiet tagħhom, li prinċipalment joffru titjiriet bi tluq u b’destinazzjoni ta’ dawn l-ajruporti “bażi”. Dan il-kunċett ġie spjegat b’mod dettaljat fil-punt 7.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata.

266    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni użat ċerta informazzjoni minflok oħra u b’hekk dawret l-oneru tal-prova (ara punt 253 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jingħad li din l-allegazzjoni saret mingħajr forma oħra ta’ evidenza. Ir-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha li tgħid, b’mod ġenerali, li l-Kummissjoni tat importanza kunsiderevoli għar-risposti mogħtija mill-kompetituri u ta’ terżi kkonċernati, b’mod partikolari l-Ministeru tat-Trasport Irlandiż li kien kontra l-konċentrazzjoni, u li dan ċaħad ir-rilevanza tad-data fis-sens kuntrarju li hija forniet fil-proċedura amministrattiva. Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet li jippermettu li jiġi mifhum kif il-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-provi miksuba fl-investigazzjoni jkunu konkretement ikkontestati permezz tal-provi mressqa minn Ryanair fis-sens kuntrarju, allegazzjoni bħal din għandha tiġi miċħuda.

267    Għal dak li jirrigwarda l-ekonomija fil-kobor (ara punt 254 iktar ’il fuq) u l-kapaċità li taddatta ruħha għad-domanda (ara punt 256 iktar ’il fuq), l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jitpoġġew fil-perspettiva. Il-Kummissjoni ma tikkontestax li n-netwerk ta’ Ryanair, li tinkludi 23 bażi, tagħtiha vantaġġi sinjifikattivi. L-analiżi tal-Kummissjoni tirrigwarda, madankollu, il-vantaġġi li l-kawża preżenti tikkonċedi lill-bażi ta’ Dublin kif ukoll il-preżenza f’Cork u f’Shannon. Huma dawn l-ostakoli għad-dħul li huma eżaminati u mhux l-interess li jkollha netwerk b’ħafna bażijiet kif inhuma n-netwerks tar-Ryanair u ta’ easyJet fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret fid-deċiżjoni kkontestata li l-fatt li kumpannija jkollha bażi f’ajruport jagħtiha żewġ vantaġġi kbar: minn naħa, dan jippermetti lit-trasportatur jibbenefika minn ċerti vantaġġi f’dak li jirrigwarda spejjeż u, min-naħa l-oħra, dan iżid il-flessibbiltà tat-trasportatur li jirreaġixxi b’iktar ħeffa għall-varjazzjonijiet tad-domanda (premessa 555 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Bid-differenza tal-affermazzjonijiet ta’ Ryanair li kwalunkwe trasportatur jista’ jikseb l-istess vantaġġi li hija għandha f’Dublin, l-analiżi li saret mill-Kummissjoni fuq dan il-punt ma hijiex teorika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat konkretement is-sitwazzjoni ta’ żewġ kompetituri oħra li għandhom bażi f’Dublin, jiġifieri CityJet bi 3 ajruplani u Aer Arann b’4 ajruplani, kontra t-22 ajruplan ta’ distanza qasira ta’ Aer Lingus u l-20 ajruplan tar-Ryanair. Hija sostniet li dawn il-kompetituri ma kinux żviluppaw il-bażi tagħhom b’mod sinjifikattiv tul l-aħħar ftit snin u ma kellhomx l-intenzjoni li jagħmlu dan għall-raġunijiet personali għalihom (premessi 556 sa 558 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni sostniet ukoll li kull tkabbir f’Dublin jaggrava l-problema ta’ konġestjoni f’dak l-ajruport u seta’ jagħti lok għal problemi ta’ slottijiet fl-iskeda f’ċerti ajruporti tad-destinazzjoni (premessa 559). Il-Kummissjoni sostniet ukoll li mill-analiżi li saret fl-investigazzjoni iktar fil-fond jirriżulta li l-ebda waħda mill-kompetituri potenzjali msemmija minn Ryanair ma tiftaħ bażi fl-Irlanda f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet wara l-konċentrazzjoni (premessa 562 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 563 u 564 tad-deċiżjoni kkontestata). Numru ta’ kompetituri msemmija minn Ryanair sussegwentement abbandunaw ir-rotta li huma operaw ma’ Dublin tul is-snin li għaddew [bħal British Airways fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow) u Alitalia fir-rotta Dublin-Milan]. L-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt (ara punt 257 iktar ’il fuq) jikkonsistu biss f’li jaqbdu l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex isostnu li hija żbaljata, mingħajr madankollu ma jispjegaw kif l-attivitajiet ta’ CityJet u ta’ Aer Arann jiżviluppaw, u dan mingħajr ma jingħataw raġunijiet konvinċenti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jispjegaw li dan ma jkunx il-każ.

269    Għal dak li jirrigwarda l-effett tal-kumpanniji regolari jew taċ-charter li għandhom ajruplan stazzjonat matul il-lejl f’Dublin għal staġun jew sena (ara punti 256 u 257 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li l-vantaġġi li jibbenefikaw minnhom dawn il-kumpanniji ma kinux komparabbli ma’ dawk inerenti għall-operat ta’ bażi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda flessibbiltà li tippermetti li jinbidlu r-rotot, tal-użu tal-ajruplani f’post ieħor, tal-minimizzar tal-ispejjeż relatati ma’ titjiriet li ma jistgħux isiru, tal-iskambju tal-ekwipaġġi, tas-servizz lill-klijentela jew tar-reputazzjoni tad-ditta (premessa 560 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, huma l-vantaġġi marbuta mal-operat ta’ bażi li huma importanti għall-każ u mhux il-possibbiltà li jsiru titjiriet lejn destinazzjoni jew oħra billi jiġi operat ajruplan.

270    Għal dak li jirrigwarda l-użu tal-ajruplani (ara punt 255 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tikkritika analiżi li saret mill-Kummissjoni fl-istadju tal-eżami tar-relazzjoni tagħha ta’ kompetizzjoni ma’ Aer Lingus (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-differenza fil-livell tal-operat bejn l-ajruplan ibbażat f’Cork u l-ajruplani bbażati f’Dublin ma hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat il-vantaġġ mogħti mill-utent tal-bażi ta’ Dublin fiha nnfisha. Issa, huwa dan il-vantaġġ li tressaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 552 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

271    Fir-rigward tal-każijiet ta’ dħul fis-suq permezz ta’ ajruport tal-oriġini li jinstab fit-tarf l-ieħor tar-rotta jew permezz ta’ rotta li ma għandhiex bażi (ara punti 258 u 259 iktar ’il fuq), l-argumenti tar-rikorrenti jikkonsistu biss f’li tirreferi għall-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr madankollu ma ġew ikkontestati. Dawn l-argumenti huma essenzjalment teoriċi u ma jagħtux risposti għall-elementi konkreti invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jikkunsidraw li kumpanniji potenzjali ġodda għas-suq li għandhom bażi fit-tarf l-ieħor ta’ rotta huma żvantaġġati (punt 7.8.3.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u li d-dħul ta’ kumpannija bbażata fuq servizz minn punt sa punt għal rotta mingħajr bażi hija improbabbli (punt 7.8.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

272    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kritika tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul irrappreżentati mill-vantaġġi marbuta mal-operat ta’ bażi minn fejn topera fl-Irlanda għandhom jiġu miċħuda.

5.     Fuq l-ispejjeż u r-riskji marbuta ma’ dħul fis-suq

a)     L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti tiċħad li d-ditta tagħha u t-tekniċi tagħha għat-tpoġġija fis-suq, kif ukoll dawk ta’ Aer Lingus, jistgħu jammontaw għal vantaġġ kompetittiv. It-tkabbir mgħaġġel ta’ Ryanair f’dawn l-aħħar snin huwa suffiċjenti sabiex juri li ma huwiex neċessarju li kumpannija tkun ditta magħrufa sabiex tidħol f’suq ġdid. Bl-istess mod, id-dħul b’suċċess ta’ easyJet fir-rotot interni Franċiżi juri li t-trasportaturi lokali ma għandhom l-ebda vantaġġ minħabba dan il-fatt. Siti ta’ tfittxija (search engines) u s-siti li jikkomparaw il-prezzijiet fuq l-Internet jiffaċilitaw ix-xogħol ta’ operaturi ġodda fis-suq u, fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż marbuta mat-tpoġġija fis-suq ikunu baxxi ħafna meta kkomparati ma’ rotot jew mal-passiġġieri ttrasportati.

274    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew huwa eżempju tipiku fejn l-ostakoli għad-dħul huma baxxi minħabba l-fatt ta’ ammont baxx ta’ spejjeż potenzjalment mhux rikuperabbli. L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ma jkunx għoli ħafna minħabba ħafna possibbiltajiet ta’ self-kera u ta’ tipi oħra ta’ finanzjament disponibbli fl-industrija. F’dan ir-rigward, l-“ispejjeż tal-opportunità” li jirrigwardaw l-ajruplani u investimenti addizzjonali f’ajruplani ġodda, li l-Kummissjoni ssemmi fil-premessa 621 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jkunux spejjeż potenzjalment mhux rekuperabbli. Fil-fatt, l-ajruplani kkonċernati jistgħu faċilment jinbiegħu jew jinkrew fis-swieq sekondarji. Hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ spejjeż mhux rekuperabbli suffiċjentement għolja sabiex jammontaw għal ostakolu għad-dħul.

275    Il-Kummissjoni sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

276    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispejjeż u r-riskji tad-dħul kienu sinjifikattivi “f’suq fejn diġà joperaw żewġ kumpanniji tal-ajru b’saħħithom b’ditti stabbiliti sew” (punti 7.8.4 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn iż-żewġ kumpanniji jirrapreżentaw flimkien 68 % mit-traffiku totali tal-passiġġieri u 80 % tat-traffiku tal-passiġġieri tas-servizzi prinċipali ta’ distanza qasira intraewropej bi tluq u b’destinazzjoni tal-Irlanda.

277    Sabiex tiċħad l-osservazzjonijiet ta’ Ryanair fuq dan il-punt, il-Kummissjoni sostniet li r-reputazzjoni kienet tista’ tammonta għal ostakolu għad-dħul hekk kif jirriżulta mil-linji gwida [punt 71(ċ) tal-linji gwida] u mill-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Issa, kemm Aer Lingus kif ukoll Ryanair għandhom “reputazzjoni” fl-Irlanda, li tammonta għal vantaġġ sinjifikattiv minħabba l-esperjenza akkwiżita fis-suq Irlandiż, tar-reputazzjoni marbuta ma’ dan l-istatut u mill-fatt li dħul jeħtieġ spejjeż għolja għal tpoġġija fis-suq (premessi 588 sa 591 u punti 7.8.4.1 sa 7.8.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

278    Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġi marbuta mad-ditta u mal-ispejjeż ta’ tpoġġija fis-suq, l-argumenti tar-rikorrenti jsostnu kemm is-sitwazzjoni partikolari ta’ din tal-aħħar, li r-reputazzjoni tagħha hija ġustament enfasizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jew is-sitwazzjoni prevalenti f’suq ieħor mhux tal-Irlanda. Issa, ma huwiex probabbli li kumpannija oħra tal-ajru tista’ jkollha l-istess riżultati bħal Ryanair mingħajr investimenti sinjifikattivi. Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-paragun li sar mas-sitwazzjoni ta’ easyJet fi Franza, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li din il-kumpannija tal-ajru ma nrexxilhiex tistabbilixxi ruħha fl-Irlanda (premessi 635 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-argumenti b’hekk ma jippermettux li tiġi kkontestata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li kumpannija ġdida fis-suq għandha tassorbi spejjeż akbar għal tpoġġija fis-suq sabiex tkun tista’ tikkompeti mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li għandha żewġ ditti ta’ reputazzjoni kbira fl-Irlanda.

279    Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li d-dħul fis-suq fih riskju ta’ spejjeż mhux rekuperabbli għall-kompetituri (punt 7.8.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata), l-argumenti tar-rikorrenti huma ġenerali wisq sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tagħhom. B’mod partikolari, f’dan il-każ partikolari ma hijiex ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li turi b’mod ġenerali l-eżistenza ta’ spejjeż mhux rekuperabbli suffiċjentement għolja sabiex jammontaw għal ostakolu għad-dħul. Il-Kummissjoni kienet biss meħtieġa li tispjega għal liema raġunijiet ċerti spejjeż mhux rekuperabbli jammontaw għal ostakoli għad-dħul li jistgħu jiskoraġixxu lill-kumpannija li tista’ tikkunsidra li tidħol fis-suq li tidħol f’kompetizzjoni mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. L-ikkaratterizzar ta’ effett skoraġġanti bħal dan jista’ jiġi perfettament ikkunsidrat fil-kuntest tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul.

280    Fuq dan il-punt, id-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni provi suffiċjenti sabiex issostni l-affermazzjonijiet li saru. B’hekk, il-Kummissjoni ġustament esponiet fid-deċiżjoni kkontestata li dħul fl-Irlanda jeħtieġ spejjeż kunsiderevoli sabiex tiġi stabbilita ditta li tista’ tikkompeti ma’ Ryanair u Aer Lingus u li jkollha aċċess għall-klijenti ġodda. Dawn l-ispejjeż jirrapreżentaw l-ispejjeż prinċipali li huma marbuta mal-ftuħ ta’ rotta, hekk kif ġie indikat fl-intervista ċċitata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (nota ta’ qiegħ il-paġna 610 tad-deċiżjoni kkontestata). Spejjeż oħra mhux rekuperabbli huma neċessarjament marbuta mal-investimenti supplimentari marbuta max-xiri, mal-kiri jew mal-użu ta’ ajruplan ta’ rotta partikolari għal rotta oħra, kif ukoll għall-installazzjoni u l-użu ta’ dak l-ajruplan u tas-servizzi assoċjati (premessa 621 tad-deċiżjoni kkontestata).

281    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kritika tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul rappreżentati mill-ispejjeż u r-riskji marbuta mad-dħul fis-suq għandhom jiġu miċħuda.

6.     Fuq ir-reputazzjoni ta’ Ryanair bħala ostakolu għad-dħul

a)     L-argumenti tal-partijiet

282    Ir-rikorrenti ssostni li l-politika agressiva tagħha bbażata fuq prezzijiet baxxi grazzi għal spejjeż ridotti ma tammontax għal ostakolu għad-dħul, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessi 624 sa 660 tad-deċiżjoni kkontestata. L-imġiba ta’ Ryanair hija dik ta’ operatur li jevolvu b’mod normali f’suq liberalizzat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ dannu reali kkawżat lill-konsumaturi li juru li Ryanair tapplika prezzijiet ogħla fil-livell kompetittiv la darba li l-kompetitriċi telqet mis-suq. Il-konsumaturi jkunu fir-realtà moqdija aħjar wara l-ħruġ tal-kompetitriċi milli qabel ma tkun daħlet. Fl-aħħar nett, ħafna kumpanniji tal-ajru rnexxilhom jibbażaw l-ajruplani tagħhom f’ajruporti fejn Ryanair għandha diġà bażi kbira, bħall-ajruport ta’ Charleroi.

283    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

284    Il-Kummissjoni esponiet fil-premessi 624 sa 660 tad-deċiżjoni kkontestata kif ir-riskju ta’ “ritaljazzjoni aggressiva” minn naħa tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien kienet għolja fil-każ fejn kompetitriċi potenzjali tipprova tidħol f’waħda mir-rotot affettwati mill-konċentrazzjoni (punt 7.8.5 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konklużjoni hija bbażata fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li Ryanair hija magħrufa li tikkompeti b’mod agressiv f’każ ta’ dħul ġdid fis-suq Irlandiż, b’mod partikolari billi tbaxxi temporanjament il-prezzijiet u billi żżid il-kapaċità sabiex iġġiegħel lill-kompetitriċi l-ġdida tirrinunzja għar-rotot bi tluq jew b’destinazzjoni tal-Irlanda (premessa 625 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 615 tad-deċiżjoni kkontestata).

285    Bħala risposta għall-argument ta’ Ryanair espost fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li skont dan ir-riskju ta’ “ritaljazzjoni aggressiva” min-naħa ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien ma tkunx reali għall-kompetituri potenzjali peress li Ryanair timponi fi kwalunkwe każ l-istess prezzijiet baxxi, jekk il-kompetitriċi tkunx attiva jew le fl-istess rotta, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li jirriżulta mill-investigazzjoni li Ryanair tikkunsidra l-politika tat-tariffi tal-kompetituri tagħha sabiex konsegwentement taġixxi (premessi 627 sa 634 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni esponiet fuq dan il-punt numru ta’ eżempji dettaljati li jirrigwardaw it-tentattiv ta’ dħul ta’ easyJet (punt 7.8.5.1 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tentattiv ta’ dħul ta’ MyTravelLite (punt 7.8.5.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-tentattiv ta’ dħul ta’ Go Fly (punt 7.8.5.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

286    Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar din l-analiżi kull ma jagħmlu huwa li jirrepetu l-argumenti preċedentement żviluppati fil-proċedura amministrattiva u kkonfutata fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-provi li jsostnu l-konklużjoni li Ryanair tnaqqas il-prezzijiet u żżid in-numru tat-titjiriet tagħha b’mod sistematiku meta kompetituri jidħlu fis-suq Irlandiż. Hekk kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata (punt 7.8.5.4 tad-deċiżjoni kkontestata), dan ir-riskju ta’ reazzjoni aggressiva jkun ikbar wara l-konċentrazzjoni, peress li Ryanair-Aer Lingus flimkien ikunu l-operatur dominanti fi kważi r-rotot kollha bi tluq u b’destinazzjoni tal-Irlanda. Billi tibni reputazzjoni li tiskoraġixxi kull dħul ta’ kompetituri, Ryanair fil-fatt tikkrea ostakolu għad-dħul ta’ kompetituri ġodda.

287    Id-dibattitu ma jittrattax f’dan ir-rigward il-politika tal-prezzijiet applikati minn Ryanair, iżda fuq il-klassifikazzjoni tar-reputazzjoni aggressiva ta’ Ryanair bħala ostakolu għad-dħul u, minn din il-perspettiva, il-motivi li huma esposti fid-deċiżjoni kkontestata huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit kif l-imġiba fil-passat ta’ Ryanair tista’ tiskoraġixxi lil kompetituri potenzjali milli jidħlu fis-suq fejn hija tkun preżenti.

288    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti dwar l-analiżi tal-effett tar-reputazzjoni ta’ Ryanair fuq id-dħul ta’ kompetituri potenzjali.

7.     Fuq id-dħul f’waqtu

a)     L-argumenti tal-partijiet

289    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 308 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li “l-ftuħ ta’ rotta ġdida bi tluq minn ajruport ġdid jista’ jdum bejn tlieta u tnax-il xahar” u “[l]i huwa meħtieġ sa tnax-il xahar sabiex tagħmel il-qligħ”. Issa, minflok tikkunsidra dan id-dħul bħala intervent f’waqtu b’mod konformi mal-perijodu ta’ sentejn stabbilit fil-linji gwida, il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li minħabba dan il-fatt jeżistu ostakoli kbar għad-dħul.

290    Il-Kummissjoni ssostni li l-mument preċiż li fih id-dħul għandu jseħħ jiddependi mill-karatteristiċi u mid-dinamika tas-suq, kif ukoll mill-kapaċitajiet partikolari tal-kumpanniji li potenzjalment jitħajru jidħlu fis-suq.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

291    Il-punt 74 tal-linji gwida, intitolat “Ħin [Dħul] f’waqtu”, li tirreferi għalih ir-rikorrenti, jindika s-segwenti:

“Il-Kummissjoni teżamina jekk id-dħul huwa biżżejjed veloċi u sostenut biex jiskoraġġixxi jew jegħleb l-eżeċizzju tal-qawwa fis-suq. Il-perijodu ta’ żmien li huwa kkostitwit b’mod xieraq jiddependi fuq il-karatteristiċi u d-dinamiċi tas-suq, kif ukoll fuq il-kapaċijiet speċifiċi ta’ dawk li għandhom il-potenzal li jidħlu. Madankollu, d-dħul huwa normalment meqjus biż-żmien biss jekk iseħħ fi żmien sentejn.”

292    Billi tillimita li tirreferi għall-punt 308 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma tirreferi għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li ż-żmien neċessarju sabiex tippermetti dħul minn ajruport ġdid u li tkun vijabbli ma ġietx ikkunsidrata korrettement mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

293    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul fis-suq tiddependi mill-karatteristiċi tiegħu kif ukoll mill-kapaċitajiet tal-kumpanniji li potenzjalment jikkunsidraw jidħlu fis-suq.

294    Għal dak li jirrigwarda d-dħul f’waqtu, il-Kummissjoni invokat terminu li skont il-linji gwida normalment ma għandux jaqbeż sentejn u li skont id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa ta’ bejn tlieta u tnax-il xahar. Ryanair tindika, fir-rigward tagħha, li kull ma għandha bżonn huwa ftit ġimgħat sabiex tiftaħ rotta. Fir-realtà, dan it-terminu jiddependi mis-sitwazzjoni eżaminata.

295    B’hekk, fil-linji gwida, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fi kwalunkwe każ, li tforni qafas tal-analiżi li jista’ jiġi applikat, żviluppat u irfinat minnha fil-każijiet li tintalab teżamina (punt 6 tal-linji gwida). Fil-każ preżenti, it-terminu indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirreferi għal sitwazzjoni ta’ dħul li jseħħ minn ajruport ġdid filwaqt li t-terminu msemmi minn Ryanair jikkorrispondi mar-reputazzjoni ta’ din l-impriża. Dawn it-termini huma la kontradittorji u lanqas ma juru evalwazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

296    Fil-fatt, fil-kuntest tal-analiżi tal-ostakoli għad-dħul li saret fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment għamlet enfasi fuq il-probabbiltajiet ta’ dħul serji fir-rotot affettwati u fuq il-kwistjoni jekk dħul bħal dawn għandhomx importanza suffiċjenti sabiex jiskoraġixxu jew jevitaw l-effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni. Din l-analiżi saret b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq tal-parteċipanti tiegħu. Ir-rikorrenti ma tispjegax kif hija tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ dħul f’waqtu, u lanqas kif tista’ tinbidel.

297    Konsegwentement, l-argument dwar id-dħul f’waqtu għandu jiġi miċħud.

8.     Fuq l-eżistenza ta’ rotot iktar ta’ qligħ barra mill-Irlanda

a)     L-argumenti tal-partijiet

298    Ir-rikorrenti ssostni li huwa redittizju għall-inqas bl-istess mod li jiġu operati rotot minn Dublin “bħal mill-Ewropa tal-Lvant jew mill-Iskandinavja”, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 661 sa 669 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ispejjeż għal tpoġġija fis-suq ma jkunux ogħla fl-Irlanda milli f’postijiet oħra. Bejn wieħed u ieħor 90 kumpanniji tal-ajru, li ħafna minnhom huma kumpanniji li daħlu reċentement fis-suq, attwalment jużaw l-ajruport ta’ Dublin. Ma jkunx meħtieġ li l-Irlanda jkollha ajruporti sekondarji, peress li dawk ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon ikunu faċilment aċċessibbli għall-operaturi li joffru servizzi minimi. Numru ta’ kumpanniji tal-ajru (British Airways, CityJet, Lufthansa, bmi, easyJet, TAP Portugal u SkyEurope Airlines) jiddikjaraw ruħhom disposti li jidħlu fis-suq rappreżentat mill-ajruport ta’ Dublin, iżda din l-informazzjoni tħalliet barra jew ġiet injorata mill-Kummissjoni. Id-dinamiżmu tal-ekonomija Irlandiza tiffaċilita dħul bħal dan.

299    Il-Kummissjoni ssostni li ppreżentat, fil-premessi 663 sa 668 tad-deċiżjoni kkontestata, evidenza empirika li l-kompetituri ma kkunsidrawx is-suq Irlandiż bħala attrajenti għal dħul u li huma b’hekk ma setgħux jistabbilixxu ruħhom fih.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

300    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li jirriżulta mill-investigazzjoni tagħha li ħafna kompetituri jikkunsidraw li s-suq Irlandiż ma huwiex partikolarment attrajenti u li ħafna kompetituri potenzjali kienu indikaw li huma jippreferu jiftħu rotot ġodda lejn destinazzjonijiet oħra barra mill-Irlanda (premessa 663 tad-deċiżjoni kkontestata).

301    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet numru ta’ raġunijiet sabiex tispjega dan ir-riżultat:

–        id-dħul fis-suq jimplika spejjeż għat-tpoġġija fis-suq ħafna ogħla mid-dħul fi swieq oħra, fejn ma hemm l-ebda trasportatur bi prezz baxx b’saħħtu li għandu bażi stabbilita (premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-suq Irlandiż ikun ikkunsidrat bħala suq relattivament żgħir, li jirrapreżenta biss erba’ miljun abitant, jiġifieri inqas minn nofs il-popolazzjoni taż-“żona ta’ Greater London” (premessa 665 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        b’mod ġenerali, is-“suq Irlandiż żgħir” ma jkunx kkunsidrat bħala suq l-iktar redittizju jew is-suq fejn it-tkabbir ikun iktar mgħaġġel meta pparagunat ma’ dak tal-“Ewropa tal-Lvant” jew tal-“Iskandinavja” (premessa 666 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-sitwazzjoni ġeografika tal-Irlanda tiskoraġġixxi pjuttost milli tinkoraġixxi kumpanniji milli jidħlu fis-suq (premessa 667 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-inċentivi ta’ trasportatur fuq netwerk li jopera rotta bejn Dublin u ċentru operattiv (hub) tagħha jkunu differenti minn dawk ta’ trasportatur minn punt sa punt, li jnaqqas ir-restrizzjoni kompetittiva tagħhom; trasportaturi fuq netwerk normalment jużaw in-netwerk tagħhom sabiex jittrasportaw passiġġieri fi tranżitu lejn il-hub tagħhom, minn fejn jitilqu lejn id-destinazzjoni finali tagħhom, filwaqt li trasportatur minn punt sa punt jikkonċentra prinċipalment sabiex jimmassimizza l-użu ta’ ajruplan f’rotot minn punt sa punt (premessa 668 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għall-kumpanniji li jipprovdu servizzi minimi, l-Irlanda tippreżenta l-inkonvenjent li ma għandhiex ajruporti sekondarji fiż-żona ta’ Dublin (premessa 669 tad-deċiżjoni kkontestata).

302    Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkritikaw din l-analiżi ma humiex ta’ natura li jiġu kkontestati. B’hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li jkun inqas reditizzju li jiġu operati rotot minn Dublin “milli mill-Ewropa tal-Lvant jew mill-Iskandinavja”, ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġu kkontestati l-provi mressqa mill-kompetituri potenzjali fuq kwistjoni ta’ dħul f’Dublin (ara, pereżempju, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 666, 668 u 669 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni dwar l-ispejjeż għat-tpoġġija fis-suq ma tikkunsidrax is-sitwazzjoni partikolari tar-Ryanair fis-suq Irlandiż, li diġà ġiet eżaminata (ara punti 277 u 278 iktar ’il fuq). L-eżempji ta’ dħul reċenti invokati minn Ryanair ġew analizzati u kkonfutati b’mod suffiċjenti skont il-liġi mill-Kummissjoni fil-premessa 633 tad-deċiżjoni kkontestata (ara punt 244 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, jekk id-dinamiżmu tal-ekonomija Irlandiża hija kkunsidrata mill-operaturi, huwa element li, fih innifsu, jista’ jevolvi skont is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.

303    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw il-qligħ akbar għal ċerti kompetituri tar-rotot operati “mill-Ewropa tal-Lvant jew mill-Iskandinavja” b’paragun ma’ dawk tar-rotot operati minn Dublin għadhom jiġu miċħuda.

9.     Fuq il-konġestjoni tal-ajruporti

a)     L-argumenti tal-partijiet

304    Ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-konġestjoni allegata tal-ajruport ta’ Dublin jammonta għal ostakolu għad-dħul. Fil-prattika, id-disponibbiltà tas-slottijiet fl-iskeda tkun inqas biss matul siegħa filgħodu, għall-ajruplani bi tluq, u li matul perijodu wieħed jew tnejn qosra li jistgħu jkunu ta’ nofs siegħa wara nofs inhar fit-tard u filgħaxija, għall-ajruplani li jkun qed jaslu. Tkun ħaġa frekwenti li l-ajruporti jkollhom perijodi bħal dawn ta’ attività kbira u jkollhom possibbiltajiet sostanzjali ta’ tkabbir. Sabiex il-kumpanniji tal-ajru kompetituri jkunu jistgħu jagħmlu tlieta jew erba’ vjaġġi kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet, huwa suffiċjenti li huma jagħmlu titjiriet b’destinazzjoni ta’ Dublin bi tluq mill-bażijiet li jinsabu fit-tarf l-ieħor tar-rotta, billi jiġu evitati l-perijodi fejn ikun hemm konġestjoni fir-runways tal-ajruport ta’ Dublin. Barra minn hekk, iż-żieda kunsiderevoli ta’ numru ta’ passiġġieri f’Dublin seħħet minkejja l-kapaċità tal-ajruport, li d-Dublin Airport Authority setgħet madankollu tikkunsidra bħala limitata. Il-kapaċità tal-ajruport għandha tikber minħabba l-programm ta’ żvilupp fuq skala kbira tiegħu li qed iseħħ fil-preżent u għad hemm kapaċità fir-rotot, anki fl-immedjat. Fi kwalunkwe każ, jekk il-konġestjoni tas-slottijiet fl-iskeda kienet ta’ problema, din setgħet faċilment tiġi solvuta mill-impenji tas-slottijiet, skont il-prassi passata tal-Kummissjoni fis-settur.

305    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

306    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-konġestjoni tal-ajruporti tammonta għal “ostakolu ieħor kbir għad-dħul fis-suq”, kemm fir-rigward tan-neċessità li jinkiseb spazju suffiċjenti fit-terminal jew spazju fir-runway fejn l-użu huwa suġġett għall-allokar ta’ slottijiet fejn id-disponibbiltà hija limitata (punt 7.8.7 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessi 670 u 671).

307    Il-Kummissjoni analizzat ukoll il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajruport ta’ Dublin (punt 7.8.7.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sostniet li l-investigazzjoni wriet li n-numerużi kumpanniji li potenzjalment setgħu jikkunsidraw li jidħlu fis-suq kienu skoraġġuti mill-konġestjoni tar-runways fis-sigħat meta jkun hemm l-iktar domanda u l-insuffiċjenza taż-żoni ta’ parkeġġ. Dawn il-problemi probabbilment ma jisparixxux fil-futur qrib, peress li l-kostruzzjoni ta’ runway ġdida ma hijiex prevista li ssir qabel l-2011 jew 2012, li ma jippermettix id-dħul mgħaġġel tal-kompetituri potenzjali. Is-sitwazzjoni f’ajruporti oħra barra minn dak ta’ Dublin ġiet imbagħad eżaminata (punt 7.8.7.2 tad-deċiżjoni kkontestata) u ġiet iddettaljata rotta b’rotta (punt 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata).

308    Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni sostniet li l-konġestjoni tal-ajruporti għandha rwol skoraġġanti għal kumpanniji li potenzjalment jikkunsidraw jidħlu fis-suq, kemm għal dak li jirrigwarda l-parti tal-klijenti li jagħtu importanza għall-fattur tal-ħin jew il-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol (bejn 20 u 30 % tal-klijenti skont il-Kummissjoni) kif ukoll il-passiġġieri li jivvjaġġaw fil-ħin ħieles tagħhom (punt 7.8.7.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

309    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkritika din l-analiżi ġew irrifjutati b’mod suffiċjenti skont il-liġi fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni b’hekk spjegat, fid-deċiżjoni kkontestata, kif il-konġestjoni tar-runways tal-ajruport ta’ Dublin fis-sigħat meta jkun hemm l-iktar domanda kif ukoll id-diffikultajiet marbuta mal-insuffiċjenza taż-żoni ta’ parkeġġ kienu ta’ problema għal kumpanniji li potenzjalment jikkunsidraw li jidħlu fis-suq li jixtiequ joperaw ir-rotot bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ dan l-ajruport, anki jekk kellhom bażi fit-tarf l-ieħor tar-rotta. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll li ż-żieda fil-kapaċità tal-ajruport ta’ Dublin ma sseħħx fl-immedjat kif issostni r-Ryanair. Il-kwistjoni tar-rilevanza tal-impenji dwar is-slottijiet fl-iskeda tkun, fiha nnfisha, eżaminata fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv, li jitratta dan l-aspett tal-analiżi.

310    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti dwar il-konġestjoni tal-ajruporti għandhom jiġu miċħuda.

10.  Fuq il-pożizzjoni tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien fl-ajruport ta’ Dublin

a)     L-argumenti tal-partijiet

311    Ir-rikorrenti ssostni li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma jkollhiex setgħa akbar li tinnegozja fil-kuntest tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-taxxi tal-ajruport, l-allokar ta’ tagħmir fl-ajruporti jew il-proġetti ta’ espansjoni (premessi 701 sa 708 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Commission for Aviation Regulation, entità totalment indipendenti kemm minn Ryanair kif ukoll minn Aer Lingus, tiddeċiedi dwar il-livell tat-taxxi li d-Dublin Airport Authority tista’ timponi fl-ajruport ta’ Dublin għall-faċilitajiet neċessarji għall-utenti kollha. Barra minn hekk, peress li Ryanair kellha numru ta’ diverġenzi mad-Dublin Airport Authority, ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jaħseb li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha iktar possibbiltajiet li tinfluwenza l-proġetti ta’ espansjoni. Ir-rikorrenti tirrimarka wkoll dwar l-inkonsistenzi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li, minn naħa, hija tallega li l-fatt li għandha bażi kbira f’Dublin huwa essenzjali sabiex tinkiseb żieda fl-effiċjenza operattiva u, min-naħa l-oħra, hija ssostni li t-theddida tagħha li tneħħi numru ta’ titjiriet, u b’hekk tirrinunċja għall-allegati vantaġġi, hija kredibbli.

312    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti, peress li ma jikkunsidrawx is-sitwazzjoni f’każ ta’ twettiq tal-konċentrazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

313    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-pożizzjoni li jkollha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fl-ajruport ta’ Dublin, sa fejn din tal-aħħar tirriżulta mill-għaqda taż-żewġ kumpanniji tal-ajru li huma bil-bosta l-akbar utenti ta’ dan l-ajruport (punt 7.8.8 tad-deċiżjoni kkontestata).

314    Hekk kif jirriżulta mill-punt 36 tal-linji gwida, din is-setgħa fis-suq ġiet eżaminata mill-Kummissjoni sabiex tevalwa jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax tużaha sabiex ixxekkel id-dħul jew l-iżvilupp tal-kompetituri (premessa 701 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan l-eżami, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-preokkupazzjoni tal-kompetituri ta’ Ryanair li jaraw l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tuża l-maġġoranza tagħha fi ħdan id-Dublin Airport Coordination Committee (kumitat ta’ koordinazzjoni tal-ajruport ta’ Dublin, li fi ħdanu r-Ryanair-Aer Lingus flimkien għandhom il-maġġoranza tal-voti billi joperaw iktar minn 56 % tal-“movimenti tat-trasport bl-ajru”) u l-pożizzjoni ta’ saħħa tagħha unika fl-ajruport ta’ Dublin sabiex tinfluwenza r-regolatur b’mod li dan jorganizza l-ajruport skont l-eżiġenzi ta’ Ryanair mhix infondata. Il-Kummissjoni kkonkludiet l-analiżi tagħha fejn sostniet li l-konċentrazzjoni tippermetti lill-entità ġdida li “jkollha sehem iktar qawwi” fil-proċess konsultattiv li jirrigwarda t-taxxi tal-ajruport, l-allokar ta’ faċilitajiet fl-ajruport jew il-proġetti ta’ espansjoni, li jista’ jagħmel id-dħul jew l-espansjoni tal-kompetituri tagħha iktar diffiċli (premessi 706 sa 708 tad-deċiżjoni kkontestata).

315    L-argumenti żviluppati mir-rikorrenti sabiex tikkontesta din l-analiżi ma humiex suffiċjenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza tagħha. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha setgħa fis-suq ikbar li tippermettilha tinfluwenza d-deċiżjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tmexxija tal-ajruport ta’ Dublin. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pprovdiet xi eżempji fid-deċiżjoni rigward il-possibbiltà għall-entità ġdida li tikseb taxxi preferenzjali tal-ajruport (premessa 702 tad-deċiżjoni kkontestata).

316    Konsegwentement, l-argument dwar il-pożizzjoni ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien fl-ajruport ta’ Dublin għandha tiġi miċħuda.

317    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

318    L-effett ta’ din ir-risposta fuq l-evalwazzjoni tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni madankollu jeħtieġ li jkunu eżaminati t-tielet u r-raba’ motiv, li jitrattaw din il-kwistjoni.

C –  Fuq it-tielet motiv, dwar l-analiżi kompetittiva rotta b’rotta

1.     Fuq l-ammissibbiltà

a)     L-argumenti tal-partijiet

319    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus, issostni li l-argumenti ppreżentati fil-kuntest tat-tielet motiv huma inammissibbli. Fl-istadju tar-rikors, ir-referenza għall-argumenti żviluppati fl-ewwel żewġ motivi kif ukoll għar-rapport mehmuż mal-anness ma tkunx suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-argumenti mressqa fir-replika jkunu ħafna iktar żviluppati minn dawk spjegati fir-rikors u t-tieni rapport ta’ York Aviation tkun ġiet ippreżentata fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkontesta s-saħħa probatorja tar-rapporti ta’ York Aviation, li toffri preżentazzjoni “fallaċi” tal-użu tagħha tal-provi. Ċertu numru ta’ kategoriji ta’ provi użati fit-tabelli ta’ York Aviation ikunu iktar utli għad-definizzjoni tas-suq milli għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni.

320    Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi rotta b’rotta li saret fil-punt 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata hija vviżjata minn tliet żbalji prinċipali. Din l-analiżi tkun ibbażata fuq l-“iżbalji ġenerali” identifikati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi. Hija tibbaża ruħha wkoll fuq provi li ma humiex b’saħħithom u ma tikkunsidrax id-data mogħtija minn Ryanair fil-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni eskludiet ukoll b’mod żbaljat mill-analiżi tagħha lit-trasportaturi kollha nazzjonali tradizzjonali peress li huma ma humiex ta’ rilevanza sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni, b’mod li ħafna fosthom preżenti jkunu jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq xi wħud mill-35 rotta eżaminata. Ir-rikorrenti ppreżentat anness mar-rikors, l-ewwel rapport ta’ York Aviation iddatat Settembru 2007, li jinkludi sunt tad-data użata għal kull rotta kkonċernata kif ukoll kritiki li hija tagħmel fuq il-mod kif il-Kummissjoni użathom. Ma kienx ikun possibbli rifjut dettaljat tal-analiżi rotta b’rotta fir-rikors mingħajr ma jinqabeż in-numru massimu ta’ paġni li, bħala prinċipju, ma għandux jinqabeż f’rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentat anness mar-replika, tieni rapport ippreparat minn York Aviation sabiex tesponi f’iktar dettall l-argumenti tagħha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

321    Fir-rikors, it-tielet motiv huwa ppreżentat f’ħames punti, li fil-parti l-kbira jirreferu għall-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi u li jirreferu b’mod ġenerali għall-ewwel rapport ta’ York Aviation, iddatat Settembru 2007. Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tressaq dawn l-osservazzjonijiet billi ssostni li kien impossibbli għaliha tirrispondi għall-analiżi rotta b’rotta li saret mill-Kummissjoni hekk kif jirriżulta mill-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, li skont dawn, in-numru massimu ta’ paġni tar-rikors huwa stabbilit għal 50 u jista’ jinqabeż biss f’każ li jittrattaw punti ta’ fatt jew ta’ dritt partikolarment ikkumplikati (ara l-paragrafu 10 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet). Huwa biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti kkontestat b’mod dettaljat l-analiżi rotta b’rotta li saret mill-Kummissjoni fil-punt 7.9 tad-deċiżjoni kkontestata għal kull wieħed mill-35 suq kkonċernat. Ir-rikorrenti rreferiet fuq dan il-punt għat-tieni rapport ta’ York Aviation mingħajr ma tat l-inqas raġuni sabiex tispjega l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport f’dan l-istadju tal-proċedura.

322    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, anki jekk l-argumenti mressqa fuq dan il-punt huma dawk li diġà tressqu fil-kuntest tal-ewwel żewġ motivi jew li jirriżultaw minn l-ewwel rapport ta’ York Aviation (b’mod partikolari tad-data tal-imsemmi rapport li jidher taħt it-titolu E, intitolat “Analiżi tal-użu tad-data mill-Kummissjoni rotta b’rotta”), ir-rikors jinkludi sunt tat-tielet motiv, skont l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Dan l-argument sar referiment għalih u ġie żviluppat fir-replika fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru fuq dan il-punt mill-Kummissjoni fir-risposta.

323    Hekk kif ġie espost fil-punti 329 et seq iktar ’il quddiem, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom l-għan, essenzjalment, li jikkontestaw l-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq bħala s-suq tar-rotta minn punt sa punt [u mhux suq ta’ ajruport sa ajruport, bħal, pereżempju, dak li hemm fir-rotta Dublin-Londra (Stansted) jew fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow)], l-importanza li għandha tingħata lill-passiġġieri fi tranżitu (bħal, pereżempju, dawk li d-destinazzjoni reali tagħhom hija New York fir-rotta Dublin-New York, via Londra), il-kunsiderazzjoni tar-rwol li għandhom il-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol jew dawk li jagħtu importanza lill-fattur tal-ħin u l-eventwalità ta’ dħul ta’ kompetituri fis-suq rilevanti sabiex issir kompetizzjoni mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (b’effett li jista’ jkollha r-reputazzjoni tal-kumpanniji inkwistjoni fl-Irlanda, il-preżenza ta’ bażi fuq wieħed mill-punti ta’ din ir-rotta jew il-karatteristiċi tal-ajruporti inkwistjoni).

324    Dawn l-argumenti, imressqa b’mod sommarju fir-rikors u żviluppati fl-ewwel rapport ta’ York Aviation, datat Settembru 2007, kif ukoll fir-replika, jintegraw l-evalwazzjoni ġenerali invokata fir-rikors, fejn il-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kuntest tal-analiżi tagħha tar-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus u fil-kuntest tal-eżami tad-dħul eventwali fis-swieq differenti wara l-konċentrazzjoni.

325    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti mressqa fir-rikors għal dak li jirrigwarda t-tielet motiv jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura u li huma jistgħu jiġu żviluppati fir-replika hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-indikazzjonijiet mogħtija fl-ewwel rapport ta’ York Aviation ta’ Settembru 2007, ippreżentat anness mar-rikors.

326    Inċidentalment, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma neċessarji sabiex ir-rikorrenti jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-analiżi ta’ rotta partikolari tista’ waħidha tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni fir-rigward tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(3) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti li jkollu bħala effett li jxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva f’waħda minn dawn ir-rotot ikun suffiċjenti sabiex jagħmel il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni, suġġett għar-riżultat tal-analiżi taż-żieda fl-effiċjenza u tal-impenji effettwati fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ u l-ħames motivi.

327    Għal dak li jirrigwarda t-tieni rapport ta’ York Aviation, ippreżentat sabiex jintwera f’iktar dettall l-argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, dan ir-rapport ġie ppreżentat insostenn tal-argumenti żviluppati fir-replika u addizzjonali għar-rikors u tal-ewwel rapport ta’ York Aviation, mingħajr ma saret ebda referenza għar-raġuni għad-dewmien fil-preżentazzjoni ta’ rapport bħal dan, dwar il-kontenut tal-analiżi rotta b’rotta li saret fid-deċiżjoni kkontestata.

328    Konsegwentement, skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrax il-kontenut tat-tieni rapport ta’ York Aviation fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti tal-partijiet.

2.     Fuq il-mertu

a)     Fuq ir-rotta Dublin-Londra

 L-argumenti tal-partijiet

329    Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rottta Dublin-Londra, li għandha bejn wieħed u ieħor 30 % tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, għalkemm hemm bejn wieħed u ieħor 320 vjaġġ fiż-żewġ direzzjonijiet fil-ġimgħa, lill minnhom 100 huma operati minn bmi, British Airways u CityJet, il-Kummissjoni ma ppreżentatx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn il-kompetituri ma setgħux jeżerċitaw “restrizzjoni kompetittiva” fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

330    Għal dak li jirrigwarda bmi, li għandha minn 10 sa 20 % tas-suq, u skont id-deċiżjoni kkontestata, li hija l-kompetitriċi ewlenija tagħha u dik ta’ Aer Lingus fir-rotta Dublin-Londra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx l-importanza tal-fatt tal-kapaċità tagħha li tipprovdi tranżitu għall-passiġġieri tagħha permezz tal-hub tagħha ta’ Heathrow (premessa 795 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, bħal fil-każ tal-passiġġieri ta’ Aer Lingus, il-parti l-kbira minnhom ta’ bmi ma jkunux passiġġieri fi tranżitu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma spjegatx kif il-fatt li bmi toffri economy class u business class tfisser li hija ma tikkompetix ma’ Aer Lingus, li toffri klassi waħda biss. Skont ir-rikorrenti, differenza bħal din hija ta’ ftit importanza f’titjira tant qasira u l-ebda paragun ma sar mill-Kummissjoni tat-tariffi bejn l-economy class ta’ bmi u l-unika klassi ta’ Aer Lingus. Barra minn hekk, il-fatt li Aer Lingus topera d-doppju ta’ vjaġġi fiż-żewġ direzzjonijiet milli topera bmi u tittrasporta d-doppju ta’ passiġġieri mhux ta’ importanza, peress li bmi tkun f’pożizzjoni li tuża n-numru kbir ta’ slottijiet fl-iskeda li għandha fl-ajruport ta’ Heathrow sabiex tuża fir-rotta Dublin-Londra slottijiet użati sa dak iż-żmien għar-rotot inqas redittizji.

331    Għal dak li jirrigwarda British Airways, li topera 26 sa 27 vjaġġ fil-ġimgħa fiż-żewġ direzzjonijiet bi tluq minn Dublin fid-direzzjoni tal-ajruport ta’ Gatwick, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-kriterji li hija tinvoka u li huma l-istess bħal dawk li hija esponiet għal dak li jirrigwarda bmi kienu importanti f’għajnejn il-passiġġieri f’din ir-rotta. Barra minn hekk, billi tieħu l-pożizzjoni li British Airways tkun inqas kompetittiva minn Aer Lingus għaliex ma sservix l-istess ajruport ta’ Londra (ajruport ta’ Gatwick u mhux dak ta’ Heathrow), il-Kummissjoni tkun qed tikkontradixxi lilha nnfisha, peress li esprimiet l-opinjoni lis-swieq inkwistjoni kienu pari ta’ bliet.

332    Għal dak li jirrigwarda CityJet, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li din il-kumpannija tal-ajru tuża ajruplani iżgħar, minħabba d-daqs iżgħar tar-runways tal-ajruport ta’ London-City, li ma jistgħux jintużaw mill-ajruplani tagħha u minn dawk ta’ Aer Lingus, mhux rilevanti għall-analiżi tal-kompetizzjoni. Il-kwistjoni tkun pjuttost dwar jekk l-offerta ta’ CityJet hijiex suffiċjentement kompetittiva sabiex tammonta għal alternattiva f’din ir-rotta. Issa, sa fejn kemm CityJet kif ukoll Aer Lingus u Ryanair jittrasportaw numru kbir ta’ klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol, huwa ta’ ftit importanza li CityJet biss tittrasporta l-parti l-kbira tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol li jagħtu importanza għall-fattur tal-ħin. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 312 sa 331 u 800 tad-deċiżjoni kkontestata, li jeżisti suq uniku għall-passiġġieri tal-kumpanniji tal-ajru, mingħajr distinzjoni li għandha tingħata skont l-attenzjoni li l-passiġġieri jagħtu għall-fattur tal-ħin. Peress li CityJet, Ryanair u Aer Lingus jittrasportaw kemm passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol kif ukoll passiġġieri li jivvjaġġaw fil-ħin liberu tagħhom, CityJet teżerċita restrizzjoni kompetittiva fir-rigward ta’ dawn il-passiġġieri.

333    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

334    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Londra (premessi 791 sa 810 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija waslet għall-konklużjoni li “l-konċentrazzjoni proposta xxekkel b’mod konsidervoli l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’[din ir-rotta]” (premessa 810 tad-deċiżjoni kkontestata).

335    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll fuq dan il-punt għall-argumenti mressqa fil-proċedura amministrattiva li ġew miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti, li jibqgħu superfiċjali u frammentati, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi kkontestat ir-raġunament espost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tar-riżultati miksuba fil-proċedura amministrattiva.

336    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel element ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata kien l-importanza tas-sehem akkumulat tas-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, li għas-sajf tal-2006 kien ta’ 79 % jekk kienu kkunsidrati l-passiġġieri kollha jew ta’ 81 % jekk il-passiġġieri fi tranżitu jkunu esklużi. Is-sehem akkumulat tas-suq ibbażat fuq il-kapaċità tal-ajruplani u mhux fuq in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati kien ta’ 76 % għax-xitwa 2006-2007 u ta’ 79 % għas-sajf tal-2007 (premessi 792 sa 794 tad-deċiżjoni kkontestata). Hekk kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata (nota ta’ qiegħ il-paġna 802 tad-deċiżjoni kkontestata), sehem bħal dan tas-suq jammonta fih innfisu għall-prova ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 115; ara wkoll il-punt 17 tal-linji gwida).

337    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tressaqx argumenti partikolari fuq dan is-sehem tas-suq. L-argumenti preċedentement esposti f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ewwel motiv diġà ġew ikkonfutati (ara punti 39 et seq iktar ’il fuq). L-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet motiv għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Londra b’hekk jaqgħu neċessarjament f’kuntest kompetittiv fejn it-twettiq tal-konċentrazzjoni jippermetti lil Ryanair-Aer Lingus flimkien ikollhom sehem mis-suq estremament kbir, ta’ bejn wieħed u ieħor 80 %. Issa, hekk kif issostni r-rikorrenti, dan is-suq huwa partikolarment sinjifikattiv, peress li waħdu jirrapreżenta 30 % tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bejn l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni (ara punt 330 iktar ’il fuq).

338    It-tieni element ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal rwol marġinali li jista’ jkollhom it-tliet kompetituri preżenti f’din ir-rotta. L-ebda waħda minn dawn il-kompetituri ma tkun tista’ tikkumpensa l-effetti antikompetittivi marbuta mal-għejbien ta’ Aer Lingus, l-eqreb kompetitriċi ta’ Ryanair għat-titjiriet fir-rotta Dublin-Londra.

339    Fir-rigward ta’ bmi, li skont id-data kkunsidrata għandha minn 12 sa 16 % tas-suq, il-Kummissjoni sostniet li jeżistu numru ta’ differenzi bejn din it-trasportatriċi u Aer Lingus. bmi hija trasportatriċi fuq netwerk, li topera mill-ajruport ta’ Londra-Heathrow, anki jekk il-parti l-kbira tal-passiġġieri tagħha ma humiex fi tranżitu fir-rotta Dublin-Londra (id-destinazzjoni finali tagħhom tkun Londra u mhux destinazzjoni oħra), u toffri servizz abbord komplut, b’economy class u business class, b’mod li Aer Lingus hija trasportatriċi minn punt sa punt li toffri servizz minimu abbord b’klassi waħda (premessa 795 tad-deċiżjoni kkontestata). Ċertament, il-Kummissjoni sostniet li Aer Lingus tittrasporta wkoll passiġġieri fi tranżitu b’mod konformi mal-ftehim tagħha ta’ code sharing mal-British Airways kif ukoll tal-passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol jew ta’ passiġġieri li jagħtu importanza għall-fattur tal-ħin (premessi 795 u 799 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda l-istrutturi tal-ispejjeż ta’ dawn l-impriżi huma differenti, dawk ta’ Aer Lingus ikunu iktar qrib dawk ta’ Ryanair milli dawk ta’ bmi.

340    Il-Kummissjoni sostniet ukoll li Aer Lingus ittrasportat id-doppju tal-passiġġieri minn bmi u li hija kienet operat kważi d-doppju ta’ vjaġġi fil-ġimgħa fiż-żewġ direzzjonijiet (premessa 795 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, hekk kif esponiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul, l-estensjoni tal-attivitajiet ta’ bmi fl-ajruport ta’ Dublin ma hijiex l-intenzjoni ta’ din l-impriża u b’hekk tagħti lok għal diffikultajiet kbar minħabba s-sitwazzjoni tal-ajruport ta’ Dublin jew tar-riskju ta’ ritaljazzjoni (premessi 760 u 764 tad-deċiżjoni kkontestata).

341    L-istess japplika għal dak li jirrigwarda ż-żewġ kompetituri l-oħra preżenti fis-suq, jiġifieri British Airways u CityJet. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kumpanniji ma humiex f’kompetizzjoni tant mill-qrib mar-Ryanair bħalma hija l-Aer Lingus (premessa 802 tad-deċiżjoni kkontestata). British Airways hija trasportatriċi fuq netwerk li toffri servizzi kompluti u CityJet hija trasportatriċi li toffri titjiriet intiżi għall-klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol lejn ajruport li jinsab qrib il-qalba tal-belt ta’ Londra. Dawn il-karatteristiċi jbegħdu l-mudell ekonomiku u l-kapaċità kompetittiva ta’ dawn l-impriżi minn dik ta’ Ryanair-Aer Lingus flimkien. Barra minn hekk, kemm British Airways kif ukoll CityJet indikaw li t-tisħiħ tal-preżenza tagħhom fl-ajruport ta’ Dublin ma jiffurmawx parti mill-prijoritajiet tagħhom (premessa 748 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ British Airways, u premessa 718 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ CityJet).

342    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata li l-kompetituri attwalment preżenti fis-suq, li jistgħu jżidu l-kapaċitajiet tagħhom, bħall-kompetituri potenzjali, li jistgħu jidħlu f’dan is-suq, ma għandhomx “restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti” fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (premessi 804 sa 809 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li rwol marġinali tat-tliet kompetituri previsti fid-deċiżjoni kkontestata mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li kull ma hu, huwa li jirreferu għall-analiżi espost fid-deċiżjoni kkontestata qabel ma jikkonkludi li jkun żbaljat li jingħad li l-imsemmija kompetituri ma jkunux jistgħu jeżerċitaw “restrizzjoni kompetittiva” fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (ara punt 330 iktar ’il fuq). Madankollu, dan mhux dak li l-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni kkontestata. Hija indikat biss li l-kompetituri attwali u potenzjali ma jkunux jistgħu jeżerċitaw “restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti” fuq din l-entità.

343    Konsegwentement, peress li l-osservazzjonijiet tagħha jibqgħu superfiċjali u frammentati, ir-rikorrenti ma turix b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-analiżi tal-Kummissjoni ma hijiex fondata għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Londra. Fil-fatt, ir-rikorrenti essenzjalment tillimita ruħha li ssostni li l-Kummissjoni ma ppreżentatx provi li jippermettulha tikkunsidra li t-tliet kompetituri eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata u li jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 20 % tas-suq ma setgħux jeżerċitaw “limitazzjoni kompetittiva” fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikkontrolla bejn wieħed u ieħor 80 % tal-imsemmi suq, minkejja li l-imsemmija Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom dawn il-kompetituri ma setgħux jikkompetu b’mod effettiv ma’ din l-entità ġdida minħabba d-differenza fil-mudell ekonomiku, tal-ostakolu għad-dħul u għall-estensjoni tal-kapaċità, kif ukoll ta’ prijoritajiet oħra tagħhom għal żvilupp.

b)     Fuq ir-rotot Dublin-Birmingham, Dublin-Edinburgh, Dublin-Glasgow, Dublin-Manchester u Dublin-Newcastle

 L-argumenti tal-partijiet

344    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkunsidrat li Aer Lingus u hi ma għandhomx limitazzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi minn naħa tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra fir-rotot Dublin-Birmingham, Dublin-Edinburgh, Dublin-Glasgow, Dublin-Manchester u Dublin-Newcastle li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 3 miljun passiġġier fis-sena. Ir-raġunijiet imressqa fid-deċiżjoni kkontestata jkunu s-segwenti: il-mudell ekonomiku ma jkunx xieraq [bħal dak tal-BA Connect, tal-bmi, tal-Air Malta, ta’ Hapag Lloyd Express, tal-KLM, tal-Lufthansa, tal-Loganair, tal-Luxair u tas-CityJet (premessi 816, 817, 835, 841 u 852 tad-deċiżjoni kkontestata)], il-mudell ekonomiku jkun l-istess, iżda l-kumpannija tal-ajru għażlet li ttemm l-operat tagħha fir-rotta inkwistjoni [bħal MyTravelLite, Go Fly, Brymon Airways, li saret BA City Express imbagħad BA Connect, u Gill Airways (premessi 812, 816, 821, 830 u 840 sa 848 tad-deċiżjoni kkontestata)], il-kumpannija tal-ajru tkun “baqgħet affettwata b’mod ħażin minn konfrontazzjoni preċedenti mar-Ryanair – u mhux mill-Aer Lingus” [bħal easyJet u bmibaby (premessi 812, 816, 857, 862, 867, 878 u 880 tad-deċiżjoni kkontestata)], il-kumpannija topera prinċipalment titjiriet tal-business class u l-flotta tagħha ta’ ajruplani tkun limitata wisq [bħal CityJet u Luxair (premessi 825, 831, 832, 834, 835, 841, 852, 874, 880 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata)], l-ajruport ta’ Dublin ma jiffurmax parti mill-miri strateġiċi tal-kumpannija tal-ajru għalkemm għandha ajruplani bbażati fl-ajruporti rilevanti tar-Renju Unit [bħal BA Connect, Flybe, easyJet, Loganair, Globespan, Jet2 u Monarch (premessi 825, 834, 843, 852 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata)], il-kumpannija ma kkonfermatx li trid tidħol f’rotta partikolari [bħal BA Connect, Flybe, Loganair, Globespan, bmibaby, Monarch u Jet2 (premessi 825, 834, 843, 852 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata)] jew kienet indikat speċifikament lill-Kummissjoni li hija ma kinitx tixtieq tidħol f’rotta li fiha topera Ryanair [bħal Aer Aerann (premessa 826 tad-deċiżjoni kkontestata)], dħul fuq skala kbira jew żieda fin-numru ta’ titjiriet tkun meħtieġa, iżda ma jkunx possibbli hekk kif jirriżulta mil-konġestjoni tal-ajruporti [fir-rigward ta’ CityJet (premessi 815 sa 817, 824, 826, 833, 842, 851, 860 u 870 tad-deċiżjoni kkontestata)] u/jew jeħtieġu investimenti kunsiderevoli sabiex tiġi promossa d-ditta u jitpoġġew fis-suq it-tijiriet tagħha fl-Irlanda [fir-rigward ta’ BA Connect, ta’ Flybe, ta’ Globespan, ta’ easyJet u ta’ Monarch (premessi 816, 825, 843 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata)].

345    Ir-rikorrenti tikkritka lill-Kummissjoni li kienet “inkonsistenti” fl-analiżi tagħha ta’ dawn ir-rotot. Minn naħa, fejn il-kompetituri huma preżenti b’mod sinjifikattiv f’ajruport, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-preżenza tagħhom f’dan l-ajruport ma kinitx direttament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni fir-rotot li fihom topera Ryanair (premessa 825 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 864 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rrifjutat ukoll li tikkunsidra l-preżenza tal-kompetituri li joperaw bażijiet jew hubs f’dawn l-ajruporti fejn ikkunsidrat li dawn ma jkunux sinjifikattivi għall-analiżi rotta b’rotta peress li jirriżulta mill-investigazzjoni u mid-dikjarazzjonijiet tagħhom li huma invarjabbilment jonqoshom il-kapaċitajiet jew il-motivazzjoni sabiex jidħlu fir-rotta inkwisjoni (premessi 816, 825, 834, 843, 852, 862, 872 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, meta l-preżenza flimkien tar-Ryanair u ta’ Aer Lingus f’ajruport huwa sinjifikattiv – bħal f’Birmingham jew f’Edinburgh – il-Kummissjoni sostniet li s-sitwazzjoni kienet problematika fir-rigward tal-ostakoli għad-dħul bħan-nuqqas ta’ bażijiet għall-kompetituri, il-ħtieġa ta’ “investimenti kunsiderevoli f’dak li jirrigwarda r-reputazzjoni tat-trade mark u tal-marketing” meta t-trasportaturi ma joperawx minn ajruport u l-insuffiċjenza ta’ slottijiet fl-iskeda disponibbli fis-sigħat li fihom ikun hemm l-iktar xogħol jew l-aċċess limitat għall-infrastrutturi (postijiet ta’ parkeġġ tal-ajruplani f’kuntatt mat-terminal) (premessi 816, 817, 826, 843, 844 u 882 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

347    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni għal dak li jirrigwarda rotot differenti bi tluq minn Dublin u b’destinazzjoni tal-ibliet tar-Renju Unit barra minn Londra.

–       Fuq ir-rotta Dublin-Birmingham

348    Fir-rigward tar-rotta Dublin-Birmingham (premessi 811 sa 819 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollu r-riżultat li jikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għat-tentattiv li falla ta’ MyTravelLite li tidħol fis-suq bejn 2003 u 2004 u n-nuqqas ta’ kull tentattiv ieħor ta’ dan it-tip minn dak iż-żmien (premessa 815 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll il-ħruġ ta’ bmibaby wara d-dħul ta’ Ryanair (premessi 812 u 816 tad-deċiżjoni kkontestata).

349    Bl-istess mod, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom it-trasportaturi preżenti f’wieħed mill-ajruporti li joperaw għall-Birmingham (BA Connect, easyJet, Flybe, bmi, bmibaby, Monarch, Thomsonfly) ma humiex kapaċi jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni billi jidħlu fir-rotta Dublin-Birmingham wara li ssir il-konċentrazzjoni (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ssemmi, mingħajr ma tikkontestahom, ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni, li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fl-ajruport ta’ Dublin jew għall-intenzjonijiet espressi mill-imsemmija trasportaturi, li għandhom prijoritajiet oħra milli s-suq Irlandiż. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-raġunijiet huma, fihom infushom, suffiċjenti sabiex jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

350    Barra minn hekk, ma jistax jiġi allegat, hekk kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni kienet “inkoerenti” fl-analiżi tagħha, f’li kkunsidrat b’mod differenti, minn naħa, tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus f’Dublin, u anki f’Birmingham għal dak li jirrigwarda Ryanair (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata), u min-naħa l-oħra, tas-sitwazzjoni ta’ kumpanniji oħra tal-ajruport tad-destinazzjoni. L-argument imressaq minn Ryanair għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-kompetizzjoni mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni mill-bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni ġie fil-fatt eżaminat u miċħud mill-Kummissjoni għal kull rotta kkonċernata (ara l-premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tar-rotta Dublin-Edinburgh, u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 864 imdaħħla fl-aħħar imsemmija premessa, li fiha l-Kummissjoni testendi din il-konklużjoni għar-rotot l-oħra kollha). B’hekk għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tar-rotot kollha fejn Ryanair issostni li hemm inkoerenza bħal din.

351    Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ CityJet, li għandha ajruplani bbażati f’Dublin u ajruplani stazzjonati matul il-lejl f’Birmingham u li tista’ titħajjar topera r-rotta Dublin-Birmingham, li fiha hemm ammont kunsiderevoli ta’ klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol, il-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex tikkompeti mar-Ryanair u l-Aer Lingus, din il-kumpannija jkollha toffri servizz b’numru għoli ta’ titjiriet li jkopru s-sigħat kollha meta jkun hemm l-iktar domanda, li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala xi ħaġa probabbli minħabba limitazzjonijiet fuq is-slottijiet fl-iskeda tas-sigħat meta jkun hemm l-iktar domanda fl-ajruport ta’ Dublin u ta’ nuqqas ta’ postijiet ta’ parkeġġ ta’ ajruplani f’kuntatt mat-terminal (premessa 817 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn ir-raġunijiet ma humiex ikkontestati iktar mir-rikorrenti u li huma, fihom infushom, suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

352    Fl-aħħar lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument imressaq minn Ryanair li l-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx ajruplani bbażati f’Birmingham (Air Malta, Hapag Lloyd Express, KLM u Lufthansa) jistgħu jitħajru li joperaw titjiriet minn din id-destinazzjoni lejn Dublin, minn fejn huma joperaw titjiriet, iżda lejn destinazzjonijiet oħra, mingħajr ma huma jkollhom ajruplani bbażati hemmhekk. Skont il-Kummissjoni, li kumpannija tibda topera f’rotta mingħajr ma jkollha bażi f’tarf jew ieħor tar-rotta hija inġenerali inqas effettiva u fiha nnfisha relattivament rari. Barra minn hekk, dawn ikunu trasportaturi fuq netwerk li joffru servizz abbord komplut u ma jkunx probabbli li huma jeżerċitaw limitazzjoni kunsiderevoli fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (premessa 817 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li dawn ir-raġunijiet ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti u li huma, fihom infushom, suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq ir-rotta Dublin-Edinburgh

353    Fir-rigward tar-rotta Dublin-Edinburgh (premessi 820 sa 828 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollha bħala riżultat li tikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għat-tentattiv li falla ta’ Go Fly li tidħol f’dan is-suq fl-2001 u 2002 u n-nuqqas ta’ kull tentattiv ieħor ta’ dan it-tip minn dak iż-żmien. Barra minn hekk hija ppreċiżat li din ir-rotta kienet waħda li kien hemm domanda kbira għaliha, b’ħames vjaġġi kuljum fiż-żewġ direzzjonijiet operati miż-żewġ partijiet fil-konċentrazzjoni (premessa 824 tad-deċiżjoni kkontestata).

354    Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom it-trasportaturi li għandhom bażijiet jew hub fl-ajruport ta’ Edinburgh (BA Connect, easyJet, Flybe, Loganair u Globespan) ma jkunux jistgħu jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni billi jidħlu fir-rotta Dublin-Edinburgh wara li ssir il-konċentrazzjoni (premessa 825 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tirreferi, mingħajr ma tikkontestahom, għar-raġunijiet li rreferiet għalihom il-Kummissjoni, li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fl-ajruport ta’ Dublin jew għall-intenzjonijiet espressi mill-imsemmija trasportaturi, li għandhom prijoritajiet oħra mis-suq Irlandiż. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li dawn ir-raġunijiet huma, fihom infushom, suffiċjenti sabiex jappoġġaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

355    Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta’ CityJet, li għandha ajruplani ibbażati f’Dublin u ajruplani stazzjonati matul il-lejl f’Edinburgh u li tista’ titħajjar li taqdi r-rotta Dublin-Edinburgh li għandha numru kunsiderevoli ta’ klijenti li jivvjaġaw fuq xogħol, il-Kummissjoni kompliet bl-istess raġunament bħal dik li żviluppat għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Birmingham (premessa 826 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dan ir-raġunament ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti u li jiġi kkunsidrat suffiċjenti sabiex jappoġġa l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq ir-rotot Dublin-Glasgow, Dublin-Manchester u Dublin-Newcastle

356    Ir-rotot Dublin-Glasgow u Dublin-Manchester huma kkaratterizzati mill-kważi-monopolju li tgawdi minnu l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni b’mod li r-rotta Dublin-Newcastle twassal għall-monopolju tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien. Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Glasgow (premessi 829 sa 837 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-Ryanair-Aer Lingus flimkien jammontaw għal 96 sa 99 % tas-suq, bl-uniku kompetitriċi Loganair li għandha minn 1 sa 4 % tas-suq u toffri titjiriet indiretti minn Londonderry (Go Fly li kienet daħlet f’din ir-rotta fl-2001 qabel ma abbandunat din ir-rotta wara sitt xhur li damet topera fiha fl-2002). Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Manchester (premessi 838 sa 846 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-Ryanair-Aer Lingus flimkien għandha 98 sa 99.6 % tas-suq, b’Luxair bħala l-unika kompetitriċi li għandha 0.4 sa 2 % tas-suq u toffri titjiriet Luxembourg-Dublin, minn Manchester. Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Newcastle (premessi 847 sa 854 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-Ryanair-Aer Lingus flimkien għandha 96 sa 99 % tas-suq, b’Loganair bħala l-unika kompetitriċi, li għandha 1 sa 4 % tas-suq u toffri titjiriet indiretti minn Londonderry (Brymon Airways, li saret BA City Express imbagħad BA Connect, li daħlet f’din ir-rotta fl-2001 qabel ma abbandunat din ir-rotta fl-2003 u Gill Airways li daħlet f’Jannar 2001 qabel ma waqfet topera f’Settembru tal-istess sena).

357    Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll fuq dan il-punt, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti mressqa minn Ryanair fil-proċedura amministrattiva għal dak li jirrigwarda kompetituri potenzjali ġodda li għandhom bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni jew CityJet (ara, mutatis mutandis, punti 353 u 356 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li r-raġunament tal-Kummissjoni ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti u li jiġi kkunsidrat li huwa suffiċjenti sabiex jappoġġa l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

c)     Fuq ir-rotot Shannon-Londra u Cork-Londra

 L-argumenti tal-partijiet

358    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni biddlet il-portata tas-suq ġeografiku skont il-bżonnijiet tagħha. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompetizzjoni eżistenti, il-Kummissjoni nkludiet l-ajruporti kollha ta’ Londra fis-suq rilevanti. Min-naħa l-oħra, għall-evalwazzjoni tal-kumpanniji li potenzjament jikkunsidraw jidħlu fis-suq, il-Kummissjoni sostniet li l-ajruporti ta’ Luton u ta’ London-City ma humiex sostituti għal dak ta’ Heathrow, ta’ Gatwick jew ta’ Stansted (premessi 860 u 870 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta evalwat il-livell tal-probabbiltà ta’ dħul billi bbażat ruħha fuq in-numru ftit sinjifikattiv ta’ vjaġġi fiż-żewġ direzzjonijiet li seħħ sal-preżent mill-kumpanniji tal-ajru Wizzair, bmibaby, CentralWings, Jet2, Malev u Air Southwest (premessa 873 tad-deċiżjoni kkontestata).

359    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

360    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Shannon-Londra (premessi 855 sa 864 tad-deċiżjoni kkontestata), Ryanair-Aer Lingus flimkien għandhom 100 % tas-suq (peress li easyJet telqet minn dan is-suq f’Ottubru 2006 wara li daħlet Ryanair bħala reazzjoni għad-dħul ta’ easyJet fir-rotot Cork-Londra u Knock-Londra).

361    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Cork-Londra (premessi 865 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata), Ryanair-Aer Lingus flimkien għandhom 100 % tas-suq (peress li easyJet telqet minn dan is-suq f’Ottubru 2006, peress li bmibaby telqet minn din ir-rotta f’Jannar 2005 liema rotta kienet ilha topera fiha minn Marzu 2004 u peress li City Flyer Express operat din ir-rotta biss sa’ Ottubru 2001).

362    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni rrifjutat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata l-argument invokat mir-Ryanair fil-proċedura amministrattiva għal dak li jirrigwarda kumpanniji potenzjali li jikkunsdiraw li jidħlu fis-suq li għandhom bażi fl-ajruport tad-destinazzjoni. Dan ir-raġunament, li huwa bbażat fuq il-preżenza b’saħħitha tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fl-Irlanda u fuq il-karatteristiċi ta’ ċerti ajruporti ta’ Londra, ma jkunx ikkontestat mill-argumenti tar-rikorrenti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sostitwibbiltà tal-ajruporti ta’ Londra minn naħa tad-domanda ma tfissirx li l-karatterisitiċi tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-offerta meta dak li jkun qed jiġi evalwat huwa l-kapaċità ta’ trasportatur li jistabbilixxi ruħu f’destinazzjoni. Ir-raġunament espost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata b’hekk mhux kontradittorju fuq dan il-punt.

363    Il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat ukoll li t-trasportaturi li jistgħu jidħlu f’dawn ir-rotot billi joperaw “rotta W” mingħajr bażi fi kwalunkwe waħda mid-destinazzjonijiet (Wizzair, bmibaby, CentralWings, Jet2, Malev u Air Southwest) ma kinux probabbilment ikunu kompetituri effettivi għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

364    Konsegwentement, il-konklużjonijiet li l-konċentrazzjoni proposta xxekkel il-kompetizzjoni effettiva b’mod kunsiderevoli minħabba l-fatt tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fir-rotot Shannon-Londra u Cork-Londra ma humiex ikkontestati mill-argumenti tar-rikorrenti.

d)     Fuq ir-rotot Dublin-Frankfurt, Dublin-Pariġi, Dublin-Madrid, Dublin-Brussell, Dublin-Berlin u Dublin-Hamburg (Lübeck)

 L-argumenti tal-partijiet

365    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li eskludiet mill-analiżi tagħha lill-kumpanniji segwenti: Lufthansa, għal dak li jirrigwarda r-rotot Dublin-Berlin, Dublin-Frankfurt u Dublin-Hamburg (Lübeck), peress li l-passiġġieri minn punt sa punt jirrapreżentaw biss parti żgħira mill-attivitajiet ta’ din il-kumpannija (premessi 913, 951 u 962 tad-deċiżjoni kkontestata); CityJet, għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Pariġi, peress li din tikkonċentra fuq klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol li jħallu iktar qligħ (premessa 1017 tad-deċiżjoni kkontestata); Ibéria, għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Madrid, peress li l-mudell ekonomiku tagħha huwa bbażat fuq attivitajiet fuq netwerk b’servizz abbord komplut (premessa 984 tad-deċiżjoni kkontestata); Brussels Airlines, KLM, kif ukoll VLM, Transavia u Airlinair għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Brussell (premessa 936 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni “mhijiex kredibbli” meta ssostni li dawn it-trasportaturi ma jkunux f’pożizzjoni li jwieġbu b’mod effettiv għal żieda fil-prezzijiet mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, b’mod partikolari għaliex huma diġà joperaw fir-rotot inkwistjoni.

366    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

367    Anki jekk ir-raġunament tal-Kummissjoni fl-eżami ta’ kull rotta huwa simili ħafna, kull waħda fosthom għandha ċerti karatteristiċi li għandhom ikunu kkunsidrati, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-kompetituri jew il-kumpanniji tal-ajru li jistgħu jidħlu f’dawn is-swieq sabiex jikkompetu mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

–       Fuq ir-rotot Dublin-Berlin u Dublin-Hamburg (Lübeck)

368    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Berlin (premessi 908 sa 915 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jista’ jkollu l-effett li jikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza f’dan is-suq ta’ Lufthansa, li abbandunat dan is-suq f’Ottubru 2000. Hija fakkret li jeżistu ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin, anki jekk huma inqas notevoli f’dan il-każ, minħabba n-numru limitat tat-titjiriet u tal-proporzjon iżgħar minn bnadi oħra ta’ passiġġieri li jagħtu importanza għall-fattur tal-ħin.

369    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Hamburg (Lübeck) (premessi 956 sa 964 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollu bħala riżultat li jikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza ta’ Lufthansa f’dan is-suq, li telqet minnu f’Ottubru 2000, u dik ta’ Hapag-Lloyd Executive, li daħlet fih f’April 2004 sabiex imbagħad ħarġet f’Jannar 2006. Hija fakkret li kienu jeżistu ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin, anki jekk dawn setgħu jkunu inqas notevoli f’dan il-każ minħabba n-numru limitat tat-titjiriet u tal-proporzjon iżgħar minn bnadi oħra ta’ passiġġieri li jagħtu importanza għall-fattur tal-ħin.

370    Bl-istess mod, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex it-trasportaturi li għandhom bażi f’Berlin (Lufthansa, Air Berlin, Germanwings, easyJet) jew f’Hamburg-Lübeck (Lufthansa, Air Berlin, Germanwings) ma jistgħux jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni billi jidħlu fir-rotot Dublin-Berlin jew Dublin-Hamburg (Lübeck) wara l-konċentrazzjoni (premessi 913 u 962 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tillimita ruħha f’dan ir-rigward li tindika li, għal dak li jirrigwarda Lufthansa, il-Kummissjoni “ma hijiex kredibbli” meta ssostni li din il-kumpannija ma tkunx f’pożizzjoni li twieġeb b’mod effettiv għal żieda fil-prezzijiet mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (ara punt 366 iktar ’il fuq). Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet fuq dan il-punt numru ta’ raġunijiet perfettament kredibbli. Fil-fatt, hija minn naħa kkonstatat li Lufthansa kienet trasportatriċi fuq netwerk tradizzjonali li topera sistema f’forma ta’ stilla (hub and spoke system) differenti mill-mudelli minn punt sa punt u servizzi minimi tar-Ryanair u ta’ Aer Lingus u, min-naħa l-oħra, li, minħabba t-tluq tagħha mis-suq fl-2000 (meta ma kienx hemm ebda kompetitur ieħor f’din l-epoka), Lufthansa mbagħad probabbilment ma kinitx disposta iktar li tidħol f’dan is-swieq ikkonfrontata b’entità ġdida b’saħħitha b’struttura differenti tal-ispejjeż.

–       Fuq ir-rotta Dublin-Brussell

371    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Brussell (premessi 931 sa 938 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollu bħala riżultat li jikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza ta’ Sabena (li saret Brussels Airlines) f’dan is-suq, li telqet minnu f’Novembru 2001. Hija fakkret li kienu jeżistu ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin u għall-karattru mfittex ħafna ta’ din ir-rotta.

372    Bl-istess mod, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom it-trasportaturi li għandhom bażi fi Brussell (Brussels Airlines, KLM u VLM) jew f’Eindhoven fil-Pajjizi l-Baxxi (Transavia u Airlinair), li ma humiex ikkunsidrati bħala ajruport sostitwibbli ma’ dak ta’ Brussell, ma humiex kapaċi jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni billi tidħol fir-rotta Dublin-Brussell (premessa 936 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tillimita ruħha f’dan ir-rigward li tindika li l-Kummissjoni “ma hijiex kredibbli” meta hija ssostni li dawn il-kumpanniji ma humiex f’pożizzjoni li jirrispondu b’mod effettiv għal żieda fil-prezzijiet mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (ara punt 365 iktar ’il fuq). Għandu madankollu jiġi rrilevat li fuq dan il-punt, il-Kummissjoni esponiet numru ta’ raġunijiet parfettament kredibbli. Fil-fatt, hija kkonstatat li Brussels Airlines u KLM kienu prinċipalment trasportaturi fuq netwerk li jagħtu servizz sħiħ u li l-mudell ekonomiku tagħhom kien differenti minn dak tar-Ryanair u ta’ Aer Lingus, li VLM kienet tikkonċentra essenzjalment fuq klijenti li jivvjaġġaw fuq xogħol billi topera ajruplani iżgħar li jistgħu jinżlu fl-ajruport ta’ London-City, u li Transavia u Airlinair kienu joperaw f’Eindhoven u mhux Brussell.

–       Fuq ir-rotta Dublin-Frankfurt

373    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Frankfurt (premessi 948 sa 955 tad-deċiżjoni kkontestata), fis-sajf tal-2006, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kellhom kapaċità ta’ 59 sa 87 % tas-sehem akkumulat tas-suq, kemm jekk il-passiġġieri fi tranżitu jkunu kkunsidrati jew le. Is-sehem mis-suq tal-kompetitriċi Lufthansa jvarja bejn 13 u 41 % jekk jiġu kkunsidrati l-passiġġieri fi tranżitu.

374    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom Lufthansa ma tkunx tista’ tikkompeti b’mod effettiv mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni f’dan is-suq. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-mudell ekonomiku ta’ Lufthansa kien distint b’mod ċar minn dawk ta’ Aer Lingus u tar-Ryanair. Barra minn hekk, hija kkonstatat li Lufthansa topera servizz b’numru għoli ta’ titjiriet b’ħinijiet tat-titjiriet adattati skont il-ħinijiet tat-tluq u wasla fl-ajruport ta’ Frankfurt. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li mir-riżultati tal-investigazzjoni li saret tal-klijenti, li iktar klijenti ta’ Aer Lingus jew ta’ Ryanair kienu kkunsidraw lill-kumpannija l-oħra Irlandiża bħala sostituta għal titjira Dublin-Frankfurt pjuttost milli Lufthansa. Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax issostni li l-Kummissjoni purament u sempliċement eskludiet lil-Lufthansa mill-analiżi tagħha peress li l-passiġġieri minn punt sa punt jammontaw biss għall-parti żgħira tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija (ara punt 365 iktar ’il fuq).

–       Fuq ir-rotot Dublin-Madrid u Dublin-Pariġi

375    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Madrid (premessi 981 sa 989 tad-deċiżjoni kkontestata), il-partijiet fil-konċentrazzjoni għandhom kapaċità ta’ 66 sa 75 % tas-sehem akkumulat tas-suq previst għas-sajf 2007, kemm jekk il-passiġġieri f’tranżitu jkunu kkunsidrati jew le. Is-sehem mis-suq tal-kompetitriċi Iberia jvarja bejn 25 u 34 % b’kunsiderazzjoni tal-passiġġieri f’tranżitu. Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza f’dan is-suq ta’ Spanair, li telqet minnu f’Ottubru 2006. Barra minn hekk, hija fakkret li jeżistu ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin, anki jekk f’dan il-każ dawn setgħu jkunu inqas notevoli peress li din ma kinitx rotta b’numru għoli ta’ titjiriet.

376    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Pariġi (premessi 1014 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata), il-partijiet fil-konċentrazzjoni jammontaw għal 61 sa 80 % tas-sehem akkumulat tas-suq għas-sajf 2006, kemm jekk ikunu kkunsidrati l-passiġġieri fi tranżitu jew le. Is-sehem mis-suq tal-kompetitriċi CityJet b’hekk tvarja bejn 20 u 39 % jekk jiġu kkunsidrati l-passiġġieri f’tranżitu. L-ebda trasportatur ieħor ma jkun daħal f’dan is-suq tul l-aħħar snin.

377    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni esponiet fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom Ibéria, għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Madrid (premessa 984 tad-deċiżjoni kkontestata), u CityJet, għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Pariġi (premessa 1017 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jkunux jistgħu jikkompetu b’mod effettiv mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet li Iberia ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompetitriċi qrib tal-partijiet fil-konċentrazzjoni minħabba l-mudell ekonomiku tagħha bbażat fuq attivitajiet fuq netwerk u ta’ servizz abbord komplut li jirreferi għal numru sinjifikattiv ta’ passiġgieri fi tranżitu f’din ir-rotta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li CityJet kellha bħala għan prinċipali li żżid it-titjiriet medji u ta’ distanza twila ta’ Air France bi tluq mill-ajruport ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle. Dan ir-raġunament ma ġiex ikkontestat, fih innifsu, mir-rikorrenti, li tikkritika biss il-kredibbiltà mingħajr ma tagħti dettalji oħra. Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax issostni li l-Kummissjoni eskludiet purament u sempliċement dawn iż-żewġ kumpanniji mill-analiżi tagħha (ara punt 365 iktar ’il fuq).

e)     Fuq ir-rotot Dublin-Milan u Dublin-Ruma

 L-argumenti tal-partijiet

378    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta eskludiet lill-Alitalia bħala kompetitriċi potenzjali tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni minħabba t-tluq reċenti tagħha mir-rotot Dublin-Ruma u Dublin-Milan kif ukoll tad-diffikultajiet finanzjarji tagħha (premessi 1011 u 1041 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta eskludiet l-eżistenza ta’ theddida ta’ kompetizzjoni minn naħa ta’ dan it-trasportatur fuq netwerk li joffri servizz abbord komplut. Il-Kummissjoni fil-fatt naqset milli tressaq ebda prova li turi li Alitalia ma tistax faċilment toffri mill-ġdid titjiriet b’destinazzjoni ta’ Dublin fis-sitwazzjoni ta’ żieda fil-prezzijiet mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, sa fejn l-Alitalia jkollha numru ta’ ajruplani bbażati f’Ruma u f’Milan.

379    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

380    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Milan (premessi 1006 sa 1013 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollha r-riżultat li tikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta (100 % tas-sehem akkumulat tas-suq li ġie previst għas-sajf tal-2007). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza fis-suq ta’ Alitalia, li telqet mis-suq f’Ottubru 2006, xi ftit xhur wara d-dħul ta’ Ryanair f’din ir-rotta. Hija fakkret li jeżistu ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin fis-sigħat li fihom ikun hemm l-iktar xogħol.

381    Għal dak li jirrigwarda r-rotta Dublin-Ruma (premessi 1036 sa 1043 tad-deċiżjoni kkontestata), it-twettiq tal-konċentrazzjoni jkollha r-riżultat li tikkrea monopolju li jelimina kull kompetizzjoni eżistenti f’din ir-rotta (100 % tas-sehem akkumulat tas-suq li ġie previst għas-sajf tal-2007). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-preżenza fis-suq ta’ Alitalia, li telqet mis-suq f’Ottubru 2005, qabel ma reġgħet daħlet għal perijodu qasir fis-sajf tal-2006. Hija fakkret li kien hemm ostakoli għad-dħul marbuta mal-konġestjoni tal-ajruport ta’ Dublin fis-sigħat li fihom ikun hemm l-iktar xogħol u għall-iżvilupp ta’ din ir-rotta.

382    Bl-istess mod, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex it-trasportaturi li għandhom bażi f’Milan jew f’Ruma (Alitalia, Air One, easyJet u MyAir) ma jkunux jistgħu jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tidħol fir-rotot Dublin-Milan u Dublin-Ruma (premessa 1011 u 1041 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tillimita ruħha f’dan ir-rigward li tindika li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li Alitalia ma setgħetx tikkompeti b’mod effettiv mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni minħabba l-fatt tad-diffikultajiet finanzjarji tagħha u tal-mudell ekonomiku tagħha ta’ kumpannija li toffri servizz abbord komplut. Għandu madankollu jiġi kkonstatat li dawn ir-raġunijiet jippermettu li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

383    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda numru ta’ rotot analizzati fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-twettiq tal-konċentrazzjoni jxekkel b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti.

384    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-pożizzjonijiet dominanti li l-konċentrazzjoni proposta twassal għalihom f’dawn ir-rotot huma monopolistiċi, kważi-monopolistiċi jew kunsiderevoli ħafna u suffiċjenti, fihom infushom, sabiex f’dan l-istadju tal-analiżi jissostanzjaw l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

385    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, suġġett għar-riżultat tal-analiżi taż-żieda fl-effiċjenza u tal-impenji li saru fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ u tal-ħames motivi, il-Kummissjoni ġustament iddikjarat il-konċentrazzjoni proposta inkompatibbli mas-suq komuni.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-allegata żieda fl-effiċjenza

386    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 29 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet:

“Sabiex ikun determinat l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, huwa xieraq li jkunu kunsidrati l-effiċjenzi sostanzjati u probabbli li jkunu imqajma mill-impriżi konċernati. Jista’ jkun li l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jpattu għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, l-ħsara potenzali għall-konsumaturi, li jista’ jkollha din il-konċentrazzjoni. Jista’ jkun li minħabba f’hekk il-konċentrazzjoni ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar il-kundizzjonijiet li fuqhom hi tista’ tikkonsidera effiċjenzi meta tkun qiegħda tagħmel stima ta’ konċentrazzjoni.”

387    Il-gwida tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 29 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet tinsab fil-punti 76 sa 88 tal-linji gwida. Il-punt 78 tal-linji gwida b’hekk jindika li, sabiex il-Kummissjoni tqis il-pretensjonijiet taż-żieda fl-effiċjenza fl-istima tagħha tal-konċentrazzjoni u tkun f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni li bħala konsegwenza taż-żieda fl-effiċjenza, m’hemm l-ebda raġuni biex tiddikjara l-konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni, iż-żieda fl-effiċjenza trid tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, tkun speċifika għall-konċentrazzjoni u tkun verifikabbli. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u huma eżaminati iktar ’l isfel skont l-ordni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

388    L-analiżi li saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li hija rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motiv preżenti, għaddiet mill-istadji segwenti. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni esponiet l-argumenti ppreżentati mir-Ryanair fil-proċedura amministrattiva li l-konċentrazzjoni ma tippreżenta l-ebda riskju għall-kompetizzjoni minħabba żieda fl-effiċjenza marbuta mal-applikazzjoni lill-Aer Lingus tal-mudell ekonomiku bi prezz baxx tar-Ryanair. Din iż-żieda fl-effiċjenza tirriżulta minn ekonomija fil-kobor li tinkiseb fil-livell tal-ispejjeż tal-persunal, tal-ispejjeż relatati mal-proprjetà tal-ajruplani, tal-ispejjeż tal-manutenzjoni, tal-ispejjeż tal-ajruporti, tal-ispejjeż tal-operat fuq l-art u tal-ispejjeż tad-distribuzzjoni. Skont Ryanair, din żieda fl-effiċjenza ma tistax tinkiseb la permezz ta’ transazzjoni oħra, u lanqas individwalment miż-żewġ kumpanniji fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni bħal din. Din iż-żieda fl-effiċjenza tgħaddi fuq il-konsumaturi f’forma ta’ tnaqqis tal-prezz tal-biljetti, ta’ żieda fin-numru tat-titjiriet u tan-numru tar-rotot, kif ukoll f’dak li jirrigwarda titjib tal-prodotti u tas-servizz, mingħajr ma jaffettwa l-kwalità tas-servizz ta’ Aer Lingus (punt 7.10.2 tad-deċiżjoni kkontestata). L-analiżi ta’ Aer Lingus hija wkoll esposta fid-deċiżjoni kkontestata (punt 7.10.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

389    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet li mill-prinċipji esposti fil-premessa 29 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u fil-linji gwida jirriżulta li, sabiex jinstab bilanċ għall-effetti negattivi ta’ konċentrazzjoni fuq il-konsumaturi, iż-żieda fl-effiċjenza li tirriżulta għandha tkun verifikabbli (jiġifieri, ġustifikata, kwantifikata u sostnuta, jekk meħtieġ, minn studji u dokumenti interni), li tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u li ma setgħetx tinkiseb bl-istess mod permezz ta’ mezzi inqas antikompetittivi mill-konċentrazzjoni proposta (żieda fl-effiċjenza speċifika għall-konċentrazzjoni). Dawn it-tliet kundizzjonijiet (natura li tista’ tiġi vverifikata, vantaġġ għall-konsumaturi u natura speċifika għall-konċentrazzjoni) huma kumulattivi (punti 7.10.1 u 7.10.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

390    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li ż-żieda fl-effiċjenza allegata minn Ryanair ma kinitx verifikabbli, peress li hija bbażata essenzjalment fuq l-affermazzjoni ġenerali li Ryanair tkun f’pożizzjoni li tapplika il-mudell ekonomiku tagħha lil Aer Lingus, u b’mod partikolari l-livelli tal-ispejjeż li huma assoċjati magħha, mingħajr ma kien suffiċjentement ikkunsidrat il-kumpens għat-telf f’dak li jirrigwarda karatteristiċi tal-prodotti u tad-dħul. Numru ta’ argumenti sostnuti minn Ryanair dwar iż-żieda fl-effiċjenza huma bbażati fuq preżunzjonijiet li ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod indipendenti (punt 7.10.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni wkoll evalwazzjoni tad-dettalji tal-konċentrazzjoni (punt 7.10.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-vantaġġi għall-klijenti (punt 7.10.4.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

391    Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 1151 tad-deċiżjoni kkontestata li ż-żieda fl-effiċjenza allegata minn Ryanair ma kinitx suffiċjentement verifikabbli u ma kinitx speċifika għall-konċentrazzjoni. Skont il-Kummissjoni, anki jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu ġew sodisfatti, din iż-żieda fl-effiċjenza tkun affetwat l-ispejjeż fissi ta’ Aer Lingus (operat tal-ajruplani), li jagħti x’wieħed jaħseb li dawn forsi ma kinux ta’ vantaġġ għall-klijenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rreferiet għall-punt 84 tal-linji gwida, li skont dan “[m]a tantx huwa probabbli li għaqda [konċentrazzjoni] li qiegħda timmira għal posizzjoni fis-suq li qiegħda tapproċċja dik ta’ monopolju, jew li timmira għal livell simili tal-qawwa fis-suq, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi li l-qligħ tal-effiċjenzi jkunu biżżejjed biex jirribattu l-effetti anti-kompetittivi potenzali tagħha”.

392    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li, minkejja l-effetti eventwali antikompetittivi, il-konċentrazzjoni twassal għal żieda fl-effiċjenza. Din iż-żieda fl-effiċjenza tkun verifikabbli, speċifika għall-konċentrazzjoni u tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Konsegwentement, il-kriterji stabbiliti fil-punti 76 et seq tal-linji gwida ġew irrispettati u l-Kummissjoni kellha tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. B’mod ġenerali, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li rrifjutat l-elementi konkreti li hija kienet ippreżentat u li bbażat ruħha fuq “konġettura” imressqa minn Aer Lingus. Ryanair mhux biss tkun referenza għal dak li jirrigwarda l-kisba ta’ żieda fl-effiċjenza, iżda Aer Lingus ma setgħetx tiġi informata b’ekonomiji fl-ispejjeż miksuba minn Ryanair u li kien fl-interess ta’ Aer Lingus li timminimizza ż-żieda fl-effiċjenza li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sabiex tiddefendi ruħha mill-offerta ta’ Ryanair u li ma tammettix l-ineffiċjenza tagħha. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li applikat “kriterju mhux raġonevoli u żbaljat” fir-rigward tad-daqs taż-żieda fl-effiċjenza li hija jkollha turi fuq il-bażi tal-punt 84 tal-linji gwida, li jistabbilixxu preżunzjoni negattiva fir-rigward tal-effetti taż-żieda fl-effiċjenza f’pożizzjoni qrib għal monopolju. Fil-każ preżenti, Ryanair ssostni li l-konċentrazzjoni proposta ma tikkreax monopolju.

393    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, issostni li, sa fejn il-konċentrazzjoni twassal għal pożizzjoni qrib għal monopolju, huwa improbabbli ħafna li hija tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni peress li ż-żieda fl-effiċjenza ġġenerata tagħmel tajjeb għall-effetti antikompetittivi. Fi kwalunkwe każ, it-tliet kriterji li għandhom jiġu eżaminati ma jkunux sodifatti: iż-żieda fl-effiċjenza allegata minn Ryanair la tkun verifikabbli u lanqas speċifika għall-konċentrazzjoni u ma tkunx ta’ vantaġġ għall-konsumaturi.

1.     Fuq in-natura verifikabbli tal-allegata żieda fl-effiċjenza

a)     L-argumenti tal-partijiet

394    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-affermazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw iż-żieda fl-effiċjenza huma bbażati fuq elementi ipotetiċi ħafna (premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata). Ingħataw “kalkoli dettaljati ħafna” lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba f’xi ħmistax-il sena ta’ attività kummerċjali fl-Ewropa u fl-użu ta’ iktar minn 130 ajruplan f’iktar minn 500 rotta. Ryanair tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tippreżenta “kalkoli dettaljati, li wieħed jista’ joqgħod fuqhom u li huma verifikabbli”, kuntrarjament għall-Kummissjoni, li ma għandhiex esperjenza fil-qasam, u għal Aer Lingus, li ma tkunx mudell ta’ effiċjenza. Anki jekk dawn il-kalkoli jinkludu marġni ta’ żball, ir-riżultat, jiġifieri li ż-żieda fl-effiċjenza tammonta għal EUR 221.7 miljun, ma setgħax jiġi purament u sempliċement miċħud. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll ir-rekwiżit imsemmi fil-premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha tforni dokumenti datati qabel il-konċentrazzjoni li jevalwa b’mod oġġettiv u indipendenti d-daqs taż-żieda fl-effiċjenza. Fil-fatt, teżisti żieda fl-effiċjenza indipendentement minn jekk jiġu kkomunikati bil-miktub qabel jew wara ma tiġi ddikjarata l-konċentrazzjoni. Ikun impossibbli sabiex jiġi ssodisfat rekwiżit bħal dan, peress li ħafna drabi jkun biss wara l-avviz tal-offerta pubblika għall-kapital azzjonarju li l-awturi tiegħu jista’ jkollhom aċċess għal komptabbiltà tal-kumpannija kkonċernata.

395    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, sabiex tallega li ż-żieda fl-effiċjenza ma hijiex verifikabbli, il-Kummissjoni ssostni li dawn jopponu li hija tkun f’pożizzjoni li tittrasferixxi “totalment” il-mudell ekonomiku tal-Aer Lingus mingħajr madankollu ma tnaqqas ċerti karatteristiċi tal-prodott. Il-Kummissjoni b’hekk tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ differenza bejn il-mudell ekonomiku tar-Ryanair u dak tal-Aer Lingus. Din l-affermazzjoni madankollu tirriżulta minn żball, peress li Ryanair ma kellhiex l-intenzjoni li tittrasferixxi “totalment” il-mudell ekonomiku lill-Aer Lingus, iżda biss li tkompli toffri servizz iddifferenzjat li jissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Aer Lingus f’dak li jirrigwarda żieda fl-effiċjenza u tnaqqis ta’ spejjeż.

396    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-referenza li saret fil-premessa 1134 tad-deċiżjoni kkontestata għax-xiri tagħha ta’ Buzz ma ssaħħaħx it-teżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-flotta ta’ Aer Lingus tkun ħafna ikbar minn dik ta’ Buzz u l-ekonomiji miksuba fil-qasam tal-fjuwil, tal-manutenzjoni u tas-sostituzzjoni jkunu b’hekk ikbar, u mhux iktar limitati, minn dak li xiri jkun għamel possibbli. Barra minn hekk, hekk kif għamlet b’Buzz, Ryanair setgħet tissostitwixxi l-ajruplani inkwistjoni u tinnegozja kundizzjonijiet aħjar ta’ kiri minn dawk li huma attwalment aċċettati minn Aer Lingus.

397    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tfakkar li hija timpenja ruħha irrevokabbilment, fil-kuntest tal-offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, li tnaqqas il-prezzijiet ta’ Aer Lingus, sabiex telimina s-suppliment marbut mal-fjuwil għal ammont speċifiku, li żżomm in-numru tat-titjiriet u li ttejjeb is-servizz. Hija biss iż-żieda fl-effiċjenza, li kienet tippermettilha tissodisfa l-impenji tagħha filwaqt li tħares il-qligħ tagħha. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax issostni, fil-premessa 1135 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma tiddisponix minn ebda informazzzjoni verifikabbli li tistabbilixxi li xi żieda fl-effiċjenza tista’ titwettaq għal dak li jirrigwarda t-tliet punti essenzjali għall-konsumaturi, jiġifieri l-prezz tal-biljetti, in-numru tat-titjiriet u l-kwalità tas-servizz għal kull rotta.

398    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tinsisti dwar il-kapaċità tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tikseb ekonomiji fil-qasam tal-pubbliċità minħabba kapaċità għall-infiq ikbar fin-netwerk kollu li jkun kopert wara li sseħħ din il-konċentrazzjoni.

399    Is-sitt nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma rrikonoxxietx l-interess tal-possibbiltà għaliha li tuża l-opzjonijiet tagħha li jippermettulha tixtri jew tikri Boeing 737 sabiex tissostitwixxi l-ajurplani mikrija bi spiża kbira minn Aer Lingus. Il-Kummissjoni kkunsidrat dan xejn iktar milli “sempliċi trasfertiment ta’ kirja” (premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni, il-funzjonament tar-Ryanair ma teħtieġx li hija teżerċità l-opzjonijiet kollha tagħha. Konsegwentement, jekk hija teżerċitahom għal vantaġġ ta’ Aer Lingus, Ryanair ma tbati l-ebda “spiża tal-opportunità”. Il-Kummissjoni ma wrietx li l-kundizzjonijiet tal-kuntratti konklużi ma’ Boeing jippermettu lil Ryanair li teżerċita dawn l-“opzjonijiet mhux mixtieqa” u li terġa’ tbigħ l-ajruplani fis-suq ħieles, u lanqas li Ryanair effettivament tagħżel li tuża dawn l-opzjonijiet sabiex b’hekk tikkompeti ma’ Boeing fis-suq tal-ajruplani ġodda. Imġiba bħal din tkun “la realista u lanqas kummerċjalment raġonevoli”. Il-Kummissjoni kienet ukoll żbaljata meta kkunsidrat, fil-premessa 1138 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kalkoli li saru minn Ryanair għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-proprjetà tal-ajruplani kienu “partikolarment ottimisti”, u b’hekk naqset milli tikkunsidra serjament l-esperjenza ta’ Ryanair f’dan l-aħħar imsemmi qasam.

400    Is-seba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta “ppreżumiet”, fil-premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi ekonomiji previsti fil-qasam tat-taxxi ta’ ajruport jissopponu li hija ttrasferiet it-titjiriet ta’ Aer Lingus minn ajruporti prinċipali bi spejjeż għolja lejn ajruporti sekondarji bi spejjeż imnaqqsa. Ryanair fil-fatt uriet li l-ekonomiji potenzjali fil-qasam tat-taxxi tal-ajruport ma kinux ibbażati fuq tnaqqis tal-ispejjeż fl-ajruport ta’ Dublin jew fuq tibdil tal-ajruporti tad-destinazzjoni ta’ Aer Lingus. Il-loġika tal-konċentrazzjoni tikkonsisti f’li jiġu operati l-ajruplani ta’ Aer Lingus f’ajruporti prinċipali. Barra minn hekk, kuntrarjament għal affermazzjonijiet ta’ Aer Lingus ippreżentati fil-premessa 1118 tad-deċiżjoni kkontestata, Ryanair tikseb ħinijiet ta’ rotazzjoni ta’ 25  inuta fl-ajruport ta’ Dublin, li madankollu jkun ajruport prinċipali, b’mod li Aer Lingus topera fuq il-bażi tal-ħin ta’ rotazzjoni ta’ 40 sa 55 minuta. Dan il-ħin ikun madankollu miksub f’ajruporti mħabbtin ħafna bħal dak ta’ Birmingham jew dak ta’ Manchester (ara n-nota ta’ York Aviation, tad-19 ta’ Jannar 2007, dwar iż-żieda fl-effiċjenza marbuta mal-vjaġġi fiż-żewġ direzzjonijiet).

401    It-tmien nett, ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni interpretat b’mod ħażin il-liġi Irlaniża tal-kumpanniji, b’mod li, skont din il-leġiżlazzjoni Ryanair tikkontrolla Aer Lingus peress li hija akkwistat 50 % tal-azzjonijiet tagħha. Il-“karattru ostili” tal-kontroll, imsemmi fil-premessa 1140 tad-deċiżjoni kkontestata, ikun b’hekk irrilevanti u l-Kummissjoni b’hekk tkun issuponiet b’mod żbaljat li l-integrazzjoni taż-żewġ impriżi kienet tkun iktar diffiċli jekk Ryanair tikkontrolla inqas minn 100 % tal-azzjonijiet ta’ Aer Lingus.

402    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

403    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li ż-żieda fl-effiċjenza allegata mir-Ryanair ma kinitx verifikabbli, peress li hija kienet ibbażata essenzjalment fuq l-affermazzjoni ġenerali li skont din Ryanair kienet f’pożizzjoni li tapplika l-mudell ekonomiku tagħha għal Aer Lingus, u b’mod partikolari l-livelli tal-ispejjeż assoċjati magħha, mingħajr ma kien ikkunsidrat b’mod suffiċjenti l-kumpens għat-telf f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti u tad-dħul. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li numru ta’ affermazzjonijiet ta’ Ryanair dwar iż-żieda fl-effiċjenza huma bbażati fuq preżunzjonijiet li ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod indipendenti (punt 7.10.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

404    Il-kundizzjoni dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza, prevista fil-linji gwida, b’hekk ma tkunx sodisfatta, u ġiet ikkontestata mir-rikorrenti li tressaq tmien ilmenti fuq dan il-punt.

405    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-evalwazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar id-data mogħtija minn Ryanair (premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 395 iktar ’il fuq), għandu l-ewwel nett jingħad li l-Kummissjoni kkunsidrat li “numru ta’ affermazzjonijiet ta’ Ryanair dwar iż-żieda fl-effiċjenza kienu bbażati fuq preżunzjonijiet li ma setgħux jiġu vverifikati b’mod indipendenti”. Il-Kummissjoni sostniet ukoll fid-deċiżjoni kkontestata li l-“ebda dokument datat qabel il-konċentrazzjoni, li jevalwa b’mod oġġettiv u indipendenti l-portata taż-żieda fl-effiċjenza ġġenerata mix-xiri ta’ Aer Lingus ma jidher li jeżisti”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li hija “tikkunsidra essenzjali l-preżentazzjoni ta’ dokumenti bħal dawn sabiex minn naħa turi li l-mudell ekonomiku tar-Ryanair huwa differenti, uniku u superjuri għal dak ta’ Aer Lingus u, min-naħa l-oħra, li l-istruttura tagħha tal-ispejjeż setgħet tiġi riprodotta b’suċċess f’Aer Lingus wara li sseħħ il-konċentrazzjoni”. Indikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-parti li tinnotifika setgħet tiġi meħtieġa tagħti data li taqa’ taħt id-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-dokumenti li l-preżentazzjoni tagħhom hija kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala “essenzjali”.

406    Madankollu, mill-punt 86 tal-linji gwida jirriżulta li ż-żieda fl-effiċjenza għandha tkun “verifikabbli” sabiex il-Kummissjoni tkun ċerta b’mod raġonevoli li ż-żieda fl-effiċjenza “x’aktarx” ser timmaterjalizza, u ser tkun sostanzjali biżżejjed sabiex tirribatti l-ħsara potenzali tal-konċentrazzjoni għall-konsumaturi. L-istess punt tal-linji gwida jindika li iktar mal-pretensjonijiet taż-żieda fl-effiċjenza jkunu “preċiżi u konvinċenti”, iktar il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tevalwa dawn il-pretensjonijiet. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, sa fejn huwa possibbli, ż-żieda fl-effiċjenza u l-vantaġġi għall-konsumaturi għandhom ikunu “kwantifikati” u li, meta ma tkunx disponibbli d-data neċessarja li tippermetti analiżi kwantitattiva speċifika, għandu jkun possibbli li jiġi previst effett pożittiv fuq il-konsumaturi “identifikabbli b’mod ċar mhux effett marġinali”. Il-kundizzjoni dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza b’hekk ma teħtieġx li l-parti li tinnotifika tagħti data li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew dokumenti li jmorru lura qabel il-konċentrazzjoni li jippermettu li tiġi evalwata b’mod oġġettiv u indipendenti l-portata taż-żieda fl-effiċjenza kkawżata mix-xiri.

407    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-qari tal-punt 87 tal-linji gwida, fejn jirriżulta li ħafna mill-informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa ż-żieda fl-effiċjenza hija esklużivament f’idejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u li b’hekk huma l-partijiet li jinnotifikaw li għandhom jikkomunikaw, f’waqtu, l-informazzjoni neċessarja.

408    Bl-istess mod, il-lista mhux eżawrjenti tal-provi rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza li jidhru fil-punt 88 tal-linji gwida tinkludi provi ta’ natura differenti, mingħajr mal-enfasi jaqa’ fuq in-neċessità li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifika indipendenti jew li jkunu preċedenti għall-konċentrazzjoni. Din il-lista tipprovdi b’mod partikolari, għal dokumenti interni li ġew użati mill-amministrazzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-konċentrazzjoni, dikjarazzjonijiet mill-amministrazzjoni lis-sidien u lis-swieq finanzjarji dwar iż-żieda fl-effiċjenza li hija mistennija, eżempji storiċi ta’ żieda fl-effiċjenza u l-benefiċċju tal-konsumatur, u studji ta’ esperti esterni fuq il-pożizzjoni qabel il-formazzjoni tal-konċentrazzjoni fuq it-tip u d-daqs taż-żieda fl-effiċjenza, u sa liema limitu l-konsumaturi x’aktarx ser jibbenefikaw.

409    Il-possibbiltà ta’ verifika indipendenti mill-preżunzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-affermazzjonijiet ta’ Ryanair dwar iż-żieda fl-effiċjenza b’hekk ma tkunx meħtieġa mil-linji gwida, li jiddefinixxu l-gwida tal-Kummissjoni applikabbli f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni b’hekk ma setgħetx, fil-każ preżenti, tirrifjuta d-data ppreżentata minn Ryanair għar-raġuni biss li huma kienu bbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet li ma setgħux jiġu vverifikati b’mod indipendenti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma setgħetx teżiġi tip partikolari ta’ dokumenti, bħad-dokumenti preċedenti għall-konċentrazzjoni li jevalwaw b’mod oġġettiv u indipendenti l-portata taż-żieda fl-effiċjenza ġġenerata mix-xiri, sabiex tiġi kkontestata r-rilevanza tal-informazzjoni li tirriżulta minn tip ieħor ta’ dokumenti li jistgħu jiġu prodotti.

410    F’dan il-kuntest, Ryanair kienet iġġustifikata li tippreżenta lill-Kummissjoni d-data tagħha dwar iż-żieda fl-effiċjenza mistennija mill-konċentrazzjoni, mingħajr ma neċessarjament tirrikorri għal evalwazzjoni li tista’ tiġi vverifikata b’mod indipendenti minn terzi jew li seħħet qabel ma ġiet imħabbra l-konċentrazzjoni. Id-dinja tal-kummerċ mhux neċessarjament tippermetti l-produzzjoni f’waqtha ta’ dokumenti bħal dawn u d-dokumenti użati minn impriża sabiex tinbeda offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, provenjenti minn din l-impriża jew mill-avukati tagħha, fihom infushom jistgħu jkunu ta’ ċerta rilevanza sabiex jiġi sostnut il-kontenut tal-allegazzjonijiet dwar iż- żieda fl-effiċjenza.

411    Madankollu għandu jingħad li l-Kummissjoni eżaminat b’mod konkret jekk iż-żieda fl-effiċjenza allegata mir-Ryanair kienet “verifikabbli” fis-sens li hija tippermettilha li jkollha ċertezza, b’mod raġonevoli, li kien probabbli li timmaterjaliżża ruħha u li kienet suffiċjentement importanti sabiex tagħmel tajjeb għall-effett potenzjalment dannuż tal-konċentrazzjoni għall-konsumaturi. Fil-fatt, il-Kummissjoni sostniet fil-premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tal-affermazzjonijiet tar-Ryanair fuq iż-żieda fl-effiċjenza, “jidher ottimist ħafna li jiġi sostnut li Ryanair kienet f’pożizzjoni li tapplika totalment il-mudell ekonomiku tagħha lil Aer Lingus, u b’mod iktar speċifiku l-livelli tal-ispejjeż li huma assoċjati magħhom, mingħajr ma tikkumpensa t-telf fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti u tad-dħul”. Il-Kummissjoni sostniet li “Ryanair ma ressqet l-ebda prova oġġettiva jew korroboranti f’dan ir-rigward apparti minn ċerta fiduċja fl-‘istil tagħha ta’ tmexxija iktar agressiva’”.

412    Din il-kritika tad-data mogħtija minn Ryanair tikkonsisti f’li tiġi kkontestata l-kapaċità tagħhom li turi li ż-żieda fl-effiċjenza allegata tista’ tagħmel tajjeb għall-effetti negattivi li l-konċentrazzjoni tista’, f’nuqqas ta’ dan, tikkawża fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-punt 87 tal-linji gwida jindika li din il-prova taqa’ fuq il-partijiet li jinnotifikaw. Din iż-żieda fl-effiċjenza għandha tkun “kwantifikata” jew, għall-inqas, “identifikabbli b’mod ċar”, hekk kif jirriżulta mill-punt 86 tal-linji gwida.

413    Fin-nuqqas tal-provi li juru li l-qligħ mistenni minħabba l-applikazzjoni għall-Aer Lingus tal-mudell ekonomiku ta’ Ryanair jikkunsidra t-telf involut fl-abbandun tal-mudell ekonomiku adottat minn Aer Lingus, il-Kummissjoni kienet ġustifikata li tikkontesta n-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza allegata. Issa fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tallega fil-kitbiet tagħha li l-mudell ekonomiku tagħha huwa superjuri għal dak ta’ Aer Lingus u li dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza li tammonta għal EUR 221.7 miljun (premessa 1106 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, t-tabella 3). Huma dawn iċ-ċifri li huma kkontestati mill-Kummissjoni. Fil-premessi 1135 u 1140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet ukoll li Ryanair ma wrietx li hija setgħet tnaqqas l-ispejjeż ta’ Aer Lingus mingħajr riperkussjonijiet fuq il-kwalità tas-servizzi tagħha.

414    Konsegwentement, peress li Ryanair ma wrietx b’liema mod ir-raġunament tal-Kummissjoni tkun żbaljata għal dak li jirrigwarda n-nuqqas tagħha milli turi li hija setgħet tnaqqas l-ispejjeż ta’ Aer Lingus mingħajr riperkussjonijiet fuq il-kwalità tas-servizzi ta’ din l-impriża, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkontesta n-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza allegata fir-rigward tad-data mogħtija minn Ryanair fuq dan il-punt.

415    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effett fuq l-analiżi tad-differenza tal-mudell ekonomiku bejn Aer Lingus u Ryanair, din tal-aħħar issostni essenzjalment li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-intenzjoni tagħha li tkompli tipprovdi servizz iddifferenzjat, mingħajr ma tittrasferixxi “totalment” il-mudell ekonomiku tagħha għall-Aer Lingus (premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 397 iktar ’il fuq).

416    Dan l-ilment ma jikkunsidrax il-fatt li l-Kummissjoni kienet fil-fatt ikkunsidrat is-sitwazzjoni mressqa mir-rikorrenti. Fil-fatt, id-dubji tagħha dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza allegata fir-rigward tad-data mogħtija mir-rikorrenti ppreżentaw ruħhom b’dan il-mod: jew Ryanair timplementa l-mudell ekonomiku tagħha u b’hekk ikun meħtieġ li jiġi kkunsidrat it-telf f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti u tad-dħul provenjenti mill-mudell ekonomiku ta’ Aer Lingus fil-kuntest tal-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza allegata mir-Ryanair; jew Ryanair iżomm kif kellha l-intenzjoni li tagħmel il-karatteristiċi tal-prodotti u tad-dħul provenjenti mill-mudell ekonomiku ta’ Aer Lingus u b’hekk iż-żieda fl-effiċjenza tkun neċessarjament inqas minn dik li tirriżulta minn applikazzjoni sħiħa tal-mudell tas-servizzi bi prezz baxx u bi prezz baxx tar-Ryanair. Huwa fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-data mogħtija minn Ryanair li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ir-raġunament tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

417    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-referenza li saret fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li ġara b’mod partikolari wara x-xiri, minn Ryanair, tal-kumpannija Buzz, sussidjarja tal-KLM (premessa 1134 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 396 iktar ’il fuq), għandu jingħad li l-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu li dan ix-xiri ma huwiex tal-istess tip bħax-xiri ppjanat ta’ Aer Lingus. Hija preċiżament is-soluzzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata li turi d-differenzi bejn dawn iż-żewġ konċentrazzjonijiet (sparizzjoni tad-ditta Buzz, ritorn tal-ajruplani, sospensjoni tal-parti l-kbira tas-servizzi). Iż-żieda fl-effiċjenza invokata mir-Ryanair fuq il-bażi ta’ dan l-eżempju huwa b’hekk ibbażat fuq l-ipoteżi ta’ applikazzjoni sħiħa tal-mudell ekonomiku tar-Ryanair mal-impriża mixtrija.

418    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-portata tal-impenn tar-rikorrenti fl-offerta pubblika għall-kapital azzjonarju, dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet proposti minn Aer Lingus, l-eliminazzjoni tas-suppliment marbut mal-fjuwil, iż-żamma tan-numru tat-titjiriet u għat-titjib tas-servizz (premessa 1134 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 398 iktar ’il fuq), hekk kif issostni l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, impenn li tadotta imġiba partikolari, għal perijodu mhux speċifiku u potenzjalment qasir ħafna, ma tkunx ikkunsidrata bħala żieda fl-effiċjenza, u lanqas prova tal-eżistenza ta’ żieda fl-effiċjenza.

419    Fil-ħames lok, fir-rigward taż-żieda fl-effiċjenza dwar tnaqqis eventwali tal-ispejjeż pubbliċitarji (premessa 1136 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 399 iktar ’il fuq), il-kritika li saret mir-rikorrenti ma tikkontestax il-portata tal-preokkupazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jekk Ryanair għandha l-intenzjoni li żżomm politika tad-differenzazzjoni ta’ Aer Lingus fir-rigward tad-ditta u ta’ kwalità, Aer Lingus għandha tħaddan l-istrateġija tagħha ta’ marketing iddifferenzjata. Għażla bħal din għandha effettivament teħtieġ li jinżammu l-ispejjeż pubbliċitarji sabiex tiżgura ruħha li l-klijenti ma jħawwdux iż-żewġ kumpanniji.

420    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-proprjetà tal-ajruplani (premessi 1137 u 1138 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 400 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li, għal dak li jirrigwarda l-użu tal-opzjonijiet ta’ Ryanair li jippermettulha tixtri ajruplani bi prezzijiet iktar baxxi mill-prezz tas-suq, is-sitwazzjoni probabbli tkun li Ryanair teżerċita dawn il-possibiltajiet sabiex tirrinova l-flotta tagħha tal-ajru. Jekk Ryanair kellha l-intenzjoni li tikseb vantaġġ immedjat permezz tal-bejgħ ta’ ajruplani ġodda lil kumpannija oħra tal-ajru jew li tittrasferixxi dawn l-opzjonijiet lill-Aer Lingus sabiex tirrinova l-flotta tal-ajru ta’ din il-kumpannija, l-ispiża tas-sostituzzjoni ta’ użu ieħor tal-ajruplani jkun eżattament ugwali għal żieda fl-effiċjenza, li jagħmilha irrilevanti. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li, anki jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet preċedenti ma jseħħux, is-sitwazzjonijiet użati sabiex jiġu kkwantifikati l-ispejjeż relatati mal-proprjetà tal-ajruplani jkunu “partikolarment ottimisti” safejn huma jkunu bbażati fuq il-possibbiltà li tbigħ il-flotta ta’ Aer Lingus għal valur tagħha skont il-kotba.

421    Il-kritika tar-rikorrenti ma tikkontestax il-fondatezza ta’ din l-analiżi. Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li ma teżerċitax dawn l-opzjonijiet, din il-possibbiltà naturalment teżisti, iżda Ryanair b’hekk titlef il-vantaġġ eventwali. Għal dak li jirrigwarda x-xewqa espressa mir-rikorrenti li l-Kummissjoni turi li l-kundizzjonijiet tal-kuntratti konklużi ma’ Boeing jippermettulha teżerċità dawk l-“opzjonijiet mhux mixtieqa” u li tbigħ l-ajruplani fis-suq ħieles jew li hija effettivament tagħżel li tuża dawn l-opzjonijiet sabiex tikkompeti ukoll ma’ Boeing fis-suq tal-ajurplani ġodda, huwa diffiċli li jiġi mifhum kif ikun meħtieġ li din tintwera. Fil-fatt, il-Kummissjoni tillimita ruħha li ttirreferi għal soluzzjonijiet differenti li għandha Ryanair jekk hija tiddeċiedi li teżamina l-opzjonijiet tagħha billi tgħid li dawk l-opzjonijiet kienu inizjalment maħsuba sabiex tiġi rinovata l-flotta ta’ Ryanair. Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti ma tispjegax kif il-kritika li saret mill-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-karattru ottimist ta’ bejgħ tal-flotta ta’ Aer Lingus bil-prezz tal-valur tagħha skont il-kotba tkun żbaljata minħabba l-fatt tal-esperjenza tagħha f’dan il-qasam.

422    Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-ispejjeż tal-ajruport u tal-operat fuq l-art (premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 401 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkontestat, kif għamlet il-Kummissjoni, li din tal-aħħar kull ma għamlet kien li sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li “t-tnaqqis tal-ispejjeż li jirriżultaw mit-trasferiment tas-servizzi ta’ Aer Lingus lejn ajruporti sekondarji ma jammontawx fihom infushom għal żieda fl-effiċjenza”. Dan jista’ jiġi mifhum permezz tal-eżempju mogħti mill-Kummissjoni, li tosserva li Ryanair sostniet, fost l-oħrajn, li hija kienet ikkonkludiet ftehim mal-ajruport ta’ Bergamo li permezz tiegħu, dan l-ajruport kien iżommilha ammont għal kull passiġġier nettament iktar baxx minn dak mitlub lill-Aer Lingus sabiex ittir għal Milan. Bergamo madankollu huwa ajruport sekondarju li l-Aer Lingus ma toperax lejh, b’mod li l-vantaġġ tal-effettività allegata jkun miksub biss bi trasferiment lejn Bergamo tat-titjiriet attwali ta’ Aer Lingus b’destinazzjoni ta’ Milan-Linate u ta’ Milan-Malpensa. Hekk kif jirriżulta mill-ħtieġa ta’ din it-tibdila tal-offerta tas-servizzi ta’ Aer Lingus, il-Kummissjoni kienet b’hekk iġġustifikata li fid-deċiżjoni kkontestata tikkontesta l-eżistenza ta’ tali żieda fl-effiċjenza.

423    Fit-tmien lok, fir-rigward tal-effett ta’ parteċipazzjoni ikbar jew iżgħar fil-kontroll tar-Ryanair fl-Aer Lingus (premessa 1140 tad-deċiżjoni kkontestata; ara punt 402 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat essenzjalment fid-deċiżjoni kkontestata li parteċipazzjoni iktar baxxa minn 100 % tagħmel iktar diffiċli t-twettiq ta’ żieda fl-effiċjenza allegata hekk kif jirriżulra mill-“karattru ostili” tal-konċentrazzjoni notifikata. L-oppożizzjoni li tista’ tiġi manifestata mill-azzjonisti ta’ Aer Lingus li ma jaċċettawx it-teħid ta’ kontroll ta’ Ryanair, li xi wħud fosthom, bħall-Istat tal-Irlanda jew il-persunal ta’ Aer Lingus, jista’ jkollhom parteċipazzjoni sinjifikattiva fil-kapital ta’ Aer Lingus, fil-fatt tipperikola li tittardja jew tikkontesta ċerti deċiżjonijiet li Ryanair tista’ tadotta sabiex tnaqqas l-ispejjeż.

424    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza allegata għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq in-natura speċifika għall-konċentrazzjoni ta’ ċerta żieda fl-effiċjenza allegata

a)     L-argumenti tal-partijiet

425    Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li ċerta żieda fl-effiċjenza, bħat-tnaqqis relatat mal-ispejjeż għall-persunal, l-użu aħjar tal-ajruplani kif ukoll it-tnaqqis tal-ispejjeż għall-fjuwil u d-distribuzzjoni, “ma humiex verament speċifiċi għall-konċentrazzjoni” u jistgħu jinkisbu minn Aer Lingus indipendentement minn din (premessi 1143 sa 1145 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tgħarraf li Aer Lingus rat l-ispejjeż għal kull unità jinżlu mill-2001, iżda ssostni li minn l-aħħar rapport intermedju ta’ din il-kumpannija l-ispejjeż tagħha qed jiżdiedu. Barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ Aer Lingus jibqgħu sostanzjalment għola minn dawk ta’ Ryanair, u d-differenza qiegħda tikber. Mingħajr il-konċentrazzjoni, Aer Lingus ma tistax tibbenefika minn ekonomiji fil-kobor assoċjati mal-akkwist tagħha minn Ryanair. In-numru ta’ ajruplani li tiddisponi minnhom Aer Lingus ma żdidux sostanzjalment fl-aħħar ħames snin, ikun raġonevoli li jiġi preżunt li Aer Lingus ma setgħetx u ma riditx tikber f’daqqa sabiex topera fl-istess livell bħal Ryanair. Ċerta żieda fl-effiċjenza mhux marbuta mal-livell, bħat-tnaqqis tal-ħin tar-rotazzjoni fl-ajruport ta’ Dublin, ikunu ġeneralment speċifiċi għall-konċentrazzjoni, peress li Aer Lingus ma ppruvatx tikseb ħinijiet ta’ rotazzjoni iqsar (ara r-risposta ta’ Ryanair, tal-25 ta’ Jannar 2007, għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 11 tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet). Kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-kompetizzjoni allegatament eżerċitata minn Ryanair fuq Aer Lingus fiha nnfisha ma ammontatx għal inċentiv għal din tal-aħħar sabiex tibqa’ operatriċi effiċjenti.

426    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

427    Mill-punt 85 tal-linji gwida jirriżulta li ż-żieda fl-effiċjenza hija rilevanti għall-istima kompetittiva meta huma konsegwenza diretta tal-konċentrazzjoni notifikata u ma jistgħux jiġu miksuba b’mezz simili permezz ta’ prattiċi inqas anti-kompetittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda fl-effiċjenza hija meqjusa li hija kkawżata mill-konċentrazzjoni u allura, speċifika għall-konċentrazzjoni. Il-partijiet għall-konċentrazzjoni jridu jipprovdu fi żmien propizju l-informazzjoni rilevanti kollha li hija neċessarja sabiex turi li m’hemmx mezzi realistiċi li huma inqas anti-kompetittivi mill-konċentrazzjoni notifikata. Il-Kummissjoni tikkunsidra biss mezzi li huma raġonevolment prattiċi fis-sitwazzjoni kummerċjali li fihom jinsabu l-partijiet fil-konċentrazzjoni, wara li jiġu kkunsidrati l-prattiċi kummerċjali li huma stabbiliti fl-industrija inkwistjoni.

428    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li ċerta żieda fl-effiċjenza allegata, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-persunal, l-użu aħjar tal-ajruplani kif ukoll it-tnaqqis tal-ispejjeż għall-fjuwil u d-distribuzzjoni, tista’ tinkiseb wkoll mill-Aer Lingus indipendentement mill-konċentrazzjoni proposta (punt 7.10.4.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

429    Sabiex tikkontesta din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li mill-aħħar rapport intermedju ta’ Aer Lingus, datat it-30 ta’ Awwissu 2007 jirriżulta li l-ispejjeż ta’ din l-impriża qed jiżdiedu u li, fi kwalunkwe każ, huma ogħla minn tagħha. Il-konċentrazzjoni proposta tippermetti lill-Aer Lingus li tibbenefika minn ekonomija fil-kobor akbar minn dik li hija seta’ jkollha fin-nuqqas ta’ konċetrazzjoni.

430    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi ammess sa fejn il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kkunsidratx għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-27 ta’ Ġunju 2007, riżultati li ġew ippublikati biss fil-31 ta’ Awwissu 2007. Konsegwentement, hekk kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ġustament ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-fatt li, “mill-2001, Aer Lingus kienet żviluppat prassi kkonfermata mill-fatti li tnaqqas l-ispejjeż għal kull unità”. Barra minn hekk l-argument ibbażat fuq l-ekonomiji fil-kobor, imressqa minn Ryanair, ma jikkontestax il-fondatezza tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li pjuttost tiffoka fuq l-effettività tar-relazzjoni prezz-kwalità adottata minn Aer Lingus.

431    Konsegwentement, l-ilmenti dwar in-natura speċifika għall-konċentrazzjoni ta’ ċertu numru ta’ żieda fl-effiċjenza allegata għandhom jiġu miċħuda.

3.     Fuq il-vantaġġ għall-konsumaturi

a)     L-argumenti tal-partijiet

432    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aċċettat li teżisti konnessjoni bejn l-ispejjeż fissi marbuta mad-dħul f’rotta u l-livelli ta’ profitt li minnu d-dħul jibda jrendi qligħ, kif ukoll iż-żieda tal-kompetizzjoni li dħul bħal dan jista’ jwassal għalih f’rotta partikolari (premessa 1147 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li “ż-żieda fl-effiċjenza allegata fuq l-ispejjeż fissi ma taffettwax id-deċiżjonijiet tar-Ryanair dwar l-iffissar tal-prezzijiet tat-titjiriet eżistenti” (premessa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi tagħmel dan, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax il-fatt li, fl-industrija tat-trasport bl-ajru, l-ispejjeż fissi jiġu riflessi minnufih fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-produzzjoni marġinali u n-numru tat-titjiriet. Ryanair hija magħrufa li għandha spejjeż tal-operat imnaqqsa u li tbaxxi l-livell tal-ispejjeż fuq il-prezzijiet offerti lill-konsumaturi. Barra minn hekk, fl-industrija tat-trasport bl-ajru, fornituri jkollhom jagħmlu aġġustamenti frekwenti u fi żmien qasir tal-kapaċitajiet u tal-iskedi, ħaġa li l-istruttura tal-ispejjeż ta’ Aer Lingus ma tippermettix. Il-Kummissjoni kienet ukoll żbaljata meta indikat li “l-benefiċċji għall-klijenti konsegwentement ma jkunux immedjati iżda kundizzjonati minn serje ta’ avvenimenti u konsegwentement kunsiderevolment inqas ċerti mill-effett fuq il-prezzijiet ta’ tnaqqis tal-ispejjeż marġinali (li immedjatament jinkoraġixxi tnaqqis tal-prezz)” (premessa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata). Affermazzjoni bħal din tkun la motivata u lanqas sostnuta minn provi u tkun f’kontradizzjoni mal-esperjenza ta’ Ryanair.

433    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti b’referenza għad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

434    Għal dak li jirrigwarda l-vantaġġ għall-konsumaturi, il-punt 79 tal-linji gwida jindika li, meta ssir evalwazzjoni tal-argumenti bbażati fuq iż-żieda fl-effiċjenza, huwa importanti li jiġi vverifikat li l-konsumaturi ma jkunux iktar agħar bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Għal dak il-għan, iż-żieda fl-effiċjenza jeħtieġ li tkun sostanzjali u fi żmien raġonevoli, u jeħtieġ, bi prinċipju, li tagħti vantaġġ lill-konsumaturi f’dawk is-swieq rilevanti fejn, fin-nuqqas ta’ tali vantaġġi, il-konċentrazzjoni x’aktarx twassal għal problemi ta’ kompetizzjoni.

435    F’dan ir-rigward, mill-punt 80 tal-linji gwida jirriżulta li l-konċentrazzjonijiet jistgħu jġibu magħhom diversi tipi ta’ żieda fl-effiċjenza li jistgħu jwasslu għal prezzijiet iktar baxxi jew benefiċċji oħra lill-konsumaturi. Pereżempju, riżerva ta’ spejjeż fuq il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tista’ tagħti lill-konċentrazzjoni l-kapaċità u l-inċentiv sabiex timponi prezzijiet iktar baxxi wara l-formazzjoni tal-konċentrazzjoni. Minbarra l-bżonn li taċċerta li ż-żieda fl-effiċjenza ser twassal għal benefiċċju nett lill-konsumaturi, huwa x’aktarx iktar rilevanti għall-evalwazzjoni taż-żieda fl-effiċjenza, titjib li jwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż varjabbli jew marġinali mit-tnaqqis fi spejjeż fissi; peress li dawn tal-ewwel huma, bi prinċipju, iktar probabbli li jirriżultaw fi prezzijiet iktar baxxi għal konsumaturi. Tnaqqis ta’ spiża, li huwa sempliċement il-konsegwenza ta’ tnaqqis anti-kompetittiv fil-produzzjoni, ma jistax jiġu meqjus bħala żieda fl-effiċjenza li jibbenefikaw minnha l-konsumaturi.

436    Barra minn hekk, mill-punt 84 tal-linji gwida jirriżulta li l-inċentiv min-naħa tal-entità ġdida li hija r-riżultat tal-konċentrazzjoni sabiex tgħaddi żieda fl-effiċjenza lill-konsumaturi huwa spiss relatat mal-eżistenza tal-pressjoni kompetittiva mill-impriżi li jibqgħu fis-suq u mill-kompetituri potenzjali. Iktar ma huwa possibbli li jkun hemm effetti negattivi kbar fuq il-kompetizzjoni, iktar il-Kummissjoni trid tkun ċerta li ż-żieda fl-effiċjenza li hija pretiża hija sostanzjali, illi x’aktarx tkun ser iseħħ u li ser tkun mgħoddija, sa ċertu punt suffiċjenti, lill-konsumatur. Fuq dan il-punt, il-linji gwida jindikaw li ma tantx huwa probabbli li konċentrazzjoni li qiegħda timmira għal pożizzjoni fis-suq li qiegħda tapproċċja dik ta’ monopolju, jew li timmira għal livell simili tal-qawwa fis-suq, tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi li ż-żieda fl-effiċjenza tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-effetti anti-kompetittivi potenzali tagħha.

437    Fid-deċiżjoni kkontestata, bħala risposta għall-allegazzjoni ta’ Ryanair li t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat tal-ajruplani jaffettwa d-deċiżjoni “marġinali” tal-kumpannija tal-ajru toperax jew le titjira f’ċerta rotta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li spejjeż iktar baxxi għad-dħul f’rotta jnaqqsu l-livelli ta’ qligħ minn meta d-dħul jibda jkun ta’ qligħ, u li dan id-dħul għandu t-tendenza li jżid il-kompetizzjoni fir-rotta partikolari (premessi 1146 u 1147 tad-deċiżjoni kkontestata).

438    Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat il-livell ta’ ċertezza u r-rapidità tar-riperkussjoni ta’ dawn il-vantaġġi fuq il-konsumaturi sabiex issostni li din l-allegata żieda fl-effiċjenza fuq l-ispejjeż fissi ma taffettwawx id-deċiżjonijiet tar-Ryanair dwar l-iffissar tal-prezzijiet tat-titjiriet eżistenti. Skont din, il-vantaġġi għall-klijenti jseħħu biss jekk Ryanair tagħżel li żżid in-numru tat-titjiriet fuq ir-rotot eżistenti tagħha jew li tiftaħ rotta ġdida li ma tkunx vjabbli iktar qabel it-tnaqqis tal-ispejjeż fissi, iżda li tkun vjabbli wara l-konċentrazzjoni. Konsegwentement, anki jekk iż-żieda fl-effiċjenza tintlaħaq, il-vantaġġi għall-klijenti ma jkunux immedjati, iżda kundizzjonati minn sensiela ta’ avvenimenti u konsegwentement kunsiderevolment inqas ċerti mill-effett fuq il-prezzijiet ta’ tnaqqis tal-ispejjeż marġinali, li jinkoraġixxi tnaqqis immedjat tal-prezzijiet (premessa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata).

439    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li, hekk kif sostniet Ryanair li l-ispejjeż biss ta’ Aer Lingus jistgħu jitniżżlu għal-livell tagħha, dan ma jagħmel l-ebda differenza fir-rigward tas-sitwazzjoni preċedenti għall-konċentrazzjoni, peress li t-“treshold tal-qligħ” ta’ Ryanair u l-portata tar-rotot bi qligħ ma tinbidilx, anki jekk tintlaħaq iż-żieda fl-effiċjenza kollha (premessa 1149 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal kuntrarju, fir-rotot eżistenti fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom, l-effett immedjat tal-konċentrazzjoni jinsab fl-assimilazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus fil-qasam ta’ prezzijiet u ta’ produttività. Jekk wieħed jassumi politika ta’ massimizzar ta’ profitti, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha kull interess li tiżvela l-prezzijiet fuq dawn ir-rotot, minħabba l-ishma tas-suq kbar ħafna tal-entità l-ġdida, u kull trasferiment tal-passiġġieri bejn id-ditti Ryanair u Aer Lingus jibqgħu fil-parti l-kbira fi ħdan din l-entità, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rotot li jgħaddu minn duopolju għall-monopolju (premessa 1150 tad-deċiżjoni kkontestata).

440    Il-Kummissjoni amettiet li, fit-teorija, dan l-effett jista’ jkun kontrobilanċjat jekk iż-żieda fl-effiċjenza fuq l-ispejjeż fissi tiġġustifika li Ryanair żżid numru ta’ titjiriet addizzjonali fuq ir-rotot affettwati, li jwassal sabiex jitbaxxew il-prezzijiet. Hija madankollu kkunsidrat li, minħabba l-livell estremament għoli tal-ishma tas-suq tal-entità l-ġdida, spiss qrib li tkun monopolju u l-fatt li ż-żieda fl-effiċjenza allegata tapplika fil-parti l-kbira għad-ditta Aer Lingus, kien improbabbli ħafna li l-effett tat-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ din iż-żieda fl-effiċjenza jkun suffiċjenti sabiex idawwar bil-kontra ż-żieda fil-prezzijiet li tirriżulta minn sovrapożizzjoni orizzontali u tat-telf ta’ kompetizzjoni konsegwenti għall-konċentrazzjoni (premessa 1150 tad-deċiżjoni kkontestata).

441    F’dan ir-rigward, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, għandu jingħad li Ryanair ma tikkontestax l-evalwazzjoni li ż-żieda fl-effiċjenza eventwali ma hijiex probabbli li tgħaddi fuq il-konsumaturi kif jirriżulta mill-ishma kbar tas-suq li għandha l-entità ġdida fil-parti l-kbira tar-rotot fejn iż-żewġ partijiet għal konċentrazzjoni t-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom. B’hekk, anki jekk tiġi aċċettata l-affermazzjoni ta’ Ryanair, li l-ekonomiji kollha f’dak li jirrigwarda spejjeż jintużaw sabiex ibaxxu l-prezzijiet sabiex jiżdied il-volum, il-prijorità vera ta’ Ryanair tkun probabbilment dik li timminimizza l-benefiċċji. Fis-swieq fejn kull kompetizzjoni tiġi eliminata bħala konsegwenza tal-konċentrazzjoni, ikun mingħajr dubju ħafna iktar ta’ gwadann li l-konsumaturi ma jibbenefikawx minn tnaqqis allegat ta’ spejjeż fissi ta’ Aer Lingus.

442    Konsegwentement, l-ilmenti dwar il-vantaġġ għall-konsumaturi għandom jiġu miċħuda.

443    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar in-natura verifikabbli taż-żieda fl-effiċjenza, in-natura tagħhom speċifika għall-konċentrazzjoni u dwar il-vantaġġ għall-konsomaturi għandhom jiġu miċħuda kollha. Konsegwentement, peress li r-rikorrenti naqset milli turi li l-analiżi esposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata għal dak li jirrigwarda t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti sabiex jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li fihom hija tista’ tikkunsidra żieda fl-effiċjenza sabiex tevalwa konċentrazzjoni, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.     Konklużjoni fuq l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni

444    Mill-analiżi tal-ewwel erba’ motivi jirriżulta li l-ebda argument ippreżentat mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li skont din l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni ixxekkel b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni effettiva minħabba l-fatt tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’numru ta’ swieq bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon.

445    Dawn il-pożizzjonijiet dominanti huma monopolistiċi, jew kważi-monopolistiċi jew kunsiderevoli u suffiċjenti, fihom infushom, sabiex jissostanzjaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

446    B’hekk għandhom jiġu eżaminati l-ħames u l-aħħar motiv dwar l-impenji.

E –  Fuq il-ħames motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-impenji

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

447    Għandu jiġi mfakkar il-qafas tal-analiżi applikabbli għall-impenji qabel ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-impenji kontenzjużi fil-kawża preżenti.

a)     Fuq il-qafas tal-analiżi tal-impenji

448    Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jforni lill-impriżi kkonċernati l-awtorizzazzjoni neċessarja u minn qabel għat-twettiq ta’ kull konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, dawn l-impriżi jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, Ġabra p. II‑1967, punti 116 sa 118).

449    Skont l-istadju li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni notifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari (Artikolu 6(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet) jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami fil-fond (Artikolu 18(3) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet). Dawk l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami fil-fond jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni (ara s-sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq).

450    L-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet fil-fatt jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterji definiti fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq).

451    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa fl-interess tal-impriżi kkonċernati li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni li tuża l-akbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, punt 449, iċċittata iktar ’il fuq, punt 119).

452    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni hija awtorizzata taċċetta biss impenji ta’ natura li jagħmlu l-konċentrazzjoni notifikata kompatibbli mas-suq komuni (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 555).

453    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li impenji proposti minn wieħed mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jissodisfaw dan il-kriterju biss meta l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li jimplementawhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, jew ta’ xkiel għall-kompetizzjoni effettiva, li l-impenji għandhom l-għan li jwaqqfu, ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet u inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rimedji proposti fil-kawża preżenti ma kinux kollha ta’ natura strutturali, sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 555).

454    Barra minn hekk, mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, tas-7 ta’ April 2004, li jimplementa r-regolament dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), jirriżulta li l-impenji offruti mill-impriżi konċernati bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet għandhom ikunu ppreżentati lill-Kummissjoni fi żmien mhux iktar tard minn 65 jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-proċediment kienu ġew mibdija. Meta t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet jiġi pprorogat, il-perijodu ta’ 65 jum ta’ xogħol huwa awtomatikament ipprorogat b’numru identiku ta’ jiem ta’ xogħol. Fil-każ preżenti, it-terminu previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004 jintemm fit-3 ta’ Mejju 2007 (premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata).

455    Fir-rigward tal-impenji li huma sottomessi tard, jirriżulta mill-punt 43 tal-avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98 (ĠU 2001 C 68, p. 3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi”), li s-soluzzjonijiet tagħha ġew adottati mill-Kummissjoni fil-kawża preżenti għal dak li jirrigwarda r-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet u r-Regolament Nru 802/2004, li l-partijiet għal konċentrazzjoni notifikata setgħu jikkunsidraw impenji bħal dawn b’żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawn isolvu b’mod ċar u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni supplimentari l-problemi kompetittivi identifikati minn qabel u, min-naħa l-oħra, li jeżisti żmien biżżejjed sabiex l-Istati Membri jiġu kkonsultati dwar dawn l-impenji (ara, fir-rigward tar-regolament preċedenti dwar il-konċentrazzjonijiet, is-sentenzi EDP vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 163, u MyTravel vs Il-Kummissjoni, punt 449 iktar ’il fuq, punt 127).

b)     Fuq id-deskrizzjoni u l-evalwazzjoni tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007

456    Fil-premessa 1153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, fil-proċedura amministrattiva, Ryanair ppreżentat numru ta’ serje ta’ impenji: fid-29 ta’ Novembru 2006, l-“impenji inizjali tal-fażi I”, fl-14 ta’ Diċembru 2006, l-“impenji mibdula tal-fażi I”, fis-17 ta’ April 2007, bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-“impenji inizjali tal-fażi II”, u, fit-3 ta’ Mejju 2007, skontha, l-“impenji definittivi” (iktar ’il quddiem l-“impenji tat-3 ta’ Mejju 2007”).

457    Il-Kummissjoni sostniet li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 kienu jieħdu l-forma ta’ numru ta’ dokumenti, jiġifieri, minn naħa, “ittra ta’ impenji”, li tikkontjeni deskrizzjoni tal-impenji proposti u tal-kummenti ġenerali fuq l-investigazzjoni kif ukoll fuq in-natura xieraq tal-imsemmija impenji, u, min-naħa l-oħra, anness konformi mal-forma tal-impenji tal-abbozzi tat-test tal-Kummissjoni li tiddeskrivi d-“dettalji tal-mekkaniżmi tal-impenn nru 2” (premessa 1162 tad-deċiżjoni kkontestata).

458    Skont id-deskrizzjoni li saret fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1164 tad-deċiżjoni kkontestata), l-essenzjal tal-kontenut tal-impenji proposti jista’ jiġi deskritt billi ssir distinzjoni bejn l-impenji dwar is-slottijiet (l-ewwel erba’ miżuri) u dawk li ma għandhom l-ebda rabta mas-slottijiet (l-aħħar żewġ miżuri):

–        l-ewwel nett, Ryanair impenjat ruħha li tagħmel disponibbli s-slottijiet fuq ir-rotta bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Londra-Heathrow fil-kuntest tal-“ftehim ta’ lokazzjoni”, dawn is-slottijiet ikunu esklużivament irriżervati għal British Airways u Air France (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1410 imdaħħla taħt il-premessa 1164 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tieni nett, Ryanair impenjat ruħha, jekk meħtieġ, li tagħmel disponibbli s-slottijiet f’rotot oħra fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Dublin (li, skont din, jippermetti lill-kumpanniji tal-ajru li joperaw ċertu numru ta’ ajruplani bbażati f’Dublin) u barra minn hekk offriet li tagħmel disponibbli numru ekwivalenti ta’ slottijiet f’ajruporti tad-destinazzjoni speċifika jekk neċessarju, għar-rotot fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom;

–        it-tielet nett, Ryanair timpenja ruħha, jekk neċessarju, li tagħmel disponibbli slottijiet fir-rotot fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Cork u ta’ Shannon (fir-rigward ta’ slottijiet ta’ kull jum f’Cork u f’Shannon u ta’ numru ekwivalenti ta’ slottijiet f’Londra-Stansted għal titjiriet b’destinazzjoni ta’ Londra-Stansted kif ukoll ta’ slottijiet għar-rotta ta’ Cork u ta’ Liverpool sabiex tiffaċilita d-dħul fir-rotot Cork-Manchester u Cork-Liverpool);

–        ir-raba’ nett, fl-“ittra ta’ impenji” tagħha, Ryanair offriet li “ma tiffinalizzax ix-xiri ta’ Aer Lingus” qabel ma tkun sabet “xerrej” li jimpenja ruħu li jokkupa s-slottijiet għall-operat tal-ajruplani bbażati f’Dublin;

–        il-ħames nett, Ryanair impenjat ruħha li tnaqqas immedjatament it-tariffi ta’ distanza qasira ta’ Aer Lingus b’għall-inqas 10 %, li tnaqqas immedjatament is-surcharges għall-fjuwil li Aer Lingus tapplika għat-titjiriet tagħha ta’ distanza twila, li żżomm id-ditta Aer Lingus u li tkompli topera lil Aer Lingus distinta minnha;

–        is-sitt nett, Ryanair timpenja ruħha, minn naħa, li ma żżidx, iktar minn numru ta’ titjiriet operati flimkien minnha ma’ Aer Lingus, in-numru tat-titjiriet fuq it-total tar-rotot ikkonċernati fejn it-tnejn li huma joffru s-servizzi tagħhom, “fil-każ ta’ kumpannija ġdida li tidħol fir-rotta”, u dan fuq ir-rotta għal terminu ta’ sitt staġuni tal-International Air Transport Association (IATA) wara l-iffinalizzar tal-konċentrazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li ma tnaqqasx in-numru tat-titjiriet f’dawn ir-rotot, “sakemm rotta ma hijiex jew issir rotta li ma hijiex ta’ qligħ” (iffriżar tan-numru tat-titjiriet).

459    Il-Kummissjoni mbagħad fakkret li hija kienet indirizzat l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 lil terzi f’verżjoni mhux kunfidenzjali akkumpanjata minn kwestjonarju sabiex tippermettilhom li jkunu jafu l-veduti tagħhom u tikkjarifika ċerti domandi fattwali (pereżempju għal dak li jirrigwarda l-portata suffiċjenti tal-miżura korrettiva jew tal-probabbiltà tad-dħul xprunat minn dawn l-impenji) (premessa 1165 tad-deċiżjoni kkontestata).

460    Il-Kummissjoni fl-aħħar nett esponiet ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 (premessi 1166 sa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma kkonkludiet li “ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġu solvuti l-ostakoli sinjifikattivi identifikati għall-kompetizzjoni effettiva u, konsegwentement, li huma ma setgħux jagħmlu l-konċentrazzjoni proposta kompatibbli mas-suq komuni” (premessa 1235 tad-deċiżjoni kkontestata).

461    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni sostniet li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 kienu fformulati b’mod ftit ċar u ta’ spiss kontradittorju (punt 8.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont din, minħabba n-nuqqas tagħhom ta’ ċarezza, ma huwiex possibbli la li jiġu implementati u lanqas li jiġu applikati, l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet minimi definiti mill-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi u fis-sentenza General Electric vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq (punt 555).

462    L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt jirrigwardaw il-format tal-impenji (punt 8.2.1.1 tad-deċiżjoni kkontestata), in-nuqqas ta’ ċarezza tal-impenji dwar ix-“xerrej inizjali” (punt 8.2.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata), il-mekkaniżmi tat-trasferiment tas-slottijiet (punt 8.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u d-deskrizzjoni tal-“impenn nru 1” (punt 8.2.1.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

463    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat il-kontenut tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, qabel ma kkonkludiet li huma ma kinux f’pożizzjoni li jeliminaw il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati (punt 8.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Essenzjalment, il-Kummissjoni kkritikat il-fatt li l-impenji previsti ma jammontawx għal trasferiment ta’ attività, neċessarja fil-każ preżenti, iżda prinċipalment għal “miżura korrettiva marbuta mal-aċċess” definita b’mod konformi mal-mudell adottata għall-każijiet preċedenti li jirrigwardaw kumpanniji tal-ajru. Il-motivi segwenti ġew elaborati fid-deċiżjoni kkontestata:

–        fir-rigward tas-slottijiet fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji t-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Dublin, ta’ Cork u ta’ Shannon (punt 8.2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata), l-investigazzjoni tal-Kummissjoni u r-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq fuq l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 kienu wrew li ma kienet teżisti l-ebda indikazzjoni ta’ dħul suffiċjenti fil-parti l-kbira tar-rotot identifikati u li din l-offerta tas-slottijiet ma tistabilixxix kompetizzjoni f’parti kbira mis-suq ta’ xi tletin rotta kkonċernata fejn iż-żewġ kumpanniji t-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom. Il-Kummissjoni b’hekk sostniet li l-proposta ta’ “xerrej inizjali” ma tkunx ta’ rimedju għan-nuqqas ta’ perspettiva ta’ dħul (premessi 1197 u 1198 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-portata tal-impenji proposti kienu insuffiċjenti, peress li l-konġestjoni tal-ajruporti ma kinitx l-ostakolu prinċipali għal dħul tal-kompetizzjoni diretta mar-Ryanair-Aer Lingus flimkien (premessi 1199 sa 1206 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-impenji ma jirrelatawx ma’ slottijiet dwar l-ajruporti tad-destinazzjoni importanti, bħal dawk ta’ Roissy-Charles-de-Gaulle, ta’ Frankfurt am Main, ta’ Brussell, ta’ Milan-Linate jew ta’ Milan-Malpensa (premessi 1207 sa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-impenji jistgħu jippermettu biss “dħul frammentat”, inqas suxxettibbli li jistabbilixxi kompetizzjoni effettiva (premessi 1210 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata), u li l-impenji jinjoraw il-mudell tal-operat ta’ kumpannija ġdida li tkun qed tidħol (premessi 1213 sa 1215 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fir-rigward tal-lot tas-slottijiet fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow) (punt 8.2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata), il-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq ikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni, li British Airways u Air France, kif ukoll għall-inqas wieħed mill-kompetituri tagħhom, kienu interessati mill-kisba ta’ dawn is-slottijiet u permezz tal-espansjoni tal-attivitajiet eżistenti tagħhom f’din ir-rotta. Anki jekk, minħabba l-klawżola ta’ esklussività li tirrigwarda British Airways u Air France, is-slottijiet offerti ma jwasslux għal dħul ġdid ta’ kumpanniji, il-Kummissjoni rrikonoxxiet din l-offerta tas-slottijiet, billi ammettiet li jekk dawn ikunu ċeduti, dan iwassal verament għal espansjoni min-naħa tal-kompetituri f’din ir-rotta, li tkun tista’ teżerċità sa ċertu punt limitazzjoni fuq ir-Ryanair-Aer Lingus flimkien fir-rotta Dublin-Londra (premessa 1216 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni madankollu wriet dubji fir-rigward tan-natura suffiċjenti u rigward l-effettività ta’ dawn l-impenji għal numru ta’ raġunijiet: id-diffikultà li tistabbilixxi jekk dawn il-kumpanniji tal-ajru setgħux joffru servizzi bi prezz baxx komparabbli ma’ dawk offruti minn Ryanair, li jistgħu jissostitwixxu b’mod suffiċjenti t-tmiem tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-Aer Lingus (premessa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata), l-inċertezza fir-rigward ta’ jekk in-numru tat-titjiriet offerti liż-żewġ kumpanniji kkonċernati kinux suffiċjenti sabiex tiġi eżerċitata limitazzjoni effettiva fuq l-entita ġdida (premessa 1218 tad-deċiżjoni kkontestata), u n-nuqqas ta’ ċarezza tal-impenji (premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        fir-rigward tal-impenji li ma għandhom l-ebda konnessjoni mas-slottijiet (punt 8.2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata), li jikkonsistu fi tnaqqis immedjat ta’ għall-inqas 10 % tat-tariffi ta’ distanza qasira ta’ Aer Lingus, fit-tneħħija immedjata tas-surcharge fuq il-fjuwil applikat għat-titjiriet ta’ distanza twila, fl-“iffriżar tan-numru tat-titjiriet” u fiż-żamma ta’ operat u ditti separati, il-Kummissjoni kkonstatat li huma ma jsolvu l-ebda problema identifikata tal-kompetizzjoni u li huma jwasslu għal numru ta’ domandi dwar il-monitoraġġ tagħhom u għall-applikabbiltà tiegħu.

464    Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li kien diffiċli li jkun stabbilit jekk l-impenji proposti setgħux jiġu implementati mingħajr il-kunsens ta’ azzjonisti oħra ta’ Aer Lingus (punt 8.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, hija kkunsidrat li kienu jeżistu dubji kbar fuq livell legali fir-rigward tal-possibbiltà għal Ryanair li tabbanduna s-slottijiet ta’ Aer Lingus f’Heathrow peress li l-istatus tal-kumpannija tal-ajru tikkonferixxi ċerti drittijiet ta’ veto lill-Gvern Irlandiż, li tippermettilha timblokka t-trasferiment tas-slottijiet.

c)     Fuq id-deskrizzjoni tal-evalwazzjoni tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

465    Il-Kummissjoni fakkret li, fid-29 ta’ Mejju 2007 seħħet laqgħa fil-forma ta’ konferenza telefonika, li fiha Ryanair ġiet informata bir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq li jirrigwardaw l-impenji tagħhom u tal-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni fuq l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 (premessa 1153 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni sostniet li, wara din il-laqgħa u d-diskussjonijiet supplimentari sussegwenti, Ryanair kienet ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2007, fil-forma ta’ verżjoni preliminari, impenji riveduti, li huma imsejħa l-“abbozz tal-impenji definittivi emendati” fid-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007”). Il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont Ryanair, l-emendi proposti kellhom l-għan li “jindirizzaw” in-nuqqasijiet identifikati għal dak li jirrigwarda l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 (premessa 1236 tad-deċiżjoni kkontestata).

466    Il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien ġie kkomunikat speċifikament fil-forma ta’ verżjoni preliminari, mingħajr firma u mingħajr osservanza tar-rekwiżiti formali meħtieġa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 802/2004. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li r-Ryanair ma kinitx ippreżentat formalment l-impenji ġodda, hija ma kinitx marbuta tevalwahom fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata).

467    Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, anki jekk l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien ġie ppreżentat formalment, dawn l-impenji qatt ma kienu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li hija kellha diġà, li huma jsolvu totalment u b’mod mhux ambigwu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li t-terminu sabiex tikkomunika l-impenji skont ir-Regolament Nru 802/2004 kien it-3 ta’ Mejju 2007. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm, f’każijiet eċċezzjonali, hija tista’ taċċetta modifiki ta’ miżuri korrettivi ppreżentati anki jekk konsultazzjoni ġdida tal-partijiet fis-suq ma hijiex possibbli, dawn l-impenji għandhom jeliminaw speċifikament il-problemi kollha ta’ kompetizzjoni kkonstatati (premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, il-Kummissjoni sostniet, b’mod partikolari, li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien ibbażat fuq it-trasferiment tas-slottijiet u ma kien jinkludi l-ebda element ġdid li jista’ jaġixxi fuq l-ostakoli l-oħra għad-dħul identifikati u li b’hekk jippermettulu li jevalwa mill-ġdid ir-riżultati negattivi tal-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq fir-rigward tal-probabbiltà ta’ dħul reali. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-portata tad-dħul ġdid iggarantit kien madankollu insuffiċjenti, peress li l-impenji kienu jipprovdu għal kumpannija ġdida li tidħol fis-suq “xerrej inizjali” b’numru għola ta’ ajruplani, iżda xorta insuffiċjenti. Il-Kummissjoni sostniet barra minn hekk li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ma kienx jipprovdi għat-trasferiment tas-slottijiet fl-ajruporti kollha tad-destinazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari s-slottijiet fl-ajruporti flimkien, u li problemi oħra mhux irregolati kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-inċertezza ġuridika fir-rigward tas-slottijiet fl-ajruport ta’ Londra-Heathrow u l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ix-“xerrej inizjali” (premessa 1238 tad-deċiżjoni kkontestata).

468    Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li, anki jekk l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien ġie kkomunikat formalment, dan ma kienx jippermettilha tistabbilixxi biċ-ċertezza meħtieġa u mingħajr ma jkollha tirrikorri għal konsultazzjoni oħra tal-partijiet fis-suq li dawn l-impenji, la darba jiġu implementati, isolvu b’mod suffiċjenti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati kkawżati mill-konċentrazzjoni proposta (premessa 1239 tad-deċiżjoni kkontestata).

469    Sabiex tikkontesta din l-analiżi, ir-rikorrenti tfakkar essenzjalment, li pproponiet ħames serje ta’ impenji fil-proċedura amministrattiva, rispettivament fid-29 ta’ Novembru u fl-14 ta’ Diċembru 2006, fis-17 ta’ April, fit-3 ta’ Mejju u fl-1 ta’ Ġunju 2007. L-aħħar żewġ serje ta’ impenji jikkonsistu, fl-ewwel lok, f’impenji ta’ mġiba fir-rigward tat-tnaqqis ta’ 10 % tat-tariffa ta’ Aer Lingus, l-eliminazzjoni tas-supplimenti tal-fjuwil ta’ Aer Lingus, iż-żamma tan-numru tat-titjiriet fir-rotot eżistenti sakemm ma jiqfux milli jkunu ta’ qligħ u li ma jiżdiedux in-numru tat-titjiriet fir-rotot operati permezz tad-dħul ta’ kompetitriċi ġdida, fit-tieni lok, f’impenji li jirrigwardaw it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda f’Dublin, li jippermettu lil kompetitriċi jew tnejn li jibbażaw hemmhekk numru kbir ta’ ajruplani [b’distinzjoni bejn ir-rotta Dublin-Londra (Heathrow) u r-rotot l-oħra], kif ukoll f’Shannon u f’Cork, u, fl-aħħarnett, f’impenn dwar “xerrej inizjali”, li skont dan il-konċentrazzjoni titwettaq biss jekk ikun hemm xerrej għas-slottijiet fl-iskeda f’Dublin.

470    Għal dak li jirrigwarda l-aħħar serje ta’ impenji, ir-rikorrenti tirreferi għal laqgħa li seħħet mal-Kummissjoni fl-1 ta’ Ġunju 2007, li fiha din kienet ipproponiet tibdil fl-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 bil-għan li jiġu rrimedjati l-problemi identifikati. Skont ir-rikorrenti, dawn it-tibdiliet jirrigwardaw il-ħtieġa għaliha li f’terminu ta’ sitt xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (bi proroga possibbli ta’ sitt xhur) tipproponi “xerrej inizjali” li kien jibbaża immedjatament numru kbir ta’ ajruplani f’Dublin. Bħala risposta, Ryanair intrabtet li ssib “xerrej inizjali” għas-slottijiet fl-iskeda fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow) li tibbaża żewġ ajruplani f’Dublin u ieħor għas-slottijiet l-oħra fl-iskeda li tibbaża nofs in-numru ta’ ajruplani previst mill-Kummissjoni. Ryanair intrabtet ukoll li tpoġġi għad-dispożizzjoni tax-“xerrej inizjali” slottijiet fl-iskeda f’Dublin, fi kwalunkwe żmien fl-ewwel tliet snin, is-slottijiet fl-iskeda supplimentari neċessarji sabiex jintlaħaq in-numru kbir ta’ ajruplani mitluba mill-Kummissjoni u sabiex tagħti preferenza għax-xiri tas-slottijiet fl-iskeda f’Dublin għal kompetitriċi ġdida li tixtri s-slottijiet fl-iskeda f’Heathrow. Barra minn hekk, Ryanair intrabtet li ssib “xerrej inizjali” f’terminu ta’ sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ offerta ġdida għal Aer Lingus u li tippublika din l-offerta ġdida f’terminu ta’ sitt xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bi proroga possibbli ta’ sitt xhur. Id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi mifhum kif id-differenzi bejn it-tibdil mitlub mill-Kummissjoni u t-tibdil li sar minn Ryanair jippermetti li jiġi konkluż li l-aħħar serje ta’ impenji ma kienx sodifaċenti (premessa 1238 tad-deċiżjoni kkontestata).

471    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tfakkar li, sabiex terġa’ tistabbilixxi kompetizzjoni effettiva, l-impenji proposti għandhom jeliminaw l-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mit-tneħħija tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali bejn Ryanair u Aer Lingus fil-50 suq kollha affettwati. Dwar dan il-punt, hija sostniet fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li għalihom l-impenji ppreżentati fit-3 ta’ Mejju 2007, jiġifieri l-aħħar jum tat-terminu previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004, jinkludu nuqqasijiet formali u ma humiex f’pożizzjoni li jeliminaw il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati (premessi 1167 sa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004, il-Kummissjoni spjegat ir-raġuni li għaliha ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni modifikata kienet kompatibbli mas-suq komuni (premessi 1236 sa 1239 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni kellha teżamina d-differenzi bejn is-suġġerimenti eventwali mressqa mis-servizzi tagħha u l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007. L-unika domanda rilevanti tkun dwar jekk il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-konċentrazzjoni proposta, kif modifikata mill-impenji validament ippreżentati minn Ryanair, ixekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni.

472    Huwa f’dan il-kuntest ġuridiku u fattwali li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ nuqqasijiet formali tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007

a)     L-argumenti tal-partijiet

473    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma ġewx validament proposti (premessi 1167 sa 1182 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija ma hijiex marbuta tevalwahom. Peress li l-kontenut ta’ dawn l-impenji kien analizzat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi allegat li huma ma jistgħux jiġu analizzati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ nuqqasijiet formali identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, il-preżentazzjoni użata għal dawn l-impenji tkun identika għal dik użata għall-impenji tad-29 ta’ Novembru 2006, tal-14 ta’ Diċembru 2006 u tas-17 ta’ April 2007. L-uniċi elementi ġodda jikkonsistu fl-impenn li jirrigwarda x-“xerrej inizjali”, ippreżentat wara t-talba tal-Kummissjoni, u f’dak li jirrigwarda ż-żieda tas-slottijiet fl-iskeda supplimentari f’Cork u f’Shannon. Peress li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda oġġezzjonijiet fil-proċedura amministrattiva, għal dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni ta’ dawn is-serje ta’ impenji, hija b’hekk ma tistax tikkritka lil Ryanair li użat ittra li tikkontjeni l-impenji u anness li jinkludi spjegazzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 (premessa 1168 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lil Ryanair li ma kkonsultatx qabel il-preżentazzjoni tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 (nota ta’ qiegħ il-paġna 1403 imdaħħla taħt il-premessa 1161 tad-deċiżjoni kkontestata), sa fejn dawn l-impenji jikkorrispondu mal-impenji preċedenti, u fejn kienet diġà seħħet diskussjoni mingħajr mal-Kummissjoni qajmet oġġezzjonijiet fir-rigward tal-forma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lil Ryanair li ma użatx il-mudell tat-test mhux obbligatorju li hija adottat.

474    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li hija kienet ikkjarifikat numru ta’ allegati ambigwitajiet fid-deċiżjoni kkontestata u li l-allegati inkoerenzi li kien hemm ma setgħux iwaqqfu l-adozzjoni tal-impenji.

475    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1173 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din jeżistu dubji għal dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tax-“xerrej inizjali”, ir-rikorrenti tfakkar li hija aċċettat li tinkludi dan l-impenn fuq talba tal-Kummissjoni u li hija speċifikat dik id-dispożizzjoni fil-verżjonijiet provviżorji redatti mill-ġdid. Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret għall-istess premessa, li t-terminu għall-implementazzjoni tas-soluzzjoni li tirrigwarda “x-xerrej inizjali” ma kienx definit, ir-rikorrenti ssostni li hija tat kjarimenti rigward it-terminu u li hija spjegat lill-Kummissjoni r-regoli Irlandiżi rilevanti fil-qasam tat-teħid tal-kontroll.

476    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1174 tad-deċiżjoni kkontestata, li teżisti kontradizzjoni bejn is-soluzzjoni li tirrigwarda x-“xerrej inizjali” imsemmija fl-“ittra ta’ impenji” u t-terminu tat-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda prevista fil-punt 3 tal-Anness 1 tal-imsemmija ittra, ir-rikorrenti ssostni li hija neħħiet din il-klawżola sabiex telimina kull dubju fir-rigward tat-terminu tal-impenji.

477    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1175 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex ċar jekk is-soluzzjoni tax-“xerrej inizjali” kinitx tikkonċerna biss is-slottijiet fl-iskeda f’Dublin jew anki s-slottijiet fl-iskeda f’Shannon u f’Cork, Ryanair ippreċiżat li din is-soluzzjoni kienet tkopri biss slottijiet fl-iskeda f’Dublin.

478    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1176 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-soluzzjoni li tikkonċerna x-“xerrej inizjali” ma kinitx ċara jekk din tirrigwardax it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda lil kumpanniji differenti tal-ajru jew lil kumpannija waħda biss, Ryanair ippreċiżat li dan l-impenn japplika għal “kumpanniji tal-ajru waħda jew iktar li jixtiequ jakkwistaw slottijiet fl-iskeda sabiex jibbażaw ajruplani f’Dublin”, u b’hekk jirreferu, potenzjalment, għal kumpanniji tal-ajru differenti. Dan huwa kkonfermat mill-verżjonijiet provviżorji riveduti tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ippreżentati fil-25 u fit-30 ta’ Mejju 2007.

479    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessi 1177 u 1178 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impenn dwar it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda ma kienx ċar, kif muri mill-espressjonijiet “allokati minn żmien għal żmien sabiex tirrispetta l-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ Aer Lingus (kif emendat minn żmien għal żmien)” jew “ftehim ta’ lokazzjoni li jorbot”, ir-rikorrenti ssostni li, hekk kif ġiet iċċarata b’mod ġenerali l-kwistjoni tat-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda, dawn l-espressjonijiet ġew iċċarati fl-ittra tagħha datata l-15 ta’ Mejju 2007. Barra minn hekk, bħala risposta għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni datata l-25 ta’ Mejju 2007, Ryanair forniet kjarimenti supplimentari u annettiet l-opinjoni ta’ avukat Irlandiż.

480    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma jurux l-intenzjoni ċara u libera tas-slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti tad-destinazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li dan huwa każ ta’ problema li ma jirrigwardax il-forma, iżda l-mertu.

481    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1180 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx ċar “jekk kumpanniji ġodda li jidħlu fis-suq jistgħux jużaw s-slottijiet offerti (ħlief slottijiet f’Londra-Heathrow) fi kwalunkwe rotta jew jekk l-użu tagħhom ikunx limitat għar-rotot jew is-servizzi fejn ikun hemm iktar minn kumpannija waħda li tkun qed isservi l-istess rotta”, ir-rikorrenti ċċarat din l-allegata ambigwità billi indikat diversi drabi li s-slottijiet fl-iskeda jistgħu jintużaw sabiex iservu kwalunkwe rotta mingħajr limitazzjoni bi tluq minn Dublin, inkluż fosthom rotot fejn iktar minn kumpannija waħda toffri s-servizzi tagħha. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni tidher li hija bbażata biss fuq il-punt 2.15(iii) tal-Anness 1 tal-“ittra ta’ impenji”, li ġiet sussegwentement imneħħija.

482    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-definizzjoni tagħha tal-“pari ta’ ajruporti previsti” fl-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma tikkorispondux mal-pari msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti spjegat li hija kienet ħalliet barra żewġ destinazzjonijiet (jiġifieri Bologna u Salzburg), għaliex dawn ir-rotot kienu esklużivament staġjonali, iżda li din ma tbiddilx l-intenzjoni tagħha li tkopri r-rotot kollha. Sabiex tneħħi kull dubju f’dan ir-rigward, Ryanair inkludiet dawn iż-żewġ destinazzjonijiet fil-verżjonijiet ulterjuri tal-impenji.

483    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-numru totali ta’ slottijiet fl-iskeda li kellhom jiġu vakati f’Cork u f’Shannon ma jirriżultax b’mod ċar, ir-rikorrenti ssostni li din l-informazzjoni tidher b’mod ċar fl-“ittra ta’ impenji”. Barra minn hekk, Ryanair ikkonfermat din id-data f’ittra u fl-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007.

484    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1181 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tkun taf id-dettalji tal-implementazzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ mġiba proposti fil-kuntest tal-impenn nru 1, ir-rikorrenti ssostni li hija ppreċiżat kif iseħħ l-istħarriġ. Mingħajr ma tagħti risposta sinjifikattiva għal din l-ispjegazzjoni, il-Kummissjoni sostniet fir-risposta tagħha li l-ispjegazzjoni biddlet l-impenji u li hija ma kinitx marbuta li taċċetta dan. Sabiex tneħħi kull dubju f’dan ir-rigward, Ryanair inkludiet dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-preżentazzjoni tar-rapporti fil-proposti ulterjuri tagħha.

485    Fir-rigward tal-affermazzjoni li saret fil-premessa 1182 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-inkoerenza u n-nuqqas ta’ ċarezza” tas-soluzzjonijiet proposti, ipperċepiti “minn ċerti kompetituri” bħala ostakolu għal-vjabilità tal-impenji, tirriżulta mir-risposti ta’ “ċerti” kompetituri għad-domanda nru 5 tal-kwestjonarju mibgħut f’Mejju 2007 lill-partijiet fis-suq dwar iċ-ċarezza tas-soluzzjoni dwar it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni bħal din. L-ewwel nett, 20 kompetitur biss irrispondew għal dan il-kwestjonarju, li minnhom 9 ma rrispondewx għad-domanda nru 5. Fir-rigward tal-11-il kompetitur li rrispondew għal din l-aħħar domanda, 3 attwalment ma jndirizzawx id-domanda li saret, 3 (LTU, Aer Arann u Clickair) ikkummentaw b’mod pożittiv dwar is-suġġett taċ-ċarezza tal-impenji u 5 biss, li minnhom 2 kienu anonimi, ħarġu riżervi fir-rigward taċ-ċarezza tas-soluzzjoni dwar it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda. Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda referenza għal informazzjoni oħra dwar l-allegati “inkoerenzi” jew għall-allegat “nuqqas ta’ ċarezza”.

486    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, ssostni li hija responsabbiltà ta’ Ryanair li tippreżenta impenji kompluti u effettivi għall-punti kollha di vista li jippermettulha tikkonkludi b’ċertezza li jkun possibbli li jiġu eżerċitati l-impenji u li l-istrutturi kummerċjali ġodda li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex il-konċentrazzjoni ma xxekkilx il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv. Ryanair ma kkonsultatx mal-Kummissjoni qabel ma ppreżentat l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, u lanqas fir-rigward tas-serje preċedenti ta’ impenji. Il-Kummissjoni qatt ma indikat li dawn l-impenji kienu ġew redatti b’mod suffiċjentement ċar u speċifiku sabiex jiġu implementati. L-ebda aspettattivi leġittimi ma jistgħu jiġu invokati fuq dan il-punt. L-elementi dwar is-slottijiet u l-imġiba li tidher fl-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma jikkorrispondux ma’ dawk tal-impenji preċedenti. Fi kwalunkwe każ, l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma kinux suffiċjentement ċari u speċifiċi sabiex jiġu implementati.

487    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra kjarifiki informali ppreżentati sussegwentement, li, huma wkoll, kienu neqsin minn ċarezza u preċiżjoni. Wara d-data ta’ limitu għall-preżentazzjoni tal-impenji, il-Kummissjoni tista’ taċċetta impenji modifikati biss eċċezzjonalment jekk dawn jeliminaw b’mod ċar il-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati mingħajr ma tkun meħtieġa konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq. Issa, wara l-preżentazzjoni tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, Ryanair forniet ġabra ta’ informazzjoni informali, kull tant kontradittorji mat-termini tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, kif ukoll tal-abbozzi redatti mill-ġdid ta’ dawn tal-aħħar, fil-25 u fit-30 ta’ Mejju 2007. L-ebda waħda minn dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġew ippreżentati formalment. Barra minn hekk, dawn l-ispjegazzjonijiet ma kinux suffiċjenti sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet kollha formali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Aer Lingus b’hekk tindika li Ryanair sostniet fit-8 ta’ Mejju li, “sabiex tiċċara l-affarijiet, is-slottijiet fl-iskeda ta’ Heathrow ma humiex esklużivament destinati għal British Airways u għal Air France”, qabel ma sostniet fil-11 ta’ Mejju li “dawn is-slottijiet fl-iskeda huma esklużivament irriżervati għall-British Aiways u għall-Air France”. Il-Kummissjoni sostniet ukoll li għall-inqas seba’ mill-għaxar kompetituri ta’ Ryanair li rrispondew għall-konsultazzjoni tas-suq ikkunsidraw li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 ma kinux ċari biżżejjed, li jkun biżżejjed sabiex tappoġġa l-affermazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata li skont din l-inkoerenza u n-nuqqas ta’ ċarezza tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 jammontaw għal ostakolu għal vjabbilità ta’ dawn.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

488    Mid-deċiżjoni kkontestata (ara punti 461 sa 465 iktar ’il fuq), jirriżulta li l-impenji proposti minn Ryanair fil-kuntest tal-perijodu definit għal dan il-għan mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004, li jintemm fit-3 ta’ Mejju 2007, ma ġewx ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala sodisfaċenti sabiex iwieġbu għall-problemi tal-kompetizzjoni identifikati f’dan l-istadju. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq żewġ raġunijiet li ġew esposti fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, “l-impenji [tat-3 ta’ Mejju 2007] ma jissodisfawx b’mod suffiċjenti l-obbligi ta’ ċarezza legali u ta’ koerenza sabiex tkun tista’ tevita l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati” (premessa 1182 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, mingħajr ma tikkunsidra in-“nuqqasijiet magħrufa identifikati” taħt il-punt 8.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-impenji [tat-3 ta’ Mejju 2007] ma jkunux suffiċjenti sabiex jeliminaw il-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati” (premessa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata).

489    Għandu jingħad li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma jistgħux jintużaw sabiex jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

490    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqasijiet formali msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ssostni li dawn ma jistgħux jiġu evokati peress li saret analiżi tal-kontenut ta’ dawn l-impenji fid-deċiżjoni kkontestata.

491    Madankollu mill-qari stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-analiżi tal-kontenut seħħet b’mod awtonomu. Fil-premessa 1166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk indikat li dawn l-impenji kienu “mhux biss redatti b’mod ftit ċar u spiss kontradittorju (ara l-punt 8.2.1)” iżda [li] “l-kontenut tagħhom ma kienx jippermetti iktar li jiġu solvuti l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati (ara l-punt 8.2.2)”. Din l-analiżi tal-kontenut hija spjegata mill-volontà pedagoġika tal-Kummissjoni li tikkomunika lil Ryanair ir-riżultati tat-test tagħha tas-suq dwar l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 sabiex tispjega x’tista’ tkun l-aħħar offerta ta’ impenji.

492    Ir-rikorrenti b’hekk ma tistax tikkonfuta l-eżistenza ta’ nuqqasijiet identifikati fil-punt 8.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jirrigwarda l-forma użata sabiex tippreżenta l-impenji, in-nuqqas ta’ ċarezza tal-impenn dwar ix-“xerrej inizjali” tas-slottijiet fl-iskeda, il-mekkaniżmi ta’ trasferiment tal-imsemmija slottijiet u l-monitoraġġ tal-impenji ta’ mġiba, fuq l-uniku pretest li saret analiżi ta’ dawn l-impenji fuq il-mertu, peress li analiżi bħala din kienet seħħet għal skopijiet ta’ kompletezza, bi tluq mill-ipoteżi li l-imsemmija impenji ġew ippreżentati b’mod li jistgħu jiġu implementati.

493    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tistax tagħmel użu mill-attitudni tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-impenji ppreżentati preċedentement. Il-forma użata mir-rikorrenti ġiet użata biss fil-passat għall-preżentazzjoni tal-impenji tas-17 ta’ April 2007, li kienu parti mir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, f’mument meta l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ma kinitx għadha finalizzata. Għalkemm huwa possibbli li jiġi ammess li, f’dan l-aħħar kuntest, ir-rikorrenti tista’ tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ evalwazzjoni bħal din li tikkontesta l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni, din ma tkunx awtorizzata tinkludi dikjarazzjonijiet jew opinjonijiet fuq l-analiżi li saret mill-Kummissjoni f’proposta ta’ impenji bħal dawk tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, sa fejn din il-proposta għandha turi l-volontà li telimina l-problemi identifikati f’dan l-istadju bħala tpattija għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fuq l-impenji mixtieqa mill-Kummissjoni, il-partijiet fit-tranżazzjoni jistgħu dejjem jirrifjutaw li jipproponuhom u jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni eventwali ta’ projbizzjoni li tirriżulta għal-konċentrazzjoni tagħhom.

494    Barra minn hekk, f’kuntrast mal-proposti preċedenti, ċerti impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 kienu ppreżentati għal ewwel darba, bħala impenn tax-“xerrej inizjali” li dwaru l-Kummissjoni insistiet b’mod partikolari fid-deċiżjoni kkontestata li kien vag ħafna fid-dawl tal-prassi deċiżjonali tagħha preċedenti f’dan ir-rigward (premessa 1172 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1428 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-prassi teħtieġ b’mod partikolari klawżola ċara u speċifika li tikkundizzjona b’mod effettiv l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni għat-twettiq tal-impenn korrispondenti.

495    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-konklużjoni li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 għandhom nuqqasijiet formali billi tibbaża ruħha, hekk kif intqal fil-punti 474 sa 485 iktar ’il fuq, fuq informazzjoni u kjarifiki mressqa sussegwentement bħala risposta għat-talbiet tal-Kummissjoni. Din l-informazzjoni taqa’ f’kuntest ieħor, dik tal-aħħar offerta ta’ impenji, u mhux fil-kuntest tal-evalwazzjoni li saret mill-Kummissjoni fuq il-forma u ċ-ċarezza tal-impenji ppreżentati minn Ryanair fil-proċedura prevista għal dan il-għan mir-Regolament Nru 802/2004.

496    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jistgħu jikkontestaw, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata li l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 jippreżentaw nuqqasijiet formali b’mod li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li timplementhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex ix-xkiel għall-kompetizzjoni effettiva li dawk l-impenji għandhom l-għan li jwaqqfu ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib.

497    B’hekk għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007. Huwa f’dan il-kuntest li ġew eżaminati l-argumenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-proposti ta’ impenji li saru lill-Kummissjoni.

3.     Fuq in-nuqqas ta’ nuqqasijiet formali tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

a)     L-argumenti tal-partijiet

498    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta sostniet, fil-premessi 1236 sa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ma kinux ġew validament proposti u li hija ma kinitx marbuta li tevalwah. Peress li l-kontenut ta’ dan l-abbozz kien ġie analizzat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi allegat li ma setax jiġi analizzat. Skont ir-rikorrenti, l-ittra li hija indirizzat fl-1 ta’ Ġunju 2007 lill-Kummissjoni kienet ġiet ippreżentata bħala “verżjoni provviżorja” sabiex tippermetti lil din tagħmel emendi għal forma finali li jistgħu jintalbu sabiex jiżguraw li dawn l-impenji jkunu ċari, nieqsa minn ambigwità u koerenti fid-dokument kollu. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-klassifikazzjoni bħala “verżjoni provviżorja” u n-nuqqas ta’ firma kienu nuqqasijiet formali li waqqfu milli tevalwa s-sustanza tal-impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, hija kellha tinforma lir-Ryanair, ħaġa li ma għamlitx. B’hekk, l-ittra tal-Kummissjoni lir-Ryanair tal-4 ta’ Ġunju 2007 kull ma tagħmel huwa li tindika li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ma jippermettix li jirrimedjaw il-problemi tal-kompetizzjoni identifikati f’dan l-istadju, mingħajr ma jiġi indikat li l-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kinitx obbligata li tevalwahom, peress li huma kienu ġew proposti fil-forma ta’ verżjoni provviżorja. Billi taġixxi b’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

499    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, issostni li impenji mhux iffirmati, speċifikament suġġetti għal forma tal-abbozz, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala impenji “li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-regolament dwar il-konċentrazzjonijiet. Impenji bħal dawn jistgħu jiġu mibdula jew revokati mill-impriża li pproponiethom. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien ġie ppreżentat formalment, dan ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni li tistabbilixxi, biċ-ċertezza meħtieġa, li dan isolvi l-problemi tal-kompetizzjoni identifikati mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu kkonsultati mill-ġdid il-partijiet fis-suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fiha nfisha, sabiex tallega li l-Kummissjoni kellha tapprezza l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 u l-Kummissjoni qatt ma żgurat lil Ryanair li hija sejra tevalwa l-abbozzi kollha ta’ impenji fid-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

500    Bħal fil-każ tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007, l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ġie miċħud mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal żewġ raġunijiet (ara punti 467 u 468 iktar ’il fuq).

501    Minn naħa, il-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 “kien ġie ikkomunikat speċifikament fil-forma ta’ verżjoni preliminari, mingħajr firma mingħajr ma jiġu osservati r-rekwiżiti formali meħtieġa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament […] Nru 802/2004”. Hija kkonkludiet li, “peress li Ryanair ma kinitx formalment ippreżentat impenji ġodda, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tevalwhom fid-deċiżjoni preżenti”. Il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li hija “ma setgħetx tagħmel awtorizzazzjoni tiddependi fuq l-osservanza ta’ dan l-abbozz ta’ impenji” (premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata).

502    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet li, “fi kwalunkwe każ, anki jekk l-abbozz tal-impenji [tal-1 ta’ Ġunju 2007] kien intbagħat formalment, dawn l-impenji qatt ma kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li kienet diġà tiddisponi minnha, li huma jsolvu totalment b’mod mhux ambigwu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati” (premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għal punt 43 tal-komunikazzjoni dwar il-miżuri korrettivi u għas-sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 161 sa 163).

503    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel raġuni mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiċħad l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, mit-test stess ta’ dan id-dokument jirriżulta li dan huwa sempliċi abbozz u mhux verżjoni li tista’ torbot lil Ryanair kif huwa neċessarju f’dan l-istadju tal-proċedura. B’hekk, anki jekk id-dokument huwa intitolat “Impenji li ġuridikament jorbtu lil Ryanair fir-rigward tal-Kummissjoni”, huwa ppreżentat fil-forma ta’ “abbozz” u l-ispazju previst għall-firma tad-direttur ġenerali ta’ Ryanair tħalla vojt. L-ittra li qiegħdha takkumpanja l-abbozz, iffirmata mid-direttur ġeneral tar-Ryanair issemmi wkoll li l-imsemmi dokument huwa ppreżentat fil-forma ta’ abbozz, sabiex jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tagħmel tibdiliet fil-forma finali li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex dawn l-impenji jkunu ċari, nieqsa minn ambigwitajiet u koerenti fid-dokument kollu. Issa, il-Kummissjoni ma għandhiex iktar il-possibbiltà li tagħti iktar dettalji f’dak l-istadju avvanzat ħafna tal-proċedura, fejn l-aħħar offerta ta’ impenji għandha mhux biss torbot lil parti li tipproponihom, iżda fiha nnifisha tkun suffiċjenti, fis-sens li l-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwaha mingħajr ma jkollha terġa’ ssaqsi għall-opinjoni ta’ terzi dwar il-kontenut tagħha.

504    Barra minn hekk, il-fatt li analiżi tal-kontenut ta’ abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 sar “fi kwalunkwe każ” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li dan jammonta għal awtorizazzjoni lir-rikorrenti milli tastjeni milli tippreżenta impenji li legalment jorbtu lill-Kummissjoni fl-aħħar stadju tal-proċedura.

505    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jikkontestaw, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata, li l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ma jippermettilhiex li tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li dawn jiġu implementati u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex ix-xkiel għal-kompetizzjoni effettiva li dawn l-impenji kellhom l-għan li jwaqqfuhom ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib.

506    L-evalwazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti fuq l-eżami tal-mertu tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 u tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 b’hekk sar għal skopijiet ta’ kompletezza, kif sar fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata.

4.     Fuq l-evalwazzjoni abbażi tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 u tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

a)     L-argumenti tal-partijiet

507    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li s-sopravalutat ir-restrizzjoni kompetittiva li Aer Lingus u hi jeżerċitaw fuq xulxin u li wettqu żball fl-evalwazzjoni tat-theddida ta’ dħul li jista’ jwaqqaf l-esplojtazzjoni antikompetittiva ta’ monopolju (ara l-linji gwida u s-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, punt 202). Billi tibbaża ruħha fuq analiżi żbaljata tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni eżiġiet b’mod sproporzjonat li Ryanair issib “xerrej inizjali” li jibbaża numru kbir ta’ ajruplani f’Dublin sabiex jikkompeti immedjatament mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fil-fatt, l-ebda kumpannija tal-ajru ma tista’ tibbaża simultanjament numru bħal dan ta’ ajruplani f’ajruport wieħed u toffri fi żmien sitt xhur servizzi fil-35 rotta kollha fejn iż-żewġ kumpanniji t-tnejn joffru s-servizzi tagħhom. Ħafna minn dawn ir-rotot huma kkaratterizzati minn kapaċità żejda u l-perijodu ta’ sitt xhur ma jkunx ippermetta t-trasferiment ta’ numru tas-slottijiet fl-iskeda neċessarji għal dħul ġdid minħabba l-pjanifikazzjoni tal-proċeduri tat-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda prevista mill-IATA.

508    Ir-rikorrenti ssostni li ma hijiex responsabbiltà tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li jistabbilixxu li l-impenji proposti jirrimedjaw il-problemi tal-kompetizzjoni kkonstatati mill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-konċentrazzjoni, kif modifikata mill-impenji, ixekkel il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv (sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 63 u 77). Issa, il-Kummissjoni ma għamlitx evalwazzjoni globali tal-konċentrazzjoni kif modifikata għalkemm din hija meħtieġa mill-punt 77 tas-sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għall-impenji proposti wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 802/2004, jirriżulta mill-punti 161 sa 163 tas-sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni tkun marbuta li tikkunsidrahom biss jekk huma jsolvu b’mod ċar il-problemi ta’ kompetizzjoni u mingħajr bżonn ta’ investigazzjoni supplimentari. Kuntrarjament għal dak li ġie indikat fil-premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata, din ir-regola ma tapplikax għal abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, peress li din twieġeb għal suġġerimenti speċifiċi li saru mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007.

509    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li t-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda u l-impenji ta’ mġiba huma suffiċjenti sabiex jeliminaw kull problema ta’ kompetizzjoni. B’hekk, it-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda f’Londra-Heathrow, “l-iktar ta’ valur fid-dinja kollha”, “verament iwassal għal espansjoni minn naħa tal-kompetituri f’din ir-rotta” (premessa 1216 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-disponibbiltà tas-slottijiet fl-iskeda għal rotot oħra bi tluq minn Dublin, minn Shannon jew minn Cork ippermettiet lil kwalunkwe kumpannija tal-ajru li tidħol fi kwalunkwe rotta fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom jew fi kwalunkwe rotta tal-għażla tagħha, jekk ikun hemm bżonn billi tibbaża ajruplani fl-Irlanda. L-“iffriżar tan-numru tat-titjiriet” kien iggarantixxa li, f’każ ta’ żieda fid-domanda f’rotta, Ryanair ma tkunx f’pożizzjoni li “taħtaf” din id-domanda għad-detriment ta’ kompetitur. L-impenn li ma jitnaqqasx in-numru tat-titjiriet, ħlief jekk rotta ma tkunx iktar ta’ qligħ, jimplika li, anki jekk ma jkunx hemm dħul ġdid f’rotta partikolari, il-kapaċità flimkien ta’ Ryanair u ta’ Aer Lingus tagħmel diffiċli li l-prezzijiet jiġu miżjuda filwaqt li jżommu koeffiċjenti sodisfaċenti ta’ seats mimlija. It-tnaqqis immedjat ta’ 10 % tal-prezzijiet ta’ Aer Lingus wara l-konċentrazzjoni wassal immedjatament għal ekonomija għall-konsumaturi. Dawn l-impenji jkunu konformi ma’ dawk li l-Kummissjoni kienet aċċettat fid-deċiżjoni tagħha tal-11 ta’ Frar 2004 (Każ COMP/M.3280 – Air France/KLM), dwar l-operaturi li għandhom saħħa fis-suq ogħla minn dik ta’ Ryanair.

510    L-ewwel nett, fir-rigward tal-impenji dwar is-slottijiet fl-iskeda, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li huma ma kinux xierqa. Il-Kummissjoni saqsiet domanda żbaljata fil-konsultazzjoni tal-partijet fis-suq. Hija kellha tistaqsi jekk il-kompetituri kinux disposti jidħlu f’rotot jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma kinitx qed tiddedika kapaċità suffiċjenti jew kienet qed tapplika prezzijiet kunsiderevolment ogħla milli qabel il-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, numru ta’ kompetituri kienu ddikjaraw li, filwaqt li ma kellhom l-ebda pjan li jidħlu fl-immedjat, huma jitħajru li jagħmlu dan jekk ikun kummerċjalment interessanti. Konsegwentement, il-fatt li l-ebda kompetitur ma rrisponda li kien ser jidħol fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji joperaw it-tnejn tammonta għal indizju li l-kompetituri jaħsbu li l-konċentrazzjoni ma tipproduċix effetti antikompetittivi. B’hekk ma kienx raġonevoli li jkun hemm insistenza li l-impenji effettivament iwasslu għal dħul. Rekwżit bħal dan jissanzjona lil Ryanair peress li hija “estremament effettiva” u l-offerta tagħha ta’ prezz hija tant baxxa li l-ebda kumpannija tal-ajru ma tixtieq tikkompeti magħha, anki fl-istess rotot li jkunu operati bħala “monopolju”. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddependi fuq risposti mogħtija għad-domanda nru 6 tal-kwestjonarju indirizzat lill-partijiet fis-suq, għal dak li jirrigwarda d-dħul, sabiex tevalwa l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007. Fi kwalunkwe każ, l-impenji li jirrigwardaw is-slottijiet fl-iskeda f’Dublin ikunu suffiċjenti sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati. Il-Kummissjoni ma forniet l-ebda prova li tistabbilixxi għal liema raġuni kumpannija ġdida għas-suq għandha tkun f’pożizzjoni li topera immedjatament ir-rotot kollha fejn hemm iktar minn kumpannija waħda li topera r-rotta billi tipproponi l-istess numru tat-titjiriet bħal dawk ipprovduti minn Aer Lingus sabiex tammonta għal restrizzjoni kompetittiva effettiva (premessi 1200 sa 1206 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kunċetti ta’ “daqs kritiku” u ta’ “livell ta’ kompetizzjoni meħtieġ” użati f’dan ir-rigward ma jkunux sostnuti mill-Kummissjoni.

511    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda s-slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti tad-destinazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-impenji li jirrigwardaw is-slottijiet fl-iskeda huma insuffiċjenti minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni fuq dan il-punt. Aer Lingus fil-fatt tiddisponi biss minn numru limitat ta’ slottijiet fl-iskeda f’ajruporti prinċipali u Ryanair ma setgħetx tabbandunhom mingħajr ma tikkomprometti l-loġika tal-konċentrazzjoni u tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-kapaċià ta’ Aer Lingus li tikkompeti mat-trasportaturi fuq netwerk. Dawn tal-aħħar għandhom numru suffiċjenti ta’ slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti tad-destinazzjoni ewlenin. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, huma jokkupaw pożizzjoni dominanti fil-hubs fejn joperaw. B’hekk, huma ma jkollhomx bżonn slottijiet fl-iskeda supplimentari sabiex ikunu jistgħu jidħlu jew li jżidu r-rotot tagħhom mill-ajruport tal-oriġini tagħhom lejn Dublin. Dawn is-slottijiet kull ma jagħmlu huwa li jsaħħu d-dominanza ta’ dawn il-kumpanniji fl-ajruporti tagħhom fejn huma bbażati u jnaqqsu t-theddida kompetittiva li d-ditta Aer Lingus tista’ timponi fuqhom. Dan ma jkunx neċessarjament il-każ għat-trasportaturi bi prezz baxx, li joperaw jew jistgħu joperaw l-istess ajruporti sekondarji li topera fihom Ryanair u fejn ma hemmx problemi dwar is-slottijiet fl-iskeda. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta invokat il-kunċett ta’ pari ta’ bliet u meta insistiet li l-kompetitriċi l-ġdida tkun kumpannija tal-ajru bi prezz baxx u mbagħad teżiġi lil Ryanair sabiex tabbanduna slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti prinċipali. Ir-referenza li saret mill-Kummissjoni għad-differenza bejn is-sostitwibbiltà tad-domanda u dik tal-offerta (premessa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata) isservi biss sabiex taħbi din il-“kontradizzjoni manifesta” ta’ raġunament. Għal dak li jirrigwarda l-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq fuq id-domanda tal-ajruporti tad-destinazzjoni, ir-risposti tal-kompetituri kellhom jinqraw bl-akbar attenzjoni, peress li ħafna minnhom kellhom jiffaċċaw kompetizzjoni akbar jekk il-konċentrazzjoni tkun approvata. L-unika domanda rilevanti tkun dwar jekk l-aċċess għas-slottijiet fl-iskeda li għandha Aer Lingus f’ċerti ajruporti ewlenin huwa essenzjali sabiex kumpannija tidħol, fis-sitwazzjoni fejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tabbuża mill-pożizzjoni tagħha. B’hekk, British Airways ma tkunx ikkunsidrat li l-aċċess għas-slottijiet fl-iskeda fl-ajruporti ewlenin ikun essenzjali peress li dawk iż-żoni għandhom ajruporti bi slottijiet fl-iskeda li ma humiex kollha okkupati u li l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-slottijiet fl-iskeda tipprovdi li nofs kapaċità ġdida hija allokata lill-kumpanniji ġodda għas-suq.

512    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-frammentazzjoni tad-dħul, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kkunsidrat dan l-element fil-premessi 1211 u 1212 tad-deċiżjoni kkontestata. L-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ipprovda speċifikament li l-kumpannija tal-ajru li tieħu s-slottijiet fl-iskeda f’Heathrow għandha l-prijorità għas-slottijiet fl-iskeda f’Dublin. Barra minn hekk, sabiex turi li “dħul frammentat” jikkawża problema, il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq referenza ġenerali għar-risposti għad-domanda nru 2(b), li saret fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq u fuq referenza għall-“kritika kbira”, frażi mhux definita, meħuda mir-risposta li saret mil-LTU f’din l-okkażjoni (premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, 15 biss minn 20 parteċipant fl-investigazzjoni tas-suq irrispondew għad-domanda dwar id-“dħul frammentat”. Barra minn hekk, bħal f’każijiet oħra, il-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi li kumpanniji li għandhom potenzjal kbir li jidħlu fis-suq, fil-każ preżenti British Airways, SAS, Flybe, Air Baltic u Clickair, għamlu dikjarazzjonijiet li jikkontradixxu dawn il-konlużjonjiet. Ċerti risposti anki ssuġġerew li d-dħul ta’ kompetitriċi ġdida għas-suq ikun ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni. L-unika domanda li mmeritat li ssir kienet jekk id-dħul, li hija taf hija frammentata jew li tirriżulta minn kompetitur wieħed, teżerċità limitazzjoni suffiċjenti fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fis-sitwazzjoni fejn din tal-aħħar iżżid il-prezzijiet. Id-domanda dwar jekk id-dħul ta’ kompetitur wieħed ġdid fis-suq ikun forza kompetittiva akbar mill-wasla ta’ numru ta’ kompetituri ġodda fis-suq ma hijiex domanda tajba.

513    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-metodu tal-operat tal-kompetitur il-ġdid, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tidher li teħtieġ li dan isegwi eżattament l-istess mudell ekonomiku bħal Aer Lingus. Issa, ir-rikorrenti tfakkar li Aer Lingus ma teżerċità l-ebda restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq Ryanair u li, fi kwalunkwe każ, xejn ma juri li trasportatur ieħor, ikun xi jkun il-mudell ekonomiku tiegħu, jista’ jikkompeti b’mod sinjifikattiv. Barra minn hekk, peress li l-għan tal-konċentrazzjoni huwa li Aer Lingus issir iktar effiċjenti b’mod li tikkompeti mat-trasportaturi fuq netwerk, l-espansjoni jew id-dħul ta’ trasportatur ieħor fuq netwerk, bħal British Airways jew Air France, tkun faċilment tat lill-konsumaturi għażla kredibbli lill-Aer Lingus. Il-Kummissjoni ma tistax, minn naħa, teżiġi li Ryanair issemmi l-mudell ekonomiku segwit minn kompetitur ġdid u, min-naħa l-oħra, sempliċement teżiġi li l-impenji proposti jippermettu d-dħul fis-suq ta’ ċerti trasportaturi li huma f’pożizzjoni aħjar minn oħrajn li jirnexxilhom jeżerċitaw limitazzjoni fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

514    Fil-ħames lok, għal dak li jirrigwarda l-impenji dwar is-slottijiet fl-iskeda f’Londra-Heathrow, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wriet dubji dwar l-utilità tagħhom peress li huma jkunu rriżervati għall-British Airways u għal Air France. Madankollu, dan mhux il-każ, peress li Ryanair kienet indikat bil-miktub, fl-1 ta’ Ġunju 2007, li dawn is-slottijiet setgħu jittieħdu minn kwalunkwe kumpannija li għandha infrastruttura f’Heathrow. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha billi sempliċement ikkontestat l-utilità tat-trasferiment tas-slottijiet fl-iskeda. Kienet ukoll żbaljata meta fil-premessa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata sostniet li dawn iż-żewġ kumpanniji ma setgħux jikkumpensaw l-isparizzjoni tal-pressjoni kompetittiva ta’ Aer Lingus b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, British Airways u Air France, li huma fost il-kompetituri l-iktar b’saħħithom fl-Ewropa, ilhom joperaw fl-Irlanda għal deċenni u huma midħla sew tas-suq Irlandiż: British Airways diġà topera b’code sharing ma’ Aer Lingus f’din ir-rotta u Air France tippossjedi l-linja CityJet, kumpannija bbażata f’Dublin. Bl-istess mod, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li, fil-premessa 1218 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk is-slottijiet fl-iskeda kienu diviżi bejn żewġ trasportaturi kbar, il-konċentrazzjoni, kif modifikata mill-impenji, ixxekkel il-kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow). Barra minn hekk, peress li skont ir-rikorrenti, s-sostitwibbiltà tal-ajruporti ta’ Londra hija limitata, din ir-rotta operata mill-Aer Lingus ma tippermettix li tiġi eżerċitata xi forma ta’ restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq l-operat ta’ Ryanair b’destinazzjoni ta’ ajruporti oħra ta’ Londra. Fl-aħħar nett, billi tillimita ruħha li ssemmi r-“riskju ta’ disputa legali” fir-rigward tal-possibbiltà għal Ryanair li tittrasferixxi s-slottijiet fl-iskeda f’Heathrow mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti l-oħra ta’ Aer Lingus, il-Kummissjoni ma kkunsidratx opinjoni legali ta’ avukat Irlandiż li trasferiment bħal dan ikun possibbli.

515    Fis-sitt lok, għal dak li jirrigwarda l-impenji ta’ mġiba, ir-rikorrenti ssostni li l-impenn li jirrigwarda t-tnaqqis ta’ 10 % tal-prezzijiet ta’ Aer Lingus kienu faċilment verifikabbli permezz tal-pubblikazzjoni mill-Aer Lingus tal-prezz medju tagħha fir-rapport annwali tagħha. Il-Kummissjoni tkun żbaljata meta tistaqsi lil Ryanair tippreċiża jekk it-tnaqqis tal-prezzijiet jirrigwardax ir-rotot kollha fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom. Fil-fatt, ikun prattikament impossibbli li jiżdiedu l-prezzijiet fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom u xorta jiksbu tnaqqis globali ta’ 10 % tal-prezzijiet fir-rotot kollha ta’ distanza qasira. Bl-istess mod, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li ma tistax tantiċipa x’inhuwa prezz kompetittiv, it-tnaqqis tal-prezzijiet iwassal għal vantaġġi kbar u li jistgħu jitwettqu. L-“iffriżar tan-numru tat-titjiriet” f’każ ta’ dħul ġdid kien sabiex iwieġeb għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-allegata reazzjoni aggressiva ta’ Ryanair fir-rigward ta’ kompetituri ġodda, reazzjoni li tikkonsisti f’żieda fin-numru tat-titjiriet fir-rotot fejn tidħol kumpannija oħra tal-ajru. Barra minn hekk, l-impenn li ma jitnaqqasx in-numru tat-titjiriet kien intiż sabiex jirrimedja l-preokupazzjoni li Ryanair tnaqqas il-kapaċità fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom u ma tkunx f’pożizzjoni li żżid il-prezzijiet tagħha. Billi tintrabat li żżomm il-kapaċità taż-żewġ kumpanniji fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom, Ryanair ma tkunx iktar f’pożizzjoni li żżid il-prezzijiet u xorta żżomm koeffiċjenti aċċettabbli ta’ seats mimlija, li jkun kruċjali fil-kuntest tal-mudell ekonomiku tagħha.

516    Fis-seba’ lok, fir-rigward tas-soluzzjoni tax-“xerrej inizjali”, ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li din is-soluzzjoni qatt ma intużat f’każijiet preċedenti li jirrigwardaw kumpanniji tal-ajru. Rekwiżit bħal dan ikun ukoll superfluwu u sproporzjonat. Minħabba l-fatt li Ryanair toffri l-prezzijiet l-iktar baxxi tas-suq u li n-numru kbir ta’ rotot fejn iż-żewġ kumpanniji joffru s-servizzi tagħhom ma kienx jiġġenera traffiku suffiċjenti sabiex ikun vjabbli li jkun hemm tielet trasportatur, ikun kummerċjalment diffiċli ħafna li jinstab “xerrej inizjali”. L-unika soluzzjoni tikkonsisti f’li Ryanair u Aer Lingus jabbandunaw dawn ir-rotot jew jikkonkludu max-“xerrej inizjali” ftehim illegali ta’ iffissar ta’ prezzijiet. Barra minn hekk, minn “iffriżar tan-numru tat-titjiriet” jirriżulta li kumpanniji ġodda li jidħlu fis-suq ma jkunux skoraġġuti milli jidħlu fir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji t-tnejn jipprovdu s-servizzi tagħhom mir-riskju li Ryanair żżid in-numru tat-titjiriet tagħha f’dawn ir-rotot. Bl-eċċezzjoni tas-slottijiet fl-iskeda f’Heathrow, is-slottijiet fl-iskeda f’Dublin u fil-parti l-kbira tal-ajruporti l-oħra fl-Ewropa (bl-eċċezzjoni forsi tal-ajruporti ewlenin l-oħra fejn ikun hemm ħafna attività) ma jkollhomx valur intrinsiku u b’hekk ma jkunx interessanti għal kumpannija oħra tal-ajru. Fl-aħħar nett, kien żbaljat min-naħa tal-Kummissjoni li kkunsidrat li l-impenn li jirrigwarda x-“xerrej inizjali” kien insuffiċjenti minħabba l-portata limitata tiegħu u tal-fatt li jwassal għal “dħul frammentat” (premessa 1238 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-impenn, imsaħħaħ fl-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, ikun ibbażat fuq id-domanda li saret f’dan is-sens mis-servizzi tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-volontà tal-Kummissjoni li tpoġġi fuqha l-piż tar-riskju li forsi ma jinstab l-ebda “xerrej inizjali” fit-terminu previst.

517    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Irlanda u mill-Aer Lingus Group, tfakkar li eżaminat u ċaħdet l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 billi pproċediet għall-konstatazzjonijiet segwenti: il-miżuri dwar is-slottijiet ma kinux adattati, peress li ma kinux iwasslu għal dħul sinjifikattiv fir-rotot fejn is-servizzi kienu pprovduti miż-żewġ kumpanniji (premessi 1186 sa 1196 tad-deċiżjoni kkontestata), il-proposta tax-“xerrej inizjali” ma kinitx tirrimedja n-nuqqas ta’ perspettiva ta’ dħul (premessa 1197 tad-deċiżjoni kkontestata), il-portata tal-impenji kienet insuffiċjenti (premessi 1199 sa 1206 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impenji ma jirreferux għal slottijiet f’ajruporti ewlenin tad-destinazzjoni (premessi 1207 sa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impenji setgħu jwasslu biss għal dħul ta’ numru ta’ kumpanniji tal-ajru (dħul frammentat) (premessi 1210 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impenji ma jikkunsidrawx il-mudell tal-operat ta’ kumpannija ġdida għas-suq (premessi 1213 sa 1215 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impenji dwar is-slottijiet f’Londra-Heathrow ma jippermettux li jiġu eliminati l-problemi tal-kompetizzjoni fir-rotta Dublin-Londra (premessi 1216 sa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-impenji l-oħra ma jippermettux li jiġu eliminati l-ostakoli għall-kompetizzjoni effettiva (premessi 1220 sa 1226 tad-deċiżjoni kkontestata).

518    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri korrettivi marbuta mal-aċċess huma ammissibbli biss f’ċirkustanzi fejn huwa suffiċjentement stabbilit li kompetituri ġodda verament jidħlu fis-suq u b’hekk jirrimedjaw problemi identifikati ta’ kompetizzjoni (premessa 1188 tad-deċiżjoni kkontestata). L-għan fundamentali tal-impenji jkun li jiggarantixxi l-istrutturi tas-suq kompetittiv u, huwa evidenti, li s-sempliċi theddida tal-wasla ta’ kompetitur ma hijiex suffiċjenti sabiex jintaħaq dan l-għan, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna. Fir-realtà, is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda tkun il-“fattur ta’ dixxiplina l-iktar immedjata u l-iktar effettiva” fir-rigward tal-fornituri ta’ prodott jew ta’ servizz speċifiku, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam ta’ iffissar ta’ prezzijiet, peress li l-limitazzjonijiet marbuta mal-kompetizzjoni potenzjali jkunu ġeneralment inqas diretti u jeħtieġu, fi kwalunkwe każ, analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ preżenti, is-swieq rilevanti ma humiex ikkaratterizzati minn “faċilità ta’ aċċess pruvata”, iżda pjuttost minn “moviment tal-ħruġ ta’ kompetituri oħra barra Aer Lingus”. Xejn ma jindika fil-linji gwida li konċentrazzjoni li twassal għall-ħolqien ta’ monopolju ma xxekkilx kompetizzjoni effettiva b’mod sinjifikattiv jekk it-theddida tal-wasla ta’ kompetituri ġodda hija suffiċjenti. Is-sentenza easyJet vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar ’il fuq, tkun irrilevanti għal dan il-punt. F’din il-kawża, il-Qorti kkunsidrat li l-identifikazzjoni b’isimha ta’ kumpannija ġdida għas-suq ma kinitx meħtieġa, peress li numru ta’ kompetituri kienu wrew interess, wara li saru l-impenji, permezz ta’ dħul f’dawn is-swieq affettwati u li d-dħul effettiv ta’ kompetitur ġdid seta’ b’hekk jiġi kkunsidrat bħala probabbli ħafna. Min-naħa l-oħra, fil-każ preżenti, il-wasla ta’ kompetitur ġdid ma kienx probabbli, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 7.8 tad-deċiżjoni kkontestata u minħabba l-fatt li l-ebda kompetituri li rrispondew għall-konsultazzjoni tal-partijiet fis-suq ma wrew intenzjoni li konkretement jidħlu f’waħda mir-rotot fejn iż-żewġ kumpanniji jipprovdu s-servizzi tagħhom (premessi 1190 sa 1196 tad-deċiżjoni kkontestata), bl-eċċezzjoni eventwali ta’ Air France u ta’ British Airways, li jestendu l-attivitajiet tagħhom fir-rotta Dublin-Londra, ħaġa li l-Kummissjoni kkunsidrat insuffiċjenti sabiex telimina l-problemi ta’ kompetizzjoni f’din ir-rotta (premessi 1216 sa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa minħabba dan in-nuqqas ta’ perspettiva ta’ dħul li l-Kummissjoni ssuġġeriet b’mod informali lil Ryanair sabiex tindika “xerrej inizjali”. Il-fatt li din hija l-ewwel konċentrazzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru li fiha l-Kummissjoni ħarġet proposta u li Ryanair iġġudikata diffiċli, saħansitra impossibbli li timplementaha huwa irrilevanti. Ikkomparat ma’ każijiet preċedenti, il-konċentrazzjoni preżenti hija differenti peress li tikkonċerna żewġ kumpanniji li joffru servizzi minn punt sa punt u li t-tnejn li huma jużaw numru kunsiderevoli ta’ ajruplani li jitilqu mill-istess ajruport fuq numru kbir ta’ rotot fejn iż-żewġ kumpanniji t-tnejn joffru s-servizzi tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’kuntrast ma’ każijiet preċedenti, il-konġestjoni tal-ajruporti ma hijiex l-unika ostakolu għad-dħul fil-każ preżenti. Il-Kummissjoni ssostni li hija ma tistax taċċetta impenji li jeliminaw biss parzjalment dawn il-problemi ta’ kompetizzjoni peress li l-parti interessata ma tistax tagħti kunsens għal impenji oħra.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

519    L-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 kien riżultat ta’ diskussjonijiet fit-tul bejn il-Kummissjoni u Ryanair fuq il-kontenut tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 u l-modi kif jiġu rrimedjati l-problemi identifikati. F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għall-argumenti mressqa minn Ryanair fuq il-kontenut tal-laqgħa tal-1 ta’ Ġunju 2007 (ara punt 471 iktar ’il fuq) u għall-kontenut tal-konferenza irreġistrata li saret bit-telefon li seħħet bejn Ryanair u l-Kummissjoni fid-29 ta’ Mejju 2007.

520    Minkejja din l-informazzjoni fuq dak li ġie kkunsidrat bħala neċessarju sabiex jawtorizza l-konċentrazzjoni, ir-rikorrenti – minn dak li sostniet (ara punt 471 iktar ’il fuq) – ippreżentat l-aħħar proposta ta’ impenji li ma jirrispondux għat-talbiet tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda n-numru kunsiderevoli ta’ ajurplani li għandhom jitpoġġew f’Dublin fi żmien sitt xhur mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bi proroga possibbli ta’ sitt xhur. Il-proposta ta’ Ryanair kienet li jiġi aċċettat il-prinċipju ta’ tqegħid immedjat ta’ nofs dan in-numru kunsiderevoli ta’ ajruplani, kif ukull żewġ ajruplani assenjati għar-rotot lejn Londra-Heathrow f’terminu ta’ sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ offerta ġdida, li tkun ippublikata f’terminu ta’ sitt xhur mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bi proroga possibbli ta’ sitt xhur.

521    Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rimedji proposti fil-każ preżenti, jiġifieri essenzjalment ix-xiri ta’ slottijiet fl-iskeda minn kumpannija waħda jew iktar, Ryanair tassumi li r-Ryanair-Aer Lingus flimkien ma jikkawżawx problemi ta’ kompetizzjoni sakemm hija tippermetti lil kompetituri ġodda jew lill-partijiet preżenti fis-suq fir-rigward tar-rotta lejn Londra-Heathrow li jixtru slottijiet fl-iskeda sabiex jiżviluppaw is-sehem tagħhom fis-suq. Il-Kummissjoni kkunsidrat din il-miżura bħala insuffiċjenti sabiex ikun hemm dubju dwar l-effett antikompetittiv ippreżentat mill-isparizzjoni tal-kompetitur prinċipali ta’ Ryanair. Fis-seduta, hija b’hekk sostniet li, minflok riedet taċċetta l-prinċipju tal-ħolqien jew tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien fuq tali rotta jew oħra, billi tieħu l-pożizzjoni li kompetitur ipotetiku jistabbilixxi ruħu jew jiżviluppa s-sehem tiegħu mis-suq minħabba l-fatt li slottijiet fl-iskeda jkunu offerti, fil-każ preżenti, Ryanair kellha tirrinunzja għal parti mis-sehem tagħha mis-suq għall-benefiċċju tal-kompetituri tagħha.

522    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bid-differenza tal-konċentrazzjonijiet preċedenti fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri (bħal dawk inkwistjoni fil-każijiet Air France/KLM u Lufthansa/Swiss), il-Kummissjoni ma setgħetx tkun sodisfatta fil-każ preżenti b’sempliċi slottijiet fl-iskeda sabiex tiggaratixxi l-aċċess għal rotta. Fil-fatt din ma hijiex konċentrazzjoni li tikkonċerna operaturi attivi li għandhom ajruport tal-oriġini f’pajjiżi differenti. Ryanair u Aer Lingus joperaw mill-istess ajruport, l-ajruport ta’ Dublin, fejn huma għandhom vantaġġi sinjifikattivi li l-kompetituri tagħhom ma jistgħux jikkompetu magħhom faċilment.

523    Barra minn hekk, ir-riżultati tat-testijiet tas-suq urew li l-kompetituri attwali u potenzjali ma kinux lesti jikkompetu mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq ir-rotot kollha affettwati mill-konċentrazzjoni. Anki fir-rotta Dublin-Londra (Heathrow), l-interess ta’ ċerti kumpanniji tal-ajru, li kienu xi drabi diġà preżenti, ma ġiex ikkonfermat permezz ta’ dikjarazzjoni soda ta’ impenji fuq dan il-punt li setgħet tiġi ppreżentata minn Ryanair sabiex tissostanza r-rabta tagħha rigward ix-“xerrej inizjali”.

524    F’dan l-istadju tal-proċedura, għar-raġunijiet ġustament esposti fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 u hekk kif jirriżulta mid-dettalji mogħtija fl-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jistgħu jikkontestaw, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposti fid-deċiżjoni kkontestata, li skont dan l-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007 ma jippermettuliex tikkonkludi, b’ċertezza, li jkun possibbli li timplementhom u li r-rimedji li jirriżultaw ikunu suffiċjentement vjabbli u durabbli sabiex ix-xkiel għall-kompetizzjoni effettiva li dawk l-impenji kellhom bħala għan li jipprevjenu ma jkunux jistgħu jseħħu f’futur relattivament qrib.

525    Il-ħames motiv għandu b’hekk jiġi miċħud kemm għal dak li jirrigwarda l-validità formali tal-proposti mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-mertu tal-kontenut ta’ dawn il-proposti.

526    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud ir-rikors imressaq mir-Ryanair.

 Fuq l-ispejjeż

527    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

528    Peress li Ryanair tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ Aer Lingus Group, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub minnhom.

529    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk, l-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair Holdings plc għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aer Lingus Group plc.

3)      L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2010.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-partijiet fil-kawża

B –  Il-proċedura amministrattiva

C –  Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Swieq rilevanti

2.  Evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni

3.  Evalwazzjoni tal-impenji

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel motiv, dwar l-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Ryanair u Aer Lingus

1.  Fuq l-“importanza eċċessiva” mogħtija lill-ishma tas-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-“differenzi fundamentali” bejn Ryanair u Aer Lingus

a)  Fuq l-użu tal-kunċett ta’ “eqreb kompetituri” u tad-deduzzjoni “awtomatika” tal-eżistenza tal-limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq id-“differenzi fundamentali” dwar l-ispejjeż tal-operat, il-prezzijiet applikati u l-livell tas-servizzi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq id-differenza bejn l-ajruporti tad-destinazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-eżistenza ta’ bażi fl-ajruport ta’ Dublin

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq il-“provi mhux tekniċi”

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq l-analiżi ekonometrika ppreżentata minn Ryanair

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

7.  Fuq il-limitazzjonijiet kompetittivi eżerċitati mill-kumpanniji taċ-charter

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

8.  Fuq l-investigazzjoni li saret tal-passiġġieri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

9.  Fuq l-investigazzjoni li saret tal-impriżi klijenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

10.  Fuq id-dannu għall-konsumaturi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-tieni motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul

1.  Fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata għan-nuqqas ta’ dħul ta’ kompetituri ġodda fis-swieq rilevanti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq id-dħul u l-ħruġ fis-settur tat-trasport bl-ajru

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-kunsiderazzjoni tal-mudell ekonomiku ta’ Ryanair

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq il-vantaġġi marbuta mal-fatt li kumpannija jkollha bażijiet minn fejn topera fl-Irlanda

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq l-ispejjeż u r-riskji marbuta ma’ dħul fis-suq

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq ir-reputazzjoni ta’ Ryanair bħala ostakolu għad-dħul

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

7.  Fuq id-dħul f’waqtu

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

8.  Fuq l-eżistenza ta’ rotot iktar ta’ qligħ barra mill-Irlanda

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

9.  Fuq il-konġestjoni tal-ajruporti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

10.  Fuq il-pożizzjoni tar-Ryanair-Aer Lingus flimkien fl-ajruport ta’ Dublin

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq it-tielet motiv, dwar l-analiżi kompetittiva rotta b’rotta

1.  Fuq l-ammissibbiltà

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

a)  Fuq ir-rotta Dublin-Londra

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq ir-rotot Dublin-Birmingham, Dublin-Edinburgh, Dublin-Glasgow, Dublin-Manchester u Dublin-Newcastle

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq ir-rotta Dublin-Birmingham

–  Fuq ir-rotta Dublin-Edinburgh

–  Fuq ir-rotot Dublin-Glasgow, Dublin-Manchester u Dublin-Newcastle

c)  Fuq ir-rotot Shannon-Londra u Cork-Londra

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

d)  Fuq ir-rotot Dublin-Frankfurt, Dublin-Pariġi, Dublin-Madrid, Dublin-Brussell, Dublin-Berlin u Dublin-Hamburg (Lübeck)

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq ir-rotot Dublin-Berlin u Dublin-Hamburg (Lübeck)

–  Fuq ir-rotta Dublin-Brussell

–  Fuq ir-rotta Dublin-Frankfurt

–  Fuq ir-rotot Dublin-Madrid u Dublin-Pariġi

e)  Fuq ir-rotot Dublin-Milan u Dublin-Ruma

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq ir-raba’ motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-allegata żieda fl-effiċjenza

1.  Fuq in-natura verifikabbli tal-allegata żieda fl-effiċjenza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq in-natura speċifika għall-konċentrazzjoni ta’ ċerta żieda fl-effiċjenza allegata

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-vantaġġ għall-konsumaturi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Konklużjoni fuq l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni

E –  Fuq il-ħames motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-impenji

1.  Kunsiderazzjonijiet preliminari

a)  Fuq il-qafas tal-analiżi tal-impenji

b)  Fuq id-deskrizzjoni u l-evalwazzjoni tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007

c)  Fuq id-deskrizzjoni tal-evalwazzjoni tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

2.  Fuq in-nuqqas ta’ nuqqasijiet formali tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq in-nuqqas ta’ nuqqasijiet formali tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq l-evalwazzjoni abbażi tal-impenji tat-3 ta’ Mejju 2007 u tal-abbozz ta’ impenji tal-1 ta’ Ġunju 2007

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top