This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TJ0049
Judgment of the General Court (Second Chamber) of 7 December 2010.#Sofiane Fahas v Council of the European Union.#Common foreign and security policy - Restrictive measures with a view to combating terrorism - Freezing of funds - Action for annulment - Right to a fair hearing - Right to effective judicial protection - Statement of reasons - Action for damages.#Case T-49/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Diċembru 2010.
Sofiane Fahas vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu - Iffriżar ta’ fondi - Rikors għal annullament - Drittijiet tad-difiża - Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Motivazzjoni - Rikors għad-danni.
Kawża T-49/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Diċembru 2010.
Sofiane Fahas vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Politika barranija u ta’ sigurtà komuni - Miżuri restrittivi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu - Iffriżar ta’ fondi - Rikors għal annullament - Drittijiet tad-difiża - Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva - Motivazzjoni - Rikors għad-danni.
Kawża T-49/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05555
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:499
Kawża T-49/07
Sofiane Fahas
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Motivazzjoni — Rikors għad-danni”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi — Deċiżjoni li ssir reviżjoni tal-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati u li tikkompleta din il-lista mingħajr ma tħassar id-deċiżjoni preċedenti — Rikors ippreżentat minn persuna mhux imsemmija f’din id-deċiżjoni —Ammissibbiltà
(Artikolu 263 TFUE, Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/379 u 2006/1008)
2. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi — Deċiżjoni li ssir reviżjoni tal-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati u li żżomm uħud minnhom f’din il-lista
(Artikolu 296 TFUE; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))
3. Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet issuspettati li wettqu attivitajiet terroristiċi — Deċiżjoni li ssir reviżjoni tal-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet imsemmija u li jinżammu wħud f’din il-lista — Stħarriġ ġudizzjarju mill-qorti tal-Unjoni — Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu (6); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(3))
1. Id-Deċiżjoni 2006/1008, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu ma tħassarx id-Deċiżjoni 2006/379, iżda żżid ċerti ismijiet u entitajiet mal-lista stabbilita minn din l-aħħar deċiżjoni.
Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2006/1008, ippreżentat minn persuna mhux imsemmija espliċitament f’din id-deċiżjoni, għandha ssir fid-dawl ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet prinċipali. L-ewwel nett, il-Kunsill għandu l-obbligu li jagħmel reviżjoni tal-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi tal-inqas darba kull sitt xhur skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. It-tieni nett, jirriżulta mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2006/1008 li din tikkompleta l-lista stabbilita bid-Deċiżjoni 2006/379, mingħajr ma jsir tħassir tagħha. Dan jikkostitwixxi manifestazzjoni tar-rieda tal-Kunsill li jżomm f’din il-lista l-persuni li isimhom jissemma f’din l-aħħar deċiżjoni, li għandu bħala konsegwenza ż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tagħhom. Persuna msemmija fid-Deċiżjoni 2006/379 għandha konsegwentement tiġi ikkunsidrata bħala li hija wkoll direttament u individwalment ikkonċernata bid-Deċiżjoni 2006/1008 u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni kkunsidrat bħala ammissibbli.
(ara l-punti 34-36)
2. Kemm il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi kif ukoll il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jirrigwardaw mhux biss il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda minn awtorità kompetenti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi.
Jekk, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li għalihom jagħmel riferiment ukoll l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, id-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandhom ikunu ppreċeduti minn reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata, dan huwa sabiex ikun żgurat li ż-żamma tagħha fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi tibqa’ ġġustifikata, jekk ikun il-każ fuq il-bażi ta’ infomazzjoni ġdida jew provi ġodda. Madankollu, meta r-raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk diġà invokati fl-okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti, tkun biżżejjed sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens, b’mod partikolari meta l-parti kkonċernata tkun grupp jew entità.
Barra minn hekk, il-Kunsill li għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ma jistax ikun obbligat li jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l-iffriżar tal-fondi ta’ persuna affettwata minn tali miżura jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew li jipproduċi provi sabiex juri li l-parti kkonċernata tista’ tuża l-fondi tagħha sabiex twettaq jew tiffaċilita atti terroristiċi fil-futur.
(ara l-punti 53-55, 57)
3. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit bl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u dan il-prinċipju kien barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
F’dan ir-rigward, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jitratta b’mod partikolari fuq il-legalità tal-motivi li fuqhom hija fondata l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li twassal għall-impożizzjoni fuq il-parti ikkonċernata ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità Komunitarja inkwistjoni għandha l-obbligu li tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, kemm fil-mument meta din l-inklużjoni hija deċiża, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li kienet hekk deċiża, sabiex dan jippermetti lil dawn id-destinatarji l-eżerċizzju, fit-termini previsti, tad-dritt għal rikors tagħhom.
F’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tar-reviżjoni regolari, tal-inqas darba kull sitt xhur, tal-ġustifikazzjoni taż-żamma tal-partijiet ikkonċernati fil-lista inkwistjoni, prevista mill-Artikolu 1(6) tal-imsemmija Pożizzjoni Komuni, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi ggarantit effett ta’ sorpriża sabiex l-effettività tas-sanzjonijiet tiġi żgurata. Għaldaqstant, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha tiġi ppreċeduta minn possibbiltà ġdida ta’ smigħ u, skont il-każ, minn komunikazzjoni tal-provi kontra prodotti ġodda.
(ara l-punti 59, 60)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
7 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Motivazzjoni – Rikors għad-danni”
Fil-Kawża T-49/07,
Sofiane Fahas, residenti f’Mielkendorf (il-Ġermanja), irrappreżentat minn F. Zillmer, avukat,
rikorrent
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Bishop, E. Finnegan u S Marquardt, sussegwentement minn M. Bishop, J.-P. Hix u E. Finnegan, bħala aġenti,
konvenut
sostnut minn
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
intervenjenti,
li għandha bħal suġġett, minn naħa, talba għal annullament parzjali, fl-aħħar lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/686/KE (ĠU L 188, p. 21), sa fejn hija tikkonċerna r-rikorrent, kif ukoll li l-Kunsill jiġi kkundannat ma jsemmix iktar isem ir-rikorrent fid-deċiżjonijiet futuri tiegħu, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ġuridika definittiva, u, min-naħa l-oħra, talba għal danni,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji għall-ġlieda b’kull mezz kontra t-terroriżmu, u b’mod partikolari, kontra l-finanzjament tiegħu. L-Artikolu 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ta’ persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu atti ta’ terroriżmu, jiffaċilitawhom jew jipparteċipaw fihom, ta’ entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u ta’ persuni u ta’ entitajiet li jaġixxu għan-nom jew fuq l-istruzzjonijiet ta’ dawn il-persuni u entitajiet.
2 Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li azzjoni min-naħa tal-Komunità Ewropea kienet neċessarja għall-implementazzjoni, skont l-obbligi tal-Istati Membri tagħha skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, skont l-Artikoli 15 UE u 34 UE, il-Pożizzjoni Komuni 2001/930/PESK dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 213) u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).
3 Skont l-Artikolu 1(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, din tapplika “lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”.
4 Skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-lista li tinsab f’dan l-anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-rilevanza li turi li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għal att terroristiku, jew attentat, parteċipazzjoni jew faċilitazzjoni ta’ dan it-tip ta’ att, fondati fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. B’“awtorità kompetenti” għandha tfisser awtorità ġudizzjarja jew, fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhomx kompetenza fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dak il-qasam.
5 Skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha ssir reviżjoni tal-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista tal-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi żgurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fil-lista.
6 Skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Komunità, li taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandha tordna l-iffriżar tal-fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, gruppi u entitatjiet elenkati fl-Anness u għandha tiżgura li fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi jew servizzi finanzjarji ma jkunux disponibbli direttament jew indirettament għall-benefiċċju tagħhom.
7 Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li regolament kien neċessarju sabiex ikunu implementati fuq livell Komunitarju l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207). Jirriżulta minn dan ir-regolament li, bla ħsara għad-derogi li huwa jawtorizza, il-fondi kollha, li jappartjenu lil persuna fiżika jew ġuridika, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tiegħu, għandhom ikunu ffriżati. Bl-istess mod, huwa pprojbit li fondi jew servizzi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-persuni, gruppi jew entitajiet. Il-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-regolament, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.
8 Il-lista inizjali tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li għalihom ir-Regolament Nru 2580/2001 japplika ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2001, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83).
9 Sa minn dak iż-żmien, il-Kunsill adotta diversi pożizzjonijiet komuni u deċiżjonijiet li jaġġornaw il-listi rispettivament previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u bir-Regolament Nru 2580/2001.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
10 Ir-rikorrent, Sofiane Fahas, huwa ċittadin Algerin li sa mill-1990 jgħix fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fit-18 ta’ Settembru 2003, huwa żżewweġ ċittadina Ġermaniża.
11 L-imħallef inkwirenti ta’ Napoli (l-Italja) ħareġ mandat ta’ arrest provviżorju kontra r-rikorrent fid-9 ta’ Ottubru 2000. F’dan il-mandat, ir-rikorrent huwa akkużat li pparteċipa f’komplott sabiex joħloq, fl-Italja, ċellula tal-grupp “Al-Takfir u Al-Hijra” (Al Takfir Wal Hijra), li ilu jopera fl-Alġerija sa mill-1992 u jsostni attivitajiet terroristiċi, kif ukoll traffiku ta’ armi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti favur gruppi terroristiċi fl-Alġerija. B’digriet tat-30 ta’ Mejju 2008, il-Giudice dell’udienza preliminare del Tribunali di Napoli (qorti ta’ seduta preliminari tat-tribunal ta’ Napoli) rrinvija lir-rikorrent għal proċess quddiem dan l-istess tribunal, fid-dawl ta’ erba’ reati kriminali, fosthom tliet reati marbuta mal-organizzazzjoni terroristika msemmija iktar ’il fuq.
12 Permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2002/976/PESK, tat-12 ta’ Diċembru 2002, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/847/PESK (ĠU L 337, p. 93), il-Kunsill aġġorna l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Il-punt 1 tal-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2002/976 isemmi għall-ewwel darba l-isem tar-rikorrent, li huwa indikat kif ġej:
“FAHAS, Sofiane Yacine, imwieled fl-10.9.1971 f’Alġeri (l-Alġerija) (membru ta’ al-Takfir u ta’ al-Hijra).”
13 Sa mit-12 ta’ Diċembru 2002, ittieħdu diversi deċiżjonijiet li jinkludu l-isem tar-rikorrent fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista inkwistjoni”), u li wasslu, b’mod partikolari, għall-iffriżar tal-fondi tiegħu. Għandhom ikunu ppreżentati dawk li kienu s-suġġett ta’ żviluppi mill-partijiet f’din il-kawża.
14 Fit-12 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/974/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/848/KE (ĠU L 337, p. 85). Bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/974, l-isem tar-rikorrent jidher fil-lista inkwistjoni.
15 Fit-2 ta’ April 2004, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/309/PESK, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/906/PESK (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 100). L-isem tar-rikorrent huwa elenkat fil-lista fl-anness. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2004/306/KE, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/902/KE (ĠU L 99, p. 28).
16 Bid-Deċiżjoni 2006/379/KE, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU 249M, p. 169), l-isem tar-rikorrent ikompli jidher fil-lista inkwistjoni.
17 Fid-Deċiżjoni 2006/1008/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2006, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 (ĠU 200M, p. 532), il-Kunsill ikkonstata li ċertu numru ta’ persuni, gruppi u entitajiet oħra għandhom jiżdiedu mal-lista inkwistjoni stabbilita bid-Deċiżjoni 2006/379, mingħajr ma din tkun imħassra. L-isem tar-rikorrent ma huwiex imsemmi fid-Deċiżjoni 2006/1008.
18 Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/868/KE, l-isem tar-rikorrent ikompli jidher fil-lista inkwistjoni.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
19 B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.
20 Ir-rikors kien inizjalment magħmul kontra d-Deċiżjoni 2002/848 u d-deċiżjonijiet kollha adottati sadanittant, inkluża d-Deċiżjoni 2006/1008.
21 Ir-rikorrent ipproċeda, fit-30 ta’ Marzu 2007, għar-regolarizzazzjoni tad-difetti li bihom kien ivvizzjat ir-rikors billi dan kien jirreferi biss għad-Deċiżjoni 2006/1008.
22 B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill qajjem, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Settembru 2008, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ngħaqdet mal-mertu.
23 Fl-1 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorret, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk huwa xtaqx jipproċedi għal adattament tat-talbiet u tal-motivi tiegħu, fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fis-17 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu esklużivament kontra d-deċiżjoni kkontestata.
24 B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2009, ir-Repubblika Taljana talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tal-14 ta’ Mejju 2009, wara li nstemgħu il-partijiet, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent skont l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
25 Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkonċernah, u tiddikjara li hija ma tapplikax għalih;
– tikkundanna lill-Kunsill li ma ssemmihx f’deċiżjonijiet futuri tiegħu li jimplementaw l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li jsegwu d-deċiżjoni kkontestata, peress li ma kienx ikkonstatat minn deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva li huwa membru ta’ “Al-Tafkir” u ta’ “Al-Hijra” jew li huwa jsostni b’xi mod ieħor it-terroriżmu;
– tikkundanna lill-Kunsill tħallsu d-danni, intiżi sabiex jikkumpensaw id-dannu subit, li ma għandhomx ikunu inqas minn EUR 2 000;
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
26 Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad it-talba tar-rikorrent intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata bħala mingħajr fondament;
– tiċħad it-talba għal danni tar-rikorrent bħala inammissibbli jew, f’kull każ, bħala mingħajr fondament;
– tiċħad it-talba ta’ ordni ppreżentata mir-rikorrent bħala inammissibbli;
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
27 Ir-Repubblika Taljana ssostni t-talbiet tal-Kunsill.
Id-dritt
1. Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ammissibbiltà
Fuq it-talba għal ordni
28 Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba tar-rikorrent li essenzjalment tikkonsisti li huwa jiġi ordnat li ma jelenkax ismu f’listi futuri sakemm deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata li huwa jsostni t-terroriżmu ma tkunx ittieħdet.
29 Din it-talba għandha tiġi interpretata bħala talba ta’ ordni lill-Kunsill. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 53).
30 Għalhekk it-talba ta’ ordni lill-Kunsill għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq il-locus standi tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni inizjalment ikkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
31 Il-Kunsill iqis li r-rikors huwa inammissibbli f’dak li jikkonċerna t-talba għal annullament tad-Deċiżjoni 2006/1008, peress li r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat minnha, peress li ismu ma jidhirx f’anness. Il-Kunsill jikkunsidra li d-Deċiżjoni 2006/1008 ma tħassarx id-Deċiżjoni 2006/379, iżda kulma tagħmel huwa li żżid ismijiet mal-lista stabbilita minn din l-aħħar deċiżjoni li tibqa’ fis-seħħ. Skont il-Kunsill, l-adattament tat-talbiet ma jistax ikollu effett fuq in-natura inammissibbli tar-rikors inizjali.
32 Ir-rikorrent jafferma li r-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni 2006/108 huwa ammissibbli, peress li din tikkonċernah individwalment minkejja li ma ssemmix espliċitament ismu. Ir-rikorrent jikkunsidra d-Deċiżjoni 2006/1008 bħala estensjoni tal-lista li tinsab fl-anness tad-Deċiżjoni 2006/379.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
33 Il-Kunsill jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni 2006/1008, għar-raġuni li r-rikorrent ma huwiex imsemmi hemmhekk. Għandu wkoll ikun ikkonstatat li d-Deċiżjoni 2006/1008 ma ssemmix espliċitament l-isem tar-rikorrent. Għandu għalhekk ikun eżaminat jekk dan huwiex direttament u individwalment ikkonċernat minn din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, suġġett li ma huwiex id-destinatarju ta’ att ma jistax jallega li huwa kkonċernat individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ħlief jekk l-att jaffettwah minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzah b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, p. 223).
34 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2006/1008 ma tħassarx id-Deċiżjoni 2006/379, iżda żżid ċerti ismijiet u entitajiet mal-lista stabbilita minn din l-aħħar deċiżjoni.
35 L-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni 2006/1008 għandha ssir fid-dawl ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet prinċipali. L-ewwel nett, il-Kunsill għandu l-obbligu li jagħmel reviżjoni tal-lista inkwistjoni tal-inqas darba kull sitt xhur skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. It-tieni nett, jirriżulta mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2006/1008 li din tikkompleta l-lista stabbilita bid-Deċiżjoni 2006/379, mingħajr ma jsir tħassir tagħha. Dan jikkostitwixxi manifestazzjoni tar-rieda tal-Kunsill li jżomm ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni li għandu bħala konsegwenza ż-żamma tal-iffriżar tal-fondi tiegħu. Peress li dan tal-aħħar kien imsemmi fid-Deċiżjoni 2006/379, għandu konsegwentement ikun ikkunsidrat bħala li huwa wkoll direttament u individwalment ikkonċernat bid-Deċiżjoni 2006/1008.
36 Minn dan kollu jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsilll għandha tiġi miċħuda u li r-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli sa fejn jagħmel riferiment għad-Deċiżjoni 2006/1008, skont il-ġurisprudenza Othman (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-318/01, Ġabra p. II-1627, punt 53). Għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal adattament tat-talbiet tas-17 ta’ Ottubru 2008 hija għalhekk ukoll ammissibbli u li dan ir-rikors jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dak li l-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu, kif ukoll li jittieħed att tal-proċess verbal tas-seduta.
Fuq il-mertu
37 L-ilmenti tar-rikorrent għandhom jiġu miġbura f’żewġ motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu u tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni nett, motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter imwettaq mill-Kunsill.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
38 Ir-rikorrent jikkunsidra li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża hija intiża sabiex tiżgura l-eżerċizzju tajjeb tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-Regolament Nru 2580/2001 u l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għaliha jagħmel riferiment dan ir-regolament, ma jipprevedux proċedura għal komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-provi kontra tiegħu li wasslu sabiex ir-rikorrent jissemma fil-lista inkwistjoni. Dan ir-regolament lanqas ma jipprevedi smigħ minn qabel jew sussegwentement tal-parti kkonċernata li jista’ jwassal sabiex ismu jitħassar mil-lista inkwistjoni. Skont ir-rikorrent, għalhekk fl-ebda mument ma kien fil-pożizzjoni li jippreżenta d-difiża tiegħu fir-rigward tar-riferiment ta’ ismu fil-lista inkwistjoni. Ir-rikorrent jikkunsidra li, billi imponiet iffriżar tal-fondi tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata imponietlu sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxu prinċipju fundamentali tad-dritt Komuntiarju li għandu jkun iggarantit f’kull mument.
39 Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1373 (2001) ma tiddetermina ebda proċedura li tippermetti li jkunu kkontestati l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Huma l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jidentifikaw konkretament liema huma l-persuni, gruppi u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom ikunu ffriżati skont din ir-riżoluzzjoni. Peress li evalwazzjoni diskrezzjonali tal-Komunità hija neċessarja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati huwa bħala prinċipju impost fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”, punti 101 et seq).
40 Minbarra dan, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 tikser id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huwa għandu dritt skont is-sistema legali Komunitarja. Ir-raġunijiet konkreti li jiġġustifikaw li ismu jkun elenkat fil-lista inkwistjoni ma kinux ġew ikkomunikati lilu, u għalhekk huwa kien prekluż milli jippreżenta utlilment ir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.
41 Ir-rikorrent jinvoka l-Artikolu 253 KE, li jimponi fuq il-Kunsill li jimmotiva l-atti li huwa jadotta. Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti li jikkawżaw preġudizzju huwa initż sabiex tkun ipprovduta informazzjoni suffiċjenti lill-parti kkonċernata. Din għandha tkun tista’ tagħraf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata sew jew jekk hija possibbilment ivvizzjata minn difett. Dan huwa l-uniku mod għall-parti kkonċernata li tivverifika jekk tistax tkun ikkontestata l-validità quddiem il-qorti Komunitarja u, għal din tal-aħħar, li teżerċita stħarriġ ta’ legalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 145). Minbarra dan, l-att li jikkawża preġudizzju ma kienx ġie nnotifikat lir-rikorrent. Fl-aħħar nett, dan jikkunsidra li r-riferiment magħmul mill-Kunsill fil-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tiegħu fl-Italja ma tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti.
42 Bħala miżura kawtelatorja, ir-rikorrent jafferma li r-riferiment tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.
43 Fi tweġiba tiegħu għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li jirriżulta mid-dritt għal smigħ xieraq, mid-dritt għal qorti jew tribunal imparzjali, mill-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u mid-dritt ta’ proprjetà, kif protetti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), mingħajr żvilupp ieħor. Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrent jinvoka l-att li huwa pprojbit milli jivvjaġġa.
44 Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent insostenn tal-ewwel motiv.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
45 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-qorti Komunitarja. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jaspiraw ruħhom minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. F’dan ir-rigward, il-KEDB għandha sinjifikat partikolari (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi kundizzjoni tal-legalità tal-atti Komunitarji (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1996, 2/94, Ġabra p. I-1759, punt 34) u li ma jistgħux ikunu aċċettati fil-Komunità miżuri inkompatibbli mar-rispett tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, skont ġurisprudenza stabbilita, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi ggarantit, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeħtieġ li kull persuna li fir-rigward tagħha tista’ tiġi imposta sanzjoni tingħata l-possibbiltà li utilment tesprimi l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-provi prodotti kontriha sabiex tiġi fondata s-sanzjoni (ara s-sentenza OMPI, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 F’dan il-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, il-prinċipju ġenerali ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, tal-inqas li kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux, li l-provi kontriha jiġu kkomunikati lill-parti kkonċernata, b’kull mezz possibbli, simultanjament, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi. Taħt l-istess kundizzjonijiet, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta b’komunikazzjoni tal-provi ġodda prodotti u minn smigħ. (sentenza OMPI, punt 137).
49 F’dan il-każ, espożizzjoni tal-motivi ntbagħtet mill-Kunsill lir-rikorrent fit-3 ta’ Jannar 2008 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU L 340, p. 100) li t-test tiegħu kien identiku għal dak tad-deċiżjonijiet preċedenti li jsemmu ismu. Ir-rikorrent ifformula osservazzjonijiet f’ittra tal-14 ta’ Marzu 2008. Il-Kunsill eżamina l-kontenut tagħha qabel ma ddeċieda li jkompli jelenka isem ir-rikorrent, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fil-lista inkwistjoni. Fl-ittra mibgħuta lir-rikorrent fil-15 ta’ Lulju 2008, li kienet tinkludi kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll espożizzjoni tal-motivi identika għal dik tad-deċiżjonijiet preċedenti li jsemmu ismu, il-Kunsill indika li, wara li eżamina l-ittra tar-rikorrent tal-14 ta’ Marzu 2008, huwa kkunsidra li ma kienx hemm, fil-fajl, provi ġodda li setgħu jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tiegħu u li l-motivazzjoni kkomunikata preċedentement mir-rikorrent baqgħet valida. Minn dan jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna d-dritt għal smigħ, il-Kunsill ta lir-rikorrent l-okkażjoni sabiex jifformula osservazzjonijiet li jikkonċernaw l-espożizzjoni tal-motivi.
50 Minn dan kollu jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, u b’mod partikolari d-dritt għal smigħ tiegħu, għandu jiġi miċħud.
51 F’dak li jikkonċerna l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni invokat mir-rikorrent, dan l-obbligu jikkostiwixxi l-korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-obbligu li jkun motivat att li jikkawża preġudizzju għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat minn difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità quddiem il-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li din tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Corus UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 462).
52 Is-suġġett tal-garanzija relatata mal-obbligu ta’ motivazzjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, kif ukoll il-limitazzjonijiet ta’ din il-garanzija li jistgħu jkunu leġittimament imposti fuq il-partijiet ikkonċernati, f’tali kuntest, ġew iddefiniti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza OMPI tagħha (punti 138 sa 151).
53 Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 143 sa 146 u 151 tas-sentenza OMPI li kemm il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi kif ukoll il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet sussegwenti għandhom jirrigwardaw mhux biss il-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2580/2001, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ deċiżjoni nazzjonali meħuda minn awtorità kompetenti, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi.
54 Barra minn hekk, jirriżulta kemm mill-punt 145 tas-sentenza OMPI kif ukoll mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalihom jagħmel riferiment ukoll l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li, jekk id-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar tal-fondi għandhom ikunu ppreċeduti minn “reviżjoni” tas-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata, dan huwa sabiex ikun żgurat li ż-żamma tiegħu fil-lista inkwistjoni “tibqa’ ġġustifikata”, jekk ikun il-każ fuq il-bażi ta’ infomazzjoni ġdida jew provi ġodda.
55 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali madankollu ppreċiżat li, meta r-raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk diġà invokati fl-okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti, tkun biżżejjed sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens, b’mod partikolari meta l-parti kkonċernata tkun grupp jew entità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T-341/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 F’dan il-każ, jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi flimkien mal-ittra ta’ notifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-elenkar tal-isem tar-rikorrent fil-lista inkwisjtoni huwa fondat fuq il-fatt li l-imħallef inkwirenti ta’ Napoli ħareġ mandat ta’ arrest provviżorju fir-rigward tiegħu fid-9 ta’ Ottubru 2000. Ir-rikorrent huwa akkużat li pparteċipa f’komplott sabiex tinħoloq, fl-Italja, ċellula tal-grupp “Al-Takfir u Al-Hijra” (Al Tafkir Wal Hijra) li ila topera fl-Alġerija sa mill-1992 u li ssostni attivitajiet terroristiċi, kif ukoll it-traffiku ta’ armi u ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti favur gruppi terroristiċi fl-Alġerija. Din l-investigazzjoni ġudizzjarja Taljana kienet fis-seħħ, li jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista inkwistjoni annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.
57 Minbarra dan, għandha titfakkar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill, fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax ikun obbligat li jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jew li jipproduċi provi sabiex juri li l-parti kkonċernata tista’ tuża l-fondi tagħha sabiex twettaq jew tiffaċilita atti terroristiċi fil-futur (sentenzi OMPI, punt 159 u Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 65 u 66).
58 Fid-dawl ta’ dawn l-elementi fattwali, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jkun miċħud.
59 Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li ma bbenefikax minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit bl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, u dan il-prinċipju kien barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).
60 Minbarra dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 462 u 463), għandu jiġi konkluż f’dan il-każ li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jitratta b’mod partikolari fuq il-legalità tal-motivi li fuqhom hija fondata, f’dan il-każ, l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista inkwistjoni annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li twassal għall-impożizzjoni fuq il-parti kkonċernata ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità Komunitarja inkwistjoni għandha l-obbligu li tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, kemm fil-mument meta din l-inklużjoni hija deċiża, jew, minn tal-inqas, ukoll malajr kemm jista’ jkun wara li kienet hekk deċiża, sabiex dan jippermetti lil dawn id-destinatarji l-eżerċizzju, fit-termini previsti, tad-dritt għal rikors tagħhom. F’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi adottati mill-Kunsill fil-kuntest tar-reviżjoni regolari, tal-inqas darba kull sitt xhur, tal-ġustifikazzjoni taż-żamma tal-partijiet ikkonċernati fil-lista inkwistjoni, prevista mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi ggarantit effett ta’ sorpriża sabiex l-effettività tas-sanzjonijiet tiġi żgurata. Għaldaqstant kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha tiġi ppreċeduta minn possibbiltà ġdida ta’ smigħ u, skont il-każ, minn komunikazzjoni tal-provi kontra ġodda prodotti (sentenza OMPI, punt 131; ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 338, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 212 u 213).
61 Mill-punti 55 u 56 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent ġie kkomunikat id-deċiżjoni kkontestata u espożizzjoni tal-motivi permezz ta’ ittra tal-istess jum bħal dak tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Meta ħa dawn il-passi, il-Kunsill ippermetta lir-rikorrent li jiddefendi d-drittijiet tiegħu u li jiddeċiedi b’mod informat jekk kienx utli li jippreżenta rikors quddiem il-qorti Komunitarja kif ukoll din tal-aħħar tqiegħdet għalkollox fil-pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.
62 Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jkun miċħud.
63 Fir-rigward tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB u fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, għandu jkun ikkonstatat li dan jikkostitwixxi dritt fundamentali li jagħti lill-individwi drittijiet li l-qorti Komuntarja tiggarantixxi l-osservanza (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni, T-193/04, Ġabra p. II-3995, punt 121, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T-474/04, Ġabra p. II-4225, punt 75).
64 L-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza teħtieġ li kull persuna akkużata bi ksur tkun preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tkun legalment stabbilita. Mandankollu, dan il-prinċipju ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, li ma jikkostitwixxux sanzjonijet u li bl-ebda mod ma jippreġudikaw l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna inkwistjoni. Tali miżuri kawtelatorji għandhom b’mod partikolari ikunu previsti mil-liġi, ikunu adottati minn awtorità kompetenti u jkollhom natura limitata ratione temporis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Settembru 2009, El Morabit vs Il-Kunsill, T-37/07 u T-323/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
65 L-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi li l-Komunità tordna l-iffriżar tal-fondi tal-persuni, gruppi u entitajiet elenkati fil-lista prevista mill-Artikolu 1(4) tagħha. Għal dan il-għan, l-iffriżar ta’ fondi li għalih ir-rikorrent huwa suġġett huwa previst mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.
66 Skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill għandu l-obbligu li jwettaq reviżjoni tal-lista f’intervalli regolari, tal-inqas darba kull sitt xhur, sabiex jiżgura li ż-żamma fil-lista tal-isem tal-persuni u tal-entitajiet imsemmija tibqa’ ġġustifikata. Għal dan il-għan, l-iffriżar tal-fondi li għalih ir-rikorrent huwa suġġett kien ġie adottat minn awtorità kompetenti u huwa limitat raione temporis.
67 Minbarra dan, hemm lok li jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni adottati mill-Kunsill bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu ma jwasslux għal konfiska tal-assi tal-partijiet ikkonċernati inkwantu prodotti tal-kriminalità, iżda ffriżar kawtelatorju. Għalhekk dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni u barra minn hekk ma jimplikaw ebda akkuża ta’ din in-natura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101).
68 Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Kunsill, li tirriżulta b’mod partikolari minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, ma tikkostitwixxix konstatazzjoni li ksur effettivament twettaq, iżda hija adottata fil-kuntest u għall-finijiet ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva li għandha funzjoni kawtelatorja u bħala għan uniku li tippermetti lill-Kunsill li jsegwi b’mod effettiv il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
69 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri bil-għan tal-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu, dan il-prinċipju jfisser, għall-Kunsill, l-obbligu li sa fejn possibbli jirreferi għall-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, speċjalment jekk din hija awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eżistenza tax-“xhieda serja u kredibbli” li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tagħha (sentenza OMPI, punt 124).
70 Mill-fatti ta’ dan il-każ jirriżulta li l-Kunsill aġixxa skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001. Billi bbaża fuq deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti ta’ Stat Membru u billi informa lir-rikorrent, b’ittra tal-15 ta’ Lulju 2008, bil-motivi tal-inklużjoni tiegħu fil-lista inkwistjoni, il-Kunsill osserva l-obbligi tiegħu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.
71 Minn dan kollu jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza għandu jiġi miċħud.
72 Fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal qorti jew tribunal imparzjali u r-rispett għad-dritt għal smigħ, ir-rikorrent ma pproduċiex elementi biżżejjed sabiex isostni l-argument tiegħu. Dawn l-ilmenti għandhom ikunu miċħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’kull każ, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-proċeduri kriminali nazzjonali. Fil-fatt, tali stħarriġ jaqa’ biss fuq l-awtoritajiet Taljani jew, fuq rikors tal-parti kkonċernata, fuq il-qorti nazzjonali kompetenti. Bl-istess mod, bħala regola ġenerali, il-Kunsill ma huwiex kompetenti li jiddeċiedi dwar ir-regolarità tal-proċedura miftuħa kontra l-parti kkonċernata u li wasslet għall-imsemmija deċiżjoni, prevista mid-dritt tal-Istat Membru rilevanti, jew fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-parti kkonċernata min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, din is-setgħa hija esklużivament f'idejn il-qrati nazzjonali kompetenti jew, fejn xieraq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara s-sentenza OMPI, punt 121, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il-Parlamenet, T-353/00, Ġabra p. II-1729, punt 91, ikkonfermata b’appell mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I-6051).
73 F’dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet magħmula lid-dritt ta’ proprjetà u lid-dritt ta’ eżerċizzju ta’ attività ekonomika invokati mir-rikorrent, għandu jkun osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet funamentali ma humiex prerogattivi assoluti u li l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet ġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Komunità. Għalhekk, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja tinkludi, mid-definizzjoni tagħha, effetti li jaffettwaw id-dritt ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu tal-attivitajiet professjonali, li jikkawżaw għalhekk dannu, b’mod partikolari lill-entitajiet li jeżerċitaw l-attivitajiet li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi li jipprekludu. L-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inwkstjoni hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p. I-3953, punti 21 sa 23, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 355 u 361.
74 F’dan il-każ, il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika kif ukoll id-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent huma ristretti b’mod kunsiderevoli, mill-fatt tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma jistax jiddisponi mill-fondi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Komunità, ħlief skont awtorizzazzjonijiet partikolari. Madankollu, minħabba l-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, l-inkonvenjenzi kkawżati ma humiex inadegwati jew disproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet intiżi, u dan ukoll minħabba li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprovdi ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu lill-persuni milquta b’miżuri ta’ ffriżar tal-fondi li jħallsu l-ispejjeż essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Morabit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
75 Minn dan kollu jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter
– L-argumenti tal-partijiet
76 Skont ir-rikorrent, ir-riferiment magħmul mill-Kunsill għall-proċedura ġudizzjarja Taljana, sospiża, sa mill-2001, ma jikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti taż-żamma ta’ ismu fil-lista inkwistjoni. Huwa jikkunsidra li din il-proċedura hija magħluqa u li huwa innoċenti.
77 Għalhekk ir-rikorrent jinvoka żball ta’ evalwazzjoni, rigward l-implikazzjoni tiegħu f’attivitajiet terroristiċi, u ta’ abbuż ta’ poter imwettaq mill-Kunsill.
78 Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent insostenn tat-tieni motiv.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
79 Fir-rigward tal-allegat żball ta’ evalwazzjoni invokat mir-rikorrent, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 115 u 116 tas-sentenza OMPI, l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huma stabbiliti mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.
80 F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija prevista mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, li skont it-termini tiegħu l-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, ta' gruppi u ta’ entitajiet li għalihom japplika dan ir-regolament, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) sa (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Għaldaqstant il-lista inkwistjoni għandha tiġi stabbilita, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi mill-fajl li juru li deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward ta’ nies, gruppi u entitajiet kkonċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax il-bidu tal-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, jew l-attentat li twettaq, jew il-parteċipazzjoni, jew il-faċilitazzjoni ta’ dan it-tip ta’ att, ibbażati fuq xhieda jew indikazzjonijiet serji u kredibbli jew kundanna għal dawn l-atti. B’“awtorità kompetenti” wieħed għandu jfisser awtorità ġudizzjarja jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhom ebda kompetenza fil-qasam, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, għandha ssir reviżjoni tal-ismijiet tal-persuni jew entitajiet elenkati fil-lista tal-inqas darba kull sitt xhur sabiex jiġi żgurat li ż-żamma tagħhom fil-lista tibqa’ ġġustifikata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (sentenza OMPI, punt 116).
81 Fil-punt 117 tas-sentenza OMPI u fil-punt 131 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (T-256/07, Ġabra p. II-3019, iktar ’il quddiem is-“sentenza PMOI”), il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-proċedura li tista’ twassal għal miżura ta’ ffriżar ta’ fondi skont il-leġiżlazzjoni rilevanti sseħħ f’żewġ livelli, wieħed nazzjonali, u l-ieħor Komunitarju. Fl-ewwel livell, awtorità nazzjonali kompetenti, bħala prinċipju awtorità ġudizzjarja, għandha tieħu fir-rigward tal-parti kkonċernata deċiżjoni li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Irrispettivament minn jekk din id-deċiżjoni tirrigwardax il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet, hija għandha tkun ibbażata fuq provi jew indizji serji u kredibbli. Fit-tieni livell, il-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, għandu jiddeċiedi li jinkludi l-parti kkonċernata fil-lista inkwistjoni, fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi fil-fajl li juru li tkun ittieħdet tali deċiżjoni. Imbagħad il-Kunsill għandu jiżgura f’intervalli regolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, li ż-żamma tal-parti kkonċernata fil-lista inkwistjoni tibqa’ ġġustifikata. F’dan ir-rigward, jidher li l-verifika tal-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li taqa’ taħt din id-definizzjoni hija kundizzjoni preliminari essenzjali għall-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, filwaqt li l-verifika tal-azzjonijiet fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni fil-livell nazzjonali kienet tidher indispensabbli fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi.
82 Għalhekk, hekk kif ġie deċiż fil-punt 134 tas-sentenza PMOI, jekk l-oneru tal-prova li l-iffriżar ta’ fondi ta’ persuna, ta’ grupp jew ta’ entità huwa jew għadu legalment iġġustifikat, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti, jaqa’ fuq il-Kunsill, is-suġġett ta’ din il-prova huwa relattivament limitat, fuq livell tal-proċedura Komunitarja ta’ ffriżar ta’ fondi. Fil-każ ta’ deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, wara reviżjoni, l-oneru tal-prova jkopri essenzjalment il-kwistjoni jekk l-iffriżar ta’ fondi jibqax iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ u, b’mod partikolari, tal-azzjonijiet sussegwenti għal din id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.
83 Fir-rigward tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, din irrikonoxxiet, fil-punt 159 tas-sentenza OMPI, li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fil-dawl tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, skont il-pożizzjoni komuni adottata abbażi tal-politika barranija u dwar sigurtà komuni. Din is-setgħa diskrezzjonali tikkonċerna, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali deċiżjonijiet huma bbażati. Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-adegwatezza tal-miżuri ma’ dik tal-Kunsill (sentenza PMOI, punt 138; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. 9947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).
84 Minn dan jirriżulta li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti ta’ Napoli ssodisfatx il-kundizzjonijiet magħmula fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Kommuni 2001/931. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-inklużjoni fil-lista inkwistjoni għandha sseħħ mill-Kunsill “fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, jew attentat, jew parteċipazzjoni jew faċilitazzjoni ta’ dan it-tip ta’ att, ibbażati fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti [...g]ħall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorità kompetenti’ għandha tfisser awtorità ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li ma għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dak il-qasam”.
85 F’dan il-każ, awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, jiġifieri l-imħallef inkwirenti ta’ Napoli, ħarġet mandat ta’ arrest provviżorju kontra r-rikorrent, akkużat li pparteċipa f’attivitajiet terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.
86 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, dispożizzjonijiet li jistabbilixxu forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn il-Kunsill u l-Istati Membri, bil-għan tal-ġlieda komuni kontra t-terroriżmu, dan il-prinċipju jfisser, għall-Kunsill, l-obbligu li sa fejn possibbli jagħmel riferiment għall-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, speċjalment jekk din hija awtorità ġudizzjarja, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eżistenza “tax-xhieda serja u kredibbli” li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tagħha (sentenza OMPI, punt 124).
87 Jirriżulta mill-fatti tal-każ li l-Kunsill aġixxa skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001. Billi bbaża fuq deċiżjoni adottata minn qorti nazzjonali u peress li informa lir-rikorrent, b’ittra tal-15 ta’ Lulju 2008, dwar il-motivi tal-inklużjoni tiegħu fil-lista inkwistjoni, il-Kunsill osserva l-obbligi tiegħu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni għalhekk għandu jiġi miċħud.
88 Fir-rigward tal-abbuż ta’ poter, ir-rikorrent ma ressaq ebda element preċiż li jsostni din l-allegazzjoni u li juri li l-istituzzjoni, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienet issegwi għan differenti minn dak li permezz tiegħu s-setgħat tagħha kienu ngħatawla (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 1982, Buyl et vs Il-Kummissjoni, 817/79, Ġabra p. 245, punt 28). F’kull każ, jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li l-Kunsill aġixxa fil-kuntest tal-kompetenzi u tas-setgħat li ngħatawlu mit-Trattat u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod li l-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter għandu jiġi miċħud.
89 Fir-rigward ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
2. Fuq it-talba għal danni
L-argumenti tal-partijiet
90 F’dak li jikkonċerna t-talba għal danni, ir-rikorrent jikkunsidra li subixxa danni privati u professjonali kunsiderevoli mill-fatt ta’ ismu mniżżel fil-lista inkwistjoni. Il-mara tiegħu u huwa stess kienu vittmi ta’ “stigmatizzazzjoni” li kienet ġabet dannu għall-ħajja privata u soċjali tiegħu. Ma huwiex iktar possibbli għalih li jikseb viża u li jaħdem fil-Ġermanja. Peress li ebda ilment konkret ma sar fuqu, huwa ma jistax jiddefendi ruħu. Ir-rikorrent jitlob għalhekk il-kumpens għad-dannu morali subit, li jħalli f’idejn l-evalwazzjoni u l-għerf tal-Qorti Ġenerali. Huwa jikkunsidra li EUR 2 000 jikkostitwixxu somma minima.
91 Il-Kunsill jikkunsidra t-talba għal danni bħala inammissibbli mill-fatt ta’ nuqqas ta’ argument. Sussidjarjament, il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jikkontesta l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent insostenn tat-talba għal danni tiegħu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
92 Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, l-ewwel nett, il-fondatezza tat-talba għal danni. Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali min-naħa tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, iridu jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-69/00, Ġabra p. II-5393, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).
93 Fil-każ fejn it-tliet kundizzjonijiet ta’ impenn tar-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ wieħed fosthom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għad-danni jiġi miċħud, mingħajr ma jkun għaldaqstant neċessarju li jkunu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2006, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, T-226/01, Ġabra p. II-2763, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 F’dan il-każ, l-argumenti kollha li r-rikorrent sostna sabiex juri l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata ġew eżaminati u miċħuda. Ir-responsabbiltà tal-Unjoni għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq il-bażi ta’ allegata illegalità ta’ din id-deċiżjoni.
95 Għalhekk, mingħajr ma huwa neċessarju li tkun eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, għandha tkun miċħuda, f’kull każ, it-talba għal danni tar-rikorrent bħala infondata.
96 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
97 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-Kunsill.
98 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
Taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Sofiane Fahas għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
3) Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Pelikánová |
Jürimäe |
Soldevila Fragoso |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Diċembru 2010.
Firem
* Language of the case: German.