EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TJ0160

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Lulju 2008.
Lancôme parfums et beauté & Cie SNC vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark Komunitarja verbali COLOR EDITION - Raġuni assoluta għal rifjut - Karattru deskrittiv - Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 - Interess ġuridiku - Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94.
Kawża T-160/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 II-01733

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:261

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali COLOR EDITION — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Interess ġuridiku — Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94”

Fil-Kawża T-160/07,

Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn E. Baud, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

CMS Hasche Sigle, stabbilita f’Kolonja (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-26 ta’ Frar 2007 (Każ R 231/2006-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn CMS Hasche Sigle u Lancôme parfums et beauté & Cie SNC,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Mejju 2007,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta’ Lulju 2007,

wara s-seduta tad-19 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fid-9 ta’ Diċembru 2002, ir-rikorrenti, Lancôme parfums et beauté & Cie SNC, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali COLOR EDITION.

3

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Prodotti kożmetiċi u tal-make-up).”

4

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fil-11 ta’ Frar 2004 u ppubblikata fil-Bulletin tat-Trade marks Komunitarji tad-.

5

Fit-12 ta’ Mejju 2004, l-uffiċċju ta’ avukati Norton Rose Vieregge ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade verbali COLOR EDITION abbażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) ta’ dan l-istess Regolament.

6

Fil-21 ta’ Diċembru 2005, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark verbali COLOR EDITION.

7

Fid-9 ta’ Frar 2006, l-uffiċċju ta’ avukati CMS Hasche Sigle, l-aventi kawża ta’ Norton Rose Vieregge, ressaq rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ r-rikors.

9

Id-deċiżjoni kkontestatata hija bbażata fuq il-motivazzjoni li ġejja. Qabel kollox, il-Bord tal-Appell osserva li r-rikors imressaq minn CMS Hasche Sigle kien ammissibbli, skont l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, peress li d-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn il-kapaċità li taġixxi u l-interess ġuridiku ma tidher fl-ebda parti mir-Regolament Nru 40/94, u peress li l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifika li talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq dan l-artikolu jistgħu jiġu ppreżentati mill-ikbar varjetà ta’ partijiet possibbli. Imbagħad, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark verbali COLOR EDITION kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, safejn, minn naħa, l-għaqda flimkien tal-kliem “color” u “edition” kienet tesprimi messaġġ mifhum immedjatament u direttament mill-pubbliku kkonċernat bħala wieħed li jirreferi għal firxa ta’ prodotti kożmetiċi jew tal-make-up li għandhom sfumaturi differenti ta’ kulur u, min-naħa l-oħra, dawn it-termini setgħu jintużaw minn kompetituri sabiex jiddeskrivu ċerti kwalitajiet tal-prodotti tagħhom u għaldaqstant kellhom jibqgħu fid-dominju pubbliku. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell iddikjara li peress li t-trade mark verbali inkwistjoni kienet deskrittiva, hija lanqas ma kellha karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

It-talbiet tal-partijiet

10

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

11

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

12

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 55(1)(a), tal-Artikolu 7(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Reglament Nru 40/94.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

13

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, meta ddikjarat inammissibbli t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula minn CMS Hasche Sigle, meta din tal-aħħar ma kinitx ipprovat interess ġuridiku, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94.

14

Insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Bord tal-Appell ma setax jiddikjara li l-kunċett ta’ interess ġuridiku huwa impliċitament integrat fit-test tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni tikser il-prinċipju ġenerali ta’ dritt li jgħid li l-interess ġuridiku għandu jiġi pprovat f’kull azzjoni legali.

15

Ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku f’kull azzjoni jirriżulta, l-ewwel nett, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, peress li r-rekwiżit ta’ interess ġuridiku ma jirriżultax b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell kellu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94, jirreferi għall-prinċipji ġenerali ta’ dritt applikabbli għall-Istati Membri. Fl-Istati Membri kollha, mingħajr eċċezzjoni, l-azzjoni legali tista’ ssir biss minn dawk li għandhom interess leġittimu fl-ilqugħ jew fir-rifjut ta’ talba. It-tieni nett, ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku f’kull azzjoni jirriżulta mit-Trattat KE, b’mod partikolari mill-Artikoli 230 KE, 232 KE u 236 KE, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija relatata magħhom.

16

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li l-UASI ma setgħatx issostni li l-ġurisprudenza Komunitarja invokata mir-rikorrenti sabiex tiġġustifika r-rekwiżit ta’ interess ġuridiku ma taqax taħt il-qasam tat-trade marks, iżda pjuttost taħt oqsma oħra bħalma huma l-agrikoltura, id-dritt tad-dwana u s-servizz pubbliku. Fil-fatt, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Pillola rettangolari b’intarsjar) (T-129/00, Ġabra p. II-2793, punt 12), il-qorti Komunitarja kkonstatat il-ħtieġa ta’ interess ġuridiku fil-kuntest ta’ rikors imressaq skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Issa, dan l-artikolu jipprevedi preċiżament il-possibbiltà li jsir rikors kontra deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell quddiem il-qrati Komunitarji.

17

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-ġurisprudenza Komunitarja dwar ir-rikorsi għal annullament hija applikabbli għall-UASI u li dan tal-aħħar għandu josserva l-prinċipji relatati mar-rekwiżit ta’ interess ġuridiku fir-rikorsi magħmula skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. F’dan ir-rigward, l-UASI nnifsu jeżiġi interess ġuridiku, fil-forma ta’ interess leġittimu speċifiku, fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni tal-applikant fuq ir-raġunijiet ta’ invalidità adottati [deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tat-3 ta’ Mejju 2001 dwar it-trade mark AROMATONIC].

18

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippresupponi li l-att ikkontestat jikkonċerna direttament, individwalment u personalment lill-parti li qed titlob l-invalidità.

19

L-UASI jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

20

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prova ta’ interess ġuridiku. Għal dan il-għan, għandhom jiġu eżaminati l-formulazzjoni, l-istruttura kif ukoll l-għan tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 40/94.

21

Jirriżulta, qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja, ibbażata b’mod partikolari fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jew fuq in-nuqqas ta’ karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tista’ tiġi ppreżentata quddiem l-UASI “minn kull persuna naturali jew ġuridika u minn kull grupp jew organu mwaqqfa bil-għan jirrapreżentaw l-interessi ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, negozjanti jew konsumaturi, u li għandhom il-kapaċità li jfittxu jew li jiġi mfittxija f’isimhom stess skont il-liġi li tirregolahom”. L-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 għalhekk ma jagħmel l-ebda referenza għal interess ġuridiku.

22

Imbagħad, jirriżulta mill-istruttura tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 40/94 li interess ġuridiku mhuwiex mitlub fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, dan l-artikolu jirriżerva trattament differenti għat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità u għal dawk ibbażati fuq raġunijiet relattivi ta’ invalidità.

23

B’dan il-mod, l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li jikkonċerna b’mod partikolari t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni assoluta ta’ invalidità, ma jsemmix, kif ġie osservat fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-ħtieġa li l-dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità juri l-eżistenza ta’ interess ġuridiku. L-iktar li dan jirrikjedi huwa li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi mressqa minn persuna fiżika jew morali jew minn grupp li għandu locus standi.

24

Bil-kontra, l-Artikolu 55(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, li jikkonċerna t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni relattiva ta’ invalidità, jipprevedi li dawn it-talbiet jistgħu jsiru biss mill-proprjetarji ta’ trade marks jew ta’ drittijiet preċedenti kif ukoll mill-persuni awtorizzati mill-propjetarji ta’ trade marks jew mill-persuni awtorizzati li jeżerċitaw id-drittijiet preċedenti. Fi kliem ieħor, huma biss il-persuni li għandhom interess ġuridiku li jistgħu jagħmlu t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 55(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

25

Għaldaqstant jirriżulta mill-istruttura tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 40/94 li l-leġiżlatur ried li kull persuna fiżika jew ġuridika u kull grupp li għandu locus standi jkun jista’ jippreżenta talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità, filwaqt li, f’dak li jikkonċerna t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet relattivi ta’ invalidità, huwa llimita espliċitament n-numru ta’ dawk li jistgħu jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità.

26

Din l-analiżi hija fl-aħħar nett ikkorroborata permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, b’mod differenti mir-raġunijiet relattivi għal rifjut, li jipproteġu biss l-interessi privati tal-proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 huma bbażati fuq interessi ġenerali differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs UASI, C-329/02 P, Ġabra p. I-8317, punt 25). Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni l-iktar wiesgħa ta’ dawn l-interessi ġenerali, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut għandhom ikunu jistgħu jitqajmu mill-ikbar firxa ta’ partijiet possibbli. Huwa għalhekk li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi biss li dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità jkollu personalità ġuridika jew il-locus standi iżda ma jeżiġix li dan tal-aħħar juri interess ġuridiku.

27

Din l-analiżi mhijiex ikkontestata permezz tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti. Rigward, minn naħa, l-argument li r-rekwiżit ta’ interess ġuridiku jirriżulta minn qari tal-Artikolu 55(1)(a) flimkien ma’ l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi mfakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni proċedurali fl-imsemmi regolament jew fir-regoli ta’ applikazzjoni, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ġeneralment aċċettati fil-qasam fl-Istati Membri. Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 huwa d-dispożizzjoni proċedurali applikabbli, fis-sens tal-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94, għat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94. Peress li din id-dispożizzjoni mhijiex ambigwa, l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża.

28

Barra minn dan, jekk wieħed jassumi li dan l-artikolu kien ikun applikabbli f’din il-kawża, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ġabet il-prova li, kif hija tallega, l-azzjoni legali tista’ ssir fl-Istati Membri kollha mingħajr eċċezzjoni, minn dawk li għandhom interess leġittimu fl-ilqugħ jew fir-rifjut ta’ applikazzjoni. Ir-rikorrenti fil-fatt, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, illimitat ruħha li tirreferi għad-dritt Franċiż u, b’mod iktar partikolari, għad-dritt Franċiż tat-trade marks.

29

Għalhekk, l-argument tar-rikorrent dwar l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

30

Rigward, min-naħa l-oħra, l-argumenti l-oħrajn imressqa mir-rikorrenti, li jgħidu, essenzjalment, li l-ġurisprudenza relatata ma’ l-Artikoli 230 KE, 232 KE u 236 KE, inkluża l-ġurisprudenza dwar il-bżonn ta’ interess dirett u individwali min-naħa tar-rikorrenti, hija applikabbli f’din il-kawża, għandu jiġi osservat, kif għamel l-UASI, li din il-ġurisprudenza la hija rilevanti b’mod dirett u lanqas b’analoġija għal din il-kawża.

31

Qabel kollox, l-Artikoli 230 KE, 232 KE u 236 KE mhumiex applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, l-Artikoli 230 KE u 232 KE jikkonċernaw ir-rikorsi għal annullament u għal nuqqas ta’ azzjoni kontra l-atti jew l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet li huma dawk biss imsemmija espliċitament f’dawn id-dispożizzjionijiet, li ma jsemmux l-UASI, u l-Artikolu 236 KE jikkonċerna l-kawżi tas-servizz pubbliku.

32

Imbagħad, ir-rikorsi msemmija fl-Artikoli 230 KE, 232 KE u 236 KE huma rimedji ġudizzjarji, filwaqt li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, li għandha tiġi mressqa quddiem l-UASI, hija proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, ir-riferiment għas-sentenza Pillola rettangolari b’intarsjar, punt 16 iktar ’il fuq (punt 12), mhijiex rilevanti, safejn din is-sentenza tikkonċerna r-rimedji ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI quddiem il-qorti Komunitarja, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94.

33

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment għad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI tat-3 ta’ Mejju 2001 dwar it-trade mark AROMATONIC, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet rigward l-annullament tat-trade mark Komnunitarja li l-awtoritajiet tal-UASI għandhom jieħdu, skont ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66].

34

Barra minn dan, id-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq ma tippermettix li jiġi konkluż li l-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi magħmula skont l-Artikoli 230 KE, 232 KE u 236 KE hija applikabbli għall-ammissibbiltà ta’ appplikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ppreżentati quddiem l-UASI, skont l-55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, kif osserva l-UASI fin-noti tiegħu, id-domanda magħmula lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet dwar l-eventwali nuqqas ta’ oġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, minħabba l-irtitrar tat-trade mark li kontra tagħha saret din it-talba. Għaldaqstant din id-deċiżjoni ma tistax tiġi interpretata bħala waħda li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jintwera interess ġuridiku meta tiġi ppreżentata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

35

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u peress li ma ġiex ikkontestat li CMS Hasche Sigle tista’ titqies bħala persuna ġuridika, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ġustament iddikjara t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ CMS Hasche Sigle bħala inammissibbli.

36

Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv bħala infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

37

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat id-differenza bejn trade mark suġġestiva jew evokatriċi li ċertament tista’ tiġi protetta, u trade mark deskrittiva. L-għaqda flimkien tal-kliem “color” u “edition” ma tesprimix messaġġ li jista’ jinftiehem immedjatament u direttament mill-pubbliku rilevanti u għalhekk mhijiex deskrittiva. It-trade mark COLOR EDITION tirreferi biss b’mod indirett għal ċerti karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni.

38

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li huwa meħtieġ sforz intellettwali sabiex mit-termini “color” u “edition” jiġu dedotti l-karatteristiċi, il-proprjetajiet u n-natura tal-prodotti inkwistjoni. Issa, jirriżulta mill-ġurisprudenza li trade mark għandha tiġi kkunsidrata bħala sempliċement suġġestiva u mhux bħala deskrittiva meta jkun meħtieġ sforz intellettwali mill-pubbliku kkonċernat sabiex jinbidel messaġġ suġġestiv jew emozzjonali f’informazzjoni razzjonali. F’din il-kawża, kif ikkunsidrat id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2005, l-assoċjazzjoni tat-termini “color” u “edition” la hija banali u lanqas evidenti, peress li mhuwiex ċar jekk hija tirriferrix għal prodotti offruti f’pakkett ikkulurit, li jinkludi l-kulur jew li għandhom l-għan li jagħtu l-kulur.

39

L-UASI jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40

Skont it-termini tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni hija rifjutata għal “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizi”.

41

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku destinatarju, sabiex jindikaw direttament jew b’referenza għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, il-prodott jew is-servizz li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T-316/03, Ġabra p. II-1951, point 26; tat-, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T-19/04, Ġabra p. II-2383, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-, Europig vs UASI (EUROPIG), T-207/06, Ġabra p. II-1961, punt 26].

42

Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita b’din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li huwa jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza PAPERLAB, punt 41 iktar ’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata, u EUROPIG, punt 41 iktar ’il fuq, punt 27).

43

Barra minn dan, trade mark li hija kkostitwita minn elementi li kull wieħed fosthom huwa deskrittiv tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni hija hi nfisha deskrittiva tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, sakemm ma teżistix differenza perċettibbli bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u s-sempliċi għadd tal-elementi li jifformawha. Dan jippreżumi li, minħabba l-karattru mhux normali tat-tqegħid flimkien meta mqabbla ma’ l-imsemmija prodotti u servizzi, it-trade mark mitluba toħloq impressjoni differenti biżżejjed minn dik li tirriżulta mis-sempliċi għaqda tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-elementi li jifformawha (ara s-sentenza PAPERLAB, punt 41 iktar ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’referenza għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati (sentenzi MunichFinancialServices, punt 41 iċċitati iktar ’il fuq, punt 26, u EUROPIG, punt 41 iktar ’il fuq, punt 30).

45

F’din il-kawża, il-prodotti kkonċernati huma prodotti kożmetiċi u ta’ make-up, li jistgħu jinxtraw mill-konsumaturi kollha. Il-pubbliku kkonċernat huwa għalhekk il-pubbliku inġenerali, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punti 59 u 63; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Norma Lebensmittelfilialbetrieb vs UASI (Mehr für Ihr Geld), T-281/02, Ġabra p. II-1915, punt 27]. Peress li t-trade mark verbali rreġistrata hija magħmula minn żewġ kelmiet Ingliżi, il-pubbliku kkonċernat huwa prinċipalment pubbliku anglofonu, jew anki pubbliku mhux anglofonu iżda li għandu għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ingliża [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-, Citicorp vs UASI (LIVE RICHLY), T-320/03, Ġabra p. II-3411, punt 76].

46

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix, fil-perċezzjoni ta’ dan il-pubbliku, rabta biżżejjed diretta u konkreta bejn is-sinjal COLOR EDITION u l-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kelma Ingliża “color” tindika kulur jew sfumatura li huwa użat fil-qasam tal-kożmetiċi sabiex tindika l-għan jew il-karatteristiċi tal-prodotti. Il-kelma “edition” tirreferi mhux biss għad-dinja letterarja jew tal-medja stampata, iżda tfisser ukoll, kif osserva l-Bord tal-Appell, għal firxa ta’ prodotti f’verżjoni waħda jew f’diversi verżjonijiet u f’forma jew f’diversi forom. Bħall-kelma “color”, hija wkoll tintuża fil-qasam tal-kożmetiċi.

48

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li s-sinjal COLOR EDITION huwa magħmul esklużivament minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw ċerti karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni. Kif osserva l-Bord tal-Appell, dan is-sinjal jesprimi messaġġ li jinftiehem immedjatament u direttament mill-pubbliku kkonċernat, jiġifieri firxa ta’ prodotti kożmetiċi jew ta’ make-up f’diversi sfumaturi ta’ kulur.

49

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-assoċjazzjoni tal-kliem “color” u “edition” m’għandhiex struttura li mhijiex komuni, iżda hija normali fid-dawl tar-regoli tal-lessiku tal-lingwa Ingliża. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma toħloqx, fost il-pubbliku rilevanti, impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta bis-sempliċi tqegħid maġenb xulxin tal-elementi verbali li jifformawha b’tali mod li tibdlilha s-sens jew il-portata tagħha. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, kif intqal mill-Bord tal-Appell, li l-ebda sforz intellettwali ma huwa meħtieġ sabiex dan il-messaġġ jinftiehem u s-sempliċi tqegħid maġenb xulxin tal-kelmiet inkwistjoni ma jbiddilx il-karattru deskrittiv tal-elementi individwali tas-sinjal.

50

Minn dan isegwi li, meqjusa fl-assjem tagħha, it-trade mark verbali COLOR EDITION għandha rabta suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti konnessi koperti minnha. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li hija għandha karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

51

Peress li kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati sabiex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29; sentenza EUROPIG, punt 41 iktar ’il fuq, punt 45), m’għadx hemm lok li jiġi eżaminat it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament.

52

Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi kompletament miċħud.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIMI’STANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Lancôme parfums et beauté & Cie SNC għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).

 

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2008.

E. Coulon

Reġistratur

I. Pelikánová

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top